Language of document : ECLI:EU:T:2023:521

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla)

6 ta’ Settembru 2023 (*)

“Klawżola ta’ arbitraġġ – Programm speċifiku ta’ riċerka u żvilupp fil-qasam ‘Kwalità tal-ħajja u ġestjoni tar-riżorsi ħajjin’ – Kuntratt ta’ sussidju – Rapport ta’ investigazzjoni tal-OLAF li kkonstata irregolaritajiet finanzjarji – Rimbors tas-somom imħallsa – Dritt applikabbli – Preskrizzjoni – Impatt tar-rapport tal-OLAF”

Fil-Kawża T‑748/20,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn J. Estrada de Solà u M. Ilkova, bħala aġenti, assistiti minn E. Bouttier, avocat,

rikorrenti,

vs

Centre d’étude u de valorisation des algues SA (CEVA), stabbilit fi Pleubian (Franza), irrappreżentat minn A. Raccah, avocat,

SELARL AJIRE, stabbilita f’Rennes (Franza),

u

SELARL TCA, stabbilita f’Saint-Brieuc (Franza),

konvenuti,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla),

komposta, waqt id-deliberazzjonijiet, minn R. da Silva Passos, President, V. Valančius (Relatur) u L. Truchot, Imħallfin,

Reġistratur: H. Eriksson, Amministratriċi,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura,

wara s-seduta tal‑11 ta’ Novembru 2022,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tar-rikors tagħha bbażat fuq l-Artikolu 272 TFUE, il-Kummissjoni Ewropea titlob, essenzjalment, l-iffissar tal-ammont tal-kreditu tagħha li jikkorrispondi għar-rimbors tas-sussidji mħallsa fil-kuntest tal-kuntratt ta’ finanzjament konkluż maċ-Centre d’étude et de valorisation des algues SA (iċ-Ċentru għall-Istudju u għall-Irkupru tal-Alka SA) (CEVA) għall-implimentazzjoni ta’ proġett fil-kuntest tal-programm speċifiku ta’ riċerka u żvilupp intitolat “Kwalità tal-ħajja u ġestjoni tar-riżorsi ħajjin”.

 Ilfatti li wasslu għallkawża

2        Fis‑17 ta’ Jannar 2001, il-Kummissjoni kkonkludiet kuntratt maċ-CEVA li kellu bħala għan l-implimentazzjoni ta’ proġett fil-kuntest tal-programm speċifiku ta’ riċerka u żvilupp intitolat “Kwalità tal-ħajja u ġestjoni tar-riżorsi ħajjin” (iktar ’il quddiem il-“proġett Seapura”) u li jipprevedi l-ħlas ta’ sussidju fl-ammont ta’ EUR 123 735 (iktar ’il quddiem il-“kuntratt Seapura”).

3        Matul is-sena 2006, l-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) fetaħ investigazzjoni minħabba suspetti ta’ frodi fir-rigward ta’ diversi proġetti implimentati miċ-CEVA, fosthom dak li huwa s-suġġett tal-kuntratt Seapura.

4        Fil‑11 ta’ Diċembru 2007, l-OLAF adotta r-rapport definittiv tiegħu (iktar ’il quddiem ir-“rapport tal-OLAF”), li fih ikkonstata, fil-kuntest tal-eżekuzzjoni tal-kuntratt Seapura, irregolaritajiet li jikkonsistu, b’mod partikolari, f’falsifikazzjoni tad-dikjarazzjonijiet tal-ħinijiet tal-persunal taċ-CEVA.

5        Permezz ta’ ittra tad‑29 ta’ Ottubru 2008, il-Kummissjoni informat liċ-CEVA li, minħabba irregolaritajiet finanzjarji serji kkonstatati fir-rapport tal-OLAF, hija kellha l-intenzjoni li toħroġ fir-rigward tiegħu noti ta’ debitu fl-ammont ta’ EUR 123 735, somma miżjuda bl-interessi, għall-finijiet tal-ħlas lura tas-sussidju mħallas taħt il-kuntratt Seapura, filwaqt li stiednet liċ-CEVA sabiex jagħmel l-osservazzjonijiet tiegħu.

6        Fit‑13 ta’ Marzu 2009, il-Kummissjoni bagħtet liċ-CEVA erba’ noti ta’ debitu għal ammont totali ta’ EUR 168 220.16 (iktar ’il quddiem in-“noti ta’ debitu”).

7        Fil‑11 ta’ Mejju 2009, peress li ċ-CEVA ma aġixxiex fuq in-noti ta’ debitu, il-Kummissjoni bagħtitlu erba’ ittri ta’ tfakkira (iktar ’il quddiem l-“ittri ta’ tfakkira”).

8        Fit‑12 ta’ Ġunju 2009, fl-assenza ta’ ħlas min-naħa taċ-CEVA, il-Kummissjoni bagħtitlu erba’ ittri ta’ intimazzjoni.

9        Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis‑17 ta’ Lulju 2009, iċ-CEVA ppreżenta rikors, irreġistrat bin-numru T‑285/09, intiż għall-annullament tal-ittri ta’ tfakkira.

10      Permezz ta’ sentenza tal‑15 ta’ Settembru 2011, CEVA vs Il‑Kummissjoni (T‑285/09, mhux ippubblikata, EU:T:2011:479), il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors bħala inammissibbli, minħabba li, min-natura nfisha tagħhom, l-ittri ta’ tfakkira ma kinux jikkostitwixxu deċiżjonijiet amministrattivi li l-annullament tagħhom seta’ jintalab skont l-Artikolu 263 TFUE.

