Language of document : ECLI:EU:C:2022:459

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla)

9 ta’ Ġunju 2022 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Tassazzjoni – Dazji tas-sisa – Direttiva 2008/118/KE – Artikolu 11 – Rimbors tad-dazji tas-sisa applikabbli għall-prodotti suġġetti għas-sisa li kienu ġew irrilaxxati għall-konsum – Direttiva 2011/64/UE – Punt (b) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 17 – Rimbors tas-sisa diġà mħallsa, permezz ta’ marki fiskali mqiegħda fuq it-tabakk immanifatturat meqrud taħt superviżjoni amministrattiva – Obbligu tal-Istati Membri li jadottaw leġiżlazzjoni li tipprevedi r-rimbors tad-dazji tas-sisa għat-tabakk immanifatturat irrilaxxat għall-konsum u meqrud taħt superviżjoni doganali – Assenza”

Fil-Kawża C‑55/21,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Varhoven administrativen sad (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Bulgarija), permezz ta’ deċiżjoni tas‑6 ta’ Jannar 2021, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑28 ta’ Jannar 2021, fil-proċedura

Direktor na Agentsia “Mitnitsi”

vs

“IMPERIAL TOBACCO BULGARIA” EOOD,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla),

komposta minn I. Jarukaitis, President tal-Awla, M. Ilešič (Relatur) u Z. Csehi, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Pikamäe,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għad-Direktor na Agentsia “Mitnitsi”, minn P. Tonev,

–        għal “IMPERIAL TOBACCO BULGARIA” EOOD, minn T. Nenov u D. Vuchkov, advokati,

–        għall-Gvern Bulgaru, minn M. Georgieva u L. Zaharieva, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn V. Bozhilova u C. Perrin, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 11 tad-Direttiva tal-Kunsill 2008/118/KE tas‑16 ta’ Diċembru 2008 dwar l-arranġamenti ġenerali għad-dazju tas-sisa u li jħassar id-Direttiva 92/12/KEE (ĠU 2009, L 9, p. 12), u tal-punt (b) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 tad-Direttiva tal-Kunsill 2011/64/KE tal‑21 ta’ Ġunju 2011 dwar l-istruttura u r-rati tad-dazju tas-sisa fuq it-tabakk manifatturat (ĠU 2011, L 176, p. 24).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn id-Direktor na Agentsia “Mitnitsi” (id-Direttur tal-Aġenzija Doganali, il-Bulgarija) (iktar ’il quddiem id-“Direttur tal-Aġenzija”) u “IMPERIAL TOBACCO BULGARIA” EOOD, stabbilita fil-Bulgarija (iktar ’il quddiem “Imperial”), dwar ir-rimbors tad-dazji tas-sisa.

 Ilkuntest ġuridiku

 Iddritt talUnjoni

 IdDirettiva 2008/118

3        Skont il-premessi 8, 9 u 31 tad-Direttiva 2008/118:

“(8)      Billi jibqa’ meħtieġ għall-funzjonament bla xkiel tas-suq intern li l-kunċett, u l-kondizzjonijiet għall-ħlas, tad-dazju tas-sisa jkunu l-istess fl-Istati Membri kollha, jeħtieġ li jkun iċċarat fil-livell tal-[Unjoni] meta l-prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa jkunu rilaxxati għall-konsum u liema hija l-persuna li għandha tħallas it-taxxa tas-sisa.

(9)      Billi d-dazju tas-sisa huwa taxxa fuq il-konsum ta’ ċerti prodotti, id-dazju m’għandux jitħallas fir-rigward ta’ prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa li, taħt xi ċirkostanzi, jkunu ġew meqruda jew mitlufa għal kollox.

[…]

(31)      L-Istati Membri għandhom ikunu kapaċi jipprovdu li l-oġġetti rilaxxati għall-konsum ikollhom marki fiskali […]. L-użu ta’ dawn il-marki m’għandu jostakola bl-ebda mod il-kummerċ [fl-Unjoni].

Peress li l-użu ta’ dawn il-marki m’għandux iwassal għal tassazzjoni doppja, għandu jiġi ċċarat li kwalunkwe ammont imħallas jew garantit biex jinkisbu dawn il-marki għandu jiġi rimborżat, maħfur jew rilaxxat mill-Istat Membru li ħareġ dawn il-marki jekk id-dazju tas-sisa jkun sar dovut u nġabar fi Stat Membru ieħor.

Madankollu, sabiex jiġi evitat kull abbuż, l-Istati Membri li ħarġu dawn il-marki għandhom ikunu jistgħu jagħmlu rimborż, maħfra jew rilaxx bil-kondizzjoni li tiġi ppreżentata evidenza li dawn tneħħew jew inqerdu.”

4        L-Artikolu 1(1) ta’ din id-direttiva jipprevedi:

“Din id-Direttiva tistabbilixxi arranġamenti ġenerali fir-rigward tad-dazju tas-sisa li jaffettwa direttament jew indirettament il-konsum tal-prodotti li ġejjin (minn hawn ‘il quddiem ‘prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa’):

[…]

(ċ)      tabakk manifatturat kopert [mid-Direttiva tal-Kunsill] 95/59/KE [tas‑27 ta’ Novembru 1995 dwar taxxi li mhumiex taxxi fuq il-qliegħ li jaffettwaw il-konsum ta’ tabakk manifatturat (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 283), mid-Direttiva tal-Kunsill] 92/79/KEE [tad‑19 ta’ Ottubru 1992 dwar l-approssimazzjoni tat-taxxi fuq is-sigaretti (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 13, p. 202) u mid-Direttiva tal-Kunsill] 92/80/KEE [tad‑19 ta’ Ottubru 1992 dwar it-tqarrib tat-taxxi fuq it-tabakk fabbrikat li mhux sigaretti (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 13, p. 204)].”

