Language of document :

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

30 ta’ Mejju 2024 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Regolament (UE) 2019/1150 – Artikoli 1, 15, 16 u 18 – Għan – Applikazzjoni – Kontroll – Eżami mill-ġdid – Miżuri adottati minn Stat Membru – Obbligu li tiġi pprovduta informazzjoni dwar is-sitwazzjoni ekonomika ta’ fornitur ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni online”

Fil-Kawża C‑663/22,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunale amministrativo regionale per il Lazio (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Lazio, l-Italja), permezz ta’ deċiżjoni tal‑10 ta’ Ottubru 2022, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid‑19 ta’ Ottubru 2022, fil-proċedura

Expedia Inc.

vs

Autorità per le Garanzie nelle Comunicazioni,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn A. Prechal, Presidenta tal-Awla, F. Biltgen, N. Wahl (Relatur), J. Passer u M. L. Arastey Sahún, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Expedia Inc., minn P. Actis Perinetto, F. Brunetti, C. Osti u A. Vitale, avvocati,

–        għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn L. Delbono u R. Guizzi, avvocati dello Stato,

–        għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek, T. Suchá u J. Vláčil, bħala aġenti,

–        għall-Irlanda, minn M. Browne, Chief State Solicitor, A. Joyce u M. Tierney, bħala aġenti, assistiti minn D. Fennelly, BL,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn L. Armati, S. L. Kalėda u L. Malferrari, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑11 ta’ Jannar 2024,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tar-Regolament (UE) 2019/1150 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑20 ta’ Ġunju 2019 dwar il-promozzjoni tal-korrettezza u tat-trasparenza għall-utenti kummerċjali tas-servizzi tal-intermedjazzjoni online (ĠU 2019, L 186, p. 57).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Expedia Inc., kumpannija rregolata mid-dritt tal-Istati Uniti, u l-Autorità per le Garanzie nelle Comunicazioni (l-Awtorità Garanti fil-Qasam tal-Komunikazzjoni, l-Italja, iktar ’il quddiem l-“AGCOM”) dwar miżuri adottati minn din tal-aħħar fil-konfront tal-fornituri ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni online.

 Ilkuntest ġuridiku

 Iddritt talUnjoni

3        Il-premessi 7, 46 u 51 tar-Regolament 2019/1150 jistipulaw:

“(7)      Jenħtieġ li jiġu stabbiliti sett ta regoli obbligatorji fil-livell ta Unjoni [Ewropea] biex jiżguraw ambjent ta negozju online ġust, prevedibbli, sostenibbli u affidabbli fis-suq intern. Bmod partikolari, l-utenti kummerċjali tas-servizzi tal-intermedjazzjoni online jenħtieġ li jkollhom it-trasparenza xierqa, kif ukoll il-possibbiltajiet ta rimedju effettiv, mal-Unjoni kollha sabiex jiġi ffaċilitat in-negozju transfruntier fi ħdan l-Unjoni u bhekk jittejjeb il-funzjonament tajjeb tas-suq intern u sabiex tiġi indirizzata l-frammentazzjoni emerġenti possibbli fl-oqsma speċifiċi koperti b’dan ir-Regolament.

[...]

(46)      L-Istati Membri jenħtieġ li jkunu meħtieġa jiżguraw infurzar adegwat u effikaċji ta dan ir-Regolament. Diġà jeżistu sistemi differenti ta infurzar fl-Istati Membri, u jenħtieġ li dawn ma jkunux obbligati jistabbilixxu korpi nazzjonali ġodda tal-infurzar. Jenħtieġ li l-Istati Membri jkollhom l-opzjoni li jinkarigaw l-awtoritajiet eżistenti, inkluż il-qrati, bl-infurzar ta dan ir-Regolament. Jenħtieġ li dan ir-Regolament ma jobbligax lill-Istati Membri jipprevedu infurzar ex officio jew li jimponu multi

[...]

(51)      Minħabba li l-għan ta dan ir-Regolament, jiġifieri li jkun żgurat ambjent ta’ negozju online ġust, prevedibbli, sostenibbli u affidabbli fi ħdan is-suq intern, ma jistax jinkiseb b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda, minħabba l-iskala u l-effetti tiegħu, jista jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 [TUE]. F’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif stabbilit fdak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ sabiex jinkiseb dak l-għan.”

4        Skont l-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament:

“1.      L-għan ta dan ir-Regolament huwa li jikkontribwixxi għall-funzjonament xieraq tas-suq intern billi jistabbilixxi regoli li jiżguraw li l-utenti kummerċjali tas-servizzi tal-intermedjazzjoni online u l-utenti ta siti web korporattivi fir-rigward tal-magni tat-tiftix online jingħataw trasparenza xierqa, korrettezza u possibbiltajiet ta rimedju effettiv.

2.      Dan ir-Regolament għandu japplika għas-servizzi tal-intermedjazzjoni online u tal-magni tat-tiftix online mogħtija, jew offruti biex jingħataw, lill-utenti kummerċjali u lill-utenti ta siti web korporattivi rispettivament, li l-post tal-istabbiliment jew tar-residenza tagħhom ikun fl-Unjoni u li, permezz ta’ dawk is-servizzi tal-intermedjazzjoni online jew permezz tal-magni tat-tiftix online, joffru prodotti jew servizzi lil konsumaturi li jinsabu fl-Unjoni, irrispettivament mill-post tal-istabbiliment jew tar-residenza tal-fornituri ta dawk is-servizzi u irrispettivament mil-liġi li kieku tkun applikabbli.

[...]

5.      Dan ir-Regolament għandu jkun mingħajr preġudizzju għal-liġi tal-Unjoni, bmod partikolari l-liġi tal-Unjoni applikabbli fl-oqsma tal-kooperazzjoni ġudizzjarja fmaterji ċivili, il-kompetizzjoni, il-protezzjoni tad-data, il-protezzjoni ta sigrieti kummerċjali, il-ħarsien tal-konsumatur, il-kummerċ elettroniku u s-servizzi finanzjarji.”

