Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Sąd Rejonowy we Włocławku (il-Polonja) fis-17 ta’ Awwissu 2023 – Proċeduri kriminali kontra K.P

(Kawża C-530/23, Barało 1 )

Lingwa tal-kawża: il-Pollakk

Qorti tar-rinviju

Sąd Rejonowy we Włocławku

Parti fil-proċeduri prinċipali

K.P

Domandi preliminari

L-Artikolu 2(1)(b) u l-Artikolu 4(5) kif ukoll l-Artikolu 9 moqrija flimkien mal-premessi 18, 19, 24 u 27 tad-Direttiva (UE) 2016/1919 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ottubru 2016 dwar għajnuna legali għal persuni ssuspettati u akkużati fi proċedimenti kriminali u għal persuni rikjesti fi proċedimenti ta’ mandat ta’ arrest Ewropew 1 b’rabta mal-kontenut tal-Artikolu 3(2)(a) u (c) u l-Artikolu 3(3)(a) tad-Direttiva 2013/48/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ottubru 2013 dwar id-dritt ta’ aċċess għas-servizzi ta’ avukat fi proċedimenti kriminali u fi proċedimenti ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, u dwar id-dritt li tiġi infurmata parti terza dwar iċ-ċaħda tal-libertà u d-dritt għal komunikazzjoni ma’ partijiet terzi u mal-awtoritajiet konsulari, matul iċ-ċaħda tal-libertà 2 f’interpretazzjoni ggwidata mill-kontenut stabbilit fir-rakkomandazzjonijiet 6, 7, 11, u 13 tar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tas-27 ta’ Novembru 2013 dwar is-salvagwardji proċedurali għall-persuni vulnerabbli suspettati jew akkużati fi proċedimenti kriminali 3 , għandhom jiġu interpretati fis-sens li jintroduċu regola li għandha effett dirett u u vinkolanti, li tagħmilha inammissibbli li jsiru atti investigattivi fil-forma ta’ interrogazzjoni ta’ persuni vulnerabbli jew persuni li jinsabu f’sitwazzjoni partikolarment diffiċli mingħajr il-preżenza ta’ avukat difensur jekk ikun hemm sitwazzjonijiet oġġettivi fattwali għall-għoti ta’ għajnuna legali, fejn fl-istess waqt l-awtorità inkarigata mill-fażi preliminari tal-proċedura tonqos milli taħtar għajnuna legali ex officio (anki urġenti jew provviżorju) mingħajr dewmien żejjed u qabel ma tinstema’ l-persuna kkonċernata [in concreto persuni vulnerabbli] mill-pulizija, minn awtorità oħra ta’ infurzar tal-liġi jew minn awtorità ġudizzjarja, jew qabel ma jitwettqu atti konkreti ta’ investigazzjoni jew atti ta’ ġbir ta’ provi?

L-Artikolu 2(1)(b) u l-Artikolu 4(5) kif ukoll l-Artikolu 9 moqrija flimkien mal-premessi 18, 19, 24 u 27 tad-Direttiva 2016/1919 b’rabta mal-kontenut tal-Artikolu 1(2) ta’ din id-direttiva f’interpretazzjoni ggwidata mill-kontenut stabbilit fir-rakkomandazzjonijiet 6, 7, 11, u 13 tar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tas-27 ta’ Novembru 2013 dwar is-salvagwardji proċedurali għall-persuni vulnerabbli suspettati jew akkużati fi proċedimenti kriminali, minkejja raġunijiet fattwali għal identifikazzjoni immedjata, għandhom jiġu interpretati fis-sens li n-nuqqas ta’ identifikazzjoni proċedurali ta’ sitwazzjonijiet speċjali potenzjali jew ir-rikonixximent ta’ persuni vulnerabbli u n-nuqqas ta’ possibbiltà li titqiegħed inkwistjoni l-evalwazzjoni tas-sitwazzjoni partikolarment diffiċli potenzjali kif ukoll il-provvista lil tali persuni ta’ avukat difensur ex officio mingħajr dewmien żejjed fi kwalunkwe każ ma humiex ammissibbli f’każijiet li jinvolvu atti pprojbiti punibbli b’ċaħda tal-libertà, u ċ-ċirkustanzi ta’ nuqqas ta identifikazzjoni u ħatra ta’ difiża ex officio għandhom jiġu ddikjarati b’mod espliċitu fid-deċiżjoni, li bħala prinċipju tista’ tiġi appellata, li l-interrogazzjoni ssir fl-assenza tal-avukat?

