Language of document : ECLI:EU:C:2021:505

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

22 ta’ Ġunju 2021 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ċittadinanza tal-Unjoni – Artikoli 20 u 21 TFUE – Direttiva 2004/38/KE – Dritt taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom li jiċċaqilqu u li jirrisjedu liberament fit-territorju tal-Istati Membri – Deċiżjoni li tintemm ir-residenza tal-persuna kkonċernata għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku – Miżuri preventivi sabiex jiġi evitat kull riskju ta’ ħarba tal-persuna kkonċernata matul it-terminu mogħti lilha sabiex titlaq mit-territorju tal-Istat Membru ospitanti – Dispożizzjonijiet nazzjonali simili għal dawk applikabbli għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi skont l-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 2008/115/KE – Terminu massimu ta’ detenzjoni għall-iskop ta’ tneħħija – Dispożizzjoni nazzjonali identika għal dik applikabbli għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi”

Fil-Kawża C‑718/19,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Cour constitutionnelle (il-Belġju), permezz ta’ deċiżjoni tat‑18 ta’ Lulju 2019, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑27 ta’ Settembru 2019, fil-proċedura

Ordre des barreaux francophones et germanophone,

Association pour le droit des Étrangers ASBL,

Coordination et Initiatives pour et avec les Réfugiés et Étrangers ASBL,

Ligue des droits de l’Homme ASBL,

Vluchtelingenwerk Vlaanderen ASBL

vs

Conseil des ministres,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, R. Silva de Lapuerta, Viċi Presidenta, A. Prechal, M. Vilaras, E. Regan (Relatur) u N. Piçarra, Presidenti ta’ Awla, M. Safjan, D. Šváby, S. Rodin, F. Biltgen, K. Jürimäe, C. Lycourgos, P. G. Xuereb, L. S. Rossi u I. Jarukaitis, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: A. Rantos,

Reġistratur: R. Schiano, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas‑16 ta’ Novembru 2020,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Association pour le droit des Étrangers ASBL, Coordination et Initiatives pour et avec les Réfugiés et Étrangers ASBL, Ligue des Droits de l’Homme ASBL u Vluchtelingenwerk Vlaanderen ASBL, minn M. Van den Broeck, advocaat, kif ukoll minn P. Delgrange u S. Benkhelifa, avocates,

–        għall-Gvern Belġjan, minn L. Van den Broeck, M. Jacobs u C. Pochet, bħala aġenti, assistiti minn D. Matray, C. Decordier, S. Matray u C. Piront, avocats, kif ukoll minn T. Bricout, advocaat,

–        għall-Gvern Daniż, minn J. Nymann‑Lindegren u P. Jespersen kif ukoll minn M. S. Wolff, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Spanjol, minn J. Rodríguez de la Rúa Puig, bħala aġent,

–        għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Azéma u E. Montaguti, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-10 ta’ Frar 2021,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 20 u 21 TFUE kif ukoll tad-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 46).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn l-Ordre des barreaux francophones et germanophone, Association pour le droit des Étrangers ASBL, Coordination et Initiatives pour et avec les Réfugiés et Étrangers ASBL, Ligue des Droits de l’Homme ASBL u Vluchtelingenwerk Vlaanderen ASBL, u l-Conseil des ministres (il-Kunsill tal-Ministri, il-Belġju), fir-rigward ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tapplika fil-konfront ta’ ċittadini tal-Unjoni u ta’ membri tal-familji tagħhom, minn naħa, miżuri simili għal dawk applikabbli għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi sabiex jiġi evitat kwalunkwe riskju ta’ ħarba ta’ dawn iċ-ċittadini matul it-terminu mogħti lil dawn tal-aħħar sabiex jitilqu mit-territorju tal-Istat Membru ospitanti wara l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ ritorn u, min-naħa l-oħra, terminu massimu ta’ żamma għal finijiet ta’ tneħħija identiku għal dak applikabbli għall-imsemmija ċittadini.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

 Id-Direttiva 2004/38

3        Il-premessi 1 sa 3, u 31 tad-Direttiva 2004/38 huma fformulati kif ġej:

“(1)      Iċ-ċittadinanza ta’ l-Unjoni tikkonferixxi lil kull ċittadin ta’ l-Unjoni d-dritt primarju u individwali li jiċċaqlaq u jgħix liberament fit-territorju ta’ l-Istati Membri, bla ħsara għal-limitazzjonijiet u għall-kondizzjonijiet stabbiliti fit-Trattat [FUE] u għall-miżuri adottati fl-applikazzjoni ta’ l-istess.

“(2)      Il-moviment liberu tal-persuni jikkostitwixxi wieħed mil-libertajiet fundamentali fis-suq intern, li jinkludi żona mingħajr fruntieri interni, fejn il-libertà hi żgurata skond id-disposizzjonijiet tat-Trattat [FUE].

“(3)      Iċ-ċittadinanza ta’ l-Unjoni għandha tkun l-istatus fondamentali taċ-ċittadini ta’ l-Istati Membri meta huma jeżerċitaw d-dritt tagħhom ta’ moviment liberu u ta’ residenza. Hu għalhekk neċessarju li jiġu kkodifikati u riveduti l-istrumenti komunitarji eżistenti li jittrattaw separament lill-ħaddiema, lill-persuni li jaħdmu għal rashom kif ukoll lill-istudenti u lill-persuni oħrajn mhux attivi sabiex jissimplifikaw u jsaħħu d-dritt ta’ moviment liberu u residenza taċ-ċittadini kollha ta’ l-Unjoni.

[…]

(31)      Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet u l-libertajiet fondamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti b’mod partikolari mill-Karta tad-Drittijiet Fondamentali ta’ l-Unjoni Ewropea; […]”

4        L-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva, intitolat “Benefiċjarji”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Din id-Direttiva għandha tapplika għaċ-ċittadini kollha ta’ l-Unjoni li jiċċaqilqu jew li jgħixu fi Stat Membru għajr iċ-ċittadini ta’ l-istess Stat Membru, u għall-membri tal-familja tagħhom kif imfissra fil-punt 2 ta’ l-Artikolu 2 li jakkumpanjawhom jew li jingħaqdu magħhom.”

5        L-Artikolu 4 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Dritt ta’ ħruġ”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Mingħajr preġudizzju għad-disposizzjonijiet dwar dokumenti ta’ vjaġġar applikabbli għall-kontroll fil-fruntieri nazzjonali, iċ-ċittadini kollha ta’ l-Unjoni li għandhom karta ta’ l-identità valida jew passaport validu u l-membri tal-familja tagħhom li mhumiex ċittadini ta’ Stat Membru u li għandhom passaport validu għandhom id-dritt li joħorġu mit-territorju ta’ Stat Membru biex jivvjaġġaw lejn Stat Membru ieħor.”

6        Skont l-Artikolu 27 tal-istess direttiva, intitolat “Prinċipji ġenerali”:

“1.      Bla ħsara għad-disposizzjonijiet ta’ dan il-Kapitolu, l-Istati Membri jistgħu jirrestrinġu l-libertà ta’ moviment u residenza taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom, irrispettivament miċ-ċittadinanza, minħabba politika pubblika, sigurtà pubblika jew saħħa pubblika. Dawn ir-raġunijiet m’għandhomx jiġu nvokati għal skopijiet ekonomiċi.

2.      Il-miżuri meħuda minħabba raġunijiet ta’ politika pubblika jew ta’ sigurtà pubblika għandhom ikunu skond il-prinċipju ta’ proporzjonalità u għandhom ikunu bbażati esklussivament fuq il-kondotta personali ta’ l-individwu kkonċernat. Kundanni kriminali preċedenti m’għandhomx minnhom infushom jikkostitwixxu raġuni biex jittieħdu dawn il-miżuri.

Il-kondotta personali ta’ l-individwu kkonċernat għandha tirrappreżenta theddida ġenwina, attwali u serja biżżejjed li tolqot wieħed mill-interessi fondamentali tas-soċjetà. Ġustifikazzjonijiet li huma iżolati mill-partikolaritajiet tal-każ jew li jiddependu fuq konsiderazzjonijiet ta’ prevenzjoni ġenerali m’għandhomx jiġu aċċettati.

[…]

4.      L-Istat Membru li ħareġ il-passaport jew il-karta ta’ l-identità għandu jħalli lit-titolar tad-dokument li tkeċċa minħabba politika pubblika, sigurtà pubblika jew saħħa pubblika minn Stat Membru ieħor biex jerġa’ jidħol fit-territorju tiegħu mingħajr xi formalità anke jekk id-dokument m’għadux validu aktar jew jekk iċ-ċittadinanza tat-titolar qed tiġi kkontestata.”

7        L-Artikolu 30 tad-Direttiva 2004/38, intitolat “Notifika ta’ deċiżjonijiet”, jipprovdi:

“1.      Il-persuni kkonċernati għandhom jiġu avżati bil-miktub bi kwalunkwe deċiżjoni li tittieħed skond l-Artikolu 27(1), b’tali mod li jkunu jistgħu jifhmu l-kontenut tagħha u l-implikazzjonijiet għalihom.