5        Il-punt (1) tal-Artikolu 2 tal-imsemmi regolament jipprovdi:

“Għall-finijiet ta dan ir-Regolament, japplikaw dawn id-definizzjonijiet:

(1)      ‘utent kummerċjali’ tfisser kwalunkwe individwu privat li jaġixxi fkapaċità kummerċjali jew professjonali li, jew kwalunkwe persuna ġuridika li, permezz tas-servizzi tal-intermedjazzjoni online toffri prodotti jew servizzi lill-konsumaturi tagħha, għal finijiet relatati mal-kummerċ, in-negozju, is-sengħa jew il-professjoni tagħha”.

6        L-Artikolu 15 tal-istess regolament jipprovdi:

“1.      Kull Stat Membru għandu jiżgura infurzar adegwat u effettiv ta dan ir-Regolament.

2.      L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli li jistipulaw il-miżuri applikabbli għall-ksur ta dan ir-Regolament u għandhom jiżguraw li dawn jiġu implimentati. Il-miżuri previsti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.”

7        L-Artikolu 16 tar-Regolament 2019/1150 jistipula:

“Il-Kummissjoni [Ewropea], fkooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri, għandha timmonitorja mill-qrib l-impatt ta dan ir-Regolament fuq ir-relazzjonijiet bejn is-servizzi tal-intermedjazzjoni online u l-utenti kummerċjali tagħhom u bejn il-magni tat-tiftix online u l-utenti tas-siti web korporattivi tagħhom. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni għandha tiġbor informazzjoni rilevanti biex timmonitorja l-bidliet fdawn ir-relazzjonijiet, inkluż billi twettaq studji rilevanti. L-Istati Membri għandhom jassistu lill-Kummissjoni billi jipprovdu, fuq talba, kwalunkwe informazzjoni rilevanti miġbura inkluż dwar każijiet speċifiċi. Il-Kummissjoni tista għall-finijiet ta dan l-Artikolu u tal-Artikolu 18, tfittex li tiġbor informazzjoni mingħand il-fornituri tas-servizzi tal-intermedjazzjoni online.”

8        Skont l-Artikolu 18(1) u (3) ta’ dan ir-regolament:

“1.      Sat‑13 ta’ Jannar 2022, u mbagħad kull tliet snin, il-Kummissjoni għandha tagħmel evalwazzjoni ta dan ir-Regolament u tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew.

[...]

3.      L-Istati Membri għandhom jipprovdu kwalunkwe informazzjoni rilevanti li jkollhom li tintalab mill-Kummissjoni bl-iskop li jitfassal ir-rapport imsemmi fil-paragrafu 1.”

 Iddritt Taljan

 IlLiġi Nru 249 tal31 ta’ Lulju 1997

9        L-Artikolu 1 tal-legge n. 249 – Istituzione dell’Autorità per le garanzie nelle comunicazioni e norme sui sistemi delle telecomunicazioni e radiotelevisivo (il-Liġi Nru 249 li Tistabbilixxi l-Awtorità għall-Protezzjoni tal‑Komunikazzjonijiet u li Twaqqaf Standards dwar is-Sistemi ta’ Telekomunikazzjoni u tar-Radjuteleviżjoni) tal‑31 ta’ Lulju 1997 (Suppliment Ordinarju fil-GURI Nru 177 tal‑31 ta’ Lulju 1997), jipprovdi:

“[...]

29.      Il-persuni li, fil-komunikazzjonijiet mitluba mill-[AGCOM], jipprovdu data ta’ kontabbiltà jew fatti li jikkonċernaw l-eżerċizzju tal-attività tagħhom li ma jikkorrispondux għar-realtà huma suġġetti għall-pieni previsti fl-Artikolu 2621 tal-Kodiċi Ċivili.

30.      Il-persuni li ma jikkomunikawx, fil-ħin u skont il-modalitajiet preskritti, id-dokumenti, id-data u l-informazzjoni mitluba mill-[AGCOM] huma suġġetti għal multa amministrattiva fl-ammont ta’ miljun [lira Taljana (ITL) (madwar EUR 516) sa mitejn miljun ITL (madwar EUR 103 000)] imposta minn din l-awtorità.

[...]”

 

10      Il-Liġi Nru 249 tal‑31 ta’ Lulju 1997, kif emendata bil-legge n. 178 – Bilancio di previsione dello Stato per l’anno finanziario 2021 e bilancio pluriennale per il triennio 2021‑2023 (il-Liġi Nru 178 - Estimi baġitarji tal-Istat għas-sena finanzjarja 2021 u baġit pluriannwali għall-perijodu ta’ tliet snin mill‑2021 sal‑2023) tat‑30 ta’ Diċembru 2020 (Suppliment Ordinarju fil-GURI Nru 322 tat‑30 ta’ Diċembru 2020) tipprevedi, fil-punt 14-bis tal-Artikolu 1(6)(c) tagħha:

“Ir-responsabbiltajiet tal-[AGCOM] huma identifikati kif ġej:

[...]

c)      il-Kunsill:

[...]

14-bis)      għandu jiżgura l-applikazzjoni adegwata u effettiva tar-Regolament [2019/1150], b’mod partikolari bl-adozzjoni ta’ linji gwida, il-promozzjoni ta’ kodiċi ta’ kondotta u l-ġbir ta’ informazzjoni rilevanti”.

 IdDeċiżjoni Nru 397/13

11      Fil‑25 ta’ Ġunju 2013, l-AGCOM adottat id-delibera n. 397/13/CONS – Informativa economica di sistema (id-Deċiżjoni Nru 397/13/CONS dwar Dikjarazzjoni Ekonomika Sistematika, iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni Nru 397/13”).

