Language of document : ECLI:EU:T:2023:15

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (L-Għaxar Awla Estiża)

25 ta’ Jannar 2023 (*)

“Aċċess għal dokumenti – Regolament (KE) Nru 1049/2001 – Dokumenti li jikkonċernaw proċedura leġiżlattiva pendenti – Gruppi ta’ ħidma tal-Kunsill – Dokumenti li jikkonċernaw proposta leġiżlattiva li għandha bħala suġġett l-emenda tad-Direttiva 2013/34/UE dwar id-dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali, id-dikjarazzjonijiet finanzjarji kkonsolidati u r-rapporti relatati ta’ ċerti tipi ta’ impriżi – Rifjut parzjali tal-aċċess – Rikors għal annullament – Interess ġuridiku – Ammissibbiltà – L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 – Eċċezzjoni marbuta mal-protezzjoni tal-proċess deċiżjonali”

Fil-Kawża T‑163/21,

Emilio De Capitani, residenti fi Brussell (il-Belġju), irrappreżentat minn O. Brouwer, avukat, u S. Gallagher, solicitor,

rikorrent,

sostnut minn

Ir-Renju tal-Belġju, irrappreżentat minn C. Pochet, L. Van den Broeck u M. Jacobs, bħala aġenti,

minn

Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, irrappreżentat minn M. Bulterman, M. H. S. Gijzen u M. J. Langer, bħala aġenti,

minn

Ir-Repubblika tal-Finlandja, irrappreżentata minn M. Pere, bħala aġent,

u minn

Ir-Renju tal-Isvezja, irrappreżentat minn C. Meyer-Seitz u R. Shahsavan Eriksson, bħala aġenti,

intervenjenti,

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn J. Bauerschmidt u K. Pavlaki, bħala aġenti,

konvenut,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Għaxar Awla Estiża),

komposta, waqt id-deliberazzjonijiet, minn A. Kornezov (Relatur), President, E. Buttigieg, K. Kowalik-Bańczyk, G. Hesse u D. Petrlík, Imħallfin,

Reġistratur: P. Cullen, Amministratur,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura,

wara s-seduta tat‑22 ta’ Settembru 2022,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tar-rikors tiegħu bbażat fuq l-Artikolu 263 TFUE, ir-rikorrent, Emilio De Capitani, jitlob l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea SGS 21/000067, tal‑14 ta’ Jannar 2021, li permezz tagħha dan tal-aħħar irrifjuta li jagħtih aċċess għal ċerti dokumenti, li għandhom il-kodiċi “WK”, skambjati fi ħdan il-gruppi ta’ ħidma tal-Kunsill fil-kuntest tal-proċedura leġiżlattiva 2016/0107 (COD), li għandha bħala suġġett l-emenda tad-Direttiva 2013/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 dwar id-dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali, id-dikjarazzjonijiet finanzjarji kkonsolidati u r-rapporti relatati ta’ ċerti tipi ta’ impriżi, u li temenda d-Direttiva 2006/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttivi tal-Kunsill 78/660/KEE u 83/349/KEE (ĠU 2013, L 182, p. 19) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

 Ilfatti li wasslu għall-kawża

2        Fil‑15 ta’ Ottubru 2020, ir-rikorrent ressaq, skont ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331), talba għal aċċess għal ċerti dokumenti skambjati fi ħdan il-grupp ta’ ħidma “Dritt tal-kumpanniji” tal-Kunsill marbuta mal-proċedura leġiżlattiva 2016/0107 (COD), li kienet pendenti fil-mument tat-talba.

3        Fl‑10 ta’ Novembru 2020, il-Kunsill laqa’ din it-talba parzjalment, billi kkomunika lir-rikorrent seba’ dokumenti u billi rrifjuta l-aċċess għal seba’ dokumenti oħra fl-intier tagħhom, jiġifieri dawk li għandhom ir-referenzi WK 6662/18, WK 14969/17 REV 1, WK 14969/17 INIT, WK 5230/17, WK 12197/17, WK 12197/17 REV1 u WK 10931/17 (iktar ’il quddiem id-“dokumenti kontenzjużi”), għar-raġuni, essenzjalment, li l-iżvelar tagħhom kien ser jippreġudika serjament il-proċess deċiżjonali tal-Kunsill fis-sens tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001.

4        Fil‑25 ta’ Novembru 2020, ir-rikorrent ressaq quddiem il-Kunsill talba konfermatorja li fiha tenna t-talba tiegħu għal aċċess għad-dokumenti kontenzjużi.

5        Fl‑14 ta’ Jannar 2021, il-Kunsill adotta d-deċiżjoni kkontestata li permezz tagħha kkonferma r-rifjut tiegħu li jagħti aċċess għad-dokumenti kontenzjużi abbażi tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001.

 Ittalbiet talpartijiet

6        Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.

7        Il-Kunsill jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli jew, sussidjarjament, bħala infondat;

–        tikkundanna lir-rikorrent għall-ispejjeż.

8        L-intervenjenti, jiġifieri r-Renju tal-Belġju, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, ir-Repubblika tal-Finlandja u r-Renju tal-Isvezja, jiddikjaraw li jsostnu t-talbiet tar-rikorrent.

 Fiddritt

 Fuq ilpersistenza tal-interess ġuridiku tarrikorrent

9        Mingħajr ma jqajjem formalment, permezz ta’ att separat, eċċezzjoni li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni, il-Kunsill isostni li l-interess ġuridiku tar-rikorrent intemm fil-mori tal-kawża minħabba li, permezz ta’ ittra tal‑14 ta’ Ġunju 2021, il-Kunsill ikkomunikalu d-dokumenti kontenzjużi fl-intier tagħhom. Għalhekk, ir-rikors ma għadux jista’, bl-eżitu tiegħu, jikseb benefiċċju għar-rikorrent u għalhekk ma għadx għandu skop.

10      Ir-rikorrent, sostnut f’dan ir-rigward mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, mir-Repubblika tal-Finlandja u mir-Renju tal-Isvezja, jikkontesta t-tmiem tal-interess ġuridiku tiegħu fil-mori tal-kawża. Minn naħa, huwa jsostni li ma kellux aċċess għad-dokumenti kontenzjużi fi żmien xieraq, jiġifieri fi stadju li kien jippermettilu jeżerċita b’mod sħiħ u effettiv id-drittijiet tiegħu bħala ċittadin Ewropew f’soċjetà demokratika f’dak li jirrigwarda l-proċedura leġiżlattiva inkwistjoni. Min-naħa l-oħra, huwa jqis li għad għandu interess ġuridiku li jikkonsisti fil-fatt li l-illegalità mwettqa mill-Kunsill ma terġax isseħħ fil-futur.

11      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-interess ġuridiku ta’ rikorrent għandu, fid-dawl tas-suġġett tar-rikors, ikun preżenti fil-mument li fih jiġi ppreżentat ir-rikors għaliex, jekk le, ir-rikors ikun inammissibbli. Dan is-suġġett tat-tilwima, bħal fil-każ tal-interess ġuridiku, għandu jibqa’ preżenti sakemm tingħata d-deċiżjoni finali għaliex, jekk le, ma jkunx hemm lok li tingħata deċiżjoni, u b’hekk huwa meħtieġ li r-rikors għandu jkun jista’, permezz tal-eżitu tiegħu, jikseb benefiċċju għall-parti li tkun ippreżentatu (ara s-sentenza tal‑21 ta’ Jannar 2021, Leino‑Sandberg vs Il‑Parlament, C‑761/18 P, EU:C:2021:52, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

12      F’dan il-każ, ma huwiex ikkontestat li d-dokumenti kontenzjużi ġew ikkomunikati mill-Kunsill lir-rikorrent fl‑14 ta’ Ġunju 2021, jiġifieri wara l-preżentata ta’ dan ir-rikors. Madankollu, id-deċiżjoni kkontestata ma ġietx formalment irtirata mill-Kunsill, b’tali mod li t-tilwima żammet is-suġġett tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑4 ta’ Settembru 2018, ClientEarth vs Il‑Kummissjoni, C‑57/16 P, EU:C:2018:660, punt 45, u tal‑21 ta’ Jannar 2021, Leino-Sandberg vs Il‑Parlament, C‑761/18 P, EU:C:2021:52, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

13      Għalhekk, għandu jiġi eżaminat, konformement mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ċċitata fil-punt 11 iktar ’il fuq, jekk ir-rikorrent setax jibqa’ jinvoka, minkejja dan l-iżvelar, interess ġuridiku, eżami dan li jimplika li għandu jiġi ddeterminat jekk ir-rikorrent kisibx, permezz tal-imsemmi żvelar, sodisfazzjon sħiħ fir-rigward tal-għanijiet li xtaq jikseb meta ressaq it-talba tiegħu għal aċċess għad-dokumenti kkonċernati, determinazzjoni din li timplika li għandu jiġi stabbilit jekk dan l-iżvelar seħħx fi żmien xieraq (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑4 ta’ Settembru 2018, ClientEarth vs Il‑Kummissjoni, C‑57/16 P, EU:C:2018:660, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tal‑21 ta’ Jannar 2021, Leino-Sandberg vs Il‑Parlament, C‑761/18 P, EU:C:2021:52, punt 34).

