Language of document : ECLI:EU:C:2024:289

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL‑QORTI TAL‑ĠUSTIZZJA (Is‑Sitt Awla)

11 ta’ April 2024 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Proprjetà intellettwali – Drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati – Direttiva 2001/29/KE – Artikolu 3(1) – Komunikazzjoni lill-pubbliku – Kunċett – Provvista ta’ settijiet ta’ televiżjoni f’lukanda – Trażmissjoni ta’ sinjal permezz ta’ distributur għal kejbil koassjali – Direttiva 93/83/KEE – Trażmissjoni mill-ġdid bil-kejbil – Distributuri tal-kejbil – Kunċetti – Kuntratt ta’ liċenzja ma’ kumpanniji ta’ ġestjoni kollettiva għat-trażmissjoni mill-ġdid permezz tal-kejbil – Trażmissjoni mill-ġdid ta’ dan is-sinjal permezz ta’ network ta’ distribuzzjoni bil-kejbil speċifiku għal dan l-istabbiliment”

Fil-Kawża C‑723/22,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Oberlandesgericht München (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ München, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tal‑24 ta’ Novembru 2022, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-istess ġurnata, fil-proċedura

Citadines Betriebs GmbH

vs

MPLC Deutschland GmbH,

IL‑QORTI TAL‑ĠUSTIZZJA (Is‑Sitt Awla),

komposta minn T. von Danwitz, President tal-Awla, P. G. Xuereb u I. Ziemele (Relatriċi), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Citadines Betriebs GmbH, minn A. Conrad u T. Schubert, Rechtsanwälte,

–        għal MPLC Deutschland GmbH, minn M. König, Rechtsanwalt,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn J. Samnadda u G. von Rintelen, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Mejju 2001 dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà ta’ l-informazzjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 230).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Citadines Betriebs GmbH (iktar ’il quddiem “Citadines”), l-operatur ta’ lukanda, u MPLC Deutschland GmbH (iktar ’il quddiem “MPLC”), soċjetà għall-ġestjoni kollettiva, dwar allegat ksur, minn Citadines, tad-dritt esklużiv ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku li MPLC għandha fuq episodju ta’ serje televiżiva mxandra fuq stazzjon tat-televiżjoni pubbliku, li klijenti ta’ dan l-istabbiliment setgħu jaraw fuq settijiet tat-televiżjoni mqiegħda għad-dispożizzjoni minn Citadines fil-kmamar kif ukoll fis-sala tal-isport tal-imsemmi stabbiliment.

 Ilkuntest ġuridiku

 Iddritt talUnjoni

 IdDirettiva 93/83/KEE

3        L-Artikolu 1(3) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/83/KEE tas‑27 ta’ Settembru 1993 dwar il-kordinazzjoni ta’ ċerti regoli dwar id-drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati ma’ drittijiet ta’ l-awtur applikabbli għal xandir bis-satellita u ritrasmissjoni bil-cable (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 134), jipprovdi:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, ‘ritrasmissjoni bil-cable’ tfisser it-ritrasmissjoni simultanja, mhux alterata u mhux imqassra bil-cable jew sistema ta’ microwave għal reception mill-pubbliku għal trasmissjoni inizjali minn Stat Membru ieħor, bil-wire jew over the air, inkluża dik bis-satellita, jew programmi tat-televiżjoni jew tar-radju maħsuba għal reception mill-pubbliku.”

4        L-Artikolu 8(1) ta’ din id-direttiva jipprevedi:

“L-Istati Membri għandhom jassiguraw li meta programmi minn Stati Membri oħra jkunu trasmessi mill-ġdid permezz bil-cable fit-territorju tagħhom ikunu osservati d-drittijiet ta’ l-awtur applikabbli u l-jeddijiet relatati u li dik ir-ri-trasmissjoni ssir abbażi ta’ ftehim kuntrattwali individwali jew kollettiv bejn dawk li jkollhom il-drittijiet ta’ l-awtur, dawk li jkollhom il-jeddijiet relatati u operaturi tal-cable.”

 IdDirettiva 2001/29

5        Il-premessi 4, 9, 10, 23 u 27 tad-Direttiva 2001/29 jipprovdu:

“(4)      Qafas armonizzat legali dwar id-drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati, permezz ta’ ċertezza legali akbar u waqt li jipprovdi għal livell għoli ta’ protezzjoni ta’ proprjetà intellettwali, jinkoraġġixxi investiment sostanzjali fil-kreattività u innovazzjoni, [...] u li min-naħa tiegħu jwassal għal tkabbir u kompetittività akbar ta’ l-industrija Ewropea [...]

[...]

(9)      Kull armonizzazzjoni tad-drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati għandha tkun bażata fuq livell għoli ta’ protezzjoni, għar-raġuni li dawn id-drittijiet huma kruċjali għall-kreazzjoni intellettwali. Il-protezzjoni tagħhom tgħinhom jiżguraw it-tkomplija u l-iżvilupp tal-kreattivita fl-interessi ta’ l-awturi, artisti, produtturi, konsumaturi, kultura, industrija u l-pubbliku in ġenerali. Proprjetà intellettwali ġiet għalhekk rikonoxxuta bħala parti integrali ta’ proprjetà.

