Language of document : ECLI:EU:T:2019:647

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla)

20 ta’ Settembru 2019 (*)

“REACH – Valutazzjoni tas-sustanzi – Benpat – Persistenza – Deċiżjoni tal-ECHA li titlob informazzjoni addizzjonali – Artikolu 51(6) tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 – Appell ippreżentat quddiem il-Bord tal-Appell – Kompitu tal-Bord tal-Appell – Proċedura kontradittorja – Natura tal-istħarriġ – Intensità tal-istħarriġ – Kompetenzi tal-Bord tal-Appell – Artikolu 93(3) tar-Regolament Nru 1907/2006 – Attribuzzjoni ta’ kompetenzi lil aġenziji tal-Unjoni – Prinċipju tal-għoti ta’ kompetenzi – Prinċipju ta’ sussidjarjetà – Proporzjonalità – Obbligu ta’ motivazzjoni”

Fil-Kawża T‑755/17,

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, inizjalment irrappreżentata minn T. Henze u D. Klebs, sussegwentement minn D. Klebs, bħala aġenti,

rikorrenti,

vs

L-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA), inizjalment irrappreżentata minn M. Heikkilä, W. Broere u C. Jacquet, sussegwentement minn W. Broere, C. Jacquet u L. Bolzonello, bħala aġenti,

konvenuta,

sostnuta minn

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn M. Konstantinidis, R. Lindenthal u M. Noll-Ehlers, bħala aġenti,

u minn

Envigo Consulting Ltd, stabbilita f’Huntingdon (ir-Renju Unit),

Djchem Chemicals Poland S.A., stabbilita f’Wołomin (il-Polonja),

irrappreżentati minn R. Cana, É. Mullier u H. Widemann, avukati,

intervenjenti,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament parzjali tad-deċiżjoni A-026-2015 tal-Bord tal-Appell tal-ECHA tat‑8 ta’ Settembru 2017, sa fejn din parzjalment annullat id-Deċiżjoni tal-ECHA tal‑1 ta’ Ottubru 2015 li teżiġi t-twettiq ta’ testijiet addizzjonali dwar is-sustanza benpat (CAS 68953‑84‑4),

IL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla),

komposta minn D. Gratsias, President, I. Labucka u A. Dittrich (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: E. Coulon,

tagħti l-preżenti

Sentenza

I.      Il-fatti li wasslu għall-kawża u d-deċiżjoni kkontestata

1        Il-benpat (CAS 68953-84-4) hija sustanza b’ħafna komponenti li hija komposta minn tliet sustanzi kimiċi simili ħafna. Hija użata bħala stabbilizzatur fi prodotti industrijali u ta’ konsum komposti minn gomma, bħat-tajers u l-pajpijiet. Hija ddewwem il-bidla tal-proprjetajiet fiżiċi u tad-dehra tal-prodotti b’bażi ta’ gomma li jikkawżaw id-dawl u l-ossiġenu atmosferiku.

2        Il-kumpanniji intervenjenti, Envigo Consulting Ltd u Djchem Chemicals Poland S.A., jagħmlu parti minn konsorzju li, fl‑2010, irreġistra l-benpat mal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA), għal tunnellaġġ ta’ bejn 1 000 u 10 000 tunnellata fis-sena.

3        Fl‑2013, il-benpat iddaħħlet fil-pjan ta’ azzjoni Komunitarju rikorrenti għall-valutazzjoni fis-sens tal-Artikolu 44 tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑18 ta’ Diċembru 2006 dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 793/93 tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1488/94 tal-Kummissjoni kif ukoll id-Direttiva 76/769/KEE tal-Kunsill u d-Direttivi 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE tal-Kummissjoni (ĠU 2006, L 396, p. 1, u rettifiki ĠU 2009, L 36, p. 84, ĠU 2008, L 141, p. 22, u ĠU 2007, L 136, p. 3), minħabba tħassib dwar il-proprjetajiet tagħha ta’ persistenza, ta’ bijokumulazzjoni u ta’ tossiċità, minħabba l-użu mifrux ħafna tagħha, b’mod partikolari għall-konsumaturi.

4        Skont l-Artikolu 45 tar-Regolament Nru 1907/2006, l-awtorità kompetenti tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja (iktar ’il quddiem l-“awtorità nnominata”) ġiet indikata sabiex tagħmel il-valutazzjoni tal-benpat.

5        Konformement mal-Artikolu 46(1) tar-Regolament Nru 1907/2006, l-awtorità nnominata fasslet abbozz ta’ deċiżjoni li jipprevedi talbiet għal informazzjoni addizzjonali dwar il-benpat. Dan l-abbozz intbagħat lill-ECHA fl‑20 ta’ Ġunju 2014.

6        Fit‑28 ta’ Awwissu 2014, skont l-Artikolu 50(1) tar-Regolament Nru 1907/2006, l-abbozz ta’ deċiżjoni ġie nnotifikat lir-reġistranti, fosthom il-kumpanniji intervenjenti.

7        Fis‑6 ta’ Ottubru 2014, ir-reġistranti bagħtu l-osservazzjonijiet tagħhom fuq l-abbozz ta’ deċiżjoni.

8        L-awtorità nnominata ħadet inkunsiderazzjoni ta’ dawn l-osservazzjonijiet u nnotifikat abbozz ta’ deċiżjoni rrivedut lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri l-oħrajn u lill-ECHA fil‑5 ta’ Marzu 2015.

9        Tliet awtoritajiet kompetenti ta’ Stati Membri oħrajn u l-ECHA bagħtu proposti għal emendi, skont l-Artikolu 51(2) tar-Regolament Nru 1907/2006, applikabbli mutatis mutandis skont l-Artikolu 52(2) tal-imsemmi regolament.

10      L-awtorità nnominata eżaminat dawn il-proposti u emendat l-abbozz ta’ deċiżjoni. Fl‑20 ta’ April 2015, l-abbozz ta’ deċiżjoni rrivedut intbagħat lill-Kumitat tal-Istati Membri.

11      Fit‑8 ta’ Mejju 2015, ir-reġistranti nstemgħu dwar il-proposti tal-Istati Membri.

12      Matul il-laqgħa tiegħu li nżammet fit‑8 sal‑11 ta’ Ġunju 2015, il-Kumitat tal-Istati Membri wasal għal ftehim unanimu fis-sens tal-Artikolu 51(6) tar-Regolament Nru 1907/2006, applikabbli mutatis mutandis bis-saħħa tal-Artikolu 52(2) tal-imsemmi regolament, għal abbozz ta’ deċiżjoni rriveduta.

13      Fl‑1 ta’ Ottubru 2015, abbażi tal-Artikolu 51(6) tar-Regolament Nru 1907/2006, applikabbli mutatis mutandis bis-saħħa tal-Artikolu 52(2) tal-imsemmi regolament, l-ECHA adottat deċiżjoni dwar il-valutazzjoni tal-benpat (iktar ’il quddiem id-deċiżjoni tal-ECHA”).

14      Permezz tad-deċiżjoni tagħha, l-ECHA talbet lir-reġistranti li jipproduċu b’mod partikolari l-informazzjoni li ġejja:

–        ittestjar ta’ simulazzjoni dwar id-degradazzjoni aħħarija fil-wiċċ tal-ilma (metodu ta’ ttestjar: mineralizzazzjoni aerobika fil-wiċċ tal-ilma – ittestjar ta’ simulazzjoni ta’ bijodegradazzjoni, UE C.25/OCDE 309, iktar ’il quddiem il-“metodu Nru 309”), kif jispeċifika l-punt III.3 tal-imsemmija deċiżjoni, bl-użu tal-ingredjent R‑898 minflok il-benpat;

–        fl-ipoteżi li l-ittestjar imwettaq skont il-metodu Nru 309 ma jippermettix li jiġi ddeterminat jekk il-benpat kienx persistenti jew persistenti ħafna konformement mal-punti 1.1.1 u 1.2.1 tar-Regolament Nru 1907/2006, ittestjar addizzjonali ta’ simulazzjoni tal-bijodegradazzjoni f’sedimenti (metodu ta’ ttestjar: trasformazzjoni aerobika u anaerobika fis-sistemi ta’ sedimenti akwatiċi, UE C.24/OCDE 308, iktar ’il quddiem il-“metodu Nru 308”), kif jispeċifika l-punt III.4 ta’ din id-deċiżjoni, billi jintuża l-ingredjent R‑898 minflok il-benpat.

15      Fid-deċiżjoni tal-ECHA, id-data ta’ skadenza sabiex tiġi pprovduta l-informazzjoni mitluba ġiet iffissata għat‑8 ta’ April 2018.

16      Fit‑23 ta’ Diċembru 2015, il-kumpanniji intervenjenti ppreżentaw appell mid-deċiżjoni tal-ECHA quddiem il-Bord tal-Appell ta’ din l-aġenzija, skont l-Artikolu 51(8) tar-Regolament Nru 1907/2006, applikabbli mutatis mutandis bis-saħħa tal-Artikolu 52(2) tal-imsemmi regolament, kif ukoll tal-Artikolu 91(1) ta’ dan ir-regolament.

17      Konformement mal-Artikolu 91(2) tar-Regolament Nru 1907/2006, l-appell ippreżentat mid-deċiżjoni tal-ECHA kellu effett sospensiv.

18      Fit‑8 ta’ Marzu 2016, l-ECHA bagħtet ir-risposta quddiem il-Bord tal-Appell.

19      Fit‑13 ta’ April 2016, l-awtorità nnominata ġiet awtorizzata tintervjeni quddiem il-Bord tal-Appell insostenn tat-talbiet tal-ECHA.

20      Fit‑2 ta’ Ġunju 2016, il-kumpanniji intervenjenti bagħtu r-replika tagħhom quddiem il-Bord tal-Appell. Fit‑8 ta’ Lulju 2016, l-ECHA għamlet xi osservazzjonijiet dwar din ir-replika.

21      Fl‑20 ta’ Ġunju 2016, l-awtorità nnominata bagħtet in-nota ta’ intervent quddiem il-Bord tal-Appell. Fil‑31 ta’ Ottubru 2016, l-ECHA u l-kumpanniji intervenjenti bagħtu l-osservazzjonijiet tagħhom fuq din in-nota.

22      Fis‑27 ta’ April 2017, inżammet seduta quddiem il-Bord tal-Appell.

23      Quddiem il-Bord tal-Appell, il-kumpanniji intervenjenti talbu, b’mod partikolari, li dan il-bord tal-aħħar jannulla d-deċiżjoni tal-ECHA sa fejn din kienet titlob it-twettiq ta’ ttestjar imwettaq konformement mal-metodu Nru 309 u dak ta’ ttestjar imwettaq konformement mal-metodu Nru 308 u sa fejn, fl-espożizzjoni tal-motivi tiegħu, kien ġie kkonstatat li l-benpat kien bijo-akkumulattiv konformement mal-Anness XIII tar-Regolament Nru 1907/2006.

24      Min-naħa tagħha, l-ECHA, sostnuta mill-awtorità nnominata, talbet li l-appell quddiem il-Bord tal-Appell jiġi miċħud.

25      Fit‑8 ta’ Settembru 2017, il-Bord tal-Appell adotta d-Deċiżjoni A‑026‑2015 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”. Permezz ta’ din id-deċiżjoni, huwa:

–        annulla d-deċiżjoni tal-ECHA sa fejn din kienet titlob li r-reġistranti:

–        jidentifikaw, fil-qafas tal-ittestjar imwettaq konformement mal-metodu Nru 309, il-metaboliti tal-benpat;

–        iwettqu l-ittestjar konformement mal-metodu Nru 308;

–        iddeċieda li l-affermazzjoni dwar il-bijokumulazzjoni li tinsab fil-motivi ta’ din id-deċiżjoni tal-aħħar għandha tiġi mħassra;

–        ċaħad il-kumplament tal-appell quddiemu; u

–        stabbilixxa għall‑15 ta’ Marzu 2020 it-terminu għall-preżentata tal-kumplament tal-informazzjoni li tirriżulta mill-ittestjar imwettaq skont il-metodu Nru 309 li teżiġi l-istess deċiżjoni.

II.    Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u t-talbiet tal-partijiet

26      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl‑20 ta’ Novembru 2017, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ppreżentat dan ir-rikors.

27      Fit‑8 ta’ Marzu 2018, l-ECHA ppreżentat ir-risposta.

28      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil‑21 ta’ Marzu 2018, il-Kummissjoni Ewropea talbet tintervjeni f’din il-kawża insostenn tat-talbiet tal-ECHA. Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Awla tat‑23 ta’ April 2018, hija ġiet awtorizzata tintervjeni.

29      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil‑21 ta’ Marzu 2018, il-kumpanniji intervenjenti talbu li jintervjenu f’dawn il-proċeduri insostenn tat-talbiet tal-ECHA. Permezz ta’ digriet tal-President tal-Awla tas‑7 ta’ Mejju 2018, dawn ġew awtorizzati jintervjenu.

30      Fl‑24 ta’ April 2018, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ppreżentat ir-replika.

31      Fit‑18 ta’ Ġunju 2018, l-ECHA ppreżentat il-kontroreplika.

32      Fid‑9 ta’ Lulju 2018, il-Kummissjoni ppreżentat in-nota ta’ intervent tagħha. Fl‑10 ta’ Lulju 2018, il-kumpanniji intervenjenti ppreżentaw in-nota ta’ intervent tagħhom. Fil‑31 ta’ Ottubru 2018, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u l-ECHA bagħtu l-osservazzjonijiet tagħhom fuq dawn in-noti ta’ intervent.

33      Peress li l-partijiet ma ressqu l-ebda talba għal seduta fi tliet ġimgħat min-notifika tal-għeluq tal-proċedura bil-miktub, u wara li qieset li għandha biżżejjed informazzjoni mill-atti tal-proċess tal-kawża, il-Qorti Ġenerali (il-Ħames Awla) iddeċidiet, skont l-Artikolu 106(3) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, li taqta’ l-kawża mingħajr il-fażi orali tal-proċedura.

34      Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata, sa fejn il-Bord tal-Appell:

–        parzjalment annulla d-deċiżjoni tal-ECHA; u

–        iddeċieda li l-affermazzjoni dwar il-bijokumulazzjoni għandha tiġi mħassra mill-motivi ta’ din id-deċiżjoni tal-aħħar;

–        tikkundanna lill-ECHA għall-ispejjeż.

35      L-ECHA, il-Kummissjoni, kif ukoll il-kumpanniji intervenjenti, jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja għall-ispejjeż.

III. Id-dritt

36      Insostenn tar-rikors, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tqajjem sitt motivi. L-ewwel motiv huwa bbażat fuq l-allegazzjoni li, meta eżamina aggravji li jirrigwardaw kwistjonijiet sostantivi dwar il-valutazzjoni tal-benpat, il-Bord tal-Appell aġixxa ’l barra mill-qafas tal-kompetenzi tiegħu. Fil-kuntest tat-tieni motiv, dan l-Istat Membru jargumenta li, billi pproċeda b’dan il-mod, l-imsemmi bord ma osservax il-ġurisprudenza (sentenzi tat‑13 ta’ Ġunju 1958, Meroni vs L-Awtorità Għolja, 9/56, EU:C:1958:7, u tat‑13 ta’ Ġunju 1958, Meroni vs L-Awtorità Għolja, 10/56, EU:C:1958:8). Permezz tat-tielet motiv, huwa jargumenta li, peress li d-dritt tal-Unjoni Ewropea ma jinkludi ebda bażi legali li tippermetti lil dan il-bord li jwettaq tali eżami, dan tal-aħħar kiser id-drittijiet tal-Istati Membri istituzzjonalizzati bis-setgħa ta’ deċiżjoni tagħhom fi ħdan il-Kumitat tal-Istati Membri tal-ECHA u għaldaqstant kiser il-prinċipji ta’ sussidjarjetà u tal-għoti ta’ kompetenzi. Ir-raba’ motiv huwa bbażat fuq ksur tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1907/2006 u jinvolvi żewġ partijiet. L-ewwel parti hija intiża li turi li l-Bord tal-Appell ma kellux kompetenza sabiex jeżamina l-aggravji tal-appell quddiemu li jirrigwardaw evalwazzjonijiet sostantivi dwar il-valutazzjoni tal-benpat u t-tieni waħda hija intiża li turi li, fil-kuntest tal-eżami tal-aggravji li jirrigwardaw evalwazzjonijiet sostantivi dwar il-valutazzjoni tal-benpat, il-Bord tal-Appell wettaq xi żbalji. Fil-kuntest tal-ħames motiv, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja targumenta li l-istess bord kiser l-obbligu ta’ motivazzjoni meta ma’ stabbilixxiex l-allegata setgħa ta’ stħarriġ tiegħu. Fil-kuntest tas-sitt motiv, hija targumenta li l-evalwazzjoni tal-Bord tal-Appell inkwistjoni huma żbaljati.

37      Fl-ewwel lok, għandhom jiġu eżaminati l-ewwel sat-tielet motivi, kif ukoll l-ewwel parti tar-raba’ motiv, li huma intiżi li jintwera li l-Bord tal-Appell ma kellux kompetenza sabiex jeżamina l-aggravji tal-appell quddiemu li jirrigwardaw evalwazzjonijiet sostantivi dwar il-valutazzjoni tal-benpat.

38      Fit-tieni lok, ser jiġi eżaminat il-ħames motiv, ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-Bord tal-Appell kiser l-obbligu ta’ motivazzjoni meta ma stabbilixxiex is-setgħa ta’ stħarriġ tiegħu.

39      Fit-tielet lok, ser jiġu eżaminati t-tieni parti tar-raba’ motiv u s-sitt motiv, li permezz tagħhom ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja targumenta li, fil-kuntest tal-eżami tal-motivi li jirrigwardaw evalwazzjonijiet sostantivi dwar il-valutazzjoni tal-benpat, il-Bord tal-Appell wettaq xi żbalji.

A.      Fuq l-ewwel sat-tielet motivi, kif ukoll l-ewwel parti tar-raba’ motiv, intiżi li jintwera li l-Bord tal-Appell ma kellux kompetenza sabiex jeżamina l-aggravji tal-appell quddiemu li jirrigwardaw evalwazzjonijiet sostantivi dwar il-valutazzjoni tal-benpat

40      Fil-kuntest tal-ewwel sat-tielet motivi u l-ewwel parti tar-raba’ motiv, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja targumenta li l-Bord tal-Appell missu ċaħad l-appell quddiemu bħala inammissibbli sa fejn il-kumpanniji intervenjenti kienu qajmu aggravji intiżi li tiġi mistħarrġa d-deċiżjoni tal-ECHA sa fejn din tal-aħħar kienet tinkludi evalwazzjonijiet sostantivi dwar il-valutazzjoni tal-benpat. Skont hi, l-imsemmi bord ma kellux kompetenza sabiex jiddeċiedi fuq tali aggravji, iżda biss sabiex jistħarreġ l-eżistenza ta’ żbalji formali li jivvizzjaw l-imsemmija deċiżjoni.

41      L-ECHA, il-Kummissjoni u l-kumpanniji intervenjenti jikkontestaw dawn l-argumenti. Huma jargumentaw li l-Bord tal-Appell għandu kompetenza sabiex jeżamina l-aggravji tal-appell quddiemu intiżi li jikkontestaw il-fondatezza ta’ deċiżjoni meħuda dwar il-valutazzjoni ta’ sustanza. Madankollu dan l-eżami ma jikkostitwixxix valutazzjoni ġdida tas-sustanza inkwistjoni.

42      Qabel xejn, għandhom jiġu eżaminati l-argumenti tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja bbażati fuq ir-rwol rispettiv tal-Kumitat tal-Istati Membri, tal-ECHA u tal-Bord tal-Appell. Sussegwentement, ser jiġu eżaminati l-argumenti l-oħrajn miġjuba mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja.

1.      Fuq l-argumenti tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja bbażati fuq ir-rwoli rispettivi tal-Kumitat tal-Istati Membri, tal-ECHA u tal-Bord tal-Appell

43      Fil-kuntest tal-ewwel motiv u tal-ewwel parti tar-raba’ motiv, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja targumenta li, konformement mal-Artikolu 51(3) jew (6) tar-Regolament Nru 1907/2006, kif applikabbli mutatis mutandis bis-saħħa tal-Artikolu 52(2) ta’ dan ir-regolament, huma l-Istati Membri jew il-Kumitat tal-Istati Membri li għandhom kompetenza f’dak li jirrigwarda l-evalwazzjonijiet sostantivi inklużi f’deċiżjoni meħuda dwar il-valutazzjoni ta’ sustanza. Il-proċedura ta’ valutazzjoni tas-sustanzi hija kkaratterizzata b’mod partikolari mir-rwol sinjifikanti tal-Istati Membri u tal-imsemmi kumitat fi ħdan l-ECHA. L-Istati Membri jeżerċitaw kompetenzi tagħhom fil-kuntest tal-proċedura ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet tal-ECHA. Dan il-kumitat huwa verament grupp ta’ esperti. Minkejja li jaġixxi bħala korp tal-ECHA, minn perspettiva funzjonali, madankollu huwa jaġixxi indipendentement minn din l-aġenzija. L-Istati Membri jinnominaw direttament lill-membri tal-kumitat inkwistjoni u kull Stat Membru jista’ jagħti struzzjonijiet lill-membru li jkun innomina. L-istess kumitat iservi sabiex jinvolvi lill-Istati Membri fuq il-livell tal-Unjoni, billi jgħaqqad il-kompetenzi tal-Istati Membri u tal-Unjoni. Ir-rappreżentanti tal-ECHA u tal-Kummissjoni jistgħu jassistu għal-laqgħat tal-kumitat inkwistjoni, iżda biss bħala osservaturi. L-importanza ta’ kumitat bħal dan tirriżulta mill-Artikolu 76(1)(e) tal-imsemmi regolament. L-importanza ta’ ftehim kollettiv fi ħdan dan il-kumitat tirriżulta mill-premessa (67) tal-istess regolament. Għaldaqstant tali kumitat ma jistax jitqies bħala korp deċiżjonali sseparat mill-Istati Membri, li jista’ jeħodilhom posthom, iżda bħala strument intiż li jiffavorixxi l-kunsens bejn dawn tal-aħħar.

44      Skont l-Artikolu 51(6) tar-Regolament Nru 1907/2006, kif applikabbli mutatis mutandis bis-saħħa tal-Artikolu 52(2) tal-imsemmi regolament, ir-rwol tal-ECHA huwa limitat li tiżgura l-koordinazzjoni tal-proċedura kif ukoll li x-xogħlijiet preparatorji u ta’ monitoraġġ tat-teħid ta’ deċiżjoni u li tadotta formalment id-deċiżjoni li l-kontenut tagħha huwa ddeterminat mill-Kumitat tal-Istati Membri. Dan ir-rwol huwa limitat għall-iżgurar tal-osservanza tar-regoli proċedurali. L-imsemmija aġenzija hija marbuta bil-konsensus tal-Istati Membri u ma għandhiex marġni ta’ diskrezzjoni f’dan ir-rigward. Fl-assenza ta’ ftehim unanimu bejn l-Istati Membri jew fi ħdan il-Kumitat tal-Istati Membri, hija titlef is-setgħa ta’ deċiżjoni kollha tagħha u l-kompetenza deċiżjonali tiġi ttrasferita lill-Kummissjoni.

45      Skont ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-rwol partikolari tal-Istati Membri jew tal-Kumitat tal-Istati Membri fi ħdan l-ECHA fil-kuntest tal-proċedura ta’ valutazzjoni tas-sustanzi ma għandux jitwarrab fil-kuntest tal-proċedura ta’ appell. Fil-kuntest ta’ appell minn deċiżjoni meħuda dwar il-valutazzjoni ta’ sustanza, il-Bord tal-Appell ma jkollux iktar kompetenzi mill-ECHA. Dawn tal-aħħar għandhom kompetenzi paralleli. L-imsemmi bord, li jagħmel parti minn din l-aġenzija, huwa wkoll marbut bil-kunsens tal-Istati Membri u għandu biss is-setgħa li jieħu deċiżjoni konformi mal-kunsens miksub mill-Istati Membri. Huwa ma għandux, fil-każ ta’ deċiżjonijiet meħuda dwar il-valutazzjoni ta’ sustanza, leġittimità awtonoma identika, jew saħansitra ekwivalenti, għal dik li għandha l-ECHA fit-totalità tagħha bis-saħħa tal-parteċipazzjoni tal-Istati Membri għall-proċess ta’ qbil. Huwa ma jistax jinjora kunsens bejn l-Istati Membri kollha. Għaldaqstant huwa biss għandu kompetenza sabiex jistħarreġ aspetti differenti mill-evalwazzjonijiet sostantivi li jirrigwardaw il-valutazzjoni ta’ sustanza, jiġifieri b’mod partikolari ksur potenzjali tar-regoli ta’ proċedura. Huwa ma għandux kompetenza sabiex jieħu deċiżjoni fuq il-fondatezza ta’ deċiżjoni adottata dwar il-valutazzjoni ta’ sustanza fil-kuntest tal-eżami tiegħu ta’ appell minn tali deċiżjoni. Din l-interpretazzjoni ma hijiex ikkontestata mill-Artikolu 93(3) tar-Regolament Nru 1907/2006. Din id-dispożizzjoni għandha tinqara flimkien mal-Artikolu 51 tal-imsemmi regolament, li jipprevedi “dualiżmu” bejn l-ECHA u l-Istati Membri (’il barra minn jew fi ħdan il-Kumitat tal-Istati Membri).

46      Barra minn hekk, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tesponi li, skont l-approċċ li hija tiddefendi, tkun iggarantita protezzjoni ġudizzjarja effettiva. Teżisti rabta bejn id-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell u d-deċiżjoni meħuda dwar il-valutazzjoni ta’ sustanza. Għaldaqstant, minkejja li l-fondatezza ta’ din id-deċiżjoni tal-aħħar ma tistax tiġi mistħarrġa mill-Bord tal-Appell, il-qorti tal-Unjoni tista’, fil-kuntest ta’ rikors kontra deċiżjoni tal-Bord tal-Appell, tistħarreġ motivi li jirrigwardaw l-imsemmija valutazzjoni, għaliex deċiżjoni tal-imsemmi bord li tikkonferma deċiżjoni meħuda dwar il-valutazzjoni ta’ sustanza tieħu l-kunsiderazzjonijiet ta’ din id-deċiżjoni tal-aħħar fil-mertu.

47      L-ECHA, il-Kummissjoni u l-kumpanniji intervenjenti jikkontestaw dawn l-argumenti.

48      Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 51(8) tar-Regolament Nru 1907/2006, applikabbli mutatis mutandis bis-saħħa tal-Artikolu 52(2) tal-imsemmi regolament, u bis-saħħa tal-Artikolu 91(1) ta’ dan ir-regolament, id-deċiżjonijiet tal-ECHA meħuda dwar il-valutazzjoni ta’ sustanza jistgħu jkunu s-suġġett ta’ appell quddiem il-Bord tal-Appell.