11      Permezz ta’ sentenza tat-tribunal correctionnel de Rennes (il-Qorti Kriminali ta’ Rennes, Franza) tas‑26 ta’ April 2011, iċ-CEVA u l-ex direttur tiegħu nstabu ħatja ta’ frodi kif ukoll ta’ misapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi u kkundannati, rispettivament, għal multa ta’ EUR 80 000 u għal piena sospiża ta’ priġunerija ta’ 18‑il xahar.

12      Fid-deċiżjoni tagħha dwar l-azzjoni ċivili eżerċitata mill-Kummissjoni, it-tribunal correctionnel de Rennes (il-Qorti Kriminali ta’ Rennes) ikkundannat lill-akkużati, parzjalment in solidum, iħallsu lill-Kummissjoni s-somma ta’ EUR 303 631 bħala kumpens għad-dannu materjali subit, b’mod partikolari minħabba l-irregolaritajiet finanzjarji mwettqa fl-implimentazzjoni tal-kuntratt Seapura.

13      Permezz ta’ sentenza tal‑1 ta’ April 2014, il-cour d’appel de Rennes (il-Qorti tal-Appell ta’ Rennes, Franza) ħelset liċ-CEVA u lill-ex direttur tiegħu mill-kapijiet ta’ akkuża kollha u ċaħdet l-azzjoni ċivili tal-Kummissjoni.

14      Permezz ta’ sentenza tat‑12 ta’ Novembru 2015, l-Awla Kriminali tal-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni, Franza), fuq talba mill-Prosekutur Ġenerali quddiem il-cour d’appel de Rennes (il-Qorti tal-Appell ta’ Rennes), annullat is-sentenza tal-imsemmija qorti tal‑1 ta’ April 2014 biss fid-dispożizzjonijiet tagħha li ddikjaraw il-ħelsien tal-akkużati mill-kap ta’ misapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi u f’dan ir-rigward bagħtet il-kawża quddiem il-cour d’appel de Caen (il-Qorti tal-Appell ta’ Caen, Franza).

15      Permezz ta’ sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2016, it-tribunal de commerce de Saint-Brieuc (il-Qorti Kummerċjali ta’ Saint-Brieuc, Franza) fetħet proċedura ta’ salvagwardja fir-rigward taċ-CEVA u ħatret lis-SELARL TCA bħala rappreżentant ġudizzjarju (iktar ’il quddiem “TCA”).

16      Fil‑15 ta’ Settembru 2016, il-Kummissjoni, fil-kuntest ta’ din il-proċedura, iddikjarat f’idejn TCA kreditu li jikkorrispondi għall-ammont totali tan-noti ta’ debitu maħruġa sabiex tikseb il-ħlas lura tas-sussidji mħallsa, b’mod partikolari, taħt il-kuntratt Seapura, għal somma prinċipali ta’ EUR 289 012,95, flimkien mal-interessi moratorji, jiġifieri, b’kollox, EUR 431 002.18.

17      Fis‑6 ta’ Diċembru 2016, TCA kkontestat il-kreditu tal-Kummissjoni.

18      Permezz ta’ sentenza tal‑21 ta’ Lulju 2017, it-tribunal de commerce de Saint-Brieuc (il-Qorti Kummerċjali ta’ Saint-Brieuc) stabbilixxiet il-pjan ta’ salvagwardja taċ-CEVA u ħatret lis-SELARL AJIRE bħala amministratur għall-eżekuzzjoni tal-pjan ta’ salvagwardja (iktar ’il quddiem “AJIRE”).

19      Permezz ta’ sentenza tat‑23 ta’ Awwissu 2017, li saret definittiva, il-cour d’appel de Caen (il-Qorti tal-Appell ta’ Caen), li ddeċidiet fuq rinviju wara l-kassazzjoni, ħelset liċ-CEVA mill-kap ta’ misapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi u kkundannat lill-ex direttur tiegħu għal piena sospiża ta’ sena priġunerija u għal multa ta’ EUR 20 000 għal misapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi.

20      Permezz ta’ digriet tal‑11 ta’ Settembru 2017, l-imħallef superviżorju fil-proċedura ta’ salvagwardja ċaħad fl-intier tiegħu l-kreditu tal-Kummissjoni (iktar ’il quddiem id-“digriet tal-imħallef superviżorju”).

21      Il-Kummissjoni appellat mid-digriet tal-imħallef superviżorju.

22      Permezz ta’ sentenza tal‑24 ta’ Novembru 2020, il-cour d’appel de Rennes (il-Qorti tal-Appell ta’ Rennes) annullat id-digriet tal-imħallef superviżorju u kkonstatat l-eżistenza ta’ żewġ kontestazzjonijiet serji, fir-rigward tal-preskrizzjoni u tal-fondatezza tan-noti ta’ debitu, filwaqt li kkunsidrat li dawn il-kontestazzjonijiet kellhom jiġu deċiżi mill-qorti kompetenti, u li kienet il-Kummissjoni li kellha tadixxi lil din tal-aħħar.

 Ittalbiet talpartijiet

23      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tikkundanna liċ-CEVA jħallasha s-somma ta’ EUR 234 491.02, jiġifieri ammont ta’ EUR 168 220.16 miżjud b’EUR 66 270.86 bħala interessi moratorji;

–        tikkundanna liċ-CEVA għall-ispejjeż.

24      Iċ-CEVA jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ħlas ta’ EUR 30 000 bħala spejjeż.

25      Peress li TCA u AJIRE ma ppreżentawx risposta fit-terminu previst fl-Artikolu 81 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni, skont l-Artikolu 123(1) tal-imsemmija Regoli tal-Proċedura, talbet lill-Qorti Ġenerali tilqa’ t-talbiet tagħha sa fejn it-talba tagħha kienet diretta kontra TCA u AJIRE.