(10)      Jekk awturi jew artisti għandhom ikomplu bix-xogħol kreattiv u artistiku tagħhom, huma għandhom jirċievu kumpens xieraq għall-użu tax-xogħol tagħhom, kif għandhom jirċievu produtturi sabiex ikunu jistgħu jiffinanzjaw xogħolhom. L-investiment meħtieġ biex jipproduċu prodotti bħal fonogrammi, films u prodotti ta’ multimedia, u servizzi bħal servizzi “fuq talba”, huwa konsiderevoli. Protezzjoni legali adegwata għal drittijiet ta’ proprjetà intellettwali hija meħtieġa sabiex tiggarantixxi d-disponibbiltà ta’ dan il-kumpens u tipprovdi l-opportunità għal profitti sodisfaċenti ta’ dan l-investiment.

[...]

(23)      Din id-Direttiva għandha tarmonizza aktar id-dritt ta’ l-awtur li jikkomunika mal-pubbliku. Dan id-dritt għandu jiftiehem f’sens wiesa’ li jirregola l-komunikazzjoni kollha lill-pubbliku mhux preżenti fil-post fejn toriġina l-komunikazzjoni. Dan id-dritt għandu jirregola kull trasmissjoni jew trasmissjoni mill-ġdid bħal din ta’ xogħol lill pubbliku b’mezzi bil-fili jew mingħajr fili, inkluż ix-xandir. Dan id-dritt m’għandu jirregola l-ebda att ieħor.

[...]

(27)      Is-sempliċi provvista ta’ faċilitajiet fiżiċi biex tkun tista’ iseħħ jew biex iseħħ komunikazzjoni ma twassalx fiha nfisha għal komunikazzjoni fit-tifsira ta’ din id-Direttiva.”

6        L-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-awturi bid-dritt esklussiv li jawtorizzaw jew jipprojbixxu kull komunikazzjoni lill-pubbliku tax-xogħolijiet tagħhom, bil-fili jew mezzi mingħajr fili, inklużi li jagħmlu disponibbli lill-pubbliku x-xogħolijiet tagħhom b’mod li membri tal-pubbliku jistgħu jkollhom aċċess għalihom minn post u f’ħin magħżul individwalment minnhom.”

 Iddritt Ġermaniż

7        L-Artikolu 15(2) tal-Gesetz über Urheberrecht und verwandte Schutzrechte – Urheberrechtsgesetz (il-Liġi dwar id-Drittijiet tal-Awtur u d-Drittijiet Relatati), tad‑9 ta’ Settembru 1965 (BGBl. 1965 I, p. 1273), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem l-“UrhG”), jipprovdi:

“L-awtur għandu ulterjorment id-dritt esklużiv li jikkomunika x-xogħol tiegħu lill-pubbliku taħt forma immaterjali (dritt ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku). Id-dritt ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku jinkludi b’mod partikolari:

1.      id-dritt ta’ preżentazzjoni, ta’ eżekuzzjoni u ta’ rappreżentazzjoni (Artikolu 19);

2.      id-dritt tat-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku (Artikolu 19a);

3.      id-dritt tax-xandir (Artikolu 20);

4.      id-dritt ta’ komunikazzjoni bl-użu ta’ mezzi viżivi jew awdjo (Artikolu 21);

5.      id-dritt ta’ komunikazzjoni permezz ta’ trażmissjonijiet imxandra u tat-tqegħid tagħhom għad-dispożizzjoni tal-pubbliku (Artikolu 22).”

8        L-Artikolu 20 tal-UrhG huwa fformulat kif ġej:

“Id-dritt tax-xandir huwa d-dritt li x-xogħol jitqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku permezz tax-xandir, bħal xandir bl-awdjo u b’mod viżiv, xandir bis-satellita, xandir bil-kejbil jew b’mezzi tekniċi simili.”

9        L-Artikolu 20b(1) tal-UrhG jipprevedi:

“Hija biss soċjetà għall-ġestjoni kollettiva tad-drittijiet li tista’ tinvoka d-dritt ta’ trażmissjoni mill-ġdid ta’ xogħol imxandar fil-kuntest ta’ programm trażmess mill-ġdid simultanjament, f’verżjoni mhux mibdula u sħiħa minn sistemi ta’ kejbils jew ta’ microwave (trażmissjoni mill-ġdid permezz tal-kejbil). Din ir-regola ma tapplikax għad-drittijiet li xandar jinvoka fuq it-trażmissjonijiet tiegħu stess.”

