Language of document : ECLI:EU:T:2013:200

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla)

19 ta’ April 2013 (*)

“FEŻR – Programm Operattiv Reġjonali (POR) 2000 ‑ 2006 għar-Regione Campania – Regolament (KE) Nru 1260/1999 – Artikolu 32(3)(f) – Deċiżjoni li ma jsirux il-pagamenti intermedji relatati mal-miżura tal-POR li tikkonċerna l-immaniġġar u r-rimi ta’ skart – Proċeduri ta’ ksur kontra l-Italja”

Fil-Kawżi magħquda T‑99/09 u T‑308/09,

Ir-Repubblika Taljana, irrappreżentata minn P. Gentili u, fil-Kawża T‑99/09, ukoll minn G. Palmieri, avvocati dello Stato,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn D. Recchia u A. Steiblytė, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talbiet għall-annullament tad-deċiżjonjiet li jinsabu fl-ittri tal-Kummissjoni tat-22 ta’ Diċembru 2008, tat-2 u tas-6 ta’ Frar 2009 (Nri 012480, 000841 u 001059 – Kawża T‑99/09) u tal-20 ta’ Mejju 2009 (Nru 004263 – Kawża T‑308/99) li jiddikjaraw inammissibbli, skont l-Artikolu 32(3)(f) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1260/1999, tal-21 ta’ Ġunju 1999, li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fondi Strutturali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 14, Vol. 1, p. 31), it-talbiet għall-ħlas tal-pagamenti intermedji tal-awtoritajiet Taljani intiżi għar-rimbors tal-ispejjeż sostnuti, wara d-29 ta’ Ġunju 2007, taħt il-Miżura 1.7 tal-Programm Operattiv “Campania”,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla),

komposta minn J. Azizi (Relatur), President, F. Dehousse u S. Frimodt Nielsen, Imħallfin,

Reġistratur: J. Palacio González, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-12 ta’ Settembru 2012,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

 Il-proċedura għall-approvazzjoni tas-sostenn tal-Programm Operattiv “Campania”

1        Permezz tad-Deċiżjoni C (2000) 2347, tat-8 ta’ Awwissu 2000, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej approvat il-Programm Operattiv “Campania” (iktar ’il quddiem il-“PO Campania”) li jidħol fil-kuntest tas-sostenn għall-interventi strutturali Komunitarji fir-reġjuni kkonċernati mill-Objettiv 1 fl-Italja. L-Artikolu 5 ta’ din id-deċiżjoni jipprovdi li d-dati tal-bidu u tal-limitu tal-eliġibbiltà tal-ispejjeż huma l-5 ta’ Ottubru 1999 u l-31 ta’ Diċembru 2008, rispettivament. Sussegwentement din id-deċiżjoni ġiet emendatata diversi drabi.

2        Permezz ta’ ittra tal-20 ta’ Marzu 2001, il-President tar-Regione Campania nnotifika lill-Kummissjoni “żieda mal-programm finali”.

3        Fit-23 ta’ Mejju 2006, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni C (2006) 2165 li temenda d-Deċiżjoni C (2000) 2347 u li magħha ġiet mhemuża verżjoni emendata tal-PO Campania li tiddeskrivi l-Miżura 1.7 ta’ dan tal-aħħar (iktar ’il quddiem il-“Miżura 1.7”).

4        Fit-22 ta’ April 2008, l-awtoritajiet Taljani nnotifikaw lill-Kummissjoni verżjoni emendata taż-żieda mal-programm li tinkludi deskrizzjoni emendata tal-Miżura 1.7, li l-Kummissjoni approvat permezz ta’ ittra tat-30 ta’ Mejju 2008.

5        Il-Kummissjoni finalment emendat id-Deċiżjoni C (2000) 2347 permezz tad-Deċiżjoni tagħha C (2009) 1112 finali, tat-18 ta’ Frar 2009, li estendiet il-perijodu ta’ eliġibbiltà tal-ispejjeż sat-30 ta’ Ġunju 2009.

6        Il-verżjoni tal-PO Campania, kif innotifikata lill-Kummissjoni fit-22 ta’ April 2008, iddeskriviet l-interventi relatati mal-Miżura 1.7, b’mod partikolari, kif ġej:

“a)       Bini ta’ impjanti ta’ kwalità fejn isir il-kompost u ta’ żoni ekoloġiċi

[…]

b)       Interventi li jikkonċernaw il-ħolqien ta’ landfills għar-rimi ta’ skart residwu wara l-ġbir isseparat, b’osservanza għall-kundizzjonijiet ta’ sigurtà skont id-dispożizjonijiet tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 36/03, u li jikkonċernaw l-istadju finali u/jew ir-restawr ambjentali tal-landfills awtorizzati u mhux attivi, filwaqt li tingħata attenzjoni partikolari għall-adattament tagħhom skont id-Digriet Leġiżlattiv Nru 36/03.

Fil-kuntest ta’ din l-azzjoni, huma ffinanzjati l-interventi li jikkonċernaw il-ħolqien ta’ landfills għar-rimi ta’ skart residwu wara l-ġbir isseperat, b’osservanza għall-kundizzjonijiet ta’ sigurtà skont id-dispożizjonijiet tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 36/03, l-interventi li jikkonċernaw l-istadju finali u/jew ir-restawr ambjentali tal-landfills awtorizzati u mhux attivi, previsti mill-pjanifikazzjoni settorjali, billi jiġu pprivileġġjati, b’osservanza tal-prijoritajiet tal-pjan ta’ mmaniġġar ta’ skart, il-landfills diġà eżistenti u l-interventi ta’ kwalifikazzjoni mill-ġdid ambjentali taż-żoni permezz tal-irdim ta’ tip speċifiku ta’ skart residwu […]. Il-landfills għandhom jitqiesu bħala li huma esklużivament għas-servizz tas-sistema integrata ta’ mmaniġġar ta’ skart.

[…]

c)       Implementazzjoni tal-aħjar żoni territorjali u ta’ pjanijiet relatati għall-immaniġġar u l-ipproċessar ta’ skart (assistenza teknika għat-tħejjija ta’ pjanijiet u ta’ programmi, xiri ta’ tgħammir tekniku u assistenza għall-monitoraġġ tas-sistemi u l-iżvilupp tal-għarfien tas-settur, seminars ta’ taħriġ mill-ġdid għall-persunal, attivitajiet ta’ komunikazzjoni u ta’ informazzjoni)

[…]

d)       Sostenn lill-komuni assoċjati fir-rigward tal-imaniġġar tas-sistema ta’ ġbir isseparat ta’ skart urban.

Din l-attività tippermetti li jiġi ffinanzjat ix-xiri, mill-komuni assoċjati u, b’impenji ġuridikament vinkolanti meħuda qabel il-31 ta’ Diċembru 2004, ukoll mill-[kummissarjat rappreżentattiv], fil-forom u skont il-metodi previsti mid-Digriet Leġiżlattiv Nru 267/2000, tat-tgħammir tekniku neċessarju għall-ġbir isseparat ta’ skart urban u ta’ dak relatat, u għat-tgħammir ta’ żoni u ta’ punti ta’ ġbir relatati miegħu (miżbliet, kontenituri għall-preparazzjoni tal-kompost, kontenituri taż-żibel, vetturi għall-ġbir, etc.), bil-għan li tiġi żgurata kooperazzjoni effikaċi bejn l-awtoritajiet lokali li jinsabu f’żona unika li hija l-aħjar, fil-forom u skont il-kundizzjonijiet previsti mil-leġiżlazzjoni fis-seħħ.

[…]

e)       Skema ta’ għajnuna lill-impriżi għall-adattament tal-impjanti intiżi għall-irkurpu ta’ materjal idderivat mill-iskart (ipproċessar ta’ skart inerti, ta’ vetturi bil-mutur, ta’ beni durabbli, ta’ oġġetti ingumbranti, kompostaġġ ta’ kwalità, irkupru ta’ materji plastiċi) abbażi ta’ strateġiji pubbliċi intiżi għall-implementazzjoni tal-attivitajiet ta’ rkupru u għat-titjib tal-livelli ta’ kwalità.

[…]

f)       Fuq livell reġjonali, attività ta’ koordinazzjoni, ta’ loġistika u ta’ sostenn lill-impriżi ta’ ġbir u ta’ rkupru ta’ skart li joriġina minn kategoriji partikolari ta’ attivitajiet produttivi.

L-azzjoni għandha tippromwovi l-attivitajiet ta’ sostenn lill-impriżi li jipproduċu kategoriji partikolari ta’ skart li, mingħajr dan is-sostenn, ma jkunux jistgħu jagħmlu ekonomija ta’ skala li tippermetti jew li tiffaċilità l-irkupru ta’ dan l-iskart minflok ma dan jiġi sempliċement mormi.

[…]

Barra minn hekk, l-azzjoni għandha tinkludi l-ħolqien ta’ katast ta’ riċerka li jinkludi funzjoni ta’ monitoraġġ tal-kwalità u tal-kwantità tal-iskart, b’koordinazzjoni mal-interventi kkofinanzjati mill-Miżura 1.1, kif previst fl-istudju ta’ probabbiltà msemmi fid-DGR (Deċiżjoni tal-Giunta Regionale) Nru 1508 tat-12 ta’ April 2002 u fl-emendi u fl-integrazzjonijet eventwali tagħha, kif ukoll miżuri ta’ sensibilizzazzjoni u ta’ promozzjoni tal-ġbir isseparat, tal-irkupru u tar-riċiklaġġ. L-azzjoni għandha tinkludi t-twettiq ta’ kampannji ta’ sensibilizzazzjoni dwar il-ġbir isseparat, l-irkupru u r-riċiklaġġ. Dawn il-kampannji huma intiżi wkoll sabiex jiffaċilitaw il-proċessi ta’ implementazzjoni tal-pjanijiet reġjonali.

[…]

g)       Skemi ta’ għajnuna lill-impriżi għall-bini ta’ impjanti intiżi għall-irkupru ta’ materjal li jirriżulta minn skart li joriġina minn kategoriji produttivi partikolari u għall-bini ta’ impjanti għall-irkupru tal-enerġija fir-rigward tal-iskart li kieku ma jkunx rekuperabbli.

L-għan ta’ din l-azzjoni huwa li jiġi promoss l-iżvilupp ta’ attivitajiet industrijali suċċessivament għall-ġbir isseparat għall-finijiet tal-iżvilupp ekonomiku tal-partijiet magħżula.

Din l-azzjoni għandha tipprovdi għall-finanzjament tal-bini ta’ impjanti intiżi għall-attivitajiet ta’ rkupru ta’ skart imsemmija fl-Artikoli 31 u 33 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 22/97. B’mod iktar speċifiku, għandhom ikunu iffinanzjati l-attivitajiet ta’ rkupru msemmija fl-Anness 1 – subanness 1, tad-Digriet Ministerjali tal-5 ta’ Frar 1998, bl-esklużjoni tal-kategoriji 14( skart rekuperabbli li joriġina minn skart urban u minn skart speċjali relatat mhux perikoluż għall-produzzjoni ta’ [fjul idderivat minn skart ta’ kwalità]), 16 (skart kompostabbli) u 17 (skart rekuperabbli permezz ta’ proċessi ta’ tmermir u ta’ gassifikazzjoni), u fl-Anness 1 –subanness 1 tad-Digriet Ministerjali Nru 161 tat-12 ta’ Ġunju 2002.

[…]”

7        L-interventi mwettqa u intiżi sabiex tiġi mtejba u sabiex tiġi promossa s-sistema ta’ ġbir u ta’ rimi ta’ skart skont il-Miżura 1.7 taw lok għal spejjeż li jammontaw għal EUR 93 268 731.59, li 50 % minnhom – jiġifieri EUR 46 634 365.80 – kienu ġew ikkofinanzjati mill-Fondi Strutturali.

 Il-proċeduri ta’ ksur kontra r-Repubblika Taljana

8        Fil-kuntest ta’ proċeduri ta’ ksur miftuħa kontra r-Repubblika Taljana bir-referenza Nru 2007/2195, il-Kummissjoni bagħtet lill-awtoritatjiet Taljani, fid-29 ta’ Ġunju 2007, ittra ta’ intimazzjoni li takkużahom bi ksur tal-Artikoli 4 u 5 tad-Direttiva 2006/12/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-5 ta' April 2006, dwar l-iskart (ĠU L 114, p. 9), billi ma kinux adottaw, fir-rigward tar-Regione Campania, il-miżuri kollha neċessarji sabiex jiggarantixxu li l-iskart ikun mormi mingħajr periklu għas-saħħa tal-bniedem u mingħajr ħsara għall-ambjent u, b’mod partikolari, billi ma ħolqux netwerk integrat u adatt ta’ impjanti ta’ rimi ta’ skart

9        Fit-23 ta’ Ottubru 2007, il-Kummissjoni bagħtet lill-awtoritajiet Taljani ittra ta’ intimazzjoni addizzjonali, iddatata s-17 ta’ Ottubru 2007, intiża sabiex testendi l-ilmenti li jifformaw is-suġġett tal-proċeduri ta’ ksur. Din l-estenzjoni tal-ilmenti kienet tikkonċerna n-nuqqas allegat ta’ effikaċità tal-pjan ta’ mmaniġġar ta’ skart għar-Regione Campania adottat fl-1997 sabiex jintlaħqu l-għanijiet imsemmija fl-Artikoli 3, 4, 5 u 7 tad-Direttiva 2006/12.