49      Barra minn hekk, la d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1907/2006 u lanqas dawk tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 771/2008 tal‑1 ta’ Awwissu 2008 li jistipula r-regoli ta’ organizzazzjoni u proċedura tal-Bord tal-Appell tal-ECHA (ĠU 2008, L 206, p. 5) ma jinkludu regola espressa li tipprevedi li l-imsemmi bord ma għandux kompetenza sabiex jeżamina aggravji li huma intiżi li juru l-eżistenza ta’ żbalji materjali li jivvizzjaw deċiżjoni tal-ECHA.

50      Għall-kuntrarju, fid-dawl tal-elementi eżaminati fil-punti 51 sa 63 iktar ’il quddiem, hemm lok li tiġi kkonstatata l-kompetenza tal-Bord tal-Appell sabiex jeżamina aggravji intiżi li juru l-eżistenza ta’ żbalji materjali li jivvizzjaw deċiżjoni tal-ECHA.

51      Fil-fatt, fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li, skont it-tieni sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 89(3) tar-Regolament Nru 1907/2006, il-President tal-Bord tal-Appell, il-membri l-oħrajn tiegħu u l-membri sostituti tiegħu huma nnominati abbażi tal-esperjenza u tal-kompetenza li huma għandhom fil-qasam tas-sigurtà tas-sustanzi kimiċi, tax-xjenzi naturali jew tal-proċeduri regolatorji u ġudizzjarji. Barra minn hekk, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 771/2008, għall-inqas membru tal-imsemmi bord għandu jkun ikkwalifikat mill-perspettiva legali u għall-inqas membru għandu jkun ikkwalifikat mill-perspettiva teknika, konformement mar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1238/2007 tat‑23 ta’ Ottubru 2007 dwar l-istipular ta’ regoli fir-rigward tal-kwalifiki tal-membri tal-Bord tal-Appell tal-ECHA (ĠU 2007, L 280, p. 10). Skont l-Artikolu 1(2) ta’ dan ir-regolament tal-aħħar, il-membri kkwalifikati mill-perspettiva teknika għandu jkollhom laurea universitarja jew kwalifika ekwivalenti u għandu jkollhom esperjenza professjonali sostanzjali fil-qasam tal-valutazzjoni tal-perikolu, tal-valutazzjoni tal-espożizzjoni jew amministrazzjoni tar-riskji f’dak li jirrigwarda r-riskji tas-sustanzi kimiċi għas-saħħa tal-bniedem jew għall-ambjent jew f’oqsma relatati. Dan il-bord għandu għaldaqstant it-tagħrif espert neċessarju sabiex jagħmel huwa nnifsu evalwazzjoni ta’ punti xjentifiċi.

52      Bħalma jirriżulta b’mod partikolari mill-premessa (3) tar-Regolament Nru 771/2008, it-tagħrif espert li għandu l-Bord tal-Appell huwa intiż li jiġi żgurat li tista’ ssir evalwazzjoni bbilanċjata tal-aspetti kemm legali kif ukoll tekniċi mill-imsemmi bord.

53      Fit-tieni lok, sa fejn l-argumenti tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja huma bbażati fuq partikolaritajiet tal-proċedura prevista għall-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet dwar il-valutazzjoni ta’ sustanza, għandu jiġi rrilevat li la r-Regolament Nru 1907/2006 u lanqas ir-Regolament Nru 771/2008 ma jipprevedu regoli speċjali dwar l-appelli minn tali deċiżjonijiet.

54      Fit-tielet lok, l-għanijiet imfittxija bil-possibbiltà li jiġi ppreżentat appell quddiem il-Bord tal-Appell minn deċiżjoni tal-ECHA jippuntaw lejn approċċ skont liema l-imsemmi bord għandu kompetenza sabiex jeżamina aggravji li huma intiżi li tintwera l-eżistenza ta’ żbalji materjali li jivvizzjaw tali deċiżjoni.

55      Fil-fatt, minn naħa, bħalma jirriżulta mill-premessa (3) tar-Regolament Nru 771/2008, wieħed mill-għanijiet imfittxija bil-possibbiltà li jiġi ppreżentat appell mid-deċiżjonijiet tal-ECHA, b’mod partikolari dawk adottati dwar il-valutazzjoni tas-sustanzi, huwa li d-destinatarji ta’ tali deċiżjoni jkunu jistgħu jistħarrġu din id-deċiżjoni mhux biss f’dak li jirrigwarda l-aspetti legali, iżda wkoll f’dak li jirrigwarda l-aspetti tekniċi. Fil-fatt, f’dak li jirrigwarda l-imsemmija aspetti tekniċi, minħabba kompetenzi tal-membri tal-Bord tal-Appell, l-intensità tal-istħarriġ imwettaq mill-imsemmi bord hija ikbar minn dik ta’ stħarriġ imwettaq mill-qorti tal-Unjoni.

56      Min-naħa l-oħra, limitazzjoni tal-kompetenzi tal-Bord tal-Appell kif maħsub mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja jkollha bħala konsegwenza li l-imsemmi bord ma jkunx jista’ jiżgura l-funzjoni tiegħu b’mod sħiħ, li hija li jillimita l-kontenzjuż quddiem il-Qorti tal-Unjoni, filwaqt li jiġi ggarantit dritt għal rimedju effettiv. F’dan il-kuntest, għandu jiġi rrilevat ukoll li, bħalma jirriżulta mill-premessa (4) tar-Regolament (UE, Euratom) 2019/629 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑17 ta’ April 2019 li jemenda l-Protokoll Nru 3 dwar l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2019, L 111, p. 1), l-introduzzjoni tar-regoli dwar meta jiġu permessi appelli fil-kawżi li jkunu diġà bbenefikaw minn eżami doppju hija bbażata fuq il-kunsiderazzjoni li, fil-kawżi dwar id-deċiżjonijiet tal-Bord tal-Appell tal-ECHA, eżami doppju huwa possibbli, jiġifieri fl-ewwel lok, mill-imsemmi bord u, fit-tieni lok, mill-Qorti Ġenerali.

57      Fir-raba’ lok, għandu jiġi kkonstatat li approċċ skont liema l-Bord tal-Appell ma għandux kompetenza sabiex jeżamina aggravji li huma intiżi li juru l-eżistenza ta’ żbalji materjali li jivvizzjaw deċiżjoni tal-ECHA ma huwiex ta’ natura li jiżgura rikors effettiv fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

58      Fil-fatt, għandu jitfakkar li, skont il-ħames paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, l-atti li jistabbilixxu l-korpi jew l-organi tal-Unjoni jistgħu jipprevedu kundizzjonijiet jew arranġamenti partikolari dwar ir-rikorsi ppreżentati minn persuni fiżiċi jew ġuridiċi kontra atti ta’ dawn il-korpi jew organi intiżi sabiex jipproduċu effetti legali fil-konfront tagħhom. L-Artikolu 94(1) tar-Regolament Nru 1907/2006 jipprevedi li, meta jkun hemm dritt għal appell quddiem il-Bord tal-Appell, il-qorti tal-Unjoni tista’ tiġi adita biss b’rikors għal annullament kontra d-deċiżjoni tal-imsemmi bord.

59      Rikors għal annullament kontra deċiżjoni tal-Bord tal-Appell jirrigwarda għaldaqstant il-legalità ta’ tali deċiżjoni.

60      Issa, fil-kuntest ta’ appell ippreżentat minn deċiżjoni tal-ECHA li teżiġi informazzjoni addizzjonali fil-kuntest tal-valutazzjoni ta’ sustanzi, il-Bord tal-Appell sempliċement jeżamina, fil-qafas ta’ proċedura kontradittorja, jekk l-argumenti miġjuba quddiemu jistgħux juru l-eżistenza ta’ żball li jivvizzja l-imsemmija deċiżjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza ta’ llum, BASF Grenzach vs ECHA, T‑125/17, punti 59 sa 86).

61      Kuntrarjament għal dak li targumenta r-Repubblika Federali tal-Ġermanja, għaldaqstant ma jistax jitqies li, sa fejn il-Bord tal-Appell ma tax deċiżjoni dwar kunsiderazzjonijiet li jinsabu fid-deċiżjoni tal-ECHA, dawn il-kunsiderazzjonijiet jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni tal-imsemmi bord u jistgħu għaldaqstant jiġu mistħarrġa fil-kuntest ta’ rikors kontra din id-deċiżjoni tal-aħħar quddiem il-qorti tal-Unjoni.

62      Minn dan isegwi li, li kieku kellu jiġi adottat l-approċċ skont liema l-Bord tal-Appell ma għandux kompetenza sabiex jistħarreġ aggravji intiżi li juru l-eżistenza ta’ żbalji materjali li jivvizzjaw deċiżjoni tal-ECHA, tali motivi ma kinux ikunu jistgħu jiġu invokati b’mod utli fil-kuntest ta’ rikors kontra deċiżjoni tal-imsemmi bord ippreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali. Fil-fatt, minn naħa, quddiem il-Qorti Ġenerali dan il-bord ma jistax jiġi validament ikkritikat li ma jkunx eżamina aggravji li ma kellux kompetenza għall-eżami tagħhom. Min-naħa l-oħra, anki jekk jitqies li d-deċiżjoni tal-ECHA hija vvizzjata bi żball materjali, tali żball ma jistax jimmina l-legalità tad-deċiżjoni tal-bord inkwistjoni.

63      Fi kwalunkwe każ, anki jekk jitqies li, bħalma tistenna r-Repubblika Federali tal-Ġermanja, xi kunsiderazzjonijiet li jkunu jinsabu f’deċiżjoni tal-ECHA u li l-Bord tal-Appell ma jkunx ta deċiżjoni dwarhom jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni tal-imsemmi bord, l-approċċ li dan l-Istat Membru jiddefendi jista’ jkollu bħala konsegwenza li xi appelli inutli jkollhom jiġu ppreżentati quddiem dan il-bord. Fil-fatt, bħalma jirriżulta mill-ħames paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE u mill-Artikolu 94(1) tar-Regolament Nru 1907/2006, meta jkun possibbli li jiġi ppreżentat appell minn deċiżjoni tal-ECHA quddiem il-Bord tal-Appell, rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem il-Qorti Ġenerali huwa inammissibbli. B’dan il-mod, fil-każ li rikorrenti tkun tixtieq tikseb l-annullament ta’ deċiżjoni tal-ECHA biss għal raġunijiet relatati ma’ żbalji materjali li jivvizzjaw din id-deċiżjoni tal-aħħar, din ma jkollha l-ebda għażla oħra ħlief li tippreżenta appell quddiem il-Bord tal-Appell, minkejja li tali appell ikun, f’tali każ, neċessarjament miċħud.

64      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi konkluż li, kuntrarjament għal dak li targumenta r-Repubblika Federali tal-Ġermanja, il-Bord tal-Appell kellu kompetenza, f’dan il-każ, sabiex jeżamina l-aggravji intiżi li juru l-eżistenza ta’ żbalji materjali li jivvizzjaw id-deċiżjoni tal-ECHA.

2.      Fuq l-argumenti l-oħrajn imqajma mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja

65      Huwa billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-kunsiderazzjonijiet żviluppati fil-punti 48 sa 64 iktar ’il fuq li għandhom jiġu eżaminati l-argumenti l-oħrajn imqajma mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja.

66      Fl-ewwel lok, fil-kuntest tal-ewwel parti tar-raba’ motiv, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja targumenta li, fil-kuntest tal-proċedura li twassal għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni dwar il-valutazzjoni ta’ sustanza, l-Istati Membri jew il-Kumitat tal-Istati Membri għandhom irwol importanti. Min-naħa l-oħra, ir-rwol tal-ECHA huwa limitat. F’dan il-kuntest, l-ECHA sempliċement twieġeb kwistjonijiet legali jew kwistjonijiet xjentifiċi sempliċi. Peress li l-ECHA hija marbuta bil-kunsens bejn l-Istati Membri jew fi ħdan il-Kumitat tal-Istati Membri, il-Bord tal-Appell ma għandux kompetenza sabiex jistħarreġ l-imsemmi kunsens, iżda għandu josservah. Fil-każ kuntrarju, ir-rwol partikolari tal-Istati Membri jew tal-Kumitat tal-Istati Membri fi ħdan l-ECHA fil-kuntest tal-proċedura ta’ valutazzjoni tas-sustanzi jiġi evitat.

67      L-ECHA, il-Kummissjoni u l-kumpanniji intervenjenti jikkontestaw dawn l-argumenti.

68      F’dan il-kuntest, l-ewwel nett, għandu jitfakkar li, meta l-awtorità nnominata tqis li xi informazzjoni addizzjonali tkun neċessarja, skont l-Artikolu 46(1) tar-Regolament Nru 1907/2006, hija għandha tfassal abbozz ta’ deċiżjoni fi tnax-il xahar wara l-pubblikazzjoni tal-pjan ta’ azzjoni Komunitarju rikorrenti fuq is-sit tal-Internet tal-ECHA għas-sustanzi li jkollhom jiġu vvalutati dik is-sena. Id-deċiżjoni għaldaqstant tittieħed konformement mal-proċedura stabbilita fl-Artikoli 50 u 52 tal-imsemmi regolament.

69      L-Artikolu 50 tar-Regolament Nru 1907/2006 jirregola d-drittijiet tar-reġistranti u tal-utenti downstream. Il-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu jipprevedi li l-ECHA għandha tikkomunika l-abbozz ta’ deċiżjoni lir-reġistranti jew lill-utenti downstream ikkonċernati. Jekk ir-reġistranti jew l-utenti downstream ikkonċernati jkunu jixtiequ jippreżentaw xi osservazzjonijiet, huma għandhom jikkomunikawhom lill-ECHA fi tletin jum wara li jirċevuha. Min-naħa tagħha, din tal-aħħar għandha tinforma lill-awtorità nnominata bil-preżentazzjoni tal-osservazzjonijiet mingħajr dewmien. L-imsemmija awtorità għandha tieħu inkunsiderazzjoni kull osservazzjoni rċevuta u tista’ konsegwentement temenda l-abbozz ta’ deċiżjoni.

70      Bis-saħħa tal-Artikolu 52(1) tar-Regolament Nru 1907/2006, l-awtorità nnominata għandha tiċċirkola l-abbozz ta’ deċiżjoni tagħha, kif ukoll l-osservazzjonijiet ippreżentati mir-reġistrant jew mill-utent downstream lill-ECHA u lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri.

71      Bis-saħħa tal-Artikolu 52(2) tar-Regolament Nru 1907/2006, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 51(2) sa (8) tal-imsemmi regolament, dwar il-proċess ta’ teħid ta’ deċiżjoni dwar il-valutazzjoni tal-fajl, għandhom japplikaw mutatis mutandis għall-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet dwar il-valutazzjoni ta’ sustanza.

72      Bis-saħħa tal-Artikolu 51(2) tar-Regolament Nru 1907/2006, l-Istati Membri jistgħu jipproponu emendi għall-abbozz ta’ deċiżjoni fi żmien tletin jum miċ-ċirkolazzjoni. Bis-saħħa tal-Artikolu 51(3) tal-imsemmi regolament, kif applikabbli bis-saħħa tal-Artikolu 52(2) ta’ dan ir-regolament, jekk ma tirċievi ebda proposta, l-ECHA għandha tieħu d-deċiżjoni fil-verżjoni nnotifikata.

73      Meta l-awtorità nnominata tirċievi xi proposti għal emenda, hija tista’ temenda l-abbozz ta’ deċiżjoni, bis-saħħa tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 51(4) tar-Regolament Nru 1907/2006, kif applikabbli bis-saħħa tal-Artikolu 52(2) tal-imsemmi regolament. Fi żmien ħmistax-il jum mill-perijodu ta’ tletin jum għas-sottomissjoni ta’ osservazzjonijiet, l-imsemmi awtorità għandha tibgħat abbozz ta’ deċiżjoni, flimkien mal-eventwali emendi proposti, lill-Kumitat tal-Istati Membri u lill-ECHA, bis-saħħa tat-tieni sentenza tal-Artikolu 51(4) ta’ dan ir-regolament, kif applikabbli bis-saħħa tal-Artikolu 52(2) tal-istess regolament. Bis-saħħa tal-Artikolu 51(5) tar-regolament inkwistjoni, kif applikabbli bis-saħħa tal-Artikolu 52(2) tal-istess regolament, hija għandha tibgħatha wkoll lir-reġistranti u lill-utenti downstream ikkonċernati, li jistgħu jibagħtu l-osservazzjonijiet tagħhom. Jekk, fi żmien sittin jum minn meta jintbagħat l-abbozz ta’ deċiżjoni, il-Kumitat tal-Istati Membri jasal għal ftehim unanimu dwarha, skont l-Artikolu 51(6) tar-regolament ikkonċernat, kif applikabbli bis-saħħa tal-Artikolu 52(2) tal-imsemmi regolament, l-ECHA għandha konsegwentement tieħu d-deċiżjoni tagħha.

74      Min-naħa l-oħra, jekk il-Kumitat tal-Istati Membri ma jasalx għal ftehim unanimu, bis-saħħa tal-Artikolu 51(7) tar-Regolament Nru 1907/2006, kif applikabbli bis-saħħa tal-Artikolu 52(2) tal-imsemmi regolament, il-Kummissjoni għandha tipprepara abbozz ta’ deċiżjoni li għandha tittieħed konformement mal-proċedura prevista fl-Artikolu 133(3) ta’ dan ir-regolament.

75      Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja targumenta għaldaqstant ġustament li l-Istati Membri u l-Kumitat tal-Istati Membri għandhom irwol sinjifikanti fil-qafas tal-proċedura ta’ adozzjoni ta’ deċiżjoni dwar il-valutazzjoni ta’ sustanza.

76      Madankollu, minkejja li l-Istati Membri u l-Kumitat tal-Istati Membri jintervjenu fil-kuntest ta’ proċedura li twassal għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni dwar il-valutazzjoni ta’ sustanza, għandu jiġi kkonstatat li l-imsemmija deċiżjoni hija adottata mill-ECHA. Tali deċiżjoni, li ġiet adottata bis-saħħa tal-Artikolu 51(3) jew (6) tar-Regolament Nru 1907/2006, applikabbli mutatis mutandis bis-saħħa tal-Artikolu 52(3) tal-imsemmi regolament, għaldaqstant la hija deċiżjoni tal-Istati Membri u lanqas deċiżjoni tal-Kumitat tal-Istati Membri.

77      It-tieni nett, għandu jiġi rrilevat li s-suġġett ta’ appell quddiem il-Bord tal-Appell huwa deċiżjoni tal-ECHA u mhux biss il-miżuri meħuda mid-direttur tal-ECHA u mis-segretarjat tiegħu fil-kuntest tal-proċedura li tkun wasslet għall-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni.

78      Fil-kuntest ta’ appell minn deċiżjoni tal-ECHA, l-istħarriġ tal-Bord tal-Appell għaldaqstant ma jirrigwardax biss il-miżuri meħuda mid-direttur tal-ECHA jew mis-segretarjat tiegħu, iżda jista’, għall-kuntrarju, jirrigwarda l-punti kollha tal-imsemmija deċiżjoni.

79      Għaldaqstant, kuntrarjament għal dak li targumenta r-Repubblika Federali tal-Ġermanja, fil-kuntest ta’ appell minn deċiżjoni meħuda dwar il-valutazzjoni ta’ sustanza, xejn ma jipprekludi li l-Bord tal-Appell jeżamina aggravji intiżi li jpoġġu inkwistjoni l-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fl-imsemmija deċiżjoni u li fil-konfront tagħhom kien hemm ftehim unanimu fi ħdan il-Kumitat tal-Istati Membri u li, bis-saħħa tal-Artikolu 51(6) tar-Regolament Nru 1907/2006, applikabbli mutatis mutandis bis-saħħa tal-Artikolu 52(2) tal-imsemmi regolament, jikkostitwixxu l-bażi materjali ta’ din id-deċiżjoni. Fil-fatt, bħalma jirriżulta mill-Artikolu 76(1)(e) ta’ dan ir-regolament, f’dan il-kuntest, il-Kumitat tal-Istati Membri jintervjeni bħala korp tal-ECHA.

80      Dawn il-kunsiderazzjonijiet ma humiex imminati mill-argumenti tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja dwar ir-relazzjoni bejn l-Istati Membri u l-membru tagħhom fi ħdan il-Kumitat tal-Istati Membri, ibbażati fuq l-importanza tal-imsemmi kumitat u fuq il-kwistjoni li, bis-saħħa tal-Artikolu 76(1)(e) tar-Regolament Nru 1907/2006, dan il-kumitat għandu l-kompitu li jsolvi d-diverġenzi potenzjali ta’ opinjonijiet fuq l-abbozzi ta’ deċiżjonijiet proposti skont it-Titolu VI tal-imsemmi regolament.

81      Fid-dawl ta’ dan kollu preċedenti, l-argumenti tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ibbażati fuq ir-rwol importanti tal-Istati Membri u tal-Kumitat tal-Istati Membri matul il-proċedura li twassal għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni dwar il-valutazzjoni ta’ sustanza, għandhom jiġu miċħuda.

82      It-tielet nett, għandhom jiġu eżaminati l-argumenti tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ibbażati fuq l-allegazzjoni li l-proċedura prevista għall-adozzjoni tad-deċiżjonijiet dwar il-valutazzjoni tas-sustanzi, li tagħti rwol importanti lill-Istati Membri ’l barra minn jew fi ħdan il-Kumitat tal-Istati Membri, tista’ ma tiġix segwita jekk il-Bord tal-Appell kellu kompetenza sabiex jistħarreġ il-kunsiderazzjonijiet li jinsabu f’deċiżjoni tal-ECHA li huma bbażati fuq ftehim unanimu fis-sens tal-Artikolu 51(3) jew (6) tar-Regolament Nru 1907/2006, applikabbli mutatis mutandis bis-saħħa tal-Artikolu 52(2) tal-imsemmi regolament.

83      F’dan il-kuntest, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja targumenta li l-Artikolu 93(3) tar-Regolament Nru 1907/2006 la jista’ jpoġġi inkwistjoni d-“dualiżmu” funzjonali bejn l-ECHA, minn naħa, u l-Istati Membri jew il-Kumitat tal-Istati Membri, min-naħa l-oħra, u lanqas il-limitazzjoni materjali tas-setgħat ta’ deċiżjoni tal-ECHA fil-qasam ta’ proċeduri ta’ valutazzjoni. Hija targumenta li, peress li l-ECHA ma għandhiex kompetenza sabiex tadotta deċiżjoni fl-assenza ta’ kunsens tal-Istati Membri jew kuntrarjament għaliha, dan huwa wkoll il-każ għall-Bord tal-Appell. F’dan ir-rigward, paragun bejn l-aġenziji l-oħrajn tal-Unjoni ma huwiex rilevanti, għaliex ebda aġenzija oħra ma għandha regoli proċedurali paragunabbli u Kumitat tal-Istati Membri simili, li jassoċja l-Istati Membri fil-proċess deċiżiv b’mod sinjifikanti wkoll, billi jissuġġetta s-setgħa ta’ deċiżjoni nfisha għar-rieda tagħhom.

84      Minn naħa, l-argument imqajjem mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ibbażat fuq il-kwistjoni li, jekk il-Bord tal-Appell seta’ jeżamina l-fondatezza ta’ aggravji li huma intiżi li juru l-eżistenza ta’ żbalji materjali li jivvizzjaw deċiżjoni tal-ECHA, ir-rwol tal-Istati Membri jew tal-Kumitat tal-Istati Membri fil-qafas tal-proċedura prevista għall-adozzjoni tad-deċiżjonijiet dwar il-valutazzjoni ta’ sustanza jkun jista’ jitpoġġa inkwistjoni, għandu jiġi miċħud.

85      Fil-fatt, f’dan il-kuntest, għandu jitfakkar li, adit b’appell minn deċiżjoni meħuda dwar il-valutazzjoni ta’ sustanza, il-Bord tal-Appell ma jwettaqx huwa nnifsu valutazzjoni ta’ din is-sustanza, iżda sempliċement jistħarreġ jekk l-imsemmija deċiżjoni hijiex ivvizzjata bi żball.

86      Barra minn hekk, meta l-Bord tal-Appell jistħarreġ deċiżjoni tal-ECHA, huwa ma jwettaqx eżami paragunabbli għal dak magħmul mill-korpi kompetenti ta’ din l-aġenzija matul il-proċedura li tkun wasslet għall-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni u ma japplikax l-istess regoli proċedurali bħal dawk li huma applikabbli meta l-ECHA tagħti deċiżjoni fl-ewwel istanza, iżda sempliċement jeżamina, fil-kuntest ta’ proċedura kontradittorja, jekk l-imsemmija deċiżjoni hijiex ivvizzjata bi żball (ara, f’dan is-sens, is-sentenza ta’ llum, BASF Grenzach vs ECHA, T‑125/17, punti 59 sa 86).

87      Min-naħa l-oħra, għall-motivi esposti fil-punti 48 sa 64 iktar ’il fuq, ma jistax jiġi dedott mid-dispożizzjonijiet rilevanti li l-intenzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni kienet li l-Bord tal-Appell ma jkollux ġurisdizzjoni sabiex jeżamina l-fondatezza ta’ aggravji li huma intiżi li juru l-eżistenza ta’ żbalji materjali li jivvizzjaw deċiżjoni tal-ECHA.

88      Min-naħa l-oħra, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 93(3) tar-Regolament Nru 1907/2006, meta l-appell quddiemu jkun fondat, il-Bord tal-Appell jista’, ċertament, jeżerċita kull setgħa li taqa’ taħt il-kompetenza tal-ECHA jew jiddeferi l-każ lill-korp kompetenti ta’ din l-aġenzija għat-tkomplija tal-azzjoni.

89      Madankollu, l-Artikolu 93(3) tar-Regolament Nru 1907/2006 jagħti setgħa diskrezzjonali lill-Bord tal-Appell (sentenza ta’ llum, BASF Grenzach vs ECHA, T‑125/17, punt 119). Issa, fil-kuntest tal-eżerċizzju ta’ din is-setgħa diskrezzjonali, l-imsemmi bord għandu mhux biss jeżamina jekk, wara l-eżami tal-appell, huwa għandu punti li jippermettulu jadotta d-deċiżjoni rispettiva tiegħu, iżda jieħu inkunsiderazzjoni wkoll tar-regoli li jirregolaw il-proċedura prevista għall-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-ECHA meta din l-aġenzija tagħti deċiżjoni fl-ewwel istanza. Għaldaqstant, minkejja li din il-proċedura tagħti rwol importanti lil ċerti atturi, bħalma l-proċedura għall-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet dwar il-valutazzjoni tal-fajls u tas-sustanzi tipprevedi għall-Istati Membri u l-Kumitat tal-Istati Membri (ara l-punti 68 sa 74 iktar ’il fuq), il-Bord tal-Appell għandu jistaqsi jekk l-adozzjoni ta’ deċiżjoni finali fil-livell tiegħu hijiex konformi mal-għanijiet imfittxija mir-Regolament Nru 1907/2006 jew jekk l-osservanza tar-regoli li jirregolaw il-proċedura quddiem l-ECHA meta l-imsemmi aġenzija tagħti deċiżjoni fl-ewwel istanza u tal-għanijiet imfittxija minnhom jeżiġux li l-każ jintbagħat lura quddiem il-korp kompetenti ta’ din l-aġenzija. F’dan il-kuntest, huwa għandu jieħu inkunsiderazzjoni wkoll tal-premessa 67 tal-imsemmi regolament, li minnu jirriżulta li l-proċedura prevista għall-valutazzjoni tas-sustanzi u tal-fajls hija bbażata fuq il-prinċipju skont liema ftehim kollettiv bejn Stati Membri jew fi ħdan il-Kumitat tal-Istati Membri dwar abbozzi ta’ deċiżjonijiet għandu jikkostitwixxi l-bażi ta’ sistema effikaċi li tosserva l-prinċipju ta’ sussidjarjetà (ara, f’dan is-sens, is-sentenza ta’ llum, BASF Grenzach vs ECHA, T‑125/17, punti 115 sa 120).

