Language of document : ECLI:EU:C:2022:838

Edizzjoni Provviżorja

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SZPUNAR

ippreżentati fis‑27 ta’ Ottubru 2022 (1)

Kawża C470/21

La Quadrature du Net,

Fédération des fournisseurs d’accès à Internet associatifs,

Franciliens.net,

French Data Network

vs

Premier ministre,

Ministère de la Culture

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, Franza))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ipproċessar ta’ data personali u protezzjoni tal-ħajja privata fis-settur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi – Direttiva 2002/58/KE – Artikolu 15(1) – Fakultà għall-Istati Membri li jillimitaw il-portata ta’ ċerti drittijiet u obbligi – Obbligu ta’ stħarriġ minn qabel minn qorti jew minn entità amministrattiva indipendenti mogħnija b’setgħa vinkolanti – Data dwar l-identità ċivili li tikkorrispondi għal indirizz IP”






I.      Introduzzjoni

1.        Il-kwistjoni taż-żamma u tal-aċċess għal ċerta data tal-utenti tal-internet hija kwistjoni ta’ attwalità permanenti u hija s-suġġett ta’ ġurisprudenza reċenti iżda diġà abbundanti tal-Qorti tal-Ġustizzja.

2.        Din il-kawża tagħti l-opportunità lill-Qorti tal-Ġustizzja biex tittratta mill-ġdid din il-kwistjoni, fil-kuntest imġedded tal-ġlieda kontra l-ksur tad-drittijiet ta’ proprjetà intelettwali mwettqa esklużivament onlajn.

II.    Il-kuntest ġuridiku

A.      Id-dritt tal-Unjoni

3.        Il-premessi 2, 6, 7, 11, 22, 26 u 30 tad-Direttiva 2002/58/KE (2) jipprovdu li:

“2.      Din id-Direttiva tfittex li tirrispetta d-drittijiet fondamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti b’mod partikolari mill-Karta tad-Drittijiet Fondamentali ta’ l-Unjoni Ewropea [iktar ’il quddiem il-“Karta”]. B’mod partikolari, din id-Direttiva tfittex li tiżgura r-rispett sħiħ tad-drittijiet stipulati fl-Artikoli 7 u 8 ta’ dik il-Karta.

[…]

6.      L-Internet qed jaqleb l-istrutturi tas-suq tradizzjonali billi jipprovdi infrastruttura komuni u globali għat-twassil ta’ medda wiesgħa ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika. Servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika disponibbli pubblikament fuq l-Internet jiftħu possibiltajiet ġodda għal min jużahom iżda ukoll riskji ġodda għal data personali u privatezza tagħhom.

7.      Fil-każ ta’ networks pubbliċi ta’ komunikazzjoni, dispożizzjonijiet speċifiċi legali, regolatorji, u tekniċi għandhom jsiru sabiex ikunu protetti d-drittijiet u libertajiet fondamentali tal-persuni naturali u l-interessi leġittimi tal-persuni legali, b’mod partikolari fir-rigward tal-kapaċità li dejjem tiżdied tal-ħażna awtomatizzata u l-ipproċessar tad-data li għandha x’taqsam ma’ l-abbonati u l-utenti.

[…]

(11)      Bħad-Direttiva 95/46/KE (3), din id-Direttiva ma tittrattax kwistjonijiet dwar il-protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet fondamentali relatati ma’ l-attivitajiet li mhumiex regolati mil-liġi Komunitarja. Għaldaqstant ma tbiddilx il-bilanċ eżistenti bejn id-dritt ta’ l-individwu għall-privatezza u l-possibbiltà għall-Istati Membri li jieħdu l-miżuri msemmijin fl-Artikolu 15(1) ta’ din id-Direttiva, neċessarji għall-protezzjoni tas-sigurtà pubblika, difiża, sigurta ta’ l-Istat (li tinkludi il-ġid ekonomiku ta’ l-Istat meta l-attivitajiet huma ta’ materja ta’ sigurtà ta’ l-Istat) u l-infurzar tal-liġi kriminali. Konsegwenetement, din id-Direttiva ma taffetwax l-abbiltà ta’ l-Istati Membri li jwettqu l-interċezzjoni legali ta’ komunikazzjoni elettronika, jew li jieħdu miżuri oħra, jekk neċessarji għal kwalunkwe wieħed minn dawn l-iskopijiet u skond il-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fondamentali[, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950], hekk kif interpretati mid-deċiżjonijiet tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem. Dawn il-miżuri għandhom jkunu xierqa, strettament proporzjonali għall-iskop maħsub kif ukoll neċessarji fi ħdan soċjetà demokratika u għandhom ikunu suġġetti għal salvagwardji adegwati skond il-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fondamentali.

[…]

(22)      Il-projbizzjoni tal-]a\na [ħażna] tal-komunikazzjonijiet u d-data dwar it-traffiku relatati minn persuni minbarra l-utenti jew mingħajr il-kunsens tagħhom mhix maħsuba li tipprojbixxi ħażna awtomatika, intermedja u temporanja ta’ din l-informazzjoni sa fejn dan isir għall-iskop uniku li titwettaq it-trasmissjoni fin-network tal-komunikazzjonijiet elettroniċi u sakemm l-informazzjoni ma tinħażinx għal żmien itwal milli huwa meħtieġ għat-trasmissjoni u għall-iskopijiet tal-ġestjoni tat-traffiku, u li matul iż-żmien tal-ħażna tibqa’ garantita l-kunfidenzjalità. […]

[…]

(26)      Id-data dwar l-abbonati li tiġi pproċessata fin-networks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi biex jiġu stabbiliti l-konnessjonijiet u tiġi trasmessa l-informazzjoni ikun fihom informazzjoni dwar il-ħajja privata ta’ persuni naturali u jikkonċernaw id-dritt għar-rispett tal-korrispondenza tagħhom jew jikkonċernaw l-interessi leġittimi ta’ persuni legali. Dawn id-data jistgħu jinħażnu biss sa fejn huma meħtieġa g]all-provvista tas-servizz u għall-iskop tal-kontijiet u l-ħlas ta’ l-interkonnessjoni, u għal żmien limitat. Kull proċessar ulterjuri ta’ dawn id-data […] jista jiġi permess biss jekk l-abbonat ikun qabel ma’ dan fuq il-ba\i [bażi] ta’ informazzjoni preċiża u sħiħa mogħtija mill-provditur ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi disponibbli pubblikament dwar it-tipi ta’ proċessar ulterjuri li bi ħsiebu jagħmel u dwar id-dritt ta’ l-abbonat li ma jagħtix jew li jirtira l-kunsens tiegħu/tag]ha [tagħha] għal tali proċessar. […]

[…]

(30)      Sistemi għall-provvista ta’ networks u servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika għandhom ikunu diżinjati li jillimitaw l-ammont ta’ data personali meħtieġa għall-minimu strettament possibbli. […]”

4.        Skont l-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, intitolat “Definizzjonijiet”:

“[…]

Għandhom jgħoddu wkoll dawn id-definizzjonijiet li ġejjin:

a)      ‘utent’ tfisser kull persuna naturali li tuża servizz ta’ komunikazzjoni elettronika disponibbli pubblikament, għal skopijiet privati jew ta’ negozju, mingħajr ma tkun neċessarjament abbonat għal dan is-servizz;

b)      ‘Data dwar it-traffiku’ tfisser data pproċessata għall-iskopijiet li titntbagħat komunikazzjoni fuq network ta’ komunikazzjoni elettonika jew biex isir il-kont għaliha;

c)      ‘data dwar is-sit’ tfisser data pproċessata f’network ta’ komunikazzjoni elettronika jew minn servizz ta’ komunikazzjoni elettronika, li tindika il-pożizzjoni ġeografika tat-tagħmir terminali ta’ utent ta’ servizz ta’ komunikazzjoni elettronika disponibbli pubblikament;

d)      ‘komunikazzjoni’ tfisser informazzjoni skambjata jew mibgħuta bejn numru finit ta’ partijiet permezz ta’ servizz ta’ komunikazzjoni elettronika disponibbli pubblikament. Dan ma jinkludix informazzjoni mibgħuta bħala parti minn servizz ta’ xandir lill-pubbliku fuq network ta’ komunikazzjoni elettronika, ħlief sa fejn l-informazzjoni tista’ tkun relatata ma’ l-abbonat jew utent identifikabbli li jirċievi l-informazzjoni;

[…]”

5.        L-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Servizzi konċernati” jipprovdi li:

“Din id-Direttiva għandha tapplika għall-ipproċessar ta’ data personali f’konnessjoni mal-forniment ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi pubblikament disponibbli f’networks ta’ komunikazzjonijiet pubbliċi fil-Komunità, inklużi n-networks ta’ komunikazzjonijiet pubbliċi li jsostnu l-ġbir tad-data u l-apparat ta’ identifikazzjoni.”

6.        L-Artikolu 5 tal-istess direttiva, intitolat “Konfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet”, jipprovdi li:

“1.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw il-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet u data dwar it-traffiku relatati permezz ta’ network ta’ komunikazzjoni pubblika u servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika disponibbli pubblikament, permezz ta’ liġijiet nazzjonali. Partikolarment għandhom jipprojbixxu s-smigħ, tapping, ħażna jew modi oħrajn ta’ interċettazzjoni jew sorveljanza ta’ komunikazzjonijiet u d-data dwar it-traffiku relatati minn persuni minbarra l-utenti, mingħajr il-kunsens ta’ l-utenti konċernati, ħlief fejn legalment awtorizzati li jagħmlu dan skond l-Artikolu 15(1). Dan il-paragrafu m’għandux jipprevjeni l-ħażna teknika li hija meħtieġa biex tintbagħat komunikazzjoni mingħajr preġudizzju għall-prinċijpju tal-kunfidenzjalità.