10      L-Artikolu 22 tal-UrhG jipprovdi:

“Id-dritt ta’ komunikazzjoni ta’ trażmissjonijiet imxandra u tal-komunikazzjonijiet imqiegħda għad-dispożizzjoni tal-pubbliku huwa d-dritt li wieħed jawtorizza t-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku ta’ trażmissjonijiet mxandra u t-trażmissjonijiet mill-ġdid tax-xogħol li jirriżultaw mit-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku permezz ta’ screen, ta’ loudspeaker jew ta’ installazzjonijiet tekniċi simili. L-Artikolu 19(3) huwa applikabbli b’analoġija.”

 Ilkawża prinċipali u ddomanda preliminari

11      MPLC, soċjetà għall-ġestjoni kollettiva indipendenti u bi skop ta’ lukru skont id-dritt Ġermaniż, ippreżentat kontra Citadines, l-operatur ta’ lukanda, quddiem il-Landgericht München I (il-Qorti Reġjonali ta’ München I, il-Ġermanja), azzjoni intiża għall-waqfien tal-komunikazzjoni lill-pubbliku ta’ episodju ta’ serje televiżiva fil-forma ta’ trażmissjoni mxandra permezz ta’ settijiet tat-televiżjoni installati minn din l-aħħar kumpannija fil-kmamar kif ukoll fis-sala tal-isport ta’ dan l-istabbiliment, sa fejn is-sinjal jiġi trażmess mill-ġdid lis-settijiet tat-televiżjoni permezz ta’ kejbil koassjali jew ta’ kejbil tad-data. Dan l-episodju, imxandar minn stazzjon televiżiv pubbliku, rawh għalhekk fis‑17 ta’ Novembru 2019 il-klijenti tal-imsemmi stabbiliment, peress li dan is-sinjal ġie ttrasportat simultanjament u mingħajr tibdil lejn dawn il-settijiet permezz ta’ network ta’ distribuzzjoni bil-kejbil speċifiku għall-istess stabbiliment. Għall-finijiet tat-trażmissjoni mill-ġdid permezz tal-kejbil, Citadines ikkonkludiet, b’mod eżawrjenti, kuntratti ta’ liċenzja mal-kumpanniji ta’ ġestjoni kollettiva Ġermaniżi.

12      Permezz ta’ digriet għal miżuri provviżorji tas‑17 ta’ Jannar 2020, il-Landgericht München I (il-Qorti Reġjonali ta’ München I) ipprojbixxiet lil Citadines milli tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku l-imsemmi episodju.

13      Permezz ta’ sentenza tat‑18 ta’ Ġunju 2020, dik il-qorti kkonfermat dan id-digriet għal miżuri provviżorji.

14      Citadines appellat minn din is-sentenza quddiem l-Oberlandesgericht München (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ München, il-Ġermanja), li hija l-qorti tar-rinviju.

15      Din l-kumpannija tqis li għandha d-dritt li tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-klijenti tagħha, fis-settijiet tat-televiżjoni installati fil-kmamar kif ukoll fis-sala tal-isport tal-lukanda ikkonċernata, it-trażmissjonijiet imxandra mingħajr ħlas fuq it-televiżjoni pubblika, minħabba l-fatt li hija proprjetarja ta’ liċenzji għall-finijiet tat-trażmissjoni mill-ġdid permezz tal-kejbil.

16      Min-naħa l-oħra, MPLC issostni li, billi ttrażmettiet mill-ġdid is-sinjal inkwistjoni permezz ta’ network ta’ distribuzzjoni bil-kejbil speċifiku għal dan l-istabbiliment, Citadines kisret id-dritt ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku li hija proprjetarja tiegħu. F’dan ir-rigward, huwa irrilevanti li Citadines ikkjarifikat il-kwistjoni tad-dritt ta’trażmissjoni mill-ġdid permezz tal-kejbil ma’ kumpanniji ta’ ġestjoni kollettiva.

17      Il-qorti tar-rinviju tirrileva li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, għalkemm is-sempliċi provvista ta’ riċevituri ma tikkostitwixxix, bħala tali, fid-dawl tal-premessa 27 tad-Direttiva 2001/29, komunikazzjoni lill-pubbliku, id-dritt ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku jiġi ppreġudikat meta trażmissjoni mill-ġdid tas-sinjal upstream lir-riċevituri ssir permezz ta’ tali network ta’ distribuzzjoni bil-kejbil.

