Language of document : ECLI:EU:T:2015:516

Kawża T‑418/10

voestalpine AG

u

voestalpine Wire Rod Austria GmbH

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Kompetizzjoni — Akkordji — Suq Ewropew tal-azzar għall-prestressing — Iffissar ta’ prezzijiet, qsim tas-suq u skambju ta’ informazzjoni kummerċjali sensittiva — Ksur uniku, kumpless u kontinwu — Kuntratt ta’ aġenzija — Imputabbiltà lill-prinċipal tal-aġir li jikkostitwixxi ksur tal-aġent — Assenza ta’ għarfien mill-prinċipal tal-aġir li jikkostitwixxi ksur tal-aġent — Parteċipazzjoni f’komponent tal-ksur u għarfien tal-pjan globali — Linji gwida dwar il-kalkolu tal-multi tal-2006 — Proporzjonalità — Prinċipju ta’ individwalità tal-pieni u tas-sanzjonijiet — Ġurisdizzjoni sħiħa”

Sommarju — Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Is-Sitt Awla) tal-15 ta’ Lulju 2015

1.      Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata ksur — Prova tal-ksur u tat-tul tiegħu li għandha tiġi prodotta mill-Kummissjoni — Portata tal-oneru probatorju — Grad ta’ preċiżjoni mitlub mill-provi meqjusa mill-Kummissjoni — Sensiela ta’ indizji — Stħarriġ ġudizzjarju — Portata — Deċiżjoni li tħalli dubju f’għajnejn il-qorti — Osservanza tal-prinċipju ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza

(Artikolu 101 TFUE; Ftehim ŻEE, Artikolu 53; Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea Artikolu 48(1); Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 2)

2.      Akkordji — Projbizzjoni — Ksur — Ftehimiet u prattiki miftiehma li jikkostitwixxu ksur uniku — Imputazzjoni ta’ responsabbiltà lil impriża għall-ksur kollu minkejja r-rwol limitat tagħha — Ammissibbiltà — Teħid inkunsiderazzjoni meta tiġi evalwata l-gravità tal-ksur u meta jiġi ddeterminat l-ammont tal-multa

(Artikolu 101 TFUE; Ftehim ŻEE, Artikolu 53)

3.      Akkordji — Parteċipazzjoni f’laqgħat li għandhom skop antikompetittiv — Ċirkustanza li tippermetti, fl-assenza ta’ tbegħid mid-deċiżjonijiet meħuda, li jiġi konkluż li l-impriża pparteċipat fl-akkordju sussegwenti — Aġir diverġenti minn dak miftiehem fl-akkordju — Assenza ta’ effett — Osservanza mill-Kummissjoni tal-garanziji proċedurali — Stħarriġ ġudizzjarju

(Artikolu 101 TFUE; Ftehim ŻEE, Artikolu 53)

4.      Kompetizzjoni — Regoli tal-Unjoni — Ksur — Imputazzjoni — Impriża — Kunċett — Unità ekonomika — Kumpanniji li għandhom relazzjoni vertikali — Kumpanniji marbuta b’kuntratt ta’ aġenzija — Kriterji ta’ evalwazzjoni

(Artikolu 101 TFUE; Ftehim ŻEE, Artikolu 53)

5.      Kompetizzjoni — Regoli tal-Unjoni — Ksur — Imputazzjoni — Impriża — Kunċett — Unità ekonomika — Kumpanniji marbuta b’kuntratt ta’ aġenzija — Kriterji ta’ evalwazzjoni — Teħid ta’ responsabbiltà mill-intermedjarju għal riskju ekonomiku

(Artikolu 101 TFUE; Ftehim ŻEE, Artikolu 53; Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2000/C 291/01)

6.      Kompetizzjoni — Regoli tal-Unjoni — Ksur — Imputazzjoni — Impriża — Kunċett — Unità ekonomika — Kumpanniji marbuta b’kuntratt ta’ aġenzija — Aġent li jaġixxi f’isem żewġ parteċipanti f’akkordju — Kriterji ta' evalwazzjoni — Riskju ekonomiku