[…]

3.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-ħżin tal-informazzjoni, jew il-ksib tal-aċċess għall-informazzjoni diġà maħżuna, fit-tagħmir terminali ta’ abbonat jew utent huma permessi biss bil-kondizzjoni li l-abbonat jew l-utent ikkonċernati ikunu taw il-kunsens tagħhom, wara li jkunu ġew provduti b’informazzjoni ċara u komprensiva skont id-Direttiva [95/46], dwar inter alia l-għanijiet tal-ipproċessar mill-kontrollur tad-data. Dan ma jimpedixxi l-ebda ħżin jew aċċess tekniku għall-għan esklużiv ta’ implimentazzjoni tat-trażmissjoni ta’ komunikazzjoni fuq network ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, jew kif strettament meħtieġ sabiex il-fornitur ta’ servizz tal-informazzjoni tas-soċjetà espliċitament mitlub mill-abbonat jew l-utent biex jipprovdi s-servizz.”

7.        Skont l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2002/58, intitolat “Data dwar it-traffiku”:

“1.      Data dwar it-traffiku relatata ma’ abbonati u utenti ipproċessat u maħżun mill-provditur ta’ network pubbliku ta’ komunikazzjonijiet jew servizz ta’ komunikazzjoni elettronika disponibbli pubblikament għandhom jitħassru jew jiġu magħmula anonimi meta m’għadhomx aktar meħtieġa għall-iskop tat-trasmissjoni ta’ komunikazzjoni mingħajr preġudizzju għall-paragrafi 2, 3 u 5 ta’ dan l-Artikolu u l-Artikolu 15(1).

2.      Data dwar it-traffiku meħtieġa biex isiru l-kontijiet ta’ l-abbonati u ħlasijiet ta’ interkonnessjoni jistgħu jiġu proċessati. Tali proċessar huwa permissibbli biss sat-tmiem tal-perjodu li fih il-kont jista’ legalment jiġi kkontestat jew il-ħlas jiġi persegwit.

[…]”

8.        L-Artikolu 15(1) ta’ din id-Direttiva 2002/58, intitolat “Applikazzjoni ta’ xi disposizzjonijet tad-Direttiva [95/46]” jipprovdi li:

“L-Istati Membri jistgħu jadottaw miżuri leġislativi biex jirrestrinġu l-kamp ta’ applikazzjoni tad-drittijiet u l-obbligi previsti fl-Artikolu 5, l-Artikolu 6, l-Artikolu 8(1), (2), (3) u (4), u l-Artikolu 9 ta’ din id-Direttiva meta tali restrizzjoni tikkostitwixxi miżura neċessarja, xierqa u proporzjonata f’soċjeta’ demokratika biex tiġi salvagwardjata s-sigurtà nazzjonali (i.e. is-sigurtà ta’ l-Istat), id-difiża, is-sigurtà pubblika, u l-prevenzjoni, investigazzjoni, skoperta u prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew ta’ użu mhux awtorizzat tas-sistema ta’ komunikazzjoni elettronika, kif imsemmi fl-Artikolu 13(1) tad-Direttiva tad-Direttiva [95/46]. Għal dan l-iskop, l-Istati Membri jistgħu, inter alia, jadottaw miżuri leġislativi li jipprovdu għaż-żamma ta’ l-informazzjoni għal perjodu limitat iġġustifikat għarr-raġunijiet stabbiliti f’dan il-paragrafu. Il-miżuri kollha msemmija f’dan il-paragrafu għandhom ikunu skond il-prinċipji ġenerali tal-liġi Komunitarja, inklużi dawk imsemmija fl-Artikolu 6(1) u (2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea”.

B.      Iddritt Franċiż

1.      Ilcode de la propriété intellectuelle (ilKodiċi talProprjetà Intellettwali)

9.        L-Artikolu L. 331-12 tal-Kodiċi tal-Proprjetà Intellettwali, fil-verżjoni applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“KPI”), jipprovdi li:

“L-Awtorità Għolja għad-Distribuzzjoni tax-Xogħlijiet u għall-Protezzjoni tad-Drittijiet fuq l-Internet [iktar ’il quddiem il-’Hadopi’] hija awtorità pubblika indipendenti”.

10.      L-Artikolu L. 331-13 tal-KSI jistipula:

“Il-[Hadopi] għandu jkollha:

[…]

2°      Missjoni ta’ protezzjoni [tax-xogħlijiet u oġġetti li magħhom hemm marbutin drittijiet tal-awtur jew drittijiet relatati fuq in-networks ta’ komunikazzjoni elettronika] kontra ksur ta’ dawn id-drittijiet imwettqa fuq in-networks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi użati għall-provvista ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni online lill-pubbliku; […]”.

11.      Skont l-Artikolu L. 331-15 ta’ dan il-kodiċi:

“Il-[Hadopi] hija komposta minn kulleġġ u minn kummissjoni għall-protezzjoni tad-drittijiet. […]

[…]

Fl-eżerċizzju tas-setgħat tagħhom, il-membri tal-kulleġġ u tal-kummissjoni għall-protezzjoni tad-drittijiet ma jirċievu struzzjonijiet minn ebda awtorità.”

12.      L-Artikolu L. 331-17 tal-imsemmi kodiċi jipprovdi li:

“Il-kummissjoni għall-protezzjoni tad-drittijiet hija responsabbli biex tieħu l-miżuri previsti fl-Artikolu L. 331-25.”

13.      Skont l-Artikolu L. 331-21 tal-istess kodiċi:

“Għall-eżerċizzju, mill-kummissjoni għall-protezzjonijiet tad-drittijiet, tas-setgħat tagħha, il-[Hadopi] għandha membri tal-persunal tas-servizz pubbliku li jkunu ħadu ġurament, li jkunu awtorizzati mill-President [tagħha] taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti b’digriet mill-Conseil d’État [il-Kunsill tal-Istat, Franza]. […]

Il-membri tal-kummissjoni għall-protezzjoni tad-drittijiet u l-membri tal-persunal imsemmija fl-ewwel paragrafu jirċievu t-talbiet imressqa lill-imsemmija kummissjoni fil-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu L. 331-24. Huma għandhom jipproċedu bl-eżami tal-fatti.

Huma jistgħu, minħabba l-ħtiġijiet tal-proċedura, jiksbu kull dokument, indipendentement mill-għamla tiegħu, inkluż id-data maħżuna u pproċessata mill-operaturi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi skont l-Artikolu L. 34-1 tal-code des postes et des communications électroniques [il-Kodiċi tal-Posta u tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi] u mill-fornituri msemmija fl-Artikolu 6(I)(1) u 6(I)(2) tal-loi no 2004-575 du 21 juin 2004 pour la confiance dans l’économie numérique [il-Liġi Nru 2004-575 tal‑21 ta’ Ġunju 2004 għall-Fiduċja fl-Ekonomija Diġitali].

Huma jistgħu jiksbu wkoll kopja tad-dokumenti msemmija fil-paragrafu preċedenti.

Huma jistgħu, b’mod partikolari, jiksbu mingħand l-operaturi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi l-identità, l-indirizz postali, l-indirizz elettroniku u d-dettalji telefoniċi tal-abbonat li l-aċċess tiegħu għas-servizzi ta’ komunikazzjoni online lill-pubbliku ntuża għal skopijiet ta’ riproduzzjoni, ta’ rappreżentazzjoni, ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni jew ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku ta’ xogħlijiet jew ta’ oġġetti protetti mingħajr l-awtorizzazzjoni tal-proprjetarji tad-drittijiet […] meta din l-awtorizzazzjoni tkun meħtieġa.”

14.      L-Artikolu L. 331-24 tal-KPI jipprovdi li:

“Il-kummissjoni għall-protezzjoni tad-drittijiet taġixxi fuq talba tal-membri tal-persunal li jkunu ħadu ġurament u ġew approvati […] li jinħatru minn:

–        l-organi ta’ difiża professjonali kkostitwiti regolarment;

–        l-organi ta’ ġestjoni kollettiva;

–        iċ-Ċentru nazzjonali taċ-ċinema u tal-immaġni li tiċċaqlaq.

Il-kummissjoni għall-protezzjoni tad-drittijiet tista’ taġixxi wkoll fuq il-bażi ta’ informazzjoni li tiġi trażmessa lilha mill-prokuratur tar-Repubblika.

Hija ma tistax tkun adita b’fatti li jmorru lura iktar minn sitt xhur.”