14      F’dan ir-rigward, kif isostnu, essenzjalment, ir-rikorrent u r-Repubblika tal-Finlandja, permezz tat-talba inizjali tiegħu tal‑15 ta’ Ottubru 2020 u permezz tat-talba konfermatorja tiegħu tal‑25 ta’ Novembru 2020, ir-rikorrent ipprova jikseb aċċess għad-dokumenti kontenzjużi bil-għan li jkun jaf il-pożizzjonijiet espressi mill-Istati Membri fi ħdan il-Kunsill, li kien qiegħed jaġixxi fil-kwalità tiegħu ta’ koleġiżlatur, u sabiex ikun jista’, jekk ikun il-każ, jinforma b’dan lis-soċjetà u jqajjem dibattitu f’dan ir-rigward qabel ma din l-istituzzjoni tistabbilixxi l-pożizzjoni tagħha fil-proċedura leġiżlattiva inkwistjoni.

15      Issa, f’dan il-każ, l-iżvelar tad-dokumenti kontenzjużi seħħ biss wara li l-Kunsill adotta, fit‑3 ta’ Marzu 2021, il-pożizzjoni tiegħu ta’ negozjar fl-imsemmija proċedura u wara l-ftehim milħuq fl‑1 ta’ Ġunju 2021, fil-kuntest tat-trilogi interistituzzjonali.

16      B’hekk, l-iżvelar tad-dokumenti kontenzjużi ma seħħx fi żmien xieraq fid-dawl tal-għanijiet li tiġi informata s-soċjetà u li jitqajjem dibattitu, għanijiet li xtaq jikseb ir-rikorrent permezz tat-talba tiegħu għal aċċess għall-imsemmija dokumenti, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 13 iktar ’il fuq (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenzi tal‑1 ta’ Lulju 2008, L‑Isvezja u Turco vs Il‑Kunsill, C‑39/05 P u C‑52/05 P, EU:C:2008:374, punt 59, u tat‑22 ta’ Marzu 2018, De Capitani vs Il‑Parlament, T‑540/15, EU:T:2018:167, punt 33). Fil-fatt, fil-mument ta’ dan l-iżvelar, il-pożizzjoni tal-Kunsill kienet ġiet stabbilita u kien intlaħaq ftehim interistituzzjonali fil-kuntest tat-trilogi. Għalkemm huwa minnu li, f’dak il-mument, il-proċedura leġiżlattiva ma kinitx għadha ntemmet formalment, xorta jibqa’ l-fatt li, fil-parti l-kbira tal-każijiet, il-ftehimiet milħuqa fil-kuntest tat-trilogi jiġu sussegwentement adottati mill-koleġiżlaturi mingħajr emendi sostanzjali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Marzu 2018, De Capitani vs Il‑Parlament, T‑540/15, EU:T:2018:167, punt 72).

17      Għaldaqstant, bl-iżvelar tad-dokumenti kontenzjużi, ir-rikorrent ma kisibx sodisfazzjon sħiħ fid-dawl tal-għanijiet li xtaq jikseb permezz tat-talba tiegħu għal aċċess għall-imsemmija dokumenti.

18      Għaldaqstant, l-argument tal-Kunsill ibbażat fuq it-tmiem tal-interess ġuridiku tar-rikorrent fil-mori tal-kawża għandu jiġi miċħud.

 Fuq ilmertu

19      Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jippreżenta żewġ motivi prinċipali, ibbażati, l-ewwel wieħed, fuq ksur tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 u fuq nuqqas ta’ motivazzjoni dwar il-kwistjoni ta’ jekk l-iżvelar tad-dokumenti kontenzjużi kienx ser jippreġudika serjament il-proċess deċiżjonali u, it-tieni wieħed, fuq ksur tal-istess dispożizzjoni u fuq nuqqas ta’ motivazzjoni dwar l-assenza ta’ interess pubbliku superjuri li jiġġustifika l-iżvelar tal-imsemmija dokumenti. Huwa jqajjem ukoll, sussidjarjament, it-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 4(6) tar-Regolament Nru 1049/2001 u fuq nuqqas ta’ motivazzjoni.

20      L-ewwel motiv jinkludi, essenzjalment, żewġ partijiet, li jikkonċernaw, l-ewwel waħda, l-applikabbiltà tal-eċċezzjoni prevista fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 għad-dokumenti leġiżlattivi, u, it-tieni waħda, l-applikazzjoni f’dan il-każ ta’ din l-eċċezzjoni.

 Fuq lapplikabbiltà talewwel subparagrafu talArtikolu 4(3) tarRegolament Nru 1049/2001 għaddokumenti leġiżlattivi

21      Ir-rikorrent isostni li, billi rrifjuta l-aċċess għad-dokumenti kontenzjużi, li huma, essenzjalment, dokumenti leġiżlattivi, abbażi tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001, il-Kunsill injora d-dimensjoni kostituzzjonali ġdida fil-qasam tal-aċċess għad-dokumenti mfassla fil-kuntest tal-proċeduri leġiżlattivi, stabbilita fit-Trattat FUE u fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”). B’hekk, kuntrarjament għal dak li kien l-Artikolu 207(3) KE, li fi żmienu kien jawtorizza lill-Kunsill jiddetermina l-każijiet li fihom huwa kellu jitqies bħala li qiegħed jaġixxi fil-kwalità tiegħu ta’ leġiżlatur sabiex jippermetti aċċess aħjar għad-dokumenti f’dawn il-każijiet, filwaqt li titħares l-effettività tal-proċess tat-teħid ta’ deċiżjoni tiegħu, it-Trattat FUE u l-Karta ma għadhom jipprevedu ebda eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-proċess deċiżjonali fil-kuntest tal-proċeduri leġiżlattivi. Għalhekk jeżistu tensjonijiet legali bejn, minn naħa, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001, li kien ġie adottat abbażi ta’ interpretazzjonijiet antiki tal-prinċipju ta’ trasparenza li jirriżulta mit-Trattat KE, u, min-naħa l-oħra, l-Artikolu 15(2) TFUE u l-Artikolu 42 tal-Karta. Għaldaqstant, skont ir-rikorrent, il-Kunsill huwa obbligat jikkonforma ruħu direttament mal-obbligi imposti fuqu mit-Trattat FUE u mill-Karta, li ma jagħtuh ebda setgħa diskrezzjonali li tawtorizzah jirrifjuta l-aċċess għal dokumenti mfassla fil-kuntest ta’ proċedura leġiżlattiva.

22      Fir-replika, ir-rikorrent jippreċiża li l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 ma għadux applikabbli għad-dibattiti leġiżlattivi u għad-dokumenti relatati magħhom. Huwa jżid li, għall-kuntrarju, eċċezzjonijiet oħra, bħal dawk previsti fl-Artikolu 4(1) u (2) tar-Regolament Nru 1049/2001 għadhom rilevanti f’dak li jirrigwarda l-aċċess għad-dokumenti leġiżlattivi u li l-Artikolu 15(3) TFUE għandu jinftiehem bħala li jagħmel riferiment għal dawn it-tip ta’ eċċezzjonijiet.

23      Il-Kunsill jirribatti li r-rikorrent qiegħed jonqos milli jagħmel distinzjoni bejn żewġ dimensjonijiet differenti tat-trasparenza leġiżlattiva, jiġifieri, minn naħa, dik dwar il-laqgħat tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li fihom il-membri rispettivi tagħhom jiddeliberaw dwar abbozzi ta’ atti leġiżlattivi u, min-naħa l-oħra, dik dwar l-aċċess għad-dokumenti marbuta mal-proċeduri leġiżlattivi. L-Artikolu 15(2) TFUE jirrigwarda din l-ewwel dimensjoni u għalhekk ma huwiex rilevanti f’dan il-każ. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni għandha tinftiehem bħala li tagħmel riferiment għall-Kunsill fil-kompożizzjoni tiegħu li tinkludi r-rappreżentanti fuq livell ministerjali, li għandhom is-setgħa li jorbtu lill-Gvern tal-Istat Membru li huma jirrappreżentaw u li jeżerċitaw id-dritt tal-vot, skont l-Artikolu 16(2) TUE. Għall-kuntrarju, it-tieni dimensjoni tat-trasparenza leġiżlattiva, jiġifieri dik imsemmija fl-Artikolu 15(3) TFUE, ma tipprevedix dritt inkundizzjonat ta’ aċċess għad-dokumenti, inklużi dawk leġiżlattivi.