26      Fir-rikors promotur, il-Kummissjoni speċifikat li, skont l-Artikoli L.622–22 u L.626–25 tal-code de commerce français (il-Kodiċi tal-Kummerċ Franċiż), hija kellha tħarrek lir-rappreżentant ġudizzjarju u lill-amministratur għall-eżekuzzjoni tal-pjan ta’ salvagwardja taċ-CEVA, jiġifieri TCA u AJIRE, raġuni li għaliha hija ħatret lil dawn il-kumpanniji bħala konvenuti, flimkien maċ-CEVA.

27      Waqt is-seduta tal‑11 ta’ Novembru 2022, il-Kummissjoni indikat, bi tweġiba għal mistoqsija tal-Qorti Ġenerali, li hija ma kinitx qiegħda titlob il-kundanna tal-konvenut, iżda l-iffissar tal-ammont tad-dejn dovut lilha, u ttieħdet nota ta’ dan fil-minuti tas-seduta. Hija speċifikat ukoll li, permezz tat-talba tagħha, hija ma kinitx qed tirreferi għal TCA u AJIRE u, konsegwentement, li hija ma kinitx qiegħda titlob lill-Qorti Ġenerali tikkonstata li dawn tal-aħħar kienu obbligati jirrimborsaw is-somom imħallsa fil-kuntest tal-eżekuzzjoni tal-kuntratt Seapura.

 Iddritt

28      Skont l-Artikolu 272 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi bis-saħħa ta’ klawżola tal-arbitraġġ li tkun tinsab f’kuntratt, irregolat mid-dritt pubbliku jew privat, li jkun sar mill-Unjoni Ewropea jew f’isimha. Skont l-Artikolu 256(1) TFUE, il-Qorti Ġenerali għandha ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni fl-ewwel istanza tar-rikorsi msemmija fl-Artikolu 272 TFUE.

29      F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 5(2) tal-kuntratt Seapura jinkludi klawżola ta’ arbitraġġ li tipprovdi li t-tilwim kollu li jirrigwarda dan il-ftehim għandu jitressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali għandha ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni ta’ dan ir-rikors.

 Fuq ilpreskrizzjoni tattalba talKummissjoni

30      Fir-risposta tiegħu, iċ-CEVA jeċċepixxi l-inammissibbiltà tar-rikors minħabba li l-azzjoni mressqa mill-Kummissjoni hija preskritta kemm fid-dritt Belġjan kif ukoll fid-dritt tal-Unjoni.

31      Il-Kummissjoni ssostni, l-ewwel, li l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma miċ-CEVA hija inammissibbli minħabba li l-eċċezzjoni ta’ preskrizzjoni ma tirrigwardax l-ammissibbiltà, iżda tirrigwarda l-mertu, u, it-tieni, li t-terminu ta’ preskrizzjoni għadu ma skadiex, la fid-dritt Belġjan u lanqas fid-dritt tal-Unjoni.

32      F’dan il-każ, l-Artikolu 5(1) tal-kuntratt Seapura jistabbilixxi li “il-kuntratt huwa rregolat mid-dritt Belġjan”.

33      Madankollu, il-Kummissjoni ssostni, fit-tweġiba tagħha għal mistoqsija bil-miktub tal-Qorti Ġenerali li hija kkonfermat waqt is-seduta, li r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal‑25 ta’ Ġunju 2002 rigward ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 4, p. 74), kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1995/2006 tat‑13 ta’ Diċembru 2006 (ĠU 2006, L 390, p. 1, rettifika fil-ĠU 2008, L 48, p. 88), kien applikabbli fil-jum tal-ħruġ tan-noti ta’ debitu, jiġifieri fit‑13 ta’ Marzu 2009.

34      Iċ-CEVA jsostni li r-regolamenti finanzjarji invokati mill-Kummissjoni ma jistgħux japplikaw għal sitwazzjoni preċedenti għad-dħul fis-seħħ tagħhom.

35      Iċ-CEVA jispjega li, fid-data tal-iffirmar tal-kuntratt Seapura, jiġifieri fis‑17 ta’ Jannar 2001, il-verżjoni tar-Regolament Finanzjarju applikabbli kienet ir-Regolament Finanzjarju, tal‑21 ta’ Diċembru 1977, applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU 1977, L 356, p. 1), kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE, KEFA, Euratom) Nru 2548/98 tat‑23 ta’ Novembru 1998 (ĠU 1998, L 320, p. 1, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Finanzjarju Nru 2548/98”), u li din il-verżjoni tar-Regolament Finanzjarju ma kinitx tinkludi regoli ta’ preskrizzjoni.

36      Fir-rigward tal-verżjoni tar-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-fatti ta’ dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li, fid-data tal-konklużjoni tal-kuntratt Seapura, il-verżjoni tar-Regolament Finanzjarju applikabbli, jiġifieri r-Regolament Finanzjarju Nru 2548/98, ma kinitx tipprevedi dispożizzjonijiet partikolari dwar it-terminu ta’ preskrizzjoni, u lanqas dwar il-modi ta’ interruzzjoni tal-preskrizzjoni.

37      Għaldaqstant, ir-regoli ta’ preskrizzjoni applikabbli f’dan il-każ huma dawk previsti mil-liġi li tirregola l-kuntratt, jiġifieri d-dritt Belġjan.

38      Fid-dritt Belġjan, l-Artikolu 2262a(1) tal-Kodiċi Ċivili Belġjan, li japplika għall-azzjonijiet kuntrattwali, jipprevedi li “l-azzjonijiet personali kollha huma preskritti wara għaxar snin”.

39      Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li, skont l-Artikolu 2257 tal-Kodiċi Ċivili Belġjan, il-preskrizzjoni tal-azzjonijiet personali tibda tiddekorri mill-jum ta’ wara dak li fih id-dejn isir dovut.

