Language of document : ECLI:EU:C:2017:214

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

15 ta’ Marzu 2017 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Netwerks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi – Direttiva 2002/22/KE – Artikolu 25(2) – Servizzi ta’ tagħrif dwar it-telefon u ta’ direttorji – Direttiva 2002/58/KE – Artikolu 12 – Direttorji tal-abbonati – Tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ data personali li tikkonċerna l-abbonati għall-finijiet tal-provvista ta’ servizzi ta’ tagħrif dwar it-telefon aċċessibbli għall-pubbliku u servizzi ta’ direttorju – Kunsens tal-abbonat – Distinzjoni skont l-Istat Membru li fih is-servizzi ta’ tagħrif dwar it-telefon aċċessibbli għall-pubbliku u ta’ direttorju jiġu pprovduti – Prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni”

Fil-Kawża C‑536/15,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-College van Beroep voor het bedrijfsleven (qorti tal-appell għal kwistjonijiet amministrattivi fil-qasam ekonomiku, il-Pajjiżi l-Baxxi), permezz ta’ deċiżjoni tat-3 ta’ Lulju 2015, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-13 ta’ Ottubru 2015, fil-proċedura

Tele2 (Netherlands) BV,

Ziggo BV,

Vodafone Libertel BV

vs

Autoriteit Consument en Markt (ACM)

fil-preżenza ta’:

European Directory Assistance NV,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

komposta minn M. Ilešič, President tal-Awla, A. Prechal, A. Rosas, C. Toader u E. Jarašiūnas (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: Y. Bot,

Reġistratur: R. Schiano, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-5 ta’ Ottubru 2016,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Tele2 (Netherlands) BV, minn Q. R. Kroes u M. P. F. Reker, advocaten,

–        għal Ziggo BV, minn W. Knibbeler u N. Lorjé, advocaten,

–        għal Vodafone Libertel BV, minn H. P. Wiersema, advocaat,

–        għall-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi, minn M. de Ree u M. Bulterman kif ukoll minn J. Langer, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn H. Kranenborg u G. Braun kif ukoll minn L. Nicolae, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad‑9 ta’ Novembru 2016,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 25(2) tad-Direttiva 2002/22/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas‑7 ta’ Marzu 2002, dwar servizz universali u d-drittijiet tal-utenti li jirrelataw ma’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi (Direttiva Servizz Universali) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 367), kif emendata bid-Direttiva 2009/136/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal‑25 ta’ Novembru 2009 (ĠU 2009, L 337, p. 11, iktar ’il quddiem, id-“Direttiva ‘Servizz Universali’”).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Tele2 (Netherlands) BV, Ziggo BV u Vodafone Libertel BV, kumpanniji stabbiliti fil-Pajjiżi l-Baxxi, u l-Autoriteit Consument en Markt (ACM) (awtorità tal-konsumaturi u tas-swieq) dwar deċiżjoni meħuda minn din l-awtorità fil-kuntest ta’ tilwima bejn dawn l-impriżi u European Directory Assistance NV (iktar ’il quddiem “EDA”), li hija impriża stabbilita fi Stat Membru ieħor, dwar it-tqegħid għad-dispożizzjoni, minn din tal-aħħar, ta’ data relatata mal-abbonati tagħhom, għall-finijiet tal-provvista ta’ servizzi ta’ tagħrif dwar it-telefon aċċessibbli għall-pubbliku u ta’ direttorju offruti f’dan l-aħħar Stat Membru u/jew fi Stati Membri oħra.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

 Id-Direttiva “Servizz Universali”

3        Il-premessi 11 u 35 tad-Direttiva “Servizz Universali” jipprovdu:

“11)      […] Id-Direttiva 97/66/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Diċembru 1997 dwar l-ipproċessar ta’ data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tat-telekomunikazzjonijiet [ĠU 1998, L 24, p. 1] tassigura d-dritt ta’ l-abbonati għall-privatezza fir-rigward ta’ l-inklużjoni ta’ l-informazzjoni personali tagħhom f’direttorju pubbliku.

[…]

(35)      Il-forniment ta’ servizzi ta’ konsultazzjoni tad-direttorju [tagħrif dwar it‑telefon] u d-direttorji huwa diġà miftuħ għall-kompetizzjoni. Id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva jikkumplimentaw id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 97/66/KE billi jagħtu d-dritt lill-abbonati li jkollhom id-dettalji personali nklużi f’direttorju stampat jew elettroniku. Il-fornituri kollha tas-servizz li jassenjaw numri tat-telefon lill-abbonati tagħhom huma obbligati li jagħmlu l-informazzjoni relevanti disponibbli, b’mod ġust, orjentat mal-ispiża u mhux diskriminatorju.”

4        L-Artikolu 1 ta’ din id-Direttiva, intitolat “Suġġett u ambitu”, fil-paragrafu 1 tiegħu jipprovdi:

“Fl-ambitu tal-qafas tad-Direttiva 2002/21/KE [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Marzu 2002, dwar kwadru regolatorju komuni għan-networks ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi (Direttiva Kwadru) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 349)], din id-Direttiva tikkonċerna l-fornimet ta’ networks u servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika lil utenti finali. L-għan huwa li tiġi żgurata d-disponibilità mal-[Unjoni Ewropea] kollha ta’ servizzi pubblikament disponibbli ta’ kwalità tajba permezz ta’ kompetizzjoni effettiva u għażla u biex tittratta ċ-ċirkostanzi li fihom il-ħtiġijiet tal-utenti finali ma jkunux sodisfatti b’mod sodisfaċjenti mis-suq. […]”

5        Il-Kapitolu II tad-Direttiva “Servizz Universali” jirrigwarda l-obbligi ta’ servizz universali. F’dan il-kapitolu, l-Artikolu 5, bit-titolu “Servizzi ta’ konsultazzjoni tad-direttorju [Servizzi ta’ tagħrif dwar it-telefon] u direttorji”, jaqra kif ġej:

“1.      L-Istati Membri għandhom jassiguraw illi:

(a)      ta’ l-anqas direttorju wieħed komprensiv ikunu disponibbli għall-utenti finali f’forma approvata mill-awtorità relevanti, sew jekk stampat jew elettroniku, jew it-tnejn, u jiġi aġġornat fuq bażi regolari, ta’ lanqas darba fis-sena;

(b)      ta’ l-anqas direttorju komprensiv tat-telefon tas-servizzi ta’ konsultazzjoni [servizz komprensiv ta’ tagħrif dwar it-telefon] jkun disponibbli għall-utenti finali kollha, inklużi l-utenti ta’ telefons pubbliċi bi ħlas.