24      Fil-kontroreplika, il-Kunsill isostni li l-argument tar-rikorrent li l-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 ma jistax jibqa’ japplika għad-dokumenti redatti fil-kuntest ta’ proċedura leġiżlattiva wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat FUE u tal-Karta jikkostitwixxi “eċċezzjoni ġdida ta’ illegalità” mqajma għall-ewwel darba fl-istadju tar-replika u, għaldaqstant, motiv ġdid, li għandu jiġi ddikjarat inammissibbli. Barra minn hekk, huwa jitlob, fil-każ li dan il-“motiv ġdid” jitqies li huwa ammissibbli, li tiġi adottata miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura skont l-Artikolu 88(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali sabiex il-Parlament u l-Kummissjoni Ewropea jiġu mistiedna jieħdu pożizzjoni dwar l-allegata illegalità tal-imsemmija dispożizzjoni.

25      Mistoqsi dwar dan il-punt fil-kuntest ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, ir-rikorrent jikkontesta l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kunsill u jsostni, essenzjalment, li r-rikors kien diġà jesponi b’mod ċar l-argument li, mid-dħul fis-seħħ tat-Trattat FUE u tal-Karta, teżisti tensjoni legali bejn l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 u d-dritt primarju, b’mod partikolari l-Artikolu 15(2) TFUE, u li, għaldaqstant, il-Kunsill kellu jikkonforma ruħu mal-obbligi tiegħu skont id-dritt primarju billi jagħmel id-dokumenti leġiżlattivi aċċessibbli għall-pubbliku.

–       Fuq leċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma millKunsill

26      Skont ġurisprudenza stabbilita dwar l-Artikolu 84(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-preżentazzjoni ta’ motivi ġodda fil-mori tal-kawża hija pprojbita sakemm dawn il-motivi ma jkunux ibbażati fuq punti ta’ liġi u ta’ fatt li joħorġu matul il-proċedura. Madankollu, motiv li jikkostitwixxi l-estensjoni ta’ motiv invokat preċedentement, direttament jew impliċitament, fir-rikors promotur u li jkollu rabta stretta miegħu għandu jiġi ddikjarat ammissibbli. Sabiex ikun jista’ jitqies li huwa estensjoni ta’ motiv jew ta’ lment imsemmi preċedentement, argument ġdid għandu jkollu, mal-motivi jew mal-ilmenti inizjalment esposti fir-rikors, rabta stretta biżżejjed sabiex ikun jista’ jitqies li jirriżulta mill-iżvilupp normali tad-dibattitu fi proċedura kontenzjuża (ara s-sentenza tal‑5 ta’ Ottubru 2020, HeidelbergCement u Schwenk Zement vs Il‑Kummissjoni, T‑380/17, mhux ippubblikata, EU:T:2020:471, punt 87 u l-ġurisprudenza ċċitata).

27      F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li, fir-rikors, ir-rikorrent sostna b’mod ċar li l-Artikolu 15(2) TFUE u l-Artikolu 42 tal-Karta għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jagħtu lill-Kunsill “l-ebda setgħa diskrezzjonali” sabiex jirrifjuta l-aċċess għad-dokumenti mfassla fil-kuntest ta’ proċedura leġiżlattiva, li din l-istituzzjoni kienet obbligata tikkonforma ruħha “direttament” mal-obbligi imposti fuqha mit-Trattati u li, għaldaqstant, l-imsemmija istituzzjoni kienet adottat, fil-każ ineżami, interpretazzjoni eċċessivament wiesgħa tal-eċċezzjoni marbuta mal-proċess deċiżjonali prevista fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001. Barra minn hekk, huwa sostna l-eżistenza ta’ “tensjoni legali” bejn, minn naħa, din l-aħħar dispożizzjoni u, min-naħa l-oħra, it-Trattat FUE u l-Karta.

28      Fir-replika, ir-rikorrent ma jagħmel xejn ħlief jiżviluppa iktar din il-parti tal-argument tiegħu, bi tweġiba għall-argumenti mressqa mill-Kunsill fir-risposta. Huwa jsostni b’mod partikolari li l-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 “ma jistax jibqa’ japplika” għad-dokumenti leġiżlattivi peress li l-Artikolu 15(2) TFUE jimponi “direttament” fuq il-leġiżlatur tal-Unjoni Ewropea obbligu ta’ trasparenza fir-rigward tal-proċess leġiżlattiv.

29      Minn dan isegwi li fir-replika r-rikorrent ma jagħmel xejn ħlief, l-iktar l-iktar, jestendi motiv imsemmi fir-rikors, li għandu jiġi ammess mill-qorti tal-Unjoni.

30      Barra minn hekk, għall-kuntrarju ta’ dak li jallega l-Kunsill, ir-rikorrent ma jqajjem ebda eċċezzjoni ta’ illegalità kontra l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001, kif barra minn hekk ikkonferma waqt is-seduta. Fil-fatt, permezz tal-argument tiegħu, ir-rikorrent ma jqisx li l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 huwa illegali bħala tali, peress li jmur kontra t-Trattat FUE u l-Karta, iżda li din id-dispożizzjoni għandha tiġi interpretata fid-dawl tat-Trattat FUE u tal-Karta fis-sens li ma tapplikax għad-dokumenti leġiżlattivi, filwaqt li tibqa’ kompletament applikabbli għal tipi oħra ta’ dokumenti.

31      Mill-bqija, għandu jiġi kkonstatat li, konformement mal-Artikolu 82 tar-Regoli tal-Proċedura, kopja tar-rikors u tar-risposta ntbagħtet lill-Parlament u lill-Kummissjoni sabiex ikunu jistgħu jikkonstataw jekk l-inapplikabbiltà ta’ wieħed mill-atti tagħhom kinitx invokata fis-sens tal-Artikolu 277 TFUE. Peress li l-argumenti tar-rikorrent kienu diġà jidhru b’mod ċar fir-rikors, għandu jiġi kkunsidrat li l-Parlament u l-Kummissjoni ddeċidew li ma jintervjenux f’din il-kawża b’għarfien sħiħ tal-fatti. Għaldaqstant, ma hemmx lok li tintlaqa’ t-talba tal-Kunsill intiża għall-adozzjoni ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura f’dan ir-rigward.

32      Għaldaqstant, l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà u t-talba tal-Kunsill intiża għall-adozzjoni ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura għandhom jiġu miċħuda.

–       Fuq ilmertu

33      Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001, l-aċċess għal dokument imfassal minn istituzzjoni għall-użu intern tagħha jew li tirċievi istituzzjoni u li jikkonċerna kwistjoni li dwarha din l-istituzzjoni għadha ma ħaditx deċiżjoni għandu jiġi rrifjutat meta l-iżvelar ta’ dan id-dokument jippreġudika serjament il-proċess deċiżjonali ta’ din l-istituzzjoni, sakemm interess pubbliku superjuri ma jiġġustifikax l-imsemmi żvelar.

34      Kif tfakkar fil-punti 21 u 22 iktar ’il fuq, ir-rikorrent isostni, essenzjalment, li l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 ma jistax jiġi applikat sabiex jiġi rrifjutat l-aċċess għad-dokumenti skambjati fi ħdan gruppi ta’ ħidma tal-Kunsill fil-kuntest ta’ proċedura leġiżlattiva wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat FUE u tal-Karta.

35      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-Kunsill ma jikkontestax in-natura leġiżlattiva tad-dokumenti kontenzjużi.

36      F’dan il-kuntest, għandu jiġi enfasizzat li d-dritt primarju tal-Unjoni jistabbilixxi relazzjoni stretta li, bħala prinċipju, torbot il-proċeduri leġiżlattivi mal-prinċipji ta’ pubbliċità u ta’ trasparenza (sentenza tat‑22 ta’ Marzu 2018, De Capitani vs Il‑Parlament, T‑540/15, EU:T:2018:167, punt 77).