18      Madankollu, din il-qorti tosserva li, f’dan il-każ, l-atti mwettqa minn Citadines li jmorru lil hinn mill-kuntest tas-sempliċi provvista ta’ settijiet tat-televiżjoni kienu jikkonsistu biss fit-trażmissjoni mill-ġdid tas-sinjal tat-televiżjoni permezz tan-network ta’ distribuzzjoni bil-kejbil speċifiku għal-lukanda, li din il-kumpannija kellha dritt tagħmel minħabba l-liċenzja li kienet ingħatatilha mill-kumpanniji ta’ ġestjoni kollettiva. Issa, huwa dubjuż jekk is-separazzjoni li l-komunikazzjoni tagħha lill-pubbliku, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29, liema separazzjoni, skont id-dritt Ġermaniż, hija s-suġġett ta’ bejn id-dritt previst fl-Artikolu 20b tal-UrhG (“trażmissjoni mill-ġdid”) u dak previst fl-Artikolu 22 tal-UrhG (“komunikazzjoni ta’ trażmissjonijiet imxandra”) tippermettix li jitqies li, wara atti li utent għandu d-dritt iwettaq skont dan l-Artikolu 20b bis-saħħa ta’ liċenzja, jiġifieri t-trażmissjoni mill-ġdid permezz tal-kejbil ġewwa l-lukanda, wieħed jista’ jasal għall-konklużjoni li dan l-utent kellu l-intenzjoni li jwettaq “att ta’ komunikazzjoni” fl-intier tiegħu, peress li dawn l-atti jikkonsistu biss fil-provvista ta’ riċevituri, liema atti ma jikkostitwixxux ksur tad-dritt ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku.

19      Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Oberlandesgericht München (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ München) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva [2001/29] għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni jew prattika nazzjonali li bis-saħħa tagħhom il-provvista ta’ installazzjonijiet intiżi sabiex jippermettu jew sabiex issir komunikazzjoni, bħalma huma settijiet tat-televiżjoni installati fil-kmamar jew fis-sala tal-isport ta’ lukanda, tikkostitwixxi komunikazzjoni lill-pubbliku meta, filwaqt li s-sinjal huwa, barra minn hekk, trażmess mill-ġdid lill-installazzjonijiet permezz ta’ network ta’ distribuzzjoni bil-kejbil li huwa tal-lukanda, din it-trażmissjoni mill-ġdid bil-kejbil isseħħ b’mod legali taħt liċenzja miksuba mil-lukanda?”

 Fuq iddomanda preliminari

 Osservazzjonijiet preliminari

20      Mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li d-dubji li għandha l-qorti tar-rinviju jirriżultaw, kif ġie rrilevat fil-punt 15 ta’ din is-sentenza, mis-“separazzjoni” li l-komunikazzjoni tagħha lill-pubbliku, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29, hija s-suġġett fid-dritt nazzjonali, bejn, minn naħa, id-dritt previst fl-Artikolu 20b tal-UrhG u, min-naħa l-oħra, dak previst fl-Artikolu 22 tal-UrhG, peress li dawn id-drittijiet jittrasponu, skont l-indikazzjonijiet li jinsabu fid-deċiżjoni tar-rinviju, dan l-Artikolu 3(1).

21      Fir-risposta tagħha għat-talba għal kjarifiki li saritilha mill-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikolu 101 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-qorti tar-rinviju madankollu rrilevat li l-Artikolu 20 tal-UrhG kien essenzjalment jirriżulta mill-emenda ta’ din il-liġi mill-Viertes Gesetz zur Änderung des Urheberrechtsgesetzes vom 8. Mai 1998 (ir-Raba’ Liġi li temenda l-UrhG tat‑8 ta’ Mejju 1998) (BGBl. 1998 I, p. 902), li kellha l-għan li tittrasponi d-Direttiva 93/83 fl-ordinament ġuridiku Ġermaniż.

22      Filwaqt li tindika li l-Artikolu 20b tal-UrhG ġie, sussegwentement, emendat b’effett mill‑1 ta’ Jannar 2008 biz-Zweites Gesetz zur Regelung des Urheberrechts in der Informationsgesellschaft vom 26. Oktober 2007 (it-Tieni Liġi dwar il-Leġiżlazzjoni tad-Drittijiet tal-Awtur fis-Soċjetà tal-Informazzjoni tas‑26 ta’ Ottubru 2007) (BGBl. 2007 I, p. 2513) sabiex jitkompla l-adattament tad-drittijiet tal-awtur Ġermaniż għall-iżviluppi fil-qasam tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni kif ukoll sabiex jiġu solvuti l-kwistjonijiet li, fid-dawl tat-terminu qasir għat-traspożizzjoni tad-Direttiva 2001/29, ma setgħux jiġu solvuti fil-kuntest tar-riforma preċedenti tad-drittijiet tal-awtur, din il-qorti tenfasizza li, skont l-espożizzjoni tal-motivi ta’ din il-liġi, “ma kinitx kwistjoni li tinbidel l-istruttura bażika tad-dritt ta’ trażmissjoni mill-ġdid permezz tal-kejbil ‘fid-dawl tal-ħtiġijiet internazzjonali u Ewropej’”.

23      Skont ġurisprudenza stabbilita, ma huwiex il-kompitu tal-Qorti tal‑Ġustizzja li tiddeċiedi dwar l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali, peress li tali interpretazzjoni taqa’ effettivament fil-ġurisdizzjoni esklużiva tal‑qrati nazzjonali. Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni biex tiddeċiedi l-kwistjoni dwar jekk id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 20b tal-UrhG jikkostitwixxux traspożizzjoni tad-Direttiva 93/83 jew tad-Direttiva 2001/29 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ Ottubru 2021, A u B (Tassazzjoni komuni tal-birreriji żgħar), C‑221/20 u C‑223/20, EU:C:2021:890, punti 16 u 17 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

24      Wara li dan ġie ppreċiżat, għandu jiġi rrilevat li l-qorti tar-rinviju tindika b’mod ċar, fir-risposta tagħha imsemmija fil-punt 21 ta’ din is-sentenza, li r-Raba’ Liġi li temenda l-UrhG tat‑8 ta’ Mejju 1998, li daħħlet Artikolu 20b fl-UrhG, ittrasponiet id-Direttiva 93/83.