(Artikolu 101 TFUE; Ftehim ŻEE, Artikolu 53)

7.      Kompetizzjoni — Regoli tal-Unjoni — Ksur — Imputazzjoni — Impriża — Kunċett — Unità ekonomika — Kumpanniji marbuta b’kuntratt ta’ aġenzija — Kriterji ta’ evalwazzjoni — Assenza ta’ għarfien min-naħa tal-prinċipal tal-aġir antikompetittiv tal-aġent — Assenza ta’ effett

(Artikolu 101 TFUE; Ftehim ŻEE, Artikolu 53)

8.      Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Iffissar tal-ammont bażiku — Gravità tal-ksur — Kriterji ta’ evalwazzjoni — Marġni diskrezzjonali rriżervat għall-Kummissjoni — Limiti — Osservanza tal-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ individwalità tal-pieni u tas-sanzjonijiet

(Artikolu 101 TFUE; Ftehim ŻEE, Artikolu 53; Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 49(3); Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(2) u (3); Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2006/C 210/02)

9.      Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Metodu ta’ kalkolu indikat mil-Linji gwida adottati mill-Kummissjoni — Individwalizzazzjoni tal-piena f’diversi stadji tad-determinazzjoni tal-ammont

(Artikolu 101 TFUE; Ftehim ŻEE, Artikolu 53; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(2); Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2006/C 210/02, punti 22, 27, 29, 36 u 37)

10.    Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni — Stħarriġ ġudizzjarju — Ġurisdizzjoni sħiħa — Effett — Sottomissjoni għal-Linji gwida dwar il-kalkolu tal-multi — Esklużjoni — Ċirkustanzi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni

(Artikolu 229 KE; Ftehim ŻEE, Artikolu 53; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 31; Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2006/C 210/02)

1.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 116-118)

2.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 119-124)

3.      Sabiex tiġi pprovata b’mod suffiċjenti l-parteċipazzjoni ta’ impriża f’akkordju antikompetittiv, huwa biżżejjed li l-Kummissjoni turi li l-impriża kkonċernata pparteċipat f’laqgħat li matulhom ġew konklużi ftehimiet ta’ natura antikompetittiva, mingħajr ma kienet opponiet għalihom b’mod manifest. Meta tkun stabbilita l-parteċipazzjoni f’tali laqgħat, hija din l-impriża li għandha tressaq indizji ta’ natura li jistabbilixxu li l-parteċipazzjoni tagħha fl-imsemmija laqgħat kienet nieqsa minn kull inklinazzjoni antikompetittiva billi turi li hija kienet indikat lill-kompetituri tagħha li hija kienet qiegħda tipparteċipa f’dawn il-laqgħat b’perspettiva differenti minn tagħhom. Barra minn hekk, il-fatt li impriża ma tiħux azzjoni b’reazzjoni għall-eżitu ta’ laqgħa li kellha għan antikompetittiv ma huwiex ta’ natura li jeżentaha mir-responsabbiltà tagħha għall-fatt li pparteċipat f’akkordju sakemm ma titbiegħedx pubblikament mill-kontenut ta’ din il-laqgħa. Il-fatt li impriża ma tkunx ipparteċipat fl-elementi kollha li jikkostitwixxu akkordju jew li kellha rwol minuri fl-aspetti li fihom ipparteċipat huma rilevanti biss meta tkun qiegħda tiġi evalwata l-gravità tal-ksur u, jekk ikun il-każ, meta jkun qiegħed jiġi ddeterminat l-ammont tal-multa. F’dan ir-rigward, meta r-responsabbiltà ta’ impriżi għal aġir antikompetittiv tirriżulta, skont il-Kummissjoni, mill-parteċipazzjoni tagħhom f’laqgħat li kellhom tali aġir bħala s-suġġett tagħhom, il-qorti tal-Unjoni għandha tivverifika li dawn l-impriżi kellhom l-opportunità, kemm matul il-proċedura amministrattiva u kemm quddiemha, li jirribattu l-konklużjonijiet li kienu misluta f’dan ir-rigward u, jekk ikun il-każ, li jistabbilixxu ċirkustanzi li jixħtu dawl differenti fuq il-fatti stabbiliti mill-Kummissjoni u li jippermettu li l-ispjegazzjoni tal-fatti magħmula minn din l-istituzzjoni tiġi ssostitwita bi spjegazzjoni oħra.