40      Minn naħa, huwa paċifiku li din il-kawża hija ta’ natura kuntrattwali. Għandu jiġi osservat li l-Artikolu 3(5) tal-Anness II tal-kuntratt Seapura jistabbilixxi li “[w]ara d-data ta’ konklużjoni tal-kuntratt, it-tħassir tal-kuntratt jew it-tmiem tal-parteċipazzjoni ta’ parti kontraenti, il-Kummissjoni tista’ tordna jew għandha tordna, skont il-każ, mingħand il-parti kontraenti, minħabba frodi jew irregolaritajiet finanzjarji serji kkonstatati fil-kuntest ta’ verifika, ir-rimbors tal-kontribuzzjoni Komunitarja kollha li tħallsitilha”.

41      Mill-kliem ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta li l-partijiet fil-kuntratt Seapura qablu li r-rimbors tal-kontribuzzjoni kollha tal-Unjoni mħallsa liċ-CEVA minħabba frodi jew irregolaritajiet finanzjarji serji kkonstatati fil-kuntest ta’ verifika huwa suġġett għal talba għal rimbors minn qabel ifformulata mill-Kummissjoni.

42      Għal dan l-għan, fit‑13 ta’ Marzu 2009, il-Kummissjoni bagħtet liċ-CEVA erba’ noti ta’ debitu li kienu intiżi għall-irkupru tal-kreditu tagħha. Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li kien f’din id-data li l-Kummissjoni talbet mingħand iċ-CEVA r-rimbors tas-somom li dan tal-aħħar kien irċieva taħt il-kuntratt Seapura.

43      F’dawn iċ-ċirkustanzi, skont l-istipulazzjonijiet tal-Artikolu 3(5) tal-Anness II tal-kuntratt Seapura, il-kreditu tal-Kummissjoni sar dovut mit‑13 ta’ Marzu 2009.

44      Min-naħa l-oħra, għandu jiġi kkonstatat li ċ-CEVA ma ressaqx argumenti speċifiċi li jippermettu li jiġi stabbilit li l-kreditu kien sar dovut qabel it‑13 ta’ Marzu 2009.

45      B’hekk, it-terminu ta’ għaxar snin li matulu l-Kummissjoni setgħet teżerċita l-azzjoni tagħha fil-konfront taċ-CEVA beda jiddekorri mill-jum ta’ wara dak li fih l-obbligu sar dovut, jiġifieri l‑14 ta’ Marzu 2009, konformement mal-Artikolu 2257 tal-Kodiċi Ċivili Belġjan imsemmi fil-punt 39 iktar ’il fuq.

46      Konsegwentement, għandu jiġi kkunsidrat li t-terminu ta’ preskrizzjoni kien jiskadi bħala prinċipju fl‑14 ta’ Marzu 2019.

47      F’dan il-każ, il-Kummissjoni ssostni li t-terminu ta’ preskrizzjoni ġie interrott darbtejn, l-ewwel, mal-kostituzzjoni tagħha bħala parti ċivili quddiem it-tribunal correctionnel de Rennes (il-Qorti Kriminali ta’ Rennes) fis‑26 ta’ April 2011 u, it-tieni, waqt id-dikjarazzjoni tagħha ta’ kreditu rregolarizzata fil‑15 ta’ Settembru 2016 fil-kuntest tal-proċedura ta’ salvagwardja li tirrigwarda ċ-CEVA.

48      F’dan ir-rigward, għandu jiġi eżaminat biss jekk it-terminu ta’ preskrizzjoni setax jiġi interrott b’mod validu permezz tad-dikjarazzjoni ta’ kreditu ppreżentata mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-proċedura ta’ salvagwardja li tirrigwarda ċ-CEVA, mingħajr ma huwa neċessarju li jiġu eżaminati wkoll l-effetti tal-kostituzzjoni ta’ parti ċivili mressqa mill-Kummissjoni quddiem it-tribunal correctionnel de Rennes (il-Qorti Kriminali ta’ Rennes).

49      Fil-fatt, il-Kummissjoni ssostni li l-kreditu tagħha ġie ddikjarat quddiem TCA fil‑15 ta’ Settembru 2016 u li, skont il-ġurisprudenza tal-Cour de cassation Belġjana, dikjarazzjoni ta’ kreditu tinterrompi l-preskrizzjoni sal-għeluq tal-proċedura ta’ insolvenza.

50      Il-Kummissjoni żżid li hija tista’ tibbenefika mill-proċeduri Franċiżi sabiex tinvoka s-“sospensjoni” tat-terminu ta’ preskrizzjoni fuq il-bażi tad-dritt Belġjan.

51      Iċ-CEVA jikkontesta l-argument tal-Kummissjoni billi jsostni li l-proċedura ta’ salvagwardja miftuħa fi Franza hija indipendenti mir-relazzjonijiet kuntrattwali inkwistjoni, peress li l-kreditu tal-Kummissjoni huwa kkontestat u ma ġiex irrikonoxxut ġudizzjarjament.

52      F’dan il-każ, għandu jitfakkar li, fit‑22 ta’ Ġunju 2016, it-tribunal de commerce de Saint-Brieuc (il-Qorti Kummerċjali ta’ Saint-Brieuc) fetħet proċedura ta’ salvagwardja fir-rigward taċ-CEVA. Fil‑15 ta’ Settembru 2016, il-Kummissjoni, fil-kuntest ta’ din il-proċedura, iddikjarat il-kreditu tagħha lil TCA.

53      Fil-fatt, mill-Artikolu L.622–24 tal-Kodiċi tal-Kummerċ Franċiż jirriżulta li, mill-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ salvagwardja, il-kredituri kollha li l-kreditu tagħhom inħoloq qabel is-sentenza tal-ftuħ, bl-eċċezzjoni tal-impjegati, għandhom jindirizzaw id-dikjarazzjoni tal-krediti tagħhom lir-rappreżentant ġudizzjarju. Huwa għalhekk abbażi ta’ din id-dispożizzjoni li l-Kummissjoni, fil-kuntest tal-proċedura ta’ salvagwardja miftuħa fir-rigward taċ-CEVA, iddikjarat il-kreditu tagħha lil TCA.

