Language of document : ECLI:EU:T:2023:422

SENTENZA TAL‑QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla Estiża)

26 ta’ Lulju 2023 (*)

“Rikors għal annullament u għad-danni – Membru tal-persunal internazzjonali bil-kuntratt mar-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea fil-Bosnja‑Ħerzegovina – Politika estera u ta’ sigurtà komuni – Xoljiment tal-kuntratt ta’ xogħol wara l-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni – Ġurisdizzjoni tal-qorti tal-Unjoni – Natura kuntrattwali tat-tilwima – Assenza ta’ klawżola ta’ arbitraġġ u ta’ klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni – Artikoli 263, 268, 272 u 274 TFUE – Regolament (UE) Nru 1215/2012 – Ammissibbiltà – Identifikazzjoni tal-konvenuti – Kunċett ta’ ‘korp jew organu tal-Unjoni’ – Nuqqas ta’ ġurisdizzjoni u inammissibbiltà parzjali”

Fil-Kawża T‑776/20,

Robert Stockdale, residenti fi Bristol (ir-Renju Unit), irrappreżentat minn N. de Montigny, avukat,

rikorrent,

vs

IlKunsill talUnjoni Ewropea, irrappreżentat minn A. Vitro, M. Bauer u J. Rurarz, bħala aġenti,

IlKummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn D. Bianchi u G. Gattinara, bħala aġenti,

Is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE), irrappreżentat minn S. Marquardt, K. Kouri, R. Spáč u S. Rodríguez Sánchez-Tabernero, bħala aġenti,

u

Ir-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea fil-BosnjaĦerzegovina, irrappreżentat minn B. Bajic, bħala aġent, assistita minn E. Raoult, avukata,

konvenuti,

IL‑QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla Estiża),

komposta, waqt id-deliberazzjonijiet, minn R. da Silva Passos (Relatur), President, V. Valančius, I. Reine, L. Truchot u M. Sampol Pucurull, Imħallfin,

Reġistratur: H. Eriksson, Amministratriċi,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura,

wara s-seduta tas‑17 ta’ Novembru 2022,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tar-rikors tiegħu bbażat fuq l-Artikoli 263, 268 u 272 TFUE, ir-rikorrent, Robert Stockdale, jitlob, prinċipalment, l-ewwel, li d-deċiżjoni tar-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem ir-“RSUE”) fil-Bosnja‑Ħerzegovina tas‑17 ta’ Novembru 2020 li permezz tagħha dan tal-aħħar temm il-kuntratt ta’ xogħol tiegħu sa mill‑31 ta’ Diċembru 2020 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni ta’ xoljiment”) tiġi ddikjarata illegali kif ukoll il-kumpens għad-danni li huwa ġarrab minħabba din id-deċiżjoni, it-tieni, ir-riklassifikazzjoni tar-relazzjoni kuntrattwali tiegħu mar-RSUE fil-Bosnja‑Ħerzegovina bħala kuntratt ta’ xogħol għal żmien indeterminat (iktar ’il quddiem “KŻI”), it-tielet, il-kumpens għad-danni li huwa ġarrab minħabba n-nuqqas ta’ adozzjoni mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, mill-Kummissjoni Ewropea u mis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) ta’ regolamenti tal-persunal ċari applikabbli għalih, u sussidjarjament, li tiġi stabbilita r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni fil-każ li t-talbiet prinċipali tiegħu jiġu miċħuda.

 Ilfatti li wasslu għallkawża

2        Ir-rikorrent huwa ċittadin tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u tal-Irlanda ta’ Fuq, li okkupa l-karigi ta’ kap tal-finanzi u tal-amministrazzjoni mar-RSUE fil-Bosnja‑Ħerzegovina.

3        Il-ħatra tar-RSUE hija prevista fl-Artikolu 33 TUE, dispożizzjoni li taqa’ fil-Kapitolu 2 tat-Titolu V tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, li jirrigwarda l-politika estera u ta’ sigurtà komuni (PESK), li jipprovdi li “[i]l-Kunsill jista’, fuq proposta tar-Rappreżentant Għoli ta’ l-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, jaħtar rappreżentant speċjali li jingħata mandat dwar kwestjonijiet partikolari ta’ politika[; i]r-rappreżentant speċjali għandu jwettaq il-mandat tiegħu taħt l-awtorità tar-Rappreżentant Għoli”.

4        Fil‑11 ta’ Marzu 2022, il-Kunsill adotta l-Azzjoni Konġunta 2002/211/PESK, dwar il-ħatra ta’ RSUE fil-Bosnja‑Ħerzegovina (ĠU 2002, L 70, p. 7).

5        Imbagħad, il-Kunsill adotta diversi atti suċċessivi li permezz tagħhom ħatar, mingħajr interruzzjoni, RSUE fil-Bosnja‑Ħerzegovina b’mandat għal żmien determinat.

6        Fid-data tal-preżentata ta’ dan ir-rikors, fid‑29 ta’ Diċembru 2020, ir-RSUE fil-Bosnja‑Ħerzegovina kien maħtur permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2019/1340 tat‑8 ta’ Awwissu 2019 li taħtar ir-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea fil-Bożnija-Ħerzegovina (ĠU 2019, L 209, p. 10), għall-perijodu ta’ bejn l‑1 ta’ Settembru 2019 u l‑31 ta’ Awwissu 2021. Il-mandat tiegħu kien ġie estiż sal‑31 ta’ Awwissu 2023 permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2021/1193 tad‑19 ta’ Lulju 2021 li testendi l-mandat tar-[RSUE] fil-Bożnija‑Ħerzegovina u li temenda d-Deċiżjoni […] 2019/1340 (ĠU 2021, L 258, p. 46).

7        Ir-rikorrent kien irreklutat l-ewwel permezz ta’ kuntratt għal żmien determinat (iktar ’il quddiem “KŻD”) konkluż mar-RSUE fil-Bosnja‑Ħerzegovina, sa mill‑15 ta’ Frar 2006 u għal żmien li ma setax jeċċedi l-mandat ta’ dan tal-aħħar. Sa mill‑1 ta’ Marzu 2007, ir-rikorrent ikkonkluda sittax-il KŻD suċċessiv mar-RSUE fil-Bosnja‑Ħerzegovina. L-aħħar KŻD konkluż mir-rikorrent (iktar ’il quddiem il-“kuntratt inkwistjoni”) kien jipprevedi, fl-Artikolu 5 tiegħu, perijodu mill‑1 ta’ Settembru 2019 sal‑31 ta’ Awwissu 2021.

8        B’mod parallel għas‑17-il KŻD suċċessiv tiegħu, ir-rikorrent iffirma tlettax-il kuntratt tripartitiku, mal-Kummissjoni u r-RSUE fil-Bosnja‑Ħerzegovina, li jaħtruh bħala kap tal-uffiċċju ad interim, sa mill‑1 ta’ Lulju 2007.

9        Il-kuntratti tripartitiċi inkwistjoni kienu jipprevedu li, fil-każ ta’ mewt jew riżenja tar-RSUE fil-Bosnja‑Ħerzegovina, ta’ inċident jew ta’ mard li jipprekluduh milli jeżerċita l-funzjonijiet tiegħu jew ta’ tmiem il-ftehim ta’ finanzjament konkluż bejn il-Kummissjoni u dan ir-RSUE, ir-rikorrent kien isir responsabbli mill-ġestjoni ta’ fondi allokati lill-imsemmi RSUE. L-aħħar kuntratt ta’ kap tal-uffiċċju ad interim kien iffirmat mir-rikorrent fis‑7 ta’ Ottubru 2019 (iktar ’il quddiem il-“kuntratt ta’ kap tal-uffiċċju ad interim”).

10      Fl‑24 ta’ Jannar 2020, ir-rappreżentanti tal-Unjoni u tar-Renju Unit iffirmaw il-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (ĠU 2020, L 29, p. 7, iktar ’il quddiem il-“Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit”). Fit‑30 ta’ Jannar 2020, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (UE) 2020/135 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit (ĠU 2020, L 29, p. 1). Permezz tal-Artikolu 1 ta’ din id-deċiżjoni, il-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit kien approvat f’isem l-Unjoni.

11      Fil‑31 ta’ Jannar 2020, f’nofsillejl, ir-Renju Unit ħareġ mill-Unjoni u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, u fl‑1 ta’ Frar 2020, il-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit daħal fis-seħħ, skont l-Artikolu 185 tiegħu.

12      Il-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit jistabbilixxi, fl-Artikolu 126 tiegħu, perijodu ta’ tranżizzjoni li jibda fid-data tad-dħul fis-seħħ tal-istess ftehim u jispiċċa fil‑31 ta’ Diċembru 2020. Matul dan il-perijodu, skont l-Artikolu 127(6) tal-istess ftehim, ir-referenza għall-“Istati Membri” fid-dritt tal-Unjoni kellha tinftiehem li tinkludi lir-Renju Unit.

13      Fl‑24 ta’ Ġunju 2020, ir-rikorrent bagħat posta elettronika lir-RSUE fil-Bosnja‑Ħerzegovina sabiex jistaqsih dwar id-drittijiet tiegħu u jilmenta dwar diskriminazzjoni fil-każ li l-pożizzjoni tiegħi tiġi finalment meqjusa bħala żejda fil-każ ta’ trasferiment tal-uffiċċju tar-RSUE fil-Bosnja‑Ħerzegovina lid-Delegazzjoni tal-Unjoni f’dan l-Istat Membru, u għalhekk, lis-SEAE. B’mod partikolari, huwa enfasizza li, għall-persunal internazzjonali tal-imsemmi RSUE, ma kienu previsti ebda allowance ta’ tkeċċija u ebda dritt għall-qgħad, l-istess kif ma kienet teżisti ebda dispożizzjoni dwar il-kontribuzzjonijiet tal-irtirar.

14      Fis‑7 ta’ Lulju 2020, ir-RSUE fil-Bosnja‑Ħerzegovina għadda din it-talba lid-Direttriċi tad-Dipartiment tal-Istrumenti ta’ Polika Estera tal-Kummissjoni, billi indika li r-rikorrent kien qajjem kwistjonijiet dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol tiegħu, b’mod partikolari fil-perspettiva ta’ probabbli xoljiment tal-kuntratt inkwistjoni marbut mal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni. Kap ta’ diviżjoni tal-imsemmi dipartiment wieġbet, fit‑13 ta’ Lulju segwenti, li dan id-dipartiment ma kienx responsabbli mir-riżorsi umani fir-rigward tal-persunal li jaqa’ taħt il-PESK u tat parir lir-RSUE fil-Bosnja‑Ħerzegovina li jikkonsulta s-SEAE f’dan ir-rigward. In oltrè, hija enfasizzat li, sa fejn it-talba tar-rikorrent kellha aspetti finanzjarji, ebda allowance ta’ tkeċċija jew ta’ kontribuzzjoni ta’ rtirar ma setgħet titħallas lilu, skont il-klawżoli tal-kuntratt inkwistjoni.

15      Fil‑15 ta’ Settembru 2020, ir-RSUE fil-Bosnja‑Ħerzegovina indirizza lis-SEAE billi bagħatlu l-posta elettronika tar-rikorrent tal‑24 ta’ Ġunju 2020.

16      Fit‑28 ta’ Settembru 2020, ir-rikorrent kiteb lir-RSUE fil-Bosnja‑Ħerzegovina sabiex dan tal-aħħar jikseb iktar informazzjoni dwar il-possibbiltajiet tiegħu li jibqa’ fil-karigi wara tmiem il-perijodu ta’ tranżizzjoni li kien jiskadi, skont il-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit, fil‑31 ta’ Diċembru 2020. Wara li l-imsemmi RSUE adixxa d-Dipartiment tal-Istrumenti ta’ Politika Estera tal-Kummissjoni, id-direttriċi ta’ dan tal-aħħar weġbitu, fit‑2 ta’ Ottubru 2020, li ebda eċċezzjoni ma kienet prevista għaċ-ċittadini tar-Renju Unit u li l-kuntratti tagħhom kienu ser jintemmu fil‑31 ta’ Diċembru 2020.

17      Fis‑17 ta’ Novembru 2020, ir-RSUE fil-Bosnja‑Ħerzegovina adotta d-deċiżjoni ta’ xoljiment, li permezz tagħha temm il-kuntratt inkwistjoni wara li ta avviż tat-temm ta’ impjieg, b’tali deċiżjoni tieħu effett fil‑31 ta’ Diċembru 2020.

18      Fil‑25 ta’ Novembru 2020, ir-rikorrent kiteb lir-RSUE fil-Bosnja‑Ħerzegovina u talbu eżami mill-ġdid tad-deċiżjoni ta’ xoljiment.

 Talbiet talpartijiet

19      Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        prinċipalment:

–        tiddikjara d-deċiżjoni ta’ xoljiment illegali;

–        fir-rigward tad-drittijiet li jirriżultaw mill-kuntratt ta’ xogħol tiegħu mar-RSUE fil-Bosnja‑Ħerzegovina:

–        tirriklassifika r-relazzjoni kuntrattwali tiegħu bħala KŻI;

–        tiddeċiedi li huwa kien suġġett għal diskriminazzjoni f’dak li jirrigwarda r-raġuni ta’ tkeċċija u tikkundanna, għal din ir-raġuni, lill-konvenuti għal ħlas ta’ EUR 10 000, flimkien mal-interessi, bħala dannu psikoloġiku;

–        tikkonstata l-ksur mill-konvenuti tal-obbligi kuntrattwali tagħhom u, b’mod partikolari, tal-obbligu ta’ għoti ta’ avviż ta’ temm ta’ impjieg xieraq fil-kuntest tat-terminazzjoni ta’ KŻI;

–        tikkundanna lill-konvenuti għar-reintegrazzjoni tiegħu jew, b’mod sussidjarju, għall-ħlas ta’ kumpens li għandu jiġi stabbilit sussegwentement u li huwa provviżorjament iffissat għal EUR 393 850.08, flimkien mal-interessi;

–        fir-rigward tad-drittijiet l-oħra, ibbażati fuq l-eżistenza ta’ diskriminazzjoni meta mqabbel mal-membri tal-persunal l-oħra tal-Unjoni:

–        tikkonstata li r-rikorrent kellu jiġi rreklutat bħala membru tal-persunal temporanju tal-Kunsill, tal-Kummissjoni jew tas-SEAE u tiddikjara li dawn it-tliet konvenuti ttrattawh b’mod diskriminatorju f’dak li jirrigwarda r-remunerazzjoni tiegħu, id-drittijiet għall-pensjoni u l-vantaġġi relattivi tagħhom, kif ukoll f’dak li jirrigwarda l-garanzija ta’ impjieg ulterjuri;

–        tikkundanna lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lis-SEAE jikkumpensawh għat-telf ta’ remunerazzjoni, pensjoni, allowances u vantaġġi kkawżat mill-ksur tad-dritt tal-Unjoni li huwa jindika, flimkien mal-interessi fuq dawn is-somom;

–        tiffissa terminu għall-partijiet sabiex jistabbilixxu l-ammont ta’ tali kumpens b’teħid inkunsiderazzjoni tal-grad u tal-iskala li fihom huwa kellu jiġi rreklutat, taż-żieda medja tar-remunerazzjoni, tal-iżvilupp tal-karriera tiegħu u tal-allowances li kellu jirċievi abbażi ta’ dawn il-kuntratti ta’ membru tal-persunal temporanju u tnaqqas minnha r-remunerazzjoni li effettivament irċieva;

–        sussidjarjament, tikkundanna lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lis-SEAE jikkumpensawh għad-danni fir-rigward tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni, stabbilita minħabba nuqqas ta’ rispett tad-drittijiet fundamentali tiegħu, ekwivalenti għal ammont stabbilit b’mod provviżorju, għal EUR 400 000;

–        tikkundanna lill-konvenuti għall-ispejjeż.

20      F’eċċezzjonijiet ta’ nuqqas ta’ ġurisdizzjoni u ta’ inammissibbiltà invokati skont l-Artikolu 130 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-Kunsill, il-Kummissjoni u s-SEAE jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli sa fejn jikkonċernahom;

–        tikkundanna lir-rikorent għall-ispejjeż.

21      F’eċċezzjoni ta’ nuqqas ta’ ġurisdizzjoni u ta’ inammissibbiltà invokata skont l-Artikolu 130 tar-Regoli tal-Proċedura, ir-RSUE fil-Bosnja‑Ħerzegovina jitlob, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli;

–        tikkundanna lir-rikorrent għall-ispejjeż.