37      Hija preċiżament it-trasparenza fil-proċess leġiżlattiv li, billi tippermetti dibattiti bil-miftuħ dwar diversi pożizzjonijiet differenti, tikkontribwixxi sabiex tagħti lill-istituzzjonijiet leġittimità ikbar f’għajnejn iċ-ċittadini tal-Unjoni u sabiex iżżid il-fiduċja ta’ dawn tal-aħħar. Fil-fatt, hija pjuttost l-assenza ta’ informazzjoni u ta’ dibattitu li tista’ toħloq dubji f’moħħ iċ-ċittadini, u dan mhux biss dwar il-legalità ta’ att iżolat iżda wkoll dwar il-leġittimità tal-proċess deċiżjonali fl-intier tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑1 ta’ Lulju 2008, L-Isvezja u Turco vs Il‑Kunsill, C‑39/05 P u C‑52/05 P, EU:C:2008:374, punt 59).

38      Il-prinċipji ta’ pubbliċità u ta’ trasparenza huma għalhekk inerenti għall-proċeduri leġiżlattivi tal-Unjoni (sentenza tat‑22 ta’ Marzu 2018, De Capitani vs Il‑Parlament, T‑540/15, EU:T:2018:167, punt 81).

39      Madankollu, dan ma jfissirx li d-dritt primarju tal-Unjoni jipprevedi dritt inkundizzjonat ta’ aċċess għad-dokumenti leġiżlattivi.

40      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Artikolu 42 tal-Karta jiddikjara li kull ċittadin tal-Unjoni, kif ukoll kull persuna fiżika jew ġuridika li tirrisjedi jew li għandha l-uffiċċju rreġistrat tagħha fi Stat Membru, għandhom dritt ta’ aċċess għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet, tal-korpi u tal-organi tal-Unjoni, tkun xi tkun il-forma tagħhom.

41      L-Ispjegazzjonijiet dwar il-Karta, ippubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fl‑14 ta’ Diċembru 2007 (ĠU 2007, C 303, p. 17), li għandhom jittieħdu debitament inkunsiderazzjoni meta l-Karta tiġi interpretata mill-qrati tal-Unjoni (ara l-ħames premessa tal-preambolu tal-Karta), jindikaw dan li ġej:

“Id-dritt iggarantit [fl-Artikolu 42] ġie meħud mill-Artikolu 255 tat-Trattat KE, li fuq bażi tiegħu ġie sussegwentement adottat ir-Regolament […] Nru 1049/2001. Il-Konvenzjoni Ewropea estendiet dan id-dritt għad-dokumenti ta’ l-istituzzjonijiet, tal-korpi u ta’ l-aġenziji b’mod ġenerali, tkun xi tkun il-forma li fiha jkunu saru, (ara l-Artikolu 15(3) tat-Trattat [FUE]). Skond l-Artikolu 52(2) tal-Karta, id-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti huwa eżerċitat skond il-kondizzjonijiet u fil-limiti li huma previsti fl-Artikoli 15(3) tat-Trattat [FUE].”

42      Minn dan isegwi li d-dritt ta’ aċċess għal dokumenti, stabbilit fl-Artikolu 42 tal-Karta, għandu jiġi eżerċitat “skont il-kondizzjonijiet u fil-limiti li huma previsti fl-Artikolu 15(3)” TFUE.

43      Din l-interpretazzjoni hija barra minn hekk konformi mal-Artikolu 52(2) tal-Karta, li jipprovdi li d-drittijiet irrikonoxxuti fil-Karta li huma s-suġġett ta’ dispożizzjonijiet fit-Trattati għandhom jiġu eżerċitati skont il-kundizzjonijiet u fil-limiti ddefiniti f’dawn id-dispożizzjonijiet.

44      Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 15(3) TFUE, kull ċittadin tal-Unjoni, kif ukoll kull persuna fiżika jew ġuridika li tirrisjedi jew li għandha l-uffiċċju rreġistrat tagħha fi Stat Membru, għandhom dritt ta’ aċċess għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet, tal-korpi u tal-organi tal-Unjoni, tkun xi tkun il-forma tagħhom, “suġġett għall-prinċipji u l-kondizzjonijiet kif definiti skond dan il-paragrafu”. It-tieni subparagrafu tal-imsemmi artikolu jispeċifika li “[i]l-prinċipji ġenerali u l-limiti għar-raġuni ta’ interess pubbliku jew privat li jirregolaw id-dritt ta’ l-aċċess għal dokumenti jiġu stabbiliti permezz ta’ regolamenti mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu skond il-proċedura leġislattiva ordinarja”.

45      Il-ħames subparagrafu tal-Artikolu 15(3) TFUE jipprovdi li l-Parlament u l-Kunsill għandhom jiżguraw il-pubblikazzjoni tad-dokumenti marbuta mal-proċeduri leġiżlattivi “skond il-kondizzjonijiet previsti fir-Regolament imsemmi fit-tieni subparagrafu” tal-imsemmi artikolu. Għalkemm b’hekk tenfasizza l-prinċipju ta’ pubbliċità tad-dokumenti leġiżlattivi, din id-dispożizzjoni ma tipprevedix madankollu li dawn tal-aħħar għandhom ikunu magħmula pubbliċi fil-każijiet kollha u mingħajr ebda eċċezzjoni, kif jixhed ir-riferiment għall-“kondizzjonijiet” li r-regolamenti jistgħu jipprevedu f’dan ir-rigward.

46      Minn dan isegwi li d-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet, inklużi għad-dokumenti leġiżlattivi, taċ-ċittadini tal-Unjoni u ta’ kull persuna residenti jew li għandha s-sede tagħha fit-territorju tal-Unjoni għandu jiġi eżerċitat skont il-prinċipji ġenerali, il-limiti u l-kundizzjonijiet stabbiliti permezz ta’ regolamenti. Fil-fatt, l-Artikolu 15(3) TFUE ma jeskludix id-dokumenti leġiżlattivi mill-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu.

47      Għaldaqstant, id-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE u tal-Karta li jirregolaw id-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet, tal-korpi u tal-organi tal-Unjoni jipprevedu li l-eżerċizzju ta’ dan id-dritt jista’ jiġi suġġett għal limiti u għal kundizzjonijiet, previsti permezz ta’ regolamenti, inkluż fir-rigward tal-aċċess għal dokumenti leġiżlattivi.

48      Din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata mill-argumenti mressqa mir-rikorrent.

49      L-ewwel, l-argument tar-rikorrent li r-Regolament Nru 1049/2001, b’xi mod, ma għadux rilevanti minħabba l-fatt li ġie adottat abbażi tat-Trattat KE u għalhekk ma jiħux inkunsiderazzjoni l-bidliet magħmula permezz tat-Trattat FUE u tal-Karta ma jistax jintlaqa’. Fil-fatt, kif tfakkar fil-punt 41 iktar ’il fuq, l-Ispjegazzjonijiet dwar il-Karta jispeċifikaw li d-dritt iggarantit fl-Artikolu 42 “ġie meħud mill-Artikolu 255 tat-Trattat KE, li fuq bażi tiegħu ġie sussegwentement adottat [l-imsemmi regolament]”. Din il-preċiżazzjoni tirreferi għalhekk għall-kontinwità li teżisti f’dan il-qasam bejn it-Trattat KE u t-Trattat FUE kif ukoll għall-fatt li dan ir-regolament għadu rilevanti wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat FUE u tal-Karta. Li kieku l-awturi tal-Karta xtaqu jirregolaw id-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti b’mod sostanzjalment differenti minn dak fis-seħħ taħt it-Trattat KE, huma kienu jindikaw dan fl-Ispjegazzjonijiet dwar il-Karta.

50      It-tieni, ir-rikorrent isostni li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 15(3) TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li l-“limiti” għad-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti koperti minn din id-dispożizzjoni huma intiżi li japplikaw għal tipi oħra ta’ eċċezzjonijiet, bħal dawk previsti fl-Artikolu 4(1) u (2) tar-Regolament Nru 1049/2001, iżda mhux għall-finijiet tal-protezzjoni tal-proċess deċiżjonali fis-sens tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tal-istess regolament.

51      Madankollu, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 15(3) TFUE jirreferi għal-“limiti għar-raġuni ta’ interess pubbliku jew privat li jirregolaw id-dritt ta’ l-aċċess għal dokumenti”, mingħajr ma jagħmel ebda preċiżazzjoni jew distinzjoni oħra fir-rigward tan-natura ta’ dawn il-limiti. Għaldaqstant, ma hemm xejn li jippermetti li jiġi konkluż li d-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE u tal-Karta jeskludu bħala prinċipju li l-aċċess għal dokumenti leġiżlattivi jista’ jiġi rrifjutat minħabba li l-iżvelar tagħhom jippreġudika serjament il-proċess deċiżjonali tal-istituzzjoni inkwistjoni, fis-sens tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001.