10      Wara l-approvazzjoni, fit-28 ta’ Diċembru 2007, ta’ pjan ġdid ta’ mmaniġġar ta’ skart għar-Regione Campania, il-Kummissjoni ħarġet, fl-1 ta’ Frar 2008, opinjoni motivata dwar il-ksur allegat tal-Artikoli 4 u 5 tad-Direttiva 2006/12 biss.

11      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fl-4 ta’ Lulju 2008 bir-referena Nru C‑297/08, il-Kummissjoni ppreżentat rikors skont l-Artikolu 226 KE u talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li, billi ma adottatx, għar-Regione Campania, il-miżuri kollha neċessarji sabiex tiggarantixxi li l-iskart jiġi rkuprat u mormi mingħajr ma tiġi pperikolata s-saħħa tal-bniedem u mingħajr ma ssir ħsara lill-ambjent, u b’mod partikolari billi ma stabbilixxietx netwerk adatt u integrat ta’ impjanti ta’ rimi, ir-Repubblika Taljana kienet naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikoli 4 u 5 tad-Direttiva 2006/12.

12      Permezz tas-sentenza tagħha tal-4 ta’ Marzu 2010, Il‑Kummissjoni vs L-Italja (C‑297/08, Ġabra p. I-1749), il-Qorti tal-Ġustizzja laqgħet dan ir-rikors u kkonstatat in-nuqqas tar-Repubblika Taljana, hekk kif kienet talbet il-Kummissjoni.

 Effetti tal-proċeduri ta’ ksur fuq l-implementazzjoni tal-PO Campania

13      Permezz ta’ ittra tal-31 ta’ Marzu 2008 bir-referenza Nru 002477, il-Kummissjoni informat lill-awtoritatjiet Taljani dwar il-konsegwenzi li hija kellha l-intenzjoni tislet mill-proċeduri ta’ ksur Nru 2007/2195 imsemmija fil-punt 8 iktar ’il fuq għall-finanzjament tal-Miżura 1.7 fil-kuntest tal-implementazzjoni tal-PO Campania. Fid-dawl tal-ftuħ ta’ dawn il-proċeduri u tal-kontenut tal-opinjoni motivata, il-Kummissjoni qieset li ma setgħetx iktar “tagħmel pagamenti intermedji li jikkonċernaw ir-rimbors tal-ispejjeż relatati mal-Miżura 1.7 tal-PO Campania […]”, skont l-Artikolu 32(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1260/1999, tal-21 ta’ Ġunju 1999, li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fondi Strutturali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 14, Vol. 1, p. 31). Fil-fatt, “il-Miżura 1.7 tal-PO Campania […] [kienet] tikkonċerna s-‘Sistema reġjonali ta’ mmaniġġar u ta’ rimi ta’ skart’, li għaliha jirreferu l-proċeduri ta’ ksur, li [jidentifikaw] in-nuqqas ta’ effikaċità fl-implementazzjoni ta’ netwerk adatt u integrat ta’ impjanti ta’ rimi ta’ skart […]”. Skont il-Kummissjoni, ġie stabbilit li “l-immaniġġar ta’ skart fit-totalità tiegħu ma [kienx] sodisfaċenti fid-dawl tan-neċessità li jiġi ggarantit ġbir u rimi korrett ta’ skart u, għaldaqstant, ukoll fid-dawl tal-azzjonijiet previsti mill-Miżura 1.7, bħall-azzjonijiet marbuta mal-impjanti ta’ ħażna, ta’ pproċessar, u ta’ rimi ta’ skart, mal-impjanti ta’ rkupru tal-partijiet niexfa u umdi, l-istadju finali ta’ landfills, minbarra l-ġbir isseparat […], kif ukoll il-pjanijiet u l-programmi settorjali”. Hija kkonkludiet, essenzjalment, li kull talba għal ħlas li tkopri spejjeż relatati mal-Miżura 1.7 imressqa wara l-mument li fih ir-Regione di Campania naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt id-Direttiva 2006/12 li daħlet fis-seħħ fis-17 ta’ Mejju 2006, tkun inammissibbli. Il-Kummissjoni għaldaqstant talbet lill-awtoritajiet Taljani jnaqqsu, mit-talba għal ħlas sussegwenti, l-ispejjeż kollha sostnuti li jikkonċernaw il-Miżura 1.7 wara s-17 ta’ Mejju 2006, sakemm ir-Repubblika Taljana ma tadottax id-dispożizzjonijiet neċessarji sabiex tirrimedja “s-sitwazzjoni”.

14      Permezz ta’ ittra tad-9 ta’ Ġunju 2008 bir-referenza Nru 0012819, l-awtoritajiet Taljani kkontestatw l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni mogħtija fl-ittra tagħha tal-31 ta’ Marzu 2008. Skonthom, id-dikjarazzjoni ta’ inammissibbiltà tat-talbiet għal ħlas fir-rigward tal-Miżura 1.7 hija infondata. Il-kriterji tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 32(3) tar-Regolament Nru 1260/1999 ma humiex sodisfatti f’dan il-każ. Il-Kummissjoni ma “indikat ebda operazzjoni speċifika kuntrarja għad-dritt Komunitarju, iżda limitat ruħha titlob il-ftuħ ta’ proċeduri ta’ ksur fil-kuntest tal-immaniġġar ta’ skart b’mod assolutament ġeneriku, mingħajr ma dan ma jippermetti li jinftiehem kif l-implementazzjoni tal-Miżura 1.7 taħt il-PO Campania tista’ tirrappreżenta tali ksur tad-dritt Komunitarju”. Il-pożizzjoni tal-Kummissjoni għaldaqstant tammonta sabiex tissanzjona lir-Repubblika Taljana b’mod “antiċipat u awtomatiku” qabel mal-proċeduri ta’ ksur ma jkunu ntemmu b’osservanza totali tad-drittijiet tad-difiża u tal-prinċipju ta’ kontradittorju. Barra minn hekk, l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni hija illoġika inkwantu l-interventi ffinanzjati taħt il-Miżura 1.7 kienu preċiżament intiżi sabiex isolvu l-problemi marbuta mal-ġbir u mar-rimi ta’ skart fil-Campania u inkwantu sospensjoni tal-finanzjament tagħhom jista’ biss iddewwem is-soluzzjoni tal-kriżi attwali. L-awtoritajiet Taljani għaldaqstant talbu lill-Kummissjoni tikkunsidra mill-ġdid il-pożizzjoni tagħha kif espressa fl-ittra tagħha tal-31 ta’ Marzu 2008.

15      Permezz ta’ ittra tal-20 ta’ Ottubru 2008 dwar l-“istudju tal-impatt strateġiku tal-pjan ta’ mmaniġġar ta’ skart tar-Regione Campania”, il-Kummissjoni informat lill-awtoritajiet Taljani dwar il-ħsibijiet tagħha relatati mal-pjan ta’ mmaniġġar ta’ skart għar-Regione Campania kif adottat fit-28 ta’ Diċembru 2007. Essenzjalment, il-Kummissjoni talbet lill-imsemmija awtoritajiet jaġġornaw dan il-pjan fid-dawl tad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi reċentement adotatti kif ukoll iwettqu studju ta’ impatt strateġiku. Fir-rigward tal-aġġornar tal-pjan ikkonċernat, il-Kummissjoni talbet l-inklużjoni ta’ miżuri li jippermettu l-implementazzjoni ta’ mmaniġġar normali u sostnut ta’ skart, li jista’ jissostitwixxi l-immaniġġar urġenti attwali. Fl-aħħar, il-Kummissjon fakkret li, minħabba l-proċeduri ta’ ksur Nru 2007/2195 li kienu għaddejjin, it-talbiet għall-ħlas tal-pagamenti intermedji relatati mal-Miżura 1.7 ma kinux iktar ammissibbli.

16      Permezz ta’ ittra tat-22 ta’ Diċembru 2008 bir-referenza Nru 012480 (suġġett: “POR Campania 2000‑2006” (CCI Nru 1999 IT 16 1 PO 007) Konsegwenzi tal-proċeduri ta’ ksur [Nru] 207/2195 dwar l-immaniġġar ta’ skart fil-Campanja” il-Kummissjoni wieġbet għall-ittri tal-awtoritajiet Taljani tad-9 ta’ Ġunju 2008 u rrepetiet il-pożizzjoni tagħha indikata fl-ittra tagħha tal-31 ta’ Marzu 2008. Skont il-Kummissjoni, l-Artikolu 32(3) tar-Regolament Nru 1260/1999 huwa l-bażi ġuridika rilevanti f’dan il-każ, peress li l-ammissibbiltà tal-pagamenti intermedji hija suġġetta għal diversi kundizzjonijiet, fosthom li “ebda deċiżjoni ma ttieħdet mill-Kummissjoni biex tinbeda l-proċedura dwar il-vjolazzjoni fis-sens ta’ Artikolu 226 [KE]”. Il-Kummissjoni rrilevat ukoll li l-proċeduri ta’ ksur Nru 2007/2195 jikkontestaw is-sistema kollha ta’ mmaniġġar ta’ skart fil-Campania fid-dawl tal-Artikoli 4 u 5 tad-Direttiva 2006/12. Hija fakkret ukoll il-ħsibijiet tagħha u r-riżervi tagħha espressi fl-ittra tal-20 ta’ Ottubru 2008. Il-Kummissjoni minn dan ikkonkludiet li ma kienx hemm “garanziji biżżejjed fir-rigward tat-twettiq korrett tal-operazzjonijiet ikkofinanzjati mill-FEŻR fil-kuntest tal-Miżura 1.7, li, fid-dawl tal-kliem tal-miżura stess, [kienu] jikkonċernaw is-sistema reġjonali kollha ta’ mmaniġġar u ta’ rimi ta’ skart, li l-effikaċità u l-adattezza tagħha [kienu] s-suġġett tal-proċeduri ta’ ksur” inkwistjoni. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni ppreċiżat li d-data li minnha hija kkunsidrat li l-ispejjeż relatati mal-Miżuri 1.7 ma kinux eliġibbli kienet id-29 ta’ Ġunju 2007 u mhux is-17 ta’ Mejju 2006.

17      Permezz ta’ ittra tat-2 ta’ Frar 2009 bir-referenza Nru 000841 u li għandha bħala suġġett il-“ħlas mill-Kummissjoni ta’ ammonti għajr tal-ammont mitlub”, il-Kummissjoni, billi rreferiet għall-ittri tagħha tal-31 ta’ Marzu u tat-22 ta’ Diċembru 2008, iddikjarat inammissibbli talba għal ħlas tal-awtoritajiet Taljani tat-18 ta’ Novembru 2008, inkwantu din kienet tinkludi spejjeż ta’ ammont ta’ EUR 12 700 931.62 sostnuti fil-kuntest tal-Miżura 1.7 wara s-17 ta’ Mejju 2006, minħabba li l-azzjonijiet ikkonċernati kienu marbuta mal-proċeduri ta’ ksur Nru 2007/2195. Il-Kummissjoni madankollu ppreċiżat li hija kienet innotifikat lir-Repubblika Taljana dwar id-deċiżjoni ta’ ftuħ ta’ dawn il-proċeduri ta’ ksur fid-29 ta’ Ġunju 2007. Għaldaqstant, hekk kif indikat fl-ittra tat-22 ta’ Diċembru 2008, id-data li minnha l-Kummissjoni qieset l-ispejjeż fil-kuntest tal-Miżura 1.7 bħala li kienu inammissibbli hija d-29 ta’ Ġunju 2007 u mhux is-17 ta’ Mejju 2006. Fl-aħħar nett, fil-każ li kien jirriżulta “bilanċ pożittiv relatat mal-ammont ta’ EUR 12 700 931.62”, il-Kummissjoni stiednet lill-awtoritajiet Taljani jieħdu dan inkunsiderazzjoni fil-kuntest tat-talba għal ħlas sussegwenti tagħhom.

18      Fl-14 ta’ Jannar 2009, l-awtoritajiet Taljani ressqu talba ġdida għal ħlas, inter alia, għal ammont ta’ EUR 18 544 968.76 fir-rigward ta’ spejjeż sostnuti fil-kuntest tal-Miżura 1.7.