 Iddritt

22      Skont l-Artikolu 130(1) tar-Regoli tal-Proċedura, jekk il-konvenut jitlobha, il-Qorti Ġenerali tista’ tiddeċiedi dwar in-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni jew l-inammissibbiltà mingħajr ma tidħol fil-mertu tal-kawża. Skont l-Artikolu 130(7) tal-imsemmija regoli, il-Qorti Ġenerali għandha tiddeċiedi fl-iqsar żmien possibbli dwar it-talba jew, meta jkun iġġustifikat minħabba ċirkustanzi partikolari, għandha tgħaqqad dan l-eżami mad-deċiżjoni fil-mertu.

23      F’dan il-każ, il-konvenuti talbu li tingħata deċiżjoni dwar in-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni u l-inammissibbiltà. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali tqis li għandha tiddeċiedi dwar dawn it-talbiet qabel tidħol fil-mertu tal-kawża.

24      Essenzjalment, permezz tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jippreżenta:

–        kap ta’ talbiet prinċipali marbut mad-deċiżjoni ta’ xoljiment, li permezz tiegħu jitlob lill-Qorti Ġenerali, l-ewwel, tiddikjara illegali d-deċiżjoni ta’ xoljiment, it-tieni, tikkundanna lill-konvenuti għall-ħlas tas-somma ta’ EUR 10 000 bħala kumpens għad-danni morali kkawżati minn din id-deċiżjoni, u t-tielet, tordna r-reintegrazzjoni tiegħu jew, sussidjarjament, tikkundanna lill-konvenuti għall-ħlas tas-somma ta’ EUR 393 850.08 bħala kumpens għad-dannu materjali kkawżat mill-imsemmija deċiżjoni (iktar ’il quddiem l-“ewwel kap ta’ talbiet”);

–        kap ta’ talbiet prinċipali marbut mas-suċċessjoni ta’ KŻD konklużi mar-RSUE fil-Bosnja‑Ħerzegovina, li permezz tiegħu jitlob lill-Qorti Ġenerali, minn naħa, tikklassifika mill-ġdid bħala KŻI r-relazzjoni kuntrattwali tiegħu mar-RSUE fil-Bosnja‑Ħerzegovina, u min-naħa l-oħra, tikkonstata l-ksur mill-konvenuti tal-obbligi kuntrattwali tagħhom, u b’mod partikolari, tal-għoti ta’ avviż ta’ temm ta’ impjieg xieraq fil-kuntest tat-terminazzjoni ta’ KŻI (iktar ’il quddiem it-“tieni kap ta’ talbiet”);

–        kap ta’ talbiet prinċipali bbażat fuq l-eżistenza ta’ diskriminazzjoni li fih jilmenta li l-Kunsill, il-Kummissjoni u s-SEAE ma ssuġġettawx għall-Kondizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra tal-Unjoni (iktar ’il quddiem il-“Kondizzjonijiet tal-impjieg”) lill-persunal internazzjonali bil-kuntratt irreklutat fil-kuntest tal-PESK jew li ma adottawx għal dan il-persunal sistema legali komparabbli ma’ dik tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, li permezz tiegħu jitlob lill-Qorti Ġenerali tikkundanna lil dawn it-tliet konvenuti jikkumpensawh għad-dannu mġarrab minħabba l-assenza ta’ tali regolamenti tal-persunal (iktar ’il quddiem it-“tielet kap ta’ talbiet”);

–        kap ta’ talbiet sussidjarju, fil-każ ta’ ċaħda tal-ewwel tliet kapijiet ta’ talbiet, li permezz tiegħu jitlob il-kundanna tal-Kunsill, tal-Kummissjoni u tas-SEAE għall-ħlas tas-somma ta’ EUR 400 000, abbażi tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni li tirriżulta min-nuqqas ta’ rispett tad-drittijiet fundamentali tiegħu (iktar ’il quddiem ir-“raba’ kap ta’ talbiet”).

25      Sabiex tingħata tweġiba għall-eċċezzjonijiet ta’ nuqqas ta’ ġurisdizzjoni u ta’ inammissibbiltà, f’dan il-każ, għandu jiġi eżaminat, l-ewwel, jekk il-Qorti Ġenerali għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar l-ewwel u t-tieni kap ta’ talbiet, it-tieni, jekk ir-rekwiżiti formali tar-rikors ġewx osservati, it-tielet, jekk il-proċedura prekontenzjuża prevista fir-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-persunal”) ġietx osservata, u r-raba’, jekk ir-rikors huwiex ammissibbli għal dak li jirrigwarda l-konvenuti kollha.

 Fuq ilġurisdizzjoni talQorti Ġenerali sabiex tiddeċiedi dwar lewwel u ttieni kap ta’ talbiet flassenza ta’ klawżola ta’ arbitraġġ

26      Fl-osservazzjonijiet bil-miktub rispettivi tagħhom, il-konvenuti jsostnu li l-ewwel u t-tieni kap ta’ talbiet jippreżentaw rabta mal-kuntratt inkwistjoni, u għalhekk, natura kuntrattwali. Huma josservaw ukoll li l-imsemmi kuntratt ma jinkludix klawżola ta’ arbitraġġ u jiddeduċu li dan jippermetti li tiġi eskluża l-ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali abbażi tal-Artikolu 272 TFUE.

27      Waqt is-seduta, il-konvenuti ppreċiżaw li fid-dawl tal-motiv tagħha bbażat fuq it-telf ta’ nazzjonalità ta’ Stat Membru mir-rikorrent, id-deċiżjoni ta’ xoljiment kellha titqies bħala att ta’ awtorità pubblika separabbli mill-kuntratt inkwistjoni. Għalhekk, fil-fehma tagħhom, il-Qorti Ġenerali għandha ġurisdizzjoni tistħarreġ il-legalità tal-imsemmi att abbażi tal-Artikolu 263 TFUE u għalhekk sabiex tiddeċiedi dwar l-ewwel kap ta’ talbiet sa fejn ir-rikorrent jitlob l-annullament ta’ dan l-att.

28      Mill-banda l-oħra, fir-rigward tal-pretensjonijiet l-oħra tar-rikorrent ippreżentati fil-kuntest tal-ewwel u t-tieni kap ta’ talbiet, il-konvenuti argumentaw, kemm waqt is-seduta kif ukoll bi tweġiba għal mistoqsija magħmula mill-Qorti Ġenerali fil-kuntest ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, li la d-dispożizzjonijiet tal-kuntratt inkwistjoni u lanqas id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (ĠU 2012, L 351, p. 1, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Brussell Ia”), ma kienu jippermettu li tiġi identifikata qorti nazzjonali li għandha ġurisdizzjoni. Waqt is-seduta, huma argumentaw li tali pretensjonijiet setgħu jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Bosnja‑Ħerzegovina, fejn kien stabbilit ir-RSUE fil-Bosnja‑Ħerzegovina u l-post ta’ eżekuzzjoni tal-kuntratt inkwistjoni. L-imsemmi RSUE enfasizza wkoll li l-Artikolu 17 tal-kuntratt inkwistjoni kien jipprevedi l-ġurisdizzjoni ta’ istanza arbitrali, li kellha titqies li għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar l-imsemmija pretensjonijiet, u r-rikorrent ma weriex li l-ġurisdizzjoni ta’ tali istanza kienet tostakola d-dritt tiegħu għal rimedju effettiv.

29      Min-naħa tiegħu, ir-rikorrent isostni essenzjalment, prinċipalment, li l-Qorti Ġenerali għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar l-ewwel u t-tieni kap ta’ talbiet, abbażi tal-Artikolu 272 TFUE, b’applikazzjoni tal-klawżola ta’ arbitraġġ kontenuta fil-kuntratt ta’ kap tal-uffiċċju ad interim.

30      Sussidjarjament, ir-rikorrent jargumenta li, abbażi tar-Regolament Brussell Ia, il-qrati Belġjani jista’ jkollhom ġurisdizzjoni sabiex jiddeċiedu dwar l-ewwel u t-tieni kap ta’ talbiet u li, fil-każ li l-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Istati Membri tiġi eskluża, il-Qorti Ġenerali għandha tiddikjara li għandha ġurisdizzjoni abbażi tal-Artikoli 263 u 268 TFUE, sabiex tiddeċiedi dwar il-pretensjonijiet kollha ppreżentati fil-kuntest ta’ dawn il-kapijiet ta’ talbiet.

 Fuq innatura talewwel u ttieni kap ta’ talbiet

31      Sabiex jiġi ddeterminat jekk l-ewwel u t-tieni kap ta’ talbiet jaqgħux fil-qasam kuntrattwali, minn naħa, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, ir-rikors għal annullament skont l-Artikolu 263 TFUE jista’ jiġi ppreżentat kontra l-atti kollha adottati mill-istituzzjonijiet, tkun xi tkun in-natura jew il-forma tagħhom, li huma intiżi li jipproduċu effetti legali vinkolanti li jistgħu jaffettwaw l-interessi tar-rikorrent, billi jbiddlu b’mod sinjifikattiv is-sitwazzjoni legali tiegħu. Għalhekk, fil-preżenza ta’ kuntratt li jorbot lir-rikorrent ma’ waħda mill-istituzzjonijiet, il-qorti tal-Unjoni tista’ tiġi adita b’rikors abbażi tal-Artikolu 263 TFUE biss jekk l-att ikkontestat ikun intiż li jipproduċi effetti legali vinkolanti li jinsabu barra mir-relazzjoni kuntrattwali li torbot lill-partijiet, u li jimplikaw l-eżerċizzju ta’ prerogattivi ta’ awtorità pubblika mogħtija lill-istituzzjoni kontraenti fil-kwalità tagħha ta’ awtorità amministrattiva (ara s-sentenza tal‑25 ta’ Ġunju 2020, SC vs Eulex Kosovo, C‑730/18 P, EU:C:2020:505, punti 31 u 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

32      Min-naħa l-oħra, sabiex jiġi ddeterminat jekk is-suġġett ta’ azzjoni huwiex ir-responsabbiltà kuntrattwali tal-Unjoni jew ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali tagħha, il-qrati tal-Unjoni għandhom jivverifikaw jekk is-suġġett ta’ din l-azzjoni huwiex talba għad-danni bbażata b’mod oġġettiv u globali fuq drittijiet u obbligi ta’ oriġini kuntrattwali jew ta’ oriġini mhux kuntrattwali. Għal dawn il-finijiet, dawn il-qrati għandhom jivverifikaw, permezz ta’ analiżi ta’ diversi elementi tal-proċess, bħal b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet allegatament miksura, in-natura tad-dannu invokat, l-aġir ikkritikat kif ukoll ir-relazzjonijiet legali li jeżistu bejn il-partijiet inkwistjoni, jekk jeżistix bejniethom kuntest veru kuntrattwali, marbut mas-suġġett tal-kawża, li l-eżami dettaljat tiegħu huwa indispensabbli biex l-imsemmi rikors jiġi deċiż (ara f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ April 2013, Il‑Kummissjoni vs Systran u Systran Luxembourg, C‑103/11 P, EU:C:2013:245, punt 66).

33      F’dan il-każ, fl-ewwel lok, permezz tal-ewwel kap ta’ talbiet, ir-rikorrent jippreżenta talbiet marbuta mad-deċiżjoni ta’ xoljiment (ara l-punt 24 iktar ’il fuq).

34      F’dan ir-rigward, huwa minnu li d-deċiżjoni ta’ xoljiment kienet immotivata mill-fatt li minħabba l-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni, ir-rikorrent ma kienx għad għandu n-nazzjonalità ta’ Stat Membru, li kien jimplika, skont ir-RSUE fil-Bosnja‑Ħerzegovina, li huwa ma setax jinżamm iktar fil-persunal tiegħu.

35      Madankollu, għall-kuntrarju ta’ dak li sostnew il-konvenuti waqt is-seduta, dan il-fatt ma jippermettix, waħdu, li jiġi kkunsidrat li d-deċiżjoni ta’ xoljiment tipproduċi effetti legali vinkolanti li jinsabu barra mir-relazzjoni kuntrattwali li kienet torbot lir-rikorrent mar-RSUE fil-Bosnja‑Ħerzegovina u li jinvolvu l-eżerċizzju ta’ prerogattivi ta’ awtorità pubblika, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 31 iktar ’il fuq.

36      Fil-fatt, qabelxejn, id-deċiżjoni ta’ xoljiment hija intiża għat-terminazzjoni antiċipata tal-kuntratt inkwistjoni, b’tali mod li l-effetti ta’ din id-deċiżjoni ma jestendux lil hinn minn dan il-kuntratt. Imbagħad, kif kien irrileva l-Kunsill fl-eċċezzjoni ta’ nuqqas ta’ ġurisdizzjoni u ta’ inammissibbiltà tiegħu, l-Artikolu 16 tal-kuntratt inkwistjoni jipprevedi l-possibbiltà ta’ xoljiment unilaterali minn waħda mill-partijiet bl-għoti ta’ avviż ta’ temm ta’ impjieg ta’ erba’ ġimgħat. Għalhekk, huwa manifest li din id-deċiżjoni, li permezz tagħha r-RSUE fil-Bosnja‑Ħerzegovina temm unilateralment il-kuntratt inkwistjoni bl-għoti ta’ tali avviż ta’ temm ta’ impjieg, ittieħdet abbażi tas-setgħat li huwa kellu skont dan il-kuntratt. Fl-aħħar nett, l-imsemmija deċiżjoni hija mmotivata mill-fatt li, mid-data tad-dħul fis-seħħ tagħha, ir-rikorrent kien ser jitlef il-kwalità ta’ ċittadin ta’ Stat Membru, skont il-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit, u li għalhekk, huwa ma kienx ser jissodisfa iktar kundizzjoni li kienet meħtieġa mill-kuntratt inkwistjoni. Fil-fatt, il-kundizzjonijiet tax-xogħol, li kienu jagħmlu parti integrali mill-kuntratt inkwistjoni, kif jirriżulta mill-Artikoli 1 u 18 tagħhom, kienu jeħtieġu li l-kap tal-finanzi u tal-amministrazzjoni tar-RSUE fil-Bosnja‑Ħerzegovina jkollu n-nazzjonalità ta’ Stat Membru.

37      Għalhekk, id-deċiżjoni ta’ xoljiment għandha rabta diretta mal-kuntratt inkwistjoni. Minn dan isegwi li l-pretensjonijiet tar-rikorrent imressqa fil-kuntest tal-ewwel kap ta’ talbiet, marbuta strettament ma’ din id-deċiżjoni (ara l-ewwel inċiż tal-punt 24, iktar ’il fuq), jirriżultaw mill-kuntratt inkwistjoni u għalhekk għandhom natura kuntrattwali.

38      Fit-tieni lok, permezz tat-tieni kap ta’ talbiet, ir-rikorrent iressaq talbiet li jirrigwardaw ir-relazzjoni ta’ xogħol tiegħu kollha mar-RSUE fil-Bosnja‑Ħerzegovina, li kienet magħmula minn KŻD suċċessivi u li r-rikorrent jitlob ir-riklassifikazzjoni tagħhom bħala KŻI. Għalhekk, il-pretensjonijiet tar-rikorrent imressqa fil-kuntest tat-tieni kap ta’ talbiet għandhom ukoll natura kuntrattwali, sa fejn dawn jirriżultaw mill-KŻD suċċessivi kollha li huwa kkonkluda mal-imsemmi RSUE.

 Fuq ilġurisdizzjoni talQorti Ġenerali sabiex tiddeċiedi dwar lewwel u ttieni kap ta’ talbiet skont lArtikolu 272 TFUE

39      Skont l-Artikolu 272 TFUE, “[i]l-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-Unjoni Ewropea hi kompetenti li tiddeċiedi bis-saħħa ta’ klawżola ta’ l-arbitraġġ li jkun hemm f’kuntratt li jkun sar, skond id-dritt pubbliku jew privat, mill-Unjoni jew f’isimha”.

40      Il-ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali hija dik elenkata b’mod limitat fl-Artikolu 256 TFUE, kif ippreċiżat mill-Artikolu 51 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. B’applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, il-Qorti Ġenerali ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi, fl-ewwel istanza, dwar it-tilwim fil-qasam kuntrattwali mressaq quddiemha, ħlief permezz ta’ klawżola ta’ arbitraġġ. Fin-nuqqas ta’ din il-klawżola, hija testendi l-kompetenza ġurisdizzjonali tagħha lil hinn mit-tilwim li l-konjizzjoni tiegħu hija rriżervata għaliha b’mod limitat mill-Artikolu 274 TFUE, peress li din id-dispożizzjoni tagħti lill-qrati nazzjonali l-ġurisdizzjoni ordinarja sabiex jieħdu konjizzjoni tat-tilwim li għalihom l-Unjoni hija parti (ara f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Mejju 2007, Citymo vs Il‑Kummissjoni, T‑271/04, EU:T:2007:128, punt 53, u d-digriet tat‑30 ta’ Settembru 2014, Bitiqi et vs Il‑Kummissjoni et, T‑410/13, mhux ippubblikat, EU:T:2014:871, punt 26).