90      Minn dan isegwi li, kuntrarjament għal dak li targumenta r-Repubblika Federali tal-Ġermanja, approċċ skont liema l-Bord tal-Appell għandu kompetenza sabiex jistħarreġ kunsiderazzjonijiet li jinsabu f’deċiżjoni tal-ECHA meta din l-aġenzija tagħti deċiżjoni fl-ewwel istanza li huma bbażati fuq ftehim unanimu fis-sens tal-Artikolu 51(3) jew (6) tar-Regolament Nru 1907/2006, applikabbli mutatis mutandis bis-saħħa tal-Artikolu 52(2) tal-imsemmi regolament, ma jistax ipoġġi inkwistjoni r-rwol importanti li dawn id-dispożizzjonijiet jagħtu lill-Istati Membri jew lill-Kumitat tal-Istati Membri fil-kuntest tal-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet dwar il-valutazzjoni tas-sustanzi.

91      Fit-tieni lok, fil-kuntest tal-ewwel motiv, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja targumenta li kull emenda ta’ deċiżjoni adottata dwar il-valutazzjoni ta’ sustanza hija ekwivalenti għal tfassil ġdid tad-deċiżjoni, għaliex anki emenda jew saħansitra annullament ta’ ċerti partijiet ta’ din id-deċiżjoni jkollha l-effett li temenda l-“istrateġija globali” tal-valutazzjoni. Għaldaqstant kull emenda ta’ tali deċiżjoni teħtieġ teħid ta’ deċiżjoni mill-Istati Membri għaliex, bis-saħħa tal-Artikolu 76(1)(e) tar-Regolament Nru 1907/2006, il-Kumitat tal-Istati Membri huwa responsabbli li jsolvi d-diverġenzi ta’ opinjonijiet bejn l-Istati Membri matul il-proċedura ta’ valutazzjoni. Il-Bord tal-Appell ma jistax ibiddel l-“istrateġija ta’ ttestjar” maħsuba mill-Istati Membri jew mill-Kumitat tal-Istati Membri.

92      L-ECHA, il-Kummissjoni u l-kumpanniji intervenjenti jikkontestaw dawn l-argumenti.

93      F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, għandu jitfakkar, bħalma ġie espost fil-punti 84 sa 87 iktar ’il fuq, li fil-kuntest ta’ appell minn deċiżjoni meħuda dwar il-valutazzjoni ta’ sustanza, il-Bord tal-Appell ma jwettaqx valutazzjoni tas-sustanza inkwistjoni, iżda sempliċement jistħarreġ jekk din id-deċiżjoni hijiex ivvizzjata bi żball.

94      It-tieni nett, minħabba l-kunsiderazzjonijiet żviluppati fil-punti 48 sa 64 iktar ’il fuq, ma jistax jitqies li l-intenzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni kienet li l-Bord tal-Appell ma jkunx jista’ jeżamina aggravji dwar żbalji li jivvizzjaw il-bażi ta’ deċiżjoni meħuda dwar il-valutazzjoni ta’ sustanza. Minn dan isegwi li dan il-bord jista’ jannulla tali deċiżjoni sa fejn din hija vvizzjata b’tali żbalji, anki jekk din tikkontesta parzjalment jew totalment l-istrateġija globali mfittxija mill-Kumitat tal-Istati Membri fil-kuntest tal-imsemmija valutazzjoni. Barra minn hekk, xejn ma jipprekludi li l-imsemmi bord jillimita l-portata tal-annullament ta’ tali deċiżjoni meta waħda mit-talbiet għal informazzjoni li jinsabu fiha tkun tista’ tiġi sseparata mill-oħrajn. Dan japplika wkoll għal punti ta’ talba għal informazzjoni addizzjonali li l-annullament tagħhom ma jbiddilx is-sustanza ta’ din it-talba.

95      It-tielet nett, fir-rigward tal-konsegwenzi tal-annullament ta’ deċiżjoni meħuda dwar il-valutazzjoni ta’ sustanza, minn naħa, fil-każ li, skont l-Artikolu 93(3) tar-Regolament Nru 1907/2006, il-Bord tal-Appell jiddeferi l-każ lill-korp kompetenti tal-ECHA għat-tkomplija tal-azzjoni, hija r-responsabbiltà tal-imsemmi korp li jiddeċiedi jekk għandhiex tiġi adottata deċiżjoni ġdida. F’din l-ipoteżi, ir-rwol tal-Istati Membri jew tal-Kumitat tal-Istati Membri previst fl-Artikolu 51(3) jew (6) tal-imsemmi regolament għaldaqstant ma huwiex ikkontestat, bla ħsara għall-osservanza tal-obbligu li jirriżulta mill-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 771/2008, skont liema dan il-korp huwa marbut bil-motivazzjoni tad-deċiżjoni tal-imsemmi bord, ħlief fil-każ li jkun hemm bidla fiċ-ċirkustanzi tal-każ. Issa, dan l-obbligu jikkostitwixxi biss il-konsegwenza tal-kompetenza tal-Bord tal-Appell sabiex jeżamina aggravji dwar żbalji li jivvizzjaw il-bażi ta’ deċiżjoni meħuda dwar il-valutazzjoni ta’ sustanza.

96      Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-possibbiltà prevista mill-Artikolu 93(3) tar-Regolament Nru 1907/2006, li l-Bord tal-Appell jadotta huwa stess deċiżjoni finali, billi jeżerċita s-setgħat li jaqgħu taħt il-kompetenza tal-ECHA, għandu jitfakkar li, bħalma ġie espost fil-punt 89 iktar ’il fuq, fil-qafas tal-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali li jagħtih l-Artikolu 93(3) tal-imsemmi regolament, l-imsemmi bord għandu jieħu inkunsiderazzjoni tar-regoli li jirregolaw il-proċedura prevista għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni tal-ECHA meta din l-aġenzija tagħti deċiżjoni fl-ewwel istanza, tar-rwol li din il-proċedura tagħti lid-diversi kopri u tal-premessa (67) ta’ dan ir-regolament, li minnu jirriżulta li l-proċedura prevista għall-valutazzjoni tas-sustanzi u tal-fajls hija bbażata fuq il-prinċipju li jipprovdi li ftehim kollettiv bejn Stati Membri jew fi ħdan il-Kumitat tal-Istati Membri dwar abbozzi ta’ deċiżjonijiet għandu jikkostitwixxi l-bażi ta’ sistema effikaċi li tosserva l-prinċipju ta’ sussidjarjetà.

97      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, l-argument tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ibbażat fuq l-allegazzjoni li kull emenda ta’ deċiżjoni adottata dwar il-valutazzjoni ta’ sustanza hija ekwivalenti għal tfassil ġdid ta’ din id-deċiżjoni, li ma jkunx konformi mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1907/2006, għandu jiġi miċħud.

98      Fit-tielet lok, fil-kuntest tal-ewwel parti tar-raba’ motiv, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja targumenta li l-kworum li għandu jintlaħaq quddiem il-Bord tal-Appell huwa ħafna iktar baxx minn dak li għandu jintlaħaq sabiex tiġi adottata deċiżjoni dwar il-valutazzjoni tas-sustanzi bis-saħħa tal-Artikolu 51(3) jew (6) tar-Regolament Nru 1907/2006. Hija żżid li, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 771/2008, id-deċiżjoni tal-imsemmi bord għandha tittieħed b’maġġoranza sempliċi tal-membri tiegħu. Sabiex jadotta deċiżjoni, dan il-bord għandu għaldaqstant jilħaq kworum ħafna iktar baxx sabiex jieħu d-deċiżjoni tiegħu milli dan previst għal deċiżjoni dwar il-valutazzjoni ta’ sustanza. Barra minn hekk, ikun preokkupanti li żewġ persuni deċiżjonali li ma għandhom ebda kwalifika teknika jkunu jistgħu jissostitwixxu d-deċiżjoni mhux esperta tagħhom għall-opinjoni ta’ esperti espressa fi ħdan il-Kumitat tal-Istati Membri.

99      L-ECHA, il-Kummissjoni u l-kumpanniji intervenjenti jikkontestaw dawn l-argumenti.

100    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, bis-saħħa tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 771/2008, id-deċiżjonijiet tal-Bord tal-Appell għandhom jittieħdu bil-maġġoranza tal-voti.

101    Madankollu, kuntrarjament għal dak li targumenta r-Repubblika Federali tal-Ġermanja, il-fatt li deċiżjoni meħuda dwar il-valutazzjoni ta’ sustanza tista’ tiġi adottata fuq il-livell tal-ECHA biss jekk ikun jeżisti ftehim unanimu fis-sens tal-Artikolu 51(3) jew (6) tar-Regolament Nru 1907/2006, filwaqt li l-Bord tal-Appell jiddeċiedi bil-maġġoranza tal-voti, ma jiġġustifikax limitazzjoni tal-kompetenza ta’ dan il-bord f’dak li jirrigwarda l-aggravji dwar żbalji li jivvizzjaw il-bażi ta’ tali deċiżjoni.

102    Fil-fatt, għar-raġunijiet esposti fil-punti 82 sa 89 iktar ’il fuq, ma jistax jitqies li hemm riskju li r-rwol tal-Istati Membri fil-kuntest tal-proċedura li twassal għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni dwar il-valutazzjoni ta’ sustanza jiġi imminat fil-kuntest ta’ appell quddiem il-Bord tal-Appell.

103    Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, l-argument ibbażat fuq id-differenzi dwar il-kworum li għandu jintlaħaq matul proċedura quddiem l-ECHA u dak li għandu jintlaħaq matul il-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell għandu jiġi miċħud.

104    Fir-raba’ lok, fil-kuntest tal-ewwel parti tar-raba’ motiv, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja targumenta li l-ħaddiema tal-Bord tal-Appell huma limitati u li membru wieħed biss tal-imsemmi bord huwa kkwalifikat mill-perspettiva teknika. Konformement mal-Artikolu 89 tar-Regolament Nru 1907/2006 u mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 771/2008, dan il-bord huwa kompost minn tliet membri, mill-inqas membru wieħed ikkwalifikat legalment u mill-inqas membru wieħed ikkwalifikat teknikament.

105    L-ECHA, il-Kummissjoni u l-kumpanniji intervenjenti jikkontestaw dawn l-argumenti.

106    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fil-kuntest ta’ appell minn deċiżjoni meħuda dwar il-valutazzjoni ta’ sustanza, ma hijiex ir-responsabbiltà tal-Bord tal-Appell li jwettaq valutazzjoni ġdida tal-imsemmija sustanza. Għandu jitfakkar ukoll li ma hijiex ir-responsabbiltà tal-imsemmi bord, meta huwa jwettaq il-valutazzjoni, li jeżamina huwa nnifsu jekk għandhiex tintalab informazzjoni addizzjonali dwar din is-sustanza. Fil-fatt, fil-kuntest ta’ tali appell, dan il-bord sempliċement jeżamina jekk l-argumenti mqajma mill-appellanti f’dak il-każ jistgħux juru l-eżistenza ta’ żball li jivvizzja l-imsemmija deċiżjoni.

107    Għaldaqstant il-kompitu tal-Bord tal-Appell ma jistax jiġi pparagunat ma’ dak tal-awtorità nazzjonali nnominata fil-kuntest tal-valutazzjoni ta’ sustanza.

108    It-tieni nett, għandu jitfakkar li, minħabba l-kunsiderazzjonijiet żviluppati fil-punti 48 sa 64 iktar ’il fuq, ma jistax jiġi dedott mid-dispożizzjonijiet applikabbli għall-appelli quddiem il-Bord tal-Appell li l-intenzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni kienet li jillimita l-kompetenza tal-imsemmi bord f’dak li jirrigwarda l-aggravji dwar żbalji li jivvizzjaw il-bażi ta’ deċiżjoni meħuda dwar il-valutazzjoni ta’ sustanza. Għall-kuntrarju, għandu jiġi rrilevat li jekk, bis-saħħa tal-Artikolu 89(1) tar-Regolament Nru 1907/2006, bħala prinċipju, dan il-bord huwa kompost minn tliet membri, mit-tieni subparagrafu tal-paragrafu (3) tal-imsemmi artikolu jirriżulta li l-Bord tat-Tmexxija tal-ECHA jista’ jinnomina membri addizzjonali u l-membri sostituti tagħhom fuq rakkomandazzjoni tad-Direttur Eżekuttiv, jekk dan ikun neċessarju sabiex jiġi ggarantit li l-appelli jiġu eżaminati f’termini raġjonevoli. Barra minn hekk, xejn ma jipprekludi li jitwaqqfu diversi bordijiet tal-appell, bħalma huwa l-każ għal xi aġenziji oħrajn tal-Unjoni.

109    Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, għandu jiġi konkluż li l-argument ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-ħaddiema tal-Bord tal-Appell huma limitati ma jistax ipoġġi inkwistjoni l-fatt li l-imsemmi bord għandu kompetenza f’dak li jirrigwarda l-eżami ta’ aggravji dwar żbalji li jivvizzjaw il-bażi ta’ deċiżjoni meħuda dwar il-valutazzjoni ta’ sustanza. Għaldaqstant, dan l-argument tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja għandu wkoll jiġi miċħud.

110    Fil-ħames lok, fil-kuntest tal-ewwel parti tar-raba’ motiv, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja targumenta li, bis-saħħa tal-Artikolu 91(2) tar-Regolament Nru 1907/2006, l-appelli quddiem il-Bord tal-Appell għandhom effett sospensiv. Approċċ li jippermetti lill-imsemmi bord jeżerċita kontroll sostanzjali fuq l-evalwazzjonijiet li jinsabu fid-deċiżjoni tal-ECHA ’l fuq mill-kontroll imwettaq mill-qorti jwassal għalhekk għal dewmien inutli u tfixkil, li ma jkunx konformi la mal-għanijiet ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent imfittxija mill-imsemmi regolament bis-saħħa tal-Artikolu 1(1) ta’ dan ir-regolament, u lanqas mal-prinċipju ta’ prekawzjoni msemmi fl-Artikolu 1(3) tal-istess regolament. Issa, il-possibbiltà li l-ECHA tista’ tadotta deċiżjonijiet dwar il-valutazzjoni ta’ sustanzi fuq il-livell tal-ECHA għandha l-għan li tiffaċilita u li tħaffef il-proċess ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet. Dawn id-deċiżjonijiet jikkostitwixxu biss stadju introduttorju. Li dan il-bord ikun jista’ jistħarreġ deċiżjoni tal-ECHA fil-mertu jikkomprometti dan l-għan għaliex it-terminu jkun għalhekk itwal f’każ li d-deċiżjoni inkwistjoni tkun adottata mill-Kummissjoni. L-Artikolu 3(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u l-Artikolu 41(1) tagħha jipprekludu wkoll tul eċċessiv tal-proċedura għat-tressiq ta’ kawża.

111    L-ECHA, il-Kummissjoni u l-kumpanniji intervenjenti jikkontestaw dawn l-argumenti.

112    F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, għandu jitfakkar li, minħabba l-kunsiderazzjonijiet żviluppati fil-punti 48 sa 64 iktar ’il fuq, ma jistax jitqies li l-intenzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni kienet li l-Bord tal-Appell ma jkunx jista’ jidentifika żbalji li jivvizzjaw il-bażi ta’ deċiżjoni meħuda dwar il-valutazzjoni ta’ sustanza.

113    It-tieni nett, fir-rigward tal-għanijiet imfittxija mir-Regolament Nru 1907/2006, għandu jiġi rrilevat li, ċertament, bħalma jirriżulta b’mod partikolari mill-Artikolu 1(1) tal-imsemmi regolament, dan huwa intiż li jiżgura livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent. Madankollu, inkwistjoni ma hemmx biss l-għanijiet imfittxija minn dan ir-regolament. Fil-fatt, dan jirrigwarda wkoll il-promozzjoni ta’ metodi alternattivi għall-valutazzjoni tal-perikli relatati mas-sustanzi, kif ukoll il-moviment liberu tas-sustanzi fis-suq intern filwaqt li tiġi mtejba l-kompetittività u l-innovazzjoni. Barra minn hekk, bħalma jista’ jiġi dedott b’mod partikolari mill-premessa (47) ta’ dan ir-regolament, dan tal-aħħar huwa intiż li jiġi evitat l-ittestjar fuq l-annimali. Barra minn hekk, il-possibbiltà li jiġi ppreżentat appell quddiem il-Bord tal-Appell minn ċerti deċiżjonijiet tal-ECHA, b’effett sospensiv, hija intiża wkoll li tevita kull ostakolu għal-libertà ta’ intrapriża fis-sens tal-Artikolu 16 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali li hija relatata ma’ deċiżjonijiet żbaljati. Fir-rigward b’mod iktar partikolari tad-deċiżjonijiet meħuda dwar il-valutazzjoni ta’ sustanza, li fihom tintalab informazzjoni addizzjonali, l-istess effett sospensiv għandu għalhekk l-għan li jiġi evitat li jitwettqu studji, li jikkawżaw spejjeż għar-reġistranti u li jistgħu jinvolvu ttestjar fuq l-annimali, filwaqt li l-ECHA ma kinitx intitolata li titlobhom.

114    It-tielet nett, fir-rigward tal-argument tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-għan tal-possibbiltà mogħtija lill-ECHA li tadotta deċiżjonijiet dwar il-valutazzjoni ta’ sustanza kien li jiġi ffaċilitat u mħaffef il-proċess ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet, għandu jiġi rrilevat li mill-Artikolu 94(1) tar-Regolament Nru 1907/2006 jirriżulta li ċerti atti tal-ECHA ma jistgħux jiġu kkontestati quddiem il-Bord tal-Appell. B’dan il-mod, il-proċedura li hija prevista għall-identifikazzjoni tas-sustanzi kandidati bis-saħħa tal-Artikoli 57 u 59 tal-imsemmi regolament tipprevedi wkoll li tali deċiżjoni tista’ tiġi adottata fuq il-livell tal-ECHA meta jkun jeżisti ftehim bejn l-Istati Membri jew fi ħdan il-Kumitat tal-Istati Membri u li, fil-każ kuntrarju, id-deċiżjoni tiġi adottata fil-livell tal-Kummissjoni. Issa, kuntrarjament għal dak li huwa previst għad-deċiżjonijiet meħuda dwar il-valutazzjoni ta’ sustanza, ma jistax jiġi ppreżentat appell li jkollu effett sospensiv awtomatiku kontra tali att quddiem il-Bord tal-Appell. Għall-kuntrarju, bis-saħħa tal-Artikolu 94(1) ta’ dan ir-regolament, huwa quddiem il-Qorti Ġenerali li tali atti jistgħu jiġu kkontestati u rikors quddiemha ma għandux effett sospensiv awtomatiku.

115    Fid-dawl ta’ dawn il-punti, għandu jiġi konkluż li inkwistjoni hemm għażla delibera tal-leġiżlatur tal-Unjoni li ppreveda l-possibbiltà li jiġi ppreżentat appell quddiem il-Bord tal-Appell b’effett sospensiv awtomatiku minn ċerti atti tal-ECHA, u mhux minn oħrajn.

116    Ir-raba’ nett, f’dan il-kuntest, għandu jitfakkar ukoll li, bis-saħħa tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 89(3) tar-Regolament Nru 1907/2006, membri addizzjonali jistgħu jkunu nnominati mill-Bord tal-Appell jekk dan ikun neċessarju sabiex jiġi ggarantit li l-appelli jiġu eżaminati f’termini raġjonevoli (ara l-punt 108 iktar ’il fuq).

117    Fid-dawl ta’ dawn il-punti, għandu jiġi konkluż li l-argument ibbażat fuq dewmien potenzjali kkawżat mill-effett sospensiv awtomatiku tal-appelli quddiem il-Bord tal-Appell ma jistax ipoġġi inkwistjoni l-fatt li l-imsemmi bord għandu kompetenza għall-eżami ta’ aggravji dwar żbalji li jivvizzjaw il-bażi ta’ deċiżjoni meħuda dwar il-valutazzjoni ta’ sustanza. Għaldaqstant, dan l-argument tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja għandu wkoll jiġi miċħud.

118    Fis-sitt lok, fil-kuntest tal-ewwel parti tar-raba’ motiv, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja targumenta li l-possibbiltà ta’ stħarriġ, mill-Bord tal-Appell, tal-evalwazzjonijiet tal-ECHA fil-mertu twassal għal riżultati inkoerenti dwar l-istħarriġ imwettaq mill-qorti tal-Unjoni. Minn naħa, meta l-Bord tal-Appell jistħarreġ deċiżjoni tal-ECHA, il-protezzjoni ġudizzjarja tkun limitata. L-ECHA ma tistax tikkontesta deċiżjoni billi tappella jew b’xi mod ieħor. Min-naħa tagħhom, l-Istati Membri għandhom jikkuntentaw ruħhom bl-istħarriġ dwar l-eżistenza ta’ żbalji ta’ evalwazzjoni mwettqa mill-imsemmi bord. Min-naħa l-oħra, meta tkun adottata deċiżjoni mill-Kummissjoni, l-istħarriġ isir mill-Qorti Ġenerali.

119    L-ECHA, il-Kummissjoni u l-kumpanniji intervenjenti jikkontestaw dawn l-argumenti.

120    F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, għandu jiġi rrilevat li l-intensità tal-istħarriġ li l-qorti tal-Unjoni tagħmel fuq deċiżjoni tal-Bord tal-Appell dwar appell minn deċiżjoni meħuda dwar il-valutazzjoni ta’ sustanza ma hijiex differenti minn dik li hija tagħmel fuq deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar il-valutazzjoni ta’ sustanza. Fil-fatt, hija tagħmel stħarriġ tal-legalità. Skont il-ġurisprudenza, dan l-istħarriġ huwa limitat meta jirrigwarda l-evalwazzjoni ta’ punti fattwali ta’ natura xjentifika u teknika kumplessi ħafna. Fil-fatt, fir-rigward ta’ tali evalwazzjonijiet, il-qorti tal-Unjoni sempliċement tistħarreġ jekk dawn humiex ivvizzjati bi żball manifest, b’użu ħażin ta’ poter jew jekk l-awtur tad-deċiżjoni eċċediex b’mod manifest il-limiti tas-setgħa diskrezzjonali tiegħu (ara s-sentenza tal‑21 ta’ Lulju 2011, Etimine, C‑15/10, EU:C:2011:504, punt 60 u l-ġurisprudenza ċċitata).

121    It-tieni nett, huwa minnu li, meta l-Qorti Ġenerali tisħarreġ deċiżjoni tal-Kummissjoni meħuda dwar il-valutazzjoni ta’ sustanza, hija tagħmel stħarriġ dirett fuq id-deċiżjoni adottata dwar il-valutazzjoni ta’ sustanza, filwaqt li, fil-kuntest ta’ rikors kontra deċiżjoni tal-Bord tal-Appell, hija sempliċement tistħarreġ id-deċiżjoni tal-imsemmi bord. Bħalma ġie espost fil-punti 60 sa 62 iktar ’il fuq, f’dan il-kuntest, l-istħarriġ tal-Qorti Ġenerali jirrigwarda għaldaqstant l-istħarriġ imwettaq minn dan il-bord.

122    Madankollu, bħalma jirriżulta mill-Artikolu 91(1) tar-Regolament Nru 1907/2006 u tal-Artikolu 94(1) tal-imsemmi regolament, din hija l-konsegwenza ta’ għażla delibera tal-leġiżlatur tal-Unjoni. Fil-fatt, bħalma ġie espost fil-punti 114 u 115 iktar ’il fuq, ċerti atti tal-ECHA jistgħu jiġu kkontestati direttament quddiem il-qorti tal-Unjoni. Issa, kuntrarjament għal dak li targumenta r-Repubblika Federali tal-Ġermanja, tali għażla delibera ma tistax titqies bħala riżultat inkoerenti li jista’ jiġġustifika limitazzjoni tal-kompetenza tal-Bord tal-Appell f’dak li jirrigwarda l-eżami tal-aggravji dwar żbalji li jivvizzjaw il-bażi ta’ deċiżjoni meħuda dwar il-valutazzjoni ta’ sustanza.

123    Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, dawn l-argumenti għandhom ukoll jiġu miċħuda.

124    Fis-sitt lok, għandu jiġi miċħud l-argument, ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-istħarriġ dwar l-eżistenza ta’ żbalji ta’ evalwazzjoni huwa kompitu rriżervat għall-qrati, li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja tqajjem fil-kuntest tal-ewwel parti tar-raba’ motiv. Fil-fatt, minn naħa, bħalma ġie espost fil-punti 54 sa 56 iktar ’il fuq, il-leġiżlatur tal-Unjoni ppreveda li, għal ċerti deċiżjonijiet tal-ECHA, bħad-deċiżjonijiet meħuda dwar il-valutazzjoni ta’ sustanza, appell quddiem il-Bord tal-Appell huwa possibbli, li fil-kuntest tiegħu dan il-bord jeżamina jekk l-argumenti mqajma mill-appellanti f’dak il-każ jistgħux juru l-eżistenza ta’ żball li jivvizzja d-deċiżjoni tal-imsemmi bord meta dan tal-aħħar jiddeċiedi fl-ewwel istanza. Min-naħa l-oħra, għandu jiġi kkonstatat li ebda argument tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma jista’ jissostanzja l-affermazzjoni tiegħu li tipprovdi li l-istħarriġ tal-eżistenza ta’ żbalji ta’ evalwazzjoni għandu jiġi rriżervat lill-qrati.

125    Fit-tmien lok, fil-kuntest tat-tielet motiv, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja targumenta li, konformement mal-premessa 67 tar-Regolament Nru 1907/2006, deċiżjoni meħuda dwar il-valutazzjoni ta’ sustanza għandha tkun ibbażata fuq ftehim kollettiv tal-Istati Membri jew fi ħdan il-Kumitat tal-Istati Membri dwar l-abbozzi ta’ deċiżjonijiet tagħhom. Ir-rwol tal-ECHA huwa limitat li tikkoordina u li tappoġġja l-proċess ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet tal-Istati Membri. Billi adotta deċiżjoni awtonoma minflok l-ECHA f’dak li jirrigwarda l-mertu tal-valutazzjoni, il-Bord tal-Appell kiser il-prinċipju ta’ sussidjarjetà u l-prinċipju tal-għoti ta’ kompetenzi. B’mod partikolari, f’dak li jirrigwarda dan il-prinċipju tal-aħħar, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja targumenta li, qabel xejn, jekk il-leġiżlatur tal-Unjoni ried jagħti din il-kompetenza lill-ECHA, huwa kien espressament jiddelegalha din ir-responsabbiltà, bħalma għamel b’mod partikolari għar-rifjut definittiv ta’ reġistrazzjoni. Sussegwentement, l-Artikolu 51(3) u (6) tar-Regolament Nru 1907/2006, jiddetermina l-kompetenzi tal-ECHA. Fl-aħħar nett, il-formulazzjoni tal-Artikolu 93(3) tal-imsemmi regolament lanqas ma tippermetti li jitqies li l-Bord tal-Appell għandu kompetenza usa’. Sa fejn dan jippermetti lill-imsemmi bord li jeżerċita kwalunkwe setgħa li jaqa’ taħt il-kompetenza tal-ECHA, dawn huma kompetenzi limitati previsti fl-Artikolu 51 ta’ dan ir-regolament. Dan il-bord għandu l-għażla wkoll li jiddeferi każ lill-korp kompetenti ta’ din l-aġenzija għat-tkomplija tal-azzjoni.