25      Dwar dan il-punt, għandu jitfakkar li, fl-ewwel lok, skont l-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 93/8, il-kunċett ta’ “trażmissjoni mill-ġdid permezz tal-kejbil” huwa ddefinit bħala r-“ritrasmissjoni simultanja, mhux alterata u mhux imqassra bil-cable jew sistema ta’ microwave għal reception mill-pubbliku għal trasmissjoni inizjali minn Stat Membru ieħor, bil-wire jew over the air, inkluża dik bis-satellita, jew programmi tat-televiżjoni jew tar-radju maħsuba għal reception mill-pubbliku”.

26      Kif diġà ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, id-Direttiva 93/83 tirregola biss l-eżerċizzju tad-dritt ta’ trażmissjoni mill-ġdid permezz tal-kejbil fir-relazzjoni bejn il-proprjetarji tad-drittijiet tal-awtur u ta’ drittijiet relatati, minn naħa, u l-“operaturi tal-cable” jew id-“distributuri bil-cable”, min-naħa l-oħra. Issa, il-kunċetti ta’ “operatur tal-cable” jew ta’ “distributur bil-cable” jindikaw l-operaturi tan-networks tradizzjonali tal-kejbil (sentenza tat‑8 ta’ Settembru 2022, RTL Television, C‑716/20, EU:C:2022:643, punti 76 u 77).

27      Minn dan isegwi li lukanda ma tistax tiġi kkunsidrata bħala li hija “operatur tal-cable”, fis-sens tad-Direttiva 93/83 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Settembru 2022, RTL Television, C‑716/20, EU:C:2022:643, punti 84 u 85).

28      Fit-tieni lok, fir-rigward taċ-ċirkustanza, irrilevata mill-qorti tar-rinviju, li, fil-kawża prinċipali, il-lukanda operata minn Citadines għandha kuntratt ta’ liċenzja li jawtorizza t-trażmissjonijiet mill-ġdid inkwistjoni, għandu jiġi kkonstatat li d-deċiżjoni tar-rinviju ma tinkludi ebda preċiżazzjoni dwar it-tip ta’ atti li huma koperti minn tali kuntratt ta’ liċenzja.

29      Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, Citadines osservat li, għalkemm hija ma tikkontestax li, bit-trażmissjoni mill-ġdid ta’ trażmissjonijiet lir-riċevituri ġewwa l-lukanda, hija wettqet atti ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29, hija tafferma wkoll li, għal dan l-għan, hija akkwistat, b’mod eżawrjenti, il-liċenzji meħtieġa mingħand il-kumpanniji ta’ ġestjoni kollettiva kompetenti, li għalihom hija tħallas kull sena tariffa fissa għal kull kamra ta’ lukanda.

30      Min-naħa tagħha, MPLC sostniet li l-kuntratt ta’ liċenzja konkluż minn Citadines ma jkoprix it-trażmissjoni mill-ġdid diretta u indiretta ta’ programmi tar-radju u tat-televiżjoni permezz ta’ network ta’ distribuzzjoni speċifiku għal-lukanda kkonċernata.

31      F’dan ir-rigward, skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest tal-proċedura msemmija fl-Artikolu 267 TFUE, ibbażata fuq separazzjoni netta tal-funzjonijiet bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, kull evalwazzjoni tal-fatti tal-kawża taqa’ taħt il-ġurisdizzjoni tal-qorti nazzjonali (sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2020, BAKATI PLUS, C‑656/19, EU:C:2020:1045, punt 30 u ġurisprudenza ċċitata).

32      Għaldaqstant, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina jekk, fil-kawża li għandha quddiemha, il-kuntratt ta’ liċenzja konkluż minn Citadines ikoprix l-eventwali atti ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29, imwettqa minn din il-kumpannija.

33      F’dan il-kuntest, fi kwalunkwe każ, għandu jingħad ukoll li l-fatt li tali kuntratt ta’ liċenzja ġie konkluż huwa irrilevanti fir-rigward ta’ li wieħed isir jaf jekk it-trażmissjonijiet mill-ġdid inkwistjoni jikkostitwixxux komunikazzjoni lill-pubbliku, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. Min-naħa l-oħra, kif irrilevat il-Kummissjoni Ewropea fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, l-eżistenza ta’ tali kuntratt ta’ liċenzja tista’ tistabbilixxi jekk tali komunikazzjoni, jekk tiġi pprovata, ġietx awtorizzata mill-awtur tax-xogħol ikkonċernat.