52      It-tielet, ir-rikorrent jinvoka, insostenn tal-argument tiegħu, l-Artikolu 15(2) TFUE. Skont din id-dispożizzjoni, “[i]l-Parlament Ewropew, kif ukoll il-Kunsill meta jkun qiegħed jikkunsidra u jivvota dwar abbozz ta’ att leġislattiv, għandhom jiltaqgħu fil-pubbliku”.

53      Mill-kelma “jiltaqa’” jirriżulta li l-Artikolu 15(2) TFUE jistabbilixxi l-prinċipju ta’ pubbliċità tad-dibattiti leġiżlattivi waqt is-sessjonijiet tal-Parlament u tal-Kunsill. Għall-kuntrarju, din id-dispożizzjoni ma tikkonċernax id-dritt ta’ aċċess għal dokumenti u lanqas ma tikkonċerna l-limiti u l-kundizzjonijiet għall-eżerċizzju ta’ dan id-dritt, li huma rregolati mill-Artikolu 15(3) TFUE u mill-Artikolu 42 tal-Karta.

54      Il-kuntest normattiv li jifforma parti minnu d-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti jikkorrobora l-konklużjoni li tinsab fil-punt 47 iktar ’il fuq.

55      Fil-fatt, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 1 TUE, dan it-Trattat “huwa pass ġdid lejn il-ħolqien ta’ għaqda dejjem iżjed ravviċinata fost il-popli ta’ l-Ewropa, li fiha d-deċiżjonijiet jittieħdu [bl-ikbar osservanza possibbli tal-prinċipju ta’ ftuħ u] kemm jista’ jkun qrib iċ-ċittadin”. L-Artikolu 10(3) TUE jipprevedi, min-naħa tiegħu, li kull ċittadin għandu jkollu d-dritt li jipparteċipa fil-ħajja demokratika tal-Unjoni u li d-deċiżjonijiet għandhom jittieħdu b’mod kemm jista’ jkun miftuħ u qrib iċ-ċittadini. Bl-istess mod, l-Artikolu 15(1)TFUE jipprovdi li, “[s]abiex tiġi promossa t-tmexxija tajba u sabiex tiġi assigurata l-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili, l-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi ta’ l-Unjoni għandhom iwettqu x-xogħol tagħhom b’mod kemm jista’ jkun miftuħ”.

56      Dawn id-dispożizzjonijiet kollha jikkonfermaw li l-prinċipju ta’ ftuħ, minkejja li huwa ta’ importanza fundamentali għall-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, madankollu ma huwiex assolut.

57      Fl-aħħar nett, il-qorti tal-Unjoni diġà kellha l-okkażjoni tippreċiża li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jibqgħu liberi li jirrifjutaw, abbażi tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001, l-aċċess għal ċerti dokumenti ta’ natura leġiżlattiva f’każijiet debitament iġġustifikati (sentenza tat‑22 ta’ Marzu 2018, De Capitani vs Il‑Parlament, T‑540/15, EU:T:2018:167, punt 112).

58      Bl-istess mod, fis-sentenza tagħha tas‑17 ta’ Ottubru 2013, Il-Kunsill vs Access Info Europe (C‑280/11 P, EU:C:2013:671, punti 36 sa 40 u 62), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, essenzjalment, li l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 kien intiż li japplika għad-dokumenti leġiżlattivi u li, fl-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, il-Qorti Ġenerali kellha tieħu inkunsiderazzjoni l-ekwilibriju bejn il-prinċipju ta’ trasparenza u l-ħarsien tal-effettività tal-proċess deċiżjonali tal-Kunsill.

59      Fir-rigward tal-argument tar-rikorrent li l-ġurisprudenza dwar l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 kienet ibbażata fuq it-Trattat KE u għalhekk ma kinitx għadha rilevanti sussegwentement għat-Trattat FUE, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li s-sentenza msemmija fil-punt 57 iktar ’il fuq ingħatat, min-naħa tagħha, fir-rigward ta’ deċiżjoni meħuda ferm wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat FUE.

60      Fl-aħħar nett, għalkemm ir-rikorrent isemmi wkoll l-Artikolu 41 tal-Karta, din id-dispożizzjoni hija irrilevanti għas-soluzzjoni ta’ din it-tilwima peress li tikkonċerna d-dritt ta’ aċċess ta’ kull persuna “għall-fajl li jikkonċernaha”. Issa, huwa paċifiku li d-dokumenti kontenzjużi ma jikkonċernawx speċifikament lir-rikorrent.

61      Bħala konklużjoni, għalkemm huwa minnu li l-aċċess għad-dokumenti leġiżlattivi għandu jkun wiesa’ kemm jista’ jkun, xorta jibqa’ l-fatt li d-dispożizzjonijiet tat-Trattati u tal-Karta invokati mir-rikorrent ma jistgħux jiġu interpretati fis-sens li jeskludu, bħala prinċipju, li l-aċċess għal tali dokumenti jista’ jiġi rrifjutat minħabba li l-iżvelar tagħhom jippreġudika serjament il-proċess deċiżjonali tal-istituzzjoni inkwistjoni, fis-sens tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001.

62      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-ewwel parti tal-ewwel motiv għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

 Fuq lapplikazzjoni għal dan il-każ talewwel subparagrafu talArtikolu 4(3) tarRegolament Nru 1049/2001

63      Ir-rikorrent, sostnut mill-intervenjenti kollha, isostni, essenzjalment, li l-Kunsill ma weriex li l-iżvelar tad-dokumenti kontenzjużi jippreġudika konkretament u effettivament il-proċess deċiżjonali tiegħu u li r-riskju ta’ tali preġudizzju kien raġonevolment prevedibbli, u mhux purament ipotetiku.

64      Il-Kunsill jikkontesta l-argumenti tar-rikorrent billi jirriproduċi, essenzjalment, ir-raġunijiet mogħtija fid-deċiżjoni kkontestata.

65      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont il-premessa 1 tiegħu, ir-Regolament Nru 1049/2001 jirrifletti r-rieda li tinħoloq Unjoni li fiha d-deċiżjonijiet jittieħdu bl-ikbar osservanza possibbli tal-prinċipju ta’ ftuħ u kemm jista’ jkun qrib iċ-ċittadini. Kif tfakkar il-premessa 2 tal-imsemmi regolament, id-dritt ta’ aċċess tal-pubbliku għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet huwa marbut man-natura demokratika ta’ dawn tal-aħħar.

66      Għal dan il-għan, kif jindikaw il-premessa 4 u l-Artikolu 1 tiegħu, ir-Regolament Nru 1049/2001 huwa intiż li jagħti lill-pubbliku l-iktar dritt ta’ aċċess wiesa’ possibbli (ara s-sentenza tat‑22 ta’ Marzu 2018, De Capitani vs Il‑Parlament, T‑540/15, EU:T:2018:167, punt 58 u l-ġurisprudenza ċċitata).

67      Dan id-dritt xorta waħda huwa suġġett għal ċerti limiti bbażati fuq raġunijiet ta’ interess pubbliku jew privat. B’mod iktar speċifiku, u konformement mal-premessa 11 tiegħu, ir-Regolament Nru 1049/2001 jipprevedi, fl-Artikolu 4 tiegħu, sistema ta’ eċċezzjonijiet li jawtorizzaw lill-istituzzjonijiet jirrifjutaw l-aċċess għal dokument f’każ li l-iżvelar ta’ dan tal-aħħar ikun jippreġudika wieħed mill-interessi protetti minn dan l-artikolu (ara s-sentenza tat‑22 ta’ Marzu 2018, De Capitani vs Il‑Parlament, T‑540/15, EU:T:2018:167, punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata).

68      Peress li jidderogaw mill-prinċipju tal-iktar aċċess wiesa’ possibbli tal-pubbliku għad-dokumenti, tali eċċezzjonijiet għandhom jiġu interpretati u applikati b’mod strett (ara s-sentenza tat‑22 ta’ Marzu 2018, De Capitani vs Il‑Parlament, T‑540/15, EU:T:2018:167, punt 61 u l-ġurisprudenza ċċitata).

69      Meta istituzzjoni, korp jew organu tal-Unjoni li quddiemhom titressaq talba għal aċċess għal dokument jiddeċiedu li jiċħdu din it-talba abbażi ta’ waħda mill-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001, huma għandhom, bħala prinċipju, jipprovdu spjegazzjonijiet fir-rigward tal-kwistjoni ta’ kif l-aċċess għal dan id-dokument jista’ konkretament u effettivament jippreġudika l-interess protett minn din l-eċċezzjoni u r-riskju ta’ tali preġudizzju għandu jkun raġonevolment prevedibbli u mhux purament ipotetiku (sentenzi tal‑4 ta’ Settembru 2018, ClientEarth vs Il‑Kummissjoni, C‑57/16 P, EU:C:2018:660, punt 51, u tat‑22 ta’ Marzu 2018, De Capitani vs Il‑Parlament, T‑540/15, EU:T:2018:167, punti 63 sa 65).