126    L-ECHA, il-Kummissjoni u l-kumpanniji intervenjenti jikkontestaw dawn l-argumenti.

127    L-ewwel nett, għandu jiġi miċħud l-argument tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja bbażat fuq ksur tal-prinċipju tal-għoti ta’ kompetenzi fis-sens tal-Artikolu 5(1) u (2) TUE, li bis-saħħa tiegħu l-Unjoni għandha taġixxi biss fil-limiti tal-kompetenzi li l-Istati Membri tawha fit-trattati sabiex jintlaħqu l-għanijiet li dawn it-trattati jistabbilixxu u skont liema kull kompetenza mhux mogħtija fit-trattati tibqa’ għand l-Istati Membri.

128    Fil-fatt, ir-Regolament Nru 1907/2006 ġie adottat abbażi tal-Artikolu 95 KE (Artikolu 114 TFUE) u r-Regolament Nru 771/2008 abbażi tal-Artikolu 93(4) tar-Regolament Nru 1907/2006 u tal-Artikolu 132 ta’ dan ir-regolament tal-aħħar.

129    Bħalma ġie espost fil-punti 48 sa 124 iktar ’il fuq, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma qajmet ebda argument li jista’ juri li, billi eżamina aggravji dwar żbalji li jivvizzjaw il-bażi ta’ deċiżjoni dwar il-valutazzjoni ta’ sustanza, il-Bord tal-Appell kien aġixxa ’l barra mill-kompetenzi li kienu jagħtuh ir-Regolamenti Nri 1907/2006 u 771/2008.

130    Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, l-argument ibbażat fuq il-prinċipju tal-għoti ta’ kompetenzi għandu wkoll jiġi miċħud.

131    It-tieni nett, l-argument tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja bbażat fuq l-allegazzjoni li l-Bord tal-Appell kiser il-prinċipju ta’ sussidjarjetà, għandu jiġi miċħud.

132    Minn naħa, sa fejn dan l-argument jirrigwarda l-premessa 67 tar-Regolament Nru 1907/2006, għandu jitfakkar li minnha jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni qies li s-sistema stabbilita bl-imsemmi regolament, skont liema d-deċiżjonijiet meħuda dwar il-valutazzjoni ta’ sustanza u adottati fil-livell tal-ECHA għandhom ikunu bbażati fuq ftehim kollettiv fi ħdan il-Kumitat tal-Istati Membri, kien konformi mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà.

133    Issa, bħalma ġie espost b’mod partikolari fil-punti 82 sa 103 iktar ’il fuq, il-kompetenza tal-Bord tal-Appell sabiex jeżamina aggravji intiżi li jikkontestaw il-mertu tad-deċiżjoni ta’ valutazzjoni hija konformi mal-premessa 67 tar-Regolament Nru 1907/2006. Għaldaqstant, dan l-argument għandu jiġi miċħud sa fejn huwa bbażat fuq l-imsemmija premessa.

134    Min-naħa l-oħra, sa fejn l-argument tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja jirrigwarda l-prinċipju ta’ sussidjarjetà fis-sens tal-Artikolu 5(1) u (3) TUE, għandu jitfakkar li, bis-saħħa ta’ dan il-prinċipju, fl-oqsma li ma jaqgħux taħt il-kompetenza esklużiva tagħha, l-Unjoni għandha taġixxi biss jekk, u sa fejn, l-għanijiet tal-azzjoni maħsuba ma jkunux jistgħu jintlaħqu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri, la fil-livell ċentrali u lanqas fil-livell reġjonali u lokali, iżda jkunu jistgħu, minħabba l-iskala jew l-effetti tal-azzjoni maħsuba, jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni.

135    Issa, għandu jiġi kkonstatat li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma tqajjem ebda argument iddettaljat li jista’ juri li l-prinċipju ta’ sussidjarjetà fis-sens tal-Artikolu 5(1) u (3) TUE ma ġiex osservat. Għalhekk, l-argument ibbażat fuq l-imsemmi prinċipju għandu jiġi miċħud u, għaldaqstant, għandhom jiġu miċħuda l-argumenti kollha bbażati fuq ksur tal-prinċipju ta’ sussidjarjetà.

136    Fid-disa’ lok, fil-kuntest tat-tieni motiv, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja targumenta li l-Bord tal-Appell kiser il-prinċipji żviluppati mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tal-ġurisprudenza li tipprovdi li l-Kummissjoni ma tistax tiddelega kompetenzi ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet diskrezzjonarji lill-aġenziji tal-Unjoni (sentenzi tat‑13 ta’ Ġunju 1958, Meroni vs Awtorità Għolja, 9/56, EU:C:1958:7, u tat‑13 ta’ Ġunju 1958, Meroni vs Awtorità Għolja, 10/56, EU:C:1958:8). Skont l-imsemmija ġurisprudenza, kull delega ta’ poteri mill-Kummissjoni lill-aġenziji għandha tkun speċifikata u tosserva kriterji oġġettivi. Din il-ġurisprudenza għandha tittieħed inkunsiderazzjoni fl-applikazzjoni tar-Regolament Nru 1907/2006 f’dak li jirrigwarda d-delega tal-kompetenzi mill-Kummissjoni lill-ECHA fid-dawl tad-deċiżjonijiet meħuda dwar il-valutazzjoni. Din id-delega tal-kompetenzi tirrigwarda mhux biss kwistjonijiet tekniċi, iżda wkoll kwistjonijiet dwar il-marġini ta’ evalwazzjoni fis-sens tal-ġurisprudenza inkwistjoni. Fl-imsemmi regolament, il-leġiżlatur tal-Unjoni ħa inkunsiderazzjoni tal-projbizzjoni ta’ delega kif ukoll tal-assenza ta’ klassifikazzjoni a priori tad-deċiżjonijiet dwar il-valutazzjoni tas-sustanzi, billi ppreveda li d-deċiżjonijiet ta’ valutazzjoni tas-sustanzi adottati fil-livell tal-ECHA għandhom jiġu bbażati fuq kunsens unanimu bejn l-ispeċjalisti kompetenti tal-Istati Mebmri fir-rigward tan-neċessità li ssir valutazzjoni ddeterminata għal sustanza. Fil-fatt, jista’ jkun hemm kunsens f’żewġ ipoteżi biss. Fl-ewwel ipoteżi, ikun hemm deċiżjoni relatata meta d-deċiżjoni tkun evidenti fid-dawl tas-sitwazzjoni inkwistjoni. Fit-tieni ipoteżi, ikun hemm deċiżjoni diskrezzjonarja meta s-sitwazzjoni xjentifika u teknika tkun ftit inqas evidenti, iżda tkun tista’ tiġi riżolta b’mod evidenti fid-dawl tat-tħassib tekniku ta’ kunsiderazzjonijiet politiċi, ekonomiċi u soċjali. F’dan il-każ, il-kunsens formali bejn l-Istati Membri jiggarantixxi l-eżattezza tal-mertu tad-deċiżjoni u jipprovdi, fl-istess ħin, leġittimazzjoni kbira lill-ECHA permezz tar-rappreżentanti tal-Istati Membri li huma marbuta b’istruzzjonijiet u leġittimati demokratikament. In-natura unanima tal-ftehim tippermetti wkoll li jiġi preżunt li l-Kummissjoni, hija wkoll, setgħet tieħu din deċiżjoni bil-parteċipazzjoni tal-Istati Membri malajr u mingħajr diffikultà fil-kuntest ta’ proċedura ta’ kumitat. Il-fatt li jgħaddi mill-Kummissjoni huwa għaldaqstant formalità biss. Fl-assenza ta’ tali kunsens, l-ECHA titneħħielha s-setgħa ta’ deċiżjoni tagħha u għalhekk tkun il-proċedura ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet normali tal-Kummissjoni li tapplika konformement mal-Artikoli 51(7) u 133(3) ta’ dan ir-regolament. Li kieku l-Bord tal-Appell seta’ jissostitwixxi deċiżjoni diskrezzjonarja bbażata fuq ftehim unanimu fi ħdan il-Kumitat tal-Istati Membri bid-deċiżjoni tiegħu stess, dan kien ifixkel il-bilanċ istituzzjonali kumpless li jeżisti bejn l-Istati Membri, l-ECHA u l-Kummissjoni. F’din l-ipoteżi, kuntrarjament għall-ġurisprudenza msemmija iktar ’il fuq, aġenzija tadotta deċiżjoni diskrezzjonarja b’mod awtonomu u billi teskludi l-garanziji formali kollha.

137    L-ECHA, il-Kummissjoni u l-kumpanniji intervenjenti jikkontestaw dawn l-argumenti.

138    Fl-ewwel lok, sa fejn ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tagħmel riferiment għas-sentenzi tat‑13 ta’ Ġunju 1958, Meroni vs Awtorità Għolja (9/56, EU:C:1958:7), u tat‑13 ta’ Ġunju 1958, Meroni vs Awtorità Għolja (10/56, EU:C:1958:8), għandu jitfakkar li dawn is-sentenzi jirrigwardaw sitwazzjonijiet li fihom il-Kummissjoni kienet iddelegat is-setgħat tagħha. Għalhekk din il-ġurisprudenza ma tistax tapplika direttament f’dan il-każ. Fil-fatt, minn naħa, is-setgħat tal-ECHA u tal-Bord tal-Appell tagħha li huma inkwistjoni f’dan il-każ ma ngħatawx lilhom b’delega mill-Kummissjoni. Dawn huma setgħat mogħtija mil-leġiżlatur tal-Unjoni fil-qafas tar-Regolament Nru 1907/2006. Min-naħa l-oħra, l-ECHA ma hijiex entità privata, iżda entità tal-Unjoni, imwaqqfa mill-imsemmi leġiżlatur.

139    Fit-tieni lok, għandu jitfakkar li, fir-rigward ta’ entità tal-Unjoni, imwaqqfa mil-leġiżlatur ta’ din tal-aħħar, ġie ppreċiżat mill-ġurisprudenza li għoti ta’ setgħat lil tali entità huwa kompatibbli mar-rekwiżiti tat-trattati, jekk ma jkunx dwar atti ta’ natura normattiva u jekk is-setgħat mogħtija jkunu rregolati b’mod preċiż u jistgħu jkunu suġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Jannar 2014, Ir-Renju Unit vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑270/12, EU:C:2014:18, punti 41 sa 55 u 63 sa 68).

140    F’dan il-kuntest, għandu jiġi kkonstatat li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma tqajjem ebda argument intiż li juri li l-għoti, lill-ECHA, tal-kompetenza li tadotta deċiżjonijiet dwar il-valutazzjoni ta’ sustanza taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti mill-Artikolu 51(3) jew (6) tar-Regolament Nru 1907/2006, ma kienx josserva dawn il-prinċipji. Fil-fatt, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja sempliċement targumenta li, billi eżamina l-aggravji dwar żbalji li jivvizzjaw il-mertu tal-valutazzjoni tal-benpat, il-Bord tal-Appell kiser il-prinċipji mfakkra iktar ’il fuq.

141    Barra minn hekk, sa fejn l-argumenti tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja jirrigwardaw il-Bord tal-Appell, għandu jitfakkar li kemm il-Kumitat tal-Istati Membri kif ukoll il-Bord tal-Appell jagħmlu parti mill-ECHA. Kuntrarjament għal dak li targumenta r-Repubblika Federali tal-Ġermanja, billi jannulla deċiżjoni tal-ECHA minħabba żbalji sostantivi li jaffettwaw din id-deċiżjoni, l-imsemmi bord għaldaqstant ma jaqbisx is-setgħat attribwiti lill-ECHA bħala aġenzija.

142    F’dan il-kuntest, għandu jiġi rrilevat ukoll li, bħalma jirriżulta mill-Artikolu 94(1) tar-Regolament Nru 1907/2006, id-deċiżjonijiet tal-Bord tal-Appell jistgħu fir-rigward tagħhom ikunu s-suġġett ta’ stħarriġ ġudizzjarju quddiem il-Qorti Ġenerali.

143    Fit-tielet lok, sa fejn l-argumenti tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja huma intiżi li juru li l-Bord tal-Appell daħal fuq il-kompetenzi tal-Kumitat tal-Istati Membri, l-ewwel nett, għandu jitfakkar li, bħalma ġie espost fil-punti 85 u 86 iktar ’il fuq, fil-kuntest tal-eżami tal-fondatezza ta’ appell quddiemu, il-Bord tal-Appell sempliċement jeżamina jekk id-deċiżjoni kkontestata hijiex ivvizzjata bi żball. Għalhekk huwa jistħarreġ jekk l-ECHA wettqitx żball dwar l-evalwazzjoni ta’ dispożizzjonijiet li jirregolaw l-adozzjoni tad-deċiżjonijiet dwar il-valutazzjoni ta’ sustanza.

144    It-tieni nett, fir-rigward tas-setgħat li għandu l-Bord tal-Appell bis-saħħa tal-Artikolu 93(3) tar-Regolament Nru 1907/2006 meta appell quddiemu jkun fondat, qabel xejn, ma jistax jitqies li l-imsemmi bord wettaq eċċess ta’ poter meta huwa ddifera l-każ lill-korp kompetenti tal-ECHA.

145    Sussegwentement, meta l-Bord tal-Appell jiddeċiedi li jeżerċita huwa stess kwalunkwe setgħa li taqa’ taħt il-kompetenza tal-ECHA, bis-saħħa tal-Artikolu 93(3) tar-Regolament Nru 1907/2006, għandu jitfakkar li, bħalma ġie espost fil-punt 89 iktar ’il fuq, fil-kuntest tal-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali li tagħtih l-imsemmija dispożizzjoni, huwa għandu jieħu inkunsiderazzjoni tar-regoli li jirregolaw il-proċedura prevista għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni tal-ECHA meta din tal-aħħar tiddeċiedi fl-ewwel istanza, tar-rwol li din il-proċedura tagħti lid-diversi korpi u tal-premessa 67 tal-imsemmi regolament, li minnha jirriżulta li l-proċedura prevista għall-valutazzjoni ta’ sustanza u tal-fajl hija bbażata fuq il-prinċipju li jipprovdi li ftehim kollettiv bejn Stati Membri jew fi ħdan il-Kumitat tal-Istati Membri dwar abbozzi ta’ deċiżjonijiet għandha tikkostitwixxi l-bażi ta’ sistema effikaċi li tosserva l-prinċipju ta’ sussidjarjetà.

146    Fl-aħħar nett, sa fejn permezz tal-argumenti tagħha, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja targumenta mill-ġdid li l-eżami ta’ motivi dwar il-bażi ta’ deċiżjoni dwar il-valutazzjoni ta’ sustanza ma huwiex konformi mal-premessa 67 tar-Regolament Nru 1907/2006, mal-prinċipju tal-għoti ta’ kompetenzi jew mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà, dawn għandhom jiġu miċħuda għall-istess motivi bħal dawk stipulati fil-punti 89 u 125 sa 135 iktar ’il fuq.

147    Għaldaqstant, dawn l-argumenti tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja għandhom ukoll jiġu miċħuda.

148    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-argumenti kollha żviluppati mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja fil-kuntest tal-ewwel sat-tielet motivi, kif ukoll tal-ewwel parti tar-raba’ motiv, għandhom jiġu miċħuda.

B.      Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni

149    Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja targumenta li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell ma ssodisfax l-obbligu ta’ motivazzjoni. Skont hi, fid-dawl tat-tqassim impreċiż tal-kompetenzi bejn id-diversi korpi tal-ECHA u tat-tfixkil għall-bilanċ stabbilit fis-sistema tar-Regolament Nru 1907/2006, l-imsemmi bord kellu jesponi fid-dettall il-kompetenzi tiegħu sabiex jistħarreġ il-bażi tad-deċiżjonijiet meħuda dwar il-valutazzjoni. Dan l-obbligu ta’ motivazzjoni ma jistax jiġi ssodisfatt b’riferiment għal deċiżjonijiet mogħtija mill-qrati tal-Unjoni fil-kompetenzi rispettivi tagħhom f’sitwazzjonijiet differenti.

150    L-ECHA, il-Kummissjoni u l-kumpanniji intervenjenti jikkontestaw dawn l-argumenti.

151    Skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE, l-atti legali għandhom jiddikjaraw il-motivi u għandhom jirriferu għal kwalunkwe proposta, inizjattiva, rakkomandazzjoni, talba jew opinjoni prevista fit-trattati. Fir-rigward, b’mod iktar partikolari, tad-deċiżjonijiet meħuda bis-saħħa tar-Regolament Nru 1907/2006, l-Artikolu 130 tal-imsemmi regolament jipprevedi li dawn għandhom ikunu mmotivati.

152    Mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-motivazzjoni meħtieġa mill-Artikolu 296 TFUE għandha tkun adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għandha turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-istituzzjoni, awtriċi tal-att, b’tali mod li tippermetti li l-persuni kkonċernati jkunu jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura adottata u li l-qorti kompetenti teżerċita l-istħarriġ tagħha. Madankollu, ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-punti ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti kollha. Fil-fatt, hija ġurisprudenza stabbilita li l-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni ta’ deċiżjoni tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 296 TFUE għandha tiġi evalwata mhux biss fid-dawl tal-formulazzjoni tagħha, iżda wkoll fid-dawl tal-kuntest tagħha u tad-dispożizzjonijiet legali kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat (ara s-sentenza tal‑15 ta’ Settembru 2016, Crosfield Italia vs ECHA, T‑587/14, EU:T:2016:475, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

153    Fir-rigward tal-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, l-ewwel nett, għandu jiġi kkonstatat li jirriżulta b’mod ċar minnha li l-Bord tal-Appell qies li huwa kellu kompetenza sabiex jeżamina l-aggravji tal-appell quddiemu dwar żbalji li jivvizzjaw il-bażi tal-valutazzjoni tal-benpat. It-tieni nett, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet imsemmija fil-punti 43 sa 148 iktar’il fuq, ir-raġunijiet li għalihom l-imsemmi bord għandu tali kompetenza jirriżultaw b’mod ċar mid-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti Nri 1907/2006 u 771/2008 li huma applikabbli għalih. It-tielet nett, għandu jiġi kkonstatat li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma targumentax li, matul il-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell, dan tal-aħħar ma weġibx b’mod suffiċjenti għal uħud mill-argumenti dwar il-kompetenza tiegħu.

154    Fid-dawl ta’ dawn il-punti, għandu jiġi kkonstatat li l-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata kienet tippermetti lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tkun taf il-ġustifikazzjonijiet għad-deċiżjoni kkontestata u tippermetti lill-Qorti Ġenerali teżerċita l-istħarriġ tagħha u għalhekk kienet suffiċjenti.

155    Għaldaqstant, il-ħames motiv għandu jiġi miċħud.

C.      Fuq it-tieni parti tar-raba’ motiv u s-sitt motiv, intiżi li juru li l-Bord tal-Appell wettaq żbalji fil-kuntest tal-eżami tal-aggravji miġjuba quddiemu

156    Fil-kuntest tat-tieni parti tar-raba’ motiv u tas-sitt motiv, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja targumenta li, fil-kuntest tal-eżami tal-aggravji dwar kwistjonijiet sostantivi dwar il-proċedura ta’ valutazzjoni, il-Bord tal-Appell wettaq xi żbalji.

157    B’mod partikolari, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tinvoka żbalji li jivvizzjaw xi kunsiderazzjonijiet tal-Bord tal-Appell li jinsabu fl-eżami tal-ewwel sat-tielet aggravji tal-appell quddiem l-imsemmi bord u fil-punt 3 tad-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata.

158    Għandhom jiġu eżaminati, l-ewwel nett, l-argumenti dwar l-eżami tal-ewwel aggravju tal-appell quddiem il-Bord tal-Appell, it-tieni nett, dawk dwar l-eżami tat-tieni aggravju tal-imsemmi appell u, it-tielet nett, dawk dwar l-eżami tat-tielet aggravju ta’ dan l-appell u l-punt 3 tad-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata.

1.      Fuq l-argumenti dwar l-eżami tal-ewwel aggravju tal-appell quddiem il-Bord tal-Appell

159    Fil-punti 24 sa 155 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell eżamina l-ewwel aggravju tal-appell quddiemu, li kien ibbażat fuq l-allegazzjoni li t-talbiet sabiex isir ittestjar konformement mal-metodu Nru 309 u mal-metodu Nru 308 ma kinux konformi mal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

160    L-ewwel aggravju tal-appell quddiem il-Bord tal-Appell kien imfassal f’erba’ partijiet. L-ewwel waħda kienet ibbażata fuq l-allegazzjoni li ma kienx neċessarju li jitwettaq ittestjar addizzjonali dwar in-natura persistenti tal-benpat, it-tieni waħda fuq l-allegazzjoni li l-ittestjar li kellu jitwettaq konformement mal-metodu Nru 309 ma kienx xieraq sabiex jintlaħaq l-għan imfittex, it-tielet waħda fuq l-allegazzjoni li l-ittestjar imwettaq konformement mal-metodu Nru 308 ma kienx xieraq sabiex jintlaħaq l-għan imfittex u r-raba’ waħda fuq l-allegazzjoni li dan l-ittestjar la kien l-għażla l-iktar xierqa u l-anqas l-irħas għażla.

161    Fil-kuntest tat-tieni parti tar-raba’ motiv u fil-kuntest tas-sitt motiv tar-rikors odjern, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tqajjem xi argumenti intiżi li jikkontestaw il-kunsiderazzjonijiet li l-Bord tal-Appell żviluppa fil-kuntest tal-eżami tal-ewwel tliet partijiet tal-ewwel aggravju tal-appell quddiem il-Bord tal-Appell.

a)      Fuq l-argumenti dwar l-eżami tal-ewwel parti tal-ewwel aggravju quddiem il-Bord tal-Appell

162    Fil-punti 39 sa 88 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell eżamina u ċaħad l-ewwel parti tal-ewwel aggravju tal-appell quddiemu, ibbażata fuq l-allegazzjoni li, f’dak li jirrigwarda n-natura persistenti tal-benpat, it-twettiq ta’ ttestjar addizzjonali ma kienx neċessarju. Wara l-eżami tal-argumenti miġjuba mill-kumpanniji intervenjenti f’dan ir-rigward, huwa kkonkluda li dawn ma kinux juru n-natura żbaljata tal-konklużjoni tal-ECHA li tipprovdi li t-talbiet għal informazzjoni addizzjonali dwar in-natura persistenti tal-benpat kienu ġġustifikati fid-dawl tar-riskju potenzjali ta’ din is-sustanza għas-saħħa tal-bniedem u għall-ambjent.

163    Fil-kuntest tat-tieni parti tar-raba’ motiv tar-rikors odjern, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja targumenta li, fil-punt 41 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell wettaq żball, meta wettaq stħarriġ fid-dettall wisq. Skont hi, l-imsemmi bord kien imissu sempliċement jistħarreġ il-limiti xjentifiċi tal-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fid-deċiżjoni tal-ECHA. B’dan il-mod, dan il-bord daħal fuq ir-rwol tal-Kumitat tal-Istati Membri u għalhekk qabeż il-limiti tas-setgħa ta’ stħarriġ tiegħu.

164    L-ECHA, il-Kummissjoni u l-kumpanniji intervenjenti jikkontestaw dawn l-argumenti.

165    Dawn l-argumenti għandhom jiġu miċħuda bħala ineffettivi. Fil-fatt, bħalma jirriżulta mill-punt 34 iktar ’il fuq, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja titlob l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn il-Bord tal-Appell annulla parzjalment id-deċiżjoni tal-ECHA. Issa, il-punt 41 tad-deċiżjoni kkontestata jaqa’ taħt parti minnha li fiha l-imsemmi bord ċaħad l-ewwel parti tal-ewwel aggravju mqajjem quddiemu.

166    Għaldaqstant, l-argumenti kollha tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja dwar l-eżami tal-ewwel parti tal-ewwel aggravju quddiem il-Bord tal-Appell għandhom jiġu miċħuda.

b)      Fuq l-argumenti dwar l-eżami tat-tieni u tat-tielet partijiet tal-ewwel aggravju tal-appell quddiem il-Bord tal-Appell

167    Fil-kuntest tat-tieni parti tar-raba’ motiv u fil-kuntest tas-sitt motiv tar-rikors odjern, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tqajjem argumenti intiżi li jikkontestaw l-eżami, mill-Bord tal-Appell, tat-tieni u tat-tielet partijiet tal-ewwel aggravju tal-appell quddiem l-imsemmi bord.

168    Fl-ewwel lok, ser jiġu eżaminati l-argumenti tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja dwar l-eżami tat-tieni parti tal-ewwel aggravju tal-appell quddiem il-Bord tal-Appell u, fit-tieni lok, l-argumenti tagħha dwar l-eżami tat-tielet parti tal-ewwel motiv tar-rikors odjern.

1)      Fuq l-argumenti dwar l-eżami tat-tieni parti tal-ewwel aggravju tal-appell quddiem il-Bord tal-Appell

169    Fid-deċiżjoni tagħha, l-ECHA ordnat li r-reġistranti jwettqu ttestjar ta’ simulazzjoni fuq id-degradazzjoni aħħarija fil-wiċċ tal-ilma konformement mal-metodu Nru 309, billi jintuża l-komponent R‑898 tal-benpat, kif speċifikat fit-Taqsima III.3 tal-espożizzjoni tal-motivi ta’ din id-deċiżjoni. Fil-kuntest ta’ din l-espożizzjoni tal-motivi, fil-paġni 8 sa 10 tal-imsemmija deċiżjoni, hija ppreċiżat li, matul it-twettiq ta’ dan l-ittestjar, kien importanti li l-metaboliti jiġu identifikati sabiex jintwera li d-degradazzjoni fis-sistema ta’ ttestjar kienet ġiet osservata. Skont hi, għal dan l-għan, kellhom jiġu osservati ċerti kundizzjonijiet. Waħda minn dawn il-kundizzjonijiet kienet li l-metaboliti li jirrappreżentaw stadji kruċjali tal-proċess (metaboliti ċentrali) kellhom jinstabu u jiġu identifikati bl-għajnuna ta’ “relazzjoni kwantitattiva bejn l-istruttura u l-attività” u li soluzzjonijiet standard kellhom jiggarantixxu li dawn il-metaboliti ċentrali setgħu jinstabu u jiġu kkwantifikati.