5        L-Artikolu 2 tad-Direttiva 2008/118 jipprovdi:

“Il-prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa għandhom ikunu soġġetti għad-dazju tas-sisa fil-ħin ta’:

(a)      il-produzzjoni tagħhom […] ġewwa t-territorju tal-[Unjoni];

(b)      l-importazzjoni tagħhom fit-territorju tal-[Unjoni].”

6        L-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“Għall-fini ta’ din id-Direttiva kif ukoll tad-dispożizzjonijiet implimentattivi tagħha, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)      ‘magazzinier awtorizzat’, tfisser persuna fiżika jew ġuridika awtorizzata mill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru li, fl-eżerċizzju tal-professjoni tagħha, tipproduċi, tipproċessa, iżżomm, tirċievi jew tibgħat prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa taħt arranġament ta’ sospensjoni tad-dazju f’maħżen tat-taxxa;

[…]

(7)      ‘arranġament ta’ sospensjoni tad-dazju’ tfisser arranġament tat-taxxa applikat għall-produzzjoni, l-ipproċessar, iż-żamma jew il-moviment ta’ prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa mhux koperti minn proċedura jew arranġament doganali sospensiv, bid-dazju tas-sisa jkun sospiż;

[…]

(11)      ‘maħżen tat-taxxa’ tfisser post fejn prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa huma prodotti, ipproċessati, miżmuma, riċevuti jew mibgħuta taħt arranġamenti ta’ sospensjoni tad-dazju minn magazzinier awtorizzat matul in-negozju tiegħu, soġġett għal ċerti kondizzjonijiet stabbiliti mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru fejn ikun jinsab il-maħżen tat-taxxa.”

7        Il-Kapitolu II ta’ din id-direttiva, intitolat “Impożizzjoni tal-ħlas rimborż, eżenzjoni”, jinkludi tliet taqsimiet. Fit-Taqsima 1, intitolata “Il-post u ħin tal-impożizzjoni tal-ħlas”, jinsabu l-Artikoli 7 sa 10 tagħha.

8        Skont l-Artikolu 7 tal-imsemmija direttiva:

“1.      Id-dazju tas-sisa għandu jsir imponibbli fil-ħin, u fl-Istat Membru, tar-rilaxx għall-konsum.

2.      Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, ir-‘rilaxx għall-konsum’ għandu jfisser kwalunkwe wieħed minn dawn li ġejjin:

(a)      it-tluq ta’ prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa, inkluż it-tluq irregolari, minn arranġament ta’ sospensjoni tad-dazju;

[…]

4.      Il-qerda totali jew it-telf irrimedjabbli tal-prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa li tqiegħdu taħt arranġament ta’ sospensjoni tad-dazju, b’riżultat tan-natura inerenti ta’ dawk il-prodotti, ta’ ċirkostanzi mhux previdibbli, jew forza maġġuri, jew b’konsegwenza ta’ awtorizzazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru, m’għandhomx jitqiesu bħala rilaxx għall-konsum.

Għall-fini ta’ din id-Direttiva, il-prodotti għandhom ikunu kkunsidrati meqruda totalment jew mitlufa għal kollox meta ma jkunux jistgħu jintużaw bħala prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa.

Il-qerda totali jew it-telf irrimedjabbli tal-prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa kkonċernati għandu jiġi ppruvat għas-sodisfazzjon tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru fejn tkun saret il-qerda totali jew it-telf irrimedjabbli, jew, meta ma jkunx possibbli li jiġi determinat fejn seħħ it-telf, fejn ġie żvelat.

5.      Kull Stat Membru għandu jistabbilixxi r-regoli u l-kondizzjonijiet tiegħu stess li taħthom ikun iddeterminat it-telf imsemmi fil-paragrafu 4.”

9        L-Artikolu 11, li jinsab fit-Taqsima 2, intitolata “Rimborż u maħfra”, tal-Kapitolu II tad-Direttiva 2008/118, jipprevedi:

“Barra mill-każijiet […] previsti fid-Direttivi msemmija fl-Artikolu 1, id-dazju tas-sisa fuq prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa li jkunu ġew rilaxxati għall-konsum jistgħu, fuq talba tal-persuna kkonċernata, jiġu rimborżati jew maħfura mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru fejn dawk il-prodotti ġew rilaxxati għall-konsum fis-sitwazzjonijiet stabbiliti mill-Istati Membri u skont il-kondizzjonijiet li l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu għall-fini tal-prevenzjoni ta’ kwalunkwe evażjoni jew abbuż possibbli.

[…]”

10      L-Artikolu 15(2) ta’ din id-direttiva jipprevedi:

“Il-produzzjoni, l-ipproċessar u ż-żamma ta’ prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa, fejn id-dazju tas-sisa ma jkunx tħallas, għandu jseħħ f’maħżen tat-taxxa.”

11      L-Artikolu 39 tal-imsemmija direttiva jipprovdi:

“1.      Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 7(1), l-Istati Membri jistgħu jeħtieġu li l-prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa jkollhom marki fiskali […] fil-mument meta l-prodotti jiġu rilaxxati għall-konsum fit-territorju tagħhom […].

[…]

3.      Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet li jistgħu jistabbilixxu sabiex jiżguraw li dan l-Artikolu jiġi implimentat b’mod korrett u biex jevitaw kull tip ta’ evażjoni, ħrib jew abbuż, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-amrki fiskali […] ma joħolqux ostakoli għall-moviment ħieles tal-prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa.