12      L-Artikolu 2(1) tad-Deċiżjoni Nru 397/13 jelenka l-kategoriji ta’ persuni li huma obbligati jibagħtu lill-AGCOM dokument intitolat “Informativa economica di sistema” (Dikjarazzjoni ekonomika sistematika, iktar ’il quddiem l-“IES”).

13      L-Artikolu 6 ta’ din id-deċiżjoni jipprevedi:

“1.      Il-persuni li, għall-finijiet tal-obbligu msemmi fl-Artikolu 2 ta’ din id-deċiżjoni, jikkomunikaw data li ma tikkorrispondix mar-realtà huma punibbli konformement mal-Artikolu 1(29) tal-Liġi Nru [249 tal‑31 ta’ Lulju 1997].

2.      Il-persuni li ma jwettqux, fil-ħin u skont il-modalitajiet stabbiliti, l-obbligu msemmi fl-Artikolu 2 huma punibbli konformement mal-Artikolu 1(30) tal-Liġi Nru [249 tal‑31 ta’ Lulju 1997]. ”

 Id-Deċiżjoni Nru 161/21

14      Fit‑12 ta’ Mejju 2021, l-AGCOM adottat id-delibera n. 161/21/CONS – Modifiche alla delibera n. 397/13 del 25 giugno 2013 “Informativa Economica di Sistema” (id-Deċiżjoni Nru 161/21/CONS li Temenda d-Deċiżjoni Nru 397/13 tal‑25 ta’ Ġunju 2013 “Dikjarazzjoni ekonomika sistematika”, iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni Nru 161/21”).

15      Skont il-preambolu tad-Deċiżjoni Nru 161/21:

“[...]

Wara li kkunsidra r‑Regolament 2019/1150 […]

Wara li kkunsidra l-Liġi [Nru 178 tat‑30 ta’ Diċembru 2020,] […]

[...]

Billi l-[IES] hija dikjarazzjoni annwali li l-operaturi fil-qasam tal-komunikazzjoni għandhom [jimlew] u li tikkonċerna d-data ta’ identifikazzjoni u d-data ekonomika relatata mal-attività eżerċitata mill-persuni kkonċernati, sabiex jinġabru l-elementi neċessarji biex jiġu ssodisfatti obbligi legali preċiżi, fosthom il-valorizzazzjoni tas-Sistema integrato delle comunicazioni [(is-Sistema integrata ta’ kommunikazzjoni) (SIK)] u l-verifika tal-limiti [ta’ konċentrazzjoni] fil-qafas tagħha; l-analiżi tas-suq u ta’ eventwali pożizzjonijiet dominanti jew li fi kwalunkwe każ huma ta’ ħsara għall-pluraliżmu; ir-rapport annwali u l-investigazzjonijiet [...], kif ukoll sabiex tippermetti l-aġġornament tal-bażi statistika tal-operaturi fil-qasam tal-komunikazzjoni;

Billi l-Liġi [Nru 178 tat‑30 ta’ Diċembru 2020] tattribwixxi kompetenzi ġodda lill-[AGCOM], billi tagħtiha l-kompitu li tiżgura ‘l-applikazzjoni adegwata u effettiva tar-Regolament [2019/1150], b’mod partikolari bl-adozzjoni ta’ linji gwida, il-promozzjoni ta’ kodiċijiet ta’ kondotta u l-ġbir ta’ informazzjoni rilevanti’;

[Billi], għalhekk, huwa neċessarju li [ċerti] obbligi ta’ komunikazzjoni tal-IES jiġu estiżi għall-fornituri ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni online u ta’ magni tat-tiftix online sabiex kull sena tinġabar informazzjoni rilevanti u jitwettqu l-attivitajiet intiżi sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni adegwata u effettiva tar-Regolament 2019/1150 u l-eżerċizzju tal-funzjonijiet fdati lill- [AGCOM] permezz tal-Liġi [Nru 178 tat‑30 ta’ Diċembru 2020];

[...]”

16      L-Artikolu 1(1) ta’ din id-deċiżjoni emenda l-lista li tinsab fl-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni Nru 397/13 sabiex jestendi l-obbligu li l-IES tintbagħat lill-AGCOM għaż-żewġ kategoriji ta’ persuni li ġejjin:

“[...]

h)      Il-fornituri tas-servizzi ta’ intermedjazzjoni online: persuni fiżiċi jew ġuridiċi li, anki jekk ma humiex stabbiliti jew residenti fit-territorju nazzjonali, jipprovdu jew jipproponu li jipprovdu servizzi ta’ intermedjazzjoni online, kif iddefiniti mir-Regolament 2019/1150, lill-impriżi utenti stabbiliti jew residenti fl-Italja;

i)      Il-fornituri ta’ magni tat-tiftix online: persuni fiżiċi jew ġuridiċi li, anki jekk ma humiex stabbiliti jew residenti fit-territorju nazzjonali, jipprovdu jew jipproponu li jipprovdu magna tat-tiftix online, kif iddefinita mir-Regolament 2019/1150, fil-lingwa Taljana jew lill-utenti stabbiliti jew residenti fl-Italja.

[...]”

 Ilkawża prinċipali u ddomandi preliminari

17      Expedia hija kumpannija bis-sede tagħha f’Seattle (l-Istati Uniti) li tiġġestixxi pjattaformi tal-informatika li jippermettu li jiġu pprovduti servizzi ta’ reżervazzjoni ta’ akkomodazzjoni u ta’ vjaġġi online.

18      Wara l-emendi tal-kuntest ġuridiku nazzjonali li jirriżultaw mil-Liġi Nru 178 tat‑30 ta’ Diċembru 2020 u mid-Deċiżjoni Nru 161/21, adottati mill-awtoritajiet Taljani b’mod partikolari sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni tar-Regolament 2019/1150, Expedia, bħala fornitur ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni online, issa hija suġġetta għall-obbligu li tibgħat l-IES lill-AGCOM, dokument li fih għandha tiddaħħal informazzjoni dwar is-sitwazzjoni ekonomika tal-fornitur.