19      Permezz ta’ ittra tas-6 ta’ Frar 2009 bir-referenza Nru 001059 u li għandha bħala suġġett l-“interruzzjoni tat-talba għal ħlas u t-talbiet għal informazzjoni relatati mall-korrezzjonijiet finanzjarji skont l-Artikolu 39 tar-Regolament Nru 1260/1999”, il-Kummissjoni rrepetiet, kif ġie indikat fil-punti 16 u 17 iktar ’il fuq, li d-data li minnha d-data li minnha l-Kummissjoni qieset l-ispejjeż sostnuti fil-kuntest tal-Miżura 1.7 bħala li kienu inammissibbli hija d-29 ta’ Ġunju 2007 u mhux is-17 ta’ Mejju 2006. F’każ li jkun hemm “emenda fir-rigward tal-ammont ta’ EUR 18 544 968.76”, il-Kummissjoni stiednet lill-awtoritajiet Taljani jikkoreġu t-talba għal ħlas ikkonċernata.

20      Permezz ta’ ittra tal-20 ta’ Mejju 2009 bir-referenza Nru 004263 u li għandha bħala suġġett il-“ħlas mill-Kummissjoni ta’ ammonti għajr tal-ammont mitlub”, indirizzata lill-awtoritajiet Taljani, il-Kummissjoni affermat mill-ġdid, filwaqt li rreferiet għall-ittri tagħha tal-31 ta’ Marzu u tat-22 ta’ Diċembru 2008, li l-ammont ta’ EUR 18 544 968.76 relatat mal-ispejjeż sostnuti wara s-17 ta’ Mejju 2006 fil-kuntest tal-Miżura 1.7 u li jikkonċernaw is-sistema reġjonali ta’ mmaniġġar u ta’ rimi ta’ skart kien inammissibbli. Fl-istennija tal-eżitu tal-Kawża T‑99/09 pendenti quddiem il-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni naqset dan l-ammont minn din it-talba għal ħlas. Madankollu, hekk kif diġà ġie indikat fl-ittra tas-6 ta’ Frar 2009, id-data li minnha l-Kummissjoni qieset l-ispejjeż fil-kuntest tal-Miżura 1.7 bħala li kienu inammissibbli hija d-29 ta’ Ġunju 2007 u mhux is-17 ta’ Mejju 2006. F’każ li jkun hemm “emenda fir-rigward tal-ammont ta’ EUR 18 544 968.76”, il-Kummissjoni stiednet lill-awtoritajiet Taljani jindikawha fit-talba għall-ħlas tal-pagament intermedju sussegwenti.

21      L-ittri tal-Kummissjoni tat-22 ta’ Diċembru 2008, tat-2 u tas-6 ta’ Frar 2009 kif ukoll tal-20 ta’ Mejju 2009 (ara l-punti 16 sa 20 iktar ’il fuq) ser jissejħu flimkien iktar ’il quddiem l-“atti kkontestati”

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

22      B’att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-4 ta’ Marzu 2009, ir-Repubblika Taljana ppreżentat ir-rikors irreġistrat bir-referenza T‑99/09 kontra d-deċiżjonijiet li jinsabu fl-ittri tat-22 ta’ Diċembru 2008, tat-2 u tas-6 ta’ Frar 2009.

23      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-30 ta’ Ġunju 2009, ir-Repubblika Taljana ppreżentat ir-rikors irreġistrat bir-referenza T‑308/09 kontra d-deċiżjoni li tinsab fl-ittra tal-20 ta’ Mejju 2009.

24      Permezz ta’ ittra ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-25 ta’ Awwissu 2009, il-Kummissjoni talbet is-sospensjoni tal-proċeduri fil-Kawża T‑308/09, skont l-Artikolu 77(d) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, sakemm tingħata d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali li ttemmm il-proċeduri fil-Kawża T‑99/09, li fiha l-maġġoranza tal-motivi mqajma kienu identiċi għal dawk imressqa fil-Kawża T‑308/09. Sussidjarjament, il-Kummissjoni talbet li l-Kawżi T‑99/09 u T‑308/09 jiġu magħquda flimkien għall-finijiet tal-fażi orali tal-proċedura, skont l-Artikolu 50(1) tar-Regoli tal-Proċedura.

25      Permezz ta’ ittra ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-17 ta’ Settembru 2009, ir-Repubblika Taljana opponiet għat-talba għal sospensjoni, iżda qablet li ż-żewġ kawżi jingħaqdu għall-finijiet tal-fażi orali tal-proċedura.

26      Abbażi tal-kapijiet tat-talbiet tagħha fil-Kawżi T‑99/09 u T‑308/09, ir-Repubblika Taljana titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha

–        tannulla l-atti kkontestati.

27      Abbażi tat-kapijiet tat-talbiet tagħha fil-Kawżi T‑99/09 u T‑308/09, il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikorsi;

–        tikkundanna lir-Repubblika Taljana għall-ispejjeż.

28      Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali.

29      Minħabba impediment ta’ membru tal-Awla milli jipparteċipa fil-proċeduri, il-President tal-Qorti Ġenerali ħatar, skont l-Artikolu 32(3) tar-Regoli tal-Proċedura, Imħallef ieħor sabiex jerġa’ jintlaħaq in-numru previst ta’ Mħallfin.

30      Fil-kuntest ta’ miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura skont l-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti Ġenerali talbet lill-partijiet jipproduċu ċerti dokumenti u jwieġbu bil-miktub għal xi domandi. Il-partijiet osservaw dawn il-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura fit-termini mogħtija.

31      Is-sottomissjonijiet orali tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għad-domandi orali magħmula mill-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tat-12 ta’ Settembru 2012. Waqt is-seduta, skont l-Artikolu 50(1) tar-Regoli tal-Proċedura, wara li nstemgħu l-partijiet, il-President ordna li l-Kawżi T‑99/09 u T‑308-09 jiġu magħquda għall-finijiet tas-sentenza li ttemm il-proċeduri, fatt li ttieħdet nota tiegħu fil-proċess verbali tas-seduta.

 Id-dritt

 Sunt tal-motivi mqajma fil-Kawżi T‑99/09 u T‑308/09

32      Permezz tal-ewwel motiv tagħha mqajjem fil-Kawżi T‑99/09 u T‑308/09, ir-Repubblika Taljana tilmenta li l-Kummissjoni kisret il-punt (f) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 32(3) tar-Regolament Nru 1260/1999. Permezz tat-tieni motiv tagħha mqajjem fil-Kawżi T‑99/09 u T‑308/09, ir-Repubblika Taljana tilmenta li l-Kummissjoni kisret il-punt (f) tal-ewwel subparagrafu, u t-tieni subparagrafu, tal-Artikolu 32(3) tar-Regolament Nru 1260/1999 u wettqet żnaturament tal-fatti. Permezz tat-tielet motiv tagħha mqajjem fil-Kawżi T‑99/09 u T‑308/09, ir-Repubblika Taljana tinvoka ksur tal-punt (f) tal-ewwel subparagrafu, u tat-tieni subparagrafu, tal-Artikolu 32(3) tar-Regolament Nru 1260/199 u użu ħażin ta’ poter. Permezz tar-raba’ motiv tagħha, imqajjem fil-Kawżi T‑99/09 u T‑308/09, ir-Repubblika Taljana tinvoka ksur tal-punt (f) tal-ewwel subparagrafu, u tat-tieni subparagrafu, tal-Artikolu 32(3) u tal-Artikolu 39(2) u (3) tar-Regolament Nru 1260/1999 u ksur tal-prinċipju ta’ kontradittorju kif ukoll użu ħażin ta’ poter. Permezz tal-ħames motiv tagħha mqajjem fil-Kawżi T‑99/09 u T‑308/09, ir-Repubblika Taljana tinvoka nuqqas ta’ motivazzjoni skont l-Artikolu 253 KE. Permezz tas-sitt motiv tagħha mqajjem fil-Kawża T‑308/09, ir-Repubblika Taljan tilmenta li l-Kummissjoni kisret l-Artikoli 32 u 39 tar-Regolament Nru 1260/1999. Permezz tas-seba’ motiv tagħha mqajjem fil-Kawża T‑308/09, ir-Repubblika Taljana tinvoka ksur tal-Artikolu 230 KE.

33      Peress illi l-ewwel erba’ motivi jikkoinċidu ħafna inkwantu dawn huma bbażati fuq l-ilment li l-Kummissjoni kisret il-punt (f) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 32(3) tar-Regolament Nru 1260/1999, dan l-ilment għandu jiġi evalwat l-ewwel.

 Fuq l-allegat ksur tat-tieni kundizzjoni msemmija fil-punt (f) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 32(3) tar-Regolament Nru 1260/1999.

 Osservazzjonijiet preliminari

34      Fil-kuntest tal-ewwel motiv, ir-Repubblika Taljana tilmenta li l-Kummissjoni kisret il-punt (f) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 32(3) tar-Regolament Nru 1260/1999, li fuqu hija bbażat l-approċċ tagħha fl-atti kkontestati. Skont din id-dispożizzjoni, talba għal ħlas tista’ tiġi ddikjarata inammissibbli biss f’żewġ każijiet, fosthom dik fejn il-Kummissjoni ddeċidiet li tiftaħ proċeduri ta’ ksur “dwar il-miżura(i) li hija jew huma s-suġġett ta’ l-applikazzjoni [talba] in kwistjoni” (iktar ’il quddiem it-“tieni kundizzjoni”). Għaldaqstant, is-suġġett speċifiku tal-proċeduri ta’ ksur għandu jikkoinċidi preċiżament mas-suġġett tat-talba għal ħlas. Fil-fatt, skont ir-Repubblika Taljana, fid-dawl tad-definizzjonijiet tal-kunċetti ta’ “miżura” u ta’ “operazzjoni” kif jirriżultaw mill-Artikolu 9(j) u (k) tar-Regolament Nru 1260/1999, proċeduri ta’ ksur “[j]ikkonċerna[w]” “miżura” meta l-ksur tad-dritt tal-Unjoni lmentat mill-Kummissjoni jikkonsisti preċiżamenti fil-fatt li ġiet adottata, b’mod li huwa kuntrarju għad-dritt tal-Unjoni, miżura partikolari, jew fil-fatt li tali miżura ġiet implementata permezz ta’ operazzjonijiet mhux konformi magħha jew mad-dritt tal-Unjoni. Għaldaqstant, applikazzjoni korretta tal-punt (f) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 32(3) tar-Regolament Nru 1260/1999, li l-għan tiegħu huwa li jiġi evitat li l-Fondi Strutturali jikkontribwixxu sabiex jiġu ffinanzjati azzjonijiet mwettqa bi ksur tad-dritt tal-Unjoni, tippreżumi li l-ewwel nett jiġu identifikati l-miżuri u l-operazzjonijiet li huma s-suġġett tat-talba għal ħlas u li sussegwentement jiġi vverifikat jekk l-implementazzjoni tagħhom hijiex is-suġġett ta’ proċeduri ta’ ksur miftuħa mill-Kummissjoni. Issa, f’dan il-każ, il-Kummissjoni qalbet il-loġika ta’ dan l-approċċ.

35      Fl-atti kkontestati, kuntrarjament għar-rekwiżiti msemmija iktar ’il fuq, il-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni r-rabta speċifika, jew l-identiċità bejn is-suġġett tat-talba għal ħlas u dak tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu lmentat. Din l-evalwazzjoni hija kkonfermata, bir-riferiment ġenerali, fl-imsemmija atti, għas-suġġett tal-opinjoni motivata, f’dan il-każ is-“sistema kollha ta’ mmaniġġar ta’ skart”, u għal dak tat-talbiet għal ħlas, f’dan il-każ “operazzjonijiet ikkofinanzjati mill-FEŻR [...] li [...] ikkonċernaw is-sistema reġjonali kollha ta’ mmaniġġar u ta’ rimi ta’ skart”. Issa, l-pagamenti intermedji mitluba kienu preċiżament intiżi sabiex itejbu l-ġbir isseparat u l-irkupru ta’ skart, li huma fażijiet oġġettivament u funzjonalment distinti ħafna mir-rimi ġenerali f’landfills ta’ skart mhux isseparat li l-proċeduri ta’ ksur jikkonċernaw.