54      Barra minn hekk, l-Artikolu L.622–25–1 tal-Kodiċi tal-Kummerċ Franċiż jipprevedi: “Id-dikjarazzjoni ta’ kreditu tinterrompi l-preskrizzjoni sakemm tingħalaq il-proċedura; hija teżenta minn kull intimazzjoni u tikkostitwixxi att ta’ prosekuzzjoni.”

55      F’dan ir-rigward, għandu qabelxejn jiġi kkonstatat li, kif sostniet il-Kummissjoni bi tweġiba għal mistoqsija magħmula fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, il-ftuħ tal-proċedura ta’ salvagwardja fi Franza twassal għall-applikabbiltà diretta tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1346/2000 tad‑29 ta’ Mejju 2000 dwar proċedimenti ta’ falliment (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 1, p. 191), li dak iż-żmien kien fis-seħħ u li dan tal-aħħar indika d-dritt Franċiż bħala lex concursus.

56      Għandu jiġi osservat li, skont l-Artikolu 4(2)(f) tar-Regolament Nru 1346/2000, “[i]l-liġi ta’ l-Istat tal-ftuħ tal-proċedimenti għandha tiddetermina l-kondizzjonijiet tal-ftuħ ta’ dawk il-proċedimenti[ta’ insolvenza], il-manjiera tagħhom u l-egħluq tagħhom”, u b’mod partikolari “l-effetti tal-proċedimenti ta’ falliment [insolvenza] fuq il-proċedimenti miġjuba minn kredituri individwali”. Barra minn hekk, l-Artikolu 16(1) tal-istess regolament jipprevedi li “[ġ]udizzju li jiftaħ il-proċedimenti ta’ falliment [insolvenza] mogħti minn qorti ta’ Stat Membru li jkollu l-ġurisdizzjoni bis-saħħa ta’ l-Artikolu 3 għandu jkun magħruf fl-Istati Membri kollha mill-waqt li jsir effettiv fl-Istat li jiftaħ il-proċedimenti.” Skont l-Artikolu 17(1) ta’ dan ir-regolament, “[i]l-ġudizzju li jiftaħ il-proċedimenti msemmija fl-Artikolu 3(1) għandu, mingħajr aktar formalitajiet, jipproduċi l-istess effetti f’xi Stat Membru ieħor hekk kif jagħmel b’din il-liġi ta’ l-Istat li jiftaħ il-proċedimenti, sa kemm dan ir-Regolament ma jipprovdix mod ieħor u sa kemm l-ebda proċedimenti msemmija fl-Artikolu 3(2) ma jkunux nfteħu f’xi Stat Membru ieħor”.

57      Minn dan isegwi, abbażi tad-dispożizzjonijiet preċedenti, li għandu jiġi kkunsidrat li l-ftuħ, fi Franza, tal-proċedura ta’ salvagwardja fir-rigward taċ-CEVA u d-dikjarazzjoni konsekuttiva magħmula mill-Kummissjoni fil-kuntest ta’ din il-proċedura ta’ salvagwardja pproduċew, skont id-dritt Franċiż u b’mod partikolari skont l-Artikolu L.622–25–1 tal-Kodiċi tal-Kummerċ Franċiż, effetti fid-dritt Belġjan u, b’mod iktar preċiż, li huwa interrompa t-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ għaxar snin previst minn dan id-dritt. L-effetti marbuta mal-ftuħ tal-proċedura ta’ salvagwardja miftuħa fir-rigward taċ-CEVA jkunu fil-fatt miksura jekk id-dikjarazzjoni ta’ kreditu magħmula fi Franza mill-Kummissjoni fil‑15 ta’ Settembru 2016 ma tipproduċix effett ta’ interruzzjoni tal-preskrizzjoni fid-dritt Belġjan.

58      F’dawn iċ-ċirkustanzi, peress li din it-talba tressqet fid‑19 ta’ Diċembru 2020, għandu jiġi kkonstatat li l-preskrizzjoni ma skadietx f’dan il-każ.

59      Għaldaqstant, l-eċċezzjoni ta’ preskrizzjoni mqajma miċ-CEVA għandha tiġi miċħuda.

 Fuq ilfondatezza tattalba

60      Insostenn tat-talba tagħha, il-Kummissjoni titlob ir-rimbors tas-somom kollha mħallsa liċ-CEVA fil-kuntest tal-kuntratt Seapura, miżjuda bl-interessi moratorji.

61      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, sa fejn hija adita taħt klawżola ta’ arbitraġġ abbażi tal-Artikolu 272 TFUE, il-Qorti Ġenerali għandha tiddeċiedi t-tilwima abbażi tad-dritt sostantiv applikabbli għall-kuntratt (sentenza tal‑1 ta’ Marzu 2017, Universiteit Antwerpen vs REA, T‑208/15, mhux ippubblikata, EU:T:2017:136, punt 53).

62      F’dan il-każ, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 5(1) tal-kuntratt Seapura, id-dritt sostantiv applikabbli għall-imsemmi kuntratt huwa d-dritt Belġjan.

63      Fir-rigward tar-regoli li jirregolaw l-eżekuzzjoni u l-interpretazzjoni tal-kuntratti fid-dritt Belġjan, it-tielet paragrafu tal-Artikolu 1134 tal-Kodiċi Ċivili Belġjan li kien fis-seħħ dak iż-żmien jipprovdi li “[il-kuntratti magħmula legalment] għandhom jiġu eżegwiti in bona fide”.