19      Expedia ippreżentat rikors quddiem it-Tribunale amministrativo regionale per il Lazio (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Lazio, l-Italja), li hija l-qorti tar-rinviju, intiż, b’mod partikolari, għall-annullament tad-Deċiżjoni Nru 161/21.

20      Quddiem dik il-qorti, Expedia ssostni li dik id-deċiżjoni, inkwantu din timponilha l-obbligu li tibgħat l-IES lill-AGCOM, hija kuntrarja għar-Regolament 2019/1150, li huwa att ta’ armonizzazzjoni ispirat mill-prinċipju ta’ proporzjonalità u li għalhekk ma jistax iżid ir-rekwiżiti proċedurali imposti fuq il-fornituri ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni online, irrispettivament minn jekk ikunux stabbiliti fl-Unjoni jew f’pajjiż terz.

21      F’dan ir-rigward, l-imsemmija qorti tfakkar, fl-ewwel lok, li, wara l-adozzjoni tar-Regolament 2019/1150, il-leġiżlatur Taljan, permezz tal-Liġi Nru 178 tat‑30 ta’ Diċembru 2020, emenda l-Liġi Nru 249 tal‑31 ta’ Lulju 1997.

22      Għalhekk, l-AGCOM hija inkarigata li tiżgura l-applikazzjoni tar-Regolament 2019/1150, b’mod partikolari permezz tal-ġbir ta’ informazzjoni (punt (14-bis) tal-Artikolu 1(6)(c) tal-Liġi Nru 249 tal‑31 ta’ Lulju 1997, kif emendata bil-Liġi Nru 178 tat‑30 ta’ Diċembru 2020).

23      Fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju tesponi li, permezz tad-Deċiżjoni Nru 161/21, l-AGCOM emendat id-Deċiżjoni Nru 397/13, sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni l-miżuri adottati mil-leġiżlatur Taljan għall-applikazzjoni tar-Regolament 2019/1150. Konsegwentement, l-obbligu li jintbagħat l-IES lill-AGCOM ġie estiż għall-fornituri ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni online u ta’ magni tat-tiftix online (iktar ’il quddiem il-“fornituri tas-servizzi kkonċernati”) li joffru servizzi fl-Italja.

24      Dik il-qorti tippreċiża li t-trażmissjoni tal-IES kienet inizjalment prevista għall-ħtiġijiet tal-Garante per la radiodiffusione e l’editoria (Garanti għax-Xandir u għall-Pubblikazzjoni, l-Italja), skont dispożizzjonijiet leġiżlattivi li kienu jagħtuh is-setgħa li jadotta miżuri intiżi sabiex tiġi ddeterminata d-data ta’ kontabbiltà u l-informazzjoni l-oħra li ċerti entitajiet kellhom jikkomunikawlu, u li l-kompetenzi ta’ dan il-garanti ġew ittrasferiti lill-AGCOM.

25      L-imsemmija qorti tqis li, permezz tad-Deċiżjoni Nru 161/21, l-AGCOM imponiet fuq il-fornituri tas-servizzi kkonċernati l-obbligu li jittrażmettulha informazzjoni importanti u speċifika dwar is-sitwazzjoni ekonomika tagħhom. Għalhekk, pereżempju, dawn il-fornituri jkunu obbligati jikkomunikaw id-dħul totali minn siti ta’ bejgħ online, l-ammonti miġbura bħala tariffi għall-abbonamenti u bħala spejjeż ta’ reġistrazzjoni, ta’ affiljazzjoni jew ta’ reġistrazzjoni għall-użu tal-pjattaforma ta’ bejgħ online ta’ dawn il-fornituri minn utenti stabbiliti fl-Italja sabiex joffru oġġetti jew servizzi lill-konsumaturi, il-kummissjonijiet fissi u varjabbli imposti fuq il-bejgħ, imwettaq permezz tal-pjattaforma ta’ bejgħ online, ta’ oġġetti jew ta’ servizzi offruti lill-konsumaturi minn impriżi utenti ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni online, fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 2 tar-Regolament 2019/1150 (iktar ’il quddiem l-“utenti kummerċjali”), stabbiliti fl-Italja, il-kummissjonijiet fissi u varjabbli mħallsa mill-utenti kummerċjali stabbiliti fl-Italja għall-bejgħ ta’ oġġetti jew ta’ servizzi offruti lill-konsumaturi permezz tal-pjattaforma ta’ bejgħ online, id-dħul l-ieħor mis-servizzi ta’ intermedjazzjoni, minbarra r-reklamar, ipprovduti lil utenti kummerċjali jew lil utenti oħra għajr lil dawn l-impriżi, stabbiliti fl-Italja u li joffru prodotti jew servizzi lill-konsumaturi permezz tal-pjattaforma ta’ bejgħ online.

26      Il-qorti tar-rinviju tenfasizza li n-nuqqas ta’ trażmissjoni tal-IES lill-AGCOM jew il-komunikazzjoni ta’ data ineżatta huma punibbli bis-sanzjonijiet previsti fl-Artikolu 1(29) u (30) tal-Liġi Nru 249 tal‑31 ta’ Lulju 1997.

27      Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, dik il-qorti tqis li l-obbligu li l-IES tintbagħat lill-AGCOM jista’, f’diversi aspetti, ikun inkompatibbli mar-Regolament 2019/1150.

28      Dik il-qorti tosserva li dan ir-regolament jinkludi dispożizzjonijiet dwar l-istħarriġ tal-applikazzjoni tiegħu u tal-effetti tiegħu. Minn naħa, hija tfakkar li, skont l-Artikolu 15 tiegħu, l-Istati Membri għandhom jiżguraw l-applikazzjoni adegwata u effettiva tal-imsemmi regolament u għandhom jistabbilixxu l-miżuri applikabbli għall-ksur tiegħu, li għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.