2.      Fid-direttorji li jissemmew fil-paragrafu 1 għandhom jidhru, suġġett għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 12 tad-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Lulju 2002, dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika) [(ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 514)], l-abbonati kollha tas-servizzi telefoniċi pubblikament disponibbli.

[…]”

6        Il-Kapitolu IV tad-Direttiva “Servizz Universali” jirrigwarda l-interessi u d-drittijiet tal-utenti finali. F’dan il-kapitolu, l-Artikolu 25, bit-titolu “Servizzi ta’ konsultazzjoni tad-direttorju tat-telefon [Servizzi ta’ tagħrif dwar it-telefon]”, jipprevedi:

“1.      L-Istati Membri għandhom jassiguraw li l-abbonati ta’ servizzi pubblikament disponibbli tat-telefon ikollhom id-dritt li jkunu mniżżla fid-direttorju pubblikament disponibbli msemmi fl-Artikolu 5(1)(a) u li jkollhom l-informazzjoni tagħhom titqiegħed għad-dispożizzjoni ta’ fornituri ta’ servizzi u/jew direttorji ta’ konsultazzjoni tad-direttorju f’konformità mal-paragrafu 2.

2.      L-Istati Membri għandhom jassigiraw li l-impriżi kollha li jassenjaw numri tat-telefon lill-abbonati jissodisfaw it-talbiet raġonevoli kollha li jagħmlu disponibbli għall-iskopijiet tal-forniment ta’ konsultazzjoni tad-direttorji [servizzi dwar it-telefon] pubblikament disponibbli u direttorji, l-informazzjoni kollha relevanti f’format miftiehem fuq termini li jkunu ġusti, oġġettivi, orjentati ma’ l-ispejjeż u mhux diskriminatorji.

[…]

5.      Il-paragrafi 1 sa 4 għandhom japplikaw suġġett għar-rekwiżiti tal-leġislazzjoni [tal-Unjoni] dwar il-ħarsien tad-data personali u l-privatezza u, b’mod partikolari, l-Artikolu 12 tad-Direttiva [2002/58].”

 Id-Direttiva dwar “il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika”

7        Skont il-premessa 39 tad-Direttiva 2002/58, kif emendata bid-Direttiva 2009/136 (iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar ‘il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika’”):

“(39) L-obbligu li abbonat jiġi infurmat dwar l-iskop(ijiet) ta’ direttorji pubbliċi li fihom għandhom jiġu inklużi d-data personali tagħhom għandu jiġi impost fuq il-persuna li qed tiġbor id-data għal din l-inklużjoni. Fejn id-data jistgħu jiġu trasmessi lil terza persuna jew aktar, l-abbonat għandu jiġi infurmat dwar din il-possibbilità u dwar ir-riċevent jew il-kategoriji ta’ riċeventi possibbli. Kull trasmissjoni għandha tkun soġġetta għall-kondizzjoni li d-data ma tistax tintuża għal skopijiet oħrajn minbarra dawk li għalihom ġiet miġbura. Jekk il-persuna li tiġbor id-data mill-abbonat jew kwalunkwe terza persuna li lilha ġew trasmessi d-data, jixtieq juża d-data għal skop addizzjonali, għandu jinkiseb il-kunsens imġedded ta’ l-abbonat jew mill-parti inizjali li tiġbor id-data jew mit-terza persuna li lilha tkun ġiet trasmessa id-data”

8        L-Artikolu 1 tad-Direttiva dwar “il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika”, bit-titolu “Kamp ta’ applikazzjoni u mira”, fil-paragrafu 1 tiegħu jipprovdi:

“Din id-Direttiva tipprevedi l-armonizzazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Istati Membri meħtieġa biex jiġi żgurat livell ekwivalenti ta’ protezzjoni ta’ drittijiet u libertajiet fundamentali, partikolarment id-dritt għall-privatezza u l-kunfidenzjalità, fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika u sabiex jiġi żgurat il-moviment liberu ta’ tali data u tat-tagħmir u s-servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika [fl-Unjoni].”

9        L-Artikolu 12 tal-imsemmija direttiva, bit-titolu “Direttorji ta’ l-abbonati”, jipprevedi:

“1.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-abbonati huma infurmati, mingħajr ħlas u qabel ma jiġu inklużi f’direttorji, dwar l-iskop(ijiet) ta’ direttorju stampat jew elettroniku ta’ l-abbonati disponibbli għall-pubbliku jew li jista’ jiġi akkwistat minn servizz ta’ talbiet tad-direttorju, li fihom id-data personali tagħhom jistgħu jiġu inklużi u dwar possibilitajiet ta’ użu ulterjuri bbażati fuq funzjonijiet ta’ tfittxija inkorporati fil-verżjonijiet elettroniċi tad-direttorju.