64      Skont l-Artikolu 1147 tal-Kodiċi Ċivili Belġjan li kien fis-seħħ f’dak iż-żmien, id-debitur huwa kkundannat, jekk ikun hemm lok, għal-ħlas tad-danni, minħabba n-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tal-obbligu, jew minħabba d-dewmien fl-eżekuzzjoni, kull meta ma jiġġustifikax li n-nuqqas ta’ eżekuzzjoni jkun dovut għal kawża esterna li ma tistax tiġi attribwita lilu, minkejja li ma jkun hemm l-ebda mala fide min-naħa tiegħu.

65      Huwa fid-dawl ta’ dawn id-dispożizzjonijiet li għandu jiġi eżaminat jekk iċ-CEVA wettaqx irregolaritajiet fl-eżekuzzjoni tal-kuntratt Seapura kif issostni l-Kummissjoni.

 Dwar irrapport talOLAF

66      Il-Kummissjoni tibbaża t-talba tagħha fuq id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 1147 tal-Kodiċi Ċivili Belġjan li dak iż-żmien kien fis-seħħ u tal-Artikolu 3(5) tal-Anness II tal-kuntratt Seapura msemmi fil-punt 40 hawn fuq.

67      Hija ssostni li r-rapport tal-OLAF ikkonstata l-eżistenza ta’ irregolaritajiet finanzjarji serji min-naħa taċ-CEVA fl-eżekuzzjoni tal-kuntratt Seapura.

68      Għalhekk, abbażi tal-Artikolu 3(5) tal-Anness II tal-kuntratt Seapura, hija għandha d-dritt titlob ir-rimbors tas-sussidju kollu li hija ħallset liċ-CEVA.

69      Iċ-CEVA jikkontesta dan l-argument u jsostni, l-ewwel, li l-investigazzjoni tal-OLAF ma kinitx tirrigwarda l-proġett marbut mal-kuntratt Seapura u, it-tieni, li r-rapport tal-OLAF ma rabatx l-irregolaritajiet identifikati mal-kuntratt Seapura.

70      F’dan ir-rigward, għandu, qabel kollox, jiġi rrilevat, kif issostni ġustament il-Kummissjoni, li l-investigazzjoni tal-OLAF dwar iċ-CEVA kienet tirrigwarda żewġ partijiet, l-ewwel waħda kienet tirrigwarda l-infiq dirett u t-tieni waħda l-fondi strutturali.

71      Sussegwentement, għandu jiġi speċifikat li l-investigazzjoni tal-OLAF kienet tirrigwarda prinċipalment żewġ tipi ta’ aġir li wasslu għal suspetti, jiġifieri, l-ewwel, falsifikazzjoni tad-dikjarazzjonijiet tal-ħinijiet tal-persunal u, it-tieni, il-plaġjariżmu ta’ dokumenti xjentifiċi fid-diversi proġetti taċ-CEVA.

72      F’dan il-każ, ir-rapport tal-OLAF jikkonkludi b’mod espliċitu li jeżistu irregolaritajiet finanzjarji serji li jikkonċernaw il-proġetti kollha taċ-CEVA, inkluż il-kuntratt Seapura. Kif issostni wkoll ġustament il-Kummissjoni, in-natura orizzontali tal-qasam tal-investigazzjoni tal-OLAF kienet neċessarjament tinkludi l-kuntratt Seapura.

73      Għaldaqstant, l-argument taċ-CEVA li l-investigazzjoni u r-rapport tal-OLAF ma kinux jirrigwardaw il-proġett Seapura ma jistax jintlaqa’.

74      Fir-rigward, fl-aħħar nett, l-irregolaritajiet finanzjarji serji kkonstatati mir-rapport tal-OLAF, għandu jiġi osservat li, kif isostni ċ-CEVA, peress li ma identifikax id-dokumenti li allegatament kienu s-suġġett ta’ plaġjariżmu, ir-rapport tal-OLAF ma stabbilixxiex l-allegazzjoni ta’ plaġjariżmu ta’ dokumenti xjentifiċi rigward il-proġett Seapura.

75      Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-allegazzjoni ta’ falsifikazzjoni tad-dikjarazzjonijiet tal-ħinijiet tal-persunal, ir-rapport tal-OLAF juri li ċ-CEVA kien stabbilixxa diversi verżjonijiet ta’ skedi tal-ġestjoni tal-ħin għall-proġetti li għalihom huwa kellu l-obbligu li jiġġustifika l-ispejjeż, u b’hekk wera manipulazzjonijiet fuq il-ħin tax-xogħol tal-persunal tiegħu, b’mod partikolari, għall-proġetti Ewropej, sabiex jirrilaxxa l-massimu tal-fondi allokati għal kull proġett.

76      Barra minn hekk, kif issostni l-Kummissjoni, ir-rapport tal-OLAF jidentifika anomaliji mhux biss fis-sistema ta’ kalkolu tas-sigħat, iżda wkoll fit-tqassim ta’ dawn is-sigħat fuq id-diversi proġetti li fosthom kien hemm il-proġett Seapura. Fil-fatt, minn dan ir-rapport jirriżulta li l-investigaturi wettqu studju trażversali tad-dokumenti li joriġinaw mid-diversi proġetti u li jikkorrispondu għall-istess perijodu sabiex ikollhom evalwazzjoni globali, u dan ippermettilhom jiddeterminaw il-veraċità tal-iskedi tal-ħin għall-proġetti kollha pendenti. B’mod partikolari, għandu jiġi osservat, f’dan ir-rigward, li r-rapport tal-OLAF jirreferi diversi drabi għall-proġett Seapura sabiex jeżamina s-sigħat ta’ xogħol kollha mwettqa minn kull membru tal-persunal.