41      F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li l-kuntratti ta’ xogħol suċċessivi tar-rikorrent, li minnhom jirriżultaw l-ewwel u t-tieni kap ta’ talbiet, ma jinkludux klawżola ta’ arbitraġġ li tagħti ġurisdizzjoni lill-Qorti Ġenerali bħala qorti tal-kuntratt.

42      Barra minn hekk, ir-rikorrent ma jistax jinvoka l-klawżola ta’ arbitraġġ kontenuta fil-kuntratt ta’ kap tal-uffiċċju ad interim, favur il-Qorti Ġenerali.

43      Fil-fatt, qabelxejn, il-kuntratt ta’ kap tal-uffiċċju ad interim huwa kuntratt li ma għandux l-għan li jistabbilixxi relazzjoni ta’ xogħol bejn ir-rikorrent u l-partijiet l-oħra tiegħu, iżda li jagħtih ċerti funzjonijiet partikolari. Barra minn hekk, kif jenfasizza l-Kunsill, dan huwa anness mal-ftehim ta’ finanzjament konkluż perijodikament bejn il-Kummissjoni u r-RSUE fil-Bosnja‑Ħerzegovina, fil-kuntest tad-delegazzjoni mogħtija lil dan tal-aħħar għall-implimentazzjoni tal-baġit, skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 5(3) tad-Deċiżjoni 2019/1340, li tipprovdi li “[l]-amministrazzjoni tan-nefqa għandha tkun soġġetta għal kuntratt bejn ir-RSUE [fil-Bosnja‑Ħerzegovina] u l-Kummissjoni”.

44      Imbagħad, il-kuntratt ta’ kap tal-uffiċċju ad interm għandu natura anċillari meta mqabbel mal-KŻD tar-rikorrent. Fil-fatt, minn naħa, skont l-Artikolu 8 tal-Ftehim ta’ Finanzjament konkluż mill-Kummissjoni u r-RSUE fil-Bosnja‑Ħerzegovina u li għandu r-referenza CFSP/2019/15, “il-kap tal-uffiċċju ad interim għandu jagħmel parti mill-persunal tar-RSUE [fil-Bosnja‑Ħerzegovina]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Min-naħa l-oħra, skont il-kuntratt ta’ kap tal-uffiċċju ad interim, li fil-preambolu tiegħu jirrinvija għall-Artikolu 8 tal-Ftehim ta’ Finanzjament CFSP/2019/15, huwa previst li “[m]inkejja li l-kap tal-uffiċċju ad interim huwa membru tal-persunal irreklutat mir-RSUE [fil-Bosnja‑Ħerzegovina], ir-remunerazzjoni, id-drittijiet u l-obbligi tiegħu jinżammu skont il-kundizzjonijiet tal-kuntratt ta’ xogħol tiegħu” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

45      Fl-aħħar nett, il-kuntratt ta’ kap tal-uffiċċju ad interim għandu natura kundizzjonata, peress li dan jista’ japplika biss fil-preżenza ta’ ċerti kundizzjonijiet marbuta mal-istat tar-RSUE fil-Bosnja‑Ħerzegovina, bħall-mewt tiegħu, l-inkapaċità tiegħu, ir-riżenja tiegħu jew fil-każ ta’ perijodu ta’ pożizzjoni vakanti bejn il-mandati suċċessivi ta’ żewġ RSUE fil-Bosnja‑Ħerzegovina (ara l-punt 9 iktar ’il fuq). Issa, fid-data tad-deċiżjoni ta’ xoljiment, li permezz tagħha ġew itterminati l-funzjonijiet tar-rikorrent mar-RSUE fil-Bosnja‑Ħerzegovina, ebda waħda mill-kundizzjonijiet iċċitati iktar ’il fuq ma kienet seħħet, b’tali mod li l-kuntratt ta’ kap tal-uffiċċju ad interim ma kellux lok li japplika.

46      Fid-dawl tal-preċedenti, fl-assenza ta’ klawżola ta’ arbitraġġ kontenuta fil-KŻD tar-rikorrent, il-Qorti Ġenerali ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar l-ewwel u t-tieni kap ta’ talbiet skont l-Artikolu 272 TFUE.

 Fuq ilġurisdizzjoni talQorti Ġenerali sabiex tiddeċiedi dwar lewwel u ttieni kap ta’ talbiet skont lArtikoli 263 u 268 TFUE

47      Kif ġie kkonstatat fil-punti 37 u 38 iktar ’il fuq, il-pretensjonijiet tar-rikorrent imressqa fil-kuntest tal-ewwel u t-tieni kap ta’ talbiet jirriżultaw mill-kuntratti ta’ xogħol tiegħu, li ma jinkludux klawżola ta’ arbitraġġ li tagħti ġurisdizzjoni lill-Qorti Ġenerali bħala qorti tal-kuntratt, skont l-Artikolu 272 TFUE (ara l-punt 41 iktar ’il fuq). Għalhekk, b’applikazzjoni tal-prinċipji mfakkra fil-punt 40 iktar ’il fuq, dawn il-kapijiet ta’ talbiet jaqgħu, bħala prinċipju, taħt il-ġurisdizzjoni tal-qrati nazzjonali, skont l-Artikolu 274 TFUE.

48      Madankollu, meta fil-kuntest ta’ tilwima ta’ natura kuntrattwali, il-qorti tal-Unjoni tirrinunzja għall-ġurisdizzjoni mogħtija lilha mill-Artikoli 263 u 268 TFUE, dan sabiex tiżgura interpretazzjoni koerenti ta’ dawn id-dispożizzjonijiet mal-Artikoli 272 u 274 TFUE, u għalhekk, sabiex iżżomm il-koerenza tas-sistema ġudizzjarja tal-Unjoni li hija kkostitwita minn sistema kompleta ta’ rimedji ġudizzjarji u ta’ proċeduri intiżi sabiex jiżguraw, rispettivament, l-istħarriġ tal-legalità tal-atti tal-istituzzjonijiet, tal-korpi u tal-organi tal-Unjoni u l-kumpens għad-danni kkawżati mill-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Ġunju 2020, SATCEN vs KF, C‑14/19 P, EU:C:2020:492, punti 80 sa 82).

49      Għalhekk, fil-kuntest ta’ tilwima ta’ natura kuntrattwali, il-qorti tal-Unjoni ma tistax tirrinunzja ġurisdizzjoni mogħtija lilha mit-Trattat FUE, meta dan ikollu l-effett li jeżenta minn kull stħarriġ ġudizzjarju, mill-qorti tal-Unjoni jew mill-qrati tal-Istati Membri, atti meħuda mill-istituzzjonijiet, korpi jew organi tal-Unjoni jew talba intiża għall-kumpens għad-danni kkawżati mill-Unjoni (ara f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Ġunju 2020, SATCEN vs KF, C‑14/19 P, EU:C:2020:492, punti 84 u 85).

50      F’dawn iċ-ċirkustanzi, minkejja n-natura kuntrattwali tal-ewwel u t-tieni kap ta’ talbiet, sabiex tiġi żgurata l-eżistenza ta’ stħarriġ ġudizzjarju effettiv, il-Qorti Ġenerali ma tistax tirrinunzja l-ġurisdizzjoni li hija għandha skont l-Artikoli 263 u 268 TFUE ħlief wara li tiżgura li r-rikorrent jista’ jissottometti tali pretensjonijiet lil qorti nazzjonali, fis-sens tal-Artikolu 274 TFUE, jiġifieri lil qorti ta’ Stat Membru.

51      Din hija r-raġuni għaliex ma jistax jiġi aċċettat li, kif sostnew il-konvenuti waqt is-seduta, dawn il-kapijiet ta’ talbiet jistgħu jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Bosnja‑Ħerzegovina, peress li dawn tal-aħħar ma humiex qrati tal-Istati Membri. Bl-istess mod, għandu jiġi eskluż l-argument tar-RSUE fil-Bosnja‑Ħerzegovina li jipprovdi li r-rikorrent kellu l-possibbiltà li jadixxi l-istanza arbitrali prevista fl-Artikolu 17 tal-kuntratt inkwistjoni sabiex tiddeċiedi dwar l-imsemmija kapijiet ta’ talbiet, peress li l-ġurisdizzjoni ta’ tali istanza ma tistax tiġi prevista bl-esklużjoni ta’ dik tal-qorti tal-Unjoni jew tal-qrati tal-Istati Membri, minkejja li din l-istanza tissodisfa r-rekwiżiti ta’ indipendenza u imparzjalità.

52      Fid-dawl tal-preċedenti, għandu jiġi vverifikat jekk il-kontenut tal-kuntratt inkwistjoni jew, fin-nuqqas, ir-regoli tad-dritt tal-Unjoni applikabbli jippermettux li tiġi identifikata qorti ta’ Stat Membru, li għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar l-ewwel u t-tieni kap ta’ talbiet.

–       Fuq iddispożizzjonijiet kuntrattwali

53      Fl-ewwel lok, għandu jiġi kkonstatat li ebda wieħed mill-kuntratti ta’ xogħol tar-rikorrent ma kien jinkludi klawżola li tagħti ġurisdizzjoni lill-qorti ta’ Stat Membru. Fil-fatt, bl-eċċezzjoni tal-ewwel wieħed minnhom, dawn il-kuntratti kienu jinkludu biss klawżola dwar ir-“riżoluzzjoni ta’ tilwim”, li tippermetti li tiġi adita istanza arbitrali fil-każ ta’ falliment ta’ tentattiv ta’ riżoluzzjoni bonarja tat-tilwima bejn il-partijiet tal-imsemmi kuntratt, fejn is-sentenza arbitrali ma kinitx appellabbli.

54      Fit-tieni lok, mill-Artikoli 1 u 18 tal-kuntratt inkwistjoni jirriżulta li r-rikorrent intrabat li josserva l-proċeduri operattivi standard tar-RSUE fil-Bosnja‑Ħerzegovina, li huwa dokument ġenerali li japplika għall-membri tal-persunal kollha tal-imsemmi RSUE. Fir-rigward tar-rimedji ġudizzjarji disponibbli għal dawn il-membri, il-Kapitolu 11 tal-imsemmija proċeduri operattivi standard, intitolat “Rimedji u tilwim”, jinkludi l-Artikolu 11.1, intitolat “Rikorsi”, li jipprevedi li membru tal-persunal tar-RSUE fil-Bosnja‑Ħerzegovina jista’ jissottometti lis-superjur dirett tiegħu rikors kontra att li jikkawżalu preġudizzju, kif ukoll l-Artikolu 11.2, intitolat “Riżoluzzjoni ta’ tilwim”, li jipprevedi biss il-possibbiltà li tiġi adita istanza arbitrali li s-sentenzi tagħha ma humiex appellabbli.

55      Mill-preċedenti jirriżulta li l-kuntratti ta’ xogħol tar-rikorrent ma jippermettux li tiġi identifikata qorti ta’ Stat Membru li għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar l-ewwel u t-tieni kap ta’ talbiet.

–       Fuq iddispożizzjonijiet taddritt talUnjoni

56      Fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni dwar il-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Istati Membri, il-leġiżlatur tal-Unjoni adotta r-Regolament Brussell Ia li kif jirriżulta mill-premessi 4 u 15 tiegħu, huwa intiż sabiex jiġu unifikati r-regoli ta’ kunflitt ta’ ġurisdizzjoni f’materji ċivili u kummerċjali permezz ta’ regoli ta’ ġurisdizzjoni ta’ livell għoli ta’ prevedibbiltà. Dan ir-regolament għandu għalhekk għan ta’ ċertezza legali li jikkonsisti fit-tisħiħ tal-protezzjoni legali tal-persuni stabbiliti fl-Unjoni, billi jippermetti kemm lir-rikorrent jidentifika faċilment il-qorti li jista’ jersaq azzjoni quddiemha u lill-konvenut jipprevedi raġonevolment dik li quddiemha jista’ jitressaq (sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2018, Feniks, C‑337/17, EU:C:2018:805, punt 34).

57      Għall-kuntrarju ta’ dak li argumentaw il-konvenuti waqt is-seduta, għandu jitqies li r-Regolament Brussell Ia japplika f’dan il-każ. F’dan ir-rigward, skont l-Artikolu 1(1) tiegħu, huwa previst li dan ir-regolament “japplika fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali independentament min-natura tal-qorti”, u li “m’għandux jestendi, b’mod partikolari, għal kwistjonijiet ta’ dħul, dawk doganali jew amministrattivi jew għar-responsabbiltà tal-Istat għal atti u ommissjonijiet fl-eżerċitar tal-awtorità tal-Istat (acta iure imperii)”. Issa, f’dan il-każ, mill-punt 36 iktar ’il fuq jiġi dedott li d-deċiżjoni ta’ xoljiment ma tikkostitwixxix att ta’ awtorità pubblika fis-sens tal-Artikolu 1(1) tar-Regolament Brussell Ia, iżda għandha l-bażi tagħha fil-kuntratt inkwistjoni. Għalhekk, l-ewwel kap ta’ talbiet jaqa’ fil-materji ċivili u kummerċjali, fis-sens tal-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament. Bl-istess mod, mill-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punt 38 iktar ’il fuq jiġi dedott li t-tieni kap ta’ talbiet jaqa’ wkoll fl-imsemmija materji.

58      Għalhekk, peress li f’dan il-każ, l-ewwel u t-tieni kap ta’ talbiet jirrigwardaw tilwima ta’ natura kuntrattwali li tista’ taqa’ taħt il-ġurisdizzjoni li bħala prinċipju hija tal-qrati nazzjonali, skont l-Artikolu 274 TFUE (ara l-punt 40 iktar ’il fuq), għandu jiġi eżaminat jekk id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Brussell Ia jippermettux li tiġi identifikata qorti ta’ Stat Membru sabiex tiddeċiedi dwarhom.

59      Fil-qasam ta’ kuntratti individwali ta’ xogħol, ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni huma previsti fl-Artikolu 21 tar-Regolament Brussell Ia, ifformulat kif ġej:

“1.      Min jimpjega li jkun domiċiljat fi Stat Membru jista’ jiġi mfittex:

a)      fil-qrati tal-Istat Membru fejn ikun domiċiljat; jew

b)      fi Stat Membru ieħor:

i)      fil-qrati tal-post fejn jew minn fejn l-impjegat abitwalment iwettaq ix-xogħol tiegħu jew fil-qrati fl-aħħar post fejn kien jagħmel hekk, jew

ii)      jekk l-impjegat ma jkunx jew inkella ma kienx abitwalment iwettaq ix-xogħol tiegħu f’pajjiż wieħed, fil-qrati tal-post fejn ikun jinstab jew fejn kien jinstab in-negozju li kien impjega lill-impjegat.

2.      Min jimpjega li ma jkunx domiċiljat fi Stat Membru jista’ jiġi mħarrek f’qorti ta’ Stat Membru f’konformità mal-punt (b) tal-paragrafu 1”.

60      Fl-ewwel lok, l-applikazzjoni tal-Artikolu 21 tar-Regolament Brussell Ia tagħti ġurisdizzjoni lill-qorti nazzjonali tal-post ta’ domiċilju tal-persuna li timpjega, b’tali mod li għandha tiġi identifikata l-persuna li timpjega lir-rikorrent.

61      F’dan ir-rigward, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, ħaddiem għandu, fir-rigward tal-persuna li timpjegah, rabta ta’ subordinazzjoni li l-eżistenza tagħha għandha tiġi evalwata f’kull każ partikolari, skont l-elementi kollha u skont iċ-ċirkustanzi kollha li jikkaratterizzaw ir-relazzjonijiet bejn il-partijiet (ara f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Ottubru 2022, ROI Land Investments, C‑604/20, EU:C:2022:807, punti 30 sa 32). Barra minn hekk, sabiex tiġi ddeterminata l-persuna li timpjega ta’ ħaddiem, huwa neċessarju li tiġi identifikata l-entità li taħt l-awtorità effettiva tagħha jkun jinsab l-imsemmi ħaddiem, fejn din l-entità għandha tkun dik li, b’mod partikolari, tkun effettivament responsabbli għall-piż tas-salarju korrispondenti u li jkollha s-setgħa effettiva tkeċċi lill-imsemmi ħaddiem (ara f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2020, AFMB et, C‑610/18, EU:C:2020:565, punti 56 u 61).

62      F’dan il-każ, għandu fl-ewwel lok jiġi kkonstatat li r-rikorrent ikkonkluda l-kuntratti ta’ xogħol tiegħu kollha mar-RSUE fil-Bosnja‑Ħerzegovina, li kien imsejjaħ bħala l-“persuna li timpjega”.