Meta dawn il-marki jitpoġġew fuq prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa, kwalunkwe ammont imħallas jew garantit biex jinkisbu dawn il-marki, bl-eċċezzjoni tal-ispejjeż għall-ħruġ tagħhom, għandu jiġi rimborżat, maħfur jew rilaxxat mill-Istat Membru li jkun ħariġhom jekk id-dazju tas-sisa jkun sar imponibbli u nġabar fi Stat Membru ieħor.

L-Istat Membru li ħareġ dawn il-marki jista’ madankollu jirrikjedi li r-rimborż, il-maħfra jew ir-rilaxx tal-ammont imħallas jew garantit ikunu soġġetti għall-preżentazzjoni ta’ provi, għas-sodisfazzjoni tal-awtoritajiet kompetenti tiegħu, li dawn ġew irtirati jew inqerdu.”

 IdDirettiva 2011/64

12      Skont il-premessi 2, 15 u 16 tad-Direttiva 2011/64:

“(2)      Jeħtieġ li l-leġiżlazzjoni fiskali tal-Unjoni dwar il-prodotti tat-tabakk tiżgura t-tħaddim tajjeb tas-suq intern u, fl-istess ħin, livell għoli ta’ ħarsien tas-saħħa, kif rikjest mill-Artikolu 168 [TFUE], meta jitqies li l-prodotti tat-tabakk jistgħu jikkawżaw dannu serju għas-saħħa u li l-Unjoni hija Parti fil-Konvenzjoni Qafas tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa dwar il-Kontroll tat-Tabakk (FCTC). […]

[…]

(15)      […] Ċertu grad ta’ konverġenza bejn il-livelli ta’ taxxa applikati fl-Istati Membri jgħin biex jitnaqqsu l-frodi u l-kuntrabandu fl-Unjoni.

(16)      Tali konverġenza tgħin ukoll biex tiżgura livell għoli ta’ ħarsien tas-saħħa tal-bniedem. Il-livell ta’ tassazzjoni huwa fattur ewlieni fil-prezz tal-prodotti tat-tabakk, li min-naħa tiegħu jinfluwenza d-drawwiet tat-tipjip tal-konsumaturi. Il-frodi u l-kuntrabandu jimminaw il-livelli tal-prezz ikkaġunati mit-taxxa, b’mod partikolari tas-sigaretti u tabakk imqatta’ fin intiż għall-brim tas-sigaretti u għalhekk jipperikolaw il-kisba tal-għanijiet tal-kontroll fuq it-tabakk u l-protezzjoni tas-saħħa.”

13      L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva jipprevedi:

“Din id-Direttiva tistabbilixxi prinċipji ġenerali għall-armonizzazzjoni tal-istruttura u r-rati tad-dazju tas-sisa li l-Istati Membri jimponu fuq it-tabakk manifatturat.”

14      Skont l-Artikolu 16(1) tal-imsemmija direttiva:

“Ir-regoli biex jinġabar id-dazju tas-sisa għandhom ikunu armonizzati sa mhux aktar tard mill-istadju finali ta’ armonizzazzjoni tad-dazju tas-sisa. Waqt l-istadji preċedenti d-dazju tas-sisa għandu, fil-prinċipju, jinġabar permezz ta’ bolol ta’ taxxa. […]”

15      L-Artikolu 17 tal-istess direttiva huwa fformulat kif ġej:

“Dawn li ġejjin jistgħu jiġu eżentati mid-dazju tas-sisa jew dazju tas-sisa diġà mħallas fuqhom jista’ jingħata lura:

(a)      tabakk denaturat manifatturat użat għal skopijiet industrijali u ortikulturali;

(b)      tabakk manifatturat li huwa distrutt taħt sorveljanza amministrattiva;

(c)      tabakk manifatturat li huwa intiż unikament għal testijiet xjentifiċi konnessi mal-kwalità tal-prodott;

(d)      tabakk manifatturat li reġa’ nħadem mill-produttur.

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu l-kondizzjonijiet u l-formalitajiet li għalihom huma soġġetti l-eżenzjonijiet u r-rifużjonijiet imsemmija fuq.”

16      Id-Direttiva 2011/64 ikkodifikat u ħassret id-Direttivi 92/79, 92/80 u 95/59, b’effett mill‑1 ta’ Jannar 2011. Skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 21 tagħha, ir-referenzi għad-direttivi mħassra għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal din id-direttiva.

 Iddritt Bulgaru

17      L-Artikolu 25 taż-Zakon za aktsizite i danachnite skladove (il-Liġi dwar is-Sisa u l-Imħażen Fiskali, DV Nru 91, tal‑15 ta’ Novembru 2005), fil-verżjoni applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem iż-“ZADS”), jipprovdi:

“(1)      Sakemm il-merkanzija suġġetta għad-dazju tas-sisa tiġi rrilaxxata għall-konsum, il-magazziniera awtorizzati u l-persuni rreġistrati ma għandhomx ikunu responsabbli għall-ħlas tad-dazju tas-sisa:

1.      fil-każ ta’ qerda taħt il-kontroll tal-awtoritajiet doganali ta’ merkanzija suġġetta għas-sisa, inkluża merkanzija li għandha timbru tas-sisa, kif ukoll fil-każ ta’ rtirar u qerda tat-timbri tas-sisa taħt il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 64(21) u (22).