36      Fil-kuntest tat-tieni motiv, ir-Repubblika Taljana tafferma li l-proċeduri rreġistrati bir-referenza C‑297/08 kienu, essenzjalment, jikkonċernaw nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu relatat man-netwek ta’ rimi ta’ skart. Fil-fatt, fil-punti 86, 87 u 90 tar-rikors tagħha għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, il-Kummissjoni kkritikat is-sitwazzjoni relatata mar-rimi finali ta’ skart li ma jistax jiġi rkuprat jew irriċiklat b’mod ieħor, minħabba li kien hemm nuqqas tal-impjanti neċessarji (inċineraturi, landfills) għall-implementazzjoni ta’ din il-fażi tal-“proċedura” tal-iskart skont id-Direttiva 2006/2012. Għall-kuntrarju, fażijiet oħra ta’ din il-“proċedura” u metodi oħra ta’ mmaniġġar ta’ skart, distinti mir-rimi finali, bħad-diversi metodi ta’ rkupru ta’ skart wara li dan ikun isseparat fil-kuntest ta’ ġbir isseparat, u l-organizzazzjoni ta’ dan il-ġbir, bla dubju ta’ xejn ma kinux relatati mas-suġġett speċifiku tal-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, hekk kif jirriżulta mill-punti 48 u 49 ta’ dan ir-rikors. Fil-fatt, fid-dawl tal-adozzjoni, fit-28 ta’ Diċembru 2007, ta’ pjan ġdid ta’ mmaniġġar ta’ skart għar-Regione Campania, il-Kummissjoni ma kkunsidratx li kien neċessarju li żżomm l-ilmenti mressqa f’dan ir-rigward. Madankollu, il-Miżura 1.7, kif ukoll l-operazzjonijiet, fil-forma ta’ proġetti, li din tinkludi kienu speċifikament relatati mal-fażi ta’ rkupru ta’ skart u ta’ ġbir isseparat preċedenti għal dan. B’mod partikolari, huwa mod żbaljat li l-ittra tat-22 ta’ Diċembru 2008 rreferiet għall-opinjoni motivata tal-1 ta’ Frar 2008 u akkużat lir-Repubblika Taljana li kisret id-Direttiva 2006/12 “billi ma stabbilixxietx netwerk adatt u integrat ta’ impjanti ta’ rimi u billi ma stabbilixxietx pjan ta’ mmaniġġar ta’ skart adatt u effikaċi intiż sabiex jintlaħqu l-għanijiet imsemmija fl-Artikoli 4 u 5 [ta’ din id-]direttiva”, peress li l-Kummissjoni stess kienet irtirat l-ilment relatat mal-assenza ta’ pjan ġenerali ta’ mmaniġġar ta’ skart u llimitat ruħha tikkritika n-nuqqas ta’ adattezza tal-impjanti ta’ rimi finali.

37      Fir-replika, ir-Repubblika Taljana tikkontesta li s-suġġett tal-proċeduri ta’ ksur u dak tat-talbiet għal ħlas oġġettivament jikkoinċidu, peress li din l-allegata koinċidenza l-iktar l-iktar tikkonċerna l-irkupru biss, iżda mhux il-ġbir isseparat ta’ skart li huwa s-suġġett prinċipali tal-Miżura 1.7. Minn dan jirriżulta li l-atti kkontestati huma minn tal-inqas “eċċessivi” billi jiddikjaraw bħala totalment inammissibbli t-talbiet għal ħlas ibbażati fuq din il-miżura. F’dan ir-rigward ir-Repubblika Taljana tqajjem, sussidjarjament, motiv ġdid, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità. Fil-fatt, ikun manifestament sproporzjonat li jiġu ddikjarati bħala kompletament inammissibbli l-pagamenti relatati ma’ miżura li tikkonċerna l-ġbir isseparat, il-kompostaġġ u l-irkupru ta’ skart, minħabba l-ftuħ ta’ proċeduri ta’ ksur li jikkonċernaw, l-iktar l-iktar u b’mod ġenerali biss, l-irkupru biss. Skont ir-Repubblika Taljana, fuq kollox, il-proċeduri ta’ ksur ma kinux jikkonċernaw, fir-realtà, lanqas l-irkupru ta’ skart, peress li dan issemma biss fil-“konklużjonijiet” tal-opinjoni motivata u fir-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 226 KE. Għall-kuntrarju, fil-motivi ta’ din l-opinjoni motivata u ta’ dan ir-rikors, dan l-irkupru ma jissemmiex u huwa ċar li s-suġġett tal-proċeduri ta’ ksur kien jikkonċerna biss ir-rimi fil-landfills ġenerali ta’ skart mhux isseparat. Fil-fatt, wara li ssemma inizjalment fis-suġġett tal-proċeduri ta’ ksur, l-irkupru kien ġie definittivament eskluż minn dawn il-proċeduri fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni stess.

38      Fil-kuntest tat-tielet motiv tagħha, ir-Repubblika Taljana essenzjalment issostni li, fl-ittra tat-22 ta’ Diċembru 2008, il-Kummissjoni pprovat tikkompleta l-ilmenti tagħha u ssaħħaħ l-argument tagħha bbażat fuq allegata rabta bejn is-suġġett tar-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu u dak tat-talbiet għal ħlas billi rreferiet għat-“tħassib” imsemmi fl-ittra tal-20 ta’ Ottubru 2008 dwar il-pjan ta’ mmaniġġar ta’ skart tar-Regione Campania tat-28 ta’ Diċembru 2007 u billi ppreċiżat, b’mod partikolari, li, fl-assenza ta’ pjan reġjonali adatt ta’ mmaniġġar ta’ skart, ma kienx hemm garanziji biżżejjed fir-rigward tat-twettiq korrett tal-operazzjonijiet ikkofinanzjati mill-FEŻR fil-kuntest tal-Miżura 1.7. Madankollu, ebda waħda minn dawn il-kritiki tal-pjan ta’ mmaniġġar ta’ skart tar-Regione Campania tat-28 ta’ Diċembru 2007 ma kienet is-suġġett tal-proċeduri ta’ ksur li kienu bbażati fuq is-sitwazzjoni eżistenti fl-1 ta’ Marzu 2008, peress li d-dispożizzjonijiet leġiżlattivi inkwistjoni kienu ġew adottati fit-23 ta’ Mejju 2008. Għall-kuntrarju, l-adozzjoni ta’ dan il-pjan kien wassal lill-Kummissjoni tabbanduna, fir-rikors tagħha għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, kull ilment relatat mal-ippjanar tal-immaniġġar ta’ skart, b’mod partikolari fir-rigward tal-ġbir isseparat, tar-riċiklaġġ u tal-irkupru. Ir-Repubblika Taljana minn dan ikkonkludiet li l-Kummissjoni ma kellhiex dritt tiddikjara bħala inammissibbli talbiet għal ħlas għall-motivi mqajma u abbażi tal-punt (f) tal-ewwel subparagrafu, u tat-tieni subparagrafu, tal-Artikolu 32(3) tar-Regolament Nru 1260/1999, peress li dawn ma wasslux għall-ftuħ ta’ proċeduri ta’ ksur.

39      Fil-kuntest tar-raba’ motiv, ir-Repubblika Taljana essenzjalment issostni li d-dikjarazzjoni ta’ inammissibbiltà tat-talbiet għal ħlas minħabba li “ma kienx hemm garanziji biżżejjed fir-rigward tat-twettiq korrett tal-operazzjonijiet ikkofinanzjati mill-FEŻR fil-kuntest tal-Miżura 1.7” hija kuntrarja għat-tieni kundizzjoni msemmija fil-punt (f) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 32(3) tar-Regolament Nru 1260/1999, u li din setgħet, l-iktar l-iktar, tiġi bbażata fuq l-ewwel kundizzjoni msemmija fid-dispożizzjoni inkwistjoni, jiġifieri s-sospensjoni tal-pagamenti skont l-Artikolu 39(2) tal-istess regolament. F’dan il-każ, il-Kummissjoni evitat il-proċedura kontradittorja prevista fl-Artikolu 39(2) tar-Regolament Nru 1260/1999 sabiex tasal għal riżultat li jikkorrispondi għal sospensjoni fis-sens tal-ewwel kundizzjoni msemmija fil-punt (f) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 32(3) ta’ dan ir-regolament. Billi għamlet dan, hija mhux biss kisret dawn id-dispożizzjonijiet u l-prinċipju ta’ kontradittorju għad-detriment tar-Repubblika Taljana, li ma kellhiex l-okkażjoni tippreżenta s-sottomissjonijiet tagħha fuq ir-raġunijiet għas-sospensjoni u li tasal għal ftehim li jippermetti, totalment jew parzjalment, li tegħlibhom, iżda wkoll evitat il-proċedura prevista fl-Artikolu 39(3) tar-Regolament Nru 1260/1999 li kienet tobbligaha tieħu deċiżjoni motivata definittiva fi żmien tliet xhur, li fin-nuqqas tagħha l-pagamenti intermedji jieqfu awtomatikament milli jiġu sospiżi.

40      Il-Kummissjoni tikkontesta l-allegazzjonijiet tar-Repubblika Taljana mressqa insostenn ta’ dawn il-motivi kollha.

41      Il-Qorti Ġenerali tikkonstata li dawn il-motivi huma bbażati, prinċipalment, fuq il-premessa li l-Kummissjoni ma osservatx, f’dan il-każ, il-kriterji ta’ applikazzjoni tat-tieni kundizzjoni msemmija fil-punt (f) tal-ewwel subparagafu tal-Artikolu 32(3) tar-Regolament Nru 1260/1999. Għaldaqstant, hemm lok li jiġi vverifikat, minn naħa, jekk l-atti kkontestati humiex ibbażati jew le fuq interpretazzjoni korretta ta’ dawn il-kriterji u, min-naħa l-oħra, jekk il-Kummissjoni applikatx dawn il-kriterji korrettament jew le f’dan il-każ.

 Fuq il-portata tal-kriterji ta’ applikazzjoni tat-tieni kundizzjoni msemmija fil-punt (f) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 32(3) tar-Regolament Nru 1260/1999

42      Sabiex tiġi eżaminta l-fondatezza tal-ilmenti mressqa mir-Repubblika Taljana fil-kuntest tal-ewwel sar-raba’ motivi, għandha ssir interpretazzjoni litterali, kuntestwali, teleoloġika u storika tat-tieni kundizzjoni msemmija fil-punt (f) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 32(3) tar-Regolament Nru 1260/1999, peress li dan il-metodu ġie rikonoxxut minn ġurisprudenza stabbilita (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali, tal-20 ta’ Novembru 2002, Lagardère u Canal+ vs Il‑Kummissjoni, T‑251/00, Ġabra p. II‑4825, punti 72sa 83, u tas-6 ta’ Ottubru 2005, Sumitomo Chemical u Sumika Fine Chemicals vs Il‑Kummissjoni, T‑22/02 u T‑23/02, Ġabra p. II‑4065, punti 41 sa 60). Id-dispożizzjoni inkwistjoni tipprevedi b’mod partikolari:

“Il-ħlasijiet provisorji [intermedji] għandhom isiru mill-Kummissjoni sabiex tirrifondi n-nefqa attwalment imħallsa taħt il-Fondi kif ċerifikat mill-awtorità li tħallas. Dawn il-ħlasijiet għandhom isiru fuq il-livell ta’ kull għajnuna u għandhom jiġu kalkulati fuq il-livell ta’ miżuri li jkunu fil-pjan ta’ finanzjament tal-kwota ta’ programmar. Huma għandhom ikunu soġġetti għall-kundizzjonijiet li ġejjin:

[…]

(f)      ebda sospensjoni tal-ħlasijiet taħt is-sottoparagrafu ta’ Artikolu 39(2) ma tkun ġiet deċiża, u ebda deċiżjoni ma ttieħdet mill-Kummissjoni biex tinbeda l-proċedura dwar il-vjolazjzoni fis-sens ta’ Artikolu 226 [KE] dwar il-miżura(i) li hija jew huma s-suġġett ta’ l-applikazzjoni [talba] in kwistjoni.

L-Istat Membru u l-awtorità li tħallas għandhom ikunu informati immedjatament mill-Kummissjoni jekk waħda minn dawn il-kundizzjonijiet ma tkunx seħħet u għalhekk l-applikazzjoni għall-ħlas ma tkunx aċċettabbli u dawn għandhom jieħdu l-passi meħtieġa sabiex jirrimedjaw is-sitwazzjoni.”

43      L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 32(3) tar-Regolament Nru 1260/1999 għaldaqstant jawtorizza lill-Kummissjoni tagħmel pagamenti intermedji sabiex tirrimborsa l-ispejjeż sostnuti taħt il-Fondi li jissodisfaw il-kundizzjonijiet pożittivi u negattivi għall-eliġibbiltà li huma ppreċiżati fih. Skont it-tieni sentenza ta’ din id-dispożizzjoni, dawn il-pagamenti “għandhom isiru fuq il-livell ta’ kull għajnuna u għandhom jiġu kalkulati fuq il-livell ta’ miżuri li jkunu fil-pjan ta’ finanzjament tal-kwota ta’ programmar”. Barra minn hekk, it-tieni kundizzjoni msemmija fil-punt (f) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 32(3) ta’ dan ir-regolament tipprevedi, bħala kundizzjoni negattiva għall-eliġibbiltà, li “ebda deċiżjoni ma ttieħdet mill-Kummissjoni biex tinbeda l-proċedura dwar il-vjolazjzoni fis-sens ta’ Artikolu 226 [KE] dwar il-miżura(i) li hija jew huma s-suġġett ta’ l-applikazzjoni [talba] [għal rimbors/ħlas] in kwistjoni”.

44      Fir-rigward tal-kuntest leġiżlattiv li taħtu jaqgħu dawn id-dispożizzjonijiet, hemm lok li jiġi rrilevat li l-portata tal-kunċett ta’ “miżura” hija ċċarata iktar permezz tad-definizzjoni legali li tinsab fl-Artikolu 9(j) tar-Regolament Nru 1260/1999, fejn tali miżura hija l-“mezzi li bihom tiġi implimentata priorità matul bosta snin li tippermetti li l-operazzjonijiet jiġu finanzjati”. Il-kunċett ta’ “operazzjoni” huwa, min-naħa tiegħu, iddefinit fl-Artikolu 9(k) bħala “kull proġett jew azzjoni li titwettaq mill-benefiċjarji finali ta’ l-għajnuna [interventi]”. Fl-aħħar il-kunċett ta’ “għajnuna [intervent]”, iddefinit fl-Artikolu 9(e), jikkonċerna “il-forma [differenti] ta’ għajnuna provduta mill-Fondi”.