2.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-abbonati jingħataw l-opportunità li jiddeterminaw jekk id-data personali tagħhom humiex inklużi f’direttorju pubbliku, u jekk iva, sa fejn tali data huma rilevanti għall-iskopijiet tad-direttorju kif determinat mill-provditur tad-direttorju, u li jivverifikaw, jikkoreġu jew jirtiraw din id-data. Għandu jkun mingħajr ħlas li wieħed ma jkunx inkluż f’direttorju ta’ l-abbonati, kif ukoll, li tkun ivverifikata, ikkoreġuta jew irtirata d-data personali minnu.

3.      L-Istati Membri jistgħu jeħtieġu li għal kull skop ta’ direttorju pubbliku minbarra t-tfittxija ta’ dettalji tal-kuntatt ta’ persuni fuq il-bażi ta’ isimhom u, fejn meħtieġ, minimu ta’ identifikaturi oħrajn, jista’ jintalab kunsens ulterjuri ta’ l-abbonati.

[…]”

 Id-dritt tal-Pajjiżi l-Baxxi

10      Skont l-Artikolu 1.1(e) tal-Besluit universele dienstverlening en eindgebruikersbelangen (digriet dwar is-servizz universali u l-interessi tal-utenti finali), tas-7 ta’ Mejju 2004 (Stb. 2004, nru 203, iktar ’il quddiem il-“Bude”):

“[S]ervizz standard ta’ tagħrif dwar it-telefon huwa servizz ta’ tagħrif dwar it-telefon aċċessibbli għall-pubbliku li ma jippermettix li jsir tiftix ta’ numri tat-telefon ħlief jekk data dwar l-isem titqabbel ma’ data dwar l-indirizz, in-numru tad-dar, il-kodiċi postali jew il-post ta’ residenza tal-abbonat.”

11      L-Artikolu 3.1 tal-BGB huwa fformulat kif ġej:

“Fornitur li jassenja numri tat-telefon għandu jissodisfa t-talbiet raġonevoli kollha li jagħmel disponibbli, għall-iskopijiet tal-provvista ta’ direttorji tat-telefon disponibbli għall-pubbliku u ta’ servizzi ta’ tagħrif fuq l-abbonati disponibbli għall-pubbliku, informazzjoni rilevanti, f’format miftiehem u skont termini li jkunu ġusti, oġġettivi, orjentati mal-ispejjeż u mhux diskriminatorji.”

12      Skont l-Artikolu 3.2 tal-Bude:

“1.      Fornitur tas-servizz telefoniku disponibbli għall-pubbliku li, qabel jew fil-mument ta’ konklużjoni ta’ kuntratt ma’ utent, jitolbu ismu u l-indirizz tiegħu (triq u numru, kodiċi postali u lokalità), għandu jitolbu wkoll jekk jagħtix il-kunsens tiegħu sabiex din it-tip ta’ data personali u n‑numri tat-telefon li jkun assenja jidhru f’kull direttorju tat-telefon standard u f’kull bażi ta’ abbonati użat għall-finijiet ta’ servizz standard ta’ tagħrif fuq l-abbonati. Il-kunsens imsemmi fil-frażi preċedenti jintalab separatament għal kull tip ta’ data personali.

2.      Il-kunsens mogħti jikkostitwixxi informazzjoni rilevanti fis‑sens tal-Artikolu 3.1.

3.      Fornitur tas-servizz telefoniku disponibbli għall-pubbliku li jitlob ukoll kunsens għall-inklużjoni f’direttorju tat-telefon ieħor minbarra d-direttorju tat-telefon standard jew f’bażi ta’ abbonati mhux esklużivament użat għall-finijiet tas-servizz standard ta’ tagħrif dwar l‑abbonati għandu jiżgura li l-mod li bih il-kunsens imsemmi fil‑paragrafu 1 huwa mitlub u fil-forma li fih jintalab ikunu tal-inqas ekwivalenti għall-mod li bih il-kunsens inizjali msemmi f’dan il‑paragrafu huwa mitlub u fil-forma li fih jintalab.”

13      L-Artikolu 11.6 tat-Telecommunicatiewet (liġi dwar it-telekomunikazzjonijiet), tad-19 ta’ Ottubru 1998 (Stb. 1998, nru 610), jipprevedi:

“1.      Kull persuna li tippubblika direttorju aċċessibbli għall-pubbliku jew li tipprovdi servizz ta’ tagħrif dwar l-abbonati aċċessibbli għall-pubbliku għandha tinforma lill-abbonat, mingħajr ħlas u qabel ma data personali li tikkonċernah tiġi inkluża fid-direttorju jew fil-bażi tal-abbonati għall-finijiet tas-servizz ta’ tagħrif dwar l-abbonati:

a)      bl-għanijiet li għalihom qegħdin jiġu stabbiliti d-direttorju u s-servizz ta’ tagħrif dwar l-abbonati kkonċernati u, jekk dan ikun jirrigwarda verżjoni elettronika tad-direttorju, bil-possibbiltajiet ta’ użu bbażati fuq funzjonijiet ta’ tiftix li huma integrati fih, u

b)      bit-tipi ta’ data personali li tista’ tidher fid-direttorju u s-servizz ta’ tagħrif dwar l-abbonati kkonċernati, b’teħid kont tal-għanijiet li għalihom dawn qegħdin jiġu stabbiliti.

2.      Direttorju aċċessibbli għall-pubbliku u l-bażi tal-abbonati użata għall-finijiet ta’ servizz ta’ tagħrif dwar l-abbonati ma għandhomx jinkludu d-data personali ta’ abbonat sakemm dan ma jkunx ta l-kunsens tiegħu u dawn għandhom ikunu limitati għad-data pprovduta f’dan ir-rigward mill-abbonat. In-nuqqas ta’ inklużjoni f’direttorju jew f’bażi tal-abbonati użata għall-finijiet ta’ servizz ta’ tagħrif dwar l-abbonati għandha tkun mingħajr ħlas.