[…]

3.      In-notifika għandha tispeċifika l-awtorità amministrattiva u dik ta’ ġurisprudenza li magħha l-persuna kkonċernata tista’ tiddepożita appell, il-limitu ta’ żmien għall-appell u, fejn applikabbli, iż-żmien permess għall-persuna biex titlaq mit-territorju ta’ l-Istat Membru. Ħlief għal każijiet debitament issostanzjati ta’ urġenza, iż-żmien permess biex il-persuna titlaq mit-territorju m’għandux ikun inqas minn xahar mid-data ta’ notifika.”

 Id-Direttiva 2008/115/KE

8        Il-premessi 2, 4 u 24 tad-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Diċembru 2008 dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment (ĠU 2008, L 348, p. 98), huma fformulati kif ġej:

“(2)      Il-Kunsill Ewropew ta’ Brussell [(il-Belġju)] ta’ l‑4 u l‑5 ta’ Novembru 2004 sejjaħ għat-twaqqif ta’ politika effettiva ta’ tneħħija u ripatrijazzjoni, mibnija fuq standards komuni, għar-ritorn ta’ persuni b’mod uman u b’rispett sħiħ lejn id-drittijiet fundamentali u tad-dinjità tagħhom.

[…]

(4)      Hemm bżonn li jitfasslu regoli ċari, trasparenti u ġusti biex ikun hemm politika ta’ ritorn effettiva bħala element neċessarju ta’ politika tal-migrazzjoni li tkun ġestita b’mod tajjeb.

[…]

(24)      Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tħares il-prinċipji rikonoxxuti b’mod partikolari mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta’ l-Unjoni Ewropea.”

9        L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, intitolat “Suġġett”, jipprevedi:

“Din id-Direttiva tistabbilixxi standards u proċeduri komuni li għandhom jiġu applikati fl-Istati Membri biex jiġu rritornati ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment, skond id-drittijiet fundamentali bħala prinċipji ġenerali tal-liġi Komunitarja kif ukoll tal-liġi internazzjonali, inkluż il-protezzjoni tar-refuġjati u l-obbligi dwar id-drittijiet tal-bniedem.”

10      L-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni” jipprovdi, fil-paragrafu 3 tiegħu:

“Din id-Direttiva m’għandhiex tapplika għall-persuni li jgawdu d-dritt Komunitarju ta’ moviment liberu kif definit fl-Artikolu 2(5) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen.”

11      L-Artikolu 6 tal-istess direttiva, intitolat “Deċiżjoni ta’ ritorn”, jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-Istati Membri għandhom joħorġu deċiżjoni ta’ ritorn għal ċittadin ta’ pajjiż terz li qed jissoġġorna illegalment fit-territorju tagħhom, bla ħsara għall-eċċezzjonijiet imsemmijin fil-paragrafi 2 sa 5.”

12      L-Artikolu 7 tad-Direttiva 2008/115, intitolat “Tluq volontarju”, jipprevedi fil-paragrafu 3 tiegħu:

“Ċerti obbligi maħsuba biex jevitaw ir-riskju ta’ ħarba, bħal ma huma r-rappurtar regolari lill-awtoritajiet, id-depożitu ta’ garanzija finanzjarja adegwata, il-preżentazzjoni ta’ dokumenti jew l-obbligu li wieħed jibqa’ f’ċertu post, jistgħu jiġu imposti għat-tul tal-perijodu ta’ tluq volontarju.”

13      Il-Kapitolu IV ta’ din id-direttiva, intitolat “Detenzjoni għall-għan ta’ tneħħija”, jinkludi l-Artikoli 15 sa 18 tal-imsemmija direttiva.

14      Skont l-Artikolu 15 tal-istess direttiva, intitolat “Detenzjoni”:

“1.      Dment li ma jistgħux jiġu applikati b’mod effettiv miżuri oħrajn suffiċjenti iżda inqas koersivi fil-każ speċifiku, l-Istati Membri jistgħu biss iżommu f’detenzjoni ċittadin ta’ pajjiż terz, li hu suġġett għal proċeduri ta’ ritorn biex jitħejja r-ritorn u/jew jitwettaq il-proċess ta’ tneħħija, partikolarment meta:

a)      jkun hemm riskju ta’ ħarba jew

b)      iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz konċernat jevita jew ifixkel it-tħejjija tar-ritorn jew il-proċess ta’ tneħħija.

Kwalunkwe detenzjoni għandha tkun għal perijodu kemm jista’ jkun qasir u għandha tinżamm biss sakemm l-arranġamenti ta’ tneħħija jkunu qed isiru u jitwettqu bid-diliġenza dovuta.

[…]

5.      Id-detenzjoni għandha titkompla għal tul ta’ perijodu meħtieġ biex il-kondizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1 jiġu sodisfatti u biex tiġi żgurata t-tneħħija b’suċċess. Kull Stat Membru għandu jistabbilixxi perijodu limitat ta’ detenzjoni, li ma jistax jeċċedi sitt xhur.

6.      L-Istati Membri jistgħu ma jestendux il-perijodu msemmi fil-paragrafu 5 ħlief għal perijodu limitat li ma jeċċedix it-tnax-il xahar oħra skond il-liġi nazzjonali f’każijiet fejn minkejja l-isforzi raġonevoli kollha tagħhom l-operazzjoni ta’ tneħħija tista’ ddum minħabba:

a)      nuqqas ta’ kooperazzjoni miċ-ċittadin ta’ pajjiż terz konċernat, jew

b)      dewmien fil-kisba tad-dokumentazzjoni neċessarja minn pajjiżi terzi.”

 Id-dritt Belġjan

15      L-Artikolu 44b tal-loi du 15 décembre 1980 sur l’accès au territoire, le séjour, l’établissement et l’éloignement des étrangers (il-Liġi tal‑15 ta’ Diċembru 1980 dwar l-Aċċess għat-Territorju, ir-Residenza, l-Istabbiliment u t-Tneħħija ta’ Barranin) (Moniteur Belge tal-31 ta’ Diċembru 1980, p. 14584), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Liġi tal-15 ta’ Diċembru 1980”), jipprovdi:

“§ 1. Meta ċittadin tal-Unjoni jew membru tal-familja tiegħu ma jkollux jew ma għadx għandu d-dritt li jirrisjedi fit-territorju, il-Ministru jew id-delegat tiegħu jistgħu joħorġu ordni sabiex jitlaq mit-territorju, skont l-Artikolu 7(1).

Meta l-Ministru jew ir-rappreżentant tiegħu jkollu l-intenzjoni li joħroġ ordni ta’ tneħħija mit-territorju, huwa għandu jieħu inkunsiderazzjoni t-tul tar-residenza taċ-ċittadin tal-Unjoni jew tal-membru tal-familja tiegħu fit-territorju tar-Renju, l-età tiegħu, l-istat ta’ saħħa tiegħu, is-sitwazzjoni familjari u ekonomika tiegħu, l-integrazzjoni soċjali u kulturali tiegħu fir-Renju u l-intensità tar-rabtiet tiegħu mal-pajjiż ta’ oriġini tiegħu.

§ 2. L-ordni ta’ tluq mit-territorju maħruġa lil ċittadin tal-Unjoni jew lil membru tal-familja tiegħu għandha tindika t-terminu li fih għandu jħalli t-territorju tar-Renju. Ħlief f’każijiet ta’ urġenza debitament iġġustifikati, dan it-terminu ma jistax ikun inqas minn xahar min-notifika tad-deċiżjoni.

It-terminu msemmi fil-paragrafu 1 jista’ jiġi estiż mill-Ministru jew mid-delegat tiegħu meta:

1°      ir-ritorn volontarju ma jistax iseħħ fit-terminu msemmi; jew

2°      iċ-ċirkustanzi speċifiċi għas-sitwazzjoni tal-persuna jiġġustifikawh.

It-talba għal estensjoni tat-terminu għat-tluq mit-territorju tar-Renju għandha titressaq miċ-ċittadin tal-Unjoni jew mill-membru tal-familja tiegħu quddiem il-Ministru jew lid-delegat tiegħu.”

16      L-Artikoli 28 sa 31 tal-loi du 24 février 2017, modifiant la loi du 15 décembre 1980 sur l’accès au territoire, le séjour, l’établissement et l’éloignement des étrangers afin de renforcer la protection de l’ordre public et de la sécurité nationale (il-Liġi tal‑24 ta’ Frar 2017 li temenda l-Liġi tal-15 ta’ Diċembru 1980 dwar l-Aċċess għat-Territorju, ir-Residenza, l-Istabbiliment u t-Tneħħija tal-Barranin Sabiex Tissaħħaħ il-Protezzjoni tal-Ordni Pubbliku u tas-Sigurtà Nazzjonali) (Moniteur belge tad‑19 ta’ April 2017, p. 51890) (iktar ’il quddiem il-“Liġi tal-24 ta’ Frar 2017”) inkludew fil-Liġi tal‑15 ta’ Diċembru 1980, l-Artikoli 44c sa 44f, li huma fformulati kif ġej:

“Artikolu 44c. ‘Sakemm ikun għaddej it-terminu msemmi fl-Artikolu 44b, iċ-ċittadin tal-Unjoni jew il-membru tal-familja tiegħu ma jistgħux ikunu s-suġġett ta’ tneħħija forzata.

