Language of document : ECLI:EU:F:2008:161

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU

(L-Ewwel Awla)

9 ta’ Diċembru 2008

Kawża F-52/05

Q

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

“Servizz pubbliku – Uffiċjali – Fastidju psikoloġiku – Dmir ta’ assistenza tal-amministrazzjoni – Ċaħda tat-talba għal assistenza – Dmir ta’ premura tal-amministrazzjoni – Evalwazzjoni – Proċedura ta’ evalwazzjoni għas-sena 2003 – Rapport tal-iżvilupp tal-karriera”

Suġġett: Rikors, ippreżentat taħt l-Artikoli 236 KE u 152 KEEA, li permezz tiegħu Q essenzjalment titlob, l-ewwel nett, l-annullament tad-deċiżjoni li permezz tagħha l-Kummissjoni impliċitament ċaħdet it-talba tagħha għal assistenza, it-tieni nett, l-annullament tar-rapporti tal‑iżvilupp tal-karriera tagħha magħmula rispettivament għall‑perijodi bejn l-1 ta’ Jannar u l-31 ta’ Ottubru 2003 u bejn l‑1 ta’ Novembru u l-31 ta’ Diċembru 2003, it-tielet nett, il‑kundanna tal-Kummissjoni għall-ħlas tad-danni.

Deċiżjoni: Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiċħad it-talba għal assistenza mressqa fid-29 ta’ April 2004 mir-rikorrenti hija annullata sa fejn tirrifjuta li tieħu miżura provviżorja ta’ tbegħid. Il-Kummissjoni hija kkundannata tħallas lir-rikorrenti s-somma ta’ EUR 18 000. Il‑kumplament tar-rikors huwa miċħud. Il-Kummissjoni għandha tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha stess, tliet kwarti ta’ dawk sostnuti mir-rikorrenti. Ir-rikorrenti għandha tbati kwart tal-ispejjeż tagħha.

Sommarju

1.      Uffiċjali – Fastidju psikoloġiku – Kunċett – Aġir intiż li li jiskredita lill-persuna kkonċernata jew li jiddegrada l-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħha

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 12a(3); Direttiva tal-Kunsill 2000/78, premessa 30 u Artikoli 1 u 2(3))

2.      Uffiċjali – Rikors – Att li jikkawża preġudizzju – Kunċett – Deċiżjoni impliċita ta’ ċaħda ta’ talba għal assistenza

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 24, 90 u 91)

3.      Uffiċjali – Obbligu ta’ assistenza tal-amministrazzjoni – Kamp ta’ applikazzjoni – Portata – Dmir tal-amministrazzjoni li teżamina l-ilmenti fil‑qasam tal-fastidju – Rekwiżiti ta’ premura u ta’ ħeffa

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 24)

4.      Uffiċjali – Rikors – Interess ġuridiku – Rikors għall-annullament ta’ rapport ta’ evalwazzjoni – Uffiċjal irtirat matul il-proċedura kontenzjuża

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 43, 90 u 91)

5.      Uffiċjali – Rikors għad-danni – Talbiet għall-kumpens għad-dannu li jirriżulta mill-marda tar-rikorrenti u mill-irtirar tiegħu minħabba invalidità b’konsegwenza ta’ żball min-naħa tal-amministrazzjoni

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 73; Regoli dwar l-assigurazzjoni għall-inċidenti u għall-mard ikkaġunat mix-xogħol, Artikoli 18 u 22)

6.      Uffiċjali – Rikors – Rikors għad-danni – Annullament tal-att ikkontestat li ma jiżgurax il-kumpens adegwat tad-dannu morali

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 91)

1.      L-Artikolu 12a(3) tar-Regolamenti tal-Persunal jiddefinixxi l-fastidju psikoloġiku bħala “imġiba mhux xierqa” li sabiex isseħħ teħtieġ li jiġu sodisfatti żewġ kundizzjonijiet. L-ewwel kundizzjoni tirrigwarda l-eżistenza tal-atteġġament fiżiku, lingwa mlissna jew miktuba, azzjonijiet jew atti oħra “li ssir tul perijodu, hija ripetittiva jew si[s]tematika” li timplika li l-fastidju psikoloġiku għandu jiġi mifhum bħala proċess li jkun neċessarjament seħħ tul iż-żmien u jeħtieġ l‑eżistenza ta’ atteġġamenti ripetuti jew kontinwi u li huma “intenzjonali”. It-tieni kundizzjoni, separata mill-ewwel waħda mill-prepożizzjoni “u”, teħtieġ li dan l‑atteġġament fiżiku, lingwa mlissna jew miktuba, azzjonijiet jew atti oħra jkollhom bħala effett li jistgħu jbaxxu l-personalità, id-dinjità, jew l-integrità fiżika jew psikoloġika ta’ xi persuna. Peress li l-aġġettiv “intenzjonali” jirrigwarda l-ewwel kundizzjoni, u mhux it-tieni waħda, huwa possibbli li jinsiltu żewġ konklużjonijiet. Minn naħa, l-atteġġament fiżiku, il-lingwa mlissna jew miktuba, l-azzjonijiet jew l-atti l-oħra, previsti mill-Artikolu 12a(3) tar-Regolamenti tal‑Persunal, għandhom ikunu ta’ natura volontarja, ħaġa li teskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni l-atteġġamenti li jseħħu b’mod aċċidentali. Min-naħa l-oħra, mhux meħtieġ li dan l-atteġġament fiżiku, il-lingwa mlissna jew miktuba, l-azzjonijiet jew l-atti l-oħra jkunu twettqu bl-intenzjoni li jbaxxu l‑personalità, id-dinjità, jew l-integrità fiżika jew psikoloġika ta’ xi persuna. Fi kliem ieħor, jista’ jkun hemm fastidju psikoloġiku skont l-Artikolu 12a(3) tar‑Regolamenti tal-Persunal mingħajr ma l-persuna li tagħti fastidju jkollha l‑intenzjoni, permezz tal-atteġġament tagħha, tiskredita l-vittma jew deliberatament tiddegrada l-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħha. Huwa suffiċjenti biss li l-atteġġament tagħha, ladarba jitwettqu volontarjament, kellhom oġġettivament konsegwenzi bħal dawn.

Interpretazzjoni kuntrarja tal-Artikolu 12a(3) tar-Regolamenti tal-Persunal ikollha bħala riżultat li tneħħi l-effettività ta’ din id-dispożizzjoni, minħabba d-diffikultà li tintwera l-mala fede tal-persuna li tagħti l-fastidju psikoloġiku. Fil-fatt, għalkemm jeżistu każijiet fejn intenzjoni bħal din hija ċara mill-atteġġamenti tal‑awtur tagħhom, għandu jingħad li każijiet bħal dawn huma rari u li, fil-parti l‑kbira tas-sitwazzjonijiet, il-persuna li allegatament tagħti fastidju tibqa’ lura minn kull atteġġament li jista’ jwassal sabiex tiġi preżunta l-intenzjoni tagħha li tiskredita lill-vittma tagħha jew li tiddegrada l-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħha. Barra minn hekk, interpretazzjoni bħal din ibbażata fuq il-mala fede tal-persuna li allegatament tagħti fastidju, ma tikkorrispondix mad-definizzjoni ta’ fastidju li tagħti d-Direttiva tal-Kunsill 2000/78, li tistabbilixxi qafas ġenerali għall‑ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol, li tgħid li l-kondotta mhux xierqa “bl-iskop [jew bl-effett]” li tnaqqas id-dinjità ta’ persuna u li tikkrea ambjent ta’ biza’, ostili, degradanti, umiljanti, jew offensiv” li turi li l-leġiżlatur Komunitarju kellu l-intenzjoni, hekk kif tikkonferma l-premessa 30 tal-imsemmija direttiva, li jiggarantixxi għall-vittmi tal-fastidju psikoloġiku protezzjoni ġudizzjarja adegwata. Issa, protezzjoni bħal din ma tistax tkun iggarantita jekk il‑fastidju psikoloġiku kellu jirreferi biss għall-atteġġamenti li għandhom l-iskop li jbaxxu l-personalità ta’ persuna, meta tittieħed inkunsiderazzjoni d-diffikultà kbira li fiha tinsab il-vittma ta’ atteġġament li kien intiż biex hija tiġi infastidita psikoloġikament sabiex turi r-realtà ta’ intenzjoni bħal din kif ukoll il-motiv għal din l-intenzjoni. Fl-aħħar nett, ikun ukoll diffiċilment komprensibbli li l-leġiżlatur Komunitarju, wara li, permezz tad-Direttiva 2000/78, ikkunsidra li atteġġament li, mingħajr ma jkollu bħala skop, imma jkollu madankollu bħala effett li jbaxxi d‑dinjità ta’ persuna, jammonta għal fastidju, iddeċieda, fl-2004, fl-okkażjoni tar‑riforma tar-Regolamenti tal-Persunal, li saret bir-Regolament Nru 723/2004, li jemenda r-Regolamenti tal-Persunal u l-Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra, li jnaqqas il-livell tal-protezzjoni ġudizzjarja ggarantita lill‑uffiċjali u lill-aġenti oħra u li jillimita, billi jadotta l-Artikolu 12a(3) tar‑Regolamenti tal-Persunal, il-fastidju psikoloġiku biss għall-atteġġamenti li għandhom bħala skop li jbaxxu d-dinjità ta’ persuna.

(ara l-punti 132 sa 139)

2.      In-nuqqas ta’ risposta għal talba għal assistenza skont l-Artikolu 24 tar‑Regolamenti tal-Persunal twassal, fl-iskadenza ta’ terminu ta’ erba’ xhur previst mill-Artikolu 90(1) tal-imsemmija regolamenti għal deċiżjoni impliċita ta’ ċaħda, li tammonta għal att li jikkawża preġudizzju lill-persuna kkonċernata. Fil-fatt, anki jekk huwa dmir tal-amministrazzjoni li tieħu l-miżuri xierqa, meta uffiċjal li jeżiġi protezzjoni mill-istituzzjoni tiegħu jressaq prova minima tar-realtà tal‑attakki li huwa jsostni li huwa s-suġġett tagħhom, b’mod partikolari li twettaq investigazzjoni sabiex jiġu stabbiliti l-fatti li wasslu għall-ilment, tali obbligu ma jistax jippermetti lill-istituzzjoni kkonċernata tidderoga mid-dispożizzjonijiet tal‑Artikolu 90(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, li jippermettu lill-uffiċjal jagħmel talba sabiex tittieħed deċiżjoni min-naħa tal-amministrazzjoni f’terminu stabbilit.

Barra minn hekk, għalkemm il-Kummissjoni ma tistax, qabel it-tmiem tal‑investigazzjoni amministrattiva, titqies li ċaħdet, b’mod definittiv, it-talba għal assistenza, jibqa’ l-fatt li, anki qabel ma tieħu pożizzjoni definittiva fuq tali talba, il-Kummissjoni hija marbuta tadotta ċerti atti, għall-inqas bħala prekawzjoni. In‑nuqqas li ttieħdu tali miżuri, minħabba s-silenzju tal-amministrazzjoni fuq l‑imsemmija talba, jista’ jikkawża preġudizzju lill-persuna kkonċernata.

(ara l-punti 193, 195 u 196)

Referenza: Il-Qorti tal-Prim’Istanza 3 ta’ April 1990, Pfloeschner vs Il‑Kummissjoni, T‑135/89, Ġabra p. II‑153, punt 17; 6 ta’ Novembru 1997, Ronchi vs Il‑Kummissjoni, T‑223/95, ĠabraSP p. I‑A‑321 u II‑879, punt 31; 26 ta’ Ottubru 2007, Lo Giudice vs Il‑Kummissjoni, T‑154/05, ĠabraSP p. I‑A‑2‑0000 u II‑A‑2‑0000, punt 136

3.      Skont l-obbligu ta’ assistenza, previst fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 24 tar‑Regolamenti tal-Persunal, l-amministrazzjoni għandha, meta jiġri inċident inkompatibbli mal-ordni u s-serenità tas-servizz, tintervjeni bl-enerġija kollha meħtieġa u twieġeb bil-ħeffa u l-premura meħtieġa miċ-ċirkustanzi tal-każ sabiex jiġu stabbiliti l-fatti u sabiex, b’għarfien sħiħ tal-kunsiderazzjonijiet kollha involuti, jinsiltu l-konklużjonijiet xierqa.

L-amministrazzjoni ma tweġibx bid-diliġenza kollha meħtieġa għal talba għall‑assistenza bbażata fuq allegazzjoni ta’ fastidju psikoloġiku meta qabel ma tiftaħ investigazzjoni amministrattiva, hija ma tiħux miżura provviżorja ta’ tbegħid tal-uffiċjal ikkonċernat, b’mod li, minn naħa, l-importanza u l-gravità tal‑fatti allegati juru, jekk mhux l-eżistenza, għall-inqas suspett ta’ fastidju bħal dan u li, min-naħa l-oħra, ir-regoli interni adottati mill-istituzzjoni kkonċernata jipprovdu għall-possibbiltà li jiġu adottati dawn il-miżuri għall-benefiċċju tal‑vittma preżunta għall-inqas suspett ta’ fastidju psikoloġiku.

(ara l-punti 205, 207, 209 u 213)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja 26 ta’ Jannar 1989, Koutchoumoff vs Il‑Kummissjoni, 224/87, Ġabra p. 99, punti 15 u 16; Il-Qorti tal-Prim’Istanza:21 ta’ April 1993, Tallarico vs Il‑Parlament, T‑5/92, Ġabra p. II‑477, punt 31; 5 ta’ Diċembru 2000, Campogrande vs Il‑Kummissjoni, T‑136/98, ĠabraSP p. I‑A‑267 u II‑1225, l-punti 42

4.      Ir-rapport ta’ evalwazzjoni, dokument intern li għandu rwol importanti fl‑iżvolġiment tal-karriera ta’ uffiċjal, essenzjalment jaffettwa l-interess tal‑persuna evalwata biss sat-tmiem definittiv tal-funzjonijiet tagħha. Wara dan it‑tmiem, l-uffiċjal b’hekk ma jibqax ikollu interess ikompli jiddefendi rikors ippreżentat kontra rapport ta’ evalwazzjoni, ħlief sabiex jistabbilixxi biss l‑eżistenza ta’ ċirkustanza partikolari li turi interess personali u attwali sabiex jinkiseb l-annullament tal-imsemmi rapport. Uffiċjal irtirat minħabba invalidità meta l-kummissjoni tal-invalidità kkunsidrat li, minħabba l-karattru permanenti tal-patoloġija li wasslet għal din il-miżura, l-ebda eżami mediku ta’ reviżjoni ma huwa neċessarju iktar, ma jkollux iktar interess bħal dan.

Min-naħa l-oħra, dan l-uffiċjal għandu interess jitlob li sentenza tittratta l-legalità tal-imsemmi rapport fil-kuntest ta’ talba bil-għan li jinkiseb kumpens għad-danni professjonali u morali li huwa jikkunsidra li sofra minħabba mġiba allegatament żbaljata tal-amministrazzjoni.

(ara l-punti 227, 228 u 259)

Referenza: Il-Qorti tal-Prim’Istanza 13 ta’ Diċembru 1990, Moritz vs Il‑Kummissjoni, T‑20/89, Ġabra p. II‑769, punt 18; 31 ta’ Mejju 2005, Dionyssopoulou vs Il‑Kunsill, T‑105/03, ĠabraSP p. I‑A‑137 u II‑621, punt 20; 12 ta’ Settembru 2007, Combescot vs Il‑Kummissjoni, T‑249/04, ĠabraSP p. I‑A‑2‑0000 u II‑A‑2‑0000, punt 47, li hija suġġetta għal appell pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, C‑525/07 P

5.      It-talbiet li għandhom bħala għan il-kumpens għad-danni materjali subiti minn uffiċjal minħabba l-irtirar tiegħu għal raġunijiet ta’ invalidità li kienu l‑konsegwenza ta’ mard ikkaġunat mix-xogħol minħabba l-iżbalji mwettqa mill‑amministrazzjoni tiegħu għandhom jiġu miċħuda. Fil-fatt, il-qorti Komunitarja ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi fuq ir-rabta kawżali eżistenti bejn il-kundizzjonijiet tax-xogħol ta’ uffiċjal u l-mard li huwa jinvoka, għaliex l-Artikolu 18 tar-regoli komuni dwar l-assigurazzjoni għar-riskji ta’ inċidenti u għall-mard ikkaġunat mix-xogħol tal-uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej jipprovdi li d-deċiżjoni dwar ir-rikonoxximent tal-oriġini tax-xogħol ta’ marda tittieħed mill-Awtorità tal-Ħatra, fuq il-bażi tal-konklużjonijiet tat-tabib jew tobba magħżula mill-istituzzjoni u, jekk l-uffiċjal jitlob dan, wara konsultazzjoni mal-kumitat mediku previst fl-Artikolu 22 tal-imsemmija regoli ta’ assigurazzjoni. Is-sistema stabbilta skont l-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal‑Persunal b’hekk tipprovdi għal kumpens b’rata fissa fil-każ ta’ inċident jew ta’ mard ikkaġunat mix-xogħol, mingħajr ma jkun meħtieġ għall-persuna kkonċernata li tressaq il-prova ta’ kwalunkwe nuqqas min-naħa tal-istituzzjoni u tippreċiża li huwa biss fiċ-ċirkustanzi fejn is-sistema tar-Regolamenti tal-Persunal ma tippermettix kumpens xieraq tad-dannu subit li l-uffiċjal ikollu dritt jitlob kumpens supplimentari.

Min-naħa l-oħra, talbiet għal kumpens għad-danni morali tar-rikorrenti għandhom jiġu eżaminati mill-qorti.

(ara l-punti 238 sa 240 u 242)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja 8 ta’ Ottubru 1986, Leussink vs Il‑Kummissjoni, 169/83 u 136/84, Ġabra p. 2801, punt 13; 9 ta’ Settembru 1999, Lucaccioni vs Il‑Kummissjoni, C‑257/98 P, Ġabra p. I‑5251, punt 22; Il-Qorti tal-Prim’Istanza 14 ta’ Mejju 1998, Lucaccioni vs Il‑Kummissjoni, T‑165/95, ĠabraSP p. I‑A‑203 u II‑627, punt 74; 15 ta’ Diċembru 1999, Latino vs Il‑Kummissjoni, T‑300/97, ĠabraSP p. I‑A‑259 u II‑1263, punt 95; It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 2 ta’ Mejju 2007, Giraudy vs Il‑Kummissjoni, F‑23/05, Ġabra p. I‑0000, punt 193

6.      L-annullament ta’ rapport tal-iżvilupp tal-karriera vvizzjat minn illegalità ma jistax jikkostitwixxi, fih innifsu, kumpens adegwat u suffiċjenti għad-dannu morali subit minn uffiċjal, meta l-imsemmi rapport jinkludu evalwazzjonijiet espliċitament negattivi fuq il-kapaċitajiet tal-persuna kkonċernata.

(ara l-punt 273)