3.      Sa fejn l-ipproċessar tad-data personali li tkun tidher f’direttorju aċċessibbli għall-pubbliku u fil-bażi tal-abbonati użata għall-finijiet ta’ servizz ta’ tagħrif dwar l-abbonati jkun intiż għal għanijiet li ma humiex il-possibbiltà ta’ tfittxija ta’ numri abbażi ta’ data relatata mal-isem li tkun assoċjata ma’ data bħat-triq, in-numru tad-dar, il-kodiċi postali u l-lokalità tal-abbonat, huwa meħtieġ kunsens separat tal-abbonat għal kull wieħed minn dawn l-għanijiet l-oħra.

4.      L-abbonat għandu d-dritt jivverifika, jikkoreġi jew jirtira, mingħajr ħlas, id-data personali li tikkonċernah li tkun tinsab f’direttorju aċċessibbli għall-pubbliku jew fil-bażi tal-abbonati użata għall-finijiet ta’ servizz ta’ tagħrif dwar l-abbonati.”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

14      EDA hija kumpannija rregolata mid-dritt Belġjan li toffri servizzi ta’ tagħrif dwar it-telefon u ta’ direttorju aċċessibbli mit-territorju Belġjan. Hija talbet lill-impriżi li jassenjaw in-numri tat-telefon lil abbonati fil-Pajjiżi l-Baxxi (iktar ’il quddiem l-“impriżi tal-Pajjiżi l-Baxxi”) sabiex iqiegħdu għad-dispożizzjoni tagħha d-data relatata mal-abbonati tagħhom. Peress li dawn l-impriżi rrifjutaw li jipprovdu d-data mitluba, fit-18 ta’ Jannar 2012, EDA ressqet talba lill-ACM għar-riżoluzzjoni tat-tilwima.

15      Permezz ta’ deċiżjonijiet tal-5 ta’ Ġunju 2013, l-ACM, bħala awtorità regolamentarja nazzjonali, iddeċidiet dwar it-talba ta’ EDA billi adottat il-miżuri li ġejjin. L-ewwel nett, EDA tista’ tinvoka l-Artikolu 3.1 tal-Bude sa fejn din tuża n-numri mqiegħda għad-dispożizzjoni u l-informazzjoni relatata għall-finijiet tat-tqegħid fis-suq ta’ servizz standard ta’ informazzjoni dwar it-telefon li tikkonċerna l-abbonati. It-tieni nett, l-impriżi tal-Pajjiżi l-Baxxi għandhom iqiegħdu għad-dispożizzjoni ta’ EDA d-data bażika dwar l-abbonati tagħhom (ismijiet, indirizzi, numri tat-telefon) skont termini li jkunu ġusti, oġġettivi, orjentati mal-ispejjeż u mhux diskriminatorji. It-tielet nett, l-impriżi tal-Pajjiżi l-Baxxi għandhom jiżguraw ruħhom fi żmien raġonevoli li l-kunsens li huma jitolbu mingħand l‑abbonati tagħhom, waqt il-konklużjoni ta’ kuntratti, għall-inklużjoni tad-data li tikkonċernahom fi kwalunkwe direttorju standard u fi kwalunkwe bażi ta’ abbonati użata għall-finijiet ta’ servizz ta’ tagħrif dwar it-telefon li jikkonċerna l-abbonati jkun konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 3.2 tal-Bude.

16      L-impriżi tal-Pajjiżi l-Baxxi ressqu rikors kontra dawn id‑deċiżjonijiet tal-ACM quddiem il-College van Beroep voor het bedrijfsleven (qorti tal-appell għal kwistjonijiet amministrattivi fil‑qasam ekonomiku, il-Pajjiżi l-Baxxi).

17      Il-qorti tar-rinviju tindika, fl-ewwel lok, li, peress li l-Artikolu 3.1 tal-Bude ttraspona l-Artikolu 25(2) tad-Direttiva “Servizz Universali” fid-dritt tal-Pajjiżi l-Baxxi, għandha tiġi stabbilita l-portata ta’ din l-aħħar dispożizzjoni sabiex tingħata risposta għad-domanda, li fir-rigward tagħha hemm nuqqas ta’ qbil bejn il-partijiet fil-kawża prinċipali, dwar jekk l-imsemmi Artikolu 3.1 jimponix fuq l-impriżi tal-Pajjiżi l-Baxxi li jqiegħdu għad-dispożizzjoni ta’ EDA data li tikkonċerna l-abbonati tagħhom minkejja l-fatt li EDA ma hijiex stabbilita fil-Pajjiżi l-Baxxi.

18      F’dan ir-rigward hija tosserva li l-interpretazzjoni tal-Artikolu 25(2) tal-imsemmija direttiva magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tal‑5 ta’ Mejju 2011, Deutsche Telekom (C‑543/09, EU:C:2011:279), ma tikkonċernax it-tqegħid għad-dispożizzjoni transkonfinali ta’ data li tikkonċerna l-abbonati u, konsegwentement, ma tirrispondix id-domanda dwar jekk din id-dispożizzjoni għandhiex tiġi interpretata fis-sens li impriża hija obbligata tqiegħed id-data tagħha li tikkonċerna l-abbonati għad-dispożizzjoni ta’ fornitur ta’ servizzi ta’ tagħrif dwar it-telefon u ta’ direttorju stabbilit fi Stat Membru ieħor.