63      Imbagħad, skont l-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni 2019/1340, ir-RSUE fil-Bosnja‑Ħerzegovina huwa “responsabbli mill-formazzjoni ta’ tim”, “[f]il-limiti tal-mandat [tiegħu] u tal-mezzi finanzjarji korrispondenti li jsiru disponibbli” u huwa “għandu jżomm lill-Kunsill u lill-Kummissjoni informati fil-pront dwar il-kompożizzjoni tat-tim”. L-Artikolu 6(2) tal-istess deċiżjoni jipprevdi li “[l]-Istati Membri, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni u s-SEAE jistgħu jipproponu l-issekondar ta’ persunal biex jaħdem mar-RSUE [fil-Bosnja‑Ħerzegovina; i]s-salarju ta’ tali persunal issekondat għandu jkun kopert mill-Istat Membru, mill-istituzzjoni tal-Unjoni kkonċernata jew mis-SEAE” u li “[i]l-persunal internazzjonali b’kuntratt għandu jkollu ċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru”.

64      Minn naħa, minn dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li r-RSUE fil-Bosnja‑Ħerzegovina jista’ jirrekluta persunal internazzjonali bil-kuntratt, li huwa jagħżel b’mod awtonomu mill-Kunsill, mill-Kummissjoni jew mis-SEAE, u li huwa biss ladarba tkun saret din l-għażla li huwa għandu jinforma lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif kien ikkonfermat waqt is-seduta. Min-naħa l-oħra, minn dawn l-istess dispożizzjonijiet jirriżulta li r-remunerazzjoni tal-membri tal-persunal internazzjonali bil-kuntratt irreklutati mill-imsemmi RSUE titnaqqas mill-baġit allokat lil dan tal-aħħar, b’tali mod li huwa effettivament responsabbli għall-piż ta’ tali remunerazzjoni.

65      Fl-aħħar nett, kif ġie rrilevat fil-punt 54 iktar ’il fuq, ir-RSUE fil-Bosnja‑Ħerzegovina adotta proċeduri operattivi standard li japplikaw għall-membri tal-persunal kollha li jaħdmu miegħu u li għalihom jirreferi l-kuntratt inkwistjoni. Minn dawn jirriżulta li:

–        r-RSUE fil-Bosnja‑Ħerzegovina għandu s-setgħa jkeċċi lill-persunal bil-kuntratt tiegħu (ara l-Artikolu 12.2);

–        id-deċiżjoni li jiġi mġedded il-kuntratt ta’ membru tal-persunal internazzjonali bil-kuntratt tista’ tittieħed biss fuq l-inizjattiva u fid-diskrezzjoni assoluta tar-RSUE fil-Bosnja‑Ħerzegovina (ara l-Artikolu 5.6);

–        ir-RSUE fil-Bosnja‑Ħerzegovina huwa l-awtorità dixxiplinari għall-membri tal-persunal tiegħu (ara l-Artikolu 10.2.5);

–        ir-RSUE fil-Bosnja‑Ħerzegovina huwa responsabbli mill-evalwazzjoni annwali tal-membri tal-persunal tiegħu li għandhom anzjanità ta’ iktar minn sitt xhur (ara l-Artikolu 5.4);

–        ir-RSUE fil-Bosnja‑Ħerzegovina jistabbilixxi l-ħinijiet u ż-żmien ta’ xogħol tal-membri tal-persunal tiegħu u għandu japprova kull modifika tal-ħinijiet normali kif ukoll kull talba ta’ xogħol addizzjonali, li hija kkumpensata mill-ġranet ta’ leave, jew b’mod eċċezzjonali, taħt awtorizzazzjoni tar-RSUE fil-Bosnja‑Ħerzegovina, bil-ħlas ta’ allowance (ara l-Artikolu 7.1);

–        ir-RSUE fil-Bosnja‑Ħerzegovina għandu japprova kull talba għal leave, annwali jew speċjali, ta’ membru tal-persunal tiegħu u huwa jista’, b’mod eċċezzjonali, jagħti lil membru tal-persunal bil-kuntratt allowance kumpensatorja għal leave mhux meħud qabel tmiem il-kuntratt tiegħu (ara l-Artikoli 7.2 u 7.3).

66      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għall-finijiet tal-eżekuzzjoni tal-kuntratti ta’ xogħol tiegħu, ir-rikorrent kien imqiegħed taħt l-awtorità effettiva tar-RSUE fil-Bosnja‑Ħerzegovina, li kien, għalhekk, il-persuna li timpjegah fis-sens tal-Artikolu 21 tar-Regolament Brussell Ia.

67      Madankollu, peress li r-RSUE fil-Bosnja‑Ħerzegovina kien stabbilit f’Sarajevo (il-Bosnja‑Ħerzegovina), il-qorti tal-post ta’ domiċilju tiegħu ma kinitx taqa’ taħt Stat Membru. Għalhekk, l-Artikolu 21(1)(a) tar-Regolament Brussell Ia ma jippermettix li tiġi identifikata qorti ta’ Stat Membru li għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar l-ewwel u t-tieni kap ta’ talbiet.

68      Fit-tieni lok, huwa wkoll f’Sarajevo li l-kuntratti ta’ xogħol tar-rikorrent kellhom jiġu eżegwiti. Dan jirriżulta, b’mod partikolari, fir-rigward tal-kuntratt inkwistjoni, mill-Artikolu 3 tiegħu u mid-deskrizzjoni tal-kariga tar-rikorrent annessa mal-imsemmi kuntratt. Għalhekk, l-Artikolu 21(1)(b)(i) tar-Regolament Brussell Ia lanqas ma jippermetti li tiġi identifikata, abbażi tal-post fejn ir-rikorrent iwettaq ix-xogħol tiegħu, qorti ta’ Stat Membru li għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar l-ewwel u t-tieni kap ta’ talbiet.

69      Fit-tielet lok, mill-annessi tal-proċess ma jirriżultax li r-rikorrent kien wettaq abitwalment ix-xogħol tiegħu f’diversi pajjiżi, b’tali mod li r-regoli ta’ ġurisdizzjoni previsti fl-Artikolu 21(1)(b)(ii) tar-Regolament Brussell Ia ma humiex applikabbli għas-sitwazzjoni tiegħu.

70      Fir-raba’ lok, ir-rikorrent jinvoka l-Artikolu 20(2) tar-Regolament Brussell Ia, li jimplika li persuna li timpjega li ma hijiex domiċiljata fi Stat Membru titqies li għandha domiċilju fl-Istat Membru li fih hija għandha fergħa, aġenzija jew xi stabbiliment ieħor. F’dan ir-rigward, l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni teħtieġ b’mod partikolari li t-tilwima tikkonċerna atti li jirrigwardaw l-operat ta’ dawn l-entitajiet, jew impenji meħuda minnhom f’isem is-sede prinċipali, meta dawn tal-aħħar għandhom ikunu eżegwiti fl-Istat fejn huma jinsabu (ara f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Lulju 2012, Mahamdia, C‑154/11, EU:C:2012:491, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).

71      Madankollu, f’dan il-każ, xejn ma jippermetti li jitqies li l-persuna li effettivament timpjega lir-rikorrent, jiġifieri r-RSUE fil-Bosnja‑Ħerzegovina, għandha fergħa, aġenzija jew xi stabbiliment ieħor fit-territorju ta’ Stat Membru, lanqas a fortiori li l-ewwel u t-tieni kap ta’ talbiet jirrigwardaw atti marbuta ma’ tali entitajiet.

72      Bl-istess mod, huwa minnu li, kif inhu indikat mir-rikorrent, il-Kunsill, il-Kummissjoni u s-SEAE għandhom it-tlieta li huma s-sede tagħhom fi Brussell (il-Belġju), filwaqt li l-punt 1 tal-Artikolu 8 tar-Regolament Brussell Ia jippermetti, fil-każ ta’ pluralità ta’ konvenuti, li kollha jitħarrku quddiem il-qorti tad-domiċilju ta’ wieħed minnhom. Madankollu, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li din id-dispożizzjoni ma hijiex intiża li tapplika għal konvenut li ma huwiex iddomiċiljat fit-territorju ta’ Stat Membru meta dan jitħarrek fil-kuntest ta’ kawża mressqa kontra diversi konvenuti li fosthom jinsabu wkoll persuni ddomiċiljati fl-Unjoni (ara f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ April 2013, Sapir et, C‑645/11, EU:C:2013:228, punt 56). Għalhekk, il-punt 1 tal-Artikolu 8 tal-imsemmi regolament ma jippermettix lir-rikorrent iħarrek lir-RSUE fil-Bosnja‑Ħerzegovina quddiem il-qrati ta’ Brussell fir-rigward tal-ewwel u t-tieni kap ta’ talbiet.

73      Barra minn hekk, skont l-Artikolu 20(1) tar-Regolament Brussell Ia, il-punt 1 tal-Artikolu 8 tal-istess regolament japplika biss, fir-rigward ta’ kuntratt ta’ xogħol, “f’każ ta’ proċedimenti mressqa mill-impjegat [kontra l-persuna li timpjega]”. Issa, kif ġie rrilevat fil-punt 66 iktar ’il fuq, il-persuna li timpjega lir-rikorrent kienet ir-RSUE fil-Bosnja‑Ħerzegovina. Għalhekk, l-ewwel u t-tieni kap ta’ talbiet, sa fejn ir-rikors isemmi bħala konvenuti lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lis-SEAE, li t-tlieta għandhom is-sede tagħhom fi Brussell, ma jikkostitwixxux “azzjoni magħmula kontra persuna li timpjega” li jirrendi applikabbli r-regola prevista f’din l-aħħar dispożizzjoni.

74      Mill-preċedenti jirriżulta li, fir-rigward tal-ewwel u tat-tieni kap ta’ talbiet, marbuta mal-kuntratt inkwistjoni, bħala prinċipju għandu japplika l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Brussell Ia, dispożizzjoni ġenerali li tipprovdi li, “[j]ekk il-konvenut ma jkunx domiċiljat fi Stat Membru, il-ġurisdizzjoni tal-qrati ta’ kull Stat Membru għandha, […] tkun determinata bil-liġi ta’ dak l-Istat Membru”.

75      L-applikazzjoni tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Brussell Ia timplika li l-ġurisdizzjoni eventwali ta’ qorti nazzjonali għandha natura każwali, sa fejn hija l-liġi ta’ kull Stat Membru li tiddetermina jekk il-qrati tiegħu jistgħux jiġu aditi b’tali tilwima, bil-konsegwenza possibbli li, fl-aħħar nett, ebda qorti ta’ Stat Membru ma jkollha ġurisdizzjoni. Tali konsegwenza hija partikolarment probabbli f’dan il-każ, peress li, bħar-RSUE fil-Bosnja‑Ħerzegovina, ir-rikorrent għandu d-domiċilju tiegħu f’pajjiż terz, fir-Renju Unit, u ma jidhirx li huwa manifest li din it-tilwima għandha element ta’ rabta ma’ xi Stat Membru, li jista’ jiġġustifika ġurisdizzjoni tal-qorti ta’ tali Stat.

76      Issa kif ġie rrilevat fil-punti 48 u 49 iktar ’il fuq, il-Qorti Ġenerali ma tistax, fil-kuntest ta’ tilwima ta’ natura kuntrattwali li fiha l-Unjoni hija parti, tirrinunzja għall-ġurisdizzjoni mogħtija lilha mill-Artikoli 263 u 268 TFUE meta dan iwassal sabiex jeżenta minn kull stħarriġ ġudizzjarju, mill-qorti tal-Unjoni jew mill-qrati tal-Istati Membri, deċiżjonijiet adottati minn istituzzjoni, korp jew organu tal-Unjoni jew talba għall-kumpens għad-danni kkawżati mill-Unjoni.

77      F’dan iċ-ċirkustanzi, hija l-Qorti Ġenerali li għandha teżamina jekk it-talbiet imressqa fil-kuntest tal-ewwel u tat-tieni kap ta’ talbiet jaqgħux taħt il-ġurisdizzjoni li hija għandha abbażi ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, u jekk ikun il-każ, tiddikjara li għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar dawn it-talbiet.

78      F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali għandha ġurisdizzjoni, abbażi tal-Artikolu 263 TFUE, sabiex tiddeċiedi dwar it-talba mressqa mir-rikorrent, fil-kuntest tal-ewwel kap ta’ talbiet, li tirrigwarda l-legalità tad-deċiżjoni ta’ xoljiment, li hija deċiżjoni adottata minn entità li taqa’ taħt l-Unjoni u stabbilita skont it-Trattati, jiġifieri r-RSUE fil-Bosnja‑Ħerzegovina, u li għandha għalhekk tiġi imputata għal istituzzjoni, korp jew organu tal-Unjoni. Għalhekk, għandu jiġi kkunsidrat li r-rikorrent jitlob, fil-kuntest ta’ dan il-kap ta’ talbiet, l-annullament tal-imsemmija deċiżjoni. Bl-istess mod, sa fejn, fil-kuntest tal-imsemmi kap ta’ talbiet, ir-rikorrent jitlob il-kumpens pekunjarju għad-dannu morali allegatament imġarrab minħabba d-deċiżjoni ta’ xoljiment, tali talba għandha titqies bħala li hija intiża għall-istabbiliment tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni, li għaliha l-Qorti Ġenerali għandha ġurisdizzjoni abbażi tal-Artikolu 268 TFUE.

79      Barra minn hekk, fir-rigward tat-talba tar-rikorrent imressqa fil-kuntest tal-ewwel kap ta’ talbiet u intiża sabiex il-Qorti Ġenerali tordna r-reintegrazzjoni tiegħu fil-persunal tar-RSUE fil-Bosnja‑Ħerzegovina, tali talba għandha tiġi miċħuda minħabba n-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali sabiex tieħu konjizzjoni tagħha.

80      Fil-fatt, skont il-ġurisprudenza, il-qorti tal-Unjoni ma tistax, bħala prinċipju, tindirizza ordnijiet lil istituzzjoni, korp jew organu tal-Unjoni mingħajr ma tinterferixxi fil-prerogattivi tal-awtorità amministrattiva (ara s-sentenzi tat‑2 ta’ Ottubru 2014, Strack vs Il-Kummissjoni, C‑127/13 P, EU:C:2014:2250, punt 145 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tad‑9 ta’ Settembru 2020, P. Krücken Organic vs Il‑Kummissjoni, T‑565/18, mhux ippubblikata, EU:T:2020:395, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata). Dan il-prinċipju japplika, bħala prinċipju, fil-kuntest ta’ rikors għad-danni li permezz tiegħu rikorrent jitlob il-kundanna tal-istituzzjoni konvenuta sabiex tieħu miżuri partikolari sabiex tirrimedja d-dannu allegat (ara, f’dan is-sens, id-digrieti tal‑14 ta’ Jannar 2004, Makedoniko Metro u Michaniki vs Il-Kummissjoni, T‑202/02, EU:T:2004:5, punt 53, u tas‑17 ta’ Diċembru 2008, Portela vs Il-Kummissjoni, T‑137/07, mhux ippubblikat, EU:T:2008:589, punt 46).

81      Huwa minnu li, l-Artikolu 268 u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE, dwar ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni, jippermettu l-għoti ta’ kumpens in natura, li jista’, jekk ikun il-każ, jekk jidher konformi mal-prinċipji ġenerali komuni għal-liġijiet tal-Istati Membri fil-qasam ta’ responsabbiltà mhux kuntrattwali, jieħu l-forma ta’ ordni di fare jew di non fare, li jista’ jwassal sabiex l-istituzzjoni konvenuta tadotta aġir partikolari (digriet tat‑3 ta’ Settembru 2013, Idromacchine et vs Il‑Kummissjoni, C‑34/12 P, mhux ippubblikat, EU:C:2013:552, punt 29; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Mejju 2006, Galileo International Technology et vs Il‑Kummissjoni, T‑279/03, EU:T:2006:121, punt 63).

82      Madankollu, tali każ ma jistax jiġi previst ħlief f’każijiet partikolari, fejn ir-rikorrent jinvoka dannu li ma jistax jiġi kkumpensat b’mod sħiħ permezz ta’ kumpens, u li l-karatteristiċi proprji tiegħu jeħtieġu l-għoti ta’ ordni di fare jew di non fare, b’mod partikolari jekk tali ordni hija intiża sabiex twaqqaf il-fatt li wassal għal dannu li l-effetti tiegħu huma kontinwi. Dan ma huwiex il-każ f’dan il-każ, peress li r-rikorrent kien f’pożizzjoni li jikkwantifika l-estensjoni tad-dannu materjali li huwa kien ġarrab minħabba d-deċiżjoni ta’ xoljiment, li huwa evalwa għal EUR 393 850.08, fejn dan l-ammont jikkorrispondi għas-salarji li huwa ma rċeviex matul tliet snin wara t-tmiem tal-funzjonijiet tiegħu.