45      Minn dan jirriżulta li l-kunċett ta’ “miżura” huwa ta’ applikazzjoni ġenerali, marbuta ma’ prijorità ta’ strateġija ddefinita minn “priorità”, li jikkostitwixxi l-mezz ta’ implementazzjoni matul bosta snin li jippermetti li “operazzjonijiet” jiġu ffinanzjati. Peress li numru ta’ “operazzjonijiet” jistgħu jkunu koperti minn tali “miżura”, dan l-aħħar kunċett għaldaqstant għandu portata usa’ minn dak ta’ “operazzjoni”, li, min-naħa tiegħu, jirrifletti proġetti jew azzjonijiet li jistgħu jibbenefikaw minn intervent mill-Fondi. Din l-interpretazzjoni tal-portata tal-kunċett ta’ “miżura” tikkorrispondi min-naħa tagħha għal dik li għandha tingħata lill-kontenut tal-Miżura 1.7, li, hija wkoll, tkopri diversi operazzjonijiet u interventi intiżi sabiex jintlaħqu ċerti għanijiet jew sottogħanijiet fil-kuntest tal-istabbiliment ta’ sistema ta’ mmaniġġar ta’ skart fil-Campania (ara, b’mod partikolari l-punt 6 iktar ’il fuq).

46      Għaldaqstant, sabiex ikun jista’ jiġi konkluż li talba għal ħlas hija inammissibbli, it-tieni kundizzjoni msemmija fil-punt (f) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 32(3) tar-Regolament Nru 1260/1999 teħtieġ li s-suġġett tal-proċeduri ta’ ksur miftuħa mill-Kummissjoni jiġi pparagunat ma’ dak tal-“miżura(i)” – u mhux tal-“operazzjonijiet” – “li hija jew huma s-suġġett ta’ [din] l-applikazzjoni [talba]”. Għaldaqastant, l-argument tar-Repubblika Taljana li hemm lok li s-suġġett tal-proċeduri ta’ ksur, prinċipalment id-diversi lmenti mressqa fil-kuntest tagħhom, jiġi pparagunat mal-“operazzjonijiet” li huma s-suġġett tat-talbiet għal ħlas iddikjarati inammissibbli, ma jistax jiġi milqugħ. Bl-istess mod, l-argument tagħha li, fid-dawl tad-definizzjoni legali tal-kunċett ta’ “miżura”, il-Kummissjoni għandha, fil-kuntest ta’ tali paragun, neċessarjament tkun konxja ta’ u tinkludi fl-evalwazzjoni tagħha l-“operazzjonijiet” konkreti koperti mill-“miżura” inkwistjoni, huwa irrilevanti. Fil-fatt, is-sempliċi fatt li talba għal ħlas tista’ tirreferi għal numru ta’ operazzjonijiet konkreti, implementati fil-kuntest ta’ miżura (matul bosta snin), f’dan il-każ il-Miżura 1.7, ma jippermettix interpretazzjoni contra legem tal-kliem ċar u preċiż tat-tieni kundizzjoni msemmija fil-punt (f) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 32(3) tar-Regolament Nru 1260/1999, fis-sens li jkun neċessarju li jsir tali paragun fir-rigward tas-suġġett ta’ kull waħda mid-diversi operazzjonijiet bħala tali, minflok fir-rigward tal-“miżura/i” inkwistjoni. Fl-aħħar, kuntrarjament għal dan li ssostni r-Repubblika Taljana, l-espressjoni “dwar il-miżura[...] li hija [...] s-suġġett ta’ l-applikazzjoni [talba] [għal ħlas]” li magħha jikkorrispondu l-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra ta’ din id-dispożizzjoni, lanqas ma tesprimi rekwiżit ta’ rabta speċifika jew ta’ koinċidenza perfetta, iżda sempliċement teħtieġ li jkun hemm rabta mal-imsemmija miżura jew miżuri jew riferiment ġenerali għaliha jew għalihom.

47      Barra minn hekk, mil-lat kuntestwali, l-evalwazzjoni li saret iktar ’il fuq hija kkonfermata kemm mit-tieni sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 32(3) kif ukoll mill-Artikolu 18(2)(b) u (ċ) tar-Regolament Nru 1260/1999. Skont it-tieni sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 32(3) tal-istess regolament, il-pagamenti intermedji – li għandhom isiru b’risposta għal talba għal rimbors konkreta – għandhom jiġu “kalkulati fuq il-livell ta’ miżuri li jkunu fil-pjan ta’ finanzjament tal-kwota ta’ programm” u mhux fil-livell tal-“operazzjonijiet” koperti minn dawn il-miżuri. Din l-interpretazzjoni tikkonkorda mal-prinċipju li l-pjan ta’ finanzjament indikattiv, imsemmi fl-Artikolu 18(2)(ċ) tal-istess regolament, li jirreferi għall-“prioritajiet”, jista’ jkun ibbażat biss fuq id-deskrizzjoni tal-miżuri inkwisjtoni, filwaqt li l-“operazzjonijiet” ma humiex suġġetti għal tali rekwiżit. Fil-fatt, skont l-Artikolu 18(2)(b) tar-Regolament Nru 1260/1999, “[k]ull programm operattiv għandu jinkludi [...] deskrizzjoni fil-qosor tal-miżuri ppjanati biex jiġu implimentati l-prioritajiet”. Minn dan jirriżulta li, jekk il-leġiżlatur ma rrikjediex definizzjoni iktar preċiża tal-portata ta’ dawn il-“miżuri”, li huma l-uniċi li għandhom jiġu pparagunati mas-suġġett tal-proċeduri ta’ ksur, skont it-tieni kundizzjoni msemmija fil-punt (f) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 32(3) tar-Regolament Nru 1260/1999, tali rekwiżit ta’ preċiżjoni wkoll ma jeżistix, a fortiori, fir-rigward tad-diversi “operazzjonijiet” koperti minn tali “miżura”. Fl-aħħar, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 31(2) tar-Regolament Nru 1260/1999 ma huwiex ta’ natura li jinvalida din l-evalwazzjoni, peress li l-impenn baġitarju Komunitarju ma huwiex marbut mal-kunċett ta’ “operazzjoni”, iżda iktar ma’ dak ta’ “għajnuna [intervent]”, hekk kif jirriżulta wkoll mill-ewwel subparagafu tal-Artikolu 31(2) tal-istess regolament.

48      F’dan il-kuntest, l-Artikolu 86(1)(d) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006, tal-11 ta’ Lulju 2006, li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond ta’ Koeżjoni u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1260/1999 (ĠU L 210, p. 25), huwa irrilevanti. Din id-dispożizzjoni l-ġdida, li tissostitwixxi t-tieni kundizzjoni msemmija fil-punt (f) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 32(3) tar-Regolament Nru 1260/1999, ma għandhiex effett retroattiv u, għaldaqstant, la hija applikabbli għal dan il-każ u lanqas rilevanti għas-soluzzjoni ta’ din it-tilwima. Għaldaqstant, il-kundizzjoni negattiva ta’ eleġibbiltà tal-ispejjeż stabbilita fiha, li skontha “[k]ull ħlas interim [intermedju] magħmul mill-Kummissjoni għandu jkun suġġett għall-[kundizzjoni li] ma tkunx ingħatat opinjoni motivata mill-Kummissjoni dwar ksur taħt l-Artikolu 226 [KE] fir-rigward ta’ l-operazzjoni jew operazzjonijiet li għalihom tkun dikjarata n-nefqa fl-applikazzjoni [talba] għall-ħlas in kwistjoni”, ma tistax tinfluwenza l-interpretazzjoni tad-dispożizzjoni preċedenti. Barra minn hekk, għall-kompletezza, hemm lok li jiġi rrilevat, minn naħa, li din id-dispożizzjoni l-ġdida żżid preċiżjoni mhux prevista fid-dispożizzjoni preċedenti, mingħajr mal-Kummissjoni ma tat motivazzjoni f’dan ir-rigward fil-proposta inizjali tagħha tal-14 ta’ Lulju 2004 [COM(2004)492 finali] li kienet ġiet inkorporata, essenzjalment fir-regolament definittivament ippromulgat u, min-naħa l-oħra, li r-Regolament Nru 1083/2006 kompletament abbanduna l-kunċett ta’ “miżura”, peress li l-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament jillimita ruħu jiddefinixxi l-kunċetti ta’ “assi prijoritarju” (“waħda mill-prijoritajiet ta’ l-istrateġija fi programm operattiv li tinkludi grupp ta’ operazzjonijiet li jkunu relatati u li jkollhom għanijiet speċifiċi li jistgħu jitkejlu”) u ta’ “operazzjoni” (“proġett jew grupp ta’ proġetti [...] sabiex ikunu jistgħu jinkisbu l-għanijiet ta’ l-assi prijoritarju li miegħu dan il-proġett ikollu x'jaqsam”), kif ukoll ir-rabta bejn dawn iż-żewġ kunċetti. Fi ħdan dan il-kuntest leġiżlattiv il-ġdid, il-kunċett ta’ “operazzjoni” għaldaqstant jissostitwixxi kemm dak ta’ “miżura” kif ukoll dak ta’ “operazzjoni” fis-sens tar-Regolament preċedenti Nru 1260/1999 u huwa direttament marbut ma’ dak ta’ “assi prijoritarju”. F’dawn il-kundizzjonijiet, ir-Repubblika Taljana ma tistax tislet argument mir-Regolament Nru 1083/2006 sabiex issostni t-teżi prinċipali tagħha dwar ir-rekwiżit ta’ koinċidenza bejn is-suġġett tal-proċeduri ta’ ksur u l-operazzjonijiet koperti mit-talbiet għal ħlas iddikjarati inammissibbli.

49      Għaldaqstant, l-argument tar-Repubblika Taljana dwar l-eżistena ta’ rabta speċifika bejn is-suġġett tal-proċeduri ta’ ksur u dak tal-operazzjoni koperta mit-talba għal ħlas għandu jiġi miċħud. A fortiori, l-argument tagħha li t-tieni kundizzjoni msemmija fil-punt (f) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 32(3) tar-Regolament Nru 1260/1999 teħtieġ koinċidenza jew identiċità perfetta bejn l-operazzjonijiet, kemm jekk proġetti kif ukoll jekk azzjonijiet, li huma s-suġġett tat-talbiet għal ħlas iddikjarati inammissibbli u l-ilmenti mressqa mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-proċeduri ta’ ksur Nru 2007/2195, ma jistax jiġi milqugħ. Xorta jibqa’ l-fatt li l-Kummissjoni għandha tistabbilixxi rabta suffiċjentement diretta bejn il-“miżura” kkonċernata, f’dan il-każ il-Miżura 1.7, minn naħa, u s-suġġett tal-proċeduri ta’ ksur Nru 2007/2195, min-naħa l-oħra, rekwiżit li l-partijiet finalment irrikonoxxew ir-rilevanza tiegħu waqt is-seduta.