19      Fit-tieni lok, f’dak li jikkonċerna l-ksib tal-kunsens tal-abbonat, il-qorti tar-rinviju tirrileva li l-Artikolu 3.2 tal-Bude jipprevedi li l-fornitur għandu jiġbor dan il-kunsens għall-inklużjoni tad-data personali u tan-numri tat-telefon li tagħhom huwa ta l-użu, fi kwalunkwe direttorju standard u fi kwalunkwe bażi ta’ abbonati użata għall-finijiet ta’ servizz standard ta’ tagħrif dwar it-telefon. Hija tippreċiża li, skont l-espożizzjoni tal-motivi ddedikata għall-Artikolu 3.2 tal-Bude, “din id-dispożizzjoni hija intiża li tevita li kwalunkwe fornitur ta’ direttorji tat-telefon aċċessibbli għall-pubbliku u ta’ servizzi ta’ tagħrif dwar it-telefon aċċessibbli għall-pubbliku jkun obbligat jitlob b’mod separat mingħand kull abbonat il-kunsens għal inklużjoni standard”.

20      Il-qorti tar-rinviju tosserva li l-partijiet fil-kawża prinċipali ma jaqblux fuq il-punt dwar, minn naħa, jekk l-Artikolu 3.2 tal-Bude jippermettix li jinkiseb il-kunsens tal-abbonati sabiex tintuża d-data personali tagħhom, u dan b’mod distint skont jekk din id-data tkunx intiża li tingħata lil fornituri tal-Pajjiżi l-Baxxi jew lil fornituri barranin ta’ servizzi ta’ tagħrif dwar it-telefon u/jew ta’ direttorju u, min-naħa l-oħra, jekk l-abbonati għandhomx jitħallew bl-għażla li jagħtu jew li ma jagħtux il-kunsens tagħhom skont il-pajjiżi li fihom l-impriża li titlob l-informazzjoni tkun tipprovdi s-servizzi tagħha. F’dan ir-rigward, hija tqis li d-domanda essenzjalment tistaqsi kif għandhom jiġu bbilanċjati l-osservanza tal‑prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni u l-protezzjoni tal-ħajja privata fil-kuntest tal-imsemmija talba għal kunsens.

21      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-College van Beroep voor het bedrijfsleven (qorti tal-appell għal kwistjonijiet amministrattivi fil-qasam ekonomiku) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      L-Artikolu 25(2) tad-Direttiva [Servizz Universali] għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ ‘talbiet’ jinkludi wkoll it-talba magħmula minn impriża stabbilita fi Stat Membru ieħor li titlob informazzjoni għall-finijiet ta’ servizzi ta’ tagħrif dwar it-telefon aċċessibbli għall-pubbliku u ta’ direttorji tat-telefon disponibbli għall-pubbliku offruti f’dan l-Istat Membru u/jew fi Stati Membri oħra?

2)      Jekk l-ewwel domanda tingħata risposta fl-affermattiv, il‑prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni jippermetti lill-fornitur li jipprovdi l-użu ta’ numri tat-telefon, marbut bil-leġiżlazzjoni interna li jitlob il-kunsens tal-abbonat sabiex [din id-data tintuża] f’direttorji tat-telefon standard u f’servizzi standard ta’ tagħrif dwar it-telefon, li jagħmel, fit-talba għal kunsens, distinzjoni abbażi tal-Istat Membru li fih l-impriża, li titlob informazzjoni skont l-Artikolu 25(2) tad-Direttiva [Servizz Universali], toffri d‑direttorju tat-telefon u s-servizz ta’ tagħrif dwar it-telefon?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda

22      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 25(2) tad-Direttiva “Servizz Universali” għandux jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “talbiet”, li jinsab f’dan l-artikolu, jinkludix ukoll it-talba magħmula minn impriża, stabbilita fi Stat Membru differenti minn dak li fih l-impriżi li jassenjaw numri tat-telefon lil abbonati jkunu stabbiliti, li titlob l-informazzjoni rilevanti li dawn l-impriżi jkollhom, u dan għall-finijiet tal-provvista ta’ servizzi ta’ tagħrif dwar it-telefon aċċessibbli għall-pubbliku u ta’ direttorju f’dan l-Istat Membru u/jew fi Stati Membri oħra.

23      L-Artikolu 25 tad-Direttiva “Servizz Universali” jagħmel parti mill-Kapitolu IV ta’ din id-direttiva ddedikat għall-interessi u għad-drittijiet tal-utenti finali. Skont il-paragrafu (1) ta’ din id-dispożizzjoni, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-abbonati tas-servizzi tat-telefon aċċessibbli għall-pubbliku jkollhom id-dritt li jkunu inklużi fid-direttorju aċċessibbli għall-pubbliku msemmi fl-Artikolu 5(1)(a) tal-imsemmija direttiva, u li l-informazzjoni li tikkonċernahom titqiegħed għad-dispożizzjoni tal-fornituri ta’ servizzi ta’ tagħrif u/jew ta’ direttorju, f’konformità mal-Artikolu 25(2) tal-istess direttiva.

24      Fir-rigward tat-tqegħid għad-dispożizzjoni tat-tagħrif li jikkonċerna l-abbonati lill-fornituri ta’ servizzi ta’ tagħrif u/jew ta’ direttorju, mill-formulazzjoni stess tal-Artikolu 25(2) tad-Direttiva “Servizz Universali” jirriżulta li din id-dispożizzjoni tikkonċerna t-talbiet raġonevoli kollha għal tqegħid għad-dispożizzjoni għall-finijiet tal-provvista ta’ servizzi ta’ tagħrif dwar it-telefon aċċessibbli għall-pubbliku u ta’ direttorju. Barra minn hekk, din id-dispożizzjoni timponi li l-imsemmi tqegħid għad-dispożizzjoni jitwettaq skont termini li jkunu nondiskriminatorji.

25      Għaldaqstant minn din il-formulazzjoni jirriżulta li din id-dispożizzjoni ma tagħmel ebda distinzjoni skont jekk it-talba għal tqegħid għad-dispożizzjoni tad-data relatata mal-abbonati tkunx ifformulata minn impriża stabbilita fl-istess Stat Membru bħal dak li fih hija stabbilita l-impriża li ssirilha din it-talba jew jekk din tiġix ifformulata minn impriża stabbilita fi Stat Membru differenti minn dak tal-impriża destinatarja tal-imsemmija talba.