83      In oltrè, sa fejn, fil-kuntest tal-ewwel kap ta’ talbiet, ir-rikorrent jitlob, sussidjarjament għat-talba ta’ reintegrazzjoni tiegħu, li l-konvenuti jiġu kkundannati għall-ħlas ta’ EUR 393 850.08 bħala kumpens għad-dannu materjali allegatament imġarrab minħabba d-deċiżjoni ta’ xoljiment, fejn tali talba għandha titqies bħala intiża għall-istabbiliment tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni, li għaliha l-Qorti Ġenerali għandha ġurisdizzjoni abbażi tal-Artikolu 268 TFUE.

84      Fl-aħħar nett, fir-rigward tat-tieni kap ta’ talbiet, minn naħa, it-talba intiża sabiex il-Qorti Ġenerali tiddikjara r-riklassifikazzjoni bħala KŻI tal-kuntratt ta’ xogħol tiegħu għandha titqies bħala talba għal ordni indirizzata lir-RSUE fil-Bosnja‑Ħerzegovina, fil-kwalità tiegħu ta’ persuna li timpjega lir-rikorrent (ara l-punt 66 iktar ’il fuq). Madankollu, skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 80 iktar ’il fuq, il-Qorti Ġenerali ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar talba ta’ dan it-tip. In oltrè, anki jekk jiġi preżunt li tali talba għandha titqies bħala intiża għal kumpens ta’ dannu li kien ikkawżat bin-nuqqas ta’ konklużjoni ta’ KŻI, hija ma taqax taħt każ partikolari li għalih il-Qorti Ġenerali tista’ tindirizza ordni di fare, b’applikazzjoni tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 81 iktar ’il fuq. Fil-fatt, l-eventwali dannu mnissel min-nuqqas ta’ konklużjoni ta’ kuntratt li jinvolvi remunerazzjoni partikolari jista’, jekk ikun il-każ, jiġi kkumpensat bil-kundanna tal-Unjoni, mill-Qorti Ġenerali, sabiex tħallas somma flus lir-rikorrent.

85      Min-naħa l-oħra, it-talba mressqa wkoll fil-kuntest tat-tieni kap ta’ talbiet u intiża sabiex il-Qorti Ġenerali tikkonstata li l-konvenuti kisru l-obbligi kuntrattwali tagħhom, ma hijiex ippreżentata insostenn ta’ talbiet għal annullament fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE. Din it-talba lanqas ma hija ppreżentata insostenn ta’ talba intiża għall-kumpens ta’ dannu li l-Qorti Ġenerali setgħet teżamina skont l-Artikolu 268 TFUE. Għalhekk, tali talba għandha titqies bħala intiża biss sabiex il-Qorti Ġenerali tagħti dikjarazzjoni ta’ liġi. Madankollu, il-ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali bbażata fuq it-Trattati, u b’mod partikolari fuq l-Artikoli 263 u 268 TFUE, ma tippermettilhiex tieħu pożizzjoni permezz ta’ dikjarazzjoni ġenerali jew ta’ prinċipju (ara f’dan is-sens, id-digriet tad‑9 ta’ Diċembru 2003, L-Italja vs Il‑Kummissjoni, C‑224/03, mhux ippubblikat, EU:C:2003:658, punti 20 u 21; is-sentenza tal‑21 ta’ Marzu 2012, Fulmen u Mahmoudian vs Il‑Kunsill, T‑439/10 u T‑440/10, EU:T:2012:142, punt 41, u d-digriet tal‑25 ta’ Ottubru 2011, DMA Die Marketing Agentur u Hofmann vs L-Awstrija, T‑472/11, mhux ippubblikat, EU:T:2011:631, punt 10).

86      Għalhekk, it-tieni kap ta’ talbiet għandu jiġi miċħud, fl-intier tiegħu, minħabba n-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali.

 Konklużjoni

87      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, l-ewwel, għandhom jiġu miċħuda l-eċċezzjonijiet sa fejn huma bbażati fuq in-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali sabiex tiddeċiedi dwar l-ewwel kap ta’ talbiet fir-rigward tat-talba intiża għall-annullament tad-deċiżjoni ta’ xoljiment, li għaliha l-Qorti Ġenerali għandha ġurisdizzjoni abbażi tal-Artikolu 263 TFUE, kif ukoll fir-rigward tat-talbiet tar-rikorrent intiżi għall-kumpens pekunjarju għad-danni morali u materjali li huwa ġarrab minħabba din id-deċiżjoni, li għalihom il-Qorti Ġenerali għandha ġurisdizzjoni abbażi tal-Artikolu 268 TFUE.

88      It-tieni, it-talba ppreżentata mir-rikorrent fil-kuntest tal-ewwel kap ta’ talbiet, u intiża sabiex tiġi ordnata r-reintegrazzjoni tiegħu fil-persunal tar-RSUE fil-Bosnja‑Ħerzegovina, għandha tiġi miċħuda minħabba nuqqas ta’ ġurisdizzjoni.

89      It-tielet, it-tieni kap ta’ talbiet għandu jiġi miċħud minħabba nuqqas ta’ ġurisdizzjoni.

 Fuq leċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà bbażati fuq innuqqas ta’ osservanza tarrekwiżiti formali tarrikors

90      Il-Kunsill, is-SEAE u r-RSUE fil-Bosnja‑Ħerzegovina jargumentaw li r-rikors jikser ir-rekwiżiti formali imposti mill-Artikolu 76 tar-Regoli tal-Proċedura. B’mod konġunt jew separatament, huma jibbażaw l-argument fuq nuqqas ta’ ċarezza, l-ewwel, tat-talbiet kollha, it-tieni, tal-bażi legali tagħhom, it-tielet, tar-raba’ kap ta’ talbiet b’mod partikolari, u raba’, tal-motivi invokati insostenn tal-kapijiet ta’ talbiet.

91      Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 21, tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, applikabbli għall-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53 tal-istess statut, u l-Artikolu 76(d) tar-Regoli tal-Proċedura, kull rikors għandu jindika s-suġġett tat-tilwima, il-motivi u l-argumenti invokati kif ukoll espożizzjoni fil-qosor tal-imsemmija motivi. Dawn l-elementi għandhom ikunu suffiċjentement ċari u preċiżi sabiex jippermettu lill-konvenut jipprepara d-difiża tiegħu u lill-Qorti Ġenerali tiddeċiedi fuq ir-rikors, jekk ikun il-każ, mingħajr ebda informazzjoni oħra sabiex issostniha. Sabiex tiġi żgurata ċ-ċertezza legali u amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, jeħtieġ, sabiex rikors ikun ammissibbli, li l-punti essenzjali ta’ fatt u ta’ liġi li fuqhom ir-rikors ikun ibbażat jirriżultaw, almenu fil-qosor, iżda b’mod koerenti u li jistgħu jinftiehmu sewwa, mit-test tar-rikors innifsu (ara s-sentenza tal‑25 ta’ Jannar 2018, BSCA vs Il‑Kummissjoni, T‑818/14, EU:T:2018:33, punt 95 u l-ġurisprudenza ċċitata).

92      In oltrè, huwa r-rikorrent li għandu jagħmel l-għażla tal-bażi legali tar-rikors tiegħu, u mhux il-qorti tal-Unjoni li tagħżel hija stess il-bażi legali l-iktar xierqa (ara s-sentenza tal‑15 ta’ Marzu 2005, Spanja vs Eurojust, C‑160/03, EU:C:2005:168, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

93      Fl-aħħar nett, rikors intiż għall-kumpens għad-danni allegatament ikkawżati minn istituzzjoni tal-Unjoni għandu jinkludi l-elementi li jippermettu li jiġi identifikat l-aġir li r-rikorrent jakkuża bih lill-istituzzjoni, ir-raġunijiet għaliex jikkunsidra li teżisti rabta kawżali bejn l-aġir u d-dannu allegatament imġarrab, kif ukoll in-natura u l-portata ta’ dan id-dannu (ara s-sentenza tat‑2 ta’ Marzu 2010, Arcelor vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, T‑16/04, EU:T:2010:54, punt 132 u l-ġurisprudenza ċċitata).

94      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandhom jiġu eżaminati dawn l-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà.

95      Barra minn hekk, fid-dawl taċ-ċaħda, minħabba n-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali, tat-talba tar-rikorrent intiża għar-reintegrazzjoni tiegħu fil-persunal tar-RSUE fil-Bosnja‑Ħerzegovina kif ukoll tat-talbiet tiegħu mressqa fil-kuntest tat-tieni kap ta’ talbiet (ara l-punti 88 u 89 iktar ’il fuq), l-eżami ta’ dawn l-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà għandu jiġi limitat għat-talbiet l-oħra tar-rikorrent.

 Fuq leċċezzjoni ta’ inammissibbiltà bbażata fuq innuqqas ta’ ċarezza tattalbiet tarrikorrent meħuda flimkien

96      Il-Kunsill jenfasizza li l-enumerazzjoni tal-kapijiet ta’ talbiet fir-rikors turi tliet kapijiet ta’ talbiet, filwaqt li l-parti tar-rikors relattiva għall-argument legali ssemmi biss tnejn.

97      Madankollu, mit-talbiet tar-rikorrent, kif inhuma stabbiliti fil-bidu kif ukoll fl-aħħar tar-rikors, u miġbura fil-qosor fil-punt 24 iktar ’il fuq, jirriżulta li l-kapijiet ta’ talbiet tar-rikorrent jikkonsistu, minn naħa, minn tliet talbiet imressqa prinċipalment, u min-naħa l-oħra, minn talba mressqa sussidjarjament.

98      Għall-kuntrarju ta’ dak li jsostni l-Kunsill, din il-preżentazzjoni hija konformi mar-riferiment għal żewġ kapijiet ta’ talbiet fil-parti tar-rikors iddedikata għall-argument legali. Fil-fatt, il-qari ta’ din il-parti jippermetti li jinftiehem li, minn naħa, ir-riferiment fir-rikors għal “ewwel kap ta’ talbiet prinċipali” jirrinvija għat-tliet talbiet prinċipali tiegħu elenkati fit-talbiet tiegħu miġbura fil-qosor fl-ewwel sat-tielet inċiż tal-punt 24, iktar ’il fuq. Min-naħa l-oħra, it-“tieni kap ta’ talbiet” imsemmi fir-rikors għandu natura sussidjarja u jikkorrispondi għalhekk għar-raba’ kap ta’ talbiet miġbur fil-qosor fir-raba’ inċiż tal-punt 24, iktar ’il fuq.

99      Għaldaqstant, l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà bbażata fuq nuqqas ta’ ċarezza tat-talbiet tar-rikorrent meħuda flimkien għandha tiġi miċħuda.

 Fuq leċċezzjoni ta’ inammissibbiltà bbażata fuq nuqqas ta’ ċarezza talbażi legali tarrikors

100    Il-Kunsill, is-SEAE u r-RSUE fil-Bosnja‑Ħerzegovina jsostnu li l-bażi legali tar-rikors ma hijiex suffiċjentement ċara.

101    Ċertament, ir-rikors fih ċerta impreċiżjoni għal dak li jirrigwarda d-dispożizzjonijiet li abbażi tagħhom huwa ġie ppreżentat. Fil-fatt, fl-ewwel paġna tar-rikors hemm it-titolu “Rikors għal annullament u għal kumpens għad-danni”, u huwa indikat li r-rikorrent “jippreżenta rikors għal annullament u għal kumpens għad-danni, skont l-Artikoli 263, 268 u 272 TFUE”.

102    Madankollu, fl-ewwel lok, minkejja l-impreċiżjonijiet tar-rikors, il-qari tal-partijiet tiegħu ddedikati għall-ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali u għall-argument legali jippermettu li jinftiehem li r-rikorrent ippreżenta l-ewwel kap ta’ talbiet, prinċipalment, abbażi tal-Artikolu 272 TFUE u tal-klawżola ta’ arbitraġġ, favur il-Qorti Ġenerali, kontenuta fil-kuntratt ta’ kap tal-uffiċċju ad interim. In oltrè, mir-rikors jirriżulta li dan il-kap ta’ talbiet huwa invokat, sussidjarjament, abbażi tal-Artikoli 263 u 268 TFUE, kif ikkonferma r-rikorrent waqt is-seduta.

103    Fit-tieni lok, permezz tat-tielet kap ta’ talbiet, ir-rikorrent irid jikseb kumpens għad-danni marbuta mal-għażliet li kienu saru mill-Kunsill, il-Kummissjoni u s-SEAE fir-rigward tal-politika ta’ reklutaġġ u ta’ ġestjoni tal-persunal internazzjonali bil-kuntratt irreklutat mir-RSUE fil-Bosnja‑Ħerzegovina, abbażi tal-Artikolu 268 TFUE, kif ikkonferma r-rikorrent fl-osservazzjonijiet tiegħu dwar l-eċċezzjonijiet ta’ nuqqas ta’ ġurisdizzjoni u ta’ inammissibbiltà.

104    Fit-tielet lok, ir-raba’ kap ta’ talbiet, ippreżentat sussidjarjament, fil-każ ta’ ċaħda tal-kapijiet ta’ talbiet prinċipali, jirrigwarda espressament ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni. Minn dan jiġi dedott li dan il-kap ta’ talbiet huwa bbażat fuq l-Artikolu 268 TFUE.

105    Fid-dawl tal-preċedenti, l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà bbażata fuq nuqqas ta’ ċarezza tal-bażi legali tar-rikors għandha tiġi miċħuda.

 Fuq leċċezzjoni ta’ inammissibbiltà bbażata fuq innuqqas ta’ ċarezza tarraba’ kap ta’ talbiet b’mod partikolari

106    Il-Kunsill jargumenta li r-raba’ kap ta’ talbiet ma jesponix b’mod suffiċjentement ċar it-tliet kundizzjonijiet li jippermettu l-istabbiliment tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni.

107    Barra minn hekk, il-Kummissjoni targumenta essenzjalment, li r-raba’ kap ta’ talbiet huwa nieqes miċ-ċarezza sa fejn ir-rikorrent ma jiddeterminax il-parti rispettiva tar-responsabbiltà tad-diversi konvenuti u lanqas il-ħtija li tista’ tiġi allegata lilhom. Madankollu, id-dritt tal-Unjoni ma jirrikonoxxix responsabbiltà kollettiva u ġenerali.

108    Minkejja dawn il-kontestazzjonijiet, il-kontenut tar-rikors jippermetti li jinftiehem, b’mod suffiċjenti, li r-rikorrent jippreżenta r-raba’ kap ta’ talbiet sussidjarjament, fil-każ li l-ewwel tliet kapijiet ta’ talbiet ikunu miċħuda bħala inammissibbli jew infondati. Skont ir-rikorrent, tali ċaħda għandha neċessarjament tkun imputata għan-nuqqas ta’ adozzjoni mill-Kunsill, mill-Kummissjoni u mis-SEAE, ta’ qafas legali suffiċjentement ċar li jippermettilu b’mod partikolari jersaq azzjoni quddiem qorti identifikabbli, skont modalitajiet partikolari. Għalhekk, huwa jallega ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni, tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi kif ukoll tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u tad-dmir ta’ premura. Għaldaqstant, huwa jitlob il-kumpens ta’ dannu evalwat għal EUR 400 000.

109    Rigward l-argument tal-Kummissjoni bbażat fuq in-nuqqas ta’ identifikazzjoni tal-ħtijiet rispettivament allegati lit-tliet konvenuti kkonċernati mir-raba’ kap ta’ talbiet, tali fatt ma jostakolax l-ammissibbiltà tal-imsemmi kap ta’ talbiet, peress li l-kontenut tar-rikors jippermetti li jinftiehem li r-rikorrent jikkunsidra li dawn il-konvenuti kollha setgħu kienu implikati fl-adozzjoni ta’ sistema ġenerali applikabbli għall-persunal bil-kuntratt li jaqa’ taħt il-PESK. Bl-istess mod, huwa żbaljat li l-Kummissjoni tikkritika lir-rikorrent li ma ddeterminax il-“parti rispettiva ta’ responsabbiltà” ta’ kull wieħed mill-imsemmija konvenuti. Għall-kuntrarju ta’ dak li targumenta, mis-sentenza tat‑13 ta’ Novembru 1973, Werhahn Hansamühle et vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni (63/72 sa 69/72, EU:C:1973:121, punt 8), jirriżulta li fil-kuntest ta’ rikors għal responsabbiltà mhux kuntrattwali, ma hijiex inammissibbli talba intiża għall-kundanna in solidum ta’ diversi istituzzjonijiet li għalihom huwa imputat il-fatt li wassal għar-responsabbiltà.