15.      Skont l-Artikolu L. 331–25 ta’ dan il-kodiċi, dispożizzjoni li tirregola l-proċedura msejħa “tweġiba gradwata”:

“Meta tiġi adita b’fatti li huma suxxettibbli li jikkostitwixxu nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ddefinit fl-Artikolu L. 336-3 [tal-KPI], il-kummissjoni għall-protezzjoni tad-drittijiet tista’ tibgħat lill-abbonat […] rakkomandazzjoni li tfakkru bid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu L. 336-3, li tordnalu jirrispetta l-obbligu li dawn jiddefinixxu u jwissuh bis-sanzjonijiet li jirriżultaw mill-applikazzjoni tal-Artikoli L. 335-7 u L. 335-71. Din ir-rakkomandazzjoni tinforma wkoll lill-abbonat fuq l-offerta legali ta’ kontenut kulturali online, fuq l-eżistenza ta’ mezzi ta’ sigurtà li jippermettu li jipprevjenu n-nuqqas ta’ twettiq tal-obbligu ddefinit fl-Artikolu L. 336-3 kif ukoll fuq il-perikli għat-tiġdid tal-ħolqien artistiku u għall-ekonomija tas-settur kulturali tal-prattiki li ma jirrispettawx id-drittijiet tal-awtur u d-drittijiet relatati.

F’każ ta’ tiġdid, f’terminu ta’ sitt xhur minn meta tintbagħat ir-rakkomandazzjoni msemmija fl-ewwel paragrafu, ta’ fatti li jistgħu jikkostitwixxu nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ddefinit fl-Artikolu L. 336-3, il-kummissjoni tista’ tibgħat rakkomandazzjoni ġdida li tinkludi l-istess informazzjoni bħal dik preċedenti bil-mezz elettroniku […] Hija għandha takkumpanja din ir-rakkomandazzjoni b’ittra li tintbagħat b’firma bħala prova jew kull mezz ieħor xieraq li jistabbilixxi l-prova tad-data tal-preżentazzjoni ta’ din ir-rakkomandazzjoni.

Ir-rakkomandazzjonijiet mibgħuta fuq il-bażi ta’ dan l-artikolu jsemmu d-data u l-ħin li fihom ġew ikkonstatati l-fatti li jistgħu jikkostitwixxu nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ddefinit fl-Artikolu L. 336-3. Min-naħa l-oħra, dawn ma jiżvelawx il-kontenut tax-xogħlijiet jew tal-oġġetti protetti kkonċernati b’dan in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu. Huma jindikaw id-dettalji telefoniċi, postali u elettroniċi fejn id-destinatarju tagħhom jista’ jibgħat, jekk jixtieq, osservazzjonijiet lill-kummissjoni għall-protezzjoni tad-drittijiet u jikseb, jekk jagħmel talba espressa għal dan il-għan, preċiżazzjonijiet fuq il-kontenut tax-xogħlijiet jew tal-oġġetti protetti kkonċernati bin-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li bih ikun akkużat.”

16.      L-Artikolu L. 331-29 tal-imsemmi kodiċi jipprovdi li:

“Huwa permess il-ħolqien, mill-[Hadopi], ta’ pproċessar awtomatizzat ta’ data ta’ natura personali li tirrigwarda lill-persuni li huma s-suġġett ta’ proċedura fil-kuntest ta’ din it-taqsima.

Dan l-ipproċessar għandu bħala għan l-implimentazzjoni, mill-kummissjoni għall-protezzjoni tad-drittijiet, tal-miżuri previsti f’din it-taqsima, tal-atti kollha ta’ proċedura relatati u tal-modalitajiet biex jiġu informati l-organi ta’ difiża professjonali u tal-organi ta’ ġestjoni kollettiva tal-eventwali talbiet lill-awtorità ġudizzjarja kif ukoll tan-notifiki previsti fil-ħames paragrafu tal-Artikolu L. 335-7.

Id-digriet […] jistabbilixxi l-modalitajiet għall-applikazzjoni ta’ dan l-artikolu. Huwa jippreċiża b’mod partikolari:

–        il-kategoriji ta’ data rreġistrata u ż-żmien ta’ żamma tagħha;

–        id-destinatarji awtorizzati li jirċievu l-komunikazzjoni ta’ din id-data, b’mod partikolari l-persuni li l-attività tagħhom hija li joffru aċċess għas-servizzi ta’ komunikazzjoni online lill-pubbliku;

–        il-kundizzjonijiet li taħthom il-persuni kkonċernati jistgħu jeżerċitaw, quddiem il-[Hadopi], id-dritt ta’ aċċess tagħhom għad-data li tikkonċernahom […]”

17.      L-Artikolu R. 331-37 tal-istess kodiċi jipprovdi:

“L-operaturi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi […] u l-fornituri […] huma obbligati jikkomunikaw, b’interkonnessjoni mal-ipproċessar awtomatizzat tad-data ta’ natura personali msemmija fl-Artikolu L. 331-29 jew bl-użu ta’ mezz ta’ reġistrazzjoni li jiżgura l-integrità u s-sigurtà tagħhom, id-data ta’ natura personali u l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 2 tal-Anness tad-[décret no 2010-236, du 5 mars 2010, relatif au traitement automatisé de données à caractère personnel autorisé par l’article L. 331-29 du (CPI) (id-Digriet Nru 2010-236 tal‑5 ta’ Marzu 2010 dwar l-ipproċessar awtomizzat ta’ data ta’ natura personali awtorizzat mill-Artikolu L. 331-29 tal-[KPI] imsejjaħ ‘Sistema ta’ ġestjoni tal-miżuri għall-protezzjoni tax-xogħlijiet fuq l-internet’ (4)] […] f’terminu ta’ tmint ijiem wara t-trażmissjoni mill-kummissjoni għall-protezzjoni tad-drittijiet, tad-data teknika neċessarja għall-identifikazzjoni tal-abbonat li l-aċċess tiegħu għas-servizzi ta’ komunikazzjoni online lill-pubbliku ntuża għal skopijiet ta’ riproduzzjoni, ta’ rappreżentazzjoni, ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni jew ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku ta’ xogħlijiet jew oġġetti protetti mingħajr l-awtorizzazzjoni tal-proprjetarji tad-drittijiet […] meta dan ikun meħtieġ.

[…]”

18.      L-Artikolu R. 335-5 tal-KPI jipprovdi li:

“I.      Jikkostitwixxi negliġenza grossolana, issanzjonat b’multa prevista għall-kontravvenzjonijiet tal-ħames klassi, il-fatt, mingħajr motiv leġittimu, li l-persuna li għandha dritt ta’ aċċess għas-servizzi ta’ komunikazzjoni online lill-pubbliku, meta jkunu jinsabu ssodisfatti l-kundizzjonijiet previsti fit-Taqsima II:

1°      Jew li ma implimentatx metodu ta’ sigurtà għal dan l-aċċess;

2°      Jew li naqset mid-diliġenza fl-implimentazzjoni ta’ dan il-metodu.

II.      Id-dispożizzjonijiet tat-taqsima I huma applikabbli biss meta jkunu ssodisfatti ż-żewġ kundizzjonijiet li ġejjin:

1°      Skont l-Artikolu L. 331-25 u bil-modi stabbiliti minn dan l-artikolu, il-persuna li għandha dritt ta’ aċċess tkun ingħatat rakkomandazzjoni mill-kummissjoni għall-protezzjoni tad-drittijiet biex timplimenta metodu ta’ sigurtà tal-aċċess tagħha li jippermetti li jiġi prekluż it-tiġdid ta’ użu tal-aċċess għal finijiet ta’ riproduzzjoni, ta’ rappreżentazzjoni jew ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni jew ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku ta’ xogħlijiet jew oġġetti protetti minn drittijiet tal-awtur jew minn drittijiet relatati mingħajr l-awtorizzazzjoni tal-proprjetarji tad-drittijiet […] meta din tkun meħtieġa;

19.      2°      Fis-sena ta’ wara l-preżentazzjoni ta’ din ir-rakkomandazzjoni, dan l-aċċess jintuża mill-ġdid għall-finijiet imsemmija fil-paragrafu 1 ta’ din it-Taqsima II.”L-Artikolu L. 336-3 ta’ dan il-kodiċi jipprovdi li:

“Il-persuna li għandha dritt ta’ aċċess għas-servizzi ta’ komunikazzjoni online lill-pubbliku għandha l-obbligu li tiżgura li dan l-aċċess ma jkunx użat għal finijiet ta’ riproduzzjoni, ta’ rappreżentazzjoni, ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni jew ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku ta’ xogħlijiet jew ta’ oġġetti protetti mid-drittijiet tal-awtur jew minn drittijiet relatati mingħajr l-awtorizzazzjoni tal-proprjetarji […] meta din tkun meħtieġa.

In-nuqqas, tal-persuna li għandha dritt ta’ aċċess, milli twettaq l-obbligu ddefinit fl-ewwel paragrafu ma għandux l-effett li jwassal għar-responsabbiltà kriminali tal-persuna kkonċernata […]”.