77      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-investigaturi qiesu li l-ispejjeż kollha tal-persunal iddikjarati matul il-perijodu bejn l‑2001 u l‑2005 ma kinux affidabbli. Konsegwentement, huma kkunsidraw li l-irregolaritajiet finanzjarji serji li jaffettwaw id-dikjarazzjonijiet tal-ħinijiet tal-persunal taċ-CEVA kienu jikkonċernaw il-proġetti kollha, u b’mod partikolari l-proġett Seapura.

78      Barra minn hekk, mill-konstatazzjonijiet u mill-evalwazzjonijiet li jinsabu fir-rapport tal-OLAF jirriżulta li r-riżorsi umani taċ-CEVA ma kinux biżżejjed sabiex jissodisfaw l-obbligi kuntrattwali tiegħu fuq il-proġetti kollha li huwa kien kiseb u li kienu jeżistu sa tmien verżjonijiet differenti tal-ġestjoni tal-ħin, għall-istess impjegat, fuq l-istess proġett u fuq l-istess sena, u dan jingħad li jikkorrobora l-fatt li d-dikjarazzjonijiet tal-ħinijiet kienu ġew immanipulati fuq il-proġetti kollha u neċessarjament fuq il-proġett Seapura. L-OLAF ikkonkluda wkoll li, minħabba l-aġir tal-ex direttur tiegħu, tali falsifikazzjonijiet kienu ġew prodotti b’mod deliberat u sistematiku.

79      Għaldaqstant, l-argument taċ-CEVA fir-rigward tal-assenza ta’ rabta tal-irregolaritajiet ikkonstatati mal-proġett Seapura ma jistax jintlaqa’.

80      Sa fejn ir-rapport tal-OLAF ikkonstata irregolaritajiet finanzjarji serji, fis-sens tal-Artikolu 3(5) tal-Anness II tal-kuntratt Seapura, il-Kummissjoni għandha raġun titlob liċ-CEVA l-ħlas lura tas-somom kollha li tħallsu lilu fil-kuntest tal-eżekuzzjoni tal-kuntratt Seapura.

 Fuq ilproċeduri kriminali quddiem ilqrati Franċiżi

81      Iċ-CEVA jsostni li l-Kummissjoni ma tistax tibbaża t-talba tagħha fuq in-natura allegatament frawdolenti tal-ġestjoni tas-sussidju li ngħatalu, meta, quddiem il-qrati kriminali Franċiżi, huwa finalment ġie meħlus mill-kapijiet ta’ akkuża kollha tiegħu.

82      Barra minn hekk, permezz tas-sentenza tagħha tal‑1 ta’ April 2014, il-cour d’appel de Rennes (il-Qorti tal-Appell ta’ Rennes) enfasizzat ir-regolarità tal-ġestjoni u l-fatt li l-eżekuzzjoni tal-proġetti inkwistjoni qatt ma qajmet riżervi ta’ natura xjentifika min-naħa tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni. Għalhekk, iċ-CEVA jsostni li l-Qorti Ġenerali ma tistax tilqa’ t-talbiet tal-Kummissjoni abbażi tan-natura allegatament frawdolenti tal-atti mwettqa.

83      Il-Kummissjoni tikkontesta l-argument taċ-CEVA u ssostni li, skont il-prinċipju tas-saħħa vinkolanti tal-kuntratt, stabbilit fl-Artikolu 1134 tal-Kodiċi Ċivili Belġjan li kien fis-seħħ dak iż-żmien, l-Artikolu 3(5) tal-Anness II tal-kuntratt Seapura huwa obbligatorju għall-partijiet, b’mod li l-ħlas lura tas-somom imħallsa ma huwiex suġġett għall-kundanna taċ-CEVA minn qorti nazzjonali kriminali, iżda għall-prova ta’ frodi jew ta’ irregolaritajiet finanzjarji serji stabbiliti fil-kuntest ta’ verifika finanzjarja.

84      Il-Kummissjoni żżid li ċ-CEVA ma jistax iżid kundizzjoni ma’ klawżola kuntrattwali li ma tittollera ebda interpretazzjoni.

85      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkunsidrat li, fil-kuntest ta’ kuntratt bħal dak f’dan il-każ, is-sempliċi konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ frodi jew ta’ irregolaritajiet finanzjarji serji kkonstatati fil-kuntest ta’ verifika hija biżżejjed sabiex tiġġustifika d-dritt tal-Kummissjoni li titlob il-ħlas lura tas-somom li hija tat (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑3 ta’ Mejju 2018, Sigma Orionis vs Il-Kummissjoni, T‑48/16, EU:T:2018:245, punti 121 sa 125).

86      F’dan il-każ, kif ġie osservat fil-punti 78 u 80 iktar ’il fuq, il-falsifikazzjoni tad-dikjarazzjonijiet tal-ħinijiet tal-persunal tikkostitwixxi, mill-inqas, irregolarità finanzjarja serja, fis-sens tal-Artikolu 3(5) tal-Anness II tal-kuntratt Seapura.

87      Issa, l-Artikolu 3(5) tal-Anness II tal-kuntratt Seapura jissuġġetta r-rimbors tal-kontribuzzjoni Komunitarja inkwistjoni biss għall-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ frodi jew ta’ irregolaritajiet finanzjarji serji fil-kuntest ta’ verifika, mingħajr ma jissuġġetta dan ir-rimbors għal kundanna jew klassifikazzjoni kriminali tal-fatti inkwistjoni.

88      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkunsidrat li l-ħelsien, minn qorti kriminali, mill-kapijiet ta’ akkuża ta’ frodi jew ta’ misapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi ma jaffettwax l-applikazzjoni tal-Artikolu 3(5) tal-Anness II tal-kuntratt Seapura.

