Language of document :

Rikors ippreżentat fl-14 ta' Settembru 2010 - Ori Martin vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-419/10)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Partijiet

Rikorrenti: Ori Martin SA (Lussemburgu, il-Lussemburgu) (rappreżentant: P. Ziotti, avukat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni Europea C(2010)4387 finali tat-30 ta' Ġunju 2010 dwar proċedura skont l-Artikolu 101 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/38.344 - Azzar għall-prestressing), fil-parti fejn din iżżommha responsabili għall-imġieba kkundanata;

tannulla jew tnaqqas il-multa imposta skont l-Artikolu 2 tal-imsemmija deċiżjoni.

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Id-deċiżjoni kkontestata f'din il-kawża hija l-istess tal-Kawża T-385/10 ArcelorMittal Wire France et vs Il-Kummissjoni.

Ir-rikorrenti ssostni illi d-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea tat-30 ta' Ġunju 2010 C(2010) 4387 finali hija illegali inkwantu tattribwilha responsabbiltà sempliċement għaliex għandha l-proprjetà (kważi) totalitarja tal-kumpannija li lilha ġie attribwit l-allegat aġir kollusiv sanzjonat skont l-Artikolu 101 TFUE.

B'mod partikolari, ir-rikorrenti ssostni:

Il-ksur tal-Artikolu 25(1(b) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003, inkwantu s-setgħa tal-Kummissjoni li timponi multa kienet preskritta fil-każ inkwistjoni.

Il-ksur tal-Artikolu 101 TFUE, kif ukoll tal-prinċipji tan-natura personali tar-responsabbiltà u tal-pieni, ta' amministrazzjoni tajba u ta' nondiskriminazzjoni, inkwantu l-Kummissjoni timponi fuq ir-rikorrenti responsabbiltà oġġettiva vera u proprja għall-aġir possibbilment illegali mwettaq mill-kumpannija sussidjarja, responsabbiltà li hija s-suġġett ta' preżunzjoni assoluta, li fir-realtà ma tistax tiġi ribattuta. Responsabbiltà tali marbuta mal-proprjetà ma hijiex riflessa u hija kuntrarja għall-prinċipji stabbiliti mill-ġurisprudenza Komunitarja relatata mal-applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE fil-kamp ta' gruppi ta' kumpanniji.

Il-ksur tal-prinċipju ta' responsabbiltà limitata tal-kumpanniji b'kapital azzjonarju li jinsab fid-dritt tal-kumpanniji li huwa l-istess fid-dritt tal-Istati Membri u fl-istess dritt tal-Unjoni Ewropea.

Ori Martin sussegwentement titlob l-annullament jew, tal-inqas, ir-riduzzjoni sinjifikattiva tal-multa imposta.

____________