(ara l-punti 125, 127, 128)

4.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 134-139)

5.      Għall-finijiet tad-determinazzjoni, fil-qasam tad-dritt tal-kompetizzjoni, tal-eżistenza ta’ unità ekonomika bejn żewġ kumpanniji li jkollhom relazzjoni vertikali, bħal dik bejn prinċipal u l-aġent jew l-intermedjarju tiegħu, żewġ elementi ġew ikkunsidrati bħala parametri ta’ referenza prinċipali: minn naħa, jekk l-intermedjarju jkunx responsabbli għal riskju ekonomiku u, min-naħa l-oħra, jekk is-servizzi pprovduti mill-intermedjarju jkunux esklużivi.

F’dan ir-rigward, fir-rigward tat-teħid ta’ responsabbiltà għar-riskju ekonomiku, intermedjarju ma jistax jitqies li kien organu awżiljarju integrat fl-impriża tal-prinċipal meta l-ftehim li jkollu ma’ dan tal-aħħar jagħtih jew iħallilu funzjonijiet li ekonomikament ikunu simili għal dawk ta’ negozjant indipendenti, minħabba li dan il-ftehim jipprevedi t-teħid ta’ responsabbiltà, mill-intermedjarju, tar-riskji finanzjarji marbuta mal-bejgħ jew mal-eżekuzzjoni tal-kuntratti konklużi ma’ terzi. B’hekk, fir-rigward ta’ kuntratt li għandu jitqies li huwa kuntratt ta’ aġenzija fis-sens tal-punt 12 tal-Linji gwida dwar ir-restrizzjonijiet vertikali, li fil-kuntest tiegħu l-aġent jieħu responsabbiltà biss għal spejjeż aċċessorji mingħajr ma jkun espost għal riskju ekonomiku għajr wieħed negliġibbli, dan tal-aħħar ma jkunx qiegħed jassumi funzjonijiet li ekonomikament ikunu simili għal dawk ta’ negozjant indipendenti.

(ara l-punti 139, 140, 145, 147, 148)

6.      Fil-qasam tad-dritt tal-kompetizzjoni, l-eżistenza ta’ unità ekonomika bejn prinċipal u l-aġent tiegħu għandha tiġi evalwata fuq il-bażi ta’ żewġ parametri ta’ referenza prinċipali: minn naħa, jekk l-intermedjarju jkunx responsabbli għal riskju ekonomiku u, min-naħa l-oħra, jekk is-servizzi pprovduti mill-intermedjarju jkunux esklużivi.

F’dan ir-rigward, fir-rigward tan-natura esklużiva tas-servizzi pprovduti mill-intermedjarju, ma jimmilitax favur l-idea ta’ unità ekonomika l-fatt li, fl-istess ħin mal-attivitajiet eżerċitati fl-interess tal-prinċipal, l-intermedjarju jwettaq, bħala negozjant indipendenti, tranżazzjonijiet b’portata kunsiderevoli fis-suq tal-prodott jew tas-servizz inkwistjoni. Madankollu, meta aġent jaġixxi fl-isem ta’ żewġ parteċipanti f’akkordju, mingħajr ma jkun attiv personalment fis-suq ikkonċernat, huwa meħtieġ li jkun magħruf, sabiex tiġi ddeterminata l-eżistenza ta’ unità ekonomika bejn l-aġent u wieħed mill-prinċipali tiegħu, jekk dan l-aġent jistax, fir-rigward tal-attivitajiet li ġew fdati lilu minn dan il-prinċipal, jaġixxi bħala negozjant indipendenti liberu li jiddetermina l-istrateġija kummerċjali tiegħu stess. Jekk l-aġent ma jkunx jista’ jaġixxi bħala tali, il-funzjonijiet eżerċitati minnu fl-interess tal-imsemmi prinċipal jkunu jagħmlu parti integrali mill-attivitajiet tal-prinċipal.