110    Għalhekk, l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà bbażata fuq nuqqas ta’ ċarezza tar-raba’ kap ta’ talbiet għandha tiġi miċħuda.

 Fuq leċċezzjoni ta’ inammissibbiltà bbażata fuq innuqqas ta’ ċarezza talmotivi invokati firrigward tad-diversi kapijiet ta’ talbiet

111    Skont il-Kunsill, ir-rikors ma jurix b’mod ċar il-motivi li jirrigwardaw kull kap ta’ talbiet.

112    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkunsidrat li, l-ewwel, insostenn tal-ewwel kap ta’ talbiet, ir-rikorrent jinvoka motiv uniku bbażat fuq ksur tal-prinċipju tal-ugwaljanza fit-trattament, b’mod ġenerali, u sa fejn huwa protett mid-dritt Ingliż, b’mod partikolari. Minn naħa, tali ksur jirriżulta mill-motiv li fuqu hija bbażata d-deċiżjoni ta’ xoljiment, jiġifieri n-nazzjonalità tar-rikorrent. Min-naħa l-oħra, ir-rikorrent jiddikjara li kien vittma ta’ inugwaljanza fit-trattament meta mqabbel mal-uffiċjali u l-membri tal-persunal tar-Renju Unit suġġetti għall-Kondizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra tal-Unjoni (iktar ’il quddiem il-“Kondizzjonijiet tal-impjieg”), peress li, skont deroga offruta lilhom, huma setgħu jżommu l-post tagħhom minkejja l-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni. In oltrè, ir-rikors jippermetti wkoll li jinftiehem li r-rikorrent jitlob kumpens għad-dannu morali mġarrab minħabba l-motiv allegatament diskriminatorju tad-deċiżjoni ta’ xoljiment li jammonta għal EUR 10 000 u għad-danni materjali marbuta mal-imsemmija deċiżjoni, billi tikkundanna lill-konvenuti għall-ħlas ta’ kumpens ta’ EUR 393 850.08.

113    It-tieni, mill-kontenut tar-rikors jirriżulta li, permezz tat-tielet kap ta’ talbiet, ir-rikorrent jikkritika lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lis-SEAE, li ma adottawx sistema legali komparabbli għal dik tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg sabiex tapplika għall-persunal internazzjonali bil-kuntratt irreklutat fil-kuntest tal-PESK u, b’mod partikolari, mir-RSUE fil-Bosnja‑Ħerzegovina, jew fin-nuqqas, li ma ssuġġettawx lil dan il-persunal għall-Kondizzjonijiet tal-impjieg. Tali nuqqas, minn naħa, jikser l-Artikolu 336 TFUE, u min-naħa l-oħra, wassal sabiex ħoloq sistema diskriminatorja kontra l-persunal internazzjonali bil-kuntratt tar-RSUE fil-Bosnja‑Ħerzegovina, meta mqabbel mal-membri tal-persunal bil-kuntratt suġġetti għall-Kondizzjonijiet tal-impjieg, b’mod partikolari dawk li jaħdmu ma’ dan ir-RSUE fil-kwalità tiegħu ta’ kap tad-Delegazzjoni tal-Unjoni f’dan l-Istat. Skont ir-rikorrent, din l-inugwaljanza fit-trattament ikkawżatlu dannu korrispondenti għall-ammont ta’ drittijiet u allowances li huwa kien jirċievi kieku kien irreklutat bħala membru tal-persunal temporanju suġġett għall-Kondizzjonijiet tal-impjieg, li għalih jitlob kumpens fil-kuntest ta’ dan il-kap ta’ talbiet.

114    It-tielet, fir-rigward tar-raba’ kap ta’ talbiet, ir-rikorrent jargumenta, essenzjalment, li fil-każ li l-ewwel tliet kapijiet ta’ talbiet tiegħu jkunu miċħuda, tali ċaħda tkun tirriżulta min-nuqqas ta’ qafas legali suffiċjentement ċar li jippermettilu jersaq azzjoni quddiem qorti skont proċedura u modalitajiet suffiċjentement iddeterminati (ara l-punt 108 iktar ’il fuq). Mill-kontenut tar-rikors jirriżulta li r-rikorrent isostni b’mod partikolari li, billi ma pprevedewx tali qafas legali, il-Kunsill, il-Kummissjoni u s-SEAE kisru l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u nondiskriminazzjoni, il-prinċipju ta’ ċertezza legali, il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi kif ukoll il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u d-dmir ta’ premura.

115    Ċertament, ċerti motivi ppreżentati fil-kuntest tar-raba’ kap ta’ talbiet, ibbażati fuq ksur ta’ allegat prinċipju ta’ protezzjoni tal-individwi kif ukoll tal-Kodiċi Ewropew tal-Imġiba Tajba, ma huma s-suġġett ta’ ebda argument li jippermetti li jinftiehem f’hiex jikkonsisti dan il-ksur. Madankollu, minkejja li dawn il-motivi ma jissodisfawx ir-rekwiżiti tal-Artikolu 76(d) tar-Regoli tal-Proċedura, tali konstatazzjoni ma twassalx għall-inammissibbiltà tar-raba’ kap ta’ talbiet kollu, peress li dan huwa sostnut b’mod suffiċjentement ċar mill-motivi elenkati fil-punt 114 iktar ’il fuq.

 Konklużjoni

116    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, l-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà bbażati fuq in-nuqqas ta’ osservanza, mir-rikorrent, tar-rekwiżiti formali imposti mill-Artikolu 76 tar-Regoli tal-Proċedura huma miċħuda.

 Fuq leċċezzjoni ta’ inammissibbiltà bbażata fuq linammissibbiltà tattielet u rraba’ kap ta’ talbiet minħabba nuqqas ta’ osservanza talproċedura prekontenzjuża prevista flArtikoli 90 u 91 tarRegolamenti talPersunal

117    Il-Kunsill isostni li t-tielet u r-raba’ kap ta’ talbiet huma inammissibbli sa fejn qabilhom ma kienx hemm il-fażi prekontenzjuża prevista b’applikazzjoni tal-Artikolu 270 TFUE. Fil-fehma tiegħu, peress li, fil-kuntest ta’ dawn il-kapijiet ta’ talbiet, ir-rikorrent jitlob kumpens għal dannu korrispondenti għall-ammonti li kien jirċievi kieku l-KŻD suċċessivi tiegħu kienu jkunu konklużi, mhux iktar mar-RSUE fil-Bosnja‑Ħerzegovina, iżda ma’ awtorità awtorizzata li tikkonkludi l-kuntratti fis-sens tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, huwa kien ikollu, skont l-Artikolu 90(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, jippreżenta, quddiem l-awtorità li fil-fehma tiegħu hija kompetenti, talba ta’ riklassifikazzjoni tal-imsemmija kuntratti u talba għall-kumpens għad-danni.

118    L-Artikolu 270 TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 256(1) TFUE jagħti ġurisdizzjoni lill-Qorti Ġenerali sabiex tiddeċiedi dwar “kull tilwima bejn l-Unjoni u l-aġenti tagħha, fil-limiti u taħt il-kondizzjonjijiet stabbiliti fir-Regolamenti tal-Persunal […] u [l-Kondizzjonijiet tal-impjieg]”. Ir-rimedji, b’mod partikolari t-termini u r-regoli proċedurali, huma s-suġġett tal-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti tal-Persunal, li għalihom jirreferi l-Artikolu 46 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg.

119    F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza jirriżulta li dawn ir-rimedji japplikaw mhux biss għall-persuni li għandhom il-kwalità ta’ uffiċjal jew membru tal-persunal minbarra dawk lokali, iżda wkoll għal dawk li jinvokaw dawn il-kwalitajiet (ara s-sentenza tat‑23 ta’ Jannar 1997, Coen, C‑246/95, EU:C:1997:33, punt 17 u l-ġurisprudenza ċċitata).

120    F’dan il-każ, għandu jiġi enfasizzat li permezz tat-tielet kap ta’ talbiet, ippreżentat abbażi tal-Artikolu 268 TFUE, ir-rikorrent jitlob lill-Qorti Ġenerali tikkundanna lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lis-SEAE jikkumpensawh għad-danni mġarrba minnu minħabba l-allegat nuqqas tagħhom li jistabbilixxu sistema applikabbli għall-persunal internazzjonali bil-kuntratt li jaħdem għar-RSUE fil-Bosnja‑Ħerzegovina, jew tal-inqas, li jestendu l-applikazzjoni tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg għal dan il-persunal. Tali nuqqas li tittieħed azzjoni kellu l-konsegwenza li r-rikorrent kien irreklutat b’mod sistematiku bħala membru tal-persunal bil-kuntratt ta’ dan ir-RSUE, permezz ta’ KŻD suġġett għad-dritt Ingliż, li wassal sabiex isofri diskriminazzjoni meta mqabbel mal-membri tal-persunal temporanji suġġetti għall-Kondizzjonijiet tal-impjieg li jaħdmu mal-imsemmi RSUE.

121    Huwa f’dan il-kuntest li r-rikorrent isostni li huwa kellu jingħata l-istatus ta’ membru tal-persunal temporanju tas-SEAE “peress li ma jeżisti ebda status legali ieħor applikabbli”, u jitlob kumpens għal dannu korrispondenti għall-benefiċċji u allowances li huwa seta’ jippretendi bħala membru tal-persunal temporanju rreklutat skont il-Kondizzjonijiet tal-impjieg, “fin-nuqqas ta’ applikazzjoni ta’ qafas ta’ paragun ieħor”. In oltrè, fl-osservazzjonijiet tiegħu dwar l-eċċezzjonijiet ta’ nuqqas ta’ ġurisdizzjoni u inammissibbiltà, ir-rikorrent indika li huwa “ma [talabx] ir-riklassifikazzjoni tal-kuntratt tiegħu bħala kuntratt ta’ membru tal-persunal temporanju”.

122    Fir-rigward tar-raba’ kap ta’ talbiet, ir-rikorrent lanqas jinvoka l-kwalità ta’ membru tal-persunal temporanju fis-sens tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, iżda jitlob, essenzjalment, sussidjarjament, fil-każ li l-ewwel tliet kapijiet ta’ talbiet ikunu miċħuda, il-kumpens għad-danni mġarrba fl-assenza ta’ sistema legali ċara li tippermettilu, b’mod partikolari, l-aċċess għal qorti.

123    F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-talbiet għal kumpens ippreżentati fit-tielet u r-raba’ kap ta’ talbiet jaqgħu taħt l-Artikolu 268 TFUE u mhux taħt l-Artikolu 270 TFUE, b’tali mod li r-rikorrent ma jistax jiġi kkritikat li ma osservax il-proċedura prekontenzjuża prevista fl-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti tal-Persunal.

124    Minn dan isegwi li l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà bbażata fuq l-inammissibbiltà tat-tielet u r-raba’ kap ta’ talbiet, minħabba nuqqas ta’ osservanza tal-proċedura prekontenzjuża prevista fl-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti tal-Persunal, għandha tiġi miċħuda.

 Fuq leċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà relatati malidentifikazzjoni talkonvenut jew konvenuti

125    Il-Kunsill, il-Kummissjoni u s-SEAE jikkontestaw li jistgħu jkunu l-konvenuti fir-rigward tal-ewwel u t-tieni kap ta’ talbiet, peress li huma qatt ma kienu partijiet fil-kuntratt inkwistjoni u r-rwol tagħhom fir-rigward tar-RSUE fil-Bosnja‑Ħerzegovina ma jirrigwardax il-ġestjoni tal-persunal bil-kuntratt tiegħu. B’mod partikolari, id-deċiżjoni ta’ xoljiment ma tistax tiġi imputata lilhom, sa fejn din ittieħdet mir-RSUE fil-Bosnja‑Ħerzegovina, li għandu jitqies bħala organu tal-Unjoni li jista’ jkun il-konvenut għall-ewwel kap ta’ talbiet.

126    Barra minn hekk, fir-rigward tat-tielet kap ta’ talbiet, il-Kummissjoni targumenta li l-għażla li jintużaw suċċessjoni ta’ KŻD għall-persunal internazzjonali bil-kuntratt irreklutat minn entitajiet li jaqgħu taħt il-PESK ma hijiex imputabbli lilha. F’dan ir-rigward, hija tenfasizza li huwa l-Kunsill li huwa kompetenti sabiex jadotta, jekk ikun il-każ, deċiżjoni li tistabbilixxi r-regolamenti tal-persunal li jaqa’ taħt il-PESK.

127    Min-naħa tiegħu, ir-rikorrent jispjega li huwa indika erba’ konvenuti fir-rikors fid-dawl tan-nuqqas ta’ indipendenza tar-RSUE fil-Bosnja‑Ħerzegovina, li għandu rabtiet ta’ subordinazzjoni kemm mal-Kunsill, kif ukoll mal-Kummissjoni u mas-SEAE. Huwa jenfasizza li l-Kunsill jaħtar l-imsemmi RSUE, li l-Kummissjoni hija responsabbli mill-kontroll tal-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ dan ir-RSUE u li s-SEAE hija l-persuna li timpjega l-istess RSUE. In oltrè, ir-rikorrent isostni li r-RSUE fil-Bosnja‑Ħerzegovina ma huwiex previst mit-tielet kap ta’ talbiet sa fejn ma huwiex kompetenti sabiex jadotta korp ta’ impjieg tal-membri tal-persunal internazzjonali bil-kuntratt li jaħdmu miegħu.

128    Fid-dawl taċ-ċaħda, minħabba n-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali, tat-talba tar-rikorrent intiża għar-reintegrazzjoni tiegħu fil-persunal tar-RSUE fil-Bosnja‑Ħerzegovina kif ukoll tat-talbiet tiegħu ppreżentati fil-kuntest tat-tieni kap ta’ talbiet (ara l-punti 88 u 89 iktar ’il fuq), l-eżami ta’ dawn l-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà għandu jkun limitat għat-talbiet l-oħra tar-rikorrent.

 Fuq lewwel kap ta’ talbiet

129    Kif ġie konkluż fil-punt 87 iktar ’il fuq, il-Qorti Ġenerali għandha ġurisdizzjoni sabiex teżamina l-ewwel kap ta’ talbiet, abbażi tal-Artikolu 263 TFUE, sa fejn huwa intiż għall-annullament tad-deċiżjoni ta’ xoljiment, u abbażi tal-Artikolu 268 TFUE, sa fejn huwa intiż għall-kumpens pekunjarju tad-danni morali u materjali allegatament ikkawżati minn din id-deċiżjoni.

130    F’dan ir-rigward, minn naħa, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, ir-rimedju ġudizzjarju għal annullament huwa disponibbli kontra l-atti li jirriżultaw minn ċerti istituzzjonijiet imsemmija, iżda wkoll, b’mod iktar wiesa’, kontra dawk adottati minn korpi jew organi tal-Unjoni, sa fejn ikunu intiżi li jipproduċu effetti legali vinkolanti (digriet tal‑4 ta’ Ġunju 2013, Elitaliana vs Eulex Kosovo, T‑213/12, EU:T:2013:292, punt 19). Għalhekk, rikors għal annullament għandu jitressaq kontra l-istituzzjoni, il-korp jew l-organu tal-Unjoni li jkun adotta l-att inkwistjoni (ara d-digriet tad‑19 ta’ Novembru 2018, Iccrea Banca vs Il‑Kummissjoni u s-SRB, T‑494/17, EU:T:2018:804, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata).

131    Min-naħa l-oħra, skont l-Artikolu 268 TFUE u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE, fil-qasam ta’ responsabbiltà mhux kuntrattwali, il-Qorti Ġenerali għandha ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni tat-tilwim li jirrigwarda l-kumpens għad-danni kkawżati mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni jew mill-membri tal-persunal tagħha fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom. Il-kelma “istituzzjonijiet”, użata fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE, ma tinkludix biss l-istituzzjonijiet tal-Unjoni elenkati fl-Artikolu 13(1) TUE, iżda tkopri wkoll il-korpi u l-organi l-oħra kollha tal-Unjoni stabbiliti abbażi tat-Trattati u intiżi sabiex jikkontribwixxu għat-twettiq tal-għanijiet tal-Unjoni (ara f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ April 2002, Lamberts vs L-Ombudsman Ewropew, T‑209/00, EU:T:2002:94, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata).

