Language of document :

C_2019004MT.01003301.xml

7.1.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 4/33


Rikors ippreżentat fit-13 ta’ Ottubru 2018 – EO (1) vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-623/18)

(2019/C 4/44)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: EO (2) (rappreżentant: E. Metodieva, avukat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-Deċiżjoni tat-12 ta’ Diċembru 2017 tal-Bord tal-Għażla tal-Kompetizzjoni Ġenerali EPSO/AD/323/16 – Investigaturi (AD 7) għal dawn il-profili li ġejjin: 1 – Investigaturi: In-nefqa tal-UE, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni – 2 – Investigaturi: Id-dwana u l-kummerċ, tabakk u prodotti foloz, li isem ir-rikorrenti ma jiġix inkluż fil-lista ta’ riżerva għall-ewwel profil tal-kompetizzjoni msemmija;

tannulla fl-intier tagħha d-Deċiżjoni tal-EPSO tad-9 ta’ Lulju 2018 li tiċħad l-ilment tar-rikorrenti skont l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal fir-rigward tad-deċiżjoni tal-Bord tal-Għażla tal-EPSO li r-rikorrenti ma tiġix inkluża fl-imsemmija lista ta’ riżerva;

tordna lill-konvenuta tikkumpensa lir-rikorrenti minħabba telf ta’ benefiċċji b’riżultat tan-nuqqas ta’ inklużjoni tagħha fil-lista ta’ riżerva,

tordna lill-konvenuta tbati l-ispejjeż legali tar-rikorrenti sostnuti qabel u matul il-proċeduri.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka seba’ motivi u, barra minn hekk, tinvoka l-argumenti kollha elenkati fl-ilment tagħha skont l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal.

1.

L-ewwel motiv, li jallega mġiba mhux xierqa min-naħa ta’ wieħed mill-membri tal-Bord tal-Għażla, li allegatament wassal biex ir-rikorrenti ma tiġix eżaminata b’mod xieraq.

2.

It-tieni motiv, li jallega nuqqas ta’ imparzjalità ta’ wieħed mill-membri tal-Bord tal-Għażla fil-kompetizzjoni inkwistjoni.

3.

It-tielet motiv, li jallega nuqqas ta’ kompetenza tal-evalwaturi.

4.

Ir-raba’ motiv, li jallega li l-kompetizzjoni inkwistjoni kisret is-sistema lingwistika.

5.

Il-ħames motiv, li jallega li xi irregolaritajiet affettwaw l-istudju ta’ każ fil-kompetizzjoni inkwistjoni.

6.

Is-sitt motiv, li jallega ksur tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ trattament ġust li seħħ minħabba l-perijodu allegatament eċċessiv ta’ xahar li matulu seħħet il-kompetizzjoni inkwistjoni.

7.

Is-seba’ motiv, li jallega nuqqas fl-obbligu ta’ motivazzjoni fir-rigward tal-evalwazzjoni tar-rikorrenti.


(1)  Informazzjoni mħassra jew mibdula fil-qafas ta’ protezzjoni ta’ data personali u/jew kunfidenzjalità.

(2)  Informazzjoni mħassra jew mibdula fil-qafas ta’ protezzjoni ta’ data personali u/jew kunfidenzjalità.