Sabiex jiġi evitat kull riskju ta’ ħarba matul it-terminu msemmi fl-Artikolu 44ter, iċ-ċittadin tal-Unjoni jew il-membru tal-familja tiegħu jistgħu jiġu mġiegħla jieħdu miżuri preventivi. Ir-Re għandu s-setgħa li jiddetermina dawn il-miżuri b’ordni deliberata fil-Kunsill tal-Ministri.

Artikolu 44d. § 1. Il-Ministru jew id-delegat tiegħu għandhom jieħdu l-miżuri kollha neċessarji sabiex jeżegwixxu l-ordni ta’ tluq mit-territorju meta:

1°      ma jkun ingħata l-ebda terminu liċ-ċittadin tal-Unjoni jew lil membru tal-familja tiegħu biex jitlaq mit-territorju tar-Renju;

2°      iċ-ċittadin tal-Unjoni jew il-membru tal-familja tiegħu ma telaqx mit-territorju tar-Renju fit-terminu li ngħatalu;

3°      qabel l-iskadenza tat-terminu mogħti biex jitlaq mit-territorju tar-Renju, iċ-ċittadin tal-Unjoni jew il-membru tal-familja tiegħu jippreżenta riskju ta’ ħarba, ma kkonformax mal-miżuri preventivi imposti jew jikkostitwixxi theddida għall-ordni pubbliku jew is-sigurtà nazzjonali.

§ 2.      Meta ċ-ċittadin tal-Unjoni jew il-membru tal-familja tiegħu joġġezzjona għat-tneħħija tiegħu jew meta jippreżenta riskju ta’ perikolu waqt it-tneħħija tiegħu, għandu jsir ir-ritorn forzat tiegħu, jekk meħtieġ bi skorta. Miżuri koerċittivi jistgħu għalhekk jintużaw fil-konfront tiegħu fl-osservanza tal-Artikoli 1 u 37 tal-loi du 5 août 1992 sur la fonction de police (il-Liġi tal‑5 ta’ Awwissu 1992 dwar il-Funzjoni tal-Pulizija) [(Moniteur belge tat‑22 ta’ Diċembru 1992, p. 27124)].

Meta t-tneħħija ssir permezz tat-trasport bl-ajru, il-miżuri għandhom jittieħdu konformement mal-linji gwida komuni dwar it-tneħħija bi trasport bl-ajru annessi mad-[Deċiżjoni tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2004 dwar l-organizzazzjoni ta’ titjiriet konġunti għat-tneħħija mit-territorju ta’ żewġ Stati Membri jew iktar, ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li huma suġġetti ta’ ordnijiet individwali ta’ tneħħija (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 7, p. 78)].

§ 3.      Ir-Re għandu jaħtar b’ordni deliberata fil-Kunsill tal-Ministri, il-korp responsabbli biex jiżgura l-kontroll tar-ritorn forzat u jiddetermina t-termini ta’ dan il-kontroll. Dan il-korp huwa indipendenti mill-awtoritajiet kompetenti fi kwistjonijiet ta’ tneħħija.”

Artikolu 44e. Meta ċ-ċirkustanzi speċifiċi ta’ kull każ jiġġustifikawh, il-Ministru jew id-delegat tiegħu jistgħu temporanjament jipposponu t-tneħħija. Huwa għandu jinforma lill-parti kkonċernata.

Sabiex jiġi evitat kwalunkwe riskju ta’ ħarba, iċ-ċittadin tal-Unjoni jew il-membri tal-familja tiegħu jista’ jiġi mġiegħel jikkonforma ma’ miżuri preventivi. Ir-Re għandu s-setgħa li jiddetermina dawn il-miżuri b’ordni deliberata fil-Kunsill tal-Ministri.

Il-Ministru jew id-delegat tiegħu, jistgħu, fl-istess każijiet, ipoġġu ċittadin tal-Unjoni jew membru tal-familja tiegħu taħt arrest domiċiljari għall-ħin meħtieġ għall-eżekuzzjoni ta’ din il-miżura.”

Artikolu 44f. § 1. Jekk raġunijiet ta’ ordni pubbliku, sigurtà nazzjonali jew saħħa pubblika jeħtieġu hekk u sakemm ma jkunux jistgħu jiġu applikati miżuri oħra inqas koerċitivi b’mod effettiv, iċ-ċittadini tal-Unjoni u l-membri tal-familji tagħhom jistgħu, sabiex jiggarantixxu l-eżekuzzjoni tal-miżura ta’ tneħħija, jinżammu għaż-żmien strettament meħtieġ għall-eżekuzzjoni tal-miżura mingħajr ma t-tul taż-żamma ma jkun iktar minn xahrejn.

Madankollu, il-Ministru jew id-delegat tiegħu jistgħu jestendu t-tul ta’ din iż-żamma b’perijodu ta’ xahrejn, meta l-proċeduri meħtieġa għat-tneħħija tal-barrani jkunu ttieħdu fi żmien sebat ijiem tax-xogħol wara ż-żamma taċ-ċittadin tal-Unjoni jew tal-membru tal-familja tiegħu, meta jitwettqu bid-diliġenza dovuta kollha u meta tibqa’ dejjem il-possibbiltà li l-persuna kkonċernata titneħħa b’mod effettiv f’terminu raġonevoli.

Wara l-ewwel estensjoni, id-deċiżjoni li jiġi estiż it-tul taż-żamma tista’ tittieħed biss mill-Ministru.

Wara ħames xhur iċ-ċittadin tal-Unjoni jew il-membru tal-familja tiegħu għandu jinħeles. Fil-każ li s-salvagwardja tal-ordni pubbliku jew is-sigurtà nazzjonali hekk teħtieġ, iż-żamma għandha tiġi estiża kull darba b’xahar mingħajr, madankollu, ma t-tul totali taż-żamma tkun tista’ taqbeż it-tmien xhur.

§ 2. Iċ-ċittadin tal-Unjoni jew il-membru tal-familja tiegħu msemmi fil-paragrafu 1 jista’ jippreżenta appell kontra d-deċiżjoni taż-żamma li tagħha huwa s-suġġett, skont l-Artikoli 71 et seq.”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

17      Ġew ippreżentati żewġ rikorsi għall-annullament totali jew parzjali tal-Liġi tal‑24 ta’ Frar 2017 quddiem il-Cour constitutionnelle (il-Belġju), l-ewwel wieħed, mill-Ordre des barreaux francophones et germanophone u, it-tieni wieħed, mill-Association pour le droit des Étrangers, mill-Coordination et Initiatives pour et avec les Réfugiés et Étrangers, mil-Ligue des Droits de l’Homme kif ukoll minn Vluchtelingenwerk Vlaanderen. Dawn iż-żewġ rikorsi ġew magħquda mill-qorti tar-rinviju.

18      Skont l-indikazzjonijiet ipprovduti fid-deċiżjoni tar-rinviju, din il-liġi għandha l-għan li tiżgura politika effettiva ta’ tneħħija taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familji tagħhom, billi tiżgura li din il-politika tkun umana u tirrispetta b’mod sħiħ id-drittijiet fundamentali u d-dinjità tagħhom. Id-dispożizzjonijiet tal-imsemmija liġi, li huma intiżi wkoll sabiex jiggarantixxu liċ-ċittadini tal-Unjoni u lill-membri tal-familji tagħhom sistema ta’ tneħħija li ma tkunx inqas favorevoli minn dik li jibbenefikaw minnha ċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi, jippermettu għalhekk li jiġu ċċarati l-miżuri li jkunu jistgħu jittieħdu fir-rigward taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familji tagħhom sabiex jiżguraw it-tneħħija tagħhom mit-territorju Belġjan.

19      Fl-ewwel lok, din il-qorti għandha dubji dwar il-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jipprevedu l-possibbiltà li jiġu imposti miżuri preventivi fuq ċittadin tal-Unjoni jew membru tal-familja tiegħu, li jkun ingħata ordni ta’ tluq mit-territorju Belġjan għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku, matul it-terminu mogħti lilu sabiex jitlaq minn dan it-territorju jew matul il-proroga ta’ dan it-terminu sabiex jiġi evitat kull riskju ta’ ħarba tal-persuna kkonċernata. Dawn id-dispożizzjonijiet jawtorizzaw lir-Re jiddetermina dawn il-miżuri permezz ta’ digriet deliberat fil-Kunsill tal-Ministri u jipprovdu li l-Ministru kompetenti (iktar ’il quddiem il-“Ministru”) jew id-delegat tiegħu jkun jista’ jordna li l-persuna kkonċernata titqiegħed taħt arrest domiċiljari fil-każ fejn it-tneħħija tiġi posposta temporanjament.

20      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jsostnu, b’mod partikolari, li d-dritt tal-Unjoni jipprekludi l-impożizzjoni ta’ miżuri liċ-ċittadini tal-Unjoni u lill-membri tal-familji tagħhom bil-għan li jiġi evitat ir-riskju li dawn jaħarbu matul it-terminu mogħti lilhom sabiex jitilqu mit-territorju tal-Istat Membru ospitanti jew matul il-proroga ta’ dan it-terminu.

