Language of document :

Rikors ippreżentat fl-4 ta' Marzu 2009 - L-Italja vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-99/09)

Lingwa tal-kawża: It-Taljan

Partijiet

Rikorrenti: Ir-Repubblika Taljana (rappreżentant: P. Gentili, avvocato dello Stato)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrenti

Tannulla l-ittra tat-2 ta' Frar 2009, Nru 000841 (dokument Nru 1) tal-Kummissjoni Ewropea, Direttorat Ġenerali tal-Politika Reġjonali, li għandha bħala suġġett il-"Ħlas mill-Kummissjoni ta' ammont differenti mill-ammont mitlub" u li fiha d-deċiżjoni segwenti: "Konsegwentement, id-data li minnha l-Kummissjoni Ewropea tikkunsidra inammissibbli l-ispejjeż relativi għall-miżura 1.7 tal-POR 2000-2006 hija d-29 ta' Ġunju 2007 u mhux is-17 ta' Mejju 2006, kif kien ġie indikat fin-nota msemmija iktar 'il fuq tat-22 ta' Diċembru 2008";

tannulla l-ittra tas-6 ta' Frar 2009, Nru 001059 (dokument Nru 2) tal-Kummissjoni Ewropea, Direttorat Ġenerali tal-Politika Reġjonali, li għandha bħala suġġett "l-interruzzjoni tat-talba għall-ħlas u t-talbiet għal informazzjoni dwar il-korrezzjonijiet finanzjarji skont l-Artikolu 39 tar-Regolament (KE) Nru 1260/1999 POR Campania" u li fiha d-deċiżjoni segwenti: "Konsegwentement, id-data li minnha l-Kummissjoni Ewropea tikkunsidra inammissibbli l-ispejjeż relativi għall-miżura 1.7 tal-POR 2000-2006 hija d-29 ta' Ġunju 2007 u mhux is-17 ta' Mejju 2006, kif kien ġie indikat preċedentement";

tannulla l-ittra tat-22 ta' Diċembru 2008, Nru 012480 (dokument 3) tal-Kummissjoni Ewropea, Direttorat Ġenerali tal-Politika Reġjonali, li għandha bħala suġġett il-POR Campania 2000-2006 (Nru CCI 1999 IT 16 1 PO 007) - Konsegwenzi tal-proċeduri għal nuqqas ta' twettiq ta' obbligu 2007/2195 fuq immaniġġar tal-iskart fil-Campania, li permezz tagħha "il-Kummissjoni titlob li jitnaqqsu, mit-talba li jmiss għall-ħlas, l-ispejjeż kollha li saru skont il-miżura 1.7, li seħħew wara d-29 ta' Ġunju 2007".

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tat-talbiet tagħha, ir-rikorrenti ssostni l-ksur tas-subparagrafu (f) tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 32(3) u tat-tieni inċiż tal-Artikolu 32(3), kif ukoll tal-Artikolu 39(2) u (3) tar-Regolament Nru 1260/19991. Hija tinvoka b'mod partikolari l-motivi segwenti:

a) Sabiex talba għall-ħlas ta' kontribuzzjonijiet ta' fond strutturali tista' tiġi ddikjarata inammissibbli għar-raġuni li huma pendenti proċeduri għal nuqqas ta' twettiq ta' obbligu, jeħtieġ li s-suġġett speċifiku ta' din il-proċedura tkun perfettament identika għas-suġġett tat-talba għall-ħlas.

b) Fil-proċeduri għal nuqqas ta' twettiq ta' obbligu, il-Kummissjoni tikkritika s-sitwazzjoni tal-eliminazzjoni finali tal-iskart għar-raġuni li l-istrutturi neċessarji (inċineraturi, land fills) sabiex tiġi implementata din il-fażi tal-"għażla" tal-iskart b'mod konformi mad-direttiva huma nieqsa. Min-naħa l-oħra, fażijiet oħra ta' din l-"għażla" u ta' metodi oħra ta' mmaniġġar tal-iskart, differenti mill-eliminazzjoni finali, huma estranji għall-għan speċifiku tal-proċeduri għal nuqqas ta' twettiq ta' obbligu. Dan huwa l-każ b'mod partikolari tal-metodi varji ta' rkupru tal-iskart, li jinvolvi ġbir ta' skart isseparat. Madankollu, il-miżura 1.7 tal-POR Campania 2000 u l-operazzjonijiet (proġetti) li hija tinkludi jirreferu preċiżament għall-fażi tal-irkupru tal-iskart u tal-ġbir ta' skart separat li huwa prerekwiżit.

c) Fin-nota tal-20 ta' Ottubru 2008 imsemmija fin-noti kkontestati, il-Kummissjoni esprimiet ċerta perplessità f'dak li jirrigwarda l-pjan tal-immaniġġar tal-iskart tat-28 ta' Diċembru 2007. Madankollu, l-ebda wieħed minn dawn l-argumenti kkritikati fir-rigward tal-pjan ta' immaniġjar tat-28 ta' Diċembru 2007 ma qatt għamel parti mis-suġġett tal-proċeduri għal nuqqas ta' twettiq ta' obbligu 2007/2195, jekk xejn minħabba li din kienet ibbażata fuq is-sitwazzjoni eżistenti fit-terminu tal-opinjoni motivata, jiġifieri fl-1 ta' Marzu 2008.

d) Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkunsidra t-talbiet għall-ħlas taħt il-miżura 1.7 bħala inammissibbli għar-raġuni li "ma jeżistux garanziji suffiċjenti fir-rigwarda tat-twettiq korrett tal-operazzjonijiet kofinanzjati mill-FEŻR fil-kuntest tal-miżura 1.7" qatt ma setgħet tiġi adottata taħt it-tieni ipoteżi tas-subparagrafu (f) tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 32(3) (proċeduri għal nuqqas ta' twettiq ta' obbligu pendenti). Din setgħet l-aktar tiġi adottata taħt l-ewwel ipoteżi msemmija f'din id-dispożizzjoni (sospensjoni tal-ħlasijiet taħt it-tieni paragrafu tal-Artikolu 39 tar-Regolament Nru 1260/1999). Iżda dan kien iwassal għal dibattitu li l-Kummissjoni riedet tevita.

Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti ssostni wkoll il-ksur tal-forom proċedurali sostanzjali, fil-każ preżenti n-nuqqas ta' motivazzjoni.

____________

1 - Regolament tal-Kunsill Nru 1260/1999 (KE) tal-21 ta' Ġunju 1999 li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fondi Strutturali (ĠU L 161, p. 1).