Language of document : ECLI:EU:T:2013:200

Kawżi magħquda T‑99/09 u T‑308/09

Ir‑Repubblika Taljana

vs

Il‑Kummissjoni Ewropea

“FEŻR — Programm Operattiv Reġjonali (POR) 2000‑2006 għar-Regione Campania — Regolament (KE) Nru 1260/1999 — Artikolu 32(3)(f) — Deċiżjoni li ma jsirux il-pagamenti intermedji relatati mal-miżura tal-POR li tikkonċerna l-immaniġġjar u r-rimi ta’ skart — Proċeduri ta’ ksur kontra l-Italja”

Sommarju — Sentenza tal-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla) tad-19 ta’ April 2013

1.      Koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali — Interventi strutturali — Finanzjament mill-Unjoni — Regolament Nru 1260/1999 — Talbiet għall-ħlas tal-pagamenti intermedji — Proċeduri ta’ ksur — Konsegwenza — Inammissibbiltà provviżorja ta’ talbiet intermedji għal ħlas — Kriterji ta’ applikazzjoni — Kunċett ta’ “miżuri” li huma s-suġġett tat-talbiet għal ħlas — Rabta bejn is-suġġett tal-proċeduri ta’ ksur u dawn il-miżuri — Rabta diretta — Portata

(Regolament tal-Kunsill Nru 1260/1999, il-punt (f) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 32(3) u Artikoli 39(2) u (3))

2.      Proċedura ġudizzjarja — Tressiq ta’ motivi ġodda fil-mori tal-kawża — Motiv imqajjem għall-ewwel darba fl-istadju tar-replika — Inammissibbiltà

(Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 48(2))

3.      Atti tal-istituzzjonijiet — Motivazzjoni — Obbligu — Portata — Deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar l-inammissibbiltà provviżorja ta’ talbiet intermedji għal ħlas fil-kuntest tal-implementazzjoni tal-FEŻR — Riferiment għall-kuntest ta’ din id-deċiżjoni — Ammissibbiltà

(Artikolu 253 KE)

1.      Skont it-tieni kundizzjoni msemmija fil-punt (f) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 32(3) tar-Regolament Nru 1260/1999, li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fondi Strutturali, il-kunċett ta’ “miżura” huwa ta’ applikazzjoni ġenerali, marbuta ma’ prijorità ta’ strateġija ddefinita minn prijorità, li jikkostitwixxi l-mezz ta’ implementazzjoni matul bosta snin li jippermetti li “operazzjonijiet” jiġu ffinanzjati. Peress li numru ta’ “operazzjonijiet” jistgħu jkunu koperti minn tali “miżura”, dan l-aħħar kunċett għaldaqstant għandu portata usa’ minn dak ta’ “operazzjoni”, li, min-naħa tiegħu, jirrifletti proġetti jew azzjonijiet li jistgħu jibbenefikaw minn intervent mill-Fondi.

Sabiex ikun jista’ jiġi konkluż li talba għal ħlas hija inammissibbli, it-tieni kundizzjoni msemmija fil-punt (f) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 32(3) tar-Regolament Nru 1260/1999 teħtieġ li s-suġġett tal-proċeduri ta’ ksur miftuħa mill-Kummissjoni jiġi pparagunat ma’ dak tal-“miżura(i)” — u mhux tal-“operazzjonijiet” — “li hija jew huma s-suġġett ta’ [din] l-applikazzjoni [talba]”. Fil-fatt, is-sempliċi fatt li talba għal ħlas tista’ tirreferi għal numru ta’ operazzjonijiet konkreti, implementati fil-kuntest ta’ miżura (matul bosta snin), ma jippermettix interpretazzjoni contra legem tal-kliem ċar u preċiż tat-tieni kundizzjoni msemmija fil-punt (f) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 32(3) tar-Regolament Nru 1260/1999, fis-sens li jkun neċessarju li jsir tali paragun fir-rigward tas-suġġett ta’ kull waħda mid-diversi operazzjonijiet bħala tali, minflok fir-rigward tal-miżura jew tal-miżuri inkwistjoni. Xorta jibqa’ l-fatt li l-Kummissjoni għandha tistabbilixxi rabta suffiċjentement diretta bejn il-miżura kkonċernata minn naħa, u s-suġġett tal-proċeduri ta’ ksur, min-naħa l-oħra.

Dawn il-kunsiderazzjonijiet jikkorrispondu għall-għan tad-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament Nru 1260/1999. Għalkemm, ċertament, it-tieni kundizzjoni msemmija fil-punt (f) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 32(3) tar-Regolament Nru 1260/1999 hija intiża sabiex jiġi evitat li l-Fondi Strutturali jintużaw sabiex jiġu ffinanzjati operazzjonijiet tal-Istati Membri li huma kuntrarji għad-dritt tal-Unjoni, bl-ebda mod ma jirriżulta li r-riskju konkomittanti ta’ telf inaċċettabbli ta’ fondi Komunitarji għandu jiġi speċifikament attribwit lill-illegalità jew lill-implementazzjoni illegali ta’ operazzjonijiet (proġetti jew azzjonijiet) preċiżi li huma s-suġġett tat-talba għal ħlas, lanqas li l-Kummissjoni hija obbligata turi li dan ir-riskju jirriżulta preċiżament u direttament minn tali operazzjonijiet illegali, ikkontestati fil-kuntest ta’ proċeduri ta’ ksur. Fil-fatt, tali interpretazzjoni restrittiva tnaqqas l-effett utli tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni, li jagħtu lill-Kummissjoni, b’mod provviżorju biss, is-setgħa li tissospendi pagamenti taħt impenji finanzjarji tal-Fondi Strutturali meħuda fil-kuntest ta’ programm operazzjonali, meta hija tkun affrontata b’allegat ksur, mill-Istat Membru benefiċjarju, tad-dritt tal-Unjoni li għandu rabta suffiċjentement diretta mal-miżura li hija s-suġġett tal-finanzjament ikkonċernat, sakemm il-konstatazzjoni ta’ dan il-ksur tkun ikkonfermata jew miċħuda definittivament permezz ta’ sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