70      Skont il-ġurisprudenza, il-preġudizzju għall-proċess deċiżjonali fis-sens tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 ikun “serju” meta, b’mod partikolari, l-iżvelar tad-dokumenti inkwistjoni jkollu impatt sinjifikattiv fuq il-proċess deċiżjonali. L-evalwazzjoni tan-natura serja tiddependi miċ-ċirkustanzi kollha tal-każ, b’mod partikolari mill-effetti negattivi fuq il-proċess deċiżjonali invokati mill-istituzzjoni fir-rigward tal-iżvelar tad-dokumenti inkwistjoni (sentenzi tat‑18 ta’ Diċembru 2008, Muñiz vs Il‑Kummissjoni, T‑144/05, mhux ippubblikata, EU:T:2008:596, punt 75; tas‑7 ta’ Ġunju 2011, Toland vs Il‑Parlament, T‑471/08, EU:T:2011:252, punt 71, u tad‑9 ta’ Settembru 2014, MasterCard et vs Il‑Kummissjoni, T‑516/11, mhux ippubblikata, EU:T:2014:759, punt 62).

71      F’dan il-każ, id-dokumenti kontenzjużi huma dokumenti skambjati fi ħdan il-grupp ta’ ħidma “Dritt tal-kumpanniji” tal-Kunsill. B’mod partikolari, id-dokumenti WK 5230/17, tat‑8 ta’ Mejju 2017, WK 10931/17, tas‑6 ta’ Ottubru 2017, WK 12197/17, tas‑27 ta’ Ottubru 2017 u WK 12197/17 REV1, tat‑18 ta’ Lulju 2018, fihom kummenti u emendi testwali konkreti proposti mid-delegazzjonijiet tal-Istati Membri fir-rigward tal-proposta leġiżlattiva inkwistjoni kollha, fil-forma ta’ tabelli rikapitulattivi. Id-dokumenti WK 14969/17, tad‑19 ta’ Diċembru 2017, u WK 14969/17 REV 1, tat‑8 ta’ Jannar 2018, fihom noti tal-Presidenza tal-Kunsill indirizzati lill-grupp ta’ ħidma inkwistjoni li fihom l-imsemmija Presidenza rrilevat, b’mod partikolari, żbalji ta’ referenzi interni fil-proposta leġiżlattiva, ipproponiet emendi intiżi li jikkjarifikaw il-formulazzjoni ta’ dispożizzjoni u qajmet punt li kien għad irid ikun is-suġġett ta’ dibattiti, jiġifieri dak li tinstab redazzjoni iktar adegwata għal ċerti dispożizzjonijiet sabiex jiġi evitat ir-riskju li tiġi evitata l-applikazzjoni tad-Direttiva għal ċerti impriżi. Id-dokument WK 6662/18, tal‑1 ta’ Ġunju 2018, jinkludi, min-naħa tiegħu, stedina tal-Presidenza għal laqgħa tal-grupp ta’ ħidma intiża sabiex titkompla l-ħidma fuq il-proposta leġiżlattiva inkwistjoni, li tippreċiża li d-delegazzjonijiet huma mistennija jieħdu pożizzjoni b’mod partikolari dwar il-proposti li jinsabu fid-dokumenti preċedenti.

72      Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kunsill iġġustifika r-rifjut tiegħu li jagħti aċċess għad-dokumenti kontenzjużi permezz ta’ diversi kunsiderazzjonijiet.

73      Fl-ewwel lok, fil-punt 9 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kunsill enfasizza li s-suġġett tat-trasparenza fiskali tal-impriżi multinazzjonali kien “sensittiv ħafna” minn perspettiva politika.

74      F’dan ir-rigward, mill-verżjoni sħiħa tad-dokumenti kontenzjużi, li issa ġew żvelati, jirriżulta li dawn jinkludu proposti u emendi ta’ testi leġiżlattivi li jagħmlu parti mill-qafas normali tal-proċess leġiżlattiv. Issa, il-Kunsill ma jidentifika, la fid-deċiżjoni kkontestata u lanqas quddiem il-Qorti Ġenerali, ebda aspett konkret u speċifiku ta’ dawn id-dokumenti li huwa ta’ natura partikolarment sensittiva.

75      Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat, kif ifakkar barra minn hekk il-Kunsill stess fid-deċiżjoni kkontestata, li, fil-konklużjonijiet tiegħu tat‑18 ta’ Diċembru 2014, il-Kunsill Ewropew qies li kien “[h]emm ħtieġa urġenti li jiġu avvanzati l-isforzi fil-ġlieda kontra l-evitar tat-taxxa u l-ippjanar aggressiv tat-taxxa, kemm fil-livell dinji kif ukoll f’dak tal-UE” u li l-Parlament kien adotta riżoluzzjoni, fis‑16 ta’ Diċembru 2015, li kienet tinkludi rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni sabiex tiġi ffavorita t-trasparenza, il-koordinazzjoni u l-konverġenza tal-politiki fil-qasam tat-taxxa fuq il-kumpanniji fi ħdan l-Unjoni (2015/2010(INL)). Dawn id-dokumenti jixhdu l-importanza kbira għaċ-ċittadini Ewropej tat-trasparenza fiskali tal-impriżi multinazzjonali, importanza li timmilita pjuttost favur l-iktar aċċess wiesa’ possibbli għad-dokumenti leġiżlattivi relatati ma’ dan is-suġġett, u mhux favur aċċess limitat. Fil-fatt, l-aċċess għall-informazzjoni kollha li fuqha tkun ibbażata l-azzjoni leġiżlattiva tal-Unjoni huwa kundizzjoni meħtieġa għall-eżerċizzju effettiv miċ-ċittadini tal-Unjoni tad-drittijiet demokratiċi tagħhom, irrikonoxxuti b’mod partikolari fl-Artikolu 10(3) TUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Settembru 2018, ClientEarth vs Il‑Kummissjoni, C‑57/16 P, EU:C:2018:660, punt 92).

76      Għaldaqstant, għalkemm huma involuti suġġetti ta’ ċerta importanza, ikkaratterizzati, possibbilment, mid-diffikultà kemm politika kif ukoll legali tagħhom, fid-deċiżjoni kkontestata ma hemm xejn li jippermetti li jitqies li l-kontenut tad-dokumenti kontenzjużi kellu natura partikolarment sensittiva fis-sens li kien ser jiddaħħal inkwistjoni interess fundamentali tal-Unjoni jew tal-Istati Membri fil-każ ta’ żvelar (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Marzu 2018, De Capitani vs Il‑Parlament, T‑540/15, EU:T:2018:167, punt 97 u l-ġurisprudenza ċċitata). Barra minn hekk, quddiem il-Qorti Ġenerali, il-Kunsill lanqas ma jispeċifika l-aspetti konkreti tal-kontenut ta’ dawn id-dokumenti li huma ta’ natura partikolarment sensittiva.

77      Fit-tieni lok, fil-punt 21 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kunsill sostna li l-proposta leġiżlattiva inkwistjoni kienet is-suġġett ta’ diskussjonijiet pendenti u li d-dokumenti kontenzjużi ma kinux eżawrjenti u ma kinux jirriflettu neċessarjament il-pożizzjonijiet definittivi tal-Istati Membri.

78      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li n-natura preliminari tad-diskussjonijiet dwar il-proposta leġiżlattiva inkwistjoni ma tippermettix li tiġi ġġustifikata, bħala tali, l-applikazzjoni tal-eċċezzjoni prevista fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni ma tagħmilx distinzjoni skont l-istat li fih ikunu waslu d-diskussjonijiet. Din id-dispożizzjoni tkopri b’mod ġenerali d-dokumenti li jittrattaw kwistjoni “fejn id-deċiżjoni [tkun għadha] ma ttiħditx” mill-istituzzjoni kkonċernata, bil-kontra tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3), li jirrigwarda l-każijiet fejn l-istituzzjoni kkonċernata tkun ħadet deċiżjoni. F’dan il-każ, in-natura preliminari tad-diskussjonijiet pendenti, l-istess bħall-fatt li dawn il-proposti kienu għadhom ma kinux is-suġġett ta’ ftehim jew ta’ kompromess fi ħdan il-Kunsill, ma jippermettux għaldaqstant li jiġi kkaratterizzat preġudizzju serju għall-proċess deċiżjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑22 ta’ Marzu 2011, Access Info Europe vs Il‑Kunsill, T‑233/09, EU:T:2011:105, punti 75 u 76, u tat‑22 ta’ Marzu 2018, De Capitani vs Il‑Parlament, T‑540/15, EU:T:2018:167, punt 100).