26      Din l-assenza ta’ distinzjoni hija konformi mal-għan imfittex mid-Direttiva “Servizz Universali”, li, skont l-Artikolu 1(1) tagħha, huwa intiż li jiżgura d-disponibbiltà, fl-Unjoni kollha, ta’ servizzi ta’ kwalità tajba aċċessibbli għall-pubbliku permezz ta’ kompetizzjoni u ta’ għażla effettivi, u li jiġu pproċessati l-każijiet fejn il-bżonnijiet tal-utenti finali ma jkunux issodisfatti korrettement mis-suq, kif ukoll hija konformi mal-għan speċifiku tal-Artikolu 25(2) ta’ din id-Direttiva “Servizz Universali” li, b’mod partikolari, huwa intiż li jiżgura l-osservanza tal-obbligu ta’ servizz universali previst fl-Artikolu 5(1) tal-imsemmija direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Mejju 2011, Deutsche Telekom, C‑543/09, EU:C:2011:279, punt 35).

27      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkonstatat, fil-punt 36 tas-sentenza tal-5 ta’ Mejju 2011, Deutsche Telekom (C‑543/09, EU:C:2011:279), permezz ta’ riferiment għall-premessa 35 tad-Direttiva “Servizz Universali”, li, f’suq kompetittiv, l-obbligu għall-impriżi li jassenjaw numri tat-telefon sabiex jittrażmettu d-data relatata mal-abbonati tagħhom stess, skont l-Artikolu 25(2) ta’ din id-direttiva, jippermetti, bħala prinċipju, mhux biss lill-impriża inkarigata li tiżgura l-osservanza tal-obbligu ta’ servizz universali previst fl-Artikolu 5(1) tal-imsemmija direttiva, iżda wkoll lil kull fornitur ta’ servizzi telefoniċi li jistabbilixxi database eżawrjenti u li jibda attivitajiet fis-suq tas-servizzi ta’ tagħrif dwar it-telefon u ta’ direttorju. F’dan ir-rigward huwa biżżejjed li l-fornitur ikkonċernat jitlob lil kull impriża li tassenja numri tat-telefon id-data rilevanti relatata mal-abbonati tagħha.

28      Issa, interpretazzjoni tal-Artikolu 25(2) tad-Direttiva “Servizz Universali” li skontha din id-dispożizzjoni tirrigwarda biss it-talbiet raġonevoli fformulati minn impriżi stabbiliti fl-Istat Membru li fih huma stabbiliti l-impriżi li jassenjaw numri tat-telefon lill-abbonati tkun tmur kontra l-għan li tiġi ggarantita d-disponibbiltà, fl-Unjoni kollha, ta’ servizzi ta’ kwalità tajba għall-utenti finali permezz ta’ kompetizzjoni effettiva u, b’mod partikolari, kontra l-għan li jiġi osservat l-obbligu ta’ servizz universali previst fl-Artikolu 5(1) tad-Direttiva “Servizz Universali”, li jirrigwarda b’mod partikolari t-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-utenti finali ta’ mill-inqas direttorju komplet.

29      Barra minn hekk, hekk kif ġie rrilevat fil-punt 24 tas-sentenza preżenti, l-Artikolu 25(2) tad-Direttiva “Servizz Universali” jirrikjedi li l-impriżi li jassenjaw numri tat-telefon lil abbonati għandhom jissodisfaw it-talbiet raġonevoli kollha għal tqegħid għad-dispożizzjoni, għall-finijiet tal-provvista ta’ servizzi ta’ tagħrif dwar it-telefon aċċessibbli għall-pubbliku u ta’ direttorju, informazzjoni rilevanti, skont termini li jkunu nondiskriminatorji. Issa, ir-rifjut tal-impriżi li jassenjaw numri tat-telefon lil abbonati fil-Pajjiżi l-Baxxi li jqiegħdu data dwar l-abbonati tagħhom għad-dispożizzjoni ta’ min jagħmel it-talba għas-sempliċi raġuni li dawn ikunu stabbiliti fi Stat Membru ieħor huwa inkompatibbli ma’ dan ir-rekwiżit.

30      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha ta’ hawn fuq, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 25(2) tad-Direttiva “Servizz Universali” għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “talbiet”, li jinsab f’dan l-artikolu, jinkludi wkoll it-talba magħmula minn impriża, stabbilita fi Stat Membru differenti minn dak li fih l-impriżi li jassenjaw numri tat-telefon lil abbonati jkunu stabbiliti, li titlob l-informazzjoni rilevanti li dawn l-impriżi jkollhom, u dan għall-finijiet tal-provvista ta’ servizzi ta’ tagħrif dwar it-telefon aċċessibbli għall-pubbliku u ta’ direttorju f’dan l-Istat Membru u/jew fi Stati Membri oħra.

 Fuq it-tieni domanda

31      Permezz tat-tieni domanda tagħha l-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 25(2) tad-Direttiva “Servizz Universali” għandux jiġi interpretat fis-sens li dan jipprekludi lil impriża, li tassenja numri tat-telefon lil abbonati u li, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali, għandha l-obbligu tiġbor il-kunsens ta’ dawn l-abbonati għall-użu tad-data li tikkonċernahom għall-finijiet tal-provvista ta’ servizzi ta’ tagħrif dwar it-telefon u ta’ direttorju, milli tifformula din it-talba b’mod li l-imsemmija abbonati jesprimu b’mod distint il-kunsens tagħhom fir-rigward ta’ dan l-użu skont l-Istat Membru li fih l-impriżi li jistgħu jitolbu informazzjoni msemmija f’din id-dispożizzjoni jipprovdu dawn is-servizzi.