29      Min-naħa l-oħra, il-qorti tar-rinviju tiċċita l-Artikolu 16 tar-Regolament 2019/1150, li jipprovdi li, qabel kollox, il-Kummissjoni, b’kollaborazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri, għandha tissorvelja mill-qrib l-effetti tiegħu fuq ir-relazzjonijiet b’mod partikolari bejn is-servizzi ta’ intermedjazzjoni online u l-utenti kummerċjali, sussegwentement, u għal dan l-għan, il-Kummissjoni għandha tiġbor informazzjoni rilevanti sabiex tissorvelja l-iżvilupp ta’ dawn ir-relazzjonijiet, bl-għajnuna tal-Istati Membri li, fuq talba, għandhom jittrażmettulha kull informazzjoni rilevanti miġbura, inkluż fir-rigward ta’ każijiet speċifiċi u, fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tista’ tiġbor informazzjoni mingħand il-fornituri tas-servizzi kkonċernati.

30      Dik il-qorti tqis, konsegwentement, li ma teżisti ebda relazzjoni bejn l-osservanza tal-obbligi previsti mir-Regolament 2019/1150 u l-informazzjoni meħtieġa fl-IES, li tirrigwarda prinċipalment id-dħul tal-fornituri tas-servizzi kkonċernati u ma hijiex rilevanti sabiex tiġi żgurata t-trasparenza u l-ekwità tar-relazzjonijiet bejn dawn il-fornituri u l-utenti kummerċjali. Għaldaqstant, l-imsemmija qorti tqis li, permezz tal-miżuri nazzjonali skont liema l-fornituri tas-servizzi ta’ intermedjazzjoni online issa huma obbligati jibagħtu l-IES lill-AGCOM (iktar ’il quddiem il-“miżuri nazzjonali inkwistjoni”), l-awtoritajiet Taljani introduċew fl-ordinament ġuridiku tagħhom dispożizzjonijiet li jipprevedu kontroll fuq elementi suġġettivi inerenti għal dawn il-fornituri, li huwa totalment differenti mill-kontroll previst minn dan ir-regolament, li jirrigwarda l-osservanza minn dawn tal-aħħar tal-obbligi previsti mill-imsemmi regolament.

31      Hija tippreċiża li, fil-każ li l-obbligu li tintbagħat l-IES lill-AGCOM ikun inkompatibbli mar-Regolament 2019/1150, id-Deċiżjoni Nru 161/21 tkun invalida, inkwantu l-Liġi Nru 178 tat‑30 ta’ Diċembru 2020 tagħti lill-AGCOM il-funzjoni waħdanija li tiżgura l-applikazzjoni adegwata u effettiva ta’ dan ir-regolament.

32      F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunale amministrativo per il Lazio (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Lazio) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Ir-Regolament [2019/1150] u, b’mod partikolari, l-Artikolu 15 tiegħu, kif ukoll il-prinċipju ta’ proporzjonalità, jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru jew miżura adottata minn awtorità nazzjonali indipendenti [...] li tobbliga lill-fornituri ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni online stabbiliti barra mill-pajjiż jippreżentaw dikjarazzjoni li jkun fiha informazzjoni mhux relatata mal-għanijiet tar-regolament?

2)      Fi kwalunkwe każ, l-informazzjoni mitluba permezz tat-trażmissjoni tal-IES [...] tista’ titqies li hija rilevanti u utli għall-[applikazzjoni] adegwata u effettiva tar-Regolament [...] 2019/1150?”

 Fuq lammissibbiltà tattalba għal deċiżjoni preliminari

33      Il-Gvern Taljan għandu dubji dwar l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari, għar-raġuni li ż-żewġ domandi magħmula huma, skont dan il-gvern, kontradittorji, inkwantu l-qorti tar-rinviju, minn naħa, tistqarr, mingħajr ma tispjega r-raġunijiet għal dan, li l-obbligu li jintbagħat l-IES lill-AGCOM huwa estranju għall-applikazzjoni tar-Regolament 2019/1150 u, min-naħa l-oħra, titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja teżamina r-rilevanza u l-utilità tal-informazzjoni li għandha tiddaħħal fl-IES għall-finijiet tal-applikazzjoni korretta ta’ dan ir-regolament, meta dan l-eżami jaqa’, dejjem skont il-Gvern Taljan, taħt il-kompetenza tal-qorti tar-rinviju, b’mod partikolari inkwantu dan jimplika li jsiru evalwazzjonijiet ta’ natura fattwali.

34      Fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li, fil-kuntest tal-proċedura msemmija fl-Artikolu 267 TFUE, ibbażata fuq separazzjoni ċara tal-funzjonijiet bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, kull evalwazzjoni tal-fatti tal-kawża taqa’ taħt il-kompetenza tal-qorti nazzjonali. Madankollu, sabiex tingħatalha risposta utli, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, fi spirtu ta’ kooperazzjoni mal-qrati nazzjonali, tipprovdilha l-indikazzjonijiet kollha li hija tqis li huma neċessarji (sentenza tal‑1 ta’ Lulju 2008, MOTOE, C‑49/07, EU:C:2008:376, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

35      Barra minn hekk, għalkemm ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tinterpreta r-regoli tad-dritt intern ta’ Stat Membru, hija tista’ madankollu tagħti lill-qorti tar-rinviju l-kjarifiki mitluba fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li jistgħu jipprekludu l-imsemmija regoli (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑8 ta’ Novembru 2016, Lesoochranárske zoskupenie VLK, C‑243/15, EU:C:2016:838, punt 64 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tat‑8 ta’ Mejju 2019, Rossato u Conservatorio di Musica F. A. Bonporti, C‑494/17, EU:C:2019:387, punt 29 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

36      Fit-tieni lok, għandu jiġi rrilevat, bħalma għamel l-Avukat Ġenerali fil-punt 80 tal-konklużjonijiet tiegħu, li l-kontradizzjoni invokata mill-Gvern Taljan, kif imsemmija fil-punt 33 ta’ din is-sentenza, tirriżulta mill-fatt li l-qorti tar-rinviju, fl-ewwel domanda tagħha, tindika hija stess li l-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta fl-IES hija, skont l-evalwazzjoni tagħha, estranja għall-għanijiet tar-Regolament 2019/1150, filwaqt li tfittex li ssir taf, permezz tat-tieni domanda tagħha, jekk din l-informazzjoni tistax tkun rilevanti u utli għall-applikazzjoni adegwata u effettiva ta’ dan ir-regolament.