79      Bl-istess mod, skont il-ġurisprudenza, min-natura tagħha, proposta ssir sabiex tiġi diskussa u ma hijiex intiża li titħalla kif inhi wara din id-diskussjoni. L-opinjoni pubblika għandha l-kapaċitajiet kollha sabiex tifhem li l-awtur ta’ proposta jista’ jemenda l-kontenut tagħha iktar tard. Huwa preċiżament għall-istess raġunijiet li l-awtur ta’ talba għal aċċess għal dokumenti leġiżlattivi fil-kuntest ta’ proċedura pendenti jkun kompletament konxju tan-natura provviżorja tal-informazzjoni li tkun tinsab f’dawn id-dokumenti u tal-fatt li din l-informazzjoni tista’ tinbidel matul il-proċess kollu tad-diskussjonijiet fil-kuntest tal-ħidma preparatorja tal-grupp ta’ ħidma tal-Kunsill, sakemm jintlaħaq ftehim dwar it-test kollu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Marzu 2018, De Capitani vs Il‑Parlament, T‑540/15, EU:T:2018:167, punt 102 u l-ġurisprudenza ċċitata). Dan jixhdu b’mod partikolari l-għan imfittex f’dan il-każ mit-talba għal aċċess, sa fejn ir-rikorrent ipprova jikseb għarfien tal-pożizzjonijiet espressi mill-Istati Membri fi ħdan il-Kunsill preċiżament sabiex iqajjem dibattitu f’dan ir-rigward qabel ma din l-istituzzjoni tistabbilixxi l-pożizzjoni tagħha fil-proċedura leġiżlattiva inkwistjoni (ara l-punt 14 iktar ’il fuq).

80      Fit-tielet lok, il-Kunsill irrileva, fil-punt 22 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-elementi li jinsabu fid-dokumenti kontenzjużi kienu r-riżultat ta’ “negozjati diffiċli” bejn l-Istati Membri u kienu juru d-diffikultajiet li kien għad kellu jsolvi qabel ma seta’ jasal għal ftehim.

81      Madankollu, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kunsill ma jippreċiżax liema “elementi” konkreti u speċifiċi tad-dokumenti kontenzjużi kienu sorsi ta’ diffikultajiet ta’ natura tali li l-iżvelar tagħhom seta’ jippreġudika serjament il-proċess deċiżjonali tiegħu. Mill-bqija, ir-raġuni mogħtija minnu fis-sens li wħud mill-proposti ta’ emenda riflessi fid-dokumenti kontenzjużi kien għad kellhom jiġu diskussi qabel ma jinkiseb ftehim hija ġenerali wisq u setgħet tapplika għal kull dokument ta’ natura leġiżlattiva mfassal jew skambjat fil-kuntest ta’ grupp ta’ ħidma tal-Kunsill.

82      Fir-raba’ lok, fil-punt 23 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kunsill sostna li d-dokumenti kontenzjużi kienu jinkludu diskussjonijiet liberi u ħielsa bejn l-Istati Membri, li l-iżvelar tagħhom f’dan l-istadju tan-“negozjati” kien ser jippreġudika l-fiduċja reċiproka li hija ċentrali għall-ħidma tal-gruppi ta’ ħidma tal-Kunsill.

83      Madankollu, il-Kunsill ma pproduċa ebda element tanġibbli li jista’ juri li, fir-rigward tal-proċedura leġiżlattiva inkwistjoni, l-aċċess għad-dokumenti kontenzjużi kien ser jippreġudika l-kooperazzjoni leali li għandhom jeżerċitaw bejniethom l-Istati Membri. Ir-riskju invokat jidher għalhekk ipotetiku. Barra minn hekk, sa fejn, fil-kuntest tal-gruppi ta’ ħidma tal-Kunsill, l-Istati Membri jesprimu l-pożizzjoni rispettiva tagħhom dwar proposta leġiżlattiva partikolari u dwar l-evoluzzjoni li huma jaċċettaw li jkollha, il-fatt li dawn l-elementi sussegwentement ikunu, fuq talba, ikkomunikati ma jistax, fih innifsu, jostakola l-kooperazzjoni leali li l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet għandhom jeżerċitaw bejniethom skont l-Artikolu 4(3) TUE (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑22 ta’ Marzu 2018, De Capitani vs Il‑Parlament, T‑540/15, EU:T:2018:167, punt 103 u 104).

84      Għalkemm, permezz tar-raġuni invokata fil-punt 23 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kunsill għamel riferiment għal riskju ta’ pressjonijiet pubbliċi, kif isostni fir-risposta, għandu jitfakkar li, f’sistema bbażata fuq il-prinċipju ta’ leġittimità demokratika, il-koleġiżlaturi għandhom iwieġbu għall-atti tagħhom fir-rigward tal-pubbliku. Sabiex iċ-ċittadini jkunu jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet demokratiċi tagħhom huwa meħtieġ li jkunu jistgħu jsegwu fid-dettall il-proċess deċiżjonali fi ħdan l-istituzzjonijiet li jipparteċipaw fil-proċeduri leġiżlattivi u li jkollhom aċċess għall-informazzjoni rilevanti kollha (sentenza tat‑22 ta’ Marzu 2011, Access Info Europe vs Il‑Kunsill, T‑233/09, EU:T:2011:105, punt 69). Barra minn hekk, l-Artikolu 10(3) TUE jipprovdi li kull ċittadin għandu jkollu d-dritt li jipparteċipa fil-ħajja demokratika tal-Unjoni u li d-deċiżjonijiet għandhom jittieħdu b’mod kemm jista’ jkun miftuħ u qrib iċ-ċittadini. Għalhekk, il-manifestazzjoni tal-opinjoni pubblika fir-rigward ta’ proposta leġiżlattiva partikolari tagħmel parti integrali mill-eżerċizzju tad-drittijiet demokratiċi taċ-ċittadini tal-Unjoni (sentenza tat‑22 ta’ Marzu 2018, De Capitani vs Il‑Parlament, T‑540/15, EU:T:2018:167, punt 98).

85      Għalkemm il-ġurisprudenza tirrikonoxxi li r-riskju ta’ pressjoni esterna jista’ jikkostitwixxi raġuni leġittima sabiex jiġi ristrett l-aċċess għad-dokumenti marbuta mal-proċess deċiżjonali, huwa madankollu neċessarju li r-realtà ta’ tali pressjoni esterna tiġi stabbilita b’ċertezza u li jiġu prodotti provi li juru li r-riskju li d-deċiżjoni li għandha tittieħed tiġi affettwata b’mod sostanzjali huwa raġonevolment prevedibbli minħabba l-imsemmija pressjoni esterna. Issa, ebda element tanġibbli fil-proċess ma jippermetti li tiġi stabbilita, fil-każ ta’ żvelar tad-dokumenti kontenzjużi, ir-realtà ta’ tali pressjoni esterna. Għaldaqstant, ma hemm xejn fil-proċess quddiem il-Qorti Ġenerali li jissuġġerixxi li, fir-rigward tal-proċedura leġiżlattiva inkwistjoni, il-Kunsill seta’ raġonevolment jistenna reazzjoni ikbar minn dik li tista’ tkun mistennija min-naħa tal-pubbliku minn kwalunkwe membru ta’ korp leġiżlattiv li jippreżenta emenda għal abbozz ta’ liġi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑22 ta’ Marzu 2011, Access Info Europe vs Il‑Kunsill, T‑233/09, EU:T:2011:105, punt 74, u tat‑22 ta’ Marzu 2018, De Capitani vs Il‑Parlament, T‑540/15, EU:T:2018:167, punt 99).

86      Fil-ħames lok, fil-punti 23 u 24 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kunsill spjega li l-iżvelar tad-dokumenti kontenzjużi kien ser jippreġudika serjament l-effettività tal-proċess deċiżjonali tiegħu u kien ser inaqqas il-possibbiltà li jintlaħaq ftehim.

87      Madankollu, ir-raġuni invokata fil-punti 23 u 24 tad-deċiżjoni kkontestata tibqa’ ġenerali wisq peress li l-Kunsill ma jispjegax kif l-aċċess għad-dokumenti kontenzjużi kien ser jippreġudika serjament, b’mod konkret, effettiv u mhux ipotetiku, il-possibbiltajiet li jintlaħaq ftehim dwar il-proposta leġiżlattiva inkwistjoni.