50      Dawn il-kunsiderazzjonijiet jikkorrispondu għall-għan tad-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament Nru 1260/1999. Għalkemm, ċertament, hekk kif issostni r-Repubblika Taljana, it-tieni kundizzjoni msemmija fil-punt (f) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 32(3) tar-Regolament Nru 1260/1999 hija intiża sabiex jiġi evitat li l-Fondi Strutturali jintużaw sabiex jiġu ffinanzjati operazzjonijiet tal-Istati Membri li huma kuntrarji għad-dritt tal-Unjoni, bl-ebda mod ma jirriżulta li r-riskju konkomittanti ta’ telf inaċċettabbli ta’ fondi Komunitarji għandu jiġi speċifikament attribwit lill-illegalità jew lill-implementazzjoni illegali ta’ operazzjonjiet (proġetti jew azzjonijiet) preċiżi li huma s-suġġett tat-talba għal ħlas, lanqas li l-Kummissjoni hija obbligata turi li dan ir-riskju jirriżulta preċiżament u direttament minn tali operazzjonijiet illegali, ikkontestati fil-kuntest ta’ proċeduri ta’ ksur. Fil-fatt, tali interpretazzjoni restrittiva tnaqqas l-effett utli tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni, li jagħtu lill-Kummissjoni, b’mod provviżorju biss, is-setgħa li tissospendi pagamenti taħt impenji finanzjarji tal-Fondi Strutturali meħuda fil-kuntest ta’ programm operattiv, meta hija tkun affrontata b’allegat ksur, mill-Istat Membru benefiċjarju, tad-dritt tal-Unjoni li għandu rabta suffiċjentement diretta mal-miżura li hija s-suġġett tal-finanzjament kkonċernat, sakemm il-konstatazzjoni ta’ dan il-ksur tkun ikkonfermata jew miċħuda definittivament permezz ta’ sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

51      Kuntrarjament għal dak li ssostni r-Repubblika Taljana, din l-evalwazzjoni ma hijiex ikkontestata mill-ewwel kundizzjoni msemmija fil-punt (f) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 32(3) tar-Regolament Nru 1260/1999, li tipprevedi, b’mod simili, il-possibbiltà li l-Kummissjoni tagħti bidu għal effett sospensiv fir-rigward tal-pagamenti intermedji, permezz tal-proċedura ta’ sospensjoni skont l-Artikolu 39(2) tal-istess regolament, jiġifieri barra mill-kuntest ta’ proċeduri ta’ ksur. Fil-fatt, barra l-fatt li din l-aħħar dispożizzjoni lanqas ma tikkonċerna l-kunċett ta’ “operazzjoni”, l-ewwel kundizzjoni msemmija fil-punt (f) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 32(3) tar-Regolament Nru 1260/1999 tipprevedi, bħat-tieni kundizzjoni, li “ebda sospensjoni tal-ħlasijiet” għandha tikkonċerna “il-miżura(i) li hija jew huma s-suġġett ta’ l-applikazzjoni [talba] [għal ħlas]”. Għaldaqstant, din l-ewwel kundizzjoni għandha tingħata l-istess interpretazzjoni bħal dik stabbilita fil-punti 43 et seq iktar ’il fuq u ma turix speċifikament li huwa neċessarju li tiġi stabbilita rabta speċifika ma’ ċerti “operazzjonijiet”. Fl-aħħar, mill-kliem taż-żewġ kundizzjonijiet imsemmija fil-punt (f) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 32(3) tar-Regolament Nru 1260/1999 jirriżulta b’mod ċar li huwa biżżejjed li l-Kummissjoni tibbaża ruħha fuq waħda minn dawn il-kundizzjonijiet sabiex tkun tista’ tirrifjuta provviżorjament pagament intermedju.

52      Mil-lat tal-oriġini tal-punt (f) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 32(3) tar-Regolament Nru 1260/1999, hemm lok li jiġi rrilevat li l-proposta leġiżlattiva ppreżentata mill-Kummissjoni u li tistabbilixxi dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fondi Strutturali (ĠU 1998, C 176, p. 1) kienet tinkludi punt (f) tal-ewwel subparagrafu ta’ Artikolu 31(3) li kien isemmi żewġ kundizzjonijiet: il-kliem tat-tieni kundizzjoni kien jeħtieġ li “l-Kummissjoni ma tkun ħadet ebda deċiżjoni li tiftaħ proċeduri ta’ ksur skont l-Artikolu 169 tat-Trattat fir-rigward tal-intervent u l-miżura kkonċernata” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Issa, it-tneħħija, sussegwenti, matul il-proċess deċiżjonali, tar-riferiment għall-kunċett iktar konkret ta’ “għajnuna [intervent]” juri a contario li l-leġiżlatur finalment sempliċement ħtieġ l-eżistenza ta’ rabta suffiċjentement diretta bejn is-suġġett tal-proċeduri ta’ ksur, minn naħa, u “l-miżur(i) li hija jew huma s-suġġett” tat-talba għal ħlas inkwistjoni, min-naħa l-oħra, li d-definizzjonijiet legali proposti tagħhom kienu jikkorrispondu ma’ dawk finalment mogħtija fl-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1260/1999.

53      Għaldaqstant, il-kliem, il-kuntest leġiżlattiv, l-għan u l-oriġini tad-dispożizzjonijiet rilevanti jinkdikaw b’mod ċar li, sabiex tiġi ġġustifikta d-dikjarazzjoni ta’ inammissibbiltà ta’ pagamenti intermedji fir-rigward ta’ proċeduri ta’ ksur li jkunu diġà nfetħu, huwa biżżejjed li l-Kummissjoni tistabbilixxi li s-suġġett ta’ dawn il-proċeduri għandu rabta suffiċjentement diretta mal-“miżura” li tirregola l-“operazzjonijiet” koperti mit-talbiet għal ħlas ikkonċernati.

54      Għaldaqstant, min-naħa, il-Kummissjoni setgħet tibbaża l-atti kkontestati fuq it-tieni kundizzjoni msemmija fil-punt (f) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 32(3) tar-Regolament Nru 1260/1999 u, min-naħa l-oħra, fid-dawl tas-setgħa li ngħatatilha b’dan il-mod li tirrifjuta provviżorjament pagamenti intermedji, hija ma kinitx obbligata ssegwi l-proċedura prevista fl-ewwel kundizzjoni msemmija fil-punt (f) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 32(3) tar-Regolament Nru 1260/1999, moqri flimkien mal-Artikolu 39(2) u (3) tal-istess regolament. Għaldaqstant il-Kummissjoni ma tistax tiġi akkużata li evitat din il-proċedura.

55      Għaldaqstant hemm lok li jiġi eżaminat jekk, f’dan il-każ, il-Kummissjoni evalwatx korrettament l-eżistenza ta’ rabta suffiċjentement diretta bejn is-suġġett tal-proċeduri ta’ ksur Nru 2007/2195 u dak tal-Miżura 1.7 li fuqha kienu jiddependu t-talbiet għal ħlas iddikjarati inammissibbli.

 Fuq l-applikazzjoni għall-każ inkwistjoni tat-tieni kundizzjoni msemmija fil-punt (f) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 32(3) tar-Regolament Nru 1260/1999

56      L-ewwel nett, f’dan il-każ, huwa paċifiku li, fil-kuntest tal-proċeduri ta’ ksur Nru 2007/2195, il-Kummissjoni bagħtet lill-awtoritajiet Taljani, fid-29 ta’ Ġunju 2007, ittra ta’ intimazzjoni u, fl-1 ta’ Frar 2008, opinjoni motivata li takkużahom bi ksur tal-Artikoli 4 u 5 tad-Direttiva 2006/12 billi ma adottawx, fir-rigward tar-Regione Campania, il-miżuri kollha neċessarji sabiex jiggarantixxu li l-iskart kien irkuprat u mormi mingħajr periklu għas-saħħa tal-bniedem u mingħajr ħsara għall-ambjent u, b’mod partikolari, billi ma ħolqux netwerk integrat u adatt ta’ impjanti ta’ rimi ta’ skart, li sussegwentement għaliha hija ppreżentat rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fl-4 ta’ Lulju 2008, (ara l-punti 8 sa 11 iktar ’il fuq u s-sentenza Il‑Kummissjoni vs L‑Italja, punt 12 iktar ’il fuq, punti 20 et seq).

57      Għandu jiġi kkonstatat li r-Repubblika Taljana ma tikkontestax li, f’dan il-każ, il-kundizzjoni dwar jekk “deċiżjoni [...] ttieħdet mill-Kummissjoni biex tinbeda l-proċedura dwar il-vjolazjzoni fis-sens ta’ Artikolu 226 [KE]”, skont it-tieni kundizzjoni msemmija fil-punt (f) tal-ewwel subpargarafu tal-Artikolu 32(3) tar-Regolament Nru 126/1999, kienet sodisfatta, lanqas barra minn hekk ma tikkontesta r-rilevanza tad-data, jiġifieri d-29 ta’ Ġunju 2007, li minnha l-Kummissjoni ddikjarat inammissibbli t-talbiet għal ħlas inkwistjoni, fatt li ttieħdet nota tiegħu fil-proċess verbali tas-seduta. F’kull każ, peress li l-atti kkontestati kollha ġew adottati wara l-preżentata tar-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, ma hemmx lok li jiġi aċċertat liema mill-miżuri ċċitati fil-punt 56 iktar ’il fuq tikkostitwixxi “deċiżjoni [meħuda] mill-Kummissjoni” fis-sens tad-dispożizzjoni ċċitata iktar ’il fuq.

58      It-tieni nett, fir-rigward tal-allegat ksur tal-Artikoli 4 u 5 tad-Direttiva 2006/12 li huwa s-suġġett tal-proċeduri ta’ ksur Nru 2007/2195, jirriżulta b’mod ċar kemm mis-sentenza Il‑Kummissjoni vs L‑Italja punt 12 iktar ’il fuq (b’mod partikolari mill-punti 35, 36, 41, 76, 100 u 113, kif ukoll mill-punt 1 tad-dispożittiv) kif ukoll mir-rikors tal-Kummissjoni għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu (ir-raba’ u l-ħames inċiż tal-punt 58 u l-punti 82, 84, 86, 87 u 102) li dawn il-proċeduri kienu jikkonċernaw is-sistema kollha ta’ mmaniġġar u ta’ rimi ta’ skart fir-Regione Campania, inkluż, minn naħa, l-irkupru u, min-naħa l-oħra, in-nuqqas ta’ effikaċità tal-ġbir isseparat, proċeduri li r-Repubblika Taljana tqis li ma kinux koperti mill-proċeduri ta’ ksur (punti 36 u 37 iktar ’il fuq). Fir-rigward, b’mod iktar speċifiku, il-ksur tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2006/12, hemm lok li jiġi rrilevat li, fil-punt 76 tas-sentenza Il‑Kummissjoni vs L‑Italja, punt 12 iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja espiliċitament ikkonstatat li r-rata baxxa ta’ ġbir isseparat ta’ skart fir-Regione Campania, meta mqabbla mal-medji nazzjonali u Komunitarji, kienet biss iggravat is-sitwazzjoni, u minn dan hija b’mod partikolari kkonkludiet, fil-punt 78 ta’ din is-sentenza, li l-impjanti eżistenti u funzjonali f’dan ir-reġjun kienu l-bogħod milli jkopru l-bżonijiet reali tiegħu f’termini ta’ rimi ta’ skart. Minn dan jirriżulta li, kuntrarjament għal dak li ssostni r-Repubblika Taljana, is-suġġett tal-proċeduri ta’ ksur Nru 23007/2195 kien jinkludi effettivament in-nuqqas tal-ġbir isseparat bħala element preċedenti li jiggrava n-nuqqassijiet tas-sistema kollha ta’ mmaniġġar ta’ skart. Bl-istess mod, fil-punt 1 tad-dispożittiv tas-sentenza Il‑Kummissjoni vs L‑Italja, punt 12 iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja espressament ikkonstatat, skont l-ewwel kap tat-talbiet tar-rikors tal-Kummissjoni, nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu tar-Repubblika Tajana, b’mod partikolari, billi ma adottatx il-miżuri kollha neċessarji sabiex tiggarantixxi li l-iskart kien irkuprat u mormi mingħajr ma tiġi pperikolata s-saħħa tal-bniedem u mingħajr ma ssir ħsara lill-ambjent. Huwa għaldaqstant b’mod żbaljat li r-Repubblika Taljana tallega li l-irkupru u l-ġbir isseparat ma kinux koperti mis-suġġett tal-proċeduri ta’ ksur Nru 2007/2195 u li ma kienx hemm rabta suffiċjentement diretta bejn dan is-suġġett u dak tal-talbiet għal ħlas iddikjarati inammissibbli. F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi rrilevat li r-Repubblika Taljana rrikonoxxiet hija stess, fir-replika, li s-suġġett tal-proċeduri ta’ ksur u dak tat-talbiet għall-ħlas tal-pagamenti intermedji inkwistjoni kienu jikkoinċidu, għall-inqas, fir-rigward tal-irkupru, raġuni li għaliha hija qajjmet, sussidjarjament, motiv ġdid, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ proprozjonalità (ara l-punt 37 iktar ’il fuq u l-punt 63 iktar ’il quddiem).

59      It-tielet nett, għandu jiġi rrilevat li l-interventi previsti taħt il-Miżura 1.7 kif jissemmew fid-deskrizzjoni tal-imsemmija miżura fil-verżjoni emendata tal-PO Campania, minbarra numru ta’ interventi insostenn tal-irkupru ta’ skart suċċessivament għall-ġbir isseparat [paragrafu 5(e) sa (f) tad-deskrizzjoni tal-Miżura 1.7], kienu jinkludu wkoll interventi relatati ma’ għajnuna għall-istabbiliment ta’ sistema ta’ ġbir isseparat ta’ skart urban [pragrafu 5(d) tad-deskrizzjoni tal-Miżura 1.7] u relatati mal-ħolqien ta’ landfills għar-rimi ta’ skart wara l-ġbir isseparat [paragrafu 5(b) tad-deskrizzjoni tal-Miżura 1.7]. Issa, hekk kif tfakkar fil-punt 56 iktar ’il fuq il-proċeduri ta’ ksur Nru 2007/2195 kienu jirreferu espressament għal nuqqasijiet li jikkonċernaw kemm l-irkupru kif ukoll in-nuqqas ta’ effikaċità tal-ġbir isseparat. F’dawn il-kundizzjonijiet, ir-Repubblika Taljana ma hijiex iġġustifikata takkuża lill-Kummissjoni bil-fatt li s-suġġett tal-Miżura 1.7 u, għaldaqstant, tat-talbiet għal ħlas iddikjarati inammissibbli ma kellux rabta suffiċjenti ma’ dak tal-proċeduri ta’ ksur. Barra minn hekk, filwaqt li r-Repubblika Taljana ma rnexxilhiex tispjega b’mod suffiċjenti jekk u sa fejn l-operazzjonijiet koperti minn dawn it-talbiet għal ħlas kienu speċifilament marbuta ma’ interventi previsti fil-pargrafu 5(b) tad-deskrizzjoni tal-Miżura 1.7, hija xorta waħda rrikonoxxiet li l-pagamenti intermedji mitluba kienu preċiżament intiżi sabiex jittejjeb, b’mod partikolari, il-ġbir isseparat taħt il-paragrafu 5(d) tad-deskrizzjoni tal-Miżura 1.7.