L-Artikolu 2(1)(b) u l-Artikolu 4(5) kif ukoll l-Artikolu 9 moqrija flimkien mal-premessi 18, 19, 24 u 27 tad-Direttiva (UE) 2016/1919 b’rabta mal-kontenut tal-Artikolu 1(2) ta’ din id-direttiva f’interpretazzjoni ggwidata mill-kontenut stabbilit fir-rakkomandazzjonijiet 6, 7, 11, u 13 tar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tas-27 ta’ Novembru 2013 dwar is-salvagwardji proċedurali għall-persuni vulnerabbli suspettati jew akkużati fi proċedimenti kriminali għandhom jiġu interpretati fis-sens li n-nuqqas ta’ introduzzjoni minn Stat Membru, fil-qafas tal-proċedura kriminali, ta’ preżunzjoni ta’ sitwazzjoni partikolarment diffiċli, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi lill-persuna ssuspettata milli tibbenefika min-natura garanti tal-Artikolu 9 tad-Direttiva (UE) 2016/1919 fl-interpretazzjoni li tirriżulta mill-kontenut tar-rakkomandazzjoni 11 tar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tas-27 ta’ Novembru 2013 dwar is-salvagwardji proċedurali għall-persuni vulnerabbli suspettati jew akkużati fi proċedimenti kriminali, u għaldaqstant – f’tali sitwazzjoni awtoritajiet ġudizzjarji huma obbligati japplikaw direttament id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva?

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għal minn tal-inqas domanda waħda mill-ewwel, mit-tieni u mt-tielet domanda – id-dispożizzjonijiet taż-żewġ direttivi imsemmija f’dawn id-domandi għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu dispożizzjonijiet nazzjonali bħal:

a)    it-tieni sentenza tal-Artikolu 301 tal-Kodeks postępowania karnego (il-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali, iktar ’il quddiem il-“k.p.k.”) li skontha, esklużivament fuq talba tal-persuna ssuspettata, din tinstema’ fil-preżenza tal-avukat difensur maħtur, u l-assenza tal-avukat difensur fl-interrogazzjoni tal-persuna ssuspettata ma jipprekludix l-interrogazzjoni;

b)    il-punti 3 u 4 tal-Artikolu 79(1) tal-k.p.k., li skonthom, fil-proċeduri kriminali l-persuna akkużata (il-persuna ssuspettata) għandu jkollha avukat difensur jekk jirriżulta li jkun hemm dubju ġġustifikat dwar jekk il-kapaċità tagħha li tagħraf it-tifsira tal-att jew li tikkontrolla l-aġir tagħha ma kinitx, fi żmien it-twettiq ta’ dan l-att, eskluża jew ristretta b’mod sinjifikattiv, u fejn ikun hemm dubju ġġustifikat dwar jekk il-qagħda tas-saħħa mentali tagħha tippermetti li tipparteċipa fil-proċeduri jew li tieħu ħsieb id-difiża tagħha b’mod indipendenti u raġonevoli?

L-Artikolu 3(2)(a) moqri flimkien mal-Artikolu 3(3)(b) tad-Direttiva 2013/48/UE b’rabta mal-prinċipji ta’ supremazija u ta’ effett dirett tad-direttivi jipprekludu lill-organi inkarigati mill-fażi preliminari tal-proċedura, lill-qrati kif ukoll kwalunkwe organu nazzjonali milli japplikaw dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li jmorru kontra d-Direttiva, bħal dawk imsemmija fir-raba’ domanda, u konsegwentement – fid-dawl tal-iskadenza tat-terminu ta’ implimentazzjoni – li jissostitwixxu l-imsemmija regoli nazzjonali mar-regoli tad-Direttiva li għandhom effett dirett?