2.      Id-digriet tal5 ta’ Marzu 2010

20.      Id-digriet tal‑5 ta’ Marzu 2010, fil-verżjoni applikabbli għall-fatti tal-kawża prinċipali, jipprovdi, fl-Artikolu 1 tiegħu:

“L-ipproċessar ta’ data ta’ natura personali msejjaħ ‘Sistema ta’ ġestjoni tal-miżuri għall-protezzjoni tax-xogħlijiet fuq l-internet’ għandu bħala għan l-implimentazzjoni, mill-kummissjoni għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-[Hadopi]:

1°      Tal-miżuri previsti mill-Ktieb III tal-parti leġiżlattiva tal-[KPI] (Titolu III, Kapitolu I, Taqsima 3(3)) u mill-Ktieb III tal-parti regolatorja tal-istess kodiċi (Titolu III, Kapitolu I, Taqsima 2(2));

2°      Tar-riferimenti mill-prosekutur pubbliku tar-Repubblika ta’ fatti li jistgħu jikkostitwixxu l-ksur previst fl-Artikoli L. 335-2, L. 335-3, L. 335-4 u R. 335-5 tal-istess kodiċi kif ukoll tal-informazzjoni lill-organi ta’ difiża professjonali u tal-organi ta’ ġestjoni kollettiva ta’ dawn ir-riferimenti;

[…]”

21.      L-Artikolu 4 ta’ dan id-digriet jipprovi:

“I.-      Għandhom aċċess dirett għad-data ta’ natura personali u għall-informazzjoni msemmija fl-anness ta’ dan id-digriet il-membri tal-persunal tas-servizz pubbliku li jkunu ħadu ġurament li jkunu awtorizzati mill-President tal-[Hadopi] skont l-Artikolu L. 331-21 tal-[KPI] u l-membri tal-kummissjoni għall-protezzjoni tad-drittijiet imsemmija fl-Artikolu 1.

II.      L-operaturi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi u l-prestatarji msemmija fit-Taqsima 2 tal-anness ta’ dan id-digriet huma destinatarji:

–        tad-data teknika meħtieġa għall-identifikazzjoni tal-abbonat;

–        tar-rakkomandazzjonijiet previsti fl-Artikolu L. 331-25 tal-[KPI] bil-għan li dawn jintbagħtu b’mod elettroniku lill-abbonati tagħhom;

–        tal-elementi meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-pieni komplementari ta’ sospensjoni tal-aċċess għal servizz ta’ komunikazzjoni online lill-pubbliku li jkun inġieb għall-konjizzjoni tal-kummissjoni għall-protezzjoni tad-drittijiet mill-prosekutur pubbliku tar-Repubblika.

III.      L-organi ta’ difiża professjonali u l-organi ta’ ġestjoni kollettiva huma destinatarji ta’ informazzjoni dwar ir-riferiment mill-prosekutur pubbliku tar-Repubblika.

IV.-      L-awtoritajiet ġudizzjarji huma destinatarji tal-proċessi verbali li jikkonstataw il-fatti li jistgħu jikkostitwixxu l-ksur previst fl-Artikoli L. 335-2, L. 335-3, L. 335-4, L. 335-7, R. 331-37, R. 331-38 u R. 335-5 tal-[KPI].

Ir-rekord kriminali awtomatizzat jiġi aġġornat bl-eżekuzzjoni tal-piena ta’ sospensjoni.”

22.      L-anness tad-digriet tal‑5 ta’ Marzu 2020 jipprovdi li:

“Id-data ta’ natura personali u informazzjoni rreġistrata fl-ipproċessar imsejjaħ ‘Sistema ta’ ġestjoni tal-miżuri għall-protezzjoni tax-xogħlijiet fuq l-internet’ hija s-segwenti:

1°      Data ta’ natura personali u informazzjoni provenjenti mill-organi ta’ difiża professjonali regolarment ikkostitwiti, mill-organi ta’ ġestjoni kollettiva, miċ-Ċentru nazzjonali taċ-ċinema u mill-immaġni animata kif ukoll dik provenjenti mill-prosekutur pubbliku tar-Repubblika:

Fir-rigward tal-fatti li jistgħu jikkostitwixxu nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ddefinit fl-Artikolu L. 336-3 tal-[KPI]:

Data u ħin tal-fatti;

Indirizz IP tal-abbonati kkonċernati;

Protokoll peer-to-peer użat;

Psewdonimu użat mill-abbonat;

Informazzjoni dwar ix-xogħlijiet jew oġġetti protetti kkonċernati mill-fatti;

Isem tal-fajl kif jidher fuq il-kompjuter tal-abbonat (jekk ikun il-każ);

Fornitur tal-aċċess għall-internet li miegħu kien sar l-abbonament għall-aċċess jew li pprovda r-riżorsa teknika IP.

[…]

2°      Data ta’ natura personali u informazzjoni dwar l-abbonat miġbura mingħand l-operaturi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi […] u tal-prestatarji […]: :

Kunjom, ismijiet;

Indirizz postali u indirizz elettroniku;

Dettalji tat-telefon;

Indirizz tal-istallazzjoni telefonika tal-abbonat;

Fornitur tal-aċċess għall-internet, li juża r-riżorsi tekniċi tal-fornitur tal-aċċess imsemmi fil-paragrafu 1, li miegħu abbonat iffirma kuntratt; numru tal-fajl;

Data tal-bidu tas-sospensjoni tal-aċċess għal servizz ta’ komunikazzjoni online lill-pubbliku.

[…]”

3.      Ilcode des postes et des télécommunications (ilKodiċi talPosta u tatTelekomunikazzjonijiet)

23.      L-Artikolu L. 34-1 tal-code des postes et des communications électroniques (il-Kodiċi tal-Posta u tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi), kif emendat bl-Artikolu 17 tal-Liġi Nru 2021-998 tat‑30 ta’ Lulju 2021 (5) (iktar ’il quddiem il-“KPKE”), jipprovdi, fil-paragrafu IIa tiegħu, li “l-operaturi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi huma obbligati li jżommu:

1°      Għall-bżonnijiet tal-proċeduri kriminali, tal-prevenzjoni tat-theddid kontra s-sigurtà pubblika u tas-salvagwardja tas-sigurtà nazzjonali, l-informazzjoni dwar l-identità ċivili tal-utent, sal-iskadenza ta’ terminu ta’ ħames snin b’effett minn tmiem il-validità tal-kuntratt tiegħu;

2°      Għall-istess finijiet bħal dawk imsemmija fis-subparagrafu 1 ta’ dan il-paragrafu IIa, l-informazzjoni l-oħra pprovduta mill-utent waqt l-iffirmar ta’ kuntratt jew waqt il-ħolqien ta’ kont kif ukoll l-informazzjoni dwar il-ħlas sal-iskadenza ta’ terminu ta’ sena b’effett minn tmiem il-validità tal-kuntratt tiegħu jew mill-għeluq tal-kont tiegħu;

3°      Għall-bżonnijiet tal-ġlieda kontra l-kriminalità u d-delinkwenza gravi, tal-prevenzjoni tat-theddid gravi kontra s-sigurtà pubblika u tas-salvagwardja tas-sigurtà nazzjonali, id-data teknika li tippermetti li jiġi identifikat is-sors ta’ konnessjoni jew dawk li jirrigwardaw it-tagħmir terminali użat, sal-iskadenza ta’ terminu ta’ sena b’effett mill-konnessjoni jew mill-użu tat-tagħmir terminali.”

III. Ilkawża prinċipali, iddomandi preliminari u lproċedura quddiem ilQorti talĠustizzja

24.      Permezz ta’ rikors tat‑12 ta’ Awwissu 2019 u żewġ noti komplementari tat‑12 ta’ Novembru 2019 u tas‑6 ta’ Mejju 2021, La Quadrature du Net, il-Fédération des fournisseurs d’accès à Internet associatifs, il-Franciliens.net u l-French Data Network ippreżentaw quddiem il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, Franza) talba intiża għall-annullament tad-deċiżjoni impliċita li biha l-Prim Ministru ċaħad it-talba tagħhom għat-tħassir tad-digriet tal‑5 ta’ Marzu 2010, minkejja li dan id-digriet u d-dispożizzjonijiet li jikkostitwixxu l-bażi legali tiegħu mhux biss huma ta’ preġudizzju eċċessiv għad-drittijiet iggarantiti mill-Kostituzzjoni Franċiża, iżda jmorru wkoll kontra l-Artikolu 15 tad-Direttiva 2002/58 kif ukoll kontra l-Artikoli 7, 8, 11, u 52 tal-Karta.

25.      B’mod partikolari, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jsostnu li d-digriet tal‑5 ta’ Marzu 2010 u d-dispożizzjonijiet li jikkostitwixxu l-bażi legali tiegħu jawtorizzaw l-aċċess għad-data ta’ konnessjoni b’mod sproporzjonat għall-ksur li jirrigwarda d-drittijiet tal-awtur imwettaq fuq l-internet li ma huwiex serju, mingħajr stħarriġ minn qabel min-naħa ta’ qorti jew minn awtorità li tagħti l-garanziji ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità.

26.      F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tenfasizza, l-ewwel nett, li l-Qorti tal-Ġustizzja, fl-aħħar sentenza tagħha La Quadrature du Net et (6), iddeċidiet li l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58, moqri fid-dawl tal-Artikoli 7, 8, 11, u tal-Artikolu 52(1) tal-Karta, ma jipprekludix miżuri leġiżlattivi li jipprevedu, għall-finijiet tas-salvagwardja tas-sigurtà nazzjonali, tal-ġlieda kontra l-kriminalità u tas-salvagwardja tas-sigurtà pubblika, iż-żamma ġġeneralizzata u mingħajr distinzjoni tad-data li tirrigwarda l-identità ċivili tal-utenti ta’ mezzi ta’ komunikazzjoni elettroniċi. Għaldaqstant, tali żamma ta’ din id-data hija possibbli, mingħajr terminu partikolari, għall-finijiet ta’ riċerka, ta’ konstatazzjoni u ta’ prosekuzzjoni tar-reati kriminali inġenerali.

