Language of document : ECLI:EU:T:2008:239

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Awla tal-Appell)

1 ta’ Lulju 2008

Kawża T-262/06 P

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

vs

D

“Appell – Servizz pubbliku – Uffiċjali – Annullament fl-ewwel istanza tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni – Mard ikkaġunat mix-xogħol – Rifjut li jiġi rrikonoxxut li l-marda li jbati minnha l-uffiċjal kienet ikkaġunata jew aggravata mix-xogħol – Ammissibbiltà tal-appell – Ammissibbiltà tal-motiv eżaminat fl-ewwel istanza – Res judicata”

Suġġett: Appell mis-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea (L-Ewwel Awla), tat-12 ta’ Lulju 2006, D vs Il-Kummissjoni (F-18/05, ĠabraSP p. I-A-1-83 u II-A-1-303), intiż għall-annullament ta’ din is-sentenza.

Deċiżjoni: Is-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea, tat-12 ta’ Lulju 2006, D vs Il-Kummissjoni (F‑18/05), hija annullata. Il-kawża hija rrinvijata lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku. L-ispejjeż huma rriżervati.

Sommarju

1.      Rikors għal annullament – Aggravji – Kunċett

(Artikolu 230 KE)

2.      Uffiċjali – Rikorsi – Sentenza ta’ annullament – Effetti – Obbligu li jiġu adottati miżuri ta’ eżekuzzjoni

(Artikolu 233 KE; Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 73 u 78)

1.      Għalkemm l-elementi inklużi f’rikors għal annullament taħt it-titolu “Il-fatti” mhumiex, prima facie, intiżi li jikkostitwixxu motivi awtonomi li jistgħu jwasslu għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, iżda pjuttost li jiddeskrivu ċ-ċirkustanzi li taw lok għall-kawża, madankollu mhuwiex possibbli li tiġi eskluża a priori l-possibbiltà li din il-parti tar-rikors jista’ jkun fiha espożizzjoni ta’ motiv għal annullament jew ta’ parti minn motiv.

(ara l-punt 52)

Referenza: Il-Qorti tal-Prim’Istanza 14 ta’ Diċembru 2005, Honeywell vs Il‑Kummissjoni, T‑209/01, Ġabra p. II‑5527, punti 105 sa 107

2.      Fil-każ li l-qorti Komunitarja tannulla d-deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ħatra favur l-għoti ta’ pensjoni ta’ invalidità lil uffiċjal stabbilita skont id-dispożizzjonijiet tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 78 tar-Regolamenti tal-Persunal, minħabba żball imwettaq mill-Kumitat tal-Invalidità fir-rigward tad-definizzjoni tal-kunċett ta’ mard ikkaġunat mix-xogħol li seta’ kellu effett fuq din id-deċiżjoni, hija ma tiddeċidix fuq il-kwistjoni dwar jekk dan il-mard joriġinax mix-xogħol, li, barra minn hekk, fid-dawl tas-setgħa diskrezzjonali li għandu l-Kumitat tal-Invalidità fil-qasam mediku, tikkostitwixxi konstatazzjoni ta’ fatt li fir-rigward tagħha hija mhijiex kompetenti. F’dawn iċ-ċirkustanzi, jekk l- Awtorità tal-Ħatra tiddeċiedi sussegwentement li dan il-mard joriġina mix-xogħol u tiddeċiedi favur l-għoti ta’ pensjoni ta’ invalidità lill-uffiċjal stabbilita skont id-dispożizzjonijiet tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 78 tar-Regolament tal-Persunal, din id-deċiżjoni m’għandhiex is-saħħa ta’ res judicata.

Minn dan isegwi li, meta jiġi ppreżentat rikors għal annullament kontra d-deċiżjoni li tirrifjuta, fir-rigward tal-imsemmi uffiċjal, li tirrikonoxxi l-oriġini professjonali tal-marda tiegħu fis-sens tal-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal, il-Qorti Komunitarja twettaq żball ta’ liġi meta tqis li l-Awtorità tal-Ħatra ma tistax legalment, mingħajr ma tmur kontra l-prinċipju ta’ res judicata, tirrifjuta li tirrikonoxxi li l-marda tal-uffiċjal, li għandha oriġini professjonali skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 78 tar-Regolamenti tal-Persunal, għandha wkoll oriġini professjonali fis-sens tal-Artikolu 73.

Fi kwalunkwe każ, il-benefiċċji previsti fl-Artikoli 73 u 78 tar-Regolamenti tal-Persunal huma differenti u indipendenti minn xulxin, minkejja li jistgħu jikkoinċidu. Bl-istess mod, dawn id-dispożizzjonijiet jipprovdu żewġ proċeduri differenti li jistgħu jagħtu lok għal deċiżjonijiet differenti, indipendenti minn xulxin. Għalkemm huwa xieraq li, skont il-każ, iż-żewġ proċeduri jiżvolġu konġuntament u li l-istess awtoritajiet mediċi jintalbu jagħtu d-deċiżjoni tagħhom dwar id-diversi aspetti tal-invalidità li jbati minnha l-uffiċjal, dan mhuwiex fatt li jaffettwa l-legalità ta’ xi waħda minn dawn il-proċeduri u, f’dan ir-rigward, l-Awtorità tal-Ħatra għandha, skont iċ-ċirkustanzi, setgħa diskrezzjonali. Barra minn hekk, l-Artikolu 25 tal-leġiżlazzjoni dwar il-kopertura ta’ riskji ta’ inċidenti u mard ikkaġunat mix-xogħol jipprovdi li r-rikonoxximent ta’ invalidità permanenti u anki totali “ma jippreġudika bl-ebda mod l-applikazzjoni tal-Artikolu 78 tar-Regolamenti tal-Persunal u viċe versa”. Minn dan jirriżulta li l-proċedura ta’ rikonoxximent ta’ invalidità permanenti totali jew parzjali, skont l-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal, u l-proċedura ta’ għoti ta’ pensjoni ta’ invalidità, skont l-Artikolu 78 tar-Regolamenti tal-Persunal, jistgħu leġittimament iwasslu għal riżultati differenti fir-rigward tal-istess sitwazzjoni fattwali, u b’mod partikolari fir-rigward tal-kwistjoni tal-oriġini professjonali tal-marda li jbati minnha l-istess uffiċjal.

(ara l-punti 70 sa 74)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja 15 ta’ Jannar 1981, B vs Il-Parlament, 731/79, Ġabra p. 107, punti 9 u 10; 12 ta’ Jannar 1983, K vs Il-Kunsill, 257/81, Ġabra p. 1, punt 10; Il-Qorti tal-Prim’Istanza 14 ta’ Mejju 1998, Lucaccioni vs Il‑Kummissjoni, T‑165/95, ĠabraSP p. I‑A‑203 u II‑627, punti 136 u 137; Il‑Qorti tal-Prim’Istanza 23 ta’ Novembru 2004, O vs Il-Kummissjoni, T‑376/02, ĠabraSP p. I‑A‑349 u II‑1595, punt 45