32      Skont l-Artikolu 25(2) tad-Direttiva “Servizz Universali”, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-impriżi kollha li jassenjaw numri tat-telefon lil abbonati jissodisfaw it-talbiet raġonevoli kollha għal tqegħid għad-dispożizzjoni, għall-finijiet tal-provvista ta’ servizzi ta’ tagħrif dwar it-telefon aċċessibbli għall-pubbliku u ta’ direttorju, ta’ informazzjoni rilevanti, f’format miftiehem u skont termini li jkunu ġusti, oġġettivi, orjentati mal-ispejjeż u nondiskriminatorji. Barra minn hekk, mill-Artikolu 25(5) ta’ din id-direttiva jirriżulta li l-paragrafu 2 tal-imsemmi artikolu japplika “suġġett għar-rekwiżiti tal-leġislazzjoni [tal-Unjoni] dwar il-ħarsien tad-data personali u l‑privatezza u, b’mod partikolari, l-Artikolu 12 tad-[Direttiva dwar “il‑privatezza u l-komunikazzjoni elettronika”].”

33      Minn dan isegwi li, sabiex tingħata risposta għat-tieni domanda, għandu wkoll jiġi eżaminat jekk l-Artikolu 12(2) ta’ din l-aħħar direttiva jissuġġettax it-trażmissjoni, minn impriża li tassenja numri tat-telefon lil abbonati, ta’ data personali ta’ abbonat lil impriża terza, li l-attività tagħha tikkonsisti fil-provvista ta’ servizzi ta’ tagħrif dwar it-telefon aċċessibbli għall-pubbliku u ta’ direttorju fi Stat Membru differenti minn dak fejn jgħix dak l-abbonat, għal kunsens distint u speċifiku ta’ dan tal-aħħar.

34      F’dan ir-rigward għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fil-punt 67 tas-sentenza tal-5 ta’ Mejju 2011, Deutsche Telekom (C‑543/09, EU:C:2011:279), li l-Artikolu 12 tal-imsemmija direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tobbliga impriża li tippubblika direttorji pubbliċi li tittrażmetti data personali li hija jkollha li tkun tikkonċerna l-abbonati ta’ fornituri oħrajn ta’ servizzi telefoniċi lil impriża terza li l-attività tagħha tikkonsisti li tippubblika direttorju pubbliku stampat jew elettroniku jew li tagħmel tali direttorji disponibbli għall-konsultazzjoni permezz ta’ servizzi ta’ tagħrif, mingħajr ma tagħmel tali trażmissjoni suġġetta għal kunsens ġdid tal-abbonati. Madankollu, minn naħa, dawn tal-aħħar għandhom ikunu informati qabel l-ewwel inklużjoni tad-data tagħhom f’direttorju pubbliku bl-għan tiegħu kif ukoll bil-fatt li din id-data tista’ tiġi kkomunikata lil fornitur ta’ servizzi telefoniċi ieħor u, min-naħa l-oħra, għandu jkun iggarantit li, wara li tiġi trażmessa, l-imsemmija data ma hijiex ser tintuża għal finijiet differenti minn dawk li għalihom din id-data inġabret għall-ewwel pubblikazzjoni tagħha.

35      Sabiex tasal għal din il-konklużjoni, fir-rigward tal-premessa 39 u tal-formulazzjoni tal-Artikolu 12(2) u (3) tad-Direttiva dwar “il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika”, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li, meta abbonat ikun ġie informat mill-impriża li tkun assenjatlu numru tat-telefon bil-possibbiltà li d-data personali li tikkonċernah tista’ tiġi trażmessa lil impriża terza, u dan sabiex hija tiġi ppubblikata f’direttorju pubbliku, u meta huwa jkun ta l-kunsens tiegħu għall-pubblikazzjoni tal-imsemmija data f’tali direttorju, huwa ma għandux jagħti kunsens mill-ġdid għat-trażmissjoni ta’ din l-istess data lil impriża oħra li jkollha l-intenzjoni li tippubblika direttorju pubbliku stampat jew elettroniku, jew li tagħmel tali direttorji disponibbli għal konsultazzjoni permezz ta’ servizzi ta’ tagħrif, jekk huwa ggarantit li d-data kkonċernata ma hijiex ser tiġi użata għal skopijiet oħrajn ħlief dawk li għalihom hija nġabret għall-ewwel pubblikazzjoni tagħha. Fil-fatt, il-kunsens, skont l-Artikolu 12(2) ta’ din id-direttiva, ta’ abbonat debitament informat, għall-pubblikazzjoni f’direttorju pubbliku ta’ data personali li tikkonċernah jirrelata mal-għan ta’ din il-pubblikazzjoni u għaldaqstant jestendi ruħu għal kull proċessar sussegwenti tal-imsemmija data minn impriżi terzi attivi fis-suq tas-servizzi ta’ tagħrif dwar it-telefon aċċessibli għall-pubbliku u ta’ direttorju, sa fejn tali proċessar ikollu dan l-istess għan. F’dan ir-rigward il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-formulazzjoni tal-Artikolu 12(2) tad-Direttiva dwar “il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika” ma jippermettix li wieħed jikkunsidra li l-abbonat għandu dritt selettiv li jiddeċiedi favur ċerti fornituri ta’ servizzi ta’ tagħrif dwar it-telefon aċċessibbli għall-pubbliku u ta’ direttorji (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Mejju 2011, Deutsche Telekom, C‑543/09, EU:C:2011:279, punti 62 sa 65).