27.      Minn dan, il-qorti tar-rinviju tiddeduċi li l-motiv imressaq mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali dwar l-illegalità tad-digriet tal‑5 ta’ Marzu 2010, inkwantu ġie adottat fil-kuntest tal-ġlieda kontra r-reati mhux serji, ma jistax ħlief jiġi miċħud.

28.      Din il-qorti tfakkar, sussegwentement, li l-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza tagħha Tele2 Sverige u Watson (7), iddeċidiet li l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58, moqri fid-dawl tal-Artikoli 7, 8, 11, u tal-Artikolu 52(1) tal-Karta, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tirregola l-protezzjoni u s-sigurtà tad-data dwar it-traffiku u tad-data dwar il-lokalizzazzjoni, b’mod partikolari l-aċċess mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għad-data miżmuma, mingħajr ma tissuġġetta l-imsemmi aċċess għal kontroll minn qabel minn qorti jew minn awtorità amministrattiva indipendenti.

29.      Hija tirrileva li l-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza Tele2 (8), ippreċiżat li, sabiex tiġi ggarantita, fil-prattika, l-osservanza sħiħa ta’ dawn il-kundizzjonijiet, huwa essenzjali li l-aċċess mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għad-data miżmuma jkun, bħala prinċipju, ħlief f’każijiet urġenti debitament iġġustifikati, suġġett għal kontroll minn qabel imwettaq jew minn qorti jew minn entità amministrattiva indipendenti, u li d-deċiżjoni ta’ din il-qorti jew ta’ din l-entità tingħata fuq talba motivata minn dawn l-awtoritajiet imressqa, b’mod partikolari, fil-kuntest ta’ proċeduri ta’ prevenzjoni, ta’ skoperta jew ta’ prosekuzzjoni kriminali.

30.      Il-qorti tar-rinviju tenfasizza li l-Qorti tal-Ġustizzja fakkret dan ir-rekwiżit fis-sentenza La Quadrature du Net et (9), fir-rigward ta’ ġbir f’ħin reali ta’ data dwar il-konnessjoni mis-servizzi tal-intelliġenza, kif ukoll fis-sentenza Prokuratuur (Kundizzjonijiet ta’ aċċess għad-data dwar il-komunikazzjonijiet elettroniċi) (10), għal dak li jirrigwarda l-aċċess tal-awtoritajiet nazzjonali għad-data dwar il-konnessjoni.

31.      Din il-qorti tosserva, finalment, li, sa mill-ħolqien tagħha fl-2009, il-Hadopi bagħtet iktar minn 12.7 miljun rakkomandazzjoni lill-persuni li għandhom abbonament skont il-proċedura ta’ risposta gradwata prevista fl-Artikolu L 331-25 tal-KPI, li fosthom 827 791 matul is-sena 2019 biss. Biex tagħmel dan, il-membri tal-persunal tal-kummissjoni għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-Hadopi għandhom ikunu jistgħu jiġbru, kull sena, numru konsiderevoli ta’ data dwar l-identità ċivili tal-utenti kkonċernati. Hija ssostni li, fid-dawl tal-volum ta’ dawn ir-rakkomandazzjonijiet, il-fatt li tissuġġetta dan il-ġbir għal stħarriġ minn qabel jirriskja li jrendi impossibbli l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet.

32.      Kien f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat), iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel id-domandi segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1.      Id-data tal-identità ċivili li tikkorrispondi ma’ indirizz IP tinsab fost id-data relatata mat-traffiku jew ta’ lokalizzazzjoni suġġetta, bħala prinċipju, għall-obbligu ta’ stħarriġ minn qabel minn qorti jew minn entità amministrattiva indipendenti li għandha setgħa vinkolanti?

2.      Jekk tingħata risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda, u fid-dawl tas-sensittività dgħajfa tad-data relatata mal-identità ċivili tal-utenti, inkluża l-informazzjoni ta’ kuntatt tagħhom, id-Direttiva [2002/58], moqrija fid-dawl tal-[Karta], għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi l-ġbir ta’ din l-informazzjoni li tikkorrispondi mal-indirizz IP tal-utenti minn awtorità amministrattiva, mingħajr stħarriġ minn qabel minn qorti jew minn entità amministrattiva indipendenti li għandha setgħa vinkolanti?

3.      Jekk tingħata risposta fl-affermattiv għat-tieni domanda, u fid-dawl tas-sensittività dgħajfa tad-data relatata mal-identità ċivili, tal-fatt li hija biss din id-data li tista’ tinġabar, unikament għall-bżonnijiet ta’ prevenzjoni ta’ ksur ta’ obbligi ddefiniti b’mod preċiż, limitattiv u restrittiv mid-dritt nazzjonali, u tal-fatt li stħarriġ sistematiku tal-aċċess għad-data ta’ kull utent minn qorti jew minn entità amministrattiva terza li għandha setgħa vinkolanti huwa tali li jikkomprometti t-twettiq tal-missjoni ta’ servizz pubbliku fdata lill-awtorità amministrattiva u li hija stess hija indipendenti, id-Direttiva [2002/58] tipprekludi li dan l-istħarriġ jitwettaq skont metodi adattati, bħal stħarriġ awtomatizzat, jekk ikun il-każ taħt is-superviżjoni ta’ servizz intern għall-organu li għandu garanziji ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità fir-rigward tal-aġenti inkarigati li jwettqu tali ġbir?”

33.      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, il-Gvern Franċiż, Estonjan, Svediż u dak Norveġiż, kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub. Dawn l-istess partijiet, ħlief għall-Gvern Estonjan, Daniż u Finlandiż, kienu rrappreżentati fis-seduta li nżammet fil‑5 ta’ Lulju 2022.

IV.    Analiżi

A.      Fuq lewwel u ttieni domandi preliminari

34.      Permezz tal-ewwel u tat-tieni domanda preliminari tagħha, li jeħtieġ, fil-fehma tiegħi, jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf, essenzjalment, jekk l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58, moqri fid-dawl tal-Artikoli 7, 8 u 11 kif ukoll tal-Artikolu 52(1) tal-Karta, għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti l-aċċess, minn awtorità amministrattiva responsabbli mill-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur u tad-drittijiet relatati kontra ksur ta’ dawn id-drittijiet imwettqa fuq l-internet, għal data dwar l-identità ċivili li tikkorrispondi mal-indirizzi IP sabiex din l-awtorità tkun tista’ tidentifika l-proprjetarji ta’ dawn l-indirizzi ssuspettati li huma responsabbli għal dan il-ksur u tkun tista’ tieħu, jekk ikun il-każ, miżuri f’dan ir-rigward, mingħajr ma dan l-aċċess ikun suġġett għal stħarriġ minn qabel minn qorti jew minn entità amministrattiva indipendenti.

1.      Iddelimitazzjoni taddomandi preliminari

a)      Ilġbir minn qabel millorgani taddetenturi talindirizzi IP

35.      Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-mekkaniżmu ta’ risposta gradwata inkwistjoni fil-kawża prinċipali jinvolvi żewġ attivitajiet ta’ pproċessar ta’ data suċċessivi li jikkonsistu, l-ewwel wieħed, fil-ġbir minn qabel mill-organizzazzjonijiet tad-detenturi tal-indirizzi IP fuq in-networks peer-to-peer ta’ persuni li jiksru d-drittijiet tal-awtur u, t-tieni wieħed, f’li tiġi stabbilita r-rabta bejn dawn l-indirizzi IP u l-identità ċivili tal-persuni mill-Hadopi wara li tiġi mitluba, għall-finijiet tat-trażmissjoni ta’ rakkomandazzjoni lill-persuni li l-aċċess tagħhom għas-servizzi ta’ komunikazzjoni online lill-pubbliku ntuża bi ksur tar-regoli li jirrigwardaw id-drittijiet tal-awtur.

36.      L-ewwel u t-tieni domanda preliminari jirrigwardaw biss it-tieni pproċessar imwettaq mill-Hadopi.

37.      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jsostnu madankollu li l-ewwel ipproċessar kellu jkun is-suġġett ta’ eżami mill-Qorti tal-Ġustizzja, inkwantu, jekk dawn l-indirizzi IP kienu nkisbu bi ksur tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2002/58, l-użu tagħhom fil-kuntest tat-tieni pproċessar ikun neċessarjament kontra dawn id-dispożizzjonijiet.

38.      Tali raġunament ma jistax ikun konvinċenti. L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2002/58 jillimita l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha għall-“ipproċessar ta’ data personali f’konnessjoni mal-forniment ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi”. Issa, kif ippreċiża l-Gvern Franċiż waqt is-seduta, l-organi tad-detenturi tad-drittijiet jiksbu l-indirizzi IP inkwistjoni mhux mingħand il-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, iżda direttament online, billi jikkonsultaw data disponibbli għall-pubbliku inġenerali.

39.      Għaldaqstant, jista’ jiġi kkonstatat biss li l-ġbir minn qabel tal-indirizzi IP mill-organi tad-detenturi tad-drittijiet ma jaqax taħt id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2002/58 u, kif tirrileva l-Kummissjoni, jista’ jiġi analizzat fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) 2016/679 (11). Tali analiżi jidhirli li teċċedi għaldaqstant il-kuntest tad-domandi preliminari magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja, u dan iktar u iktar peress li l-qorti tar-rinviju ma tagħmel ebda preċiżazzjoni dwar il-ġbir minn qabel li tippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja tagħtiha risposta utli.