60      Għaldaqstant, ir-Repubblika Taljana ma tistax issostni li l-operazzjonijiet li jiffirumaw is-suġġett tat-talbiet għal ħlas iddikjarati inammissibbli la kienu speċifikament koperti mill-proċeduri ta’ ksur Nru 2007/2195 u lanqas kienu, fihom infushom, kuntrarji għall-Artikoli 4 u 5 tad-Direttiva 2006/12 u li l-atti kkontestati setgħu jikkompromettu l-għan ta’ finanzjament tal-Miżura 1.7, peress li l-pagamenti mitluba kienu preċiżment intiżi sabiex jirrimedjaw għan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu lmentat. Fil-fatt, hekk kif ġie kkonstatat fil-punti 43 sa 54 iktar ’il fuq, skont it-tieni kundizzjoni msemmija fil-punt (f) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 32(3) tar-Regolament Nru 1260/1999, huwa biżżejjed li l-Kummissjoni tistabbilixxi rabta suffiċjentement diretta bejn is-suġġett tal-proċeduri ta’ ksur u dak tat-talbiet għal ħlas iddikjarati invalidi, fatt li hija għamlet f’dan il-każ billi indikat, essenzjalment, li l-azzjonijiet jew l-operazzjonijiet li huma s-suġġett tal-imsemmija talbiet għal ħlas kienu intiżi sabiex jilħqu ċerti għanijiet jew sottogħanijiet previsti mill-Miżura 1.7 u li l-implementazzjoni ta’ din il-miżura kienet koperta mill-proċeduri ta’ ksur Nru 2007/2195. B’mod partikolari, f’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ma kinitx obbligata turi li l-finanzjament tal-operazzjonijiet li jaqgħu taħt il-Miżura 1.7 u li huma s-suġġett tal-imsemmija talbiet għal ħlas setgħa effettivament jippreġudika l-baġit tal-Unjoni (ara l-punt 50 iktar ’il fuq).

 Il-konklużjonjiet dwar l-ewwel erba’ motivi

61      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, hemm lok li l-ewwel motiv jiġi miċħud bħala infondat.

62      Fir-rigward tat-tieni u tat-tielet motivi, ibbażati fuq ksur tal-punt (f) tal-ewwel subparagrafu, u tat-tieni subparagrafu, tal-Artikolu 32(3) tar-Regolament Nru 1260/1999, minn naħa, u fuq żnaturament tal-fatti kif ukoll fuq użu ħażin ta’ poter, min-naħa l-oħra, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet indikati fil-punti 56 sa 60 iktar ’il fuq, ir-Repubblika Taljana ma wrietx li l-Kummissjoni kienet interpret ħażin, aħseb u ara żnaturat, il-fatti jew li kienet użat il-proċeduri previsti fid-dispożizzjoni ċċitata iktar ’il fuq għal għan ieħor għajr għal dak previst mill-kriterji rilevanti tagħhom, b’mod partikolari dawk koperti mill-punt (f) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 32(3) tar-Regolament Nru 1260/1999. F’dan ir-rigward, l-ilment tar-Repubblika Taljana li l-Kummissjoni żbaljatament inkludiet, fl-evalwazzjoni tagħha li fuqha huma bbażati l-atti kkontestati, l-assenza ta’ pjan ġenerali ta’ mmaniġġar ta’ skart (ara l-punt 38 iktar ’il fuq), huwa irrilevanti. F’kull każ din l-assenza kienet ġiet aċċettata mill-Kummissjoni, fatt li jenfasizza n-natura irrilevanti tagħha għas-soluzzjoni ta’ din it-tilwima. Fil-fatt, dan l-ilment ma jistax jimmina l-għoti ta’ prova mill-Kummissjoni tal-eżistenza ta’ rabta suffiċjentement diretta bejn is-suġġett tal-proċeduri ta’ ksur Nru 2007/2195 u dak tat-talbiet għal ħlas iddikjarati inammissibbli, peress li din ir-rabta tiġġustifika fiha nfisha l-applikazzjoni tal-punt (f) tal-ewwel subparagrafu, u tat-tieni subparagrafu, tal-Artikolu 32(3) tar-Regolament Nru 1260/1999. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma huwiex possibbli li l-Kummissjoni tiġi akkużata li ppruvat tilħaq, f’dan il-każ, riżultat li hija setgħet tikseb biss billi tiftaħ jew il-proċeduri ta’ ksur jew il-proċedura ta’ sospensjoni skont l-Artikolu 39(2) u (3) tal-istess regolament.

63      Barra minn hekk, f’dan il-kuntest, hekk kif il-Kummissjoni ġustament issostni, ir-Repubblika Taljana ma tistax tiġi awtorizzata tqajjem, fir-replika, motiv ġdid, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità (ara l-punt 37 iktar ’il fuq), peress li l-kundizzjonijiet eċċezzjonali previsti fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura bla dubju ta’ xejn ma humiex sodisfatti f’dan il-każ. Fil-fatt, ir-Repubblika Taljana ma tressaq ebda element rilevanti ta’ liġi jew ta’ fatt li rriżulta biss matul l-istanza, peress li l-elementi kollha li fuqhom il-Kummissjoni bbażat ir-risposta tagħha kienu diġà preżenti u magħrufa minnha matul il-proċedura amministrattiva. F’dan ir-rigward, kuntrarjament għal dak li sostniet ir-Repubblika Taljana waqt is-seduta, is-sempliċi mod li bih il-Kummissjoni ppreżentat dawn l-istess punti ta’ liġi u ta’ fatt fil-kuntest tar-risposta ma jistax jiġġustifika deroga mid-dispożizzjoni ċċitata iktar ’il fuq, b’mod li dan il-motiv ġdid għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta’ Ottubru 1999, Atlanta vs Il‑Komunità Ewropea, C‑104/97, Ġabra p. I‑6983, punt 29).

64      Għaldaqstant, it-tieni u tielet motiv, l-istess bħall-motiv il-ġdid imqajjem sussidjarjament u bbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, għandhom ukoll jiġu miċħuda.

65      Fir-rigward tar-raba’ motiv, ibbażat fuq ksur tal-punt (f) tal-ewwel subparagrafu, u tat-tieni subparagrafu, tal-Artikolu 32(3) u tal-Artikolu 39(2) u (3) tar-Regolament Nru 1260/1999, kif ukoll fuq ksur tal-prinċipju ta’ kontradittorju u ta’ użu ħażin ta’ poter, mill-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 43 sa 60 iktar ’il fuq jirriżulta li l-ewwel waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet kienet tikkostitwixxi bażi legali adatta għall-adozzjoni tal-atti kkontestati. Għaldaqstant, ir-Repubblika Taljana ma tistax takkuża lill-Kummissjoni li użat ħażin il-proċedura ta’ sospensjoni prevista fl-Artikolu 39(2) u (3) tal-istess regolament, lanqas li kisret id-drittijiet tad-difiża tagħha f’dak li jikkonċerna l-motivi kkontestati intiżi għall-inammissibbiltà tat-talbiet għall-ħlas tal-pagamenti intermedji kif stabbiliti l-ewwel nett fl-ittra tal-31 ta’ Marzu 2008 u sussegwentement irripetuti fl-atti kkontestati. Kif issostni l-Kummissjoni, minn qari flimkien ta’ din l-ittra u tal-atti kkontestati jirriżulta li xi wħud mill-ħsibijiet u mir-riżervi marbuta mal-pjan ta’ mmaniġġar ta’ skart għar-Regione Campania tat-28 ta’ Diċembru 2007, imsemmija fl-ittra tal-20 ta’ Ottubru 2008 u rripetuti fil-qosor fl-ittra tat-22 ta’ Diċembru 2008, ma kinux, bid-differenza tal-motivi ta’ inammissibbiltà kkontestati, is-suġġett ta’ kontestazzjoni formali, la fil-kuntest tal-proċeduri ta’ ksur Nru 2007/2195, lanqas f’dak tal-proċedura ta’ implementazzjoni tal-PO Campania li wasslet għall-implementazzjoni tal-atti kkontestati. Għaldaqstant, l-atti kkontestati ma jistgħux jitqiesu bħala li huma vvizzjati bi ksur tad-drittijiet tad-difiża tar-Repubblika Taljana jew b’difett ieħor proċedurali jew sostanzjali li jivvizzja l-legalità tagħhom inkwantu dawn jesprimu l-imsemmija ħsibijiet u riżervi.

66      Konsegwentement, ir-raba’ motiv għandu wkoll jiġi miċħud.

 Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni skont l-Artikolu 253 KE

67      Fil-kuntest ta’ dan il-motiv, ir-Repubblika Taljana ssostni, essenzjalment, li l-ittra tat-22 ta’ Diċembru 2008 hija vvizzjata b’nuqqas ta’ motivazzjoni fuq punti ta’ fatt essenzjali, peress li l-Kummissjoni naqset milli twieġeb b’mod adatt għall-osservazzjonijiet ippreżentati mill-awtoritajiet Taljani fl-ittra tagħhom tad-9 ta’ Ġunju 2008. Għaldaqstant, l-ittra tat-22 ta’ Diċembru 2008 ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-fatt li l-proġetti marbuta mal-Miżura 1.7 ikkontribwixxew u setgħu jikkontribwixxu fil-futur għas-soluzzjoni tal-problema tar-rimi ta’ skart, sa fejn dawn kienu proġetti intiżi sabiex jestendu l-ġbir isseparat u l-irkupru ta’ materjal u ta’ enerġija li joriġinaw mill-iskart hekk ittrattat. Issa, dan l-aspett ikkostitwixxa element essenzjali tar-rabta, jew tal-konkordanza perfetta, bejn is-suġġett u l-għanijiet tal-proċeduri ta’ ksur u s-suġġett u l-għanijiet tal-proġetti koperti mill-Miżura 1.7. Barra minn hekk, peress li l-għanijiet u l-proġetti tal-Miżura 1.7 huma ddefiniti b’mod iddettaljat fil-PO Campania, il-Kummissjoni kien imissha bbażat id-deċiżjoni tagħha fuq eżami adatt f’dan ir-rigward u kien imissha spjegat ir-raġunijiet li għalihom hija kienet tqis li s-sitwazzjoni li tat lok għall-ftuħ tal-proċeduri ta’ ksur kienet ostakolat l-implementazzjoni effikaċi ta’ din il-miżura.

68      Il-Kummissjoni titlob li dan il-motiv jiġi miċħud.

69      L-ewwel nett, għandu jitfakkar li, permezz tal-ittra tagħha tal-31 ta’ Marzu 2008, mhux ikkontestata fil-kuntest ta’ dawn ir-rikorsi, il-Kummissjoni informat lill-awtoritajiet Taljani dwar il-konsegwenzi li hija kellha l-intenzjoni tislet mill-proċeduri ta’ ksur Nru 2007/2195 dwar il-finanzjament tal-Miżura 1.7 fil-kuntest tal-implementazzjoni tal-PO Campania (ara l-punt 13 iktar ’il fuq). F’din l-ittra, il-Kummissjoni indikat li hija ma setgħetx iktar tagħmel, skont l-Artikolu 32(3) tar-Regolament Nru 1260/1999, “pagamenti intermedji li jikkonċernaw ir-rimbors tal-ispejjeż relatati mal-Miżura 1.7 tal-PO Campania […]” li [kienet] tikkonċerna s-‘Sistema reġjonali ta’ mmaniġġar u ta’ rimi ta’ skart’, li għaliha jirreferu l-proċeduri ta’ ksur” inkwistjoni. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ppreċiżat li “l-immaniġġar ta’ skart fit-totalità tiegħu ma [kienx] sodisfaċenti fid-dawl tan-neċessità li jiġi ggarantit ġbir u rimi korrett ta’ skart u, għaldaqstant, ukoll fid-dawl tal-azzjonijiet previsti mill-Miżura 1.7, bħall-azzjonijiet marbuta mal-impjanti ta’ ħażna, ta’ pproċessar, u ta’ rimi ta’ skart, mal-impjanti ta’ rkupru tal-partijiet niexfa u umdi, l-istadju finali ta’ landfills, minbarra l-ġbir isseparat […], kif ukoll il-pjanijiet u l-programmi settorjali”. Il-Kummissjoni għaldaqstant essenzjalment ikkonkludiet li kull talba għal ħlas li tkopri spejjeż relatati mal-Miżura 1 imressqa wara l-mument li fih ir-Regione di Campania naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt id-Direttiva 2006/12, tkun inammissibbli.