132    Għalhekk, fil-kuntest ta’ rikors għal responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni, din tal-aħħar hija rrappreżentata quddiem il-Qorti Ġenerali mill-istituzzjoni, il-korp jew l-organu li huwa kkritikat bil-fatt li wassal għal responsabbiltà (ara f’dan is-sens, id-digriet tas‑6 ta’ Jannar 2015, Kendrion vs L‑Unjoni Ewropea, T‑479/14, mhux ippubblikata, EU:T:2015:2, punt 15 u l-ġurisprudenza ċċitata).

133    F’dan il-każ, l-ewwel kap ta’ talbiet jirrigwarda d-deċiżjoni ta’ xoljiment, li hija imputabbli lir-RSUE fil-Bosnja‑Ħerzegovina. Għalhekk, għandu jiġi eżaminat jekk l-imsemmi RSUE jistax jikklassifika bħala korp jew organu tal-Unjoni li jista’ jkun konvenut fil-kuntest ta’ rikors ippreżentat abbażi tal-Artikoli 263 u 268 TFUE.

134    F’dan ir-rigward, sabiex jiġi ddeterminat jekk entità jew struttura li taqa’ taħt l-iskema organizzattiva tal-Unjoni jew li taġixxi fi ħdanha tistax tiġi kkunsidrata bħala korp jew organu tal-Unjoni, għandu jiġi vverifikat jekk, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet li jirregolaw l-istatus tal-entità jew tal-istruttura kkonċernata, din għandhiex kapaċità legali suffiċjenti sabiex tkun tista’ tiġi kkunsidrata bħala korp awtonomu tal-Unjoni u sabiex tiġi rrikonoxxuta li għandha l-kwalità ta’ konvenut (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal‑4 ta’ Ġunju 2012, Elti vs Id-Delegazzjoni tal-Unjoni Ewropea għall-Montenegro, T‑395/11, EU:T:2012:274, punti 27 sa 29). B’mod partikolari, l-entità jew l-istruttura inkwistjoni għandha tikklassifika bħala korp jew organu tal-Unjoni meta, minn naħa, hija jkollha mandat intrinsikament marbut mal-funzjonament tal-Unjoni, u min-naħa l-oħra, hija ġuridikament separata mill-istituzzjonijiet, korpi u organi tal-Unjoni eżistenti (ara f’dan is-sens u b’analoġija, id-digriet tat‑3 ta’ Marzu 2022, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill, C‑551/21, EU:C:2022:163, punt 14).

135    Fir-rigward tar-RSUE fil-Bosnja‑Ħerzegovina, għandu jiġi rrilevat, qabelxejn, li skont l-Artikolu 33 TUE, huwa nħatar mill-Kunsill, fuq proprosta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (iktar ’il quddiem ir-“Rappreżentant l-Għoli”), sabiex jeżerċita “mandat dwar kwestjonijiet partikolari ta’ politika” (ara l-punt 3 iktar ’il fuq). Għalhekk, l-imsemmi RSUE għandu mandat intrinsikament marbut mal-funzjonament tal-Unjoni.

136    Imbagħad, skont l-Artikolu 4(1) tad-Deċiżjoni 2019/1340, ir-RSUE fil-Bosnja‑Ħerzegovina huwa “responsabbli għall-implimentazzjoni tal-mandat [tiegħu]”. Minkejja li din id-dispożizzjoni tipprevedi wkoll li dan r-RSUE “[jaġixxi] taħt l-awtorità tar-[Rappreżentant l-Għoli]”, din l-awtorità tirrigwarda biss l-eżekuzzjoni tal-mandat tal-imsemmi RUSE kif iddefinit fl-Artikolu 3 tal-istess deċiżjoni, u mhux il-ġestjoni amministrattiva fil-kuntest ta’ mandat simili, b’mod partikolari fil-qasam tal-persunal.

137    In oltrè, diversi dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni 2019/1340 juru li r-RSUE fil-Bosnja‑Ħerzegovina huwa legalment separat minn istituzzjonijiet, korpi jew organi oħra tal-Unjoni. F’dan ir-rigward, minn naħa, l-Artikolu 5(2) u (3) ta’ din id-deċiżjoni jagħti lill-imsemmi RSUE l-kapaċità legali li jagħti kuntratti u jixtri oġġetti u jimponilu li jikkonludi kuntratt mal-Kummisjoni fir-rigward tal-amministrazzjoni tan-nefqa tiegħu. Min-naħa l-oħra, kif ġie rrilevat fil-punt 63 iktar ’il fuq, l-Artikolu 6(2) tal-istess deċiżjoni, jippermetti lill-istess RSUE jilqa’ l-persunal issekondat mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni jew mis-SEAE.

138    Fl-aħħar nett, fil-qasam tal-ġestjoni tal-persunal bil-kuntratt tiegħu, ir-RSUE fil-Bosnja‑Ħerzegovina għandu kapaċità legali li tippermettilu jaġixxu b’mod awtonomu. Minn naħa, mill-Artikolu 6(1) u (2) tad-Deċiżjoni 2019/1340 jirriżulta li r-RSUE huwa “responsabbli mill-formazzjoni ta’ tim” u li għandu l-kapaċità legali li jikkonkludi kuntratti sabiex jirrekluta l-pesunal internazzjonali, li huwa jagħżel mingħajr il-ħtieġa li jikseb l-approvazzjoni tal-istituzzjonijiet, korpi jew organi oħra tal-Unjoni, u l-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom ikunu informati a posteriori (ara l-punti 63 u 64 iktar ’il fuq). Min-naħa l-oħra, l-imsemmija deċiżjoni ssemmi l-“membri tal-persunal tar-RSUE [fil-Bosnja‑Ħerzegovina]” (Artikolu 7), il-“membri tat-tim [tiegħu]” (Artikolu 8), il-“persunal kollu taħt l-awtorità diretta tar-RSUE” (Artikolu 10) jew anki r-“RSUE [fil-Bosnja‑Ħerzegovina] u l-persunal [tiegħu]” (Artikolu 13).

139    Għaldaqstant, għall-ħtiġijiet ta’ din il-kawża li tirrigwarda kwistjonijiet relatati mal-ġestjoni tal-persunal tar-RSUE fil-Bosnja‑Ħerzegovina, dan tal-aħħar għandu jiġi assimilat għall-korpi u l-organi tal-Unjoni li jistgħu jkunu konvenuti fil-kuntest ta’ rikors ibbażat fuq l-Artikoli 263 u 268 TFUE, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 130 sa 132 iktar ’il fuq. Minn dan isegwi li l-ewwel kap ta’ talbiet huwa ammissibbli sa fejn jirrigwarda r-RSUE fil-Bosnja‑Ħerzegovina.

140    Fir-rigward tal-Kunsill, huwa minnu li din l-istituzzjoni taħtar ir-RSUE fil-Bosnja‑Ħerzegovina, tiddefinixxi t-termini kif ukoll it-tul tal-mandat tiegħu u tista’ tiddeċiedi li ttemm dan b’mod antiċipat. Madankollu, tali fatt ma huwiex ta’ natura li jikkontesta l-awtonomija u l-kapaċità legali ta’ dan ir-RSUE fir-rigward tal-ġestjoni tal-persunal tiegħu, kif ġew ikkonstatati fil-punt 138 iktar ’il fuq. Barra minn hekk, minkejja li l-Artikolu 4(2) tad-Deċiżjoni 2019/1340 jipprevedi li l-Kunsill għandu jipprovdi, permezz tal-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà (KPS), gwida strateġika u direzzjoni politika lill-imsemmi RSUE, l-ewwel kap ta’ talbiet jirrigwarda biss kwistjonijiet relatati mal-ġestjoni tal-persunal tal-istess RSUE u għalhekk ma huwiex marbut ma’ atti ta’ dan tal-aħħar ta’ natura strateġika jew politika. Minn dan isegwi li dan il-kap ta’ talbiet huwa inammissibbli għal dak li jirrigwarda l-Kunsill.

141    Fir-rigward tal-Kummissjoni, għandu jiġi kkonstatat li, skont l-Artikolu 5(3) tad-Deċiżjoni 2019/1340, l-amministrazzjoni tan-nefqa hija s-suġġett ta’ kuntratt bejnha u r-RSUE fil-Bosnja‑Ħerzegovina, u dan tal-aħħar għandu jagħti rendikont lilha għal kull nefqa. Għalhekk, ir-rwol tal-Kummissjoni fid-dawl tar-RSUE fil-Bosnja‑Ħerzegovina jirrigwarda l-kontroll tal-implimentazzjoni baġitarja tal-mandat ta’ dan tal-aħħar. Madankollu, l-ewwel kap ta’ talbiet jirrigwarda l-ġestjoni mir-RSUE fil-Bosnja‑Ħerzegovina tal-persunal tiegħu u mhux l-implimentazzjoni, minn dan tal-aħħar, tal-baġit tiegħu. Għalhekk, l-ewwel kap ta’ talbiet għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli għal dak li jirrigwarda l-Kummissjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tad‑19 ta’ Lulju 2016, H vs Il‑Kunsill et, C‑455/14 P, EU:C:2016:569, punt 65).

142    Fir-rigward tas-SEAE, huwa minnu li, fil-fatt, ir-RSUE fil-Bosnja‑Ħerzegovina huwa wkoll il-kap tad-Delegazzjoni tal-Unjoni f’dan l-Istat, u f’din l-aħħar kwalità, membru tal-persunal temporanju tas-SEAE. Madankollu, l-ewwel, il-kuntratt inkwistjoni, l-istess bħall-KŻD preċedenti, kienu ffirmati esklużivament mill-imsemmi RSUE, f’din il-kwalità, mingħajr riferiment għall-kwalità tiegħu ta’ kap tad-Delegazzjoni tal-Unjoni fil-Bosnja‑Ħerzegovina. It-tieni, l-Artikolu 1(4) tad-Deċiżjoni 2010/427/UE tas‑26 ta’ Lulju 2010 li tistabbilixxi l-organizzazzjoni u l-funzjonament tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (ĠU 2010, L 201, p. 30), jipprevedi li s-SEAE “għandu jkun magħmul minn amministrazzjoni ċentrali u mid-Delegazzjonijiet tal-Unjoni għal pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali”, mingħajr ma jinkludi r-RSUE. It-tielet, mill-annessi tal-proċess, u b’mod partikolari minn dokument tax-xogħol tas-SEAE tas‑16 ta’ Marzu 2016, jirriżulta li l-persunal ta’ RSUE f’pajjiż terz ma għandux jitħawwad ma’ dak assenjat lid-Delegazzjoni tal-Unjoni f’dan l-Istat, inkluż meta, bħal fil-każ tal-Bosnja‑Ħerzegovina, ir-RSUE u l-kap tad-Delegazzjoni tal-Unjoni jkunu l-istess persuna. Għaldaqstant, l-ewwel kap ta’ talbiet huma inammissibbli għal dak li jirrigwarda s-SEAE.

 Fuq ittielet kap ta’ talbiet

143    Kif ġie rrilevat fil-punt 132 iktar ’il fuq, fil-kuntest ta’ rikors għal responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni, din tal-aħħar hija rrappreżentata quddiem il-Qorti Ġenerali mill-istituzzjoni, il-korp jew l-organu li jkun wettaq il-fatt li jwassal għal responsabbiltà.

144    F’dan il-każ, permezz tat-tielet kap ta’ talbiet, ir-rikorrent jippreżenta, abbażi tal-Artikolu 268 TFUE, talba għall-kumpens ibbażata fuq l-eżistenza ta’ diskriminazzjoni. F’dan it-talba, huwa jikkritika lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lis-SEAE li ma ssuġġettawx għall-Kondizzjonijiet tal-impjieg lill-persunal internazzjonali bil-kuntratt irreklutat fil-kuntest tal-PESK jew li ma adottawx għal dan il-persunal sistema legali komparabbli għal dik tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg.

145    Minn dan isegwi li l-fatt li wassal għar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni allegat mir-rikorrent jinsab fl-għażliet magħmula, fil-livell istituzzjonali, fir-rigward tas-sistema legali applikabbli għall-impjieg tal-persunal bil-kuntratt irreklutat fil-kuntest tal-PESK.

146    F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, ir-rikorrent jargumenta li sistema applikabbli għall-persunal internazzjonali bil-kuntratt irreklutat mir-RSUE fil-Bosnja‑Ħerzegovina kellha tiġi adottata abbażi tal-Artikolu 336 TFUE, li jipprovdi li “[i]l-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu permezz ta’ regolament skond il-proċedura leġislattiva ordinarja, […] għandhom jistabbilixxu r-Regolamenti tal-Persunal […] u [l-Kondizzjonijiet tal-impjieg]”. Madankollu, ir-RSUE fil-Bosnja‑Ħerzegovina huwa entità li taqa’ taħt il-PESK (ara l-punt 3 iktar ’il fuq) u mill-Artikolu 24(1) TUE u mill-Artikolu 31(1) tal-istess Trattat, jirriżulta b’mod ċar li l-adozzjoni ta’ atti leġiżlattivi hija eskluża mill-qasam tal-PESK.

147    Għalhekk, l-Artikolu 336 TFUE ma huwiex rilevanti, f’dan il-każ, għall-identifikazzjoni tal-istituzzjoni jew istituzzjonijiet li wettqu l-fatt li wassal għar-responsabbiltà fil-kuntest tat-tielet kap ta’ talbiet.

148    Fit-tieni lok, għandu jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 26 TUE, huwa l-Kunsill li għandu jfassal il-PESK u jieħu d-deċiżjonijiet meħtieġa għad-definizzjoni u għall-implimentazzjoni ta’ din il-politika, abbażi tal-linji gwida ġenerali u l-linji strateġiċi ddefiniti mill-Kunsill Ewropew. Issa, l-adozzjoni, jekk ikun il-każ, ta’ sistema legali applikabbli għall-persunal bil-kuntratt irreklutat fil-kuntest tal-PESK taqa’ taħt l-implimentazzjoni ta’ din tal-aħħar, u għalhekk, taħt il-kompetenza tal-Kunsill.

149    F’dan ir-rigward, kif jenfasizza r-rikorrent, minn qari konġunt tal-punti 1.5 u 3.3 tal-Komunikazzjoni C(2012) 4052 final tas‑26 ta’ Ġunju 2012 dwar ir-regoli ta’ ġestjoni finanzjarja tal-missjonijiet li jaqgħu taħt il-PESK, jirriżulta li l-Kummissjoni kienet issuġġeriet lill-Kunsill sabiex japplika l-Kondizzjonijiet tal-impjieg għall-membri tal-persunal bil-kuntratt ta’ missjonijiet li jaqgħu taħt il-PESK u r-RSUE.

150    Issa, jekk tali suġġeriment ma kienx segwit fir-realtà, dan għaliex id-Delegazzjonijiet tal-Istati Membri ma waslux għal ftehim ġewwa l-Kunsill, kif jirriżulta min-nota mibgħuta mill-Presidenza ta’ din l-istituzzjoni lill-Kumitat tar-Rappreżentanti Permanenti (Coreper), fit‑22 ta’ Mejju 2013. B’mod partikolari, f’din in-nota, kien enfasizzat li l-imsemmija delegazzjonijiet kellhom bżonn żmien biex jistudjaw l-implikazzjonijiet legali, istituzzjonali u operattivi qabel iwettqu kwalunkwe tibdil fis-sistema tal-missjonijiet li jaqgħu taħt il-PESK u li huma kienu jikkunsidraw li s-sitwazzjoni tar-RSUE kienet teħtieġ diskussjonijiet ġodda. Din in-nota kienet akkumpanjata minn proposta, li fiha, fir-rigward tar-RSUE, kien indikat dan li ġej:

“Il-Kunsill jikkunsidra li s-sitwazzjoni tar-RSUE teħtieġ diskussjonijiet ġodda, u li l-istatus quo għandu jibqa’ kif inhu għalissa. F’dan l-istadju [huwa] jista’ jaqbel biss ma’ dan li ġej:

[…]

–        [i]kompli jeżamina l-għażliet għal alternattivi għas-sitwazzjoni fejn kull RSUE huwa personalment responsabbli mill-baġit u jimpjega personalment il-persunal, inkluż il-possibbiltà li tiġi stabbilita ċellola ta’ appoġġ tar-RSUE u jirrapporta lill-Coreper dwar dan sal‑31 ta’ Marzu 2014.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

151    Barra minn hekk, fit‑13 ta’ Marzu 2014, is-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill ħareġ nota intiża għall-approvazzjoni ta’ direttivi ġodda dwar il-ħatra, il-mandat u l-finanzjament tar-RSUE, li t-test tagħha kien ġie redatt mill-grupp “Relazzjonijiet esterni” tal-Kunsill, wara diskussjonijiet abbażi ta’ dokument ta’ ħidma tas-SEAE, li kien isegwi konklużjoni tal-grupp “Affarijiet ġenerali” tal-Kunsill, tas‑17 ta’ Diċembru 2013, li jipprovdi li kien meħtieġ li jiġu adottati dawn id-direttivi ġodda. Minn din in-nota jirriżulta li d-Delegazzjonijiet tal-Istati Membri kienu qiesu neċessarju li jiġu ċċarati l-implikazzjonijiet legali, istituzzjonali u operattivi, għall-persunal bil-kuntratt tar-RSUE, ta’ regoli ġodda dwar il-persunal bil-kuntratt tal-missjonijiet li jaqgħu taħt il-PESK.

