Language of document : ECLI:EU:T:2010:534

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Awla tal-Appell)

16 ta’ Diċembru 2010

Kawża T-175/09 P

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

vs

Willem Stols

“Appell — Servizz pubbliku — Promozzjoni — Eżami komparattiv tal-merti — Żball manifest ta’ evalwazzjoni — Żnaturament tal-provi”

Suġġett: Appell mis-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea (L-Ewwel Awla) tas-17 ta’ Frar 2009, Stols vs Il-Kunsill (F‑51/08, ĠabraSP p. I‑A‑1‑27 u II‑A‑1‑119), u intiż għall-annullament ta’ din is-sentenza.

Deċiżjoni: Is-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea (L-Ewwel Awla), tas-17 ta’ Frar 2009, Stols vs Il-Kunsill (F‑51/08, ĠabraSP p. I‑A‑1‑27 u II‑A‑1‑119), hija annullata. Il-kawża hija rrinvijata quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku. L-ispejjeż huma rriżervati.

Sommarju

1.      Appell — Aggravji — Evalwazzjoni żbaljata tal-fatti — Inammissibbiltà — Stħarriġ mill-Qorti Ġenerali tal-evalwazzjoni tal-provi — Esklużjoni ħlief fil-każ ta’ żnaturament

(it-tielet paragrafu tal-Artikolu 225A KE; Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, Anness I, Artikolu 11(1)

2.      Uffiċjali — Promozzjoni — Eżami komparattiv tal-merti

(Artikoli 230 KE u 236 KE)

1.      Skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 225A KE u l-Artikolu 11(1) tal-Anness I tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-appell ippreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali huwa limitat għall-punti ta’ liġi u jista’ jkun ibbazat fuq aggravji bbażati fuq in-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, fuq irregolaritajiet proċedurali quddiem l-imsemmi Tribunal li jippreġudikaw l-interessi tal-parti kkonċernata, kif ukoll fuq ksur tad-dritt Komunitarju mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku.

Minn dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li l-appell jista’ jkun ibbażat biss fuq aggravji li jikkonċernaw il-ksur ta’ regoli tad-dritt, bl-esklużjoni ta’ kull evalwazzjoni tal-fatti. Il-qorti tal-ewwel istanza hija l-unika li għandha ġurisdizzjoni, minn naħa, sabiex, tikkonstata l-fatti, ħlief fil-każ fejn ineżattezza materjali tal-konstatazzjonijiet tagħha tirriżulta mill-atti tal-proċess li tressqu quddiemha, u, min-naħa l-oħra, sabiex tevalwa dawn il-fatti. L-evalwazzjoni tal-fatti b’hekk ma tikkostitwixxix, ħlief fil-każ ta’ żnaturament tal-provi prodotti quddiem il-qorti tal-ewwel istanza, kwistjoni ta’ dritt suġġetta, bħala tali, għall-istħarriġ tal-Qorti Ġenerali.

Tali żnaturament tal-provi għandu jidher b’mod ċar mill-atti tal-proċess, mingħajr ma huwa meħtieġ li ssir evalwazzjoni ġdida tal-fatti u tal-provi.

(ara l-punti 20, 21 u 40)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja, 28 ta’ Mejju 1998, New Holland Ford vs Il‑Kummissjoni, C‑8/95 P, Ġabra p. I‑3175, punt 72; Il-Qorti tal-Ġustizzja, 6 ta’ April 2006, General Motors vs Il-Kummissjoni, C‑551/03 P, Ġabra p. I‑3173, punt 54; Il-Qorti Ġenerali, 12 ta’ Lulju 2007, Beau vs Il-Kummissjoni, T‑252/06 P, ĠabraSP p. I‑B‑1‑13 u II‑B‑1‑63, punti 45 u 46 ; Il-Qorti Ġenerali, 12 ta’ Marzu 2008, Rossi Ferreras vs Il-Kummissjoni, T‑107/07 P, ĠabraSP p. I‑B‑1‑5 u II‑B‑1‑31, punt 29 ; Il-Qorti Ġenerali, 8 ta’ Settembru 2008, Kerstens vs Il-Kummissjoni, T‑222/07 P, ĠabraSP p. I‑B‑1‑37 u II‑B‑1‑267, punt 62

2.      Fil-kuntest ta’ rikors għal annullament ippreżentat minn uffiċjal, l-evalwazzjoni, fil-prinċipju sovrana, tal-fatti mill-qorti tal-ewwel istanza għandha ssir fil-kuntest tal-istħarriġ tal-legalità li hija għandha teżerċita skont l-Artikoli 230 KE u 236 KE u, b’mod partikolari, b’osservanza tal-prinċipju li skontu l-qorti Komunitarja (li saret il-qorti tal-Unjoni) ma tistax tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha għal dik tal-amministrazzjoni meta din tkun tgawdi minn marġni ta’ diskrezzjoni. Issa, l-Awtorità tal-Ħatra għandha, għall-finijiet tal-eżami komparattiv tal-merti tal-uffiċjali kandidati għal promozzjoni, setgħa diskrezzjonali wiesgħa u, f’dan il-qasam, l-istħarriġ tal-qorti għandu jkun limitat għall-kwistjoni dwar jekk, fid-dawl tar-rimedji u tal-motivi li setgħu wasslu lill-amministrazzjoni għall-evalwazzjoni tagħha, din baqgħetx fil-limiti raġonevoli u ma użatx is-setgħa tagħha b’mod manifestament żbaljat. Għalhekk, il-qorti ma tistax tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha dwar il-kwalifiki u l-merti tal-kandidati għal dik tal-Awtorità tal-Ħatra.

(ara l-punti 22 u 23)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja, 21 ta’ April 1983, Ragusa vs Il-Kummissjoni, 282/81, Ġabra p  1245, punti 9 u 13; Il-Qorti tal-Ġustizzja, 3 ta’ April 2003, Il-Parlament vs Samper, C‑277/01 P, Ġabra p. I‑3019, punt 35; Il-Qorti tal-Ġustizzja, 22 ta’ Novembru 2007, Spanja vs Lenzing, C‑525/04 P, Ġabra p. I‑9947, punti 56 sa 61; Il-Qorti tal-Ġustizzja, 29 ta’ Ġunju 2010, Il-Kummissjoni vs Alrosa, C‑441/07 P, Ġabra p. I‑5949, punt 67 ; Il-Qorti tal-Ġustizzja, 2 ta’ Settembru 2010, Il-Kummissjoni vs Scott, C‑290/07 P, Ġabra p. I‑7763, punti 67, 72, 79 sa 81 u 84; Il-Qorti Ġenerali, 19 ta’ Marzu 2003, Tsarnavas vs Il-Kummissjoni, T‑188/01 sa T‑190/01, ĠabraSP p. I‑A‑95 u II‑495, punt 97 ; Il-Qorti Ġenerali, 15 ta’ Settembru 2005, Casini vs Il-Kummissjoni, T‑132/03, ĠabraSP p. I‑A‑253 u II‑1169, punt 52