170    Fil-kuntest tat-tieni parti tal-ewwel aggravju tal-appell quddiem il-Bord tal-Appell, il-kumpanniji intervenjenti argumentaw li l-ittestjar li kellu jitwettaq konformement mal-metodu Nru 309 ma kienx xieraq sabiex jinkisbu r-riżultati mfittxija. Fil-kuntest tat-tielet ilment ta’ din il-parti, huma b’mod partikolari argumentaw li l-livell baxx ta’ solubbiltà fl-ilma tal-benpat kellu bħala konsegwenza li tali ttestjar jipproduċi metaboliti fi kwantitajiet tant żgħar li ma kienx possibbli li jiġu identifikati.

171    Fil-punti 118 sa 125 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell eżamina dan l-ilment.

172    Fil-punt 119 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell irrileva li, fid-deċiżjoni tagħha, l-ECHA kienet ordnat mhux biss li jsir ittestjar skont il-metodu Nru 309 sabiex tiġi ddeterminata l-half life tal-benpat fl-ilmijiet pelaġiċi, iżda wkoll li sabiex il-metaboliti ffurmati mill-benpat ikunu identifikati matul dan l-ittestjar.

173    Fil-punt 121 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell ikkonstata li mil-Linji Gwida 309 tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD) għall-ittestjar ta’ kimiċi jirriżulta li, minħabba limiti analitiċi, kien ta’ spiss impossibbli li titkejjel il-konċentrazzjoni tas-sustanza ta’ ttestjar bil-preċiżjoni meħtieġa, meta s-sustanza ta’ ttestjar kienet applikata f’konċentrazzjoni ta’ inqas minn, jew ekwivalenti għal, 100 μg/l. Mill-imsemmija linji gwida jirriżulta wkoll li konċentrazzjonijiet ogħla tas-sustanza ta’ ttestjar (iktar minn 100 μg/l u kultant minn 1 mg/l) setgħu jintużaw għall-identifikazzjoni u l-kwantifikazzjoni tal-prodotti ta’ trasformazzjoni prinċipali jew meta ebda metodu ta’ analiżi speċifiku b’limitu ta’ detezzjoni baxx ma kien disponibbli. Skont dawn il-linji gwida, meta konċentrazzjonijiet għolja tas-sustanza ta’ ttestjar jiġu ttestjati, ma jistax ikun possibbli li r-riżultati jintużaw sabiex jiġi stmat il-valur kostanti tad-degradazzjoni tal-ewwel grad u l-half life, għaliex id-degradazzjoni probabbilment ma ssegwix il-kinetiċi tal-ewwel grad.

174    Fil-punt 122 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell eżamina jekk kienx realistiku li jiġu identifikati l-metaboliti matul l-ittestjar imwettaq konformement mal-metodu Nru 309. Huwa qies li ma kienx possibbli li wieħed jistenna li tali ttestjar jippermetti li jiġu identifikati l-metaboliti tas-sustanza, għaliex din kellha solubbiltà massima ta’ 45 μg/l, filwaqt li l-konċentrazzjoni għall-identifikazzjoni tal-prodotti ta’ trasformazzjoni prinċipali kienet ogħla minn 100 μg/l u kultant ogħla minn 1 mg/l. barra minn hekk, fl-imsemmi punt, huwa nnota li la l-ECHA u lanqas il-kumpanniji intervenjenti ma kienu f’pożizzjoni li jidentifikaw metodu adattat sabiex jiġu identifikati l-prodotti ta’ trasformazzjoni prinċipali li probabbilment jinħolqu matul it-twettiq tal-ittestjar skont l-imsemmi metodu.

175    Fil-punt 123 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell irrileva li l-ECHA u l-awtorità nnominata kienu argumentaw li l-kumpanniji intervenjenti kellhom jippruvaw jidentifikaw il-metaboliti ffurmati fl-istudju, minkejja li ma huwiex ċert li huma ser jirnexxielhom jagħmlu dan. Huwa osserva li dawn l-argumenti ma kinux juru li l-metodu Nru 309 meħtieġ kien xieraq sabiex jiġu identifikati l-metaboliti tal-benpat u li dawn kienu intiżi li jittrasferu lill-imsemmija intervenjenti r-responsabbiltà li jfasslu u li jevalwaw l-istudju b’tali mod li jkunu jistgħu jiġu identifikati l-metaboliti.

176    Fil-punt 124 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell ikkonkluda li l-ECHA ma kinitx uriet b’mod suffiċjenti li ttestjar imwettaq skont il-metodu Nru 309 kien jista’ jilħaq l-għan tagħha, sa fejn l-imsemmija aġenzija kienet tobbliga lill-kumpanniji intervenjenti jidentifikaw il-metaboliti tal-benpat fil-kuntest ta’ dan l-ittestjar. Billi bbaża ruħu fuq din il-konklużjoni, huwa laqa’ t-tielet ilment tat-tieni parti tal-ewwel aggravju tal-appell quddiemu u annulla d-deċiżjoni tal-ECHA sa fejn din tal-aħħar kienet ordnat li l-imsemmija kumpanniji jidentifikaw, matul l-ittestjar skont l-imsemmi metodu, il-metaboliti tal-benpat.

177    Fil-kuntest tat-tieni parti tar-raba’ motiv u fil-kuntest tal-ewwel parti tas-sitt motiv tar-rikors odjern, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja targumenta li dawn il-kunsiderazzjonijiet tal-Bord tal-Appell huma żbaljati.

178    Għandhom jiġu eżaminati, l-ewwel nett, l-argumenti tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja intiżi lu juru li l-Bord tal-Appell ma messux ikkonstata l-eżistenza ta’ deċiżjoni awtonoma u indipendenti dwar l-identifikazzjoni tal-metaboliti, it-tieni nett, l-argumenti tagħha dwar il-kompetenza tal-imsemmi bord, it-tielet nett, l-argumenti tagħha bbażati fuq l-allegazzjoni li dan il-bord qabeż il-limiti tas-setgħa ta’ stħarriġ tiegħu, ir-raba’ nett, l-argumenti tagħha intiżi li juru n-natura żbaljata tal-konklużjoni tal-istess bord li tipprovdi li, kuntrarjament għall-konstatazzjonijiet tal-ECHA, ma kienx impossibbli li jiġu identifikati l-metaboliti tal-benpat, il-ħames nett, l-argumenti tagħha bbażati fuq l-allegazzjoni li l-identifikazzjoni tal-metaboliti tikkostitwixxi waħda mill-elementi tal-metodu Nru 309, is-sitt nett, l-argument tagħha bbażat fuq l-allegazzjoni li dan il-metodu jista’ barra minn hekk jiġi speċifikat, is-seba’ nett, l-argument tagħha bbażat fuq in-natura kontradittorja tad-deċiżjoni kkontestata, it-tmien nett, l-argument tagħha bbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni u, fl-aħħar nett, fis-disa’ nett, l-argument tagħha bbażat fuq l-allegazzjoni li l-Bord tal-Appell kiser il-kriterju rilevanti dwar il-prinċipju ta’ proporzjonalità.

i)      Fuq l-argumenti intiżi li juru li l-Bord tal-Appell ma kellux jikkonstata l-eżistenza ta’ deċiżjoni awtonoma u indipendenti dwar l-identifikazzjoni tal-metaboliti

179    Fil-kuntest tal-ewwel parti tas-sitt motiv, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja targumenta li, kuntrarjament għall-konstatazzjonijiet tal-Bord tal-Appell li jinsabu fil-punt 119 tad-deċiżjoni kkontestata, l-ispeċifikazzjonijiet inklużi fid-deċiżjoni tal-ECHA dwar l-identifikazzjoni tal-metaboliti ma kinux jikkostitwixxu deċiżjoni awtonoma u indipendenti mit-talba dwar l-ittestjar li kellu jitwettaq konformement mal-metodu Nru 309. Bħala regola ġenerali, id-deċiżjonijiet meħuda dwar il-valutazzjoni ta’ sustanza mhux biss jindikaw l-ittestjar li għandu jitwettaq, iżda jagħtu wkoll dettalji dwar it-twettiq konkret ta’ dan l-ittestjar sabiex jiġi żgurat li r-riżultati jintużaw b’mod ottimu fid-dawl tal-għan ta’ informazzjoni mfittex. Is-sempliċi fatt li ġew deskritti d-diversi stadji li għandhom jiġu segwiti sabiex jintlaħaq ir-riżultat jagħti x’jifhem li l-uniku obbligu li kien impost kien li jsir dak kollu li kien possibbli sabiex jiġu segwiti. Il-Linji Gwida 309 tal-OECD għall-ittestjar ta’ kimiċi jikkonkretizzaw għaldaqstant l-isforzi li għandhom isiru sabiex jiġu identifikati l-prodotti ta’ trasformazzjoni. Ma jirriżulta ebda obbligu ta’ riżultat mid-deċiżjoni tal-ECHA. Skont ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, li kieku l-ECHA verament riedet timponi obbligu ta’ riżultat, ma kien ikun hemm l-ebda sens li tippreskrivi dawn il-passi, għaliex ir-reġistranti jkunu għalhekk obbligati li jieħdu kull tip ta’ passi. Is-sentenza li tinsab fid-deċiżjoni tal-ECHA, li tipprovdi li fir-rigward tal-benpat għandhom jinstabu u jiġu identifikati l-metaboliti, lanqas ma tippermetti li jiġi dedott obbligu ta’ riżultat. Hija biss il-preżentazzjoni ta’ data mhux ipproċessata li ġiet mitluba, li jfisser li mhux biss l-eventwali riżultati dwar il-metaboliti, iżda wkoll id-data disponibbli li għamlitha possibbli li tiġi miksuba, kellhom jiġu pprovduti. Din l-informazzjoni hija suġġetta b’mod ġenerali għal interpretazzjoni u tista’ tikkostitwixxi bażi għal argument essenzjali għall-identifikazzjoni tal-benpat bħala sustanza persistenti, u dan, anki jekk l-ittestjar ma jirnexxix, għaliex id-data tkun tista’ għaldaqstant tintuża sabiex jintalab it-twettiq ta’ testijiet oħrajn jew sabiex tikkompleta informazzjoni oħra.

180    L-ECHA, il-Kummissjoni u l-kumpanniji intervenjenti jikkontestaw dawn l-argumenti.

181    F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat li, fil-punt 119 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell ma kkonstatax li l-identifikazzjoni tal-metaboliti kienet tikkostitwixxi deċiżjoni awtonoma u indipendenti tat-talba li jitwettaq l-ittestjar konformement mal-metodu Nru 309, iżda sempliċement irrileva li, fid-deċiżjoni tagħha, l-ECHA ma kinitx ordnat biss li dan l-ittestjar jitwettaq, sabiex tiġi ddeterminata l-half life tal-benpat fl-ilmijiet pelaġiċi, iżda wkoll li l-metaboliti ffurmati mill-benpat ikunu identifikati fil-kuntest ta’ dan l-ittestjar.

182    Fit-tieni lok, sa fejn l-argumenti tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja intiżi li juru li d-deċiżjoni tal-ECHA ma rabtitx lid-destinatarji tagħha jidentifikaw il-metaboliti ffurmati mill-benpat, l-ewwel nett, għandu jiġi rrilevat li, skont id-dispożittiv ta’ din id-deċiżjoni, id-destinatarji tagħha kienu obbligati jwettqu ttestjar ta’ simulazzjoni fuq id-degradazzjoni aħħarija fil-wiċċ tal-ilma billi jsegwu l-ispeċifikazzjonijiet li jinsabu fil-punt III.3 ta’ din id-deċiżjoni.

183    It-tieni nett, bħalma jirriżulta mill-punt III.3 tad-deċiżjoni tal-ECHA, fil-kuntest tal-ittestjar inkwistjoni, il-metaboliti li jirrappreżentaw stadji kruċjali fil-proċess (metaboliti ċentrali) kellhom jiġu identifikati bl-għajnuna tar-“relazzjoni kwantitattiva bejn l-istruttura u l-attività”. Barra minn hekk, fl-imsemmi punt, kien indikat li, f’dak li jirrigwarda l-benpat, “id-detezzjoni u l-identifikazzjoni tal-metaboliti [kellhom] jiġu pprovduti”.

184    Fid-dawl tal-formulazzjoni tad-deċiżjoni tal-ECHA, il-Bord tal-Appell ma jistax jiġi kkritikat li qies li, fl-imsemmija deċiżjoni, din l-aġenzija ma indikatx sempliċement il-mod kif kellu jitwettaq l-ittestjar li kellu jitwettaq konformement mal-metodu Nru 309, iżda kienet ipprevediet obbligu għad-destinatarji li jidentifikaw il-metaboliti ffurmati mill-benpat.

185    Għaldaqstant, għandhom jiġu miċħuda l-argumenti tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja intiżi li juru li l-kunsiderazzjoni tal-Bord tal-Appell li tinsab fil-punt 119 tad-deċiżjoni kkontestata, skont liema, fid-deċiżjoni tagħha, l-ECHA kienet ordnat li l-metaboliti ffurmati mill-benpat jiġu identifikati fil-kuntest ta’ dan l-ittestjar li għandu jitwettaq konformement mal-metodu Nru 309, hija żbaljata.

ii)    Fuq l-argumenti dwar il-kompetenza tal-Bord tal-Appell

186    Fil-kuntest tal-ewwel parti tar-raba’ motiv, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja targumenta li l-kwistjoni dwar jekk konċentrazzjoni ta’ 45 μg/l ta’ benpat hijiex iktar baxxa mil-limitu ta’ detezzjoni li huwa ta’ 100 μg/l hija kwistjoni teknika li taqa’ taħt il-kimika li toħroġ ’il barra mill-kompetenza tal-Bord tal-Appell. Il-Kumitat tal-Istati Membri kien konvint li l-identifikazzjoni tal-metaboliti kienet possibbli billi jiġi segwit il-metodu ta’ ttestjar mitlub u kien jikkostitwixxi l-aħjar possibbiltà sabiex wieħed jasal għal riżultati konklużivi. Ma kinitx ir-responsabbiltà tal-imsemmi bord li jitħarreġ din il-konklużjoni.

187    Dawn l-argumenti għandhom jiġu miċħuda għall-istess motivi bħal dawk stipulati fil-punti 40 sa 148 iktar ’il fuq.

iii) Fuq l-argumenti intiżi li juru li l-Bord tal-Appell eċċeda l-limiti tas-setgħa ta’ stħarriġ tiegħu

188    Fil-kuntest tat-tieni parti tar-raba’ motiv u tal-ewwel parti tas-sitt motiv tar-rikors odjern, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja targumenta li, fil-punt 122 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell eċċeda l-limiti tas-setgħa ta’ stħarriġ tiegħu. Skont hi, fl-imsemmi punt, l-imsemmi bord iddeċieda li jikkontradixxi t-tagħrif espert tal-Istati Membri fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk l-identifikazzjoni tal-metaboliti kinitx possibbli. Issa, il-Kumitat tal-Istati Membri għandu jingħata setgħa diskrezzjonali wiesgħa fid-dawl tal-funzjoni tiegħu bħala kumitat ta’ esperti kif ukoll tal-kompożizzjoni tiegħu minn membri marbuta bl-istruzzjonijiet tal-Istati Membri tagħhom. Għaldaqstant, dan il-bord għandu biss setgħa ta’ stħarriġ limitata, li l-intensità tagħha hija paragunabbli għall-istħarriġ eżerċitat mill-qrati fuq id-deċiżjonijiet diskrezzjonarji.

189    L-ECHA, il-Kummissjoni u l-kumpanniji intervenjenti jikkontestaw dawn l-argumenti.

190    F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat li, fil-kuntest tal-eżami tat-tieni parti tal-ewwel aggravju tal-appell quddiemu, il-Bord tal-Appell la wettaq valutazzjoni tal-benpat u lanqas eżamina huwa stess liema informazzjoni addizzjonali kellha tintalab sabiex tkun tista’ titwettaq il-valutazzjoni tal-benpat f’dak li jirrigwarda r-riskju eventwali li din is-sustanza tkun persistenti. Huwa sempliċement eżamina jekk l-argumenti miġjuba mill-kumpanniji intervenjenti kinux juru l-eżistenza ta’ żball li jivvizzja d-deċiżjoni tal-ECHA.

191    Fit-tieni lok, għandhom jiġu miċħuda l-argumenti tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja bbażati fuq l-allegazzjoni li l-intensità tal-istħarriġ magħmul mill-Bord tal-Appell kien eċċessiv u skont liema huwa kien imissu sempliċement jistħarreġ jekk il-kunsiderazzjonijiet tal-ECHA kinux ivvizzjati bi żball manifest ta’ evalwazzjoni.

192    F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar li, ċertament, fil-kuntest ta’ rikors għal annullament skont l-Artikolu 263 TFUE, l-istħarriġ li l-qorti tal-Unjoni twettaq huwa limitat meta inkwistjoni jkun hemm l-evalwazzjoni ta’ punti fattwali ta’ natura xjentifika u teknika kumplessi ħafna. Fil-fatt, fir-rigward ta’ tali evalwazzjonijiet, il-qorti tal-Unjoni sempliċement tistħarreġ jekk dawn humiex ivvizzjati bi żball manifest jew b’użu ħażin ta’ poter jew jekk l-awtur tad-deċiżjoni eċċediex b’mod manifest il-limiti tas-setgħa diskrezzjonali tiegħu (ara s-sentenza tal‑21 ta’ Lulju 2011, Etimine, C‑15/10, EU:C:2011:504, punt 60 u l-ġurisprudenza ċċitata).

193    Madankollu, din il-ġurisprudenza ma tistax tapplika għall-istħarriġ imwettaq mill-Bord tal-Appell tal-ECHA. F’dan ir-rigward, fir-rigward tal-membri ta’ dan il-korp, għandu jitfakkar li, bis-saħħa tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 771/2008, mill-inqas membru wieħed huwa kkwalifikat mill-perspettiva legali u mill-inqas membru wieħed mill-perspettiva teknika, konformement mar-Regolament Nru 1238/2007. Skont l-Artikolu 1(2) ta’ dan ir-regolament tal-aħħar, il-membri kkwalifikati mill-perspettiva teknika għandu jkollhom laurea universitarja jew kwalifika ekwivalenti u jkollhom esperjenza professjonali sostantiva fil-qasam tal-valutazzjoni tal-perikolu, tal-valutazzjoni tal-espożizzjoni jew l-immaniġġjar tar-riskji f’dak li jirrigwardja r-riskji tas-sustanzi kimiċi għas-saħħa tal-bniedem jew l-ambjent jew f’oqsma relatati. Minn dawn id-dispożizzjonijiet għandu jiġi dedott li l-leġiżlatur tal-Unjoni ried li l-Bord tal-Appell tal-ECHA jkollu t-tagħrif espert neċessarju sabiex dan ikun jista’ jwettaq huwa stess evalwazzjonijiet dwar punti fattwali ta’ natura xjentifika kumplessi ħafna.

194    Għaldaqstant, l-istħarriġ, mill-Bord tal-Appell, tal-evalwazzjonijiet ta’ natura xjentifika li jinsabu f’deċiżjoni tal-ECHA ma huwiex limitat għall-verifika tal-eżistenza ta’ żbalji manifesti. Għall-kuntrarju, f’dan ir-rigward, billi jibbaża ruħu fuq il-kompetenzi legali u xjentifiċi tal-membri tiegħu, l-imsemmi bord għandu jeżamina jekk l-argumenti mqajma mill-appellanti f’dak il-każ jistgħux juru li l-kunsiderazzjonijiet li l-imsemmija deċiżjoni hija bbażata fuqhom humiex ivvizzjati bi żbalji.

195    Minn dan isegwi li, fil-punt 122 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell ma eċċediex il-limiti tas-setgħa ta’ stħarriġ tiegħu.

196    Ebda wieħed mill-argumenti l-oħrajn miġjuba mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja fil-kuntest tat-tieni parti tar-raba’ motiv u tal-ewwel parti tas-sitt motiv ma jista’ jikkontesta din il-konklużjoni.

197    L-ewwel nett, fil-kuntest tat-tieni parti tar-raba’ motiv, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja targumenta li r-restrizzjonijiet materjali tas-setgħa ta’ deċiżjoni tal-ECHA jirriżultaw mill-Artikolu 51 tar-Regolament Nru 1907/2006 u li l-intensità tal-istħarriġ magħmul mill-Bord tal-Appell ma setgħetx tiġi mibdula bir-Regolament Nru 771/2008, li ġie adottat abbażi tal-Artikolu 93(4) tar-Regolament Nru 1907/2006.

198    Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li dan l-argument huwa bbażat fuq il-premessa li tipprovdi li mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1907/2006 jirriżulta li l-istħarriġ li l-Bord tal-Appell iwettaq fil-konfront tad-deċiżjonijiet meħuda dwar il-valutazzjoni ta’ sustanza huwa limitat għal stħarriġ tal-iżball manifest.

199    F’dan ir-rigward, minn naħa, hemm lok jiġi kkonstatat li d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1907/2006 dwar il-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell ma jipprevedux restrizzjonijiet dwar l-intensità tal-istħarriġ magħmul mill-Bord tal-Appell.

200    Minn naħa, sa fejn ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tinvoka li l-istħarriġ tal-Bord tal-Appell huwa limitat f’dak li jirrigwarda d-deċiżjonijiet adottati abbażi tal-Artikolu 51 tar-Regolament Nru 1907/2006, huwa biżżejjed jiftakkar li d-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-proċedura għat-tressiq ta’ kawża quddiem il-Bord tal-Appell ma jipprevedux regoli speċifiċi għad-deċiżjonijiet meħuda dwar il-valutazzjoni tal-fajl jew ta’ sustanza (ara l-punt 53 iktar ’il fuq).

201    Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, għandu jiġi kkonstatat li l-premessa tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja li tipprovdi li mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1907/2006 jirriżulta li l-istħarriġ li l-Bord tal-Appell jagħmel fil-konfront tad-deċiżjonijiet dwar il-valutazzjoni tas-sustanzi huwa limitat għal stħarriġ tal-iżball manifest, hija żbaljata.

202    Għaldaqstant, l-argument ibbażat fuq l-allegazzjoni li r-Regolament Nru 771/2008 ma jistax ibiddel l-intensità limitata tal-istħarriġ li għandu jsir mill-Bord tal-Appell, kif jipprevedi r-Regolament Nru 1907/2006, huwa bbażat fuq din il-premessa żbaljata u għandu għalhekk jiġi miċħud.

203    It-tieni nett, fil-kuntest tat-tieni parti tar-raba’ motiv u tal-ewwel parti tas-sitt motiv, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja targumenta li l-bordijiet tal-appell huma komposti minn tliet membri biss u li, bħala regola ġenerali, huwa biss wieħed minnhom li jkollu tagħrif espert tekniku. Bord tal-appell kompost b’dan il-mod ma jistax jiggarantixxi eżami ekwivalenti għal dak magħmul matul il-proċedimenti li jwasslu għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni dwar il-valutazzjoni ta’ sustanza. Il-proċedura għat-tressiq ta’ kawża ma hijiex adattata għad-deċiżjonijiet meħuda dwar il-valutazzjoni tal-fajl jew ta’ sustanza. Il-possibbiltajiet ta’ detezzjoni jiddependu minn għexieren ta’ fatturi li għandhom jiġu evalwati każ b’każ u eżaminati bir-reqqa. Membru wieħed biss ikkwalifikat tal-imsemmi bord ma jistax jeżamina u jikklassifika l-eluf ta’ paġni ta’ studju. Minn naħa, dan il-bord la għandu l-għarfien xjentifiku meħtieġ u lanqas persunal kompetenti sabiex iwieġeb għal kwistjonijiet tekniċi kumplessi. Min-naħa l-oħra, huwa ma għandux id-data xjentifika kollha, bħal, per eżempju, informazzjoni tal-fajl ta’ reġistrazzjoni jew informazzjoni oħra tal-ECHA u tal-awtoritajiet kompetenti dwar sustanza.

204    F’dan ir-rigward, qabel xejn, għandu jsir riferiment għall-kunsiderazzjonijiet żviluppati fil-punti 104 sa 109 iktar ’il fuq li jopponu l-approċċ skont liema l-intensità tal-istħarriġ li l-Bord tal-Appell għamel fil-konfront tal-aggravji dwar żbalji li jivvizzjaw il-bażi tal-valutazzjoni tal-benpat kellha tkun limitati għall-istħarriġ tal-eżistenza ta’ żball manifest.

205    Sussegwentement, għandu jitfakkar li, fil-kuntest ta’ appell quddiemu, il-Bord tal-Appell la għandu jwettaq huwa stess valutazzjoni tas-sustanza inkwistjoni, paragunabbli għal dik magħmula mill-awtorità nnominata, u lanqas jiddeċiedi liema informazzjoni addizzjonali hija neċessarja sabiex tkun tista’ titwettaq tali valutazzjoni. Fil-fatt, fil-kuntest ta’ tali appell, huwa sempliċement jeżamina jekk l-argumenti miġjuba mill-appellanti f’dak il-każ jurux li deċiżjoni meħuda dwar il-valutazzjoni ta’ sustanza hija vvizzjata bi żball.

206    Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja sempliċement tinvoka li l-membri tal-Bord tal-Appell li għandhom tagħrif espert tekniku ma jistgħux iwettqu stħarriġ dwar il-fondatezza ta’ deċiżjoni tal-ECHA dwar il-valutazzjoni ta’ sustanza, iżda ma ġġib ebda argument iddettaljat ta’ natura li juri li, minkejja l-kompetenzi li għandu jkollhom dawn il-membri skont it-tieni sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 89(3) tar-Regolament Nru 1907/2006, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 771/2008 u tal-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 1238/2007, dawn ma għandhomx il-kapaċitajiet li jwettqu stħarriġ tal-kunsiderazzjonijiet tekniċi li jinsabu f’deċiżjoni tal-ECHA fil-kuntest ta’ proċedura kontradittorja.

207    Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja b’mod partikolari ma tesponix ir-raġunijiet li għalihom il-membri tal-Bord tal-Appell li adotta d-deċiżjoni kkontestata ma kellhomx il-kompetenzi tekniċi neċessarji sabiex ikunu jistgħu jidentifikaw l-iżbalji li jivvizzjaw id-deċiżjoni tal-ECHA u li huma identifikaw fid-deċiżjoni kkontestata.

208    Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 89(3) tar-Regolament Nru 1907/2006, membri addizzjonali tal-Bord tal-Appell jistgħu jiġu nnominati jekk dan ikun neċessarju sabiex jiġi żgurat li l-appelli jiġu pproċessati f’termini raġjonevoli.

209    Fl-aħħar nett, għandu jiġi kkonstatat li l-approċċ propost mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma huwiex konformi mal-premessa 3 tar-Regolament Nru 771/2008, li minnha jirriżulta li t-tagħrif espert li għandu l-Bord tal-Appell huwa intiż li jiġi żgurat li tkun tista’ ssir evalwazzjoni bbilanċjata tal-aspetti kemm legali kif ukoll tekniċi mill-imsemmi bord.

210    Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, l-argumenti tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja dwar il-kompożizzjoni tal-Bord tal-Appell għandhom jiġu miċħuda.