37      Issa, id-dubji tal-Gvern Taljan, relatati kemm mal-limiti tal-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja kif ukoll mal-allegata natura kontradittorja tad-domandi magħmula, jistgħu jiġu eliminati permezz ta’ eżami konġunt tagħhom, li jirrigwarda l-punt dwar jekk ir-Regolament 2019/1150 jipprekludix miżuri nazzjonali bħall-miżuri nazzjonali inkwistjoni.

38      Minn dan isegwi li t-talba għal deċiżjoni preliminari odjerna hija ammissibbli.

 Fuq iddomandi preliminari

39      Permezz tad-domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk ir-Regolament 2019/1150 għandux jiġi interpretat fis-sens li jiġġustifika l-adozzjoni minn Stat Membru ta’ miżuri li abbażi tagħhom, taħt piena ta’ sanzjonijiet, il-fornituri tas-servizzi ta’ intermedjazzjoni online huma suġġetti, sabiex jipprovdu s-servizzi tagħhom f’dan l-Istat Membru, għall-obbligu li jibagħtu perjodikament lil awtorità ta’ dan tal-aħħar dokument dwar is-sitwazzjoni ekonomika tagħhom, li fih għandha tiġi ddettaljata ħafna informazzjoni dwar b’mod partikolari d-dħul li għandhom dawn il-fornituri.

40      Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, skont l-Artikolu 288 TFUE u minħabba n-natura stess tar-regolamenti u tal-funzjoni tagħhom fis-sistema tas-sorsi tad-dritt tal-Unjoni, id-dispożizzjonijiet tar-regolamenti għandhom, bħala regola ġenerali, effett immedjat fl-ordinamenti ġuridiċi nazzjonali, mingħajr il-ħtieġa li jittieħdu miżuri ta’ applikazzjoni mill-awtoritajiet nazzjonali. Madankollu, uħud minn dawn id-dispożizzjonijiet jistgħu jkunu jeħtieġu, għall-implimentazzjoni tagħhom, l-adozzjoni ta’ miżuri ta’ applikazzjoni mill-Istati Membri (sentenza tal‑15 ta’ Ġunju 2021, Facebook Ireland et, C‑645/19, EU:C:2021:483, punt 110 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

41      Sa fejn l-implimentazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet ta’ regolament tirrikjedi dan, l-Istati Membri jistgħu jadottaw miżuri ta’ applikazzjoni tiegħu jekk dawn ma jkunux jostakolaw l-applikabbiltà diretta tiegħu, jekk ma jkunux jaħbu n-natura tiegħu ta’ att ta’ dritt tal-Unjoni u jekk ikunu jippreċiżaw l-eżerċizzju tal-marġni ta’ evalwazzjoni mogħti lilhom mill-imsemmi regolament filwaqt li jibqgħu fil-parametri tad-dispożizzjonijiet tiegħu (sentenza tat‑22 ta’ Jannar 2020, Ursa Major Services, C‑814/18, EU:C:2020:27, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

42      F’dan ir-rigward, huwa b’riferiment għad-dispożizzjonijiet rilevanti tar-regolament ikkonċernat, interpretati fid-dawl tal-għanijiet tiegħu, li għandu jiġi ddeterminat jekk dawn jipprojbixxux, jimponux jew jippermettux lill-Istati Membri jadottaw ċerti miżuri ta’ applikazzjoni u, b’mod partikolari f’din l-aħħar ipoteżi, jekk il-miżura kkonċernata tidħolx fil-kuntest tal-marġni ta’ evalwazzjoni mogħti lil kull Stat Membru (sentenza tat‑22 ta’ Jannar 2020, Ursa Major Services, C‑814/18, EU:C:2020:27, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

43      Mill-ġurisprudenza jirriżulta wkoll li, meta l-Istati Membri jadottaw tali miżuri, huma għandhom josservaw il-prinċipju ta’ proporzjonalità, li huwa impost fuq l-awtoritajiet leġiżlattivi u regolatorji tagħhom meta japplikaw id-dritt tal-Unjoni u jeżiġi li l-mezzi użati minn dispożizzjoni jkunu xierqa sabiex jintlaħaq l-għan previst mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni inkwistjoni u ma jkunux imorru lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ April 2018, Il‑Kummissjoni vs Id‑Danimarka, C‑541/16, EU:C:2018:251, punti 49 u 50 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

44      Għalhekk, sabiex tingħata risposta għad-domandi magħmula, għandu jiġi ddeterminat liema huwa l-għan imfittex mir-Regolament 2019/1150 kif ukoll id-dispożizzjonijiet tiegħu li jagħtu rwol lill-Istati Membri għall-applikazzjoni tiegħu.

45      Fir-rigward, minn naħa, ta’ dan l-għan, mill-premessi 7 u 51 tiegħu jsegwi li dan ir-regolament huwa intiż li jistabbilixxi sett immirat ta’ regoli vinkolanti fuq il-livell tal-Unjoni sabiex jiġi stabbilit ambjent ġust, prevedibbli, sostenibbli u li jispira fiduċja għall-operazzjonijiet kummerċjali online fi ħdan is-suq intern. B’mod partikolari, l-utenti kummerċjali għandhom igawdu minn trasparenza xierqa kif ukoll minn possibbiltajiet ta’ rimedju effettiv fl-Unjoni kollha, sabiex jiġu ffaċilitati l-attivitajiet kummerċjali transkonfinali fi ħdan l-Unjoni u, għaldaqstant, il-funzjonament tajjeb tas-suq intern.

