Language of document : ECLI:EU:C:2015:387

Kawża C‑256/14

Lisboagás GDL – Sociedade Distribuidora de Gás Natural de Lisboa SA

vs

Autoridade Tributária e Aduaneira

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunal Arbitral Tributário (Centro de Arbitragem Administrativa – CAAD]

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) — Direttiva 2006/112/KE — Artikoli 9, 73, 78, l-ewwel paragrafu, punt a), 79, l‑ewwel paragrafu, punt

 “Valur taxxabbli — Inklużjoni tal-ammont tat-taxxi muniċipali ta’ okkupazzjoni ta’ taħt l-art imħallsa mill-kumpannija konċessjonarja tan-netwerk tad-distribuzzjoni tal-gass fil-valur taxxabbli tal-VAT applikabbli għas-servizz ipprovdut minn din il-kumpannija lill-kumpannija responsabbli għall-kummerċjalizzazzjoni tal-gass”

Sommarju — Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) tal-11 ta’ Ġunju 2015

1.        Domandi preliminari — Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja — Limiti — Ġurisdizzjoni tal-qorti nazzjonali — Neċessità ta’ domanda preliminari u rilevanza tal-kwistjonijiet imqajma — Evalwazzjoni mill-qorti nazzjonali

(Artikolu 267 TFUE, Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikolu 94(c))

2.        Armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet fiskali — Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud — Valur taxxabbli — Servizz ipprovdut minn kumpannija konċessjonarja tan-netwerk ta’ distribuzzjoni tal-gass lill-kumpannija responsabbli għall-kummerċjalizzazzjoni tiegħu — Ammont tat-taxxi mħallas lill-muniċipalitajiet mill-imsemmija kumpannija konċessjonarja minħabba l-użu tal-qasam pubbliku tal-imsemmija muniċipalitajiet — Inklużjoni

(Direttiva tal-Kunsill 2006/112, Artikoli 9(1), 73, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 78(a) u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 79(c))

1.        Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 24-26)

2.        L-Artikoli 9(1), 73, 78, l-ewwel paragrafu, punt (a), u 79, l-ewwel paragrafu, punt (c), tad-Direttiva 2006/112, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-ammont ta’ taxxi li jitħallas lill-muniċipalitajiet mill-kumpannija konċessjonarja tan-netwerk tad-distribuzzjoni tal-gass minħabba l-użu ta’ qasam pubbliku tal-imsemmija muniċipalitajiet u li mbagħad jiġi mgħoddi minn din il-kumpannija fuq kumpannija oħra li hija responsabbli għall-kummerċjalizzazzjoni tal-gass, imbagħad din tal-aħħar fuq il-konsumaturi finali, għandu jiġi inkluż fil-valur taxxabbli tat-taxxa fuq il-valur miżjud applikabbli għas-servizz ipprovdut mill-ewwel waħda fost dawn il-kumpanniji lit-tieni kumpannija skont l-Artikolu 73 ta’ din id-direttiva.

Fil-fatt, ma humiex l-imsemmija taxxi bħala tali li huma mgħoddija lill-kumpannija responsabbli għall-kummerċjalizzazzjoni tal-gass, iżda l-prezz tal-użu tal-qasam pubbliku muniċipali. Għaldaqstant, l-ammont tal-imsemmija taxxi huwa element tal-korrispettiv miksub mill-kumpannija konċessjonarja ta’ netwerk ta’ distribuzzjoni tal-gass mingħand il-kumpannija responsabbli għall-kummerċjalizzazzjoni tal-gass għall-provvista tagħha, li tikkostitwixxi attività ekonomika skont l-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2006/112.

(ara l-punti 33, 34, 38 u d-dispożittiv)