[…]”

18      L-Artikolu 27 taż-ZADS jipprovdi:

“(1)      Fuq talba bil-miktub jew fuq l-inizjattiva tal-awtoritajiet doganali, id-dazji tas-sisa mħallsa indebitament jew li għandhom jiġu rrimborsati għandhom jiġu rrimborsati jew ikkumpensati b’rimbors ta’ dejn pubbliku dovut mill-persuna kkonċernata, li jkun tqiegħed taħt proċedura ta’ rkupru mill-[Agentsia ‘Mitnitsi’ (Aġenzija tad-Dwana, il-Bulgarija)].

[…]”

 Ittilwima filkawża prinċipali u ddomandi preliminari

19      Imperial hija magazzinier awtorizzat u għandha maħżen tat-taxxa f’Sofija (il-Bulgarija). Fit‑2 ta’ April 2019, hija ressqet, quddiem it-Teritorialna direktsiya Yugozapadna kam Agentsiya “Mitnitsi” (id-Direttorat Territorjali tal-Lbiċ tal-Aġenzija tad-Dwana, il-Bulgarija) talba għar-rimbors tad-dazji tas-sisa fl-ammont totali ta’ 90 437.69 leva Bulgari (BGN) (madwar EUR 46 300), abbażi tal-Artikolu 27(1) taż-ZADS.

20      Insostenn tat-talba tagħha għal rimbors, Imperial invokat il-fatt li l-merkanzija inkwistjoni, irrilaxxata għall-konsum, kienet prodotti tat-tabakk li tagħhom hija kienet il-proprjetarja u li kienu nqerdu taħt superviżjoni doganali fl‑1 ta’ Lulju 2016.

21      Fil-kuntest ta’ kontroll, l-awtoritajiet doganali kkonstataw li l-merkanzija msemmija fit-talba kienet ġiet irrilaxxata għall-konsum minn Imperial permezz ta’ dokumenti fiskali dwar is-sisa, annessi mat-talba tagħha, u li l-ammonti tad-dazji tas-sisa relatati ma’ din il-merkanzija kienu tħallsu. Madankollu, sa fejn l-imsemmija merkanzija kienet diġà ġiet irrilaxxata għall-konsum, dawn l-awtoritajiet qiesu li t-talba mressqa minn Imperial kienet infondata u li ma kienx hemm lok li tintlaqa’.

22      Skont l-awtoritajiet doganali, l-Artikolu 25(1) taż-ZADS, li jipprovdi li l-magazzinieri awtorizzati ma għandhomx ikunu responsabbli għall-ħlas tad-dazji tas-sisa fil-każ ta’ qerda taħt il-kontroll tal-awtoritajiet doganali ta’ merkanzija suġġetta għas-sisa, inkluża l-merkanzija li jkollha fuqha marka fiskali, huwa applikabbli biss kemm-il darba din il-merkanzija ma tkunx ġiet irrilaxxata għall-konsum.

23      Barra minn hekk, skont l-istess awtoritajiet, minn rapport ta’ perizja jirriżulta li, f’dan il-każ, l-awtentiċità tal-marki fiskali mqiegħda fuq il-prodotti abbażi tat-tabakk ma ġietx ikkontrollata, minkejja li dan jikkostitwixxi stadju indispensabbli tal-proċedura ta’ qerda. Barra minn hekk, skont dan ir-rapport, uħud minn dawn il-prodotti kellhom marka fiskali li l-perijodu ta’ validità tagħha kien skada u ma kinux fost il-prodotti koperti mill-proċedura ta’ qerda.

24      Imperial għalhekk ressqet ilment kontra din id-deċiżjoni li rrifjutat ir-rimbors quddiem id-Direttur tal-Aġenzija.

25      Peress li dan l-ilment ġie miċħud, Imperial ippreżentat rikors quddiem l-Administrativen sad Sofia-grad (il-Qorti Amministrattiva tal-Belt ta’ Sofija, il-Bulgarija), fejn tenniet l-argumenti tagħha dwar l-illegalità tad-deċiżjoni li rrifjutat ir-rimbors.

26      Permezz ta’ sentenza tad‑29 ta’ Jannar 2020, l-Administrativen sad Sofia-grad (il-Qorti Amministrattiva tal-Belt ta’ Sofia) annullat id-deċiżjoni tad-Direttur tad-Direttorat Territorjali tal-Lbiċ tal-Aġenzija tad-Dwana. Din hija s-sentenza kkontestata mid-Direttur tal-Aġenzija quddiem il-qorti tar-rinviju, il-Varhoven administrativen sad (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Bulgarija).

27      Dik il-qorti tippreċiża li, sal‑1 ta’ Jannar 2010, il-verżjonijiet kollha tal-punt 1 tal-Artikolu 25(1) taż-ZADS kienu jipprevedu li l-magazzinieri awtorizzati u l-persuni rreġistrati ma kinux responsabbli għall-ħlas tad-dazji tas-sisa, jew li d-dazji tas-sisa mħallsa kellhom jiġu rrimborsati lilhom, fil-każ ta’ qerda taħt il-kontroll tal-awtoritajiet doganali ta’ merkanzija suġġetta għas-sisa, inkluża merkanzija li jkollha marki fiskali, kif ukoll fil-każ tal-irtirar u tal-qerda tal-marki fiskali.

28      Iż-Zakon za izmenenie i dopalnenie na zakona za aktsizite i danachnite skladove (il-Liġi li Temenda u Tikkompleta l-Liġi dwar id-Dazji tas-Sisa u l-Imħażen tat-Taxxa, DV Nru 95, tal‑1 ta’ Diċembru 2009), żiedet mad-dispożizzjoni ċċitata iktar ’il fuq il-kundizzjoni dwar l-assenza ta’ rilaxx għall-konsum ta’ merkanzija suġġetta għas-sisa.