L-Artikolu 2(1)(b) u l-Artikolu 4(5) kif ukoll l-Artikolu 9 moqrija flimkien mal-premessi 19, 24 u 27 tad-Direttiva (UE) 2016/1919 għandhom jiġu interpretati fis-sens li n-nuqqas ta’ taħid ta’ deċiżjoni ta’ ħatra jew fil-każ ta’ nuqqas ta’ ħatra ta’ għajnuna legali ex officio lil persuna vulnerabbli jew lil persuna preżunta li tinsab f’sitwazzjoni partikolarment diffiċli konformement mar-rakkomandazzjoni 7 tat-Taqsima 3 tar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tas-27 ta’ Novembru 2013 dwar is-salvagwardji proċedurali għall-persuni vulnerabbli suspettati jew akkużati fi proċedimenti kriminali, u sussegwentement, fir-rigward tat-twettiq, bis-sehem ta’ tali-persuni, ta’ atti ta’ investigazzjoni mill-pulizija jew minn organu ieħor ta’ infurzar, liema atti ma jistgħux jiġu repetuti quddiem qorti, qorti nazzjonali kompetenti biex tieħu konjizzjoni ta’ kawża fi proċeduri kriminali, kif ukoll kwalunkwe organu nazzjonali ieħor inkarigat mill-amministrazzjoni tal-ġustizzja fi proċeduri kriminali (jiġifieri – organi inkarigati mill-fażi preliminari tal-proċedura) għandhom obbligu ma japplikawx dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li jmorru kontra d-Direttiva, bħal dawk imsemmija fir-raba’ domanda, u konsegwentement – fid-dawl tal-iskadenza tat-terminu ta’ implimentazzjoni – li jissostitwixxu l-imsemmija regoli nazzjonali mar-regoli tad-Direttiva li għandhom effett dirett, anki fil-każ fejn tali persuna tkun ħatret avukat difensur tal-għażla tagħha wara tmiem l-investigazzjoni (jew inkjesta) u l-prosekutur pubbliku jkun issottometta l-att ta’ akkuża lill-qorti?

L-Artikolu 2(1)(b) u l-Artikolu 4(5) kif ukoll l-Artikolu 9 moqrija flimkien mal-premessi 19, 24 u 27 tad-Direttiva 2016/1919 b’rabta mal-Artikolu 1(2) ta’ din id-direttiva f’interpretazzjoni ggwidata mill-kontenut stabbilit fir-rakkomandazzjonijiet 6, 7, 11, u 13 tar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tas-27 ta’ Novembru 2013 dwar is-salvagwardji proċedurali għall-persuni vulnerabbli suspettati jew akkużati fi proċedimenti kriminali għandhom jiġu interpretati fis-sens li Stat Membru għandu l-obbligu li jiggarantixxi identifikazzjoni u rikonoxximent immedjat ta’ sitwazzjoni partikolarment diffiċli tal-persuna ssuspettata kif ukoll għajnuna legali ex officio lill-persuna ssuspettata jew akkużata fi proċeduri kriminali, preżunta li tinsab f’sitwazzjoni partikolarment diffiċli, jew persuna vulnerabbli fejn din l-għajnuna tkun ta’ natura obbligatorja anki fejn l-awtorità kompetenti tonqos milli tirreferi għal espert indipendenti għall-evalwazzjoni tal-grad tas-sitwazzjoni partikolarment diffiċli, tal-ħtiġijiet tal-persuna vulnerabbli kif ukoll tal-adegwatezza ta’ kwalunkwe miżuri meħuda jew previsti fil-konfront ta’ persuni vulnerabbli sakemm issir evalwazzjoni effettiva minn espert indipendenti?

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għas-seba’ domanda, id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva u tar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu dispożizzjonijiet nazzjonali, bħall-punti 3 u 4 tal-Artikolu 79(1) tal-k.p.k., li skonthom, fi proċeduri kriminali, il-persuna akkużata għandu jkollha avukat difensur biss jekk jirriżulta li jkun hemm dubju ġġustifikat dwar jekk il-kapaċità tagħha li tagħraf it-tifsira tal-att jew li tikkontrolla l-aġir tagħha ma kinitx, fi żmien it-twettiq ta’ dan l-att, eskluża jew sa ċertu punt limitata, u fejn ikun hemm dubju ġġustifikat dwar jekk il-qagħda tas-saħħa mentali tagħha tippermetti li tipparteċipa fil-proċeduri jew li tieħu ħsieb id-difiża tagħha b’mod indipendenti u raġonevoli?