B’hekk, fil-każ ta’ rappreżentanza doppja, l-element deċiżiv sabiex tiġi ddeterminata l-eżistenza ta’ unità ekonomika jinsab fl-evalwazzjoni tar-riskji finanzjarji marbuta mal-bejgħ jew mal-eżekuzzjoni tal-kuntratti konklużi ma’ terzi. Jekk il-kuntratt ta’ aġenzija konkluż ma’ waħda mil-kumpanniji rrappreżentati ma jagħtix lill-aġent il-possibbiltà li jaġixxi, fis-sens tad-dritt tal-kompetizzjoni, bħala negozjant indipendenti fir-rigward tal-attivitajiet li għalihom inħatar bħala aġent, ir-rappreżentanza doppja ma hijiex ta’ natura li tegħleb il-konklużjoni li l-aġent jopera de facto bħala organu awżiljarju u jikkostitwixxi, għalhekk, entità ekonomika unika ma’ din l-impriża. Fil-fatt, l-aġent jista’ jitqies li jikkostitwixxi, fl-istess ħin, unità ekonomika kemm ma’ parteċipant fl-akkordju wieħed u kemm mal-ieħor. Meta r-rappreżentanza doppja tippermettilu li jkollu aċċess għal informazzjoni kummerċjalment sensittiva li toriġina minn żewġ sorsi, din il-karatteristika partikolari tikkostitwixxi fattur li jtejjeb il-koordinazzjoni fil-kuntest tal-akkordju.

(ara l-punti 139, 141, 149, 151-153, 155, 158, 160, 161, 163)

7.      Fil-qasam tad-dritt tal-kompetizzjoni, meta aġent jaġixxi f’isem u fl-interess tal-prinċipal mingħajr ma jassumi r-riskju ekonomiku tal-attivitajiet li kienu fdati lilu, l-aġir antikompetittiv ta’ dan l-aġent fil-kuntest ta’ dawn l-attivitajiet jista’ jiġi imputat lill-prinċipal, bħalma jista’ jsir fir-rigward ta’ persuna li timpjega għall-atti sanzjonabbli ta’ wieħed mill-impjegati tagħha, u dan anki mingħajr prova tal-għarfien min-naħa tal-prinċipal tal-aġir antikompetittiv tal-aġent. Fil-fatt, fid-dawl tal-kuntratt ta’ aġenzija, u bħal fil-każ ta’ sussidjarja kkontrollata 100 % jew kważi 100 % mill-kumpannija parent tagħha jew fil-każ ta’ impjegat li jaġixxi fl-interess tal-persuna li timpjegah, l-aġent huwa meqjus li jaġixxi fl-interess tal-prinċipal u jifforma entità waħda miegħu.

(ara l-punti 175, 394)

8.      Mill-Artikolu 49(3) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea jirriżulta li l-intensità tal-pieni ma għandhiex tkun sproporzjonata fil-konfront tal-ksur.