21      F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tirrileva li d-Direttiva 2008/115, li hija applikabbli biss għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi, tipprovdi l-possibbiltà li jiġu imposti tali miżuri, filwaqt li d-Direttiva 2004/38, applikabbli għal ċittadini tal-Unjoni u għal membri tal-familji tagħhom, ma tinkludix dispożizzjonijiet f’dan ir-rigward. Skont ix-xogħol preparatorju relatat mad-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, id-dispożizzjonijiet intiżi li jiġi evitat ir-riskju ta’ ħarba tagħhom ma jikkostitwixxux traspożizzjoni fid-dritt Belġjan tad-Direttiva 2008/115, iżda huma ispirati ħafna minnhom.

22      Irrispettivament min-natura tal-miżuri kkonċernati, dawn tal-aħħar neċessarjament jaffettwaw id-drittijiet u l-libertajiet taċ-ċittadin tal-Unjoni jew tal-membru tal-familja tiegħu kkonċernat, peress li dawn għandhom preċiżament l-għan li jipprekluduh milli jaħrab u, għaldaqstant, milli jmur, possibbilment, fi Stat Membru ieħor, u, fl-aħħar mill-aħħar, li jiżguraw it-tluq forzat tiegħu mit-territorju Belġjan.

23      Ċertament, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tal‑14 ta’ Settembru 2017, Petrea (C‑184/16, EU:C:2017:684), jirriżulta li d-dritt tal-Unjoni ma jipprekludix li deċiżjoni ta’ tneħħija ta’ ċittadin tal-Unjoni tiġi adottata mill-istess awtoritajiet u skont l-istess proċedura bħal deċiżjoni ta’ ritorn ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li jirrisjedi illegalment meta l-miżuri ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2004/38 fid-dritt nazzjonali jkunu iktar favorevoli għal dan iċ-ċittadin tal-Unjoni. Madankollu, id-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma għandhomx l-għan li jaħtru l-awtorità kompetenti li tieħu deċiżjoni ta’ tneħħija fir-rigward taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familji tagħhom u lanqas ma jinkludu dispożizzjonijiet proċedurali, iżda jikkonċernaw restrizzjonijiet għad-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom li ma humiex previsti fid-Direttiva 2004/38.

24      Konsegwentement, il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar l-applikabbiltà b’analoġija għaċ-ċittadini tal-Unjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2008/115 dwar il-miżuri intiżi li jiġi evitat ir-riskju ta’ ħarba fil-każ ta’ tneħħija ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz.

25      Fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jippermettu li jinżammu f’detenzjoni ċ-ċittadini tal-Unjoni u l-membri tal-familji tagħhom, li ma jkunux ikkonformaw ruħhom ma’ deċiżjoni ta’ tneħħija meħuda għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku jew ta’ sigurtà pubblika, sabiex tiġi ggarantita l-eżekuzzjoni ta’ din id-deċiżjoni, b’mod partikolari, matul perijodu massimu ta’ tmien xhur meta s-salvagwardja tal-ordni pubbliku jew tas-sigurtà pubblika tkun tirrikjedi t-tkomplija ta’ tali detenzjoni.

26      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jilmentaw li d-dispożizzjoni nazzjonali kkonċernata, b’mod partikolari, tipprevedi perijodi ta’ detenzjoni eċċessivament twal, u, konsegwentement, sproporzjonati, kif ukoll ma tipprevedix kriterji ċari li jippermettu li jiġi ddeterminat oġġettivament iż-żmien neċessarju għall-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ tneħħija u fiex jikkonsisti trattament diliġenti tal-awtorità inkarigata għall-eżekuzzjoni ta’ din id-deċiżjoni.

27      Il-qorti tar-rinviju tindika li d-dispożizzjoni nazzjonali kkonċernata tirriproduċi, għaċ-ċittadini tal-Unjoni u għall-membri tal-familji tagħhom, ir-regoli previsti fid-dritt nazzjonali għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi. Din id-dispożizzjoni tistabbilixxi għalhekk identiċità fit-trattament taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familji tagħhom maċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi, b’mod partikolari fir-rigward tat-tul massimu tad-detenzjoni fid-dawl tat-tneħħija tal-persuna kkonċernata.

28      Barra minn hekk, tqum il-kwistjoni dwar jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali hijiex kompatibbli mal-moviment liberu li huwa ggarantit liċ-ċittadini tal-Unjoni u lill-membri tal-familji tagħhom fl-Artikoli 20 u 21 TFUE kif ukoll fid-Direttiva 2004/38, li minnha jista’ jiġi dedott li t-tul tad-detenzjoni huwa limitat għaż-żmien strettament neċessarju għall-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ tneħħija.

29      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Cour constitutionnelle (il-Qorti Kostituzzjonali) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

“1)      Id-dritt tal-Unjoni, u b’mod partikolari l-Artikoli 20 u 21 tat-[TFUE] u d-[Direttiva 2004/38], għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tapplika għal ċittadini tal-Unjoni u għal membri tal-familji tagħhom dispożizzjonijiet simili għal dawk li jikkostitwixxu t-traspożizzjoni, fir-rigward ta’ ċittadini ta’ Stati terzi, tal-Artikolu 7(3) tad-[direttiva tar-ritorn], jiġifieri dispożizzjonijiet li jistgħu jobbligaw liċ-ċittadin tal-Unjoni jew lill-membru tal-familja tiegħu jikkonforma ruħu ma’ miżuri preventivi sabiex jiġi evitat kwalunkwe riskju ta’ ħarba matul it-terminu li jkun ingħatalu sabiex jitlaq mit-territorju wara t-teħid ta’ deċiżjoni ta’ tmiem ta’ residenza minħabba raġunijiet ta’ ordni pubbliku jew matul l-estensjoni ta’ dan it-terminu?

2)      Id-dritt tal-Unjoni, u b’mod partikolari l-Artikoli 20 u 21 tat-[TFUE] u d-[Direttiva 2004/38], għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tapplika għal ċittadini tal-Unjoni u għal membri tal-familji tagħhom li ma jkunux ikkonformaw ruħhom ma’ deċiżjoni ta’ tmiem ta’ residenza minħabba raġunijiet ta’ ordni pubbliku jew ta’ sigurtà pubblika dispożizzjoni identika għal dik applikata għal ċittadini ta’ Stati terz fl-istess sitwazzjoni fir-rigward tat-terminu massimu ta’ detenzjoni għall-finijiet ta’ tneħħija, jiġifieri tmien xhur?”

 Fuq id-domandi preliminari

30      Permezz tad-domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 20 u 21 TFUE kif ukoll id-Direttiva 2004/38 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali:

–        li tapplika, għaċ-ċittadini tal-Unjoni u għall-membri tal-familji tagħhom, matul it-terminu mogħti lilhom sabiex jitilqu mit-territorju tal-Istat Membru ospitanti wara l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ tneħħija meħuda fil-konfront tagħhom għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku jew matul il-proroga ta’ dan it-terminu, dispożizzjonijiet intiżi li jevitaw ir-riskju li dawn jaħarbu li jkunu simili għal dawk li, fir-rigward taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi, ikunu intiżi li jittrasponu fid-dritt nazzjonali l-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 2008/115, u

–        li tapplika, għaċ-ċittadini tal-Unjoni u għall-membri tal-familji tagħhom, li wara l-iskadenza tat-terminu stabbilit jew tal-proroga ta’ dan it-terminu, ma jkunux ikkonformaw ruħhom ma’ deċiżjoni ta’ tneħħija meħuda fil-konfront tagħhom għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku jew ta’ sigurtà pubblika, miżura ta’ detenzjoni ta’ tul massimu ta’ tmien xhur għall-finijiet ta’ tneħħija, fejn dan it-tul ikun identiku għal dak applikabbli, fid-dritt nazzjonali, għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li ma jkunux ikkonformaw ruħhom ma’ deċiżjoni ta’ ritorn meħuda għal tali raġunijiet, skont l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2008/115.

31      Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 27(1) tad-Direttiva 2004/38, l-Istati Membri jistgħu jirrestrinġu l-libertà ta’ moviment u ta’ residenza ta’ ċittadin tal-Unjoni jew ta’ membru tal-familja tiegħu, b’mod partikolari għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku jew ta’ sigurtà pubblika. Għalkemm id-domandi magħmula jikkonċernaw sitwazzjonijiet li fihom deċiżjoni ta’ tneħħija tiġi adottata abbażi ta’ din id-dispożizzjoni, dawn madankollu ma jirrigwardawx l-eżami ta’ tali deċiżjoni fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni, iżda jirrigwardaw dak ta’ miżuri intiżi li jiżguraw l-eżekuzzjoni tagħha.

32      Dan premess, għandha tingħata risposta għad-domandi magħmula billi jiġi eżaminat, fl-ewwel lok, jekk l-Artikoli 20 u 21 TFUE kif ukoll id-Direttiva 2004/38 jipprekludux il-fatt stess li jiġu previsti dispożizzjonijiet nazzjonali applikabbli fil-kuntest tal-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ta’ tneħħija taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom li l-kontenut tagħhom ikun identiku jew simili għal dispożizzjonijiet intiżi li jittrasponu, fid-dritt nazzjonali, id-Direttiva 2008/115, dwar ir-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jirrisjedu illegalment. Jekk dan ma jkunx il-każ, għandu jiġi evalwat, fit-tieni lok, jekk il-miżuri speċifiċi previsti mid-dispożizzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali jistgħux jikkostitwixxu restrizzjonijiet għal-libertà ta’ moviment u ta’ residenza u, jekk ikun il-każ, fit-tielet lok, jekk tali restrizzjonijiet jistgħux jiġu ġġustifikati.