46      L-Artikolu 1(1) tal-imsemmi regolament jippreċiża li dan jikkontribwixxi għall-funzjonament tajjeb tal-imsemmi suq billi jistabbilixxi r-regoli li huma intiżi li jiżguraw li l-utenti kummerċjali u l-utenti ta’ siti web korporattivi fir-rigward tal-magni tat-tiftix online jgawdu minn trasparenza xierqa, minn ekwità u minn possibbiltajiet ta’ rimedju effettiv.

47      F’dan il-kuntest, bħalma rrileva l-Avukat Ġenerali, essenzjalment, fil-punt 100 tal-konklużjonijiet tiegħu, ir-Regolament 2019/1150 jimponi fuq il-fornituri tas-servizzi kkonċernati obbligi speċifiċi dwar it-trasparenza kif ukoll l-ekwità tal-kundizzjonijiet applikati għall-utenti kummerċjali u jipprevedi dispożizzjonijiet dwar is-soluzzjoni ekstraġudizzjarja u ġudizzjarja ta’ tilwim bejn tali fornituri u l-utenti kummerċjali.

48      Fir-rigward, min-naħa l-oħra, tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament 2019/1150 li jattribwixxu rwol lill-Istati Membri għall-applikazzjoni tagħhom, għandu jitfakkar, fl-ewwel lok, li, skont l-Artikolu 15(1) ta’ dan ir-regolament, kull “Stat Membru għandu jiżgura infurzar adegwat u effettiv” tal-imsemmi regolament. Il-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu 15 jispeċifika li l-“L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli li jistipulaw il-miżuri applikabbli għall-ksur [tal-istess regolament] u għandhom jiżguraw li dawn jiġu implimentati” u li dawn il-miżuri “għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi”.

49      L-imsemmi Artikolu 15 għandu jinqara fid-dawl tal-premessa 46 tar-Regolament 2019/1150, skont liema, b’mod partikolari, “Jenħtieġ li l-Istati Membri jkollhom l-opzjoni li jinkarigaw l-awtoritajiet eżistenti, inkluż il-qrati, bl-infurzar ta dan ir-Regolament”, filwaqt li huwa ppreċiżat, madankollu, li “Jenħtieġ li dan ir-Regolament ma jobbligax lill-Istati Membri jipprevedu infurzar ex officio jew li jimponu multi”.

50      Fit-tieni lok, l-Artikolu 16 tar-Regolament 2019/1150 jistipula b’mod partikolari li l-“Kummissjoni, fkooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri, għandha timmonitorja mill-qrib l-impatt ta dan ir-Regolament fuq ir-relazzjonijiet bejn is-servizzi tal-intermedjazzjoni online u l-utenti kummerċjali tagħhom”. Għal dan l-għan, “il-Kummissjoni għandha tiġbor informazzjoni rilevanti biex timmonitorja l-bidliet fdawn ir-relazzjonijiet”. Fir-rigward tal-Istati Membri, dan l-Artikolu 16 jipprevedi li huma “għandhom jassistu lill-Kummissjoni billi jipprovdu, fuq talba, kwalunkwe informazzjoni rilevanti miġbura inkluż dwar każijiet speċifiċi”. Barra minn hekk, “Il-Kummissjoni tista […] tfittex li tiġbor informazzjoni mingħand il-fornituri tas-servizzi tal-intermedjazzjoni online”.

51      Fit-tielet lok, l-Artikolu 18(3) tar-Regolament 2019/1150 jippreċiża li l-“Istati Membri għandhom jipprovdu [lill-Kummissjoni] kwalunkwe informazzjoni rilevanti li jkollhom li tintalab [minnha] bl-iskop li jitfassal ir-rapport” u li din l-istituzzjoni hija obbligata tistabbilixxi perjodikament fil-kuntest tar-reviżjoni tal-imsemmi regolament previst fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu 18.

52      L-ewwel, mill-punti 50 u 51 ta’ din is-sentenza jirriżulta li l-informazzjoni li l-Istati Membri jistgħu jintalbu jipprovdu lill-Kummissjoni skont l-Artikoli 16 u 18 tar-Regolament 2019/1150 għandha tkun rilevanti sabiex tippermetti lil dik l-istituzzjoni tissorvelja l-iżvilupp tar-relazzjonijiet b’mod partikolari bejn il-fornituri ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni online u l-utenti kummerċjali jew sabiex tfassal rapporti dwar l-evalwazzjoni ta’ dan ir-regolament.

53      Peress li, bħalma jirriżulta mill-punti 45 sa 47 ta’ din is-sentenza, ir-Regolament 2019/1150 għandu l-għan li jistabbilixxi ambjent ġust, prevedibbli, sostenibbli u li jispira fiduċja għall-operazzjonijiet kummerċjali online fi ħdan is-suq intern, li fih l-utenti kummerċjali jibbenefikaw minn trasparenza xierqa, minn ekwità u minn possibbiltajiet ta’ rimedju effikaċi, l-informazzjoni miġbura mill-awtoritajiet nazzjonali tista’ tiġi kklassifikata bħala “rilevanti”, fis-sens tal-Artikoli 16 u 18 ta’ dan ir-regolament, biss jekk din ikollha rabta suffiċjentement diretta ma’ dan l-għan.