F’dan ir-rigward, meta jiġi ddeterminat l-ammont tal-multi imposti minħabba ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-elementi kollha ta’ natura li jagħmlu parti mill-evalwazzjoni tal-gravità tal-ftehimiet u tal-prattiki ddikjarati inkompatibbli mas-suq intern mill-Artikolu 101(1) TFUE u mill-Artikolu 53(1) tal-Ftehim ŻEE, bħalma huma, b’mod partikolari, ir-rwol li kellha kull waħda mill-partijiet fil-ksur u r-riskju li ksur ta’ dan it-tip jirrappreżenta għall-għanijiet tal-Unjoni. Bl-istess mod, il-fatt li impriża ma tkunx ipparteċipat fil-komponenti kollha ta’ akkordju jew li hija kellha rwol minuri fl-aspetti li fihom tkun ipparteċipat għandu jittieħed inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur u, jekk ikun il-każ, fid-determinazzjoni tal-multa. Meta jkun hemm b’mod partikolari ksur uniku, fis-sens ta’ ksur kumpless, li jiġbor fih grupp sħiħ ta’ ftehimiet u ta’ prattiki miftiehma fi swieq differenti li fihom l-impriżi li wettqu l-ksur ma jkunux preżenti kollha jew jista’ jkollhom biss għarfien parzjali tal-pjan globali, is-sanzjonijiet għandhom jiġu individwalizzati, fis-sens li għandhom ikunu marbuta mal-aġir u mal-karatteristiċi speċifiċi tal-impriżi kkonċernati. F’dan il-kuntest, il-prinċipju ta’ proporzjonalità jimplika li l-multa għandha tiġi ffissata b’mod proporzjonali għall-elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni kemm sabiex tiġi evalwata l-gravità oġġettiva tal-ksur, bħala tali, u kemm sabiex tiġi evalwata l-gravità relattiva tal-parteċipazzjoni fil-ksur mill-impriża ssanzjonata. B’hekk, fir-rigward ta’ sanzjoni imposta għal ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni dwar l-akkordji, il-Kummissjoni għandha tiżgura li tindividwalizza l-pieni fir-rigward tal-ksur billi tieħu inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni partikolari ta’ kull impriża li wettqet il-ksur. F’dan ir-rigward, impriża li wettqet il-ksur li ma tinżammx responsabbli għal ċerti aspetti ta’ ksur uniku ma setax ikollha rwol fl-implementazzjoni tal-imsemmija aspetti. Minħabba l-portata limitata tal-ksur ikkonstatat fir-rigward tagħha, il-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni jkun neċessarjament inqas gravi minn dak imputat lill-impriżi li wettqu l-ksur u li jkunu pparteċipaw fl-aspetti kollha tal-ksur.

Għaldaqstant, il-prinċipju ta’ proporzjonalità jirrikjedi b’mod partikolari li l-Kummissjoni tieħu inkunsiderazzjoni, fil-kalkolu tal-ammont tal-multa, il-fatt li impriża, permezz ta’ aġent, ipparteċipat biss f’aspett wieħed ta’ ksur uniku u li, fir-rigward ta’ dan l-aspett, ma jistax jitqies, fl-assenza ta’ parteċipazzjoni fil-livell Ewropew tal-akkordju globali, li kemm l-għan u kemm l-effetti ta’ din il‑parteċipazzjoni setgħu jmorru lil hinn mit-territorju ta’ Stat Membru wieħed. Meta tali impriża tkun suġġetta għal multa identika għal dik li għaliha kienet tkun suġġetta li kieku kienet imputata lilha parteċipazzjoni fl-aspetti kollha tal-ksur uniku, id-deċiżjoni tal-Kummissjoni jkollha tiġi annullata minħabba li tkun naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni n-natura partikolari tas-sitwazzjoni tal-impriża kkonċernata. F’dan ir-rigward, is-sempliċi fatt li din l-impriża seta’ kellha għarfien tad-dimensjoni pan-Ewropea tal-akkordju globali, meta tali għarfien ma jkunx ġie stabbilit, ma jistax ikun biżżejjed sabiex jittieħed inkunsiderazzjoni, għall-finijiet tal-kalkolu tal-multa, il-valur tal-bejgħ imwettaq f’dawn is-swieq, peress li fir-rigward tagħhom ma huwiex stabbilit li l-imsemmija impriża kellha aġir antikompetittiv.

(ara l-punti 408, 411-415, 437, 442-447)

9.      Fir-rigward ta’ sanzjoni imposta għal ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni dwar l-akkordji, il-Kummissjoni għandha tiżgura li tindividwalizza l-pieni fir-rigward tal-ksur billi tieħu inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni partikolari ta’ kull impriża li wettqet il-ksur. Fil-prattika, l-individwalizzazzjoni tal-piena fir-rigward tal-ksur tista’ titwettaq f’diversi stadji tad-determinazzjoni tal-ammont tal-multa.