 Fuq l-applikazzjoni għaċ-ċittadini tal-Unjoni u għall-membri tal-familji tagħhom ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali li l-kontenut tagħhom ikun identiku jew simili għal dawk applikabbli għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi

33      Għandu jitfakkar li l-Kapitolu VI tad-Direttiva 2004/38 jipprevedi, b’mod partikolari, regoli dwar it-tneħħija taċ-ċittadini tal-Unjoni biss u tal-membri tal-familja tagħhom. Madankollu, din id-direttiva ma tinkludix dispożizzjonijiet preċiżi dwar il-possibbiltà għall-Istati Membri li jadottaw miżuri intiżi li jevitaw ir-riskju li dawn jaħarbu matul it-terminu mogħti lilhom sabiex jitilqu mit-territorju tal-Istat Membru ospitanti jew matul il-proroga ta’ dan it-terminu, u lanqas ma tinkludi dispożizzjonijiet preċiżi dwar il-possibbiltà li l-persuni kkonċernati jinżammu f’detenzjoni meta ma jkunux ikkonformaw ruħhom ma’ deċiżjoni ta’ tneħħija f’dan it-terminu jew matul il-proroga tiegħu.

34      Fl-assenza ta’ leġiżlazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, huma l-Istati Membri li għandhom jipprevedu regoli li jippermettulhom jadottaw miżuri intiżi li jiżguraw l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ta’ tneħħija bbażata fuq l-Artikolu 27 tad-Direttiva 2004/38, bil-kundizzjoni li ebda dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni ma tkun tipprekludi dan (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Settembru 2017, Petrea, C‑184/16, EU:C:2017:684, punt 52).

35      Huwa biss b’osservanza ta’ din il-kundizzjoni li l-Istati Membri jistgħu jispiraw ruħhom mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2008/115, b’mod partikolari mill-Artikolu 7(3) tagħha u mill-Artikoli 15 sa 18 tagħha, sabiex jadottaw, minn naħa, miżuri intiżi li jevitaw ir-riskju ta’ ħarba ta’ ċittadini tal-Unjoni u ta’ membri tal-familja tagħhom, matul it-terminu mogħti lilhom sabiex jitilqu mit-territorju tal-Istat Membru ospitanti jew matul il-proroga ta’ dan it-terminu, u, min-naħa l-oħra, miżuri ta’ detenzjoni meta ma jkunux ikkonformaw ruħhom mal-imsemmija deċiżjoni ta’ tneħħija.

36      Fil-fatt, l-Artikolu 7(3) ta’ din id-direttiva jipprevedi l-possibbiltà għall-Istati Membri li jimponu obbligi fuq iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz sabiex jiġi evitat ir-riskju li dan tal-aħħar jaħrab matul it-terminu ta’ tluq volontarju, fejn l-obbligi espressament elenkati għal dan il-għan ikunu dawk li jippreżentaw ruħhom regolarment lill-awtoritajiet, li jiddepożitaw garanzija finanzjarja adegwata, li jissottomettu dokumenti jew li jibqgħu f’post speċifiku. Bl-istess mod, kapitolu sħiħ tal-imsemmija direttiva, jiġifieri l-Kapitolu IV tagħha, intitolat “Detenzjoni għal finijiet ta’ tneħħija”, li jinkludi l-Artikoli 15 sa 18 tal-imsemmija direttiva, jipprevedi l-possibbiltà li ċittadin ta’ pajjiż terz jitqiegħed f’detenzjoni għall-finijiet ta’ tneħħija u jinkludi, b’mod iddettaljat, il-garanziji mogħtija liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi fir-rigward kemm tad-deċiżjoni ta’ tneħħija kif ukoll dik tad-detenzjoni tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Settembru 2013, G. u R., C‑383/13 PPU, EU:C:2013:533, punt 31).

37      B’mod iktar speċifiku, l-Artikolu 15(5) tad-Direttiva 2008/115 jippreċiża, b’mod partikolari, li t-tul ta’ żmien ta’ detenzjoni ma jistax jaqbeż is-sitt xhur, filwaqt li l-Artikolu 15(6) ta’ din id-direttiva jipprovdi li l-Istati Membri ma jistgħux jipprorogaw il-perijodu previst fl-Artikolu 15(5) tal-imsemmija direttiva, ħlief għal perijodu ddeterminat li ma jeċċedix tnax-il xahar addizzjonali meta, minkejja l-isforzi raġonevoli kollha tagħhom, ikun probabbli li l-operazzjoni ta’ tneħħija ddum iktar minħabba n-nuqqas ta’ kooperazzjoni taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat jew minħabba dewmien fil-kisba tad-dokumenti neċessarji minn pajjiżi terzi.

38      F’dan il-każ, mill-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-għan tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali huwa li tiġi ggarantita liċ-ċittadini tal-Unjoni u lill-membri tal-familja tagħhom sistema ta’ tneħħija li ma tkunx inqas favorevoli minn dik li jibbenefikaw minnha ċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi. Fir-rigward, b’mod iktar speċifiku, tad-dispożizzjonijiet nazzjonali intiżi li jiġi evitat ir-riskju li l-persuna kkonċernata taħrab, dawn huma ispirati fil-parti l-kbira mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2008/115. Fir-rigward tal-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar id-detenzjoni tal-persuna kkonċernata għall-finijiet ta’ tneħħija, din tirriproduċi r-regoli previsti, fid-dritt nazzjonali, għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi u b’hekk tistabbilixxi identiċità fit-trattament taċ-ċittadini tal-Unjoni kif ukoll tal-membri tal-familja tagħhom maċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi suġġetti għal proċedura ta’ ritorn skont din id-direttiva, b’mod partikolari fir-rigward tal-perijodu massimu ta’ detenzjoni previst għat-tneħħija tal-persuna kkonċernata.

39      Konsegwentement, għalkemm is-sempliċi fatt għall-Istat Membru ospitanti li jipprevedi regoli nazzjonali applikabbli fil-kuntest tal-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ta’ tneħħija taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familji tagħhom billi jispira ruħu minn dawk applikabbli għar-ritorn taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li huma intiżi li jittrasponu d-Direttiva 2008/115 fid-dritt nazzjonali ma huwiex, fih innifsu, kuntrarju għad-dritt tal-Unjoni, xorta jibqa’ l-fatt li tali regoli għandhom ikunu konformi mad-dritt tal-Unjoni. Kif mitlub mill-qorti tar-rinviju lill-Qorti tal-Ġustizzja, l-imsemmija regoli għandhom jiġu eżaminati fid-dawl tad-dispożizzjonijiet speċifiċi applikabbli għaċ-ċittadini tal-Unjoni u għall-membri tal-familji tagħhom fil-qasam tal-moviment liberu u tar-residenza libera, jiġifieri l-Artikoli 20 u 21 TFUE kif ukoll id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/38.

 Dwar l-eżistenza ta’ restrizzjonijiet għal-libertà ta’ moviment u ta’ residenza

40      Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-miżuri preventivi intiżi li jiġi evitat ir-riskju ta’ ħarba ta’ ċittadini tal-Unjoni u ta’ membri tal-familji tagħhom matul it-terminu mogħti lilhom sabiex jitilqu mit-territorju tal-Istat Membru ospitanti jew matul il-proroga ta’ dan it-terminu, għandu jiġi osservat li dawn ma humiex iddefiniti fil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, bl-eċċezzjoni tal-possibbiltà ta’ arrest domiċiljari tal-persuna kkonċernata fil-każ fejn it-tneħħija tiegħu tiġi posposta temporanjament. Fir-rigward ta’ miżuri oħra, ir-Re għandu s-setgħa li jiddetermina dawn il-miżuri b’ordni deliberata fil-Kunsill tal-Ministri.

41      Madankollu, mill-formulazzjoni stess tad-domandi magħmula jirriżulta li l-miżuri li jistgħu jiġu imposti f’dan il-kuntest huma simili għal dawk previsti fl-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 2008/115 u esposti fil-punt 36 ta’ din is-sentenza. Issa, għandu jiġi rrilevat li tali miżuri, sa fejn huma intiżi preċiżament li jillimitaw il-movimenti tal-persuna kkonċernata, neċessarjament għandhom l-effett li jirrestrinġu l-libertà ta’ moviment u ta’ residenza tagħha matul it-terminu mogħti lilha sabiex titlaq mit-territorju tal-Istat Membru ospitanti, b’mod partikolari meta l-persuna kkonċernata tkun is-suġġett ta’ arrest domiċiljari.