152    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li l-adozzjoni ta’ sistema legali applikabbli għall-persunal bil-kuntratt irreklutat fil-kuntest tal-PESK kienet taqa’ taħt għażla magħmula fil-livell tal-Kunsill, kif barra minn hekk jenfasizza s-SEAE fl-eċċezzjoni tiegħu ta’ nuqqas ta’ ġurisdizzjoni u inammissibbiltà.

153    Fit-tielet lok, għandu jiġi enfasizzat li l-ħatra ta’ RSUE taqa’ taħt il-kompetenza tal-Kunsill, fuq proposta tar-Rappreżentant Għoli, skont l-Artikolu 33 TUE.

154    In oltrè, l-Artikolu 28(1) TUE jipprovdi, fl-ewwel subparagrafu tiegħu, li meta s-sitwazzjoni internazzjonali teħtieġ azzjoni operattiva mill-Unjoni, il-Kunsill għandu jadotta d-deċiżjonijiet meħtieġa u li dawn għandhom jistabbilixxu l-objettivi tagħhom, l-ambitu, il-mezzi li għandhom ikunu magħmula disponibbli għall-Unjoni, il-kundizzjonijiet għall-implementazzjoni tagħhom u jekk meħtieġ it-tul ta’ żmien tagħhom. Għalhekk, fil-kuntest speċifiku tal-PESK, huwa l-Kunsill li għandu jiddeċiedi dwar il-mezzi li għandhom ikunu disponibbli għall-Unjoni u dwar il-kundizzjonijiet għall-implimentazzjoni tad-deċiżjonijiet li huwa jadotta fir-rigward tal-azzjoni operattiva tal-Unjoni kkonċernata, li jinkludi b’mod partikolari, il-mezzi magħmula għad-dispożizzjoni tal-imsemmija azzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Novembru 2021, Jenkinson vs Il‑Kunsill et, T‑602/15 RENV, taħt appell, EU:T:2021:764, punt 226).

155    Ċertament, id-Deċiżjoni 2019/1340 ma ssemmix espressament l-Artikolu 28 TUE, iżda tirreferi biss għat-“Trattat [UE], u b’mod partikolari l-Artikolu 33 u l-Artikolu 31(2) tiegħu”. Madankollu, din id-deċiżjoni timplika azzjoni operattiva li taqa’ taħt il-PESK, sa fejn din tistabbilixxi RSUE fil-Bosnja‑Ħerzegovina, li għandu bħala mandat, essenzjalment, li jsostni l-azzjoni tal-Unjoni dwar kwistjonijiet politiċi partikolari fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru, b’rabta mal-awtoritajiet lokali, u li għandu, għall-finijiet tat-twettiq ta’ dan il-mandat, baġit u tim.

156    Barra minn hekk, l-Azzjoni Konġunta 2002/211, li permezz tagħha r-RSUE fil-Bosnja‑Ħerzegovina kien maħtur għall-ewwel darba, kienet adottata abbażi tal-Artikolu 14 UE (fil-verżjoni tiegħu preċedenti għad-dħul fis-sens tat-Trattat ta’ Lisbona), li fil-paragrafu 1 tiegħu, kien jinkludi dispożizzjoni simili għall-Artikolu 28 TUE fil-verżjoni attwali tiegħu. In oltrè, id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/330/PESK tal‑25 ta’ Ġunju 2012 li temenda d-Deċiżjoni 2011/426/PESK li taħtar ir-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea fil-Bosnja u Ħerzegovina (ĠU 2012, L 165, p. 66), u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/351/PESK tat‑2 ta’ Lulju 2013 li temenda d-Deċiżjoni 2011/426/PESK li taħtar ir-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea fil-Bosnja-Ħerzegovina (ĠU 2013, L 185, p. 7), kienu adottati wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, skont, b’mod partikolari, l-Artikolu 28 TUE.

157    Għalhekk, il-ħatra tar-RSUE fil-Bosnja‑Ħerzegovina taqa’ taħt l‑Artikolu 28 TUE, b’tali mod li, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 154 iktar ’il fuq, huwa l-Kunsill li għandu jiddetermina r-riżorsi umani li għandu jkollha din l-entità.

158    Din il-konklużjoni hija kkonfermata mid-direttivi dwar il-ħatra, il-mandat u l-finanzjament tar-RSUE, imsemmija fil-punt 151 iktar ’il fuq, li t-Taqsima C tagħhom hemm indikat li d-deċiżjoni tal-Kunsill li taħtar RSUE għandha tkopri diversi elementi, fosthom ir-regoli dwar il-kostituzzjoni u l-kompożizzjoni tat-tim tar-RSUE.

159    F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-adozzjoni ta’ regolamenti tal-persunal applikabbli għall-persunal internazzjonali bil-kuntratt tar-RSUE fil-Bosnja‑Ħerzegovina taqa’ taħt il-kompetenzi tal-Kunsill.

160    Fir-raba’ lok, waqt is-seduta, is-SEAE sostna, billi bbaża ruħu fuq l-Artikolu 30(1) TUE, li l-Kunsill ma setax jadotta sistema legali applikabbli għall-persunal bil-kuntratt li jaqa’ taħt il-PESK mingħajr ma jkollu proposta f’dan is-sens, li toriġina mir-Rappreżentant Għoli jew minn Stat Membru. Madankollu, minn din id-dispożizzjoni, li tipprovdi li “[k]ull Stat Membru, ir-Rappreżentant Għoli […], jew ir-Rappreżentant Għoli bl-appoġġ tal-Kummissjoni, jistgħu jirriferu lill-Kunsill kull kwistjoni li għandha x’taqsam mal-[PESK] u jistgħu jippreżentaw, rispettivament, inizjattivi jew proposti lill-Kunsill”, jirriżulta li r-Rappreżentant Għoli u l-Istati Membri għandhom dritt ta’ inizjattiva, iżda li dan tal-aħħar ma jikkostitwixxix monopolju, u lanqas kundizzjoni sabiex il-Kunsill ikun jista’ jadotta att bħal deċiżjoni dwar sistema legali tal-persunal bil-kuntratt irreklutat fil-kuntest tal-PESK b’mod ġenerali, jew tar-RSUE fil-Bosnja‑Ħerzegovina, b’mod partikolari. Għalhekk, din id-dispożizzjoni ma teskludix li l-Kunsill jista’ jieħu deċiżjoni intiża għall-adozzjoni ta’ tali sistema fuq inizjattiva tiegħu stess, jekk iqis li din hija neċessarja, jew jitlob lir-Rappreżentant Għoli jissottomettilu proposta f’dan is-sens.

161    Din il-konklużjoni hija kkonfermata mill-elementi tal-proċess. Minn naħa, mill-punt 151 iktar ’il fuq, jirriżulta li kien fuq inizjattiva tal-grupp “Affarijiet ġenerali” tal-Kunsill li d-direttivi dwar il-ħatra, il-mandat u l-finanzjament tar-RSUE kienu rreveduti. Min-naħa l-oħra, f’dawn l-istess direttivi, huwa ppreċiżat, fir-rigward tal-proċedura ta’ ħatra ta’ RSUE, li “[m]eta jqis li l-kuntest politiku jeħtieġ dan, il-Kunsill jista’ jistieden lir-[Rappreżentant Għoli] jippreżenta proposta għall-ħatra ta’ RSUE responsabbli minn mandat marbut ma’ kwistjoni politika partikolari” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

162    Fid-dawl tal-preċedenti, għandu jiġi konkluż li kull nuqqas żbaljat eventwali fl-adozzjoni ta’ sistema ġenerali applikabbli għall-persunal bil-kuntratt li jaqa’, b’mod ġenerali, taħt il-PESK jew, b’mod partikolari, taħt ir-RSUE fil-Bosnja‑Ħerzegovina, għandu jiġi imputat lill-Kunsill. Għalhekk, it-tielet kap ta’ talbiet huwa ammissibbli sa fejn jirrigwarda l-Kunsill, u inammissibbli għal dak li jirrigwarda l-Kummissjoni u s-SEAE.

 Fuq irraba’ kap ta’ talbiet

163    Permezz tar-raba’ kap ta’ talbiet tiegħu, sussidjarju għall-ewwel tlieta, ir-rikorrent jitlob il-kundanna tal-Kunsill, tal-Kummissjoni u tas-SEAE, abbażi tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni, għall-ħlas tas-somma ta’ EUR 400 000 għall-motiv li l-kundizzjonijiet ta’ xogħol tiegħu ma kinux josservaw id-drittijiet fundamentali tiegħu.

164    Issa, kif jirriżulta mill-punti 148 sa 162 iktar ’il fuq, huwa l-Kunsill li għandu jiddetermina l-kundizzjonijiet ta’ xogħol tal-persunal bil-kuntratt tar-RSUE fil-Bosnja‑Ħerzegovina. Għalhekk, il-Kunsill għandu jiġi identifikat bħala l-konvenut fir-rigward tar-raba’ kap ta’ talbiet.

165    Huwa minnu li, ir-rikorrent jirreferi wkoll għall-motivi invokati insostenn tal-ewwel u t-tieni kap ta’ talbiet, li jirrigwardaw ir-RSUE fil-Bosnja‑Ħerzegovina fil-kwalità tiegħu ta’ persuna li timpjega. Madankollu, fil-kuntest tar-raba’ kap ta’ talbiet, ir-rikorrent ma riedx jistabbilixxi r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni għall-aġir tar-RSUE fil-Bosnja‑Ħerzegovina. Fil-fatt, kemm fir-rikors kif ukoll fl-osservazzjonijiet tiegħu dwar l-eċċezzjonijiet ta’ nuqqas ta’ ġurisdizzjoni u ta’ inammissibbiltà, ir-rikorrent jippreċiża li r-raba’ kap ta’ talbiet jirrigwarda l-“istituzzjonijiet Ewropej”, li skont il-qari tal-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu kollha, għandu jinftiehem bħala riferiment mhux għar-RSUE fil-Bosnja‑Ħerzegovina, iżda għall-Kunsill, għall-Kummissjoni kif ukoll għas-SEAE, minkejja li dan tal-aħħar ma huwiex istituzzjoni fis-sens tal-Artikolu 13 TUE.

166    Fid-dawl tal-preċedenti, ir-raba’ kap ta’ talbiet għandu jiġi ddikjarat ammissibbli għal dak li jirrigwarda l-Kunsill u inammissibbli għal dak li jirrigwarda l-Kummissjoni u s-SEAE.

 Konklużjoni

167    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, l-ewwel, fir-rigward tal-ewwel kap ta’ talbiet, il-Qorti Ġenerali għandha ġurisdizzjoni, minn naħa, abbażi tal-Artikolu 263 TFUE, sabiex tiddeċiedi fuq talba intiża għall-annullament tad-deċiżjoni ta’ xoljiment, u min-naħa l-oħra, abbażi tal-Artikolu 268 TFUE, sabiex tiddeċiedi fuq talba intiża għall-kumpens pekunjarju għal danni morali u materjali allegatament imġarrba mir-rikorrent minħabba din id-deċiżjoni. Dawn it-talbiet huma ammissibbli sa fejn jirrigwardaw ir-RSUE fil-Bosnja‑Ħerzegovina u inammissibbli sa fejn jirrigwardaw il-Kunsill, il-Kummissjoni u s-SEAE.

168    In oltrè, it-talba intiża għar-reintegrazzjoni tar-rikorrent fil-persunal tar-RSUE fil-Bosnja‑Ħerzegovina għandha tiġi miċħuda minħabba nuqqas ta’ ġurisdizzjoni.

169    It-tieni, it-tieni kap ta’ talbiet għandu jiġi miċħud, kollu, minħabba nuqqas ta’ ġurisdizzjoni.

170    It-tielet, it-tielet u r-raba’ kap ta’ talbiet, li għalihom il-Qorti Ġenerali għandha ġurisdizzjoni skont l-Artikolu 268 TFUE, huma ammissibbli sa fejn jirrigwardaw il-Kunsill u inammissibbli sa fejn jirrigwardaw il-Kummissjoni u s-SEAE.

 Fuq lispejjeż

171    Skont l-Artikolu 133 tar-Regoli tal-Proċedura, id-deċiżjoni dwar l-ispejjeż għandha tingħata fis-sentenza jew fid-digriet li jagħlqu l-istanza. In oltrè, skont l-Artikolu 135(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, meta jkun meħtieġ għal raġunijiet ta’ ekwità, il-Qorti Ġenerali tista’ tiddeċiedi li parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż tagħha iżda li għandha tiġi kkundannata biss parzjalment għall-ispejjeż sostnuti mill-parti l-oħra, jew saħansitra li ma għandhiex tiġi kkundannata f’dan ir-rigward.

172    Mill-motivi stabbiliti f’din is-sentenza, jirriżulta li din tal-aħħar tagħlaq l-istanza għal dak li jirrigwarda l-Kummissjoni u s-SEAE, liema konvenuti, li fir-rigward tagħhom ir-rikors għandu jiġi miċħud, talbu espressament il-kundanna tar-rikorrent għall-ispejjeż.

173    Madankollu, kif ġie rrilevat fil-punti 140 sa 142 iktar ’il fuq, l-azzjoni tar-RSUE fil-Bosnja‑Ħerzegovina taqa’ f’kuntest legali kumpless, ikkaratterizzat mir-rabtiet li huwa għandu mal-Kunsill, mal-Kummissjoni u mas-SEAE. Għalhekk, kien mingħajr dubju diffiċli għar-rikorrent li jidentifika l-konvenuti waqt l-introduzzjoni ta’ dan ir-rikors. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali tqis ġust u ekwu li tiddeċiedi li l-Kummissjoni u s-SEAE ibatu l-ispejjeż tagħhom stess.

174    Barra minn hekk, din is-sentenza ma tagħlaqx l-istanza għal dak li jirrigwarda l-Kunsill u r-RSUE fil-Bosnja‑Ħerzegovina. Għalhekk, l-ispejjez esposti mir-rikorrent u minn dawn iż-żewġ konvenuti marbuta mal-eċċezzjonijiet ta’ nuqqas ta’ ġurisdizzjoni u inammissibbiltà għandhom jibqgħu rriżervati.

Għal dawn il-motivi,

IL‑QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud:

–        minħabba nuqqas ta’ ġurisdizzjoni, sa fejn huwa intiż li tiġi ordnata r-reintegrazzjoni ta’ Robert Stockdale fi ħdan il-persunal tar-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea fil-BosnjaĦerzegovina;

–        minħabba nuqqas ta’ ġurisdizzjoni, sa fejn huwa intiż għar-riklassifikazzjoni tal-kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat ta’ R. Stockdale bħala kuntratt ta’ xogħol wieħed għal żmien indeterminat u għall-konstatazzjoni tal-ksur, mill-konvenuti, tal-obbligi kuntrattwali tagħhom;

–        bħala inammissibbli, għal dak li jirrigwarda lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, lill-Kummissjoni Ewropea u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE), sa fejn huwa intiż għall-annullament tad-deċiżjoni tar-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea fil-BosnjaĦerzegovina tas17 ta’ Novembru 2020 li permezz tagħha l-kuntratt ta’ xogħol ta’ R. Stockdale ġie xolt u għall-kumpens għad-danni allegatament ikkawżati minn din id-deċiżjoni;

–        bħala inammissibbli, għall-kumplament, għal dak li jirrigwarda l-Kummissjoni u s-SEAE.

2)      Il-kumplament tal-eċċezzjonijiet ta’ nuqqas ta’ ġurisdizzjoni u ta’ inammissibbiltà huma miċħuda.

3)      Il-Kummissjoni u s-SEAE għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom marbuta mal-eċċezzjonijiet ta’ nuqqas ta’ ġurisdizzjoni u ta’ inammissibbiltà.

4)      L-ispejjeż esposti minn R. Stockdale, mill-Kunsill u mir-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea fil-BosnjaĦerzegovina, marbuta mal-eċċezzjonijiet ta’ nuqqas ta’ ġurisdizzjoni u inammissibbiltà, huma rriżervati.

da Silva Passos

Valančius

Reine

Truchot

 

      Sampol Pucurull

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis‑26 ta’ Lulju 2023.

Firem


Werrej





*      Lingwa tal-proċedura: il-Franċiż.