40.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, jiena ser nikkonċentra l-analiżi tiegħi fuq il-punt tal-aċċess, mill-Hadopi, għad-data dwar l-identità ċivili li tikkorrispondi għal indirizz IP.

b)      Irrabta bejn lindirizzi IP u ddata dwar lidentità ċivili

41.      L-ewwel u t-tieni domanda preliminari jirrigwardaw “id-data tal-identità ċivili li tikkorrispondi ma’ indirizz IP”, li skont il-qorti tar-rinviju hija ta’ sensittività dgħajfa. Din il-qorti tirreferi esklużivament, fid-deċiżjoni tagħha, għall-punti tas-sentenza Quadrature du Net et li jirrigwardaw iż-żamma tad-data dwar l-identità ċivili.

42.      Huwa minnu li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tagħmel distinzjoni bejn is-sistema ta’ żamma u ta’ aċċess għall-indirizzi IP u s-sistema ta’ żamma u ta’ aċċess għad-data li tirrigwarda l-identità ċivili tal-utenti ta’ mezzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, fejn din it-tieni sistema hija inqas stretta mill-ewwel waħda (12).

43.      Madankollu, jidhirli li, f’dan il-każ, minkejja l-formulazzjoni ta’ dawn iż-żewġ domandi preliminari, il-punt inkwistjoni ma huwiex biss dak tal-aċċess għad-data dwar l-identità ċivili tal-utenti ta’ mezzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, iżda wkoll li tiġi stabbilita r-rabta bejn din id-data mal-indirizzi IP li jkollha l-Hadopi wara l-ġbir u t-trażmissjoni ta’ dawn tal-aħħar mill-organizzazzjonijiet tad-detenturi tad-drittijiet. Fil-fatt, kif tirrileva l-Kummissjoni, l-aċċess għad-data dwar l-identità ċivili mill-Hadopi hija intiża biex tiżblokka grupp iktar wiesgħa ta’ data, b’mod partikolari l-indirizzi IP u l-estratti tal-fajls ikkonsultati, u biex tippermetti l-użu tagħhom, peress li d-data dwar l-identità ċivili u l-indirizzi IP, indipendentement minn xulxin, ma humiex ta’ interess għall-awtoritajiet nazzjonali inkwantu la l-identità ċivili u lanqas l-indirizz IP minnu nnifsu ma jistgħu jagħtu informazzjoni fuq l-attivitajiet online tal-persuni fiżiċi meta ma tiġix stabbilita r-rabta bejniethom.

44.      Minn dan isegwi li jeħtieġ, fil-fehma tiegħi, li l-ewwel u t-tieni domanda preliminari jiġu interpretati bħala li jirrigwardaw mhux biss id-data dwar l-identità ċivili tal-utenti ta’ mezz ta’ komunikazzjoni elettroniku, iżda wkoll l-aċċess għall-indirizzi IP li jippermettu li jiġi identifikat is-sors ta’ konnessjoni.

c)      żamma talindirizzi IP millformituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni

45.      Kif jirrilevaw il-Gvern Franċiż u l-Kummissjoni, huwa minnu li d-domandi preliminari magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja ma jirrigwardawx, formalment, iż-żamma tad-data mill-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, iżda biss l-aċċess, mill-Hadopi, għal data dwar l-identità ċivili li tikkorrispondi għall-indirizzi IP.

46.      Madankollu, il-kwistjoni tal-aċċess mill-Hadopi għal din id-data jidhirli li hija fir-realtà inseparabbli minn dik, qabilha, taż-żamma tagħha mill-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet. Kif enfasizzat il-Qorti tal-Ġustizzja, iż-żamma ta’ data sseħħ biss għall-finijiet li, jekk ikun il-każ, id-data tkun aċċessibbli għall-awtoritajiet nazzjonali kompetenti (13). Fi kliem ieħor, iż-żamma u l-aċċess tad-data ma jistgħux jiġu kkonċepiti b’mod iżolat, minkejja li t-tieni waħda hija dipendenti fuq l-ewwel waħda.

47.      Ċertament, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà eżaminat il-kompatibbiltà mal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58 ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali dwar l-aċċess mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti biss għal ċerta data personali indipendentement mill-punt dwar il-kompatibbiltà ma’ din id-dispożizzjoni taż-żamma tad-data inkwistjoni (14). Għaldaqstant tista’ tingħata risposta għal dawn id-domandi preliminari mingħajr riferiment għall-punt dwar jekk id-data inkwistjoni inżammitx skont id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni.

48.      Madankollu, nirrileva, qabel kollox, li, fis-sentenza Ministerio Fiscal (15), l-eżami magħmul mill-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tal-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni tal-aċċess tal-awtoritajiet nazzjonali għal ċerta data personali jirrifletti strettament l-istess prinċipji bħal dak li hija ssegwi meta tiġi biex tevalwa l-kompatibbiltà taż-żamma ta’ din id-data mad-dritt tal-Unjoni. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja tirreferi esklużivament għall-ġurisprudenza żviluppata f’dan l-aħħar rigward sabiex tittrasponiha għall-kwistjoni tal-aċċess għal data personali. Fi kliem ieħor, fin-nuqqas ta’ eżami tal-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni taż-żamma ta’ ċerta data, dan l-eżami jiġi pospost għall-istadju tal-kwistjoni tal-aċċess għal din id-data, b’mod li l-kompatibbiltà ta’ dan l-aċċess tiddependi fl-aħħar mill-aħħar fuq dik taż-żamma.

49.      Imbagħad, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat b’mod ċar li l-aċċess għad-data personali jista’ jingħata biss sa fejn din id-data tkun inħażnet mill-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi b’mod konformi mal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58 (16) u li l-aċċess għad-data personali minn persuni privati biex jippermetti li jinbdew, quddiem il-qrati ċivili, prosekuzzjonijiet kontra l-ksur tad-drittijiet tal-awtur huwa kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni biss bil-kundizzjoni li din id-data tinżamm b’mod kompatibbli ma’ din id-dispożizzjoni (17).

50.      Fl-aħħar nett, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet b’mod kostanti li l-aċċess għad-data dwar it-traffiku u għad-data dwar il-lokalizzazzjoni maħżuna minn fornituri skont miżura adottata skont l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58, li għandu jitwettaq b’osservanza sħiħa tal-kundizzjonijiet li jirriżultaw mill-ġurisprudenza li interpretat id-Direttiva 2002/58, bħala prinċipju jista’ jiġi ġġustifikat biss mill-għan ta’ interess ġenerali li għalih din iż-żamma ġiet imposta fuq dawn il-fornituri (18). Fi kliem ieħor, il-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni tal-aċċess mill-awtoritajiet nazzjonali għal ċerti data personali hija kompletament dipendenti fuq il-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni taż-żamma ta’ din id-data.

51.      Minn dan jirriżulta, fil-fehma tiegħi, li l-analiżi tal-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi l-aċċess minn awtorità nazzjonali għal data personali tippreżumi li tkun ġiet stabbilita, minn qabel, il-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni taż-żamma ta’ din l-istess data.

52.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ser nibda l-analiżi tiegħi billi nfakkar il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kwistjoni taż-żamma tal-indirizzi IP attribwiti għas-sors ta’ konnessjoni, sabiex nuri l-limiti tagħha, u nipproponi interpretazzjoni aġġustata tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni.

2.      Ilġurisprudenza talQorti talĠustizzja dwar linterpretazzjoni talArtikolu 15(1) tadDirettiva 2002/58 firrigward ta’ miżuri li jirrigwardaw iżżamma talindirizzi IP assenjati lissors ta’ konnessjoni

53.      L-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2002/58 jistabbilixxi l-priniċipju ta’ kunfidenzjalità kemm tal-komunikazzjonijiet elettroniċi kif ukoll tad-data dwar it-traffiku relatata magħhom u jimplika, b’mod partikolari, il-projbizzjoni applikabbli, bħala regola, għal kwalunkwe persuna oħra, minbarra l-utenti, li taħżen, mingħajr il-kunsens tagħhom, dawn il-komunikazzjonijiet u din id-data (19).

54.      Għal dak li jirrigwarda l-ipproċessar u l-ħażna mill-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi tad-data dwar it-traffiku li jikkonċernaw lill-abbonati u lill-utenti, id-Direttiva 2002/58 tipprovdi, fl-Artikolu 6(1) tagħha, li din id-data għandha titħassar jew issir anonima meta ma tkunx iktar neċessarja għat-trażmissjoni ta’ komunikazzjoni, u jippreċiża, fl-Artikolu 6(2) tagħha, li d-data dwar it-traffiku fuq l-internet li hija neċessarja sabiex jiġu stabbiliti l-kontijiet tal-abbonati u l-ħlasijiet għal interkonnessjoni jistgħu jiġu pproċessati biss sat-tmiem tal-perijodu li matulu l-fattura tista’ tiġi legalment ikkontestata jew jistgħu jinbdew azzjonijiet għall-ħlas tagħhom. Fir-rigward tad-data dwar il-lokalizzazzjoni li ma tkunx data dwar it-traffiku, l-Artikolu 9(1) ta’ din id-direttiva jipprevedi li din id-data tista’ tiġi pproċessata biss taħt ċerti kundizzjonijiet u wara li tkun ġiet anonimizzata jew wara li jkun inkiseb il-kunsens tal-utenti jew tal-abbonati (20).