42      Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-possibbiltà li ċ-ċittadin tal-Unjoni u l-membri tal-familja tiegħu jitqiegħdu f’detenzjoni għall-finijiet ta’ tneħħija matul perijodu massimu ta’ tmien xhur, għandu jiġi rrilevat, bħalma għamel l-Avukat Ġenerali fil-punt 88 tal-konklużjonijiet tiegħu, li tali miżura tikkostitwixxi, min-natura tagħha stess, restrizzjoni għal-libertà ta’ moviment u ta’ residenza tal-persuna kkonċernata.

43      Ċertament, iċ-ċittadini tal-Unjoni u l-membri tal-familja tagħhom li, wara l-iskadenza tat-terminu stabbilit jew tal-proroga ta’ dan it-terminu, ma jkunux ikkonformaw ruħhom ma’ deċiżjoni ta’ tneħħija meħuda fil-konfront tagħhom għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku jew ta’ sigurtà pubblika, ma jistgħux jinvokaw dritt ta’ residenza, skont id-Direttiva 2004/38, fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti sakemm din id-deċiżjoni tibqa’ tipproduċi l-effetti tagħha (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2021, Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid (Effetti ta’ deċiżjoni ta’ tneħħija), C‑719/19, punt 104). Madankollu, l-eżistenza ta’ tali deċiżjoni ma tneħħi xejn min-natura restrittiva ta’ miżura ta’ detenzjoni, li tillimita l-moviment tal-persuna kkonċernata lil hinn mil-limitazzjonijiet li jirriżultaw mid-deċiżjoni ta’ tneħħija stess, billi tirrestrinġi, matul il-perijodu kollu tad-detenzjoni tal-persuna kkonċernata, il-possibbiltajiet għal din tal-aħħar li tirrisjedi u li tiċċaqlaq liberament barra mit-territorju tal-Istat Membru ospitanti. Tali miżura ta’ detenzjoni tikkostitwixxi għalhekk restrizzjoni tad-dritt għall-ħruġ previst fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2004/38, li jipprovdi speċifikament li ċ-ċittadini kollha tal-Unjoni li għandhom karta tal-identità valida jew passaport validu għandhom id-dritt li joħorġu mit-territorju ta’ Stat Membru sabiex jivvjaġġaw lejn Stat Membru ieħor (sentenza tal‑10 ta’ Lulju 2008, Jipa, C‑33/07, EU:C:2008:396, punt 19).

44      Konsegwentement, hemm lok li jitqies li dispożizzjonijiet nazzjonali bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jiġifieri kemm dawk li jipprevedu l-possibbiltà li jiġu imposti miżuri preventivi intiżi li jiġi evitat ir-riskju li l-persuna kkonċernata taħrab kif ukoll dik dwar it-tul massimu ta’ detenzjoni tagħha għall-finijiet ta’ tneħħija, jikkostitwixxu restrizzjonijiet għal-libertà ta’ moviment u ta’ residenza taċ-ċittadini tal-Unjoni kif ukoll tal-membri tal-familja tagħhom, kif stabbilita fl-Artikolu 20(2)(a) u fl-Artikolu 21(1) TFUE u kif ippreċiżata fid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/38.

 Fuq l-eżistenza ta’ ġustifikazzjonijiet għar-restrizzjonijiet fuq il-libertà ta’ moviment u ta’ residenza

45      Fir-rigward tal-eventwali eżistenza ta’ ġustifikazzjonijiet għal restrizzjonijiet bħal dawk ikkonstatati fil-punt preċedenti, għandu jitfakkar li, kif jirriżulta mill-formulazzjoni stess tal-Artikoli 20 u 21 TFUE, id-dritt taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom li jiċċaqilqu u li jirrisjedu liberament fit-territorju tal-Istati Membri ma huwiex inkundizzjonat, iżda jista’ jkun suġġett għal limitazzjonijiet u kundizzjonijiet previsti mit-Trattat FUE kif ukoll mid-dispożizzjonijiet adottati għall-applikazzjoni tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Settembru 2016, Rendón Marín, C‑165/14, EU:C:2016:675, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata).

46      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, kif jirriżulta mill-punti 30 u 31 ta’ din is-sentenza, id-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju jitilqu mill-premessa li d-deċiżjoni ta’ tneħħija ġiet adottata għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku jew ta’ sigurtà pubblika, skont l-Artikolu 27(1) tad-Direttiva 2004/38.

47      Isegwi li, fir-rigward tal-kawża prinċipali, il-miżuri intiżi li jiżguraw l-eżekuzzjoni ta’ tali deċiżjoni, jiġifieri l-miżuri intiżi li jiġi evitat ir-riskju ta’ ħarba taċ-ċittadin tal-Unjoni jew tal-membru tal-familja tiegħu u l-miżuri ta’ detenzjoni tiegħu sa terminu massimu ta’ tmien xhur, għandhom jiġu evalwati fid-dawl tal-Artikolu 27 tad-Direttiva 2004/38. L-Artikolu 27(2) ta’ din id-direttiva jippreċiża li, sabiex jiġu ġġustifikati, il-miżuri ta’ restrizzjoni tad-dritt ta’ moviment u ta’ residenza ta’ ċittadin tal-Unjoni jew ta’ membru tal-familja tiegħu, meħuda b’mod partikolari għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku jew ta’ sigurtà pubblika, għandhom josservaw il-prinċipju ta’ proporzjonalità u jkunu bbażati esklużivament fuq il-kondotta personali tal-individwu kkonċernat.

48      Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-miżuri inkwistjoni fil-kawża prinċipali intiżi li jiġi evitat ir-riskju li l-persuna kkonċernata taħrab matul it-terminu mogħti lilha sabiex titlaq mit-territorju tal-Istat Membru ospitanti jew matul il-proroga ta’ dan it-terminu, kif jirriżulta mill-punt 18 ta’ din is-sentenza, dawn il-miżuri għandhom l-għan li jiżguraw politika effettiva ta’ tneħħija taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familji tagħhom.

49      Issa, miżura intiża li tevita r-riskju ta’ ħarba tal-persuna kkonċernata f’każ bħal dak imfakkar fil-punt 46 ta’ din is-sentenza neċessarjament tikkontribwixxi għall-protezzjoni tal-ordni pubbliku, sa fejn hija intiża, b’mod definittiv, li tiżgura li persuna li titqies li tirrappreżenta theddida għall-ordni pubbliku tal-Istat Membru ospitanti titneħħa mit-territorju tiegħu, u għalhekk din il-miżura hija marbuta mas-suġġett tad-deċiżjoni ta’ tneħħija nnifisha.

50      Barra minn hekk, kif issostni l-Kummissjoni Ewropea, ma hemm xejn fil-kliem tal-Artikolu 27(1) tad-Direttiva 2004/38 li jeskludi li l-miżuri li jirrestrinġu l-libertà ta’ moviment u ta’ residenza previsti f’din id-dispożizzjoni jkunu jistgħu jiġu applikati matul it-terminu mogħti lill-persuna kkonċernata sabiex titlaq mit-territorju tal-Istat Membru ospitanti wara l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ tneħħija meħuda fil-konfront tagħha jew matul il-proroga ta’ dan it-terminu.

51      Minn dan isegwi li miżuri intiżi li jiġi evitat ir-riskju li l-persuna kkonċernata taħrab, bħal dawk li huma s-suġġett tad-domandi magħmula, għandhom jitqiesu li jillimitaw il-libertà ta’ moviment u ta’ residenza tagħha “għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku”, fis-sens tal-Artikolu 27(1) tad-Direttiva 2004/38, b’tali mod li jistgħu, bħala prinċipju, jiġu ġġustifikati taħt din id-dispożizzjoni.

52      Barra minn hekk, dawn il-miżuri ma jistgħux jitqiesu li jmorru kontra l-Artikolu 27 tad-Direttiva 2004/38 għar-raġuni biss li huma simili għal dawk li, fir-rigward taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi, huma intiżi li jittrasponu fid-dritt nazzjonali l-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 2008/115. Fil-fatt, fiż-żewġ każijiet, l-għan tal-miżuri huwa li tiġi evitata l-ħarba tal-persuna kkonċernata u għalhekk, fl-aħħar mill-aħħar, li tiġi żgurata l-eżekuzzjoni effettiva tad-deċiżjoni ta’ tneħħija jew ta’ ritorn meħuda fir-rigward tagħha.

53      Madankollu, mhux talli d-Direttivi 2004/38 u 2008/115 ma għandhomx l-istess għan, iżda l-benefiċjarji tal-ewwel igawdu minn status u drittijiet ta’ natura kompletament differenti minn dawk li jistgħu jinvokaw il-benefiċjarji tat-tieni waħda.

54      B’mod partikolari, kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja diversi drabi u kif jirriżulta mill-premessi 1 u 2 tad-Direttiva 2004/38, iċ-ċittadinanza tal-Unjoni tagħti lil kull ċittadin tal-Unjoni dritt fundamentali u individwali li jiċċaqlaq u li jirrisjedi liberament fit-territorju tal-Istati Membri, bla ħsara għal-limitazzjonijiet u għar-restrizzjonijiet stabbiliti mit-Trattati u għall-miżuri adottati fid-dawl tal-applikazzjoni tagħhom, inkwantu l-moviment liberu tal-persuni jikkostitwixxi, barra minn hekk, waħda mil-libertajiet fundamentali tas-suq intern, kif stabbilit fl-Artikolu 45 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Mejju 2011, McCarthy, C‑434/09, EU:C:2011:277, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

55      Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-premessa 3 tad-Direttiva 2004/38, din tal-aħħar hija intiża li tiffaċilita l-eżerċizzju tad-dritt fundamentali u individwali tal-libertà ta’ moviment u ta’ residenza fit-territorju tal-Istati Membri, li huwa mogħti direttament liċ-ċittadini tal-Unjoni bit-Trattat FUE, u għandha b’mod partikolari l-għan li ssaħħaħ dan id-dritt (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Mejju 2011, McCarthy, C‑434/09, EU:C:2011:277, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).