34      Huwa fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti li għandha tingħata risposta għad-domanda preliminari.

 Fuq ilmertu

35      Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-provvista ta’ settijiet tat-televiżjoni installati fil-kmamar jew fis-sala tal-isport ta’ lukanda, meta sinjal jiġi, barra minn hekk, trażmess mill-ġdid lil dawn is-settijiet permezz ta’ network ta’ distribuzzjoni bil-kejbil speċifiku għal dan l-istabbiliment, tikkostitwixxi “komunikazzjoni lill-pubbliku”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

36      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29, “[l]-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-awturi bid-dritt esklussiv li jawtorizzaw jew jipprojbixxu kull komunikazzjoni lill-pubbliku tax-xogħolijiet tagħhom, bil-fili jew mezzi mingħajr fili, inklużi li jagħmlu disponibbli lill-pubbliku x-xogħolijiet tagħhom b’mod li membri tal-pubbliku jistgħu jkollhom aċċess għalihom minn post u f’ħin magħżul individwalment minnhom”.

37      Kif il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ripetutament, skont din id-dispożizzjoni, l-awturi għandhom dritt ta’ natura preventiva li jippermettilhom jindaħlu bejn eventwali utenti tax-xogħol tagħhom u l-komunikazzjoni lill-pubbliku li dawn l-utenti jistgħu jikkunsidraw li jwettqu, u dan sabiex jipprojbixxu li dan isir (sentenzi tal‑31 ta’ Mejju 2016, Reha Training, C‑117/15, EU:C:2016:379, punt 30, u tat‑22 ta’ Ġunju 2021, YouTube u Cyando, C‑682/18 u C‑683/18, EU:C:2021:503, punt 62 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

38      Fir-rigward tal-kontenut tal-kunċett ta’ “komunikazzjoni lill-pubbliku”, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29, għandu jinftiehem, kif tenfasizza l-premessa 23 tad-Direttiva 2001/29, f’sens wiesa’ li jkopri kull komunikazzjoni lill-pubbliku mhux preżenti fil-post tal-oriġini tal-komunikazzjoni u, għalhekk, kwalunkwe trażmissjoni jew trażmissjoni mill-ġdid, ta’ din in-natura, ta’ xogħol lill-pubbliku, bil-fil jew mingħajr fil, inkluż ix-xandir. Fil-fatt, mill-premessi 4, 9 u 10 ta’ din id-direttiva jirriżulta li din għandha l-għan prinċipali li tistabbilixxi livell għoli ta’ protezzjoni favur l-awturi, li tippermettilhom jiksbu remunerazzjoni xierqa għall-użu tax-xogħlijiet tagħhom, b’mod partikolari fil-każ ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku (sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2021, YouTube u Cyando, C‑682/18 u C‑683/18, EU:C:2021:503, punt 63 u l-ġurisprudenza ċċitata).

39      F’dan ir-rigward, kif il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet diversi drabi, dan il-kunċett jassoċja żewġ elementi kumulattivi, jiġifieri att ta’ komunikazzjoni ta’ xogħol u l-komunikazzjoni ta’ dan tal-aħħar lil pubbliku, u jimplika evalwazzjoni individwalizzata (sentenzi tal‑31 ta’ Mejju 2016, Reha Training, C‑117/15, EU:C:2016:379, punt 37; tat‑2 ta’ April 2020, Stim u SAMI, C‑753/18, EU:C:2020:268, punt 30, u tat‑22 ta’ Ġunju 2021, YouTube u Cyando, C‑682/18 u C‑683/18, EU:C:2021:503, punt 66 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

40      Għall-finijiet ta’ tali evalwazzjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni diversi kriterji kumplimentari, ta’ natura mhux awtonoma u li huma interdipendenti. Peress li f’sitwazzjonijiet konkreti differenti, dawn il-kriterji jistgħu jkunu preżenti b’intensità varjabbli ħafna, għandhom jiġu applikati kemm b’mod individwali kif ukoll fl-interazzjoni ma’ xulxin (sentenzi tal‑31 ta’ Mejju 2016, Reha Training, C‑117/15, EU:C:2016:379, punt 35, u tat‑22 ta’ Ġunju 2021, YouTube u Cyando, C‑682/18 u C‑683/18, EU:C:2021:503, punt 67 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

41      Fost dawn il-kriterji, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat, minn naħa, ir-rwol indispensabbli li għandu l-utent u n-natura deliberata tal-intervent tiegħu. Fil-fatt, dan l-utent iwettaq “att ta’ komunikazzjoni” meta jintervjeni, b’għarfien sħiħ tal-konsegwenzi tal-aġir tiegħu, sabiex jagħti lill-klijenti tiegħu aċċess għal xogħol protett, u dan b’mod partikolari meta, fl-assenza ta’ dan l-intervent, dawn il-klijenti ma jkunux jistgħu, bħala prinċipju, igawdu mix-xogħol imxandar (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2021, YouTube u Cyando, C‑682/18 u C‑683/18, EU:C:2021:503, punt 68 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

42      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li n-natura lukrattiva ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29, ma hijiex irrilevanti (sentenza tat‑8 ta’ Settembru 2016, GS Media, C‑160/15, EU:C:2016:644, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).