211    It-tielet nett, sa fejn ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja targumenta li intensità ikbar ta’ stħarriġ tista’ twassal għal dewmien fil-proċedimenti, dan l-argument għandu jiġi miċħud għall-istess motivi bħal dawk stipulati fil-punti 110 sa 117 iktar ’il fuq.

212    Ir-raba’ nett, l-argument tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja bbażat fuq l-allegazzjoni li tali intensità ta’ stħarriġ jkollha bħala konsegwenza li d-deċiżjonijiet meħuda dwar il-valutazzjoni ta’ sustanza jkunu eżaminati b’mod differenti skont ikunux ġew adottati mill-ECHA jew mill-Kummissjoni, għandu jiġi miċħud għall-istess motivi bħal dawk stipulati fil-punti 118 sa 122 iktar ’il fuq.

213    Il-ħames nett, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja targumenta li l-intensità tal-istħarriġ magħmul mill-Bord tal-Appell ma tistax tkun dipendenti fuq aggravji, argumenti u provi miġjuba mill-appellanti f’dak il-każ. Ma jistax jiġi aċċettat li l-appellanti f’dak il-każ tkun tista’ tiddeċiedi l-intensità ta’ dan l-istħarriġ

214    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, peress li, fil-kuntest ta’ proċedimenti quddiemu, il-Bord tal-Appell sempliċement jeżamina jekk l-argumenti mqajma mill-appellanti f’dak il-każ jistgħux juru żball li jivvizzja deċiżjoni tal-ECHA, il-portata tal-istħarriġ magħmul mill-Bord tal-Appell jiddependi, ċertament, minn argumenti li appellanti f’dak il-każ iġġib fil-kuntest tal-appell.

215    Għandha qabelxejn tiġi distinta l-portata tal-istħarriġ magħmul mill-Bord tal-Appell, minn naħa, mill-intensità ta’ dan l-istħarriġ, min-naħa l-oħra. Issa, kuntrarjament għal dak li targumenta r-Repubblika Federali tal-Ġermanja, l-intensità tal-istħarriġ ma tistax tiġi ddeterminata b’aggravji, argumenti u provi miġjuba mill-appellanti f’dak il-każ.

216    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi miċħud l-argument ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-intensità tal-istħarriġ ma tistax tiddependi minn punti miġjuba mir-rikorrenti u għalhekk għandhom jiġu miċħuda l-argumenti kollha tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja intiżi li juru li, fil-punt 122 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell eċċeda l-limiti tas-setgħa ta’ stħarriġ tiegħu.

iv)    Fuq l-argumenti bbażati fuq l-allegazzjoni li, kuntrarjament għall-konstatazzjonijiet tal-Bord tal-Appell, ma kienx impossibbli li jiġu identifikati l-metaboliti tal-benpat

217    Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja targumenta li l-konstatazzjoni tal-Bord tal-Appell dwar l-allegata impossibbiltà li jiġu identifikati l-metaboliti hija żbaljata. Fl-ewwel lok, din il-konstatazzjoni hija bbażata fuq il-Linji Gwida 309 tal-OECD għall-ittestjar ta’ kimiċi. Issa, l-imsemmija linji gwida sempliċement jistipulaw li, inġenerali, għandhom jintużaw konċentrazzjonijiet ta’ 100 μg/l sabiex tkun tista’ tinstab il-preżenza ta’ metaboliti. Madankollu dawn ma jeskludux li din id-detezzjoni tkun possibbli f’livell ta’ konċentrazzjoni iktar baxx. Fit-tieni lok, il-Bord tal-Appell donnu nesa li l-imsemmi metodu ġie adottat fl‑2004 u li, minn dakinhar, il-kapaċitajiet ta’ detezzjoni tal-metodi ta’ analiżi ġew imtejba kontinwament. Fit-tielet lok, id-deċiżjoni tal-ECHA tinkludi rekwiżiti dwar l-adattazzjoni tal-ittestjar, li huma intiżi ġustament sabiex ikunu jistgħu jiġu identifikati bi probabbiltà ogħla l-metaboliti ta’ sustanza li ma tantx hi solubbli. Fir-raba’ lok, il-“metodi ta’ ttestjar tal‑2004” setgħu jintużaw bi kwantità ta’ sustanza darbtejn inqas, jiġifieri solubbiltà ta’ 45 μg/l minflok ta’ 100 μg/l. Dan huwa iktar u iktar il-każ fid-dawl tal-metodi ta’ kejl kurrenti.

218    L-ECHA, il-Kummissjoni u l-kumpanniji intervenjenti jikkontestaw dawn l-argumenti.

219    F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell ma eskludiex li, matul l-ittestjar li għandu jsir konformement mal-metodu Nru 309, xi metaboliti tal-benpat ikunu jistgħu potenzjalment jiġu identifikati. Fil-fatt, bħalma jirriżulta mill-punt 123 tal-imsemmija deċiżjoni, dan il-bord sempliċement ikkonstata li ma kienx ċert li xi destinatarji tad-deċiżjoni tal-ECHA jkunu jistgħu jaslu li jidentifikaw il-metaboliti ffurmati mill-benpat fil-kuntest tat-twettiq tal-ittestjar inkwistjoni. Għaldaqstant, kuntrarjament għal dak li targumenta r-Repubblika Federali tal-Ġermanja, fid-deċiżjoni kkontestata, l-imsemmi bord ma kkonstatax li kien impossibbli li xi metaboliti jkunu jistgħu jiġu identifikati f’konċentrazzjoni ta’ inqas minn 100 μg/l.

220    Fit-tieni lok, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell ma kkontestax l-obbligu tad-destinatarji tad-deċiżjoni tal-ECHA li jieħdu inkunsiderazzjoni tal-metaboliti tal-benpat fl-ipoteżi li xi metaboliti jkunu jistgħu jiġu identifikati fil-kuntest tal-ittestjar li għandu jitwettaq konformement mal-metodu Nru 309. Għall-kuntrarju, bħalma jirriżulta mill-punt 125 tad-deċiżjoni kkontestata, huwa qies li, skont il-Linji Gwida 309 tal-OECD għall-ittestjar ta’ kimiċi, bħala prinċipju, l-imsemmija destinatarji kienu obbligati li jagħmlu l-isforzi raġjonevoli kollha sabiex jidentifikaw u jikkwantifikaw il-prodotti ta’ trasformazzjoni prinċipali billi jwettqu l-imsemmi ttestjar u konwegwentement isemmu dawn l-isforzi fir-rapport ta’ studju. Għalhekk huwa sempliċement ikkontesta l-obbligu ta’ riżultat dwar l-identifikazzjoni ta’ metaboliti tal-benpat fil-kuntest ta’ dan l-ittestjar.

221    Fit-tielet lok, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja targumenta li l-Bord tal-Appell wettaq żball, minħabba l-fatt li l-Linji Gwida 309 tal-OECD għall-ittestjar ta’ kimiċi ma kinux jeskludu li detezzjoni tal-preżenza ta’ metaboliti tkun possibbli f’livell ta’ konċentrazzjoni inqas minn 100 μg/l.

222    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell ma kkontestax li l-identifikazzjoni tal-preżenza ta’ metaboliti f’konċentrazzjoni inqas minn 100 μg/l kienet impossibbli. Għall-kuntrarju, huwa kkonferma d-deċiżjoni tal-ECHA sa fejn din kienet tobbliga lid-destinatarji ta’ din id-deċiżjoni li jagħmlu l-isforzi raġjonevoli kollha sabiex jiġu identifikati u kkwantifikati l-prodotti ta’ trasformazzjoni prinċipali matul it-twettiq tal-ittestjar skont il-metodu Nru 309 u li konsegwentement isemmu dawn l-isforzi fir-rapport ta’ studju.

223    Min-naħa l-oħra, il-Bord tal-Appell qies li, sa fejn ma kienx ċert li din l-identifikazzjoni hija possibbli, obbligu ta’ riżultat dwar l-identifikazzjoni tal-metaboliti ma kienx iġġustifikat. Issa, il-possibbiltà li identifikazzjoni tkun possibbli f’konċentrazzjoni ta’ 45 μg/l ma tistax tikkontesta l-fondatezza ta’ din il-kunsiderazzjoni.

224    Għaldaqstant, dan l-argument tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja għandu jiġi miċħud.

225    Fir-raba’ lok, jekk wieħed jassumi li, permezz tal-argumenti tagħha, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tixtieq tqajjem in-natura manifestament żbaljata tal-evalwazzjoni tal-Bord tal-Appell skont liema ma kienx ċert li xi metaboliti tal-benpat ikunu jistgħu jiġu identifikati fil-kuntest ta’ ttestjar li għandu jitwettaq konformement mal-metodu Nru 309, dawn għandhom ukoll jiġu miċħuda.

226    F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar li, fil-punti 121 sa 123 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell ikkonstata, essenzjalment, li mil-Linji Gwida 309 tal-OECD għall-ittestjar ta’ kimiċi kien jirriżulta li, minħabba limiti analitiċi, minkejja li s-sustanza ta’ ttestjar ġiet applikata f’konċentrazzjoni ta’ 100 μg/l, ma kienx realistiku li wieħed jistenna li ttestjar jippermetti li jiġu identifikati l-metaboliti tal-imsemmija sustanza, għaliex din għandha solubbiltà massima ta’ 45 μg/l u li la l-ECHA u lanqas il-kumpanniji intervenjenti ma kienu f’pożizzjoni li jidentifikaw metodu adattat sabiex jiġu identifikati l-prodotti ta’ trasformazzjoni prinċipali li probabbilment jinħolqu matul it-twettiq ta’ tali ttestjar.

227    Għandu jitfakkar ukoll li, fil-kuntest ta’ rikors għal annullament skont l-Artikolu 263 TFUE, l-istħarriġ li l-qorti tal-Unjoni twettaq huwa limitat meta inkwistjoni jkun hemm l-evalwazzjoni ta’ punti fattwali ta’ natura xjentifika u teknika kumplessi ħafna. Fil-fatt, fir-rigward ta’ tali evalwazzjonijiet, il-qorti tal-Unjoni sempliċement tistħarreġ jekk dawn humiex ivvizzjati bi żball manifest, b’użu ħażin ta’ poter jew jekk l-awtur tad-deċiżjoni eċċediex b’mod manifest il-limiti tas-setgħa diskrezzjonali tiegħu (ara s-sentenza tal‑21 ta’ Lulju 2011, Etimine, C‑15/10, EU:C:2011:504, punt 60 u l-ġurisprudenza ċċitata).

228    Għandu għalhekk jiġi eżaminat jekk l-argumenti tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja jistgħux juru li, f’dak li jirrigwarda l-evalwazzjoni inkwistjoni, il-Bord tal-Appell wettaq żball manifest, użu ħażin ta’ poter jew jekk huwa eċċediex b’mod manifest il-limiti tas-setgħa diskrezzjonali tiegħu.

229    L-ewwel nett, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja targumenta li l-metodu Nru 309 ġie adottat fl‑2004 u li, minn dakinhar, il-kapaċitajiet ta’ detezzjoni tal-metodi ta’ analiżi ġew imtejba kontinwament.

230    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, fil-punti 121 sa 123 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell mhux biss espona r-raġunijiet li għalihom ma kienx ċert li xi metaboliti tal-benpat ikunu jistgħu jiġu identifikati fil-kuntest ta’ ttestjar li għandu jitwettaq konformement mal-metodu Nru 309, iżda kkonstata wkoll li la l-kumpanniji intervenjenti, la l-ECHA u lanqas l-awtorità nnominata ma kienu f’pożizzjoni li jidentifikaw metodu adattat sabiex jiġu identifikati l-prodotti ta’ trasformazzjoni prinċipali li probabbilment jinħolqu matul it-twettiq tal-imsemmi ttestjar.

231    F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-argumenti mhux iddettaljati tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja dwar it-titjib kontinwu tal-kapaċitajiet ta’ detezzjoni tal-metodi ta’ analiżi ma jistgħux juru li l-evalwazzjoni inkwistjoni tal-Bord tal-Appell hija manifestament żbaljata.

232    It-tieni nett, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja targumenta li d-deċiżjoni tal-ECHA kienet tinkludi preċiżjonijiet dwar l-adattazzjoni tal-ittestjar li huma ġustament intiżi li jkunu jistgħu jiġu identifikati bi probabbilità għolja l-metaboliti ta’ sustanza li ma tantx hi solubbli.

233    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja sempliċement tagħmel riferiment għall-preċiżjonijiet li jinsabu fid-deċiżjoni tal-ECHA, iżda ma tindikax liema preċiżjonijiet huma inkwistjoni u ma tesponix ir-raġunijiet li għalihom tali preċiżjonijiet jistgħu juru li l-evalwazzjoni tal-Bord tal-Appell esposta fil-punt 226 iktar ’il fuq hija manifestament żbaljata.

234    Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi kkonstatat li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja sempliċement targumenta li l-preċiżjonijiet li jinsabu fid-deċiżjoni tal-ECHA kienu intiżi li jippermettu li jiġu identifikati bi probabbiltà għolja l-metaboliti ta’ sustanza li ma tantx hi solubbli, iżda ma turix li huwa ċert li dawn il-preċiżjonijiet kienu jippermettu li jiġu identifikati xi metaboliti tal-benpat fil-kuntest ta’ ttestjar imwettaq konformement mal-metodu Nru 309.

235    Għaldaqstant, dan l-argument ma huwiex ta’ natura li juri li l-evalwazzjoni inkwistjoni tal-Bord tal-Appell hija manifestament żbaljata.

236    It-tielet nett, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja targumenta li l-persunal xjentifiku tiegħu jissoponi li l-“metodi tal-ittestjar tal‑2004” setgħu jintużaw bi kwantità ta’ sustanza darbtejn inqas, jiġifieri b’solubbiltà ta’ 45 μg/l minflok ta’ 100 μg/l.

237    F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed jiġi rrilevat li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja sempliċement tqajjem suppożizzjoni. Issa, min-natura tagħha stess, suppożizzjoni ma tistax turi li l-evalwazzjoni inkwistjoni tal-Bord tal-Appell hija manifestament żbaljata.

238    Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi rrilevat li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma tesponix b’mod iddettaljat fuq liema punti hija bbażata din is-suppożizzjoni.

239    Ir-raba’ nett, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja targumenta li d-deċiżjoni tal-ECHA ma imponietx fuq ir-reġistranti l-obbligu li jidentifikaw il-metaboliti ffurmati kollha, iżda metaboliti prinċipali biss, jiġifieri prodotti ta’ degradazzjoni prinċipali. Issa, waħdu, dan l-argument lanqas ma jista’ juri l-eżistenza ta’ żball manifest li jivvizzja l-evalwazzjoni inkwistjoni tal-Bord tal-Appell.

240    Għaldaqstant, l-argumenti tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja bbażati fuq l-allegazzjoni li, kuntrarjament għall-konstatazzjonijiet tal-Bord tal-Appell, ma kienx impossibbli li jiġu identifikati l-metaboliti tal-benpat, għandhom jiġu miċħuda fit-totalità tagħhom.

v)      Fuq l-argumenti bbażati fuq l-allegazzjoni li l-identifikazzjoni tal-metaboliti tikkostitwixxi waħda mill-elementi tal-metodu Nru 309

241    Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja targumenta li l-identifikazzjoni tal-metaboliti tikkostitwixxi waħda mill-elementi tal-metodu Nru 309, li huwa komunament meħtieġ mil-Linji Gwida 309 tal-OECD għall-ittestjar ta’ kimiċi, kif ukoll mit-traspożizzjoni korrispondenti li tinsab fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 440/2008 tat‑30 ta’ Mejju 2008 li jistabbilixxi metodi ta’ ttestjar skond ir-Regolament Nru 1907/2006 (ĠU 2008, L 142, p. 1), kif emendat, bil-għan li jkun adatt għall-progress tekniku, bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 761/2009 tat‑23 ta’ Lulju 2009 (ĠU 2009, L 220, p. 1). Huwa inerenti għal dan il-metodu li ma huwiex ċert li l-ittestjar ikun jista’ jidentifika effettivament il-metaboliti inkwistjoni u li r-responsabbiltà għall-amministrazzjoni fid-dettall tal-metaboliti tkun fuq ir-reġistrant. Ma huwiex possibbli li jiġi previst b’mod ċar, la r-riżultat u lanqas il-proċess tal-ittestjar skont dan il-metodu u jista’ jirriżulta li, matul tali ttestjar, il-persuna responsabbli għall-valutazzjoni jkollha tieħu u tapplika deċiżjonijiet oħrajn sabiex tkun tista’ tissodisfa aħjar l-għanijiet tal-imsemmija valutazzjoni. L-ispeċifikazzjonijiet tal-ittestjar imwettaq skont l-imsemmi metodu għalhekk ma jistgħux jiġu kklassifikati bħala sproporzjonati.

242    L-ECHA, il-Kummissjoni u l-kumpanniji intervenjenti jikkontestaw dawn l-argumenti.

243    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fil-punt 219 iktar ’il fuq, ġie espost li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell ma annullax id-deċiżjoni tal-ECHA sa fejn din id-deċiżjoni tal-aħħar kienet tipprevedi obbligu għad-destinatarji tagħha li jwettqu ttestjar konformement mal-metodu Nru 309, iżda biss sa fejn din kienet tipprevedi obbligu ta’ riżultat dwar l-identifikazzjoni tal-metaboliti fil-kuntest tat-twettiq ta’ dan l-ittestjar.

244    Għaldaqstant, bla ħsara għall-obbligu ta’ riżultat dwar l-identifikazzjoni tal-metaboliti tal-benpat, l-ispeċifikazzjonijiet dwar il-proċess tal-ittestjar li għandu jitwettaq skont il-metodu Nru 309 ma ġewx ikkontestati mill-Bord tal-Appell.

245    L-argumenti tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja bbażati fuq l-allegazzjoni li l-identifikazzjoni tal-metaboliti tikkostitwixxi waħda mill-elementi tal-metodu Nru 309 għandhom jiġu miċħuda.

vi)    Fuq l-argumenti bbażati fuq l-allegazzjoni li l-metodu Nru 309 jista’ jiġi ppreċiżat iktar

246    Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja targumenta li speċifikazzjoni iktar preċiża tal-metodu Nru 309 hija possibbli. Fil-kuntest tal-valutazzjoni ta’ sustanza, il-metodi ta’ ttestjar previsti mil-leġiżlazzjoni jistgħu jiġu speċifikati, jew anki parzjalment mibdula, b’mod illi jkunu jistgħu jiġu ottimizzati r-riżultati, f’każijiet iddeterminati, minħabba adattazzjonijiet speċifiċi. L-identifikazzjoni tal-metaboliti fil-kuntest ta’ ttestjar imwettaq konformement mal-metodu Nru 309 hija utli wkoll għall-preparazzjoni ta’ ttestjar potenzjali konformement mal-metodu Nru 308. F’dan il-kuntest, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja targumenta wkoll li l-Bord tal-Appell ma kienx imissu ssepara t-talba li jitwettaq l-ittestjar konformement mal-metodu Nru 309 mill-identifikazzjoni tal-metaboliti. Minn naħa, it-tħassir tal-ispeċifikazzjonijiet dwar l-identifikazzjoni tal-metaboliti jwassal għal dewmien artifiċjali, li jdewwem inutilment l-identifikazzjoni, u spejjeż addizzjonali għall-ġbir tal-informazzjoni neċessarja. Min-naħa l-oħra, dawn jagħmlu iktar ikkumplikat it-twettiq ulterjuri u s-suċċess ta’ ttestjar skont il-metodu Nru 308.

247    L-ECHA, il-Kummissjoni u l-kumpanniji intervenjenti jikkontestaw dawn l-argumenti.

248    L-argumenti tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja bbażati fuq l-allegazzjoni li l-metodu Nru 309 jista’ jiġi ppreċiżat iktar għandhom jiġu miċħuda. Dawn ma jistgħux jikkontestaw il-kunsiderazzjonijiet tal-Bord tal-Appell.

249    Fil-fatt, bħalma ġie espost fil-punti 243 u 244 iktar ’il fuq, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell la kkontesta l-użu tal-metodu Nru 309, u lanqas il-possibbiltà li dan il-metodu jiġi mibdul. Huwa sempliċement annulla d-deċiżjoni tal-ECHA sa fejn din kienet tipprevedi obbligu ta’ riżultat f’dak li jirrigwarda l-identifikazzjoni tal-metaboliti, minħabba l-fatt li ma kienx ċert li d-destinatarji ta’ din id-deċiżjoni jkunu jistgħu jidentifikaw il-metaboliti tal-benpat konformement mal-imsemmi metodu.

vii) Fuq l-argument ibbażat fuq in-natura allegatament kontradittorja tad-deċiżjoni kkontestata

250    Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja targumenta li d-deċiżjoni kkontestata hija kontradittorja. Minn naħa, il-Bord tal-Appell annulla l-obbligu li jiġu identifikati l-metaboliti fil-punt 1 tal-imsemmija deċiżjoni. Min-naħa l-oħra, fil-motivi ta’ din id-deċiżjoni, huwa aċċetta li ma setax jeskludi li ma jinkiseb ebda riżultat li jista’ jintuża fuq il-metaboliti u indika li d-destinatarji tad-deċiżjoni tal-ECHA għandhom jagħmlu dak kollu possibbli sabiex jikkwantifikaw il-prodotti ta’ trasformazzjoni prinċipali matul it-twettiq tal-ittestjar konformement mal-metodu Nru 309 u jiddettalljaw dawn l-isforzi fir-rapport ta’ studju korrispondenti.

251    L-ECHA, sostnuta mill-Kummissjoni, u l-kumpanniji intervenjenti jikkontestaw dawn l-argumenti.

252    L-argument tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja bbażat fuq in-natura allegatament kontradittorja tad-deċiżjoni kkontestata għandu jiġi miċħud.

253    Fil-fatt, bħalma ġie espost fil-punti 243 u 244 iktar ’il fuq, il-Bord tal-Appell annulla d-deċiżjoni tal-ECHA sa fejn l-imsemmija deċiżjoni kienet tipprevedi obbligu ta’ riżultat f’dak li jirrigwarda l-identifikazzjoni tal-metaboliti. Issa, f’dan il-kuntest, huwa ma bbażax ruħu fuq il-kunsiderazzjoni skont liema tali identifikazzjoni kienet impossibbli, iżda biss fuq il-kunsiderazzjoni skont liema ma kienx ċert li tali identifikazzjoni tkun possibbli f’dak li jirrigwarda l-metaboliti tal-benpat.

254    Għaldaqstant, kuntrarjament għal dak li targumenta r-Repubblika Federali tal-Ġermanja, il-konstatazzjoni tal-Bord tal-Appell, li tinsab fil-punt 125 tad-deċiżjoni kkontestata, skont liema, fil-kuntest tat-twettiq tal-ittestjar skont il-Linji Gwida 309 tal-OECD għall-ittestjar ta’ kimiċi, id-destinatarji ta’ din id-deċiżjoni kienu jibqgħu obbligati li jagħmlu l-isforzi raġjonevoli kollha sabiex jidentifikaw u jikkwantifikaw il-prodotti ta’ trasformazzjoni prinċipali u li konsegwentement isemmu dawn l-isforzi fir-rapport ta’ studju, ma tistax titqies bħala kontradittorja mal-annullament mill-Bord tal-Appell tad-deċiżjoni tal-ECHA sa fejn din id-deċiżjoni tal-aħħar kienet tipprevedi obbligu ta’ riżultat f’dak li jirrigwarda l-identifikazzjoni tal-metaboliti.

viii) Fuq l-argument ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni

255    Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja targumenta li l-Bord tal-Appell kiser l-obbligu ta’ motivazzjoni. Ir-raġunijiet indikati fid-deċiżjoni kkontestata ma jiġġustifikawx l-annullament tar-rekwiżit fir-rigward tal-identifikazzjoni tal-metaboliti, iżda pjuttost iż-żamma tiegħu.

256    L-ECHA, sostnuta mill-Kummissjoni, u l-kumpanniji intervenjenti jikkontestaw dan l-argument.

257    F’dan ir-rigward, minn naħa, għandu jitfakkar li l-obbligu ta’ motivazzjoni jikkostitwixxi forma proċedurali sostanzjali li għandha tiġi distinta mill-kwistjoni tal-fondatezza tal-motivazzjoni, peress li din taqa’ taħt il-legalità fuq il-mertu tal-att ikkontestat (sentenza tat‑22 ta’ Marzu 2001, Franza vs Il‑Kummissjoni, C‑17/99, EU:C:2001:178, punt 35). Għalhekk, għandhom jiġu miċħuda l-argumenti tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja intiżi li jikkontestaw il-fondatezza tal-kunsiderazzjonijiet tal-Bord tal-Appell sa fejn l-imsemmija argumenti tqajmu insostenn tal-argument tagħha bbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni.

258    Min-naħa l-oħra, sa fejn, permezz tal-argumenti tagħha, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja targumenta, essenzjalment, li l-allegata natura kontradittorja tar-raġunament tal-Bord tal-Appell ma jippermettilhiex tifhem jekk id-deċiżjoni kkontestata kinitx fondata jew potenzjalment ivvizzjata, huwa biżżejjed jitfakkar, billi jsir riferiment għall-punti 252 sa 254 iktar ’il fuq, li l-kunsiderazzjonijiet tal-Bord tal-Appell żviluppati fil-punti 118 sa 125 tad-deċiżjoni kkontestata ma humiex kontradittorji.

259    Minn dan isegwi li l-argument tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, għandu wkoll jiġi miċħud.

ix)    Fuq l-argument ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-Bord tal-Appell daħħal livell ta’ probabbiltà materjalment impreċiż u mhux ikkwantifikat

260    Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja targumenta li l-approċċ tal-Bord tal-Appell imur kontra l-kriterju rilevanti dwar il-prinċipju ta’ proporzjonalità. Il-kwistjoni rilevanti hija dik dwar jekk, skont l-istat tat-tossikoloġija regolatorja, jidhirx sensibbli u f’waqtu li jsir ittestjar. Fi kliem ieħor, għandu jiġi ddeterminat jekk dan l-ittestjar jistax jidentifika riskju, minkejja li l-utilità tiegħu fil-każ konkret ma tkunx ċerta. Issa, fid-deċiżjoni kkontestata, l-imsemmi bord daħħal livell ta’ probabbiltà materjalment impreċiż u mhux ikkwantifikat.

261    L-ECHA, sostnuta mill-Kummissjoni, u l-kumpanniji intervenjenti jikkontestaw dan l-argument.

262    F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li l-Bord tal-Appell, ċertament, qies li l-ECHA ma setgħetx tipprevedi obbligu li jiġu identifikati l-metaboliti tal-benpat jekk hija ma kinitx ċerta li dawn il-metaboliti jistgħu jiġu identifikati matul ittestjar li jitwettaq skont il-metodu Nru 309. Madankollu, l-imsemmi bord ma jistax jiġi kkritikat li qies li l-ECHA ma setgħetx tipprevedi obbligu ta’ riżultat għad-destinatarji tad-deċiżjoni tagħha, filwaqt li ma kienx ċert li l-identifikazzjoni tal-metaboliti tal-benpat tkun tista’ titwettaq konformement ma’ dan il-metodu.