56      Barra minn hekk, peress li l-moviment liberu tal-persuni huwa wieħed mill-pedamenti tal-Unjoni Ewropea, id-dispożizzjonijiet li jistabbilixxuh għandhom jiġu interpretati b’mod wiesa’, filwaqt li l-eċċezzjonijiet u d-derogi tiegħu għandhom, kuntrarjament, jiġu interpretati b’mod strett (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-3 ta’ Ġunju 1986, Kempf, 139/85, EU:C:1986:223, punt 13, u tal-10 ta’ Lulju 2008, Jipa, C‑33/07, EU:C:2008:396, punt 23).

57      Fid-dawl tal-istatus fundamentali li jibbenefikaw minnu ċ-ċittadini tal-Unjoni, il-miżuri intiżi li jiġi evitat ir-riskju ta’ ħarba li jistgħu jiġu imposti fil-kuntest tat-tneħħija tagħhom u tal-membri tal-familji tagħhom għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku jew ta’ sigurtà pubblika ma jistgħux ikunu inqas favorevoli mill-miżuri previsti fid-dritt nazzjonali sabiex jiġi evitat ir-riskju ta’ ħarba, matul it-terminu ta’ tluq volontarju, ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi suġġetti għal proċedura ta’ ritorn skont id-Direttiva 2008/115 għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku jew ta’ sigurtà pubblika (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-14 ta’ Settembru 2017, Petrea, C‑184/16, EU:C:2017:684, punti 51, 54 u 56). Għalkemm mill-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja jidher li jirriżulta li, f’dan il-każ, tali trattament inqas favorevoli ma huwiex inkwistjoni fil-kawża prinċipali u li dawn iż-żewġ kategoriji ta’ persuni jinsabu, fir-rigward ta’ riskju ta’ ħarba, f’sitwazzjoni paragunabbli, din l-evalwazzjoni għandha ssir mill-qorti tar-rinviju.

58      Fl-aħħar nett, kif issostni l-Kummissjoni, sabiex tiġi evalwata n-natura proporzjonata ta’ miżura intiża li tevita r-riskju ta’ ħarba f’każ individwali, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, in-natura tat-theddida għall-ordni pubbliku li tkun iġġustifikat l-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ tneħħija tal-persuna kkonċernata. Fil-każ fejn diversi miżuri jkunu ta’ natura li jippermettu li jintlaħaq l-għan imfittex, għandha tingħata preferenza lill-miżura l-inqas restrittiva.

59      Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-possibbiltà, fil-każ fejn iċ-ċittadin tal-Unjoni jew membru tal-familja tiegħu ma jitlaqx mill-Istat Membru ospitanti fit-terminu mogħti jew matul il-proroga tiegħu, li jitqiegħed f’detenzjoni għall-finijiet ta’ tneħħija għal perijodu massimu ta’ tmien xhur identiku għal dak applikabbli, fid-dritt nazzjonali, għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu s-suġġett ta’ proċedura ta’ ritorn skont id-Direttiva 2008/115, għandu jiġi osservat li, kif jirriżulta mill-punti 30 u 31 ta’ din is-sentenza, iċ-ċirkustanzi previsti f’dan ir-rigward fid-domandi magħmula huma dawk ta’ ċittadin tal-Unjoni jew ta’ membru tal-familja tiegħu li ma kkonformax ruħu ma’ deċiżjoni ta’ ritorn meħuda fir-rigward tiegħu għal raġunijiet ta’ ordni pubblika jew ta’ sigurtà pubblika fit-terminu previst jew matul il-proroga tiegħu. Barra minn hekk, id-dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali rilevanti tipprovdi li detenzjoni matul il-perijodu ta’ tmien xhur tista’ tiġi applikata biss jekk tkun meħtieġa għas-salvagwardja tal-ordni pubbliku jew tas-sigurtà nazzjonali. F’dan ir-rigward, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-kunċett ta’ “sigurtà nazzjonali”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, jikkorrispondi għall-kunċett ta’ “sigurtà pubblika”, previst fl-Artikolu 27(1) tad-Direttiva 2004/38.

60      Filwaqt li d-detenzjoni prevista skont id-dispożizzjoni nazzjonali kkonċernata tidher, konsegwentement, ibbażata fuq raġunijiet li jistgħu jirrestrinġu l-libertà ta’ moviment u ta’ residenza ta’ ċittadin tal-Unjoni jew ta’ membru tal-familja tiegħu skont l-Artikolu 27(1) tad-Direttiva 2004/38, hija għandha wkoll tkun proporzjonata mal-għan imfittex. Dan jimplika li għandu jiġi vverifikat li t-tul ta’ detenzjoni previst fil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali jkun proporzjonat mal-għan, espost fil-punti 18 u 48 ta’ din is-sentenza, li tiġi żgurata politika effettiva ta’ tneħħija ta’ ċittadini tal-Unjoni u ta’ membri tal-familji tagħhom.

61      F’dan il-każ, għandu jiġi osservat li, ċertament, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali telenka ċ-ċirkustanzi li fihom iċ-ċittadin tal-Unjoni jew membru tal-familja tiegħu jkun jista’ jinżamm f’detenzjoni għall-finijiet ta’ tneħħija għal perijodu massimu ta’ tmien xhur, u diversi garanziji proċedurali huma espressament previsti għal dan il-għan.

62      B’mod partikolari, mill-osservazzjonijiet tal-Gvern Belġjan jirriżulta li, inizjalment, it-tul tad-detenzjoni ma jistax jeċċedi xahrejn u huwa espressament suġġett, b’mod partikolari, għall-kundizzjoni li ma jkunx hemm miżuri oħra inqas koerċittivi li jkunu jistgħu jiġu applikati b’mod effettiv sabiex tiġi ggarantita l-eżekuzzjoni tal-miżura ta’ tneħħija. Il-possibbiltà li t-tul ta’ dan it-tqegħid f’detenzjoni jiġi estiż għal perijodi ta’ xahrejn hija wkoll suġġetta għal diversi kundizzjonijiet, b’mod partikolari li jittieħdu l-passi neċessarji għat-tneħħija tal-persuna kkonċernata bid-diliġenza kollha meħtieġa u li dejjem ikun hemm possibbiltà li dan effettivament jitneħħa fi żmien raġonevoli. Wara l-ewwel proroga, id-deċiżjoni li jiġi pprorogat it-tul taż-żamma tista’ tittieħed biss mill-Ministru. Fl-aħħar nett, jekk wara ħames xhur, iċ-ċittadin tal-Unjoni jew il-membru tal-familja tiegħu jkollu jinħeles, id-detenzjoni tal-persuna kkonċernata tista’ tiġi pprorogata, kull darba b’perijodu ta’ xahar, fil-każ fejn il-protezzjoni tal-ordni pubbliku jew is-sigurtà nazzjonali jeħtieġu dan, għalkemm il-perijodu totali tad-detenzjoni tagħha ma jistax jeċċedi t-terminu ta’ tmien xhur.

63      Minn dan jirriżulta wkoll li d-detenzjoni ta’ ċittadin tal-Unjoni jew ta’ membru tal-familja tiegħu matul perijodu massimu ta’ tmien xhur previst fid-dispożizzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali teħtieġ eżami individwali tas-sitwazzjoni speċifika tal-persuna kkonċernata sabiex jiġi ggarantit li din id-detenzjoni ma teċċedix il-perijodu strettament neċessarju għall-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ tneħħija meħuda fir-rigward tiegħu, u li raġunijiet ta’ ordni pubbliku jew ta’ sigurtà pubblika jiġġustifikaw id-detenzjoni tagħha.

64      Madankollu, il-qafas hekk previst mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jiġġustifikax il-fatt stess li jiġi previst perijodu massimu ta’ detenzjoni, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li japplika għall-finijiet tat-tneħħija taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familji tagħhom, ordnat għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku jew ta’ sigurtà pubblika, u li huwa identiku għal dak applikabbli għat-tneħħija taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi skont id-dispożizzjonijiet adottati għall-finijiet tat-traspożizzjoni fid-dritt nazzjonali tad-Direttiva 2008/115.

65      Fil-fatt, fir-rigward speċifikament tat-tul tal-proċedura ta’ tneħħija, iċ-ċittadini tal-Unjoni u l-membri tal-familji tagħhom li, f’din il-kwalità, jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2004/38, ma jinsabux f’sitwazzjoni paragunabbli għal dik ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jaqgħu taħt id-Direttiva 2008/115.