55.      B’hekk, bl-adozzjoni tad-Direttiva 2002/58, il-leġiżlatur tal-Unjoni kkonkretizza d-drittijiet stabbiliti fl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta, b’tali mod li l-utenti ta’ mezzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi għandhom id-dritt li jippretendu, bħala prinċipju, li l-komunikazzjonijiet tagħhom u d-data relatata magħhom jibqgħu, fl-assenza tal-kunsens tagħhom, anonimi u li ma jkunux is-suġġett ta’ reġistrazzjoni (21). Għaldaqstant, din id-direttiva ma hijiex limitata biex tirregola l-aċċess għal tali data b’garanziji intiżi li jipprevjenu l-abbuż, iżda tistabbilixxi wkoll, b’mod partikolari, il-prinċipju tal-projbizzjoni tal-ħażna tagħha minn terzi persuni.

56.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, safejn l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58 jippermetti lill-Istati Membri jadottaw miżuri leġiżlattivi intiżi sabiex “jirrestrinġu l-kamp ta’ applikazzjoni” tad-drittijiet u tal-obbligi previsti b’mod partikolari fl-Artikoli 5, 6 u 9 ta’ din id-direttiva, bħal dawk li jirriżultaw mill-prinċipji ta’ kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet u mill-projbizzjoni tal-ħażna tad-data relatata magħhom, din id-dispożizzjoni tistabbilixxi eċċezzjoni għar-regola ġenerali prevista b’mod partikolari f’dawn l-Artikoli 5, 6 u 9 u għandha għalhekk, konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita, tkun is-suġġett ta’ interpretazzjoni stretta. Tali dispożizzjoni, għalhekk, ma tistax tiġġustifika li d‑deroga mill-obbligu fuq livell ta’ prinċipju li tiġi żgurata l‑kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet elettroniċi u tad-data relatata magħhom u, b’mod partikolari, mill-projbizzjoni li tinħażen din id-data, prevista fl-Artikolu 5 tal-imsemmija direttiva, issir ir-regola, mingħajr ma ċċaħħad din l-aħħar dispożizzjoni mill-portata tagħha (22).

57.      Fir-rigward tal-għanijiet li jistgħu jiġġustifikaw limitazzjoni tad-drittijiet u tal-obbligi previsti, b’mod partikolari, fl-Artikoli 5, 6 u 9 tad-Direttiva 2002/58, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-lista tal-għanijiet li tinsab fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 15(1) ta’ din id-direttiva hija ta’ natura eżawrjenti, b’tali mod li miżura leġiżlattiva adottata bis-saħħa ta’ din id-dispożizzjoni għandha effettivament u strettament tissodisfa wieħed minn dawn l-għanijiet (23).

58.      Barra minn hekk, mit-tielet sentenza tal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58 jirriżulta li l-miżuri meħuda mill-Istati Membri skont din id-dispożizzjoni għandhom josservaw il-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, fosthom il-prinċipju ta’ proporzjonalità, u jiżguraw ir-rispett tad-drittijiet fundamentali ggarantiti mill-Karta. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-obbligu impost minn Stat Membru fuq il-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, permezz ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali, li jżommu d-data dwar it-traffiku bil-għan li, jekk ikun il-każ, jingħata aċċess għaliha lill‑awtoritajiet nazzjonali kompetenti jqajjem kwistjonijiet dwar l‑osservanza mhux biss tal-Artikoli 7 u 8 tal-Karta, relatati, rispettivament mal-protezzjoni tal-ħajja privata kif ukoll mal-protezzjoni ta’ data personali, iżda wkoll dwar dik tal-Artikolu 11 tal-Karta, dwar il-libertà ta’ espressjoni, peress li din il-libertà tikkostitwixxi wieħed mill-pedamenti essenzjali ta’ soċjetà demokratika u pluralistika u hija parti mill-valuri li fuqhom, skont l-Artikolu 2 TUE, hija bbażata l-Unjoni (24).

59.      Dan premess, sa fejn l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58 jippermetti lill-Istati Membri jillimitaw id-drittijiet u l-obbligi previsti fl-Artikoli 5, 6 u 9 ta’ din id-direttiva, din id-dispożizzjoni tirrifletti l-fatt li d-drittijiet sanċiti fl-Artikoli 7, 8 u 11 tal-Karta ma jidhirx li huma prerogattivi assoluti, iżda bħala li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fid-dawl tal-funzjoni tagħhom fis-soċjetà. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-Artikolu 52(1) tal-Karta, din taċċetta limitazzjonijiet għall-eżerċizzju ta’ dawn id-drittijiet, sakemm dawn il‑limitazzjonijiet huma previsti mil-liġi, jirrispettaw il-kontenut essenzjali tal-imsemmija drittijiet u, bl-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, ikunu neċessarji u effettivament jissodisfaw għanijiet ta’ interess ġenerali rrikonoxxuti mill-Unjoni jew il-ħtieġa li jiġu protetti d‑drittijiet u l-libertajiet ta’ oħrajn. Għaldaqstant, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58, moqri fid‑dawl tal-Karta, għandha tieħu inkunsiderazzjoni wkoll l-importanza li għandhom l-għanijiet ta’ protezzjoni tas-sigurtà nazzjonali u tal-ġlieda kontra l-kriminalità serja fil-kontribut għall-protezzjoni tad-drittijiet u tal-libertajiet ta’ oħrajn u tad-drittijiet stabbiliti fl-Artikoli 3, 4, 6 u 7 tal-Karta (25), li minnhom jistgħu joħorġu l-obbligi pożittivi li għandhom l-awtoritajiet pubbliċi (26).

60.      Huwa fl-isfond ta’ dawn l-obbligi pożittivi differenti li għandu, għaldaqstant, jinstab il-bilanċ bejn l-interessi leġittimi u d-drittijiet differenti inkwistjoni. F’dan il-kuntest, mill-istess termini tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58 jirriżulta li l‑Istati Membri jistgħu jadottaw miżura li tidderoga mill-prinċipju ta’ kunfidenzjalità meta tali miżura tkun “neċessarja, xierqa u proporzjonata f’soċjeta’ demokratika”, fejn il-premessa 11 ta’ din id-direttiva tindika, f’dan is-sens, li miżura ta’ dan it-tip għandha tkun “strettament” proporzjonata mal-għan li għandu jintlaħaq (27).

61.      F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-possibbiltà għall-Istati Membri li jiġġustifikaw limitazzjoni għad-drittijiet u għall-obbligi previsti, b’mod partikolari, fl-Artikoli 5, 6 u 9 tad-Direttiva 2002/58 għandha tkun evalwata billi titqies il-gravità tal-indħil li tali limitazzjoni ġġib magħha u billi jiġi vverifikat li l-importanza tal-għan ta’ interess ġenerali li għandu jintlaħaq minn din il-limitazzjoni hija proporzjonata ma’ din il-gravità (28).

62.      Nirrileva, barra minn hekk, li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddistingwixxi, fil-ġurisprudenza tagħha, minn naħa, bejn l-indħil li jirriżulta mill-aċċess għad-data li, bħala tali, jipprovdi informazzjoni preċiża fuq il-komunikazzjonijiet inkwistjoni u, għaldaqstant, fuq il-ħajja privata tal-persuna, u li għalihom is-sistema ta’ żamma hija stretta, u min-naħa l-oħra, l-indħil li jirriżulta mill-aċċess għad-data, li tista’ tipprovdi tali informazzjoni biss jekk tkun akkumpanjata b’data oħra, bħalma huma l-indirizzi IP (29).

63.      Għal dak li jirrigwarda b’mod iktar partikolari l-indirizzi IP, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat għaldaqstant li dawn jiġu ġġenerati indipendentement minn komunikazzjoni partikolari u jservu prinċipalment sabiex jidentifikaw, permezz tal‑fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, lill‑persuna fiżika li hija l-proprjetarja tat-tagħmir terminali li minnu tkun saret komunikazzjoni bl-internet. B’hekk, sakemm jinżammu biss l-indirizzi IP tas-sors tal-komunikazzjoni u mhux dawk tad-destinatarju tagħha, din il-kategorija ta’ data hija inqas sensittiva minn data oħra dwar it‑traffiku (30).

64.      Il-Qorti tal-Ġustizzja tenfasizza fl-istess ħin li, peress li l-indirizzi IP jistgħu jintużaw, b’mod partikolari, biex jiġi ttraċċat b’mod eżawrjenti l-proċess ta’ navigazzjoni ta’ utent tal-internet u, konsegwentement, l-attività online tiegħu, din id-data tippermetti li jiġi stabbilit il-profil iddettaljat ta’ dan tal-aħħar u biex wieħed jasal għal konklużjonijiet preċiżi dwar il-ħajja privata tal-utent. Iż-żamma u l-analiżi tal-imsemmija indirizzi IP jikkostitwixxu ndħil serju fid-drittijiet fundamentali sanċiti fl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta, li jista’ jkollhom effetti dissważivi fuq l-eżerċizzju tal-libertà tal-espressjoni ggarantita fl-Artikolu 11 tal-imsemmija Karta (31).