54      Min-naħa l-oħra, bħalma rrileva, essenzjalment, l-Avukat Ġenerali fil-punti 113 u 114 tal-konklużjonijiet tiegħu, Stat Membru ma jistax, abbażi tal-applikazzjoni tar-Regolament 2019/1150, jiġbor informazzjoni magħżula b’mod arbitrarju minħabba li din tista’ tintalab sussegwentement mill-Kummissjoni fl-eżerċizzju tal-missjoni tagħha ta’ monitoraġġ u ta’ eżami mill-ġdid ta’ dan ir-regolament. Fil-fatt, il-possibbiltà li tinġabar informazzjoni taħt tali pretest tippermetti lil Stat Membru jevita r-rekwiżiti li jirriżultaw mill-prinċipji mfakkra fil-punti 41 sa 43 ta’ din is-sentenza fir-rigward tal-adozzjoni mill-Istati Membri ta’ miżuri ta’ applikazzjoni ta’ regolament. Barra minn hekk, ir-Regolament 2019/1150 ma jimponix fuq l-Istati Membri l-obbligu li jiġbru, fuq inizjattiva tagħhom stess, l-informazzjoni li l-Kummissjoni jista’ jkollha bżonn sabiex twettaq il-kompiti tagħha, liema informazzjoni għandha tiġi ppreżentata biss “fuq talba” ta’ dik l-istituzzjoni li, barra minn hekk, tista’ tfittex li tiġbor informazzjoni direttament mingħand il-fornituri ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni online.

55      It-tieni, meta Stat Membru jafda lil awtorità amministrattiva l-kompitu li tissorvelja, konformement mal-Artikolu 15 tar-Regolament 2019/1150, l-applikazzjoni ta’ dan tal-aħħar, l-informazzjoni li din l-awtorità tista’ tiġbor, fl-eżerċizzju ta’ din il-funzjoni, hija xierqa sabiex jintlaħaq l-għan ta’ dan ir-regolament biss jekk din ikollha rabta suffiċjentement diretta miegħu.

56      F’dan ir-rigward, bħalma rrileva l-Avukat Ġenerali, essenzjalment, fil-punti 121 sa 123 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-informazzjoni dwar is-sitwazzjoni ekonomika tal-fornituri ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni online ma għandhiex rabta suffiċjentement diretta mal-għan tar-Regolament 2019/1150, kif imfakkar fil-punti 45 sa 47 ta’ din is-sentenza. Fil-fatt, l-informazzjoni meħtieġa mill-fornituri ta’ dawn is-servizzi abbażi tar-Regolament 2019/1150 għandha tikkonċerna l-kundizzjonijiet tas-servizz ipprovdut, sabiex, b’mod partikolari, tippermetti lill-awtoritajiet kompetenti jkunu jafu u jevalwaw in-natura ekwa tal-kundizzjonijiet kuntrattwali stabbiliti minn dawn il-fornituri lill-utenti kummerċjali fi ħdan l-Unjoni. Issa, ir-rabta bejn, minn naħa, is-sitwazzjoni ekonomika ta’ fornitur ta’ tali servizzi u, min-naħa l-oħra, il-modalitajiet li fil-kuntest tagħhom dawn is-servizzi huma pprovduti għall-benefiċċju tal-utenti kummerċjali, jekk jitqies li teżisti, tista’ tkun biss indiretta. Għaldaqstant, fid-dawl ta’ dan ir-regolament, il-verifika tal-veraċità tal-informazzjoni dwar din is-sitwazzjoni ekonomika, invokata mill-Gvern Taljan, ma hijiex rilevanti. Fir-rigward tal-iskoperta ta’ eventwali “distorsjoni tal-kompetizzjoni”, li għaliha jirreferi wkoll dan il-gvern, din ma taqax taħt l-għan tal-imsemmi regolament, peress li dan tal-aħħar huwa bla ħsara għad-dritt tal-Unjoni applikabbli fil-qasam tal-kompetizzjoni, bħalma jippreċiża l-Artikolu 1(5) tiegħu.

57      Għalhekk, fid-dawl tal-elementi li jikkonċernaw il-kontenut tal-IES ipprovduti bħala eżempju mill-qorti tar-rinviju, kif imsemmija fil-punt 25 ta’ din is-sentenza, jidher, bħalma rrileva essenzjalment l-Avukat Ġenerali fil-punti 125 sa 128 tal-konklużjonijiet tiegħu, li l-implimentazzjoni tar-Regolament 2019/1150 ma tiġġustifikax miżuri bħall-miżuri nazzjonali inkwistjoni.

58      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta għad-domandi magħmula għandha tkun li r-Regolament 2019/1150 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jiġġustifikax, fid-dawl tal-applikazzjoni adegwata u effettiva ta’ dan ir-regolament, l-adozzjoni minn Stat Membru ta’ miżuri li abbażi tagħhom, taħt piena ta’ sanzjonijiet, il-fornituri ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni online huma suġġetti, sabiex jipprovdu s-servizzi tagħhom f’dan l-Istat Membru, għall-obbligu li jibagħtu perjodikament lil awtorità ta’ dan tal-aħħar dokument dwar is-sitwazzjoni ekonomika tagħhom, li fih għandha tiġi ddettaljata ħafna informazzjoni dwar b’mod partikolari d-dħul li għandhom dawn il-fornituri.

 Fuq lispejjeż

59      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

Ir-Regolament (UE) 2019/1150 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal20 ta’ Ġunju 2019 dwar il-promozzjoni tal-korrettezza u tat-trasparenza għall-utenti kummerċjali tas-servizzi tal-intermedjazzjoni online,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

ma jiġġustifikax, fid-dawl tal-applikazzjoni adegwata u effettiva ta’ dan ir-regolament, l-adozzjoni minn Stat Membru ta’ miżuri li abbażi tagħhom, taħt piena ta’ sanzjonijiet, il-fornituri ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni online huma suġġetti, sabiex jipprovdu s-servizzi tagħhom f’dan l-Istat Membru, għall-obbligu li jibagħtu perjodikament lil awtorità ta’ dan tal-aħħar dokument dwar is-sitwazzjoni ekonomika tagħhom, li fih għandha tiġi ddettaljata ħafna informazzjoni dwar b’mod partikolari d-dħul li għandhom dawn il-fornituri.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: it-Taljan.