 Fuq ilprinċipju ta’ awtonomija proċedurali

89      Iċ-CEVA jsostni li, skont il-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali, stabbilit mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, fl-assenza ta’ armonizzazzjoni tad-dritt fuq il-livell Ewropew, id-drittijiet u l-proċeduri tal-Istati Membri huma limitati għas-sistemi legali nazzjonali, b’tali mod li l-individwi ma jistgħux jinvokaw id-dritt ta’ Stat Membru quddiem il-qorti ta’ Stat Membru ieħor.

90      F’dan il-każ, skont iċ-CEVA, il-Kummissjoni ma tistax tinvoka l-proċeduri mibdija fi Franza abbażi tad-dritt Franċiż, meta l-kuntratt Seapura huwa rregolat mid-dritt Belġjan u jagħti ġurisdizzjoni lill-Qorti Ġenerali sabiex tieħu konjizzjoni ta’ din il-kawża.

91      Il-Kummissjoni tikkontesta dan l-argument.

92      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, f’dan il-każ, indipendentement mill-kwistjoni tal-eżistenza jew le ta’ regoli tad-dritt tal-Unjoni sabiex jirregolaw il-kuntratt inkwistjoni, il-Kummissjoni adixxiet lill-Qorti Ġenerali abbażi tal-Artikolu 272 TFUE.

93      Għandu jitfakkar li mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 61 iktar ’il fuq jirriżulta li, adita bis-saħħa ta’ klawżola ta’ arbitraġġ abbażi tal-Artikolu 272 TFUE, il-Qorti Ġenerali għandha tiddeċiedi l-kawża abbażi tad-dritt sostantiv applikabbli għall-kuntratt. Issa, mill-motivi li jinsabu fil-punti 52 sa 57 iktar ’il fuq jirriżulta li, għalkemm id-dritt Belġjan huwa applikabbli għall-kuntratt, dan huwa bla ħsara għall-applikabbiltà diretta tar-Regolament Nru 1346/2000, li bis-saħħa tiegħu ċerti dispożizzjonijiet tal-Kodiċi tal-Kummerċ Franċiż jipproduċu l-effetti tagħhom fid-dritt Belġjan. Minn dan isegwi, kuntrarjament għal dak li jsostni ċ-CEVA, li l-Kummissjoni kienet iġġustifikata, mingħajr ma tidħol fir-riskju li tiġi akkużata bi ksur tal-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali, li tinvoka, abbażi tar-Regolament Nru 1346/2000, l-effetti, fid-dritt Belġjan, tal-proċeduri mibdija fi Franza.

94      Għaldaqstant, l-argument taċ-CEVA bbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali għandu jiġi miċħud.

95      Għaldaqstant, hemm lok li tintlaqa’ t-talba tal-Kummissjoni u li jiġi kkonstatat li l-kreditu tal-Kummissjoni fir-rigward taċ-CEVA jammonta għas-somma prinċipali ta’ EUR 168 220.16, flimkien mal-interessi dovuti skont l-Artikolu 3(5) tal-Anness II tal-kuntratt.

 Fuq ittalba talKummissjoni intiża sabiex ilQorti Ġenerali tagħti sentenza filkontumaċja firrigward ta’ TCA u ta’ AJIRE

96      Fl-osservazzjonijiet tagħha dwar it-tkomplija tal-proċedura tal‑14 ta’ Ġunju 2021, il-Kummissjoni talbet lill-Qorti Ġenerali tilqa’ t-talbiet tagħha fir-rigward ta’ TCA u AJIRE, skont l-Artikolu 123(1) tar-Regoli tal-Proċedura.

97      Hija speċifikat ukoll li, konformement għat-talbiet tagħha, immodifikati waqt is-seduta, il-Kummissjoni ma għadhiex tirreferi għal TCA u AJIRE u konsegwentement, impliċitament iżda neċessarjament, li hija ma għadhiex qiegħda titlob lill-Qorti Ġenerali tikkonstata li dawn tal-aħħar kienu obbligati jirrimborsaw is-somom imħallsa fil-kuntest tal-eżekuzzjoni tal-kuntratt Seapura.

98      Mill-punti 60 sa 95 hawn fuq, jirriżulta li sa fejn ir-rapport tal-OLAF ikkonstata irregolaritajiet finanzjarji serji, fis-sens tal-Artikolu 3(5) tal-Anness II tal-kuntratt Seapura, il-Kummissjoni għandha raġun titlob liċ-CEVA l-ħlas lura tas-somom kollha li tħallsu lilu fil-kuntest tal-eżekuzzjoni tal-kuntratt Seapura.

99      Peress li ntlaqgħu t-talbiet kollha tal-Kummissjoni, li jirrigwardaw esklużivament iċ-CEVA, ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni dwar it-talba ta’ din tal-aħħar intiża sabiex il-Qorti Ġenerali tilqa’ t-talbiet tagħha dwar TCA u AJIRE.

 Fuq lispejjeż

100    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

101    Peress li ċ-CEVA tilef, hemm lok li jiġi kkundannat iħallas l-ispejjeż, skont it-talbiet tal-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Il-kreditu tal-Kummissjoni Ewropea fir-rigward taċ-Centre d’étude et de valorisation des algues SA (iċ-Ċentru għall-Istudju u għall-Irkupru tal-Alka SA) (CEVA) jammonta għas-somma ta’ EUR 168 220.16, miżjuda bl-interessi moratorji li jibdew jiddekorru mill-ħlas tas-somom imħallsa indebitament, b’rata annwali ugwali għar-rata stabbilita mill-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) għat-tranżazzjonijiet prinċipali ta’ finanzjament mill-ġdid, miżjuda b’2 punti.

2)      Iċ-CEVA għandu jbati l-ispejjeż rispettivi tiegħu kif ukoll dawk sostnuti mill-Kummissjoni.




da Silva Passos

Valančius

Truchot

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis‑6 ta’ Settembru 2023

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.