36      Il-Qorti tal-Ġustizzja żiedet li, meta abbonat ikun ta l-kunsens tiegħu għat-trażmissjoni tad-data personali li tikkonċernah lil impriża partikolari għall-pubblikazzjoni tagħha f’direttorju pubbliku ta’ din l-impriża, it-trażmissjoni ta’ din l-istess data lil impriża oħra li jkollha intenzjoni tippubblika direttorju pubbliku mingħajr ma jkun ingħata kunsens ġdid minn dan l-abbonat ma tistax tippreġudika s-sustanza stess tad-dritt għall-protezzjoni tad-data personali, kif rikonoxxut fl-Artikolu 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Mejju 2011, Deutsche Telekom, C‑543/09, EU:C:2011:279, punt 66).

37      Minn dawn l-elementi jirriżulta li huwa l-għan tal-ewwel pubblikazzjoni tad-data personali tal-abbonat li għaliha huwa ta l-kunsens tiegħu li huwa determinanti għall-evalwazzjoni tal-portata ta’ dan il-kunsens. F’dan ir-rigward għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 12(3) tad-Direttiva dwar “il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika” jipprevedi li l-Istati Membri jistgħu jeħtieġu li, għal kull skop ta’ direttorju pubbliku minbarra s-sempliċi tfittxija ta’ dettalji tal-kuntatt ta’ persuna fuq il-bażi ta’ isimha u, fejn meħtieġ, fuq bażi ta’ numru limitat ta’ parametri oħra, ukoll jintalab kunsens tal-abbonati.

38      Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li, ikun xi jkun il-post ta’ stabbiliment fl-Unjoni, l-impriża li tipprovdi servizz ta’ tagħrif dwar it-telefon aċċessibbli għall-pubbliku u ta’ direttorju topera f’qafas leġiżlattiv armonizzat sew li jippermetti li fl-Unjoni sħiħa tiġi żgurata l-istess osservanza tar-rekwiżiti fil-qasam tal-protezzjoni tad-data personali tal-abbonati, kif jirriżulta b’mod partikolari mill-Artikolu 25(5) tad-Direttiva “Servizz Universali”, kif ukoll mill-Artikolu 1(1) u mill-Artikolu 12 tad-Direttiva dwar “il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika”.

39      F’dawn il-kundizzjonijiet, hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 40 u 41 tal-konklużjonijiet tiegħu, ma hemmx lok li tiġi stabbilita differenza fit-trattament skont jekk l-impriża li titlob it-trażmissjoni tad-data personali li tikkonċerna xi abbonati tkunx stabbilita fit-territorju tal-Istat Membru ta’ dawn tal-aħħar jew fi Stat Membru ieħor, mill-mument li fih din l-impriża tiġbor din id-data għal finijiet identiċi għal dawk li għalihom ġiet miġbura għall-ewwel pubblikazzjoni tagħha u mill-mument li, konsegwentement, din it-trażmissjoni hija koperta mill-kunsens li jkun ingħata minn dawn l-abbonati.

40      Konsegwentement, fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet u dawk esposti fil-punti 23 sa 30 tas-sentenza preżenti, ma hemmx lok, għall-impriża li tassenja numri tat-telefon lill-abbonati tagħha, li tifformula t-talba għal kunsens indirizzata lill-abbonat b’mod li dan jesprimi dan il-kunsens b’mod distint skont l-Istat Membru li lejh tista’ tiġi trażmessa d-data li tikkonċernah.

41      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha ta’ hawn fuq, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 25(2) tad-Direttiva “Servizz Universali” għandu jiġi interpretat fis-sens li dan jipprekludi lil impriża, li tassenja numri tat-telefon lil abbonati u li, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali, għandha l-obbligu tiġbor il-kunsens ta’ dawn l-abbonati għall-użu tad-data li tikkonċernahom għall-finijiet tal-provvista ta’ servizzi ta’ tagħrif dwar it-telefon u ta’ direttorju, milli tifformula din it-talba b’mod li l-imsemmija abbonati jesprimu b’mod distint il-kunsens tagħhom fir-rigward ta’ dan l-użu skont l-Istat Membru li fih l-impriżi li jistgħu jitolbu informazzjoni msemmija f’din id-dispożizzjoni jipprovdu dawn is-servizzi.

 Fuq l-ispejjeż

42      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 25(2) tad-Direttiva 2002/22/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Marzu 2002, dwar servizz universali u d-drittijiet tal-utenti li jirrelataw ma’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi (Direttiva Servizz Universali), kif emendata bid-Direttiva 2009/136/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-25 ta’ Novembru 2009, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “talbiet”, li jinsab f’dan l-artikolu, jinkludi wkoll it-talba magħmula minn impriża, stabbilita fi Stat Membru differenti minn dak li fih l-impriżi li jassenjaw numri tat-telefon lil abbonati jkunu stabbiliti, li titlob l-informazzjoni rilevanti li dawn l-impriżi jkollhom, u dan għall-finijiet tal-provvista ta’ servizzi ta’ tagħrif dwar it-telefon aċċessibbli għall-pubbliku u ta’ direttorju f’dan l-Istat Membru u/jew fi Stati Membri oħra.

2)      L-Artikolu 25(2) tad-Direttiva 2002/22, kif emendata bid-Direttiva 2009/136, għandu jiġi interpretat fis-sens li dan jipprekludi lil impriża, li tassenja numri tat-telefon lil abbonati u li, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali, għandha l-obbligu tiġbor il-kunsens ta’ dawn l-abbonati għall-użu tad-data li tikkonċernahom għall-finijiet tal-provvista ta’ servizzi ta’ tagħrif dwar it-telefon u ta’ direttorju, milli tifformula din it-talba b’mod li l-imsemmija abbonati jesprimu b’mod distint il-kunsens tagħhom fir-rigward ta’ dan l-użu skont l-Istat Membru li fih l-impriżi li jistgħu jitolbu informazzjoni msemmija f’din id-dispożizzjoni jipprovdu dawn is-servizzi.

Firem


** Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.