Din l-evalwazzjoni ma hijiex ikkontestata mill-ewwel kundizzjoni msemmija fil-punt (f) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 32(3) tar-Regolament Nru 1260/1999, li tipprevedi, b’mod simili, il-possibbiltà li l-Kummissjoni tagħti bidu għal effett sospensiv fir-rigward tal-pagamenti intermedji, permezz tal-proċedura ta’ sospensjoni skont l-Artikolu 39(2) tal-istess regolament, jiġifieri barra mill-kuntest ta’ proċeduri ta’ ksur. Fil-fatt, barra l-fatt li din l-aħħar dispożizzjoni lanqas ma tikkonċerna l-kunċett ta’ “operazzjoni”, l-ewwel kundizzjoni msemmija fil-punt (f) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 32(3) tar-Regolament Nru 1260/1999 tipprevedi, bħat-tieni kundizzjoni, li “ebda sospensjoni tal-ħlasijiet” ma għandha tikkonċerna “l-miżura(i) li hija jew huma s-suġġett ta’ l-applikazzjoni [talba] [għal ħlas]”. Fl-aħħar, mill-kliem taż-żewġ kundizzjonijiet imsemmija fil-punt (f) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 32(3) tar-Regolament Nru 1260/1999 jirriżulta b’mod ċar, li huwa biżżejjed li l-Kummissjoni tibbaża ruħha fuq waħda minn dawn il-kundizzjonijiet sabiex tkun tista’ tirrifjuta provviżorjament pagament intermedju.

Għaldaqstant, sabiex tiġi ġġustifikata d-dikjarazzjoni ta’ inammissibbiltà ta’ pagamenti intermedji fir-rigward ta’ proċeduri ta’ ksur li jkunu diġà nfetħu, huwa biżżejjed li l-Kummissjoni tistabbilixxi li s-suġġett ta’ dawn il-proċeduri għandu rabta suffiċjentement diretta mal-miżura li tirregola l-operazzjonijiet koperti mit-talbiet għal ħlas ikkonċernati.

Għaldaqstant, min-naħa, il-Kummissjoni tista’ tibbaża deċiżjoni ta’ inammissibbiltà ta’ pagamenti intermedji fuq it-tieni kundizzjoni msemmija fil-punt (f) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 32(3) tar-Regolament Nru 1260/1999 u, min-naħa l-oħra, fid-dawl tas-setgħa mogħtija lilha b’dan il-mod li tirrifjuta provviżorjament dawn il-pagamenti, hija ma hijiex obbligata ssegwi l-proċedura prevista fl-ewwel kundizzjoni msemmija fil-punt (f) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 32(3) tar-Regolament Nru 1260/1999, moqri flimkien mal-Artikolu 39(2) u (3) tal-istess regolament.

(ara l-punti 45, 46, 49‑51, 53, 54)

2.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 63)

3.      L-obbligu ta’ motivazzjoni ta’ deċiżjoni individwali għandu l-għan li jagħti indikazzjoni suffiċjenti lill-persuna kkonċernata sabiex tkun taf jekk id-deċiżjoni hijiex fondata jew jekk hijiex, skont il-każ, ivvizzjata bi żball li jista’ eventwalment jippermetti li tiġi kkontestata l-validità tagħha u li jippermetti lill-qorti Komunitarja teżerċita l-istħarriġ tagħha dwar il-legalità tad-deċiżjoni. Il-portata ta’ dan l-obbligu tiddependi min-natura tal-att inkwistjoni u mill-kuntest li fih dan ġie adottat. Peress li deċiżjoni tal-Kummissjoni, adottata fil-kuntest tal-implementazzjoni tal-FEŻR u li tikkonċerna l-inammissibbiltà, provviżorja, ta’ talbiet intermedji għal ħlas, tinvolvi konsegwenzi finanzjarji negattivi kemm għall-Istat Membru li qed jagħmel it-talba kif ukoll għall-benefiċjarji finali ta’ dawn il-pagamenti, il-motivazzjoni ta’ din id-deċiżjoni għandha tindika b’mod ċar il-motivi li jiġġustifikaw id-dikjarazzjoni ta’ inammissibbiltà. Madankollu, ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-punti kollha rilevanti ta’ fatt u ta’ liġi, inkwantu l-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni ta’ att kinitx tissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 253 KE għandha tiġi evalwata mhux biss b’riferiment għall-kliem użat fiha, iżda wkoll għall-kuntest tagħha kif ukoll għar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat.

(ara l-punt 71)