263    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-obbligu li jsir ittestjar konformement mal-metodu Nru 309, huwa biżżejjed jitfakkar li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell ma kkontestax dan l-obbligu. Għaldaqstant, f’din id-deċiżjoni, l-imsemmi bord ma biddilx il-livell ta’ probabbiltà li għandu jintlaħaq sabiex tiġi ġġustifikata talba sabiex isir l-imsemmi ttestjar. Għall-kuntrarju, bħalma jirriżulta mill-punt 125 tal-imsemmija deċiżjoni, dan il-bord qies li, skont il-Linji Gwida 309 tal-OECD għall-ittestjar ta’ kimiċi, id-destinatarji tad-deċiżjoni tal-ECHA kienu obbligati li jagħmlu l-isforzi raġjonevoli kollha sabiex jiġu identifikati u kkwantifikati l-prodotti ta’ trasformazzjoni prinċipali fil-kuntest tat-twettiq ta’ dan l-ittestjar u li konsegwentement isemmu dawn l-isforzi fir-rapport ta’ studju.

264    Għaldaqstant, l-argument tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-Bord tal-Appell daħħal livell ta’ probabbiltà materjalment impreċiż u mhux ikkwantifikat, għandu jiġi miċħud u, għaldaqstant, għandhom jiġu miċħuda l-argumenti kollha dwar l-eżami tat-tieni parti tal-ewwel aggravju tal-appell quddiem il-Bord tal-Appell.

2)      Fuq l-argumenti dwar l-eżami tat-tielet parti tal-ewwel aggravju quddiem il-Bord tal-Appell

265    Fid-deċiżjoni tagħha, l-ECHA pprevediet talba għal informazzjoni addizzjonali fl-ipoteżi li l-ittestjar imwettaq konformement mal-metodu Nru 309 ma jippermettix li jiġi kkonstatat jekk il-benpat kienx persistenti jew persistenti ħafna fis-sens tal-punti 1.1.1. u 1.2.1. tal-Anness XIII tar-Regolament Nru 1907/2006. F’din l-ipoteżi, kien previst li jsir ittestjar ta’ simulazzjoni tas-sedimenti mwettaq konformement mal-metodu Nru 308, bl-ingredjent R‑898 minflok il-benpat.

266    Fil-qafas tal-punt III.4 tal-espożizzjoni tal-motivi tad-deċiżjoni tagħha, l-ECHA ppreċiżat li s-sedimenti kienu wkoll qasam ambjentali ta’ tħassib serju. Il-benpat kien assorbenti ħafna u, konsegwentement, jassorbi s-sedimenti malajr u f’livell għoli. Skont hi, kien probabbli wkoll li jinħoloq livell għoli ta’ residwi li ma jistgħux jiġu astratti fil-qafas tal-ittestjar imwettaq skont il-metodu Nru 308 u huwa probabbilment diffiċli li tiġi sseparata d-degradazzjoni mill-proċess ta’ dissipazzjoni. Sabiex tiġi ffaċilitata l-interpretazzjoni tad-data, għandhom jiġu osservati ċerti kundizzjonijiet. Sabiex tiġi evalwata l-persistenza tal-benpat, huwa neċessarju li ssir distinzjoni bejn is-sempliċi eliminazzjoni u d-degradazzjoni. Għal dan l-għan, id-detezzjoni u l-identifikazzjoni tal-metaboliti huma rekwiżiti fundamentali. Temperatura għolja tiffavorixxi l-vitalità tal-inokulu, il-probabbiltà ta’ formazzjoni ta’ metaboliti u l-possibbiltà ta’ identifikazzjoni tal-metaboliti fil-konfront ta’ temperatura iktar baxxa. Konsegwentement, l-ittestjar għandu jsir f’20 C, iżda din it-temperatura għandha titnaqqas għal 12 C billi tintuża l-ekwazzjoni ta’ Arrhenius. Ir-R‑898 għandu jintuża minflok il-benpat.

267    Fil-kuntest tat-tielet parti tal-ewwel aggravju tal-appell quddiem il-Bord tal-Appell, il-kumpanniji intervenjenti argumentaw, essenzjalment, li, minħabba l-proprjetajiet tal-benpat, ittestjar imwettaq konformement mal-metodu Nru 308 ma kienx xieraq sabiex tiġi eżaminata l-persistenza tiegħu.

268    Fil-punti 133 sa 142 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell eżamina dawn l-argumenti.

269    Fil-punt 136 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell ikkonstata li l-benpat kellu xi diffikultajiet partikolari fil-kuntest tat-twettiq ta’ ttestjar skont il-metodu Nru 308. Mhux biss il-benpat jista’ jgħaddi mill-fażi milwiema għall-fażi solida tas-sistema ta’ ttestjar, iżda dan jista’ wkoll jifforma residwi li ma jistgħux jiġu estratti fil-fażi solida. Bħalma kkonfermaw iż-żewġ partijiet quddiemu matul is-seduta, bħalissa ma huwiex ċert li huwa possibbli li jiġu identifikati u kkwantifikati r-residwi li ma jistgħux jiġu estratti ffurmati mis-sustanza fil-qafas ta’ ttestjar imwettaq konformement mal-imsemmi metodu. Skont l-imsemmi bord, ma kienx ċert li dan l-ittestjar jippermetti fil-prattika li jitkejjel l-assorbiment jew id-dekompożizzjoni tas-sustanza inkwistjoni.

270    Fil-punt 137 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell osserva li rapport tal-abbozz ta’ inizjattiva ta’ riċerka fit-tul tal-Kunsill Ewropew għall-Federazzjonijiet tal-Industrija Kimika (CEFIC) kien iqajjem ċertu numru ta’ kwistjonijiet dwar l-adegwatezza tal-metodu Nru 308 għall-valutazzjoni ta’ sustanzi bħall-benpat. Huwa rrimarka wkoll li l-awtorità nnominata u l-ECHA kienu kkonfermaw matul is-seduta quddiemu li bħalissa ma kien hemm ebda approċċ ġeneralment aċċettat sabiex ir-residwi li ma jistgħux jiġu estratti jiġu integrati fil-valutazzjoni ambjentali ta’ sustanza.

271    Fil-punt 138 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell ikkonkluda li, abbażi tal-provi u tal-argumenti ppreżentati quddiemu, f’dan il-mument ma kien hemm ebda kunsens xjentifiku fir-rigward tal-mod kif kellhom jiġu evalwati r-riżultati ta’ ttestjar imwettaq konformement mal-metodu Nru 308 f’dak li jirrigwarda l-identità u l-proprjetajiet tar-residwi li ma jistgħux jiġu estratti.

272    Fil-punt 139 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell irrileva li d-deċiżjoni tal-ECHA kienet teżiġi t-twettiq ta’ ttestjar skont il-metodu Nru 308 biss jekk l-ittestjar li jitwettaq skont il-metodu Nru 309, inkluż l-identifikazzjoni tal-metaboliti, ma jippermettix li tintwera l-persistenza tal-benpat. Peress li l-obbligu li jiġu mkejla l-metaboliti ffurmati fil-kuntest ta’ dan l-ittestjar tal-aħħar kien ġie annullat, din l-identifikazzjoni kienet inċerta. Huwa indika wkoll li, peress li xi informazzjoni dwar il-metaboliti hija disponibbli, din l-informazzjoni l-ġdida għandha tiġi evalwata u, jekk ikun il-każ, jista’ jiġi rikjest it-twettiq ta’ studju skont il-metodu Nru 308.

273    Fil-punt 140 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell wasal għall-konklużjoni li l-ECHA ma kinitx uriet li ttestjar li għandu jitwettaq skont il-metodu Nru 308 kien xieraq sabiex tiġi ddeterminata l-persistenza tal-benpat.

274    Fil-punt 141 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell ma eskludiex li kien potenzjalment possibbli li ttestjar imwettaq skont il-metodu Nru 308 jippermetti li tiġi ddeterminata l-persistenza tal-benpat. Fil-fatt, huwa osserva li l-ECHA tista’ tkun f’pożizzjoni li tistabbilixxi f’mument ulterjuri li studju mwettaq konformement ma’ dan il-metodu kien xieraq sabiex tiġi studjata l-persistenza tal-benpat, inkluż metodu li jipprevedi l-eżami tal-identità u tal-proprjetajiet tal-metaboliti tiegħu. Madankollu, skont hu, il-ġustifikazzjoni mill-ECHA ta’ tali studju għandha tieħu inkunsiderazzjoni ta’ kull informazzjoni oħra li hija rilevanti u disponibbli mill-ġdid, bħar-riżultati tal-ittestjar li għandu jitwettaq konformement mal-metodu Nru 309.

275    Fil-punt 142 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell ikkonkluda li, għal dawn ir-raġunijiet, it-tielet parti tal-ewwel aggravju tal-appell quddiemu kellu jintlaqa’ u d-deċiżjoni tal-ECHA annullata sa fejn l-imsemmija deċiżjoni kienet titlob it-twettiq tal-ittestjar li jsegwi l-metodu Nru 308.

276    Fil-kuntest tat-tieni parti tar-raba’ motiv u tat-tieni parti tas-sitt motiv tar-rikors odjern, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja targumenta li dawn il-kunsiderazzjonijiet tal-Bord tal-Appell huma vvizzjati bi żball.

277    Fl-ewwel lok, għandha tingħata deċiżjoni dwar l-argument tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja bbażat fuq l-allegazzjoni li l-Bord tal-Appell eċċeda l-limiti tas-setgħa ta’ stħarriġ tiegħu. Fit-tieni lok, ser jiġu eżaminati l-argumenti intiżi li tiġi kkontestata il-fondatezza tal-kunsiderazzjonijiet tal-imsemmi bord.

i)      Fuq l-argumenti intiżi li juru li l-Bord tal-Appell eċċeda l-limiti tas-setgħa ta’ stħarriġ tiegħu

278    Fil-kuntest tat-tieni parti tar-raba’ motiv u tat-tieni parti tas-sitt motiv tar-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja targumenta li, fil-punt 136 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell eċċeda l-limiti tas-setgħa ta’ stħarriġ tiegħu. Skont hi, fl-imsemmi punt, l-imsemmi bord ikkontradixxa t-tagħrif espert tal-Istati Membri fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk l-ittestjar li għandu jitwettaq konformement mal-metodu Nru 308 kienx xieraq. Issa, il-Kumitat tal-Istati Membri għandu jingħata setgħa diskrezzjonali wiesgħa, fid-dawl tal-funzjoni tiegħu bħala kumitat ta’ esperti u tal-kompożizzjoni tiegħu b’membri marbuta bl-istruzzjonijiet tal-Istati Membri tagħhom. Għaldaqstant, dan il-bord għandu biss setgħa ta’ stħarriġ limitata, li l-intensità tagħha hija paragunabbli mal-istħarriġ eżerċitat mill-qrati fuq id-deċiżjonijiet diskrezzjonarji.

279    L-ECHA, il-Kummissjoni u l-kumpanniji intervenjenti jikkontestaw dawn l-argumenti.

280    L-argumenti tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja huma intiżi li juru li l-Bord tal-Appell eċċeda l-limiti tas-setgħa ta’ stħarriġ tiegħu għandhom jiġu miċħuda għall-istess motivi bħal dawk stipulati fil-punti 190 sa 216 iktar ’il fuq.

ii)    Fuq l-argumenti intiżi li tiġi kkontestata l-fondatezza tal-kunsiderazzjonijiet tal-Bord tal-Appell

281    Fil-kuntest tat-tieni parti tas-sitt motiv, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tqajjem argumenti intiżi li jikkontestaw il-fondatezza tal-kunsiderazzjonijiet li l-Bord tal-Appell ibbaża l-konklużjoni tiegħu fuqhom, skont liema ma kienx ippruvat li l-ittestjar ta’ simulazzjoni tas-sedimenti mwettaq konformement mal-metodu Nru 308 u mitlub mill-ECHA fid-deċiżjoni tagħha ma kienx xieraq. Hija tagħraf li parti mill-benpat kienet marbuta b’mod irriversibbli ma’ oqsma ambjentali u għalhekk ma tistax tinstab f’dawn l-oqsma, li jista’ jwassal għal diffikultajiet sabiex titwettaq valutazzjoni esperimentali tat-tqassim tas-sustanza fis-sistema ta’ testijiet u tal-perċentwal ta’ degradazzjoni li għandu jiġi indikat. Madankollu, skont hi, il-Kumitat tal-Istati Membri qies ġustament li kien hemm possibbiltà reali li l-ittestjar imwettaq skont il-metodu Nru 308 iwassal għal riżultati realistiċi u li jistgħu jintużaw minkejja problemi marbuta mar-residwi li ma jistgħux jiġu estratti.

282    Fl-ewwel lok, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja targumenta li l-approċċ tal-Bord tal-Appell imur kontra l-kriterju rilevanti dwar il-prinċipju ta’ proporzjonalità. Il-kwistjoni rilevanti hija dik dwar jekk, skont l-istat tat-tossikoloġija regolatorja, jidhirx sensibbli u f’waqtu li jsir ittestjar. Fi kliem ieħor, għandu jiġi ddeterminat jekk dan l-ittestjar jistax jidentifika riskju, minkejja li l-utilità tiegħu fil-każ konkret ma tkunx ċerta. It-talbiet għal informazzjoni addizzjonali ma għandhomx effett dirett fuq il-valur kummerċjali tal-benpat, iżda jikkostitwixxu sempliċement stadju intermedjarju qabel miżuri potenzjali ta’ amministrazzjoni tar-riskji. Fid-dawl tal-għan tar-Regolament Nru 1907/2006, li huwa li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem, tal-ambjent u tal-prinċipju ta’ prekawzjoni, l-identifikazzjoni tar-riskji kellha tkun partikolarment faċli u possibbli. Għalhekk ma tistax tiġi rikjesta probabbiltà għolja wisq fir-rigward tal-kapaċità tat-testijiet li jidentifikaw proprjetà ddeterminata għaliex, fil-każ kuntrarju, huma biss it-testijiet li r-riżultati tagħhom huma relattivament prevedibbli li ser jiġu awtorizzati. Madankollu huwa biss b’mod eċċezzjonali ħafna li jista’ jiġi previst qabel it-twettiq ta’ ttestjar li dan jippermetti effettivament li tiġi prodotta l-informazzjoni mfittxija jew li xi testijiet oħrajn huma neċessarji sabiex jiġi identifikat ir-riskju eżistenti. Skont ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, l-imsemmi bord kien imissu sempliċement jivverifika jekk il-miżura kinitx issegwi l-għan imfittex u jekk kinitx xierqa sabiex tilħqu, billi jiġi eżaminat jekk il-kunsiderazzjonijiet tal-Kumitat tal-Istati Membri kinux manifestament żbaljati.

283    L-istrateġija ta’ ttestjar prevista mid-deċiżjoni tal-ECHA kienet tissodisfa dan il-kriterju. Min-naħa l-oħra, l-imsemmija strateġija, kif mibdula mill-Bord tal-Appell, ma kinitx tissodisfa dan il-kriterju. Il-bidliet magħmula mill-imsemmi bord kienu bbażati fuq l-idea skont liema ttestjar jista’ jiġi rikjest biss jekk jista’ jkun mistenni b’ċertezza suffiċjenti li dan ser jippermetti li jinkisbu riżultati konklużivi fuq il-proprjetà ineżami. Billi pproċeda b’dan il-mod, dan il-bord daħħal livell ta’ probabbiltà materjalment impreċiż u mhux ikkwantifikat. Huwa diffiċli jiġi previst sa liema punt ittestjar jippermetti finalment li tiġi evalwata l-preżenza jew l-assenza tal-proprjetà ineżami. Dan il-livell inaqqas b’mod sinjifikanti l-possibbiltajiet li tinkiseb informazzjoni permezz tar-Regolament Nru 1907/2006. Tali approċċ ma huwiex konformi mal-għanijiet imfittxija mill-imsemmi regolament. Dan ma huwiex konformi, b’mod partikolari, mal-prinċipju ta’ prekawzjoni, li jeżiġi li tinġabar l-informazzjoni kollha dwar ir-riskji. It-talbiet għal ittestjar li jkun għad hemm wara d-deċiżjoni kkontestata huma inqas xierqa sabiex jidentifikaw il-kriterju ta’ persistenza mid-deċiżjoni tal-ECHA. Definittivament, dan ikollu bħala konsegwenza li l-istrateġija ta’ ttestjar, kif mibdula fid-deċiżjoni kkontestata, tostakola l-għan ta’ kjarifika.

284    L-ECHA, il-Kummissjoni u l-kumpanniji intervenjenti jikkontestaw dawn l-argumenti.

285    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 1907/2006, dan tal-aħħar huwa intiż, ċertament, li jiżgura livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent u li, skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 1(3) ta’ dan ir-regolament, id-dispożizzjonijiet ta’ dan tal-aħħar huma bbażati fuq il-prinċipju ta’ prekawzjoni.

286    Madankollu, ir-Regolament Nru 1907/2006 ma jistax jiġi interpretat biss fid-dawl tal-għan li jikkonsisti f’li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem, tal-ambjent u tal-prinċipju ta’ prekawzjoni. Fil-fatt, konformement mal-Artikolu 1(1) tal-imsemmi regolament, dan tal-aħħar huwa intiż ukoll li jiżgura l-promozzjoni ta’ metodi alternattivi għall-valutazzjoni tal-perikoli marbuta mas-sustanzi, kif ukoll il-moviment liberu tas-sustanzi fis-suq intern filwaqt li tiġi mtejba l-kompetittività u l-innovazzjoni. Barra minn hekk, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni wkoll il-libertà ta’ intrapriża fis-sens tal-Artikolu 16 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u, jekk ikun il-każ, l-għan li jikkonsisti f’li jiġi evitat l-ittestjar fuq l-annimali, li jirriżulta b’mod partikolari mill-premessa 47 ta’ dan ir-regolament.

287    Il-kriterju rilevanti dwar il-prinċipju ta’ proporzjonalità huwa r-riżultat tal-ibbilanċjar tad-diversi għanijiet imfittxija mir-Regolament Nru 1907/2006 u tal-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ prekawzjoni. Skont dan il-kriterju, sabiex tiġġustifika talba li jitwettaq ittestjar, l-ECHA għandha mhux biss turi l-eżistenza ta’ riskju potenzjali għas-saħħa tal-bniedem jew tal-ambjent, u n-neċessità li dan ir-riskju jiġi ċċarat, iżda wkoll tipprova li teżisti possibbiltà realistika li l-informazzjoni mitluba tippermetti li jittieħdu miżuri aħjar ta’ amministrazzjoni tar-riskji.

288    Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, għalhekk il-Bord tal-Appell ma jistax jiġi kkritikat li qies li talba għat-twettiq ta’ ttestjar prevista f’deċiżjoni meħuda dwar il-valutazzjoni ta’ sustanza kienet xierqa meta kienet teżisti possibbiltà realistika li dan l-ittestjar jipproduċi riżultati rilevanti għall-imsemmija valutazzjoni.

289    Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-Bord tal-Appell ma jistax jiġi kkritikat li, meta, minħabba partikolaritajiet ta’ sustanza, kienu jeżistu xi dubji fondati fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk il-metodu ta’ ttestjar maħsub mill-ECHA kienx jippermetti li jiġu prodotti riżultati rilevanti għall-valutazzjoni ta’ sustanza, kien il-kompitu tal-ECHA li tipprova li, minkejja dawn id-dubji, kienet teżisti possibbiltà realistika li l-metodu jippermetti li jiġu prodotti riżultati rilevanti.

290    Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, għandhom jiġu miċħuda l-argumenti tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja bbażati fuq l-allegazzjoni li l-Bord tal-Appell kiser il-kriterju rilevanti dwar il-prinċipju ta’ proporzjonalità, billi daħħal livell ta’ probabbiltà għoli wisq.

291    Fit-tieni lok, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tqajjem argumenti intiżi li juru n-natura żbaljata tal-evalwazzjoni tal-Bord tal-Appell skont liema l-ECHA ma stabbilixxietx l-eżistenza ta’ possibbiltà realistika li l-ittestjar li għandu jitwettaq konformement mal-metodu Nru 308 jipproduċi riżultati rilevanti għall-valutazzjoni tal-benpat.

292    F’dan il-kuntest, għandu jiġi rrilevat li l-evalwazzjoni inkwistjoni hija bbażata fuq l-evalwazzjoni ta’ punti fattwali ta’ natura xjentifika u teknika kumplessi ħafna u għandu jitfakkar li, fid-dawl tal-limiti tal-istħarriġ tal-qorti tal-Unjoni f’dan ir-rigward, għandu jiġi eżaminat jekk l-argumenti miġjuba mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja jistgħux juru li, f’dak li jirrigwarda l-imsemmija evalwazzjoni, il-Bord tal-Appell wettaq żball manifest jew użu ħażin ta’ poter jew jekk huwa eċċediex b’mod manifest il-limiti tas-setgħa diskrezzjonali tiegħu (ara l-punt 227 iktar ’il fuq).

293    L-ewwel nett, għandu jiġi miċħud l-argument tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja bbażat fuq l-allegazzjoni li l-Istati Membri kollha fi ħdan il-Kumitat tal-Istati Membri qiesu li kien hemm ċans realistiku li l-ittestjar li għandu jitwettaq skont il-metodu Nru 308 iwassal għal riżultati realistiċi u li jistgħu jintużaw minkejja l-problemi marbuta mar-residwi li ma jistgħux jiġu estratti tal-benpat. Fil-fatt, bħala tali, dan l-argument ma jistax juri l-eżistenza ta’ żball manifest f’dak li jirrigwarda l-evalwazzjoni inkwistjoni.

294    It-tieni nett, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja targumenta li t-talba li jitwettaq l-ittestjar konformement mal-metodu Nru 308 deċiża fid-deċiżjoni tal-ECHA kienet tikkorrispondi mal-istat tat-tossikoloġija regolatorja dwar il-proċedura li għandha tiġi segwita sabiex jiġi evalwat il-kriterju ta’ persistenza, kif kien previst mil-Linji Gwida 308 tal-OECD għall-ittestjar ta’ kimiċi. Il-kunsiderazzjonijiet tal-Bord tal-Appell kienu jikkontestaw dan il-metodu bħala tali u għalhekk ma humiex konformi mar-Regolament Nru 440/2008.

295    F’dan ir-rigward, minn naħa, għandu jiġi rrilevat li, kuntrarjament għal dak li targumenta r-Repubblika Federali tal-Ġermanja, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell ma kkontestax il-metodu Nru 308 bħala tali. Għall-kuntrarju, bħalma jirriżulta mill-punt 141 tal-imsemmija deċiżjoni, dan il-bord qies li ttestjar imwettaq konformement ma’ dan il-metodu seta’ jkun xieraq sa fejn l-ECHA tkun tista’ tipprova li, minkejja l-problemi marbuta mar-residwi li ma jistgħux jiġu estratti tal-benpat, tali ttestjar ikun jista’ jipproduċi riżultati rilevanti għall-valutazzjoni tan-natura persistenti tal-benpat fil-qasam tas-sedimenti.

296    Min-naħa l-oħra, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet żviluppati fil-punti 285 sa 290 iktar ’il fuq, il-Bord tal-Appell ma jistax jiġi kkritikat li ma eżaminax sempliċement b’mod astratt jekk il-metodu Nru 308 kienx xieraq sabiex tiġi evalwata l-persistenza ta’ sustanzi fil-qasam tas-sedimenti, iżda li eżamina din il-kwistjoni b’mod iktar konkret f’dak li jirrigwarda l-benpat, billi ħa inkunsiderazzjoni tal-partikolaritajiet ta’ din is-sustanza.

297    Għaldaqstant, l-argument tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, skont liema l-kunsiderazzjonijiet tal-Bord tal-Appell jikkontestaw il-metodu Nru 308 bħala tali u għalhekk ma humiex konformi mar-Regolament Nru 440/2008, għandu jiġi miċħud.

298    It-tielet nett, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja targumenta li l-Bord tal-Appell ma jikkontestax il-fatt li l-kisba ta’ riżultati konklużivi billi jiġi segwit il-metodu Nru 308 hija possibbli.

299    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, fil-punt 141 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell, ċertament, ma eskludiex li, minkejja l-problemi marbuta mar-residwi li ma jistgħux jiġu estratti, il-metodu Nru 308 jista’ jipproduċi riżultati realistiċi u li jistgħu jintużaw. Madankollu, fl-imsemmi punt, dan il-bord espona li, sabiex jiġi stabbilit jekk kienx hemm possibbiltà realistika li ttestjar imwettaq skont dan il-metodu jipproduċi riżultati rilevanti għall-valutazzjoni tal-benpat, kien il-kompitu tal-ECHA li tipprova li, minkejja dawn il-problemi, tali possibbiltà kienet realistika.

300    Essenzjalment, minkejja li l-Bord tal-Appell ma eskludiex li jista’ jintwera li teżisti possibbiltà realistika li ttestjar imwettaq skont il-metodu Nru 308 jipproduċi riżultati rilevanti għall-valutazzjoni tal-benpat, minkejja l-problemi marbuta mal-formazzjoni ta’ residwi li ma jistgħux jiġu estratti, huwa qies li, f’dan l-istadju, l-ECHA ma kinitx uriet dan.

301    L-argument tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-Bord tal-Appell ma kkontestax il-fatt li l-kisba ta’ riżultati konklużivi billi jiġi segwit il-metodu Nru 308 kienet possibbli, għandu għalhekk jiġi miċħud.

302    Ir-raba’ nett, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja targumenta li r-raġunament segwit mill-Bord tal-Appell fid-deċiżjoni kkontestata huwa ċirkolari, sa fejn l-imsemmi bord jiġġustifika l-assenza ta’ perspettiva li ttestjar li jitwettaq konformement mal-metodu Nru 308 jirnexxi bil-fatt li dan il-bord ħassar l-ispeċifikazzjonijiet dwar l-identifikazzjoni tal-metaboliti fil-kuntest tal-ittestjar li għandu jitwettaq konformement mal-metodu Nru 309. L-għan tal-istrateġija ta’ ttestjar implimentata kien ġustament li jiġi żgurat li l-informazzjoni dwar il-metaboliti diġà miksuba, skont il-każ, matul l-ittestjar li jitwettaq konformement mal-metodu Nru 309, tkun tista’ tintuża fil-kuntest tal-ittestjar imwettaq konformement mal-metodu Nru 308, li jqajjem xi diffikultajiet f’dan ir-rigward. Għalhekk dan juri b’mod ċar ħafna f’liema punt id-dikjarazzjonijiet dwar identifikazzjoni tal-metaboliti l-iktar wiesgħa possibbli fil-kuntest ta’ ttestjar imwettaq konformement mal-metodu Nru 309 huma essenzjali sabiex jirnexxu l-istrateġiji dwar l-identifikazzjoni tal-kriterju ta’ persistenza.