70      Il-Kummissjoni rreferiet għal din il-motivazzjoni (ara l-punti 13 sa 21 iktar ’il fuq) fl-atti kkontestati kollha tagħha, b’mod li l-imsemmija motivazzjoni għandha titqies bħala li tifforma parti integrali mill-motivi tal-imsemmija atti għall-għanijiet tal-istħarriġ legali tagħhom, fatt li l-partijiet irrikonoxxew waqt is-seduta u li ttieħdet nota tiegħu fil-proċess verbali tas-seduta. Barra minn hekk, fl-ittra tagħha tat-22 ta’ Diċembru 2008, il-Kummissjoni rrilevat li l-proċeduri ta’ ksur Nru 2007/2195 qegħdu inkwistjoni s-sistema kollha ta’ mmaniġġar ta’ skart fil-Campania fir-rigward tal-Artikoli 4 u 5 tad-Direttiva 2006/12 sabiex tikkonkludi minn dan li ma kienx hemm “garanziji biżżejjed fir-rigward tat-twettiq korrett tal-operazzjonijiet ikkofinanzjati mill-FEŻR fil-kuntest tal-Miżura 1.7, li, fid-dawl tal-kliem tal-miżura stess, [kienu] jikkonċernaw is-sistema reġjonali kollha ta’ mmaniġġar u ta’ rimi ta’ skart, li l-effikaċità u l-adattezza tagħha [kienu] s-suġġett tal-proċedri ta’ ksur” inkwistjoni.

71      Hekk kif ġie rikonoxxut minn ġurisprudenza stabbilita, l-obbligu ta’ motivazzjoni ta’ deċiżjoni individwali għandu l-għan li jagħti indikazzjoni suffiċjenti lill-persuna kkonċernata sabiex tkun jaf jekk id-deċiżjoni hijiex fondata jew jekk hijiex, skont il-każ, ivvizzjata bi żball li jista’ eventwalment jippermetti li tiġi kkontestata l-validità tagħha u li jippermetti lill-qorti Komunitarja teżerċita l-istħarriġ tagħha dwar il-legalità tad-deċiżjoni. Il-portata ta’ dan l-obbligu tiddependi min-natura tal-att inkwistjoni u mill-kuntest li fih dan ġie adottat. Peress li deċiżjoni tal-Kummissjoni, adottata fil-kuntest tal-implementazzjoni tal-FEŻR u li tikkonċerna l-inammissibbiltà, provviżorja, ta’ talbiet intermedji għal ħlas, tinvolvi konsegwenzi finanzjarji negattivi kemm għall-Istat Membru li qed jagħmel it-talba kif ukoll għall-benefiċjarji finali ta’ dawn il-pagamenti, il-motivazzjoni ta’ din id-deċiżjoni għandha tindika b’mod ċar il-motivi li jiġġustifikaw id-dikjarazzjoni ta’ inammissibbiltà (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġeneral, tat-13 ta’ Lulju 2011, Il‑Greċja vs Il‑Kummissjoni, T‑81/09, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 41; ara f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tas-17 ta’ Settembru 2003, Stadtsportverband Neuss/Commission, T‑137/01, Ġabra p. II‑3103, punti 52 sa 54). Madankollu, ma huwiex meħtieġ li l‑motivazzjoni tispeċifika l‑punti kollha rilevanti ta’ fatt u ta’ liġi, inkwantu l‑kwistjoni dwar jekk il‑motivazzjoni ta’ att kinitx tissodisfa r‑rekwiżiti tal‑Artikolu 253 KE għandha tiġi evalwata mhux biss b’riferiment għall‑kliem użat fiha, iżda wkoll għall‑kuntest tagħha kif ukoll għar‑regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw il‑qasam ikkonċernat (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tat-22 ta’ Diċembru 2009, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda et, C‑89/08 P, Ġabra p. I‑11245, punt 77).

72      Fid-dawl tal-fatt li l-motivazzjoni tal-atti kkontestati tinkludi dik li tinsab fl-ittra tal-31 ta’ Marzu 2008, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li, fir-rigward ta’ din il-motivazzoni u tal-indikazzjoni tal-elementi kollha rilevanti li jiġġustifikaw l-applikazzjoni tal-punt (f) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 32(3) tar-Regolament Nru 1260/1999, mhux biss ir-Repubblika Taljana setgħet tikkontesta b’mod effettiv il-legalità sostantiva tal-atti kkontestati, iżda l-Qorti Ġenerali tista’ wkoll perfettament teżerċita l-istħarriġ tagħha (ara l-punti 42 sa 66 iktar ’il fuq). Barra minn hekk, fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 71 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni ma kinitx obbligata twieġeb espressament, fl-atti kkontestati, għall-argumenti kollha mressqa fl-ittra tar-Repubblika Taljana tad-9 ta’ Ġunju 2008, peress li l-elementi essenzjali insostenn ta’ dawn l-atti kienu suffiċjentement indikati fiha. Fir-rigward tal-kuntest li fih l-atti kkontestati kienu ġew adottati, hemm lok li jiġi ppreċiżat li l-awtoritajiet Taljana, bħala destinatarji tal-proċeduri ta’ ksur Nru 2007/2195, kienu konxji tas-suġġett tal-kontestazzjoni magħmula mill-Kummissjoni u għalhekk setgħu jagħmlu paragun bejn is-suġġett tal-Miżura 1.7, dak tat-talbiet għal ħlas iddikjarati inammissibbli u dak tad-dikjarazzjonijiet ta’ inammissibbiltà magħmula fl-atti kkontestati, b’mod li motivazzjoni iktar iddettaljata minn dik mogħtija f’dawn l-atti ma kinitx neċessarja. F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi ppreċiżat li s-sempliċi fatt li r-Repubblika Taljana kienet żbaljatament ikkunsidrat ċerti elementi bħala essenzjali, bħall-allegata koinċidenza perfetta bejn is-suġġett tal-talbiet għal ħlas iddikjarati inammissibbli u dak tal-proċeduri tal-ksur (ara l-punti 42 sa 54 iktar ’il fuq), fatt li jifforma parti minn evalwazzjoni sostantiva, ma jistax ibiddel il-portata tal-obbligu formali ta’ motivazzjoni tal-Kummissjoni

73      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-ħames motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat

 Fuq is-sitt u s-seba’ motivi, imqajma fil-Kawża T‑308/09 u bbażati rispettivament fuq ksur tal-Artikoli 32 u 39 tar-Regolament Nru 1260/1999 u fuq dak tal-Artikolu 230 KE

74      Fil-kuntest tas-sitt motiv, ir-Repubblika Taljana ssostni li l-motiv addizzjonali ta’ inammissibbiltà mqajjem mill-Kummissjoni fl-ittra tal-20 ta’ Mejju 2009 fir-rigward tat-talba għal ħlas inkwistjoni, li huwa bbażat fuq sitwazzjoni ta’ litispendance fid-dawl tan-natura pendenti tal-Kawża T‑99/09, huwa kuntrarju għall-Artikoli 32 u 39 tar-Regolament Nru 1260/1999 li jelenkaw b’mod limitattiv is-sitwazzjonijiet li fihom il-Kummissjoni hija awtorizzata tissospendi pagament intermedju u tiddikjara t-talba għal ħlas inammissibbli. Madankollu, l-eżistenza ta’ rikors ibbażat fuq l-Artikolu 230 KE u intiż kontra miżuri simili diġà meħuda mill-Kummissjoni ma huwiex inkluż fost dawn is-sitwazzjonijiet.

75      Fil-kuntest tas-seba’ motiv, ir-Repubblika Taljana ssostni li, sa fejn il-Kummissjoni qegħda tirrifjuta l-pagament intermedju minħabba l-fatt li rikors ibbażat fuq l-Artikolu 230 KE huwa pendenti, l-ittra tal-20 ta’ Mejju 2009 hija wkoll ivvizzjata bi ksur ta’ din l-istess dispożizzjoni sa fejn din tikkostitwixxi espressjoni tad-dritt fundamentali għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva mill-qorti tal-Unjoni. L-approċċ tal-Kummissjoni jiskoraġġixxi lill-Istati Membri milli jippreżentaw rikorsi kontra deċiżjonijiet ta’ rifjut ta’ talbiet għal ħlas, minħabba r-riskju li l-pagamenti intermedji jistgħu jkunu sospiżi sakemm tingħata deċiżjoni finali fil-kuntest tar-rikors u, għaldaqstant, dan jikkostitwixxi limitazzjoni inammissibbli tal-eżerċizzju tad-dritt tagħhom għal protezzjoni ġudizzjarja.

76      Il-Kummissjoni titlob li dawn il-motivi jiġu miċħuda.

77      Fir-rigward tas-sitt motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikoli 32 u 39 tar-Regolament Nru 1260/1999, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li dan il-motiv huwa bbażat fuq interpretazzjoni żbaljata tal-ittra tal-20 ta’ Mejju 2009, ikkontestata fil-Kawża T‑308/09, li tinvoka l-istess motivi ta’ inammissibbiltà bħal dawk imqajma fl-ittri tal-31 ta’ Marzu u tat-22 ta’ Diċembru 2008. Fil-fatt, hekk kif issostni l-Kummissjoni, ir-riferiment għas-sitwazzjoni ta’ litispendance fil-Kawża relatata T‑99/09 huwa biss deskrizzjoni tas-sitwazzjoni legali f’dan l-istadju tal-proċeduri u ma jistax jinftiehem bħala motiv ta’ inammissibbiltà addizzjonali, mhux previst mill-Artikoli 32 u 39 tar-Regolament Nru 1260/1999. B’dan il-mod, il-Kummissjoni sempliċement ġibdet l-attenzjoni tar-Repubblika Taljana għall-fatt li, min-naħa, l-eżitu tal-proċeduri fil-Kawża T‑99/09, li tikkonċerna l-legalità tal-istess motivi ta’ inammissibbiltà, huwa neċessarjament tali li jinfluwenza l-eżitu tal-proċeduri fil-Kawża T‑308/09 u li, min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni ser tkompli tqis it-talbiet intermedji għal ħlas inkwistjoni bħala inammissibbli sakemm il-qorti tal-Unjoni tkun definittivament iddeċidiet f’dan ir-rigward.

78      Bl-istess mod, fir-rigward tas-seba’ motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 230 KE, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li l-Kummissjoni ma rreferietx għall-Artikolu 230 KE sabiex tinvoka motiv ta’ inammissibbiltà addizzjonali skont l-Artikoli 32 u 39 tar-Regolament Nru 1260/1999 jew sabiex tiskoraġġixxi lir-Repubblika Taljana milli jressaq azzjoni ġudizzjarja, iżda sempliċement sabiex tieħu inkunsiderazzjoni l-eżistenza tal-Kawża relatata T‑99/09 u tal-fatt li l-eżitu tagħha kien tali li jinfluwenza dak tal-Kawża T‑308/99.

79      Għaldaqstant, is-sitt u s-seba’ motivi għandhom jiġu miċħuda bħala manifestament infondati.

80      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, hemm lok li dawn ir-rikorsi jiġu miċħuda kollha kemm huma.

 Fuq l-ispejjeż

81      Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba.

82      Peress li r-Repubblika Taljana tilfet fil-motivi kollha tagħha, hemm lok li hija tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk sostnuti mill-Kummissjoni, skont it-talbiet ta’ din tal-aħħar.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikorsi huma miċħuda.

2)      Ir-Repubblika Taljana għandha tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea.

Azizi

Dehousse

Frimodt Nielsen

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fid-19 ta’ April 2013.

Firem

Werrej


Il-fatti li wasslu għall-kawża

Il-proċedura għall-approvazzjoni tas-sostenn tal-Programm Operattiv “Campania”

Il-proċeduri ta’ ksur kontra r-Repubblika Taljana

Effetti tal-proċeduri ta’ ksur fuq l-implementazzjoni tal-PO Campania

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

Id-dritt

Sunt tal-motivi mqajma fil-Kawżi T‑99/09 u T‑308/09

Fuq l-allegat ksur tat-tieni kundizzjoni msemmija fil-punt (f) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 32(3) tar-Regolament Nru 1260/1999.

Osservazzjonijiet preliminari

Fuq il-portata tal-kriterji ta’ applikazzjoni tat-tieni kundizzjoni msemmija fil-punt (f) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 32(3) tar-Regolament Nru 1260/1999

Fuq l-applikazzjoni għall-każ inkwistjoni tat-tieni kundizzjoni msemmija fil-punt (f) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 32(3) tar-Regolament Nru 1260/1999

Il-konklużjonjiet dwar l-ewwel erba’ motivi

Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni skont l-Artikolu 253 KE

Fuq is-sitt u s-seba’ motivi, imqajma fil-Kawża T‑308/09 u bbażati rispettivament fuq ksur tal-Artikoli 32 u 39 tar-Regolament Nru 1260/1999 u fuq dak tal-Artikolu 230 KE

Fuq l-ispejjeż


* Lingwa tal-kawża: it-Taljan.