43      Min-naħa l-oħra, sabiex jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “komunikazzjoni lill-pubbliku”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, jeħtieġ ukoll li x-xogħlijiet protetti jiġu effettivament ikkomunikati lil pubbliku (sentenzi tal‑31 ta’ Mejju 2016, Reha Training, C‑117/15, EU:C:2016:379, punt 40, u tat‑28 ta’ Ottubru 2020, BY (Prova fotografika), C‑637/19, EU:C:2020:863, punt 25 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

44      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-kunċett ta’ “pubbliku” jirreferi għal numru indeterminat ta’ destinatarji potenzjali u jimplika, barra minn hekk, numru pjuttost kbir ta’ persuni (sentenzi tal‑31 ta’ Mejju 2016, Reha Training, C‑117/15, EU:C:2016:379, punt 41, u tat‑22 ta’ Ġunju 2021, YouTube u Cyando, C‑682/18 u C‑683/18, EU:C:2021:503, punt 69 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

45      Jirriżulta ukoll minn ġurisprudenza stabbilita li, sabiex jiġi kklassifikat bħala “komunikazzjoni lill-pubbliku”, xogħol protett għandu jiġi kkomunikat b’mod tekniku speċifiku, differenti minn dawk użati sa dak il-mument jew, fin-nuqqas ta’ dan, għandu jiġi kkomunikat lil “pubbliku ġdid”, jiġifieri pubbliku li ma jkunx diġà ttieħed inkunsiderazzjoni mill-persuna li għandha d-dritt meta din il-persuna tkun awtorizzat il-komunikazzjoni inizjali tax-xogħol tagħha lill-pubbliku (sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2021, YouTube u Cyando, C‑682/18 u C‑683/18, EU:C:2021:503, punt 70 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

46      Huwa fid-dawl, b’mod partikolari, ta’ dawn il-kriterji, u konformement mal-evalwazzjoni individwalizzata mfakkra fil-punt 37 ta’ din is-sentenza, li għandu jiġi evalwat jekk, f’kawża bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-operatur ta’ lukanda li jipprovdi fil-kmamar u fis-sala tal-isport ta’ dan l-istabbiliment settijiet tat-televiżjoni u/jew tar-radju li lilhom jittrażmetti mill-ġdid sinjal imxandar iwettaqx att ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29.

47      Bħala prinċipju, hija l-qorti nazzjonali li għandha tiddetermina jekk dan huwa l-każ f’każ partikolari u li tagħmel kwalunkwe evalwazzjoni definittiva tal-fatt f’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja hija kompetenti biex tipprovdi lill-qorti tar-rinviju l-elementi kollha ta’ interpretazzjoni li jaqgħu taħt id-dritt tal-Unjoni biex jiġi evalwat jekk hemmx tali att ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku.

48      F’dan il-każ, fl-ewwel lok, għandu jiġi kkunsidrat li l-operatur ta’ lukanda jwettaq att ta’ komunikazzjoni, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29, meta jittrażmetti deliberatament xogħlijiet protetti lill-klijentela tiegħu, billi jiddistribwixxi volontarjament sinjal permezz ta’ settijiet tat-televiżjoni li huwa jkun installa f’dan l-istabbiliment (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑31 ta’ Mejju 2016, Reha Training, C‑117/15, EU:C:2016:379, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata).

49      Fit-tieni lok, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-klijenti ta’ tali lukanda jikkostitwixxu numru indeterminat ta’ destinatarji potenzjali, sa fejn l-aċċess ta’ dawn il-klijenti għas-servizzi ta’ dan l-istabbiliment jirriżulta, bħala prinċipju, mill-għażla stess ta’ kull wieħed minnhom u hija limitata biss minn kemm kapaċi jiġu ospitati persuni fl-imsemmi stabbiliment, u li l-klijenti ta’ lukanda jikkostitwixxu numru pjuttost kbir ta’ persuni, hekk li dawn għandhom jiġu kkunsidrati bħala li jikkostitwixxu “pubbliku” (sentenza tal‑15 ta’ Marzu 2012, Phonographic Performance (Ireland), C‑162/10, EU:C:2012:141, punti 41 u 42).