29      Imperial issostni li, billi għamlet hekk, ir-Repubblika tal-Bulgarija ma ttrasponietx korrettament id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2008/118 f’dak li jirrigwarda l-possibbiltà ta’ rimbors tad-dazji tas-sisa mħallsa għall-merkanzija li ġiet irrilaxxata għall-konsum u li, sussegwentement, inqerdet b’mod konformi u taħt il-kontroll doganali, peress li dan l-approċċ huwa inkompatibbli man-natura tad-dazji tas-sisa li jikkostitwixxu taxxa fuq il-konsum, kif jirriżulta, barra minn hekk, mill-premessa 9 tad-Direttiva 2008/118.

30      F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tirrileva li l-partijiet fil-kawża prinċipali diġà kienu affrontaw lil xulxin fil-kuntest ta’ tilwima li ħarġet minn ċirkustanzi simili. Fi tmiem din it-tilwima, li kienet taqa’ taħt il-punt 1 tal-Artikolu 25(1) taż-ZADS fil-verżjoni tiegħu preċedenti għall-emenda li saret fl‑2009, Imperial rebħet il-kawża, wara sentenza tas‑17 ta’ Lulju 2014 tal-Varhoven administrativen sad (il-Qorti Amministrattiva Suprema) ibbażata, b’mod partikolari, fuq id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Artikoli 7 u 11 tad-Direttiva 2008/118 kif ukoll tal-Artikolu 17 tad-Direttiva 2011/64.

31      Madankollu, il-qorti tar-rinviju tindika li r-riferiment għall-Artikolu 7(1) u (4) tad-Direttiva 2008/118, li sar fis-sentenza tas‑17 ta’ Lulju 2014, iqajmilha problema sa fejn l-imsemmija dispożizzjoni tiddefinixxi l-mument u l-post tat-tnissil tad-dejn u b’mod iktar speċjali l-mument tar-“rilaxx għall-konsum”, jiġifieri elementi li ma humiex rilevanti f’dan il-każ.

32      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Varhoven administrativen sad (il-Qorti Amministrattiva Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      L-Artikolu 11 tad-Direttiva [2008/118] u l-punt (b) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 17 tad-Direttiva [2011/64] għandhom jiġu interpretati fis-sens li dawn id-dispożizzjonijiet jobbligaw lill-Istati Membri jadottaw qafas ġuridiku li jipprevedi r-rimbors tad-dazji tas-sisa fir-rigward tal-merkanzija, inkluż it-tabakk immanifatturat, li tkun ġiet rilaxxata għall-konsum u li tkun ġiet meqruda taħt sorveljanza doganali?

2)      Fil-każ li tingħata risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda u fil-każ li l-obbligu tal-Istati Membri li jadottaw tali qafas ġuridiku ma jitwettaqx, il-persuni kkonċernati jistgħu jinvokaw l-effett dirett tad-dispożizzjonijiet tad-Direttivi kif ukoll il-prinċipji tad-dritt tal-Unjoni?

3)      Fil-każ li tingħata risposta fl-affermattiv għall-ewwel żewġ domandi u fid-dawl tal-fatti stabbiliti f’din il-kawża, l-effett dirett tad-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq jagħti dritt għar-rimbors, fuq sempliċi talba u mingħajr ebda formalità oħra, tad-dazji tas-sisa mħallsa?”

 Fuq lammissibbiltà tattalba għal deċiżjoni preliminari

33      Filwaqt li jinvokaw diversi ineżattezzi fil-preżentazzjoni mill-qorti tar-rinviju tal-fatti u tad-dritt nazzjonali, id-Direttur tal-Aġenzija u l-Gvern Bulgaru jsostnu li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija inammissibbli peress li ma tinkludix punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tkun tista’ tingħata risposta utli għad-domandi.

34      Madankollu, f’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju effettivament spjegat, fid-deċiżjoni tar-rinviju tagħha, il-kuntest fattwali u leġiżlattiv tat-tilwima fil-kawża prinċipali u tat minimu ta’ spjegazzjonijiet dwar ir-raġunijiet li wasslu għall-għażla tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li tagħhom hija qiegħda titlob l-interpretazzjoni, kif ukoll ir-rabta li hija tistabbilixxi bejn dawn id-dispożizzjonijiet u l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli għat-tilwima mressqa quddiemha, u dan jippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi b’mod utli għad-domandi magħmula (ara, b’analoġija, is-sentenza tad‑9 ta’ Settembru 2021, Toplofikatsia Sofia et, C‑208/20 u C‑256/20, EU:C:2021:719, punt 19 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

35      Għaldaqstant, it-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli.

 Fuq iddomandi preliminari

 Fuq lewwel domanda

36      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 11 tad-Direttiva 2008/118 u l-punt (b) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 17 tad-Direttiva 2011/64 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li dawn id-dispożizzjonijiet jimponu fuq l-Istati Membri l-obbligu li jipprevedu r-rimbors tad-dazji tas-sisa għal prodotti suġġetti għas-sisa, inkluż tabakk immanifatturat, meqruda taħt superviżjoni doganali, li jkunu diġà ġew irrilaxxati għall-konsum.