65.      Madankollu, skont ġurisprudenza stabbilita, sabiex jinstab il-bilanċ neċessarju bejn id-drittijiet u l-interessi leġittimi inkwistjoni mitlub mill-ġurisprudenza, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li, fil-każ ta’ reat imwettaq online, l-indirizz IP jista’ jkun l-uniku mezz ta’ investigazzjoni li jippermetti l-identifikazzjoni tal-persuna li lilha kien attribwit dan l‑indirizz fil-mument tat-twettiq ta’ dan ir-reat (32).

66.      Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja tgħid li miżura leġiżlattiva li tipprevedi ż-żamma ġġeneralizzata u mingħajr distinzjoni ta’ indirizzi IP assenjati lis-sors ta’ komunikazzjoni biss, ma tidhirx, bħala regola, li tikser l-Artikolu 15(1) tad‑Direttiva 2002/58, moqri fid-dawl tal-Artikoli 7, 8 u 11 kif ukoll tal-Artikolu 52(1) tal-Karta, sakemm din il-possibbiltà tkun suġġetta għall-osservanza stretta tal-kundizzjonijiet sostantivi u proċedurali li għandhom jirregolaw l-użu ta’ din id-data u sakemm, fid-dawl tan-natura serja tal-indħil li jirriżulta minn din iż-żamma, huma biss il‑ġlieda kontra l-kriminalità serja u l-prevenzjoni ta’ theddid serju kontra s-sigurtà pubblika, l-istess bħas-sigurtà nazzjonali, li jistgħu jiġġustifikaw dan l-indħil (33).

67.      Il-Qorti tal-Ġustizzja tippreċiża barra minn hekk li l-perijodu taż-żamma ma jistax jeċċedi dak li huwa strettament neċessarju fid-dawl tal-għan imfittex u li miżura ta’ dan it-tip għandha tipprovdi kundizzjonijiet u garanziji stretti fir-rigward tal-użu ta’ din id-data (34).

3.      Illimiti talġurisprudenza dwar linterpretazzjoni talArtikolu 15(1) tadDirettiva 2002/58 għal dak li jirrigwarda lmiżuri intiżi għażżamma talindirizzi IP assenjati lissors ta’ konnessjoni

68.      Is-soluzzjoni li waslet għaliha l-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward ta’ miżuri nazzjonali intiżi għaż-żamma tal-indirizzi IP assenjati lis-sors ta’ konnessjoni, interpretati fid-dawl tal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58, jidhirli madankollu li tippreżenta żewġ diffikultajiet prinċipali.

a)      Rikonċiljazzjoni malġurisprudenza dwar ilkomunikazzjoni talindirizzi IP assenjati lissors ta’ konnessjoni filkuntest tarrikorsi għallprotezzjoni taddrittijiet ta’ proprjetà intellettwali

69.      Fl-ewwel lok, kif diġà kont semmejt fil-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża M.I.C.M. (35), teżisti tensjoni ċerta bejn din il-linja ta’ ġurisprudenza u dik dwar il-komunikazzjoni tal-indirizzi IP fil-kuntest tar-rikorsi għall-protezzjoni tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali għall-proprjetarji ta’ dawn id-drittijiet, li tagħmel enfasi fuq l-obbligu tal-Istati Membri li jiżguraw lill-proprjetarji tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali possibbiltajiet reali li jiksbu kumpens għad-danni li jirriżultaw mill-ksur ta’ dawn id-drittijiet (36).

70.      Fil-fatt, għal dak li jikkonċerna din it-tieni linja ta’ ġurisprudenza, il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi b’mod kostanti li d-dritt tal-Unjoni ma jipprekludix li l-Istati Membri jistabbilixxu obbligu ta’ trażmissjoni lil persuni privati ta’ data personali sabiex ikunu jistgħu jinbdew proċeduri, quddiem il-qrati ċivili, kontra l-preġudizzji għad-drittijiet tal-awtur (37).

71.      Il-Qorti tal-Ġustizzja tirrileva, f’dan ir-rigward, li l-possibbiltà, għall-Istati Membri, li jipprovdu l-obbligu li tiġi żvelata, fil-kuntest ta’ prosekuzzjonijiet ċivili, data personali tirriżulta l-ewwel nett mill-possibbiltà li jiġi previst tali żvelar fil-kuntest tal-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali (38), li sussegwentement ġiet estiża għall-proċeduri ċivili.

72.      Fl-istess ħin, għal dak li jirrigwarda l-indirizzi IP, il-Qorti tal-Ġustizzja timponi madankollu li din id-data tista’ tinżamm biss fil-kuntest tal-ġlieda kontra l-kriminalità serja u l-prevenzjoni tat-theddid serju għas-sigurtà pubblika (39).

73.      It-tentattivi ta’ rikonċiljazzjoni ta’ dawn iż-żewġ linji ta’ ġurisprudenza jwasslu, fil-fehma tiegħi, għal riżultati mhux adegwati u ma jistgħux ikunu konvinċenti.

74.      Minn naħa, għall-kuntrarju ta’ dak li sostna l-Gvern Franċiż waqt is-seduta, il-ġlieda kontra l-ksur tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali ma tistax taqa’ taħt il-ġlieda kontra l-kriminalità serja. Il-kunċett ta’ “kriminalità serja” għandu, fil-fehma tiegħi, jirċievi interpretazzjoni awtonoma. Dan ma jistax jiddependi fuq it-tifsiriet ta’ kull Stat Membru għax inkella jiġi li jippermetti li jiġu evitati r-rekwiżiti tal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58 skont jekk l-Istati Membri jadottawx tifsira estensiva jew le tal-ġlieda kontra l-kriminalità serja. Għaldaqstant, kif irrilevajt diġà, l-interessi marbutin mal-protezzjoni tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali ma jistgħux jitħalltu ma’ dawk li fuqhom hija bbażata l-ġlieda kontra l-kriminalità serja (40).

75.      Min-naħa l-oħra, jekk tiġi aċċettata t-trażmissjoni ta’ indirizzi IP lill-proprjetarji tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali fil-kuntest tal-proċeduri li għandhom bħala suġġett il-protezzjoni tagħhom, anki jekk iż-żamma tagħhom hija magħmula possibbli biss fil-kuntest tal-ġlieda kontra l-kriminalità serja, dan ikun imur manifestament kontra l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar iż-żamma tad-data dwar il-konnessjoni u twassal biex jiġu mċaħħda mill-effett utli l-kundizzjonijiet meħtieġa għaż-żamma ta’ tali data, peress li fi kwalunkwe każ jista’ jsir aċċess għalihom għal raġunijiet differenti.

76.      Minn dan jirriżulta, fil-fehma tiegħi, li ż-żamma tal-indirizzi IP għall-finijiet tal-protezzjoni tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali kif ukoll il-komunikazzjoni tagħhom lill-proprjetarji ta’ dawn id-drittijiet fil-kuntest tal-proċeduri li għandhom bħala suġġett din il-protezzjoni jistgħu jmorru kontra l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58, kif interpretat fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. L-obbligu ta’ trażmissjoni lil persuni privati ta’ data personali sabiex ikunu jistgħu jinbdew proċeduri, quddiem il-qrati ċivili, kontra l-preġudizzji għad-drittijiet tal-awtur, li sar possibbli mill-Qorti tal-Ġustizzja stess, jiġi għaldaqstant, fl-istess ħin, innewtralizzat bit-tħaddim tal-ġurisprudenza tagħha stess dwar iż-żamma tal-indirizzi IP mill-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi.

77.      Madankollu, tali soluzzjoni ma hijiex sodisfaċenti inkwantu tikkontesta l-bilanċ bejn id-diversi interessi involuti li l-Qorti tal-Ġustizzja fittxet li tistabbilixxi, billi ċċaħħad lill-proprjetarji ta’ drittijiet ta’ proprjetà intellettwali mill-mezz prinċipali, jekk mhux l-uniku mezz, biex jiġu identifikati l-awturi tal-ksur ta’ dawn id-drittijiet online. Din il-kunsiderazzjoni twassalni biex nesponi t-tieni diffikultà li tista’ tirriżulta, fil-fehma tiegħi, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, għal dak li jirrigwarda l-miżuri nazzjonali li jirrigwardaw iż-żamma tal-indirizzi IP assenjati lis-sors ta’ konnessjoni interpretata fid-dawl tal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58.

b)      Irriskju ta’ impunità sistemika għallksur imwettaq esklużivament online

78.      Għaldaqstant, fit-tieni lok, jiena tal-fehma li din is-soluzzjoni hija s-sors ta’ diffikultajiet prattiċi. Kif tenfasizza l-Qorti tal-Ġustizzja stess, f’każ ta’ ksur imwettaq esklużivament online, l-indirizz IP jista’ jikkostitwixxi l-uniku mezz ta’ investigazzjoni li jippermetti l-identifikazzjoni tal-persuna li lilha huwa assenjat dan l-indirizz fil-mument tat-twettiq ta’ dan il-ksur.

79.      Madankollu, jidhirli li dan l-element ma jiġix kompletament meħud inkunsiderazzjoni fl-ibbilanċjar tal-interessi inkwistjoni. Peress li l-Qorti tal-Ġustizzja tillimita xorta waħda l-possibbiltà ta’ żamma tal-indirizzi IP għall-kuntest tal-ġlieda kontra l-kriminalità serja, hija teskludi fl-istess ħin li din id-data tkun tista’ tinżamm sabiex jiġu miġġielda r-reati kriminali inġenerali, filwaqt li wħud minn dan il-ksur jista’ jiġi pprevjenut, skopert jew issanzjonat