L-Artikolu 2(1)(b) u l-Artikolu 4(5) kif ukoll l-Artikolu 9 moqrija flimkien mal-premessi 19, 24 u 27 tad-Direttiva (UE) 2016/1919 b’rabta mal-Artikolu 1(2) ta’ din id-direttiva f’interpretazzjoni ggwidata mill-kontenut stabbilit fir-rakkomandazzjonijiet 6, 7, 11, u 13 tar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tas-27 ta’ Novembru 2013 dwar is-salvagwardji proċedurali għall-persuni vulnerabbli suspettati jew akkużati fi proċedimenti kriminali, kif ukoll il-prinċipju ta’ preżunzjoni ta’ sitwazzjoni partikolarment diffiċli, għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-organi kompetenti (l-uffiċċju tal-prosekutur, il-pulizija), sa mhux iktar tard minn qabel l-ewwel interrogazzjoni tal-persuna ssuspettata mill-pulizija jew minn organu kompetenti ieħor, għandhom immedjatament iwettqu identifikazzjoni proċedurali u jirrikonoxxu s-sitwazzjoni partikolarment diffiċli tal-persuna ssuspettata fi proċeduri kriminali u jiggarantixxu fil-konfront tagħha l-provvista ta’ għajnuna legali jew għajnuna urġenti (provviżorja) kif ukoll li joqgħodu lura milli jinterrogaw lill-persuna ssuspettata sal-mument meta tinħatar għajnuna legali ex officio jew il-provvista ta’ għajnuna urġenti (provviżorja) lill-persuna?

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għad-disa’ domanda, l-Artikolu 2(1)(b) u l-Artikolu 4(5) kif ukoll l-Artikolu 9 moqrija flimkien premessi 19, 24 u 27 tad-Direttiva (UE) 2016/1919 b’rabta mal-Artikolu 1(2) ta’ din id-direttiva f’interpretazzjoni ggwidata mill-kontenut stabbilit fir-rakkomandazzjonijiet 6, 7, 11, u 13 tar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tas-27 ta’ Novembru 2013 dwar is-salvagwardji proċedurali għall-persuni vulnerabbli suspettati jew akkużati fi proċedimenti kriminali, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jimponu fuq l-Istati Membri l-obbligu li jiddefinixxu b’mod ċar fid-dritt nazzjonali tagħhom ir-raġunijiet u l-kriterji għal derogi mill-identifikazzjoni u rikonoxximent immedjat ta’ sitwazzjonijiet partikolarment diffiċli ta’ persuna ssuspettata fi proċeduri kriminali u li jiggarantixxu fil-konfront tagħha l-provvista ta’ għajnuna legali jew għajnuna urġenti (provviżorja), u kwalunkwe deroga eventwali għandha tkun proporzjonali, limitata ratione temporis u ma tistax tikser il-prinċipji ta’ ekwità proċedurali, u barra minn hekk għandha tieħu l-forma proċedurali ta’ deċiżjoni għal awtorizzazzjoni ta’ deroga temporanja li minnha bħala prinċipju l-parti għandu jkollha d-dritt li titlob li din id-deċiżjoni tiġi sottomessa għall-evalwazzjoni tal-qorti?

It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE u l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali moqrija flimkien mal-Artikolu 3(2)(a) u mal-Artikolu 3(3)(a) u (b) tad-Direttiva 2013/48/UE b’rabta mal-Artikolu 1(2) u mal-premessa 27 kif ukoll b’rabta mal-Artikolu 8 tad-Direttiva 2016/1919 għandhom jiġu interpretati fis-sens li f’każ ta’ nuqqas ta’ ħatra mill-organu proċedurali u ta’ speċifikazzjoni tar-raġunijiet għan-nuqqas ta’ deċiżjoni ta’ ħatra ta’ għajnuna legali ex officio lil persuna li fir-rigward tagħha hemm preżunzjoni ta’ sitwazzjoni partikolarment diffiċli u/jew vulnerabbli (konformement mal-kontenut tar-rakkomandazzjonijiet 7 u 11 tar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tas-27 ta’ Novembru 2013 dwar is-salvagwardji proċedurali għall-persuni vulnerabbli suspettati jew akkużati fi proċedimenti kriminali) tali persuna għandha dritt għal rimedji legali effettivi u bħala tali għandha tiġi kkunsidrata istituzzjoni tad-dritt proċedurali nazzjonali prevista fl-Artikolu 344a k.p.k. li tordna li l-kawża tintbagħat lura lill-prosekutur bil-għan ta’:

a) it-twettiq mill-organu inkarigat mill-fażi preliminari tal-proċedura tal-identifikazzjoni u r-rikonoxximent tas-sitwazzjoni partikularment diffiċli tal-persuna ssuspettata fi proċeduri kriminali;

b) il-possibbiltà għall-persuna ssuspettata li tikkonsulta lill-avukat difensur qabel ma jingħata bidu għall-interrogazzjoni;

c) it-twettiq tal-interrogazzjoni tal-persuna ssuspettata fil-preżenza tal-avukat difensur permezz ta’ reġistrazzjoni awdjoviżiva tal-istess interrogazzjoni;

d) il-possibbiltà għall-avukat difensur li jiffamiljarizza ruħu mal-atti proċedurali u sottomissjoni eventwali ta’ offerti ta’ prova mill-persuna vulnerabbli u l-avukat maħtur ex officio jew l-avukat maħtur mill-persuna ssuspettata?

L-Artikolu 4 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea moqri flimkien mal-Artikolu 6(1) u mal-Artikolu 2 TUE kif ukoll mal-Artikolu 6(3) TUE moqri flimkien mal-Artikolu 3 tal-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali ffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950, sussegwentement emendata bil-Protokolli Nru 3, 5 u 8 u ssupplimentata bil-Protokoll Nru 2, b’rabta mal-preżunzjoni ta’ sitwazzjoni partikolarment diffiċli konformement mal-kontenut tar-rakkomandazzjoni 7 tar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tas-27 ta’ Novembru 2013 dwar is-salvagwardji proċedurali għall-persuni vulnerabbli suspettati jew akkużati fi proċedimenti kriminali għandu jiġi interpretat fis-sens li l-interrogazzjoni tal-persuna ssuspettata mill-pulizija jew minn persuna oħra awtorizzata mit-twettiq ta’ atti ta’ investigazzjoni taħt kundizzjonijiet ta’ sptar psikjatriku mingħajr teħid inkunsiderazzjoni ta’ stat ta’ inċertezza u taħt kundizzjonijiet ta’ libertà partikolarment limitati li persuna tesprimi ruħha u l-vulnerabbiltà psikoloġika sui generis u fl-assenza ta’ avukat, tikkostitwixxi trattament inuman u bħala tali tiskwalifika kompletament tali atti proċedurali tal-interrogazzjoni inkwantu kuntrarja għad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni?

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għat-tnax-il domanda, id-dispożizzjonijiet imsemmija fit-tnax-il domanda għandhom jiġu interpretati fis-sens li jippermettu (jew pjuttost – jobbligaw) lill-qorti nazzjonali li tieħu konjizzjoni ta’ kawża fi proċeduri kriminali – li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2016/1919 b’rabta mar-rakkomandazzjoni 7 tar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tas-27 ta’ Novembru 2013 dwar is-salvagwardji proċedurali għall-persuni vulnerabbli suspettati jew akkużati fi proċedimenti kriminali kif ukoll fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2013/48/UE – iżda wkoll kwalunkwe organu ieħor inkarigat minn proċeduri kriminali li jittratta atti proċedurali f’kawża, jeskludu dispożizzjonijiet nazzjonali inkompatibbli mad-Direttiva, inkluż b’mod partikolari li jiġi eskluż l-Artikolu 168a k.p.k. u, konsegwentement, minħabba l-iskadenza tat-terminu ta’ implimentazzjoni, jissostitwixxu r-regoli nazzjonali msemmija iktar ’il fuq b’regoli tad-direttiva li jkunu direttament applikabbli anki fil-każ fejn tali persuna wara l-konklużjoni tal-investigazzjoni (jew inkjesta) u s-sottomissjoni tal-att ta’ akkuża mill-prosekutur pubbliku, tkun ħatret avukat difensur tal-għażla tagħha?