88      Fis-sitt lok, fil-punti 25 u 27 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kunsill enfasizza li l-interess pubbliku leġittimu li jiġġustifika l-iżvelar tad-dokumenti kontenzjużi ma kienx jipprevali fuq in-neċessità daqstant ieħor leġittima li jiġi protett il-proċess deċiżjonali.

89      Permezz tar-raġuni invokata fil-punti 25 u 27 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kunsill jidher li qiegħed jonqos milli jagħmel distinzjoni, kif isostni r-rikorrent, bejn żewġ stadji distinti fl-applikazzjoni tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001. Fil-fatt, huwa biss jekk l-istituzzjoni kkonċernata tqis li l-iżvelar ta’ dokument ser jippreġudika konkretament u effettivament il-proċess deċiżjonali inkwistjoni li hija għandha mbagħad tivverifika jekk interess pubbliku superjuri jiġġustifikax minkejja kollox l-iżvelar tad-dokument inkwistjoni. Fi kliem ieħor, huwa biss f’dan il-kuntest li l-Kunsill għandu l-obbligu li jibbilanċja l-interess speċifiku li għandu jiġi protett permezz tan-nuqqas ta’ żvelar tad-dokument ikkonċernat u, b’mod partikolari, l-interess ġenerali li dan id-dokument isir aċċessibbli, fid-dawl tal-vantaġġi li jirriżultaw, kif tirrileva l-premessa 2 tal-imsemmi regolament, minn trasparenza addizzjonali, jiġifieri parteċipazzjoni aħjar miċ-ċittadini fil-proċess deċiżjonali kif ukoll amministrazzjoni li tgawdi minn leġittimità, effettività u responsabbiltà ikbar fil-konfront taċ-ċittadin f’sistema demokratika (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑1 ta’ Lulju 2008, L‑Isvezja u Turco vs Il‑Kunsill, C‑39/05 P u C‑52/05 P, EU:C:2008:374, punt 45).

90      Fis-seba’ lok, fil-punt 26 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kunsill indika li r-rifjut li jiġi żvelat numru limitat ta’ dokumenti msemmija fit-talba tar-rikorrent ma kienx ser iwassal sabiex iċ-ċittadini jiġu mċaħħda mill-possibbiltà li jiġu informati dwar il-proċess deċiżjonali inkwistjoni.

91      F’dan ir-rigward, kif isostni r-rikorrent u kif barra minn hekk ammetta l-Kunsill, ir-raġuni invokata fil-punt 26 tad-deċiżjoni kkontestata ma hijiex kriterju rilevanti sabiex jiġi evalwat jekk humiex issodisfatti l-kundizzjonijiet għal rifjut skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001. Fil-fatt, is-sempliċi fatt li jkun ingħata aċċess għal ċerti dokumenti marbuta mal-istess proċedura leġiżlattiva ma jistax jiġġustifika r-rifjut ta’ aċċess għal dokumenti oħra.

92      Fit-tmien lok, il-Kunsill isostni, fil-punt 28 tad-deċiżjoni kkontestata, li, “wara evalwazzjoni speċifika tal-kontenut u tal-kuntest” [traduzzjoni mhux uffiċjali] tad-dokumenti kontenzjużi, huwa kkonkluda li kienu jeżistu raġunijiet oġġettivi li juru li kien hemm riskju raġonevolment prevedibbli li l-iżvelar tal-imsemmija dokumenti jippreġudika serjament il-proċess deċiżjonali inkwistjoni.

93      Madankollu, din l-allegata “evalwazzjoni speċifika tal-kontenut u tal-kuntest” [traduzzjoni mhux uffiċjali] tad-dokumenti kontenzjużi ma tirriżultax mid-deċiżjoni kkontestata, b’tali mod li r-riskju ta’ preġudizzju serju għall-proċess deċiżjonali ma huwa ssostanzjat permezz ta’ ebda element tanġibbli, konkret u speċifiku.

94      Fl-aħħar lok, fis-sottomissjonijiet bil-miktub tiegħu quddiem il-Qorti Ġenerali, il-Kunsill iżid li għandha ssir distinzjoni bejn id-dokumenti mfassla fil-kuntest tat-trilogi li kienu s-suġġett tas-sentenza tat‑22 ta’ Marzu 2018, De Capitani vs Il‑Parlament (T‑540/15, EU:T:2018:167) u d-dokumenti kontenzjużi. Fil-fehma tiegħu, tal-ewwel jintervjenu fi stadju tal-proċedura leġiżlattiva fejn huwa jkun diġà adotta l-pożizzjoni tiegħu dwar proposta leġiżlattiva, filwaqt li tat-tieni jirrigwardaw diskussjonijiet fi ħdan il-gruppi ta’ ħidma bejn uffiċjali tad-delegazzjonijiet tal-Istati Membri li jintervjenu fil-“livell tekniku”. F’dan il-każ, dawn tal-aħħar jikkonċernaw ħidma preparatorja u ma għandhom ebda impenn politiku sakemm ma jkunux sottomessi, bħala tali, lill-Kumitat tar-Rappreżentanti Permanenti (Coreper), jew sussegwentement lil waħda mill-formazzjonijiet ministerjali tal-Kunsill.

95      Għalkemm, permezz ta’ dan l-argument, il-Kunsill qiegħed jipprova jiġġustifika aċċess inqas wiesa’ għad-dokumenti stabbiliti mill-gruppi ta’ ħidma tiegħu minħabba n-natura allegatament “teknika” tagħhom, għandu qabelxejn jiġi rrilevat li n-natura “teknika” jew le ta’ dokument ma hijiex kriterju rilevanti għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001. Sussegwentement, u fi kwalunkwe każ, il-kontenut stess tad-dokumenti kontenzjużi juri li dawn jinkludu proposti regolatorji ta’ diversi testi leġiżlattivi u li jagħmlu parti, għaldaqstant, mill-iżvolġiment normali tal-proċess leġiżlattiv. Id-dokumenti kontenzjużi għalhekk ma huma ta’ ebda natura “teknika”. Fl-aħħar nett, il-membri tal-gruppi ta’ ħidma tal-Kunsill għandhom mandat mill-Istati Membri li huma jirrappreżentaw u jesprimu, waqt id-deliberazzjonijiet dwar proposta leġiżlattiva partikolari, il-pożizzjoni tal-Istat Membru tagħhom fi ħdan il-Kunsill, meta dan tal-aħħar jaġixxi fil-kwalità tiegħu ta’ koleġiżlatur. Il-fatt li l-imsemmija gruppi ta’ ħidma ma humiex awtorizzati jiddeċiedu l-pożizzjoni definittiva ta’ din l-istituzzjoni ma jfissirx madankollu li l-ħidma tagħhom ma tagħmilx parti mill-iżvolġiment normali tal-proċess leġiżlattiv, punt dan li barra minn hekk ma huwiex ikkontestat mill-Kunsill, u lanqas ma jfisser li d-dokumenti li huma jistabbilixxu huma ta’ natura “teknika”.

96      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, għandu jiġi konkluż li ebda waħda mir-raġunijiet mogħtija mill-Kunsill fid-deċiżjoni kkontestata ma tippermetti li jitqies li l-iżvelar tad-dokumenti kontenzjużi kien ser jippreġudika serjament, b’mod konkret, effettiv u mhux ipotetiku, il-proċess leġiżlattiv fis-sens tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001.

97      Għaldaqstant, it-tieni parti tal-ewwel motiv għandha tintlaqa’ u, għaldaqstant, id-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata mingħajr ma hemm bżonn li jiġu eżaminati l-motivi u l-ilmenti l-oħra mressqa insostenn tar-rikors.

 Fuq lispejjeż

98      Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-Kunsill tilef il-kawża, huwa għandu jiġi kkundannat ibati l-ispejjeż tiegħu u dawk tar-rikorrent, skont it-talbiet ta’ dan tal-aħħar.

99      Konformement mal-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, ir-Renju tal-Belġju, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, ir-Repubblika tal-Finlandja u r-Renju tal-Isvezja għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

Għal dawn ir-raġunijiet,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Għaxar Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-deċiżjoni tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea SGS 21/000067, tal14 ta’ Jannar 2021, hija annullata.

2)      Il-Kunsill għandu jbati l-ispejjeż tiegħu kif ukoll dawk sostnuti minn Emilio De Capitani.

3)      Ir-Renju tal-Belġju, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, ir-Repubblika tal-Finlandja u r-Renju tal-Isvezja għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

Kornezov

Buttigieg

Kowalik-Bańczyk

Hesse

 

      Petrlík

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil‑25 ta’ Jannar 2023.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.