50      Fit-tielet lok, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, sabiex ikun hemm komunikazzjoni lill-pubbliku, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29, l-utent ikkonċernat għandu jagħti, b’għarfien sħiħ tal-konsegwenzi tal-aġir tiegħu, aċċess għal trażmissjoni mxandra li tinkludi xogħol protett lil pubbliku addizzjonali u li għalhekk jidher li, fl-assenza ta’ dan l-intervent, il-persuni li jikkostitwixxu dan il-pubbliku “ġdid”, filwaqt li jkunu jinsabu ġewwa ż-żona ta’ kopertura ta’ din it-trażmissjoni, ma jkunux jistgħu, bħala prinċipju, igawdu minn dan ix-xogħol. Għalhekk, meta l-operatur ta’ lukanda jittrażmetti deliberatament tali xogħol lill-klijentela tiegħu, billi jiddistribwixxi volontarjament sinjal permezz ta’ riċevituri tat-televiżjoni jew tar-radju li jkun installa f’dan l-istabbiliment, huwa jintervjeni, b’għarfien sħiħ tal-konsegwenzi tal-aġir tiegħu, sabiex jagħti aċċess għal dan ix-xogħol lill-klijenti tiegħu. Fil-fatt, fl-assenza ta’ tali intervent, dawn il-klijenti, għalkemm jinsabu ġewwa tali żona ta’ koperatura, ma jistgħux, bħala prinċipju, igawdu mill-imsemmi xogħol (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑31 ta’ Mejju 2016, Reha Training, C‑117/15, EU:C:2016:379, punti 46 u 47, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

51      Fir-raba’ lok, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex ikun hemm komunikazzjoni lill-pubbliku, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, ikun biżżejjed li x-xogħol ikun disponibbli lill-pubbliku b’mod li l-persuni li jikkostitwixxuh jistgħu jkollhom aċċess għalih (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Diċembru 2006, SGAE (C‑306/05, EU:C:2006:764, punt 43). Minn dan isegwi li huwa irrilevanti l-fatt, imsemmi mill-qorti tar-rinviju, li s-settijiet tat-televiżjoni ma nxtegħlux minn Citadines, iżda minn klijenti tal-lukanda operata minn din il-kumpannija.

52      Fil-ħames lok, fir-rigward tan-natura lukrattiva msemmija fil-punt 40 ta’ din is-sentenza, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-att li permezz tiegħu l-operatur ta’ lukanda jagħti aċċess għal xogħol imxandar lill-klijenti tiegħu jikkostitwixxi provvista ta’ servizz addizzjonali li għandha influwenza fuq il-livell ta’ dan l-istabbiliment u, għaldaqstant, fuq il-prezz tal-kmamar tiegħu, b’tali mod li dan l-att għandu natura lukrattiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑7 ta’ Diċembru 2006, SGAE, C‑306/05, EU:C:2006:764, punt 44, kif ukoll tal‑15 ta’ Marzu 2012, Phonographic Performance (Ireland), C‑162/10, EU:C:2012:141, punti 44 u 45).

53      Fis-sitt u l-aħħar lok, ma jistax jiġi kkunsidrat li l-provvista ta’ settijiet tat-televiżjoni fil-kmamar u fis-sala tal-isport tal-lukanda inkwistjoni fil-kawża prinċipali tikkostitwixxi “sempliċi provvista ta’ faċilitajiet fiżiċi”, fis-sens tal-premessa 27 tad-Direttiva 2001/29.

54      Fil-fatt, fir-rigward ta’ lukandi, jirriżulta minn ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li, jekk is-sempliċi provvista ta’ installazzjonijiet fiżiċi, li tkopri ġeneralment, minbarra tali stabbiliment, impriżi speċjalizzati fil-bejgħ jew fil-kiri ta’ settijiet ta’ televiżjoni, ma tikkostitwixxix, bħala tali, att ta’ komunikazzjoni fis-sens tad-Direttiva 2001/29, xorta jibqa’ l-fatt li din l-installazzjoni tista’ trendi teknikament possibbli l-aċċess tal-pubbliku għax-xogħlijiet imxandra. Għalhekk, jekk, permezz tas-settijiet tat-televiżjoni hekk installati, il-lukanda tqassam is-sinjal lill-klijenti tagħha alloġġjati fil-kmamar ta’ dan l-istabbiliment, ikun hemm komunikazzjoni lill-pubbliku, fis-sens tal-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva, mingħajr ma jkun rilevanti li ssir magħrufa t-teknika tat-trażmissjoni tas-sinjal li tiġi użata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Diċembru 2006, SGAE, C‑306/05, EU:C:2006:764, punt 46).

55      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-provvista ta’ settijiet tat-televiżjoni installati fil-kmamar jew fis-sala tal-isport ta’ lukanda, meta sinjal jiġi, barra minn hekk, trażmess mill-ġdid lil dawn is-settijiet permezz ta’ network ta’ distribuzzjoni bil-kejbil speċifiku għal dan l-istabbiliment, tikkostitwixxi “komunikazzjoni lill-pubbliku”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

 Fuq lispejjeż

56      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat22 ta’ Mejju 2001 dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà ta’ l-informazzjoni,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

il-provvista ta’ settijiet tat-televiżjoni installati fil-kmamar jew fis-sala tal-isport ta’ lukanda, meta sinjal jiġi, barra minn hekk, trażmess mill-ġdid lil dawn is-settijiet permezz ta’ network ta’ distribuzzjoni bil-kejbil speċifiku għal dan l-istabbiliment, tikkostitwixxi “komunikazzjoni lill-pubbliku”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.