L-Artikolu 2(1)(b) u l-Artikolu 4(5) kif ukoll l-Artikolu 9 moqrija flimkien mal-premessi 19, 24 u 27 tad-Direttiva 2016/1919 flimkien mal-Artikolu 3(2)(a), (b) u (c) kif ukoll mal-Artikolu 3(3)(b) tad-Direttiva 2013/48/UE moqrija flimkien mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE kif ukoll il-prinċipju ta’ effettività fid-dritt tal-Unjoni, għandhom jiġu interpretati fis-sens li prosekutur li jkun qed jaġixxi fi stadju preliminari tal-proċedura f’kawżi kriminali għandu obbligu jaġixxi b’osservanza sħiħa tar-rekwiżiti tad-Direttiva 2016/1919 li għandhom effett dirett u b’hekk – li jiżguraw li l-persuna ssuspettata jew akkużata suġġetta għall-protezzjoni tal-imsemmija direttiva jkollha protezzjoni legali effettiva kemm jista’ jkun kmieni fost it-termini ta’ żmien li ġejjin:

a)    qabel ma tiġi interrogata mill-pulizija jew minn organu ieħor ta’ infurzar jew minn organu ġudizzjarju;

b)    mat-twettiq minn awtorità ta’ investigazzjoni jew awtorità kompetenti oħra ta’ atti investigattivi jew att ieħor ta’ ġbir ta’ provi konformement mal-Artikolu 3(3)(c) tad-Direttiva 2013/48/UE;

c)    mingħajr dewmien żejjed wara ċ-ċaħda tal-libertà (li għandha wkoll tinftiehem fis-sens ta’ tqegħid fi sptar psikjatriku), u f’każ ta’ ħtieġa – għandu obbligu li jinjora eventwali ordnijiet ta’ prokuraturi superjuri, jekk ikun konvint li l-applikazzjoni tagħhom fil-konfront ta’ tali persuna tippreġudika l-protezzjoni effettiva tal-persuna ssuspettata li fil-konfront tagħha hemm preżunzjoni ta’ trattament speċjali u ta’ sitwazzjoni partikolarment diffiċli, inkluż id-dritt tiegħu għal smigħ xieraq jew kwalunkwe dritt ieħor mogħti lilu mid-Direttiva (UE) 2016/1919 flimkien mad-Direttiva 2013/48/UE?

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-erbatax-il domanda, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE li jistabbilixxi l-prinċipu ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva b’rabta mal-Artikolu 2 TUE, flimkien mal-prinċipju ta’ osservanza tal-Istat tad-dritt konformement mal-interpretazzjoni mogħtija fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tas-27 ta’ Mejju 2019 fil-Kawża C-508/18), kif ukoll, il-prinċipju ta’ indipendenza tal-imħallfin stabblit fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE u fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, konformement mal-interpretazzjoni mogħtija mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (ara s-sentenza tas-27 ta’ Frar 2018, Associaçao Sindical dos Juizes Portugueses, C-64/16, EU:C:2018:117) għandhom jiġu interpretati fis-sens li dawn il-prinċipi, fid-dawl tal-possibbiltà li jingħataw ordnijiet vinkolanti lil prosekuturi ta’ livell inferjuri mill-Prosekutur Ġenerali jew prosekuturi superjuri li jobbligaw lill-prokuraturi ta’ livell inferjuri jinjoraw dispożizzjonijiet tal-Unjoni li jkollhom effett dirett jew ifixklu l-applikazzjoni tagħhom, jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tindika d-dipendenza diretta tal-prosekuturi mill-organu eżekuttiv, jiġifieri l-Ministru għall-Ġustizzja, kif ukoll jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tillimita l-indipendenza tal-uffiċċju tal-prosekutur fl-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari:

a)    l-Artikolu 1(2), il-punti 1 u 3 tal-Artikolu 3(1), l-Artikolu 7(1) sa (6) u (8) kif ukoll l-Artikolu 13(1) u (2) tal-ustawa z dnia 28 stycznia 2016 r. Prawo o prokuraturze (il-Liġi tat-28 ta’ Jannar 2016 dwar l-Uffiċċju tal-Prosekutur) li fih huwa indikat li l-Ministru għall-Ġustizzja, li fl-istess waqt huwa wkoll il-Prosekutur Ġenerali u l-organu prinċipali tal-uffiċċju tal-prosekutur għandu dritt jagħti ordnijiet li jorbtu lill-prosekuturi ta’ livell inferjuri anki fejn jillimitaw jew ifixklu l-applikazzjoni diretta tad-dritt tal-Unjoni?”

____________

1     L-isem ta’ din il-kawża huwa fittizju. Dan l-isem ma jikkorrispondi għall-isem reali ta’ ebda waħda mill-partijiet fil-proċedura.

1     ĠU 2016, L 297, p. 1, u r-rettifika fil-ĠU 2017, L 91, p. 40.

1     ĠU 2013, L 294, p. 1.

1     ĠU 2013, C 378, p. 8.