303    F’dan ir-rigward, qabel xejn, għandu jitfakkar li l-Bord tal-Appell, ċertament, annulla l-obbligu ta’ riżultat għall-identifikazzjoni ta’ metaboliti fil-kuntest tal-ittestjar imwettaq konformement mal-metodu Nru 309, minħabba l-fatt li ma kienx ċert li tali identifikazzjoni hija possibbli. Issa, bħalma ġie espost fil-punti 169 sa 264 iktar ’il fuq, ebda wieħed mill-argumenti miġjuba mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma jista’ jikkontesta b’mod validu l-kunsiderazzjonijiet tal-Bord tal-Appell li jiġġustifikaw din id-deċiżjoni.

304    Sussegwentement, għandu jitfakkar li, bħalma indika l-Bord tal-Appell fil-punt 125 tad-deċiżjoni kkontestata, l-annullament tal-obbligu ta’ riżultat dwar l-identifikazzjoni ta’ metaboliti fil-kuntest ta’ ttestjar li għandu jitwettaq konformement mal-metodu Nru 309 ma kienx jikkontesta l-obbligu tal-kumpanniji intervenjenti li jagħmlu l-isforzi raġjonevoli kollha sabiex jiġu identifikati u kkwantifikati l-prodotti ta’ trasformazzjoni prinċipali fil-kuntest tat-twettiq ta’ dan l-ittestjar u li konsegwentement isemmu dawn l-isforzi fir-rapport ta’ studju. Għaldaqstant, ma jistax jitqies li l-imsemmi bord illimita indebitament l-imsemmi ttestjar u, għalhekk, lanqas ma jista’ jiġi kkritikat li llimita indebitament il-perspettiva li l-ittestjar konformement mal-metodu Nru 308 jirnexxi.

305    Fl-aħħar nett, għandu jiġi rrilevat li l-motiv li għalih il-Bord tal-Appell annulla t-talba tal-ECHA li jitwettaq l-ittestjar konformement mal-metodu Nru 308 kien li din l-aġenzija ma kinitx ippruvat li, minkejja l-problemi marbuta mal-fatt li l-benpat kien jipproduċi residwi li ma jistgħux jiġu estratti, kien hemm possibbiltà realistika li l-ittestjar imwettaq konformement mal-imsemmi metodu jipproduċi riżultati rilevanti għall-valutazzjoni ta’ din is-sustanza.

306    Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, l-argument tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja bbażat fuq raġjunament ċirkolari tal-Bord tal-Appell fid-deċiżjoni kkontestata għandu jiġi miċħud.

307    Il-ħames nett, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja targumenta li la l-fatt li ttestjar li jitwettaq konformement mal-metodu Nru 308 ikun diffiċli biex jitwettaq, u lanqas il-fatt li ma jkunx ċert li dan jippermetti li tinkiseb biżżejjed informazzjoni dwar ir-residwi li ma jistgħux jiġu estratti u l-metaboliti, ma kienu jipprekludu li jintalab it-twettiq ta’ dan l-ittestjar. Li kieku kien mod ieħor, sustanzi li huwa diffiċli li jiġu studjati ma jkunu jistgħu jiġu suġġetti għal ebda ttestjar.

308    F’dan ir-rigward, minn naħa, għandu jiġi rrilevat li l-Bord tal-Appell ma bbażax ruħu fuq il-kunsiderazzjoni li tipprovdi li kien diffiċli li jitwettaq ittestjar konformement mal-metodu Nru 308, iżda fuq il-kunsiderazzjoni li tipprovdi li l-ECHA ma kinitx stabbilixxiet li kien hemm possibbiltà realistika li l-imsemmi ttestjar jipproduċi riżultati rilevanti għall-valutazzjoni tal-benpat.

309    Min-naħa l-oħra, għandu jiġi rrilevat li, fil-punti 136 u 138 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell lanqas ma bbaża ruħu fuq l-inċertezza inerenti f’kull riċerka esperimentali. Għall-kuntrarju, huwa rrileva li, f’dak li jirrigwarda l-benpat, kien hemm problema partikolari dwar l-applikazzjoni tal-metodu Nru 308, li kienet marbuta mal-fatt li din is-sustanza mhux biss tista’ tgħaddi mill-fażi milwiema għall-fażi solida tas-sistema ta’ ttestjar, iżda wkoll tifforma residwi li ma jistgħux jiġu estratti fil-fażi solida. Barra minn hekk, huwa espona, essenzjalment, li, matul il-proċedimenti quddiemu, l-ECHA ma kinitx f’pożizzjoni li tipprova li, minkejja din il-problema, it-twettiq ta’ ttestjar konformement mal-imsemmi metodu jista’ jippermetti li jitkejlu l-assorbiment u d-degradazzjoni ta’ din is-sustanza. Għaldaqstant, fl-imsemmija deċiżjoni, huwa bbaża ruħu fuq il-kunsiderazzjoni li tipprovdi li kien hemm dubji fondati fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk, minħabba partikolaritajiet tal-imsemmija sustanza, kienx hemm possibbiltà realistika li ttestjar imwettaq konformement mal-metodu Nru 308 jippermetti li jittieħdu konklużjonijiet dwar in-natura persistenti ta’ dan is-sustanza fil-qasam tad-sedimenti. Issa, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet żviluppati fil-punti 282 sa 290 iktar ’il fuq, tali approċċ ma jistax jitqies bħala manifestament żbaljat.

310    Minn dan isegwi li l-argument tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja bbażat fuq l-allegazzjoni li la l-fatt li ttestjar li jitwettaq konformement mal-metodu Nru 308 ikun diffiċli li jitwettaq, u lanqas il-fatt li ma jkunx ċert li dan jippermetti li tinkiseb biżżejjed informazzjoni dwar ir-residwi li ma jistgħux jiġu estratti u l-metaboliti, ma kienu jipprekludu li jintalab it-twettiq ta’ dan l-ittestjar, għandu jiġi miċħud.

311    Għaldaqstant, l-argumenti kollha intiżi li jikkontestaw il-fondatezza tal-kunsiderazzjonijiet tal-Bord tal-Appell għandhom jiġu miċħuda u, għaldaqstant, għandhom jiġu miċħuda l-argumenti kollha dwar l-eżami tat-tielet parti tal-ewwel aggravju quddiem il-Bord tal-Appell.

2.      Fuq l-argumenti dwar l-eżami tat-tieni aggravju tal-appell quddiem il-Bord tal-Appell

312    Fil-punti 156 sa 161 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell eżamina u ċaħad it-tieni aggravju tal-appell quddiemu.

313    Fil-kuntest tat-tieni parti tar-raba’ motiv tar-rikors odjern, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja targumenta li, f’din il-parti tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell wettaq żball. Skont hi, fil-punt 159 tal-imsemmija deċiżjoni, dan il-bord eżerċita stħarriġ ta’ intensità eċċessiva u daħal fuq ir-rwol tal-Kumitat tal-Istati Membri.

314    L-ECHA, il-Kummissjoni u l-kumpanniji intervenjenti jikkontestaw dawn l-argumenti.

315    L-argumenti tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja bbażati fuq żball li jivvizzja l-punti 156 sa 161 tad-deċiżjoni kkontestata għandhom jiġu miċħuda bħala ineffettivi. Fil-fatt, bħalma jirriżulta mill-punt 34 iktar ’il fuq, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja titlob l-annullament tal-imsemmija deċiżjoni sa fejn il-Bord tal-Appell parzjalment annulla d-deċiżjoni tal-ECHA. Issa, il-punt 159 tad-deċiżjoni kkontestata jidħol f’parti minnha li fiha dan il-bord ċaħad it-tieni aggravju tal-appell imqajjem quddiemu.

316    Għaldaqstant, l-argumenti tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja dwar l-eżami tat-tieni aggravju quddiem il-Bord tal-Appell għandhom jiġu miċħuda.

3.      Fuq l-argumenti dwar it-tielet aggravju quddiem il-Bord tal-Appell u l-punt 3 tad-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata

317    Fil-paġna tad-deċiżjoni tagħha, l-ECHA kkonstatat li kien hemm evidenza li turi li l-benpat kien bijo-akkumulattiv u tossiku u li, peress li l-kriterji ta’ bijokumulazzjoni u ta’ tossiċità kienu ssodisfatti, kellu jiġi evalwat il-kriterju ta’ persistenza.

318    Fil-kuntest tat-tielet aggravju tal-appell quddiem il-Bord tal-Appell, il-kumpanniji intervenjenti argumentaw li l-kunsiderazzjonijiet tal-ECHA dwar in-natura bijo-akkumulattiva tal-benpat kienu vvizzjati bi żbalji.

319    Fil-punti 166 sa 171 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell eżamina dawn l-argumenti.

320    Fil-punt 166 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell irrileva li dawn il-kunsiderazzjonijiet tal-ECHA kienu jidħlu f’parti mid-deċiżjoni tagħha, li fiha hija kienet esponiet il-motivi li jiġġustifikaw it-talbiet għal informazzjoni addizzjonali dwar in-natura persistenti tal-benpat. Skont hu, f’dan il-kuntest, l-informazzjoni dwar in-natura bijo-akkumulattiva ta’ din is-sustanza ma kinitx rilevanti.

321    Fil-punti 167 sa 169 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell ikkonstata li l-konstatazzjoni tal-ECHA, li tipprovdi li l-benpat kien bijo-akkumulattiv, ma kellhiex tiġi inkluża fl-imsemmija deċiżjoni. Minn naħa, il-kumpanniji intervenjenti ma nstemgħux dwar dan il-punt, għaliex din il-konstatazzjoni ddaħħlet fl-abbozz ta’ deċiżjoni emendat wara l-kummenti tal-imsemmija kumpanniji fuq l-abbozz ta’ deċiżjoni u ebda proposta ta’ modifika ma ntbagħtet f’dan ir-rigward. Min-naħa l-oħra, il-konstatazzjoni inkwistjoni ma kinitx rilevanti fil-kuntest tar-raġjunament żviluppat mill-ECHA sabiex tiġġustifika t-talba tagħha għal informazzjoni addizzjonali dwar ir-riskju eventwali li l-benpat ikun persistenti.

322    Fil-punti 169 sa 171 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell espona li kellha tiġi mħassra l-konstatazzjoni tal-ECHA inkwistjoni mid-deċiżjoni tagħha. Madankollu, skont hu, dan l-iżball ma kellux effett fuq id-dispożittiv tad-deċiżjoni tal-ECHA, kien ineffettiv u għalhekk ma kienx jiġġustifika annullament tal-istess deċiżjoni.

323    Fil-punt 3 tad-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell “iddeċieda” li l-affermazzjoni dwar il-bijokumulazzjoni li tinsab fil-motivi tad-deċiżjoni tal-ECHA kellha tiġi mħassra minn din id-deċiżjoni tal-aħħar.

324    Fil-kuntest tat-tielet parti tas-sitt motiv, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja targumenta li l-Bord tal-Appell ma kienx imissu ddeċieda, fil-punt 3 tad-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata, li l-konstatazzjoni dwar il-bijokumulazzjoni li tinsab fil-motivi tad-deċiżjoni tal-ECHA kellha tiġi mħassra. Għall-kuntrarju, l-imsemmi bord kien imissu ċaħad it-tielet aggravju tal-appell quddiemu. Fl-ewwel lok, huwa kellu jiddistingwi l-aggravji ta’ din id-deċiżjoni tal-aħħar, li jirriflettu l-opinjoni tal-awtoritajiet tal-Istati Membri, mid-dispożittiv tal-istess deċiżjoni. Fihom infushom, l-imsemmija aggravji ma jiddeċidux proċedura minn qabel skont l-Artikolu 59 tar-Regolament Nru 1907/2006, li fiha l-eżistenza tal-proprjetajiet persistenti, bijo-akkumulattivi u tossiċi tas-sustanza huma evalwati u r-reġistranti huma mill-ġdid mismuha u involuti. L-affermazzjoni tal-ECHA dwar il-bijokumulazzjoni ma kinitx ta’ natura vinkolanti. Konstatazzjoni legalment vinkolanti f’dak li jirrigwarda n-natura bijo-akkumulattiva tal-benpat hija possibbli biss fil-kuntest ta’ proċedimenti oħrajn, per eżempju proċedimenti skont l-Artikolu 59 tal-imsemmi regolament. Din l-affermazzjoni ma setgħetx tiġi interpretata b’mod ħażin mid-destinatarji tad-deċiżjoni tal-ECHA. Barra minn hekk, l-ECHA ma hija suġġetta għal ebda obbligu legali li tillimita l-motivazzjoni tad-deċiżjonijiet tagħha għal dak li huwa strettament neċessarju. Fit-tieni lok, id-deċiżjoni kkontestata għadha vaga. L-imsemmi dispożittiv ma jipprevedix l-annullament tad-deċiżjoni tal-ECHA, iżda jirrakkomanda li parti mill-espożizzjoni tal-motivi tiġi mħassra, mingħajr ma jindika b’mod ċar la kif u lanqas minn min għandu jsir dan. Fit-tielet lok, il-kunsiderazzjoni tal-Bord tal-Appell li tipprovdi li t-tneħħija tal-konstatazzjoni tal-ECHA dwar in-natura bijo-akkumulattiva tal-benpat kienet iġġustifikata għaliex il-kumpanniji intervenjenti ma kinux instemgħu dwar dan il-punt, ma hijiex fondata. Fil-kuntest tal-proċedimenti quddiem l-ECHA, dawn il-kumpanniji qajmu argument ibbażat fuq l-allegazzjoni li t-talbiet għal informazzjoni addizzjonali dwar il-kriterju ta’ persistenza kienu sproporzjonati, għall-motiv li l-kriterju ta’ bijokumulazzjoni għadu ma huwiex iddefinit b’ċertezza. Il-konstatazzjoni inkwistjoni ssodisfat dan l-argument.

325    L-ECHA, sostnuta mill-Kummissjoni, tikkontesta dawn l-argumenti. Hija targumenta li l-affermazzjoni, li tinsab fid-deċiżjoni tal-ECHA, skont liema l-benpat kien bijo-akkumulattiv, ma kinitx iġġustifikata, u li kien jeżisti riskju li, f’kuntesti oħrajn, bħal fi proċedimenti nazzjonali jew proċedimenti ulterjuri intiżi li jiġu ddefiniti sustanzi ta’ tħassib serju ħafna fis-sens tat-Titolu VII tar-Regolament Nru 1907/2006, isir riferiment għal din l-affermazzjoni. Għaldaqstant, il-kumpanniji intervenjenti missu kellhom il-possibbiltà li jikkontestaw tali affermazzjoni. Barra minn hekk, jekk l-affermazzjoni inkwistjoni ma kellha ebda effett fuq il-kumplament tad-deċiżjoni tal-ECHA, bħalma argumentat ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, allura annullament tad-deċiżjoni kkontestata mill-Qorti Ġenerali f’dan ir-rigward lanqas ma jkollu effett fuq il-kumplament ta’ din id-deċiżjoni.

326    Min-naħa tagħhom, fl-ewwel lok, il-kumpanniji intervenjenti jargumentaw li l-affermazzjoni tal-ECHA skont liema il-benpat kien bijo-akkumulattiv kienet ibbażata fuq żbalji ta’ analiżi. Fit-tieni lok, huma jargumentaw li kien iġġustifikat li titħassar l-affermazzjoni inkwistjoni. Huma jargumentaw li huma kellhom id-dritt li jitolbu l-annullament ta’ din il-parti tad-deċiżjoni tal-ECHA. Huma jindikaw li, mingħajr dan it-tħassir, huma ma kienx ikollhom il-possibbiltà li jagħtu l-opinjoni tagħhom b’mod utli fir-rigward tal-kriterju ta’ bijokumulazzjoni li ma kellux postu fl-imsemmija deċiżjoni. Fit-tielet lok, huma jargumentaw li, anki jekk wieħed jassumi li d-dikjarazzjoni dwar il-bijokumulazzjoni fid-deċiżjoni inizjali ma tkunx definittiva, l-annullament tagħha ma jkollu ebda konsegwenza. Għalhekk ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma għandha ebda interess fl-annullament ta’ din il-parti tad-deċiżjoni kkontestata.

327    Fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma tqajjem ebda argument ta’ natura li juri n-natura żbaljata tal-konklużjoni tal-Bord tal-Appell, li tinsab fil-punt 169 tad-deċiżjoni kkontestata, li tipprovdi li l-affermazzjoni skont liema l-benpat kien bijo-akkumulattiv ma kellhiex tkun fil-paġna 7 tad-deċiżjoni tal-ECHA.

328    Fil-fatt, l-argumenti tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma jistgħux jikkontestaw b’mod validu l-kunsiderazzjoni tal-Bord tal-Appell, li tinsab fil-punt 166 tad-deċiżjoni kkontestata, li tipprovdi li l-affermazzjoni dwar in-natura bijo-akkumulattiva tal-benpat ma kinitx f’postha fil-parti tal-espożizzjoni tal-motivi tad-deċiżjoni tal-ECHA fejn din l-aġenzija kienet esponiet ir-raġunijiet li għalihom talba għal informazzjoni addizzjonali dwar in-natura persistenti tal-benpat kienet iġġustifikata.

329    L-argumenti tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja lanqas ma jistgħu jikkontestaw b’mod validu l-kunsiderazzjoni tal-Bord tal-Appell, li tinsab fil-punt 168 tad-deċiżjoni kkontestata, li tipprovdi li, fil-kuntest tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni meħuda dwar il-valutazzjoni ta’ sustanza, ma huwiex neċessarju li tingħata konklużjoni definittiva dwar in-natura bijo-akkumulattiva ta’ din is-sustanza. Fil-fatt, minkejja li, sabiex sustanza tiġi identifikata bħala li hija sustanza li għandha tiġi inkluża fl-Anness XIV bis-saħħa tal-Artikoli 57 u 59 tar-Regolament Nru 1907/2006, għandha tingħata konklużjoni definittiva dwar il-kriterju li jiġġustifika din l-inklużjoni, bħan-natura persistenti, bijo-akkumulattiva, tossika, bijo-akkumulattivi ħafna jew tossika ħafna ta’ din is-sustanza, dan ma huwiex neċessarju fil-kuntest tal-valutazzjoni ta’ sustanza sabiex tiġi ġġustifikata talba għal informazzjoni addizzjonali dwar sustanza. F’dan il-kuntest, huwa biżżejjed li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ riskju potenzjali.

330    Fit-tieni lok, għandu jiġi rrilevat li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell ma llimitax ruħu li jesponi, fil-kuntest tal-espożizzjoni tal-motivi, li l-ECHA ma kienx imissha sostniet fid-deċiżjoni tagħha li l-benpat kien bijo-akkumulattiv. Fil-fatt, bħalma jirriżulta mill-formulazzjoni tal-punt 3 tad-dispożittiv ta’ dik id-deċiżjoni, il-Bord tal-Appell “iddeċieda” li l-affermazzjoni dwar il-bijokumulazzjoni kellha tiġi mħassra mid-deċiżjoni tal-ECHA. F’dan il-kuntest, hemm lok jiġi rrilevat ukoll li, fil-punti l-oħrajn tal-imsemmi dispożittiv, l-imsemmi bord annulla parzjalment id-deċiżjoni tal-ECHA, ċaħad il-kumplament tal-appell, iffissa d-data li fiha kellha tiġi pprovduta l-informazzjoni mitluba u ddeċieda dwar l-ispejjeż.

331    L-ewwel nett, fid-dawl tal-formulazzjoni tal-punt 3 tad-deċiżjoni kkontestata u tal-kuntest tagħha, dan il-punt ma jistax jitqies li huwa punt mill-motivi tal-imsemmija deċiżjoni, iżda għandu jitqies bħala parti mid-dispożittiv ta’ dik id-deċiżjoni.

332    It-tieni nett, ma jistax jitqies li jekk jintlaqgħu l-argumenti tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja bbażati fuq l-allegazzjoni li l-Bord tal-Appell ma kienx imissu ddeċieda, fil-punt 3 tad-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata, li l-konstatazzjoni dwar il-bijokumulazzjoni li tinsab fil-motivi tad-deċiżjoni tal-ECHA kellha tiġi mħassra, ma għandhiex effett. Fil-fatt, peress li dan il-punt jagħmel parti mid-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata, jekk dawn l-argumenti kellhom jintlaqgħu, id-deċiżjoni kkontestata kien ikollha tiġi annullata parzjalment.

333    It-tielet nett, l-argument tal-kumpanniji intervenjenti, ibbażat fuq l-allegazzjoni li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma għandhiex interess ġuridiku f’dak li jirrigwarda l-annullament parzjali tad-deċiżjoni kkontestata, għandu jiġi miċħud.

334    F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed jitfakkar li l-Artikolu 263 TFUE jagħmel distinzjoni bejn id-dritt għal azzjoni għal annullament tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni u tal-Istati Membri, minn naħa, u dak tal-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, min-naħa l-oħra, peress li t-tieni paragrafu ta’ dan l-artikolu jagħti b’mod partikolari lil kull Stat Membru d-dritt li jikkontesta, permezz ta’ rikors għal annullament, il-legalità ta’ deċiżjoni ta’ aġenzija tal-Unjoni, mingħajr l-eżerċizzju ta’ dan id-dritt ma jkun suġġett għall-ġustifikazzjoni ta’ interess ġuridiku. Għalhekk Stat Membru ma għandux bżonn juri li att ta’ aġenzija li huwa jikkontesta jipproduċi effetti legali fil-konfront tiegħu sabiex l-azzjoni tiegħu tkun ammissibbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ April 2008, Ir-Renju tal-Olanda vs Il‑Kummissjoni, T‑233/04, EU:T:2008:102, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

335    Ir-raba nett, għandhom jintlaqgħu l-argumenti tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja li huma bbażati fuq l-allegazzjoni li l-Bord tal-Appell ma kienx imissu ddeċieda, fil-punt 3 tad-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata, li l-konstatazzjoni dwar il-bijokumulazzjoni li tinsab fil-motivi tad-deċiżjoni tal-ECHA għandha tiġi mħassra. Fil-fatt, bħalma espona l-imsemmi bord fil-punt 170 tad-deċiżjoni kkontestata, l-iżbalji li huwa kien identifika fil-punti 166 sa 169 tad-deċiżjoni tal-ECHA ma setgħux jikkontestaw id-dispożittiv ta’ din id-deċiżjoni tal-aħħar u t-tielet aggravju tal-appell quddiemu kien għalhekk ineffettiv. F’dawn iċ-ċirkustanzi, fid-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata, dan il-bord kien imissu sempliċement ċaħad dan l-aggravju.

336    Din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata mill-argument tal-ECHA bbażat fuq l-allegazzjoni li l-kumpanniji intervenjenti kien imissu kellhom il-possibbiltà li jikkontestaw l-affermazzjoni tal-imsemmija aġenzija dwar il-bijokumulazzjoni, fid-dawl tar-riskju li jsir riferiment għalih fi proċedimenti oħrajn.

337    Fil-fatt, minn naħa, peress li d-deċiżjoni tal-ECHA kienet tirrigwarda biss it-talbiet għal informazzjoni addizzjonali li din l-aġenzija kienet tqis neċessarji sabiex tkun tista’ titwettaq il-valutazzjoni tal-benpat f’dak li jirrigwarda r-riskju potenzjali li din is-sustanza tkun persistenti, l-affermazzjoni dwar in-natura bijo-akkumulattiva tal-benpat ma kinitx motiv tal-imsemmija deċiżjoni li d-dispożittiv ta’ din id-deċiżjoni kien ibbażat fuqha. F’dawn iċ-ċirkustanzi, xejn ma kien jipprekludi li dan il-motiv jiġi kkontestat fil-kuntest ta’ proċedura sussegwenti. Għaldaqstant, fl-ipoteżi li l-ECHA jew il-Kummissjoni jibbażaw ruħhom fuq l-affermazzjoni inkwistjoni f’tali proċedimenti, per eżempju proċedimenti li għandhom bħala suġġett li jiġi identifikat il-benpat bħala sustanza bijo-akkumulattiva, bis-saħħa tal-Artikoli 57 u 59 tar-Regolament Nru 1907/2006, xejn ma jipprekludi li l-kumpanniji intervenjenti jikkontestaw din l-affermazzjoni f’dawn il-proċedimenti jew, skont il-każ, f’appell quddiem il-Bord tal-Appell jew f’rikors quddiem il-qorti tal-Unjoni. Dan ikun il-każ ukoll fi proċedimenti quddiem l-awtoritajiet nazzjonali.

338    Min-naħa l-oħra, għandu jiġi kkonstatat li xejn ma jipprekludi li, fil-kuntest tal-motivazzjoni ta’ deċiżjoni, il-Bord tal-Appell jagħti deċiżjoni dwar argumenti mqajma quddiemu. Madankollu, meta dawn l-argumenti jkunu ineffettivi, dan ma jistax ikollu riperkussjonijiet fuq id-dispożittiv tad-deċiżjoni tiegħu.

339    Minn dan isegwi li t-tielet parti tas-sitt motiv għandha tintlaqa’, mingħajr ma jkun neċessarju li tingħata deċiżjoni dwar l-argumenti tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja intiżi li jintwera li, fil-punt 167 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell ma kienx imissu jikkonstata li d-drittijiet tad-difiża tal-kumpanniji intervenjenti kienu ġew miksura.

340    Għaldaqstant, il-punt 3 tad-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata għandu jiġi miċħud, u l-kumplament tar-rikors għandu jiġi miċħud.

 Fuq l-ispejjeż

341    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

342    F’dan il-każ, il-punt 3 tad-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata għandu, ċertament, jiġi annullat għar-raġunijiet esposti fil-punti 330 sa 340 iktar ’il fuq. Madankollu, bħalma ġie espost fil-punti 327 sa 329 iktar ’il fuq, il-Bord tal-Appell seta’ jikkonstata, fl-espożizzjoni tal-motivi tal-imsemmija deċiżjoni, li l-ECHA ma kienx imissha argumentat li l-benpat kien bijo-akkumulattiv. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-annullament tal-punt 3 tal-imsemmi dispożittiv ma jistax jitqies bħala sostantiv fid-dawl tat-tqassim tal-ispejjeż. Peress li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja tilfet fit-talbiet ewlenin, hija għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż sostnuti mill-ECHA u mill-kumpanniji intervenjenti, kif mitlub minnhom.

343    Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, l-istituzzjonijiet li jintervjenu fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom. Għalhekk, il-Kummissjoni għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-Deċiżjoni A-026-2015 tal-Bord tal-Appell tal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA) tat8 ta’ Settembru 2017, hija annullata sa fejn, fil-punt 3 tad-dispożittiv ta’ dik id-deċiżjoni, il-Bord tal-Appell iddeċieda li l-affermazzjoni dwar il-bijokumulazzjoni li tinsab fl-espożizzjoni tal-motivi tad-Deċiżjoni tal-ECHA tal1 ta’ Ottubru 2015 li teżiġi t-twettiq ta’ testijiet addizzjonali dwar is-sustanza benpat (CAS 68953844) għandha tiġi mħassra.

2)      Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

3)      Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha, l-ispejjeż sostnuti mill-ECHA, kif ukoll dawk sostnuti minn Envigo Consulting Ltd u Djchem Chemicals Poland S.A.

4)      Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

Gratsias

Labucka

Dittrich

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl-20 ta’ Settembru 2019.

Firem


Werrej



*      Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.