L-ewwel nett, il-Kummissjoni tista’ tirrikonoxxi n-natura partikolari tal-parteċipazzjoni ta’ impriża fil-ksur fl-istadju tal-evalwazzjoni tal-gravità oġġettiva tal-ksur uniku, fis-sens tal-punt 22 tal-Linji gwida dwar il-kalkolu tal-multi imposti skont l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament Nru 1/2003.

It-tieni nett, il-Kummissjoni tista’ tirrikonoxxi l-imsemmija natura partikolari fl-istadju tal-evalwazzjoni taċ-ċirkustanzi attenwanti msemmija fil-punt 29 tal-Linji gwida fil-kuntest tal-evalwazzjoni global taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha (ara l-punt 27 tal-imsemmija linji gwida).

It-tielet nett, il-Kummissjoni tista’ tirrikonoxxi din in-natura partikolari fi stadju ulterjuri għal dak tal-evalwazzjoni tal-gravità oġġettiva tal-ksur jew taċ-ċirkustanzi attenwanti invokati mill-impriżi kkonċernati. F’dan is-sens, il-punt 36 tal-Linji gwida jindika li l-Kummissjoni tista’, f’ċerti każijiet, timponi multa simbolika u li hija tista’ wkoll, kif indikat fil-punt 37 ta’ dawn il-linji gwida, ma timxix mal-metodoloġija ġenerali esposta fir-rigward tal-iffissar tal-multi, fid-dawl b’mod partikolari tal-karatteristiċi partikolari ta’ każ individwali.

(ara l-punti 415-417, 420, 423)

10.    Fil-qasam tad-dritt tal-kompetizzjoni, il-ġurisdizzjoni sħiħa mogħtija, skont l-Artikolu 229 KE, lill-qorti tal-Unjoni mill-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1/2003 tawtorizza lil din tal-aħħar, lil hinn minn sempliċi stħarriġ tal-legalità tas-sanzjoni, li jippermetti biss li jiġi miċħud ir-rikors għal annullament jew li jiġi annullat l-att ikkontestat, tissostitwixxi l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni bl-evalwazzjoni tagħha u, b’hekk, tibdel l-att ikkontestat, anki jekk ma tannullahx, fid-dawl taċ‑ċirkustanzi fattwali kollha, billi tibdel b’mod partikolari l-multa imposta meta l-kwistjoni tal-ammont tagħha tkun suġġetta għall-evalwazzjoni tagħha.

F’dan ir-rigward, min-natura tiegħu, l-iffissar ta’ multa mill-qorti tal-Unjoni ma huwiex eżerċizzju aritmetiku preċiż. Barra minn hekk, il-qorti tal-Unjoni ma hijiex marbuta mill-kalkoli tal-Kummissjoni u lanqas mil-Linji gwida tagħha meta tiddeċiedi bis-saħħa tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, iżda għandha twettaq l-evalwazzjoni tagħha stess, filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha tal-każ ineżami.

F’dan il-kuntest, il-qorti tal-Unjoni tieħu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, in-natura tar-restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni inkwistjoni, fejn l-attribuzzjoni ta’ kwoti u l-iffissar tal-prezzijiet huma fost l-iktar restrizzjonijiet gravi. Barra minn hekk, jekk ikun il-każ, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-karatteristiċi partikolari, bħalma huma l-fatt li l-impriża kkonċernata tkun ipparteċipat biss f’aspett limit għat-territorju ta’ Stat Membru wieħed ta’ ksur uniku fil-livell pan-Ewropew kif ukoll il-fatt li l-parteċipazzjoni ta’ din l-impriża fil-ksur kienet dovuta fuq kollox għal intermedjarju, meta l-għarfien min-naħa tal-impriża tal-aġir tal-aġent tagħha ma jkunx ġiet stabbilit.

(ara l-punti 450-453, 462-465)