66      B’mod partikolari, kif irrileva wkoll l-Avukat Ġenerali fil-punt 94 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-Istati Membri għandhom mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni u ta’ faċilitajiet fil-kuntest tat-tneħħija ta’ ċittadin tal-Unjoni jew ta’ membru tal-familja tiegħu lejn Stat Membru ieħor li huma ma għandhomx neċessarjament fil-kuntest tat-tneħħija ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz lejn pajjiż terz. Fil-fatt, kif enfasizzat ġustament il-Kummissjoni waqt is-seduta, ir-relazzjonijiet bejn l-Istati Membri, li huma bbażati fuq l-obbligu ta’ kooperazzjoni leali u l-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka, ma għandhomx jagħtu lok għal diffikultajiet ta’ natura identika għal dawk li jistgħu jirriżultaw fil-każ tal-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u l-pajjiżi terzi.

67      Bl-istess mod, id-diffikultajiet prattiċi relatati mal-organizzazzjoni tal-vjaġġ ta’ ritorn tal-persuna kkonċernata fil-każ tat-tneħħija ta’ ċittadini tal-Unjoni u ta’ membri tal-familji tagħhom ġeneralment ma għandhomx ikunu l-istess bħal dawk marbuta mal-organizzazzjoni tal-vjaġġ ta’ ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi lejn pajjiż terz, b’mod partikolari meta dan ir-ritorn tal-aħħar jimplika pajjiż terz diffiċilment aċċessibbli permezz tal-ajru.

68      Barra minn hekk, iż-żmien neċessarju sabiex tiġi stabbilita ċ-ċittadinanza taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom li jkunu suġġetti għal proċedura ta’ tneħħija skont id-Direttiva 2004/38 għandu, bħala regola ġenerali, ikun iqsar minn dak meħtieġ sabiex tiġi stabbilita ċ-ċittadinanza ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi residenti illegalment li jkunu s-suġġett ta’ proċedura ta’ ritorn skont id-Direttiva 2008/115. Fil-fatt, mhux talli l-mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni bejn Stati Membri jiffaċilitaw il-verifika taċ-ċittadinanza taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom, iżda, kif sostniet ukoll il-Kummissjoni waqt is-seduta, jekk persuna tkun is-suġġett tal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/38, dan jimplika, bħala prinċipju, li din il-persuna tkun diġà ġiet identifikata bħala ċittadina ta’ Stat Membru jew bħala membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni li ċ-ċittadinanza tiegħu tkun magħrufa.

69      Barra minn hekk, ir-ritorn taċ-ċittadin tal-Unjoni fit-territorju tal-Istat Membru ta’ oriġini tiegħu jiġi, jekk ikun il-każ, iffaċilitat mill-Artikolu 27(4) tad-Direttiva 2004/38, li jipprovdi li l-Istat Membru li jkun ħareġ il-passaport jew il-karta tal-identità għandu jippermetti lid-detentur ta’ tali dokument li jkun tneħħa minn Stat Membru ieħor għal raġunijiet, b’mod partikolari, ta’ ordni pubbliku jew ta’ sigurtà pubblika, jidħol fit-territorju tiegħu mingħajr ebda formalità, anki jekk dan id-dokument ikun skada jew jekk iċ-ċittadinanza ta’ dan id-detentur tiġi kkontestata.

70      Għandu jingħad ukoll li, kif jirriżulta mill-Artikolu 15(6) tad-Direttiva 2008/115, anki fil-każ tat-tneħħija ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz skont id-Direttiva 2008/115, it-tul tad-detenzjoni għall-finijiet ta’ tneħħija jista’ jkun ta’ iktar minn sitt xhur biss meta, minkejja l-isforzi raġonevoli kollha tal-Istat Membru ospitanti, ikun probabbli li l-operazzjoni ta’ tneħħija ddum iktar minħabba n-nuqqas ta’ kooperazzjoni taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat jew minħabba dewmien sabiex jinkisbu d-dokumenti neċessarji minn pajjiżi terzi.

71      Issa, indipendentement mill-kwistjoni dwar taħt liema kundizzjonijiet id-detenzjoni matul perijodu massimu ta’ tmien xhur ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun is-suġġett ta’ proċedura ta’ ritorn skont id-Direttiva 2008/115 tista’ titqies li hija konformi mad-dritt tal-Unjoni, mill-kundizzjonijiet speċifiċi esposti fil-punt preċedenti jirriżulta li huma preċiżament id-diffikultajiet prattiċi relatati, b’mod partikolari, mal-kisba tad-dokumenti neċessarji ta’ pajjiż terz li jistgħu, fil-prinċipju, jiġġustifikaw detenzjoni ta’ tali perijodu fil-każ tal-persuni kkonċernati.

72      Mill-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 66 sa 71 ta’ din is-sentenza jirriżulta li ċ-ċittadini tal-Unjoni u l-membri tal-familji tagħhom li jaqgħu, f’din il-kwalità, taħt id-Direttiva 2004/38, ma jinsabux f’sitwazzjoni paragunabbli għal dik taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu suġġetti għal proċedura ta’ ritorn skont id-Direttiva 2008/115 fir-rigward tat-tul tal-proċedura ta’ tneħħija, b’tali mod li ma huwiex iġġustifikat li jingħata trattament identiku lil dawn il-persuni kollha fir-rigward tal-perijodu massimu ta’ detenzjoni għall-finijiet ta’ tneħħija. Minn dan isegwi li perijodu massimu ta’ detenzjoni għaċ-ċittadini tal-Unjoni u għall-membri tal-familji tagħhom li jaqgħu, f’din il-kwalità, taħt id-Direttiva 2004/38, bħal dak previst fil-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, imur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan imfittex.

73      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għad-domandi magħmula għandha tkun li l-Artikoli 20 u 21 TFUE kif ukoll id-Direttiva 2004/38 għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

–        ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li tapplika għaċ-ċittadini tal-Unjoni u għall-membri tal-familji tagħhom, matul it-terminu mogħti lilhom sabiex jitilqu mit-territorju tal-Istat Membru ospitanti wara l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ tneħħija meħuda fil-konfront tagħhom għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku jew matul il-proroga ta’ dan it-terminu, dispożizzjonijiet intiżi li jiġi evitat ir-riskju ta’ ħarba li jkunu simili għal dawk li, fir-rigward taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi, ikunu intiżi li jittrasponu fid-dritt nazzjonali l-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 2004/38, bil-kundizzjoni li l-ewwel dispożizzjonijiet ikunu josservaw il-prinċipji ġenerali previsti fl-Artikolu 27 tad-Direttiva 2004/38 u ma jkunux inqas favorevoli mit-tieni;

–        jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tapplika għaċ-ċittadini tal-Unjoni u għall-membri tal-familji tagħhom, li, wara l-iskadenza tat-terminu stabbilit jew tal-proroga ta’ dan it-terminu, ma jkunux ikkonformaw ruħhom ma’ deċiżjoni ta’ tneħħija meħuda fil-konfront tagħhom minħabba raġunijiet ta’ ordni pubbliku jew ta’ sigurtà pubblika, miżura ta’ detenzjoni ta’ tul massimu ta’ tmien xhur għall-finijiet ta’ tneħħija, fejn dan it-tul ikun identiku għal dak applikabbli, fid-dritt nazzjonali, għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li ma jkunux ikkonformaw ruħhom ma’ deċiżjoni ta’ ritorn meħuda għal tali raġunijiet, skont l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2008/115.

 Fuq l-ispejjeż

74      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in‑natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikoli 20 u 21 TFUE kif ukoll id-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad29 ta’ April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE, għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

–        ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li tapplika għaċ-ċittadini tal-Unjoni u għall-membri tal-familji tagħhom, matul it-terminu mogħti lilhom sabiex jitilqu mit-territorju tal-Istat Membru ospitanti wara l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ tneħħija meħuda fil-konfront tagħhom għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku jew matul il-proroga ta’ dan it-terminu, dispożizzjonijiet intiżi li jiġi evitat ir-riskju ta’ ħarba li jkunu simili għal dawk li, fir-rigward taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi, ikunu intiżi li jittrasponu fid-dritt nazzjonali l-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 2004/38, bil-kundizzjoni li l-ewwel dispożizzjonijiet ikunu josservaw il-prinċipji ġenerali previsti fl-Artikolu 27 tad-Direttiva 2004/38 u ma jkunux inqas favorevoli mit-tieni;

–        jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tapplika għaċ-ċittadini tal-Unjoni u għall-membri tal-familji tagħhom, li, wara l-iskadenza tat-terminu stabbilit jew tal-proroga ta’ dan it-terminu, ma jkunux ikkonformaw ruħhom ma’ deċiżjoni ta’ tneħħija meħuda fil-konfront tagħhom minħabba raġunijiet ta’ ordni pubbliku jew ta’ sigurtà pubblika, miżura ta’ detenzjoni ta’ tul massimu ta’ tmien xhur għall-finijiet ta’ tneħħija, fejn dan it-tul ikun identiku għal dak applikabbli, fid-dritt nazzjonali, għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li ma jkunux ikkonformaw ruħhom ma’ deċiżjoni ta’ ritorn meħuda għal tali raġunijiet, skont l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2008/115.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.