37      Preliminarjament, għandu jitfakkar li d-Direttiva 2008/118 ħassret u ssostitwixxiet, b’effett mill‑1 ta’ April 2010, id-Direttiva tal-Kunsill 92/12/KEE tal‑25 ta’ Frar 1992 dwar l-arranġamenti ġenerali għall-prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa u dwar iż-żamma, ċaqliq u mmonitorjar ta’ dan it-tip ta’ prodotti (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 179, rettifika fil-ĠU 2015, L 210, p. 39). Madankollu, peress li d-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttiva 92/12 għandhom portata essenzjalment identika għal dawk tad-Direttiva 2008/118, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar din l-ewwel direttiva hija applikabbli wkoll għad-Direttiva 2008/118 (ara, b’analoġija, is-sentenzi tat‑2 ta’ April 2020, GVC Services (Bulgaria), C‑458/18, EU:C:2020:266, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tas‑16 ta’ Settembru 2020, Mitteldeutsche Hartstein-Industrie, C‑528/19, EU:C:2020:712, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).

38      Skont l-Artikolu 1(1) tagħha, id-Direttiva 2008/118 hija intiża li tistabbilixxi l-arranġamenti ġenerali tad-dazji tas-sisa imposti direttament jew indirettament fuq il-konsum tal-prodotti suġġetti għas-sisa, li fosthom hemm it-tabakk immanifatturat, li jaqa’ taħt id-Direttiva 2011/64, u dan, b’mod partikolari, kif jirriżulta mill-premessa 8 tad-Direttiva 2008/118, sabiex jiġi żgurat li l-kunċett ta’ eżiġibbiltà tas-sisa u l-kundizzjonijiet relatati miegħu jkunu identiċi fl-Istati Membri kollha (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑24 ta’ Frar 2021, Silcompa, C‑95/19, EU:C:2021:128, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).

39      Il-fatt taxxabbli, fis-sens tad-Direttiva 2008/118, huwa kkostitwit, konformement mal-Artikolu 2 tagħha, mill-produzzjoni fit-territorju tal-Unjoni tal-prodotti suġġetti għas-sisa jew mill-importazzjoni tagħhom f’dan it-territorju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Frar 2021, Silcompa, C‑95/19, EU:C:2021:128, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).

40      Skont l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2008/118, id-dazji tas-sisa jsiru eżiġibbli, b’mod partikolari, fil-mument tar-rilaxx għall-konsum tal-prodotti suġġetti għas-sisa u fl-Istat Membru fejn iseħħ dan ir-rilaxx. Skont l-Artikolu 7(2)(a) ta’ din id-direttiva, dan il-kunċett jinkludi wkoll kull ħruġ, inkluż dak irregolari, ta’ prodotti suġġetti għas-sisa, minn arranġament ta’ sospensjoni tad-dazji, iddefinit fil-punt 7 tal-Artikolu 4 tal-imsemmija direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Frar 2021, Silcompa, C‑95/19, EU:C:2021:128, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).

41      Skont il-punt 7 tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2008/118, l-arranġament ta’ sospensjoni tad-dazji huwa arranġament fiskali applikabbli għall-produzzjoni, għall-ipproċessar, għaż-żamma jew għaċ-ċirkolazzjoni ta’ prodotti suġġetti għas-sisa li ma humiex koperti minn proċedura doganali sospensiva jew minn arranġament doganali sospensiv, filwaqt li d-dazji tas-sisa jkunu sospiżi.

42      Tali arranġament huwa kkaratterizzat mill-fatt li d-dazji tas-sisa relatati mal-prodotti li jaqgħu taħt dan l-arranġament għadhom ma humiex eżiġibbli, minkejja li l-fatt taxxabbli jkun diġà seħħ. Għaldaqstant, għal dak li jikkonċerna l-prodotti suġġetti għas-sisa, dan l-arranġament jipposponi l-eżiġibbiltà tas-sisa sakemm tiġi ssodisfatta kundizzjoni ta’ eżiġibbiltà (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Frar 2021, Silcompa, C‑95/19, EU:C:2021:128, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata).

43      Barra minn hekk, konformement mal-Artikolu 1 tagħha, id-Direttiva 2011/64 tistabbilixxi l-prinċipji ġenerali għall-armonizzazzjoni tal-istrutturi u tar-rati tas-sisa li l-Istati Membri jimponu fuq it-tabakk immanifatturat.

44      Konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fl-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, ma għandhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni biss il-kliem tagħha iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li tagħmel parti minnha. L-oriġini ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni tista’ wkoll tipprovdi elementi rilevanti għall-interpretazzjoni tagħha (sentenzi tat‑2 ta’ Settembru 2021, CRCAM, C‑337/20, EU:C:2021:671, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tas‑6 ta’ Ottubru 2021, Conacee, C‑598/19, EU:C:2021:810, punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata).

45      Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-formulazzjoni tad-dispożizzjonijiet imsemmija fl-ewwel domanda preliminari, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 11 tad-Direttiva 2008/118, id-dazji tas-sisa applikabbli għall-prodotti suġġetti għas-sisa li jkunu ġew irrilaxxati għall-konsum jistgħu, fuq talba mill-persuna kkonċernata, ikunu s-suġġett ta’ rimbors min-naħa tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru li fih il-prodotti kkonċernati jkunu ġew irrilaxxati għall-konsum, u dan fis-sitwazzjonijiet iddefiniti mill-Istati Membri u skont il-kundizzjonijiet stabbiliti minnhom sabiex tiġi evitata kull forma eventwali ta’ frodi jew ta’ abbuż.

46      Barra minn hekk, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 17 tad-Direttiva 2011/64, jista’ jikseb ir-rimbors tas-sisa diġà mħallsa, b’mod partikolari, it-tabakk immanifatturat li jinqered taħt superviżjoni amministrattiva.

47      Għalhekk, l-Artikolu 11 tad-Direttiva 2008/118 jirrigwarda, b’mod ġenerali, ir-rimbors tad-dazji tas-sisa applikabbli għall-prodotti suġġetti għas-sisa li jkunu ġew irrilaxxati għall-konsum, filwaqt li l-Artikolu 17 tad-Direttiva 2011/64 japplika għal erba’ każijiet speċifiċi, b’mod partikolari dak tal-qerda tat-tabakk immanifatturat taħt superviżjoni amministrattiva, mingħajr ma jispeċifika jekk dan kienx ġie rrilaxxat għall-konsum jew le.

48      F’dak li jirrigwarda, b’mod iktar partikolari, il-punt (b) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 17 tad-Direttiva 2011/64, għandu jiġi kkonstatat li, minkejja li dan jirrigwarda sitwazzjoni li timplika l-parteċipazzjoni ta’ awtoritajiet amministrattivi ta’ Stat Membru, il-formulazzjoni tiegħu ma tippermettix li jiġi konkluż li tali parteċipazzjoni tagħti awtomatikament id-dritt għar-rimbors, peress li l-kundizzjonijiet u l-formalitajiet tar-rimbors għandhom dejjem jiġu ddeterminati mill-Istat Membru kkonċernat.

49      Minn qari flimkien ta’ dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet jirriżulta, minn naħa, li dawn jipprevedu biss possibbiltà għal dak li jirrigwarda r-rimbors tad-dazji tas-sisa fuq ċerti kategoriji ta’ prodotti u, min-naħa l-oħra, li dawn iħallu marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ lill-Istati Membri fir-rigward tas-setgħa li jiddefinixxu s-sitwazzjonijiet, il-kundizzjonijiet u l-formalitajiet li għalihom huma suġġetti dawn ir-rimborsi, inkluż f’sitwazzjoni fejn il-prodotti, li jkollhom fuqhom marki fiskali, jinqerdu taħt superviżjoni amministrattiva, wara r-rilaxx tagħhom għall-konsum.

50      Fit-tieni lok, din l-interpretazzjoni tal-Artikolu 11 tad-Direttiva 2008/118 u tal-punt (b) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 17 tad-Direttiva 2011/64 tikkorrispondi mal-għanijiet imfittxija minn dawn iż-żewġ direttivi.

51      Kif jirriżulta mill-premessi 2, 15 u 16 tad-Direttiva 2011/64, il-leġiżlazzjoni fiskali tal-Unjoni applikabbli għall-prodotti tat-tabakk hija intiża li tiżgura l-funzjonament tajjeb tas-suq intern u livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa, kif jipprevedi l-Artikolu 168 TFUE, filwaqt li tiġġieled kontra l-frodi u l-kuntrabandu fi ħdan l-Unjoni.

52      Peress li s-suq tas-sigaretti huwa partikolarment espost għall-iżvilupp ta’ kummerċ illegali (sentenza tat‑2 ta’ Ġunju 2016, Kapnoviomichania Karelia, C‑81/15, EU:C:2016:398, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata), l-Istati Membri jistgħu, skont l-Artikolu 39(1) tad-Direttiva 2008/118 u l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2011/64, jitolbu, b’mod partikolari, li t-tabakk immanifatturat ikollu fuqu marki fiskali fil-mument tar-rilaxx tiegħu għall-konsum fit-territorju tagħhom. Issa, il-marki fiskali għandhom valur intrinsiku li jiddistingwihom minn sempliċi rċevuta li sservi ta’ prova għall-ħlas ta’ somma flus lill-awtoritajiet fiskali tal-Istat Membru li jkun ħareġ dawn il-marki (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Frar 2021, Silcompa, C‑95/19, EU:C:2021:128, punt 83 u l-ġurisprudenza ċċitata).

53      F’dan ir-rigward, mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 39(3) tad-Direttiva 2008/118 jirriżulta li kull ammont imħallas jew iggarantit sabiex jinkisbu marki fiskali, bl-eċċezzjoni tal-ispejjeż tal-ħruġ tagħhom, għandu jiġi rrimborsat mill-Istat Membru li jkun ħareġ dawn il-marki fil-każ biss li d-dazji tas-sisa jkunu saru eżiġibbli u jkunu nġabru fi Stat Membru ieħor, li ma kienx il-każ f’dan il-każ.

54      Barra minn hekk, mill-Artikolu 11 tad-Direttiva 2008/118 jirriżulta li l-kundizzjonijiet għar-rimbors tad-dazji tas-sisa applikabbli għall-prodotti suġġetti għas-sisa li jkunu ġew irrilaxxati għall-konsum għandhom jipprevjenu kull forma eventwali ta’ frodi jew ta’ abbuż.

55      Għaldaqstant, l-Istati Membri għandhom interess leġittimu li jieħdu l-miżuri xierqa sabiex jipproteġu l-interessi finanzjarji tagħhom, filwaqt li għandu barra minn hekk jiġi speċifikat li l-ġlieda kontra l-frodi, l-evażjoni fiskali u l-eventwali abbużi tikkostitwixxi għan imfittex mid-Direttiva 2008/118, kif jirriżulta mill-premessa 31, mill-Artikolu 11 u mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 39(3) tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑29 ta’ Ġunju 2017, Il‑Kummissjoni vs Il‑Portugall, C‑126/15, EU:C:2017:504, punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata).

56      Fit-tielet lok, fir-rigward tal-kuntest tal-Artikolu 11 tad-Direttiva 2008/118 u tal-punt (b) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 17 tad-Direttiva 2011/64, kif jirriżulta mill-punti 38 sa 43 ta’ din is-sentenza, dawn id-dispożizzjonijiet jagħmlu parti mill-arranġament ġenerali tas-sisa imposta direttament jew indirettament fuq il-konsum tal-prodotti suġġetti għas-sisa, li fosthom hemm it-tabakk immanifatturat.

57      Peress li s-sisa hija, kif imfakkar fil-premessa 9 tad-Direttiva 2008/118, taxxa fuq il-konsum, il-mument li fih issir eżiġibbli għandu normalment ikun jinsab l-iktar qrib tal-konsumatur (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ Ġunju 2016, Polihim‑SS, C‑355/14, EU:C:2016:403, punti 50 u 51).

58      Barra minn hekk, mill-punt 1 tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2008/118, moqri flimkien mal-Artikolu 15(2) tagħha, jirriżulta li l-prodotti suġġetti għas-sisa taħt arranġament ta’ sospensjoni tad-dazji għandhom jinżammu minn magazzinier awtorizzat f’maħżen tat-taxxa. Minn dan jirriżulta li d-dazji tas-sisa ma humiex eżiġibbli sakemm il-prodotti kkonċernati jkunu qegħdin jinżammu mill-magazzinier awtorizzat fil-maħżen tat-taxxa tiegħu, peress li dawn ma jistgħux fil-fatt jitqiesu, f’din is-sitwazzjoni, bħala li nħarġu minn arranġament ta’ sospensjoni tad-dazji, fis-sens tal-Artikolu 7(2)(a) tad-Direttiva 2008/118 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ Ġunju 2016, Polihim-SS, C‑355/14, EU:C:2016:403, punt 54).

59      Barra minn hekk, il-każ partikolari tal-qerda totali jew tat-telf irrimedjabbli tal-prodotti suġġetti għas-sisa mqiegħda taħt arranġament ta’ sospensjoni tad-dazji, minħabba kawża li tiddependi min-natura stess tal-prodotti, b’konsegwenza ta’ każ fortuwitu jew forza maġġuri jew sussegwentement għal awtorizzazzjoni min-naħa tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru, previst fl-Artikolu 7(4) tad-Direttiva 2008/118, jikkonċerna esklużivament prodotti li ma jkunux ġew irrilaxxati għall-konsum.

60      Meta dawn il-prodotti jitilqu mill-maħżen tat-taxxa, is-sisa ssir eżiġibbli b’mod definittiv. Għaldaqstant, meta operatur ekonomiku li jkun akkwista marki fiskali ma jkunx f’pożizzjoni li jġib il-prova li dawn il-marki ma humiex ser jintużaw sabiex jinbiegħu prodotti suġġetti għas-sisa fl-Istat Membru li ħareġ l-imsemmija marki, dan l-Istat għandu interess leġittimu li jirrifjuta li jirrimborsa l-ammont imħallas (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Diċembru 2007, BATIG, C‑374/06, EU:C:2007:788, punt 35).

61      Fir-raba’ lok, mill-punt 9.3 tal-espożizzjoni tal-motivi tal-proposta għal direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttivi 72/464/KEE u 79/32/KEE dwar taxxi li ma humiex taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ imposti fuq il-konsum ta’ tabakk immanifatturat, ippreżentata mill-Kummissjoni fis‑27 ta’ Settembru 1990 (COM(1990) 433 final), li hija l-oriġini tal-Artikolu 6a tad-Direttiva tal-Kunsill 72/464/KEE tad‑19 ta’ Diċembru 1972 dwar taxxi li ma humiex taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ imposti fuq il-konsum ta’ tabakk immanifatturat (ĠU 1972, L 303, p. 1), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 92/78/KEE tad‑19 ta’ Ottubru 1992 (ĠU 1992, L 316, p. 5), li l-kontenut tiegħu ġie riprodott b’mod identiku fl-Artikolu 11 tad-Direttiva 95/59, qabel ma sar l-Artikolu 17 attwali tad-Direttiva 2011/64, jirriżulta li l-Istati Membri ngħataw il-possibbiltà li japplikaw jew li ma japplikawx l-eżenzjonijiet fil-każ li t-tabakk immanifatturat jinqered taħt superviżjoni amministrattiva.

62      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda hija li l-Artikolu 11 tad-Direttiva 2008/118 u l-punt (b) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 17 tad-Direttiva 2011/64 għandhom jiġu interpretati fis-sens li dawn id-dispożizzjonijiet ma jimponux fuq l-Istati Membri l-obbligu li jipprevedu r-rimbors tad-dazji tas-sisa għal prodotti suġġetti għas-sisa, inkluż tabakk immanifatturat, meqruda taħt superviżjoni doganali, li jkunu diġà ġew irrilaxxati għall-konsum.

 Fuq ittieni u ttielet domanda

63      Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni u għat-tielet domanda.

 Fuq lispejjeż

64      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 11 tad-Direttiva tal-Kunsill 2008/118/KE tas16 ta’ Diċembru 2008 dwar l-arranġamenti ġenerali għad-dazju tas-sisa u li jħassar id-Direttiva 92/12/KEE, u l-punt (b) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 tad-Direttiva tal-Kunsill 2011/64/KE tal21 ta’ Ġunju 2011 dwar l-istruttura u r-rati tad-dazju tas-sisa fuq it-tabakk manifatturat għandhom jiġu interpretati fis-sens li dawn id-dispożizzjonijiet ma jimponux fuq l-Istati Membri l-obbligu li jipprevedu r-rimbors tad-dazji tas-sisa għal prodotti suġġetti għas-sisa, inkluż tabakk immanifatturat, meqruda taħt superviżjoni doganali, li jkunu diġà ġew irrilaxxati għall-konsum.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru.