Language of document :

Appell ippreżentat fit-22 ta’ Settembru 2023 mill-Ungerija mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla) fit-12 ta’ Lulju 2023 fil-Kawża T-491/21, L-Ungerija vs Il-Kummissjoni

(Kawża C-587/23 P)

Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż

Partijiet

Appellant: L-Ungerija (rappreżentanti: M. Z. Fehér u G. Koós, aġenti)

Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Lulju 2023 mogħtija fil-Kawża T-491/21.

tannulla parzjalment id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/988 tas-16 ta’ Ġunju 2021 li teskludi mill-finanzjament tal-Unjoni Ewropea ċertu nefqa mġarrba mill-Istati Membri fil-kuntest tal-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) u tal-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) 1 , inkwantu din tirreferi għall-Ungerija u permezz tagħha huwa eskluż, minħabba li hija ma wettqitx kontroll fundamentali, l-ammont ta’ EUR 1 887 692.57 mill-finanzjament tal-Unjoni taħt il-FAEŻR fil-kuntest tal-“[Iż]vilupp Rurali, FAEŻR, miżuri tal-forestrija” fir-rigward tas-snin finanzjarji 2016 sa 2019.

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Aggravji u argumenti prinċipali

Fl-appell tiegħu, il-Gvern Ungeriż jikkontesta l-għan tal-projbizzjoni ta’ finanzjament doppju stabbilita fl-Artikolu 30 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 352/78, (KE) Nru 165/94, (KE) Nru 2799/98, (KE) Nru 814/2000, (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 485/2008. Skont dan il-gvern, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali twettaq żball meta tiddeċiedi li l-projbizzjoni għandha tapplika sakemm l-istess benefiċjarju jkun jista’ jirċievi, fir-rigward tal-istess art, finanzjament ieħor li jirriżulta mill-baġit tal-Unjoni u li jkun intiż għall-istess għan, u dan irrispettivament minn jekk il-finanzjamenti inkwistjoni jkunux ta’ natura kumpensatorja jew ta’ inċentiv. B’dan il-mod, il-projbizzjoni fil-verità tkun tirreferi biss għal dawk is-sitwazzjonijiet li fihom iż-żewġ tipi ta’ għajnuna jkunu jkopru l-istess spejjeż. L-ispejjeż koperti minn għajnuna speċifika jiġu identifikati abbażi tal-għan tal-għajnuna stabbilit fit-test leġiżlattiv, tar-rekwiżiti għall-għoti tagħha u tad-dispożizzjonijiet relatati mal-kalkolu tal-ammont tal-għajnuna.

Skont il-Gvern Ungeriż, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tfittex li testendi, billi tinvoka l-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-bagit tal-Unjoni u l-prinċipju ta’ amministrazzjoni finanzjarja korretta, il-projbizzjoni tal-finanzjament doppju anki għal dawk il-każijiet (sovrapożizzjoni possibbli ta’ għajnuna għall-forestrija u għall-ekoloġizzazzjoni) li fihom, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-intenzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni riflessa fit-test leġiżlattiv, din ma tkunx mistennija.

____________

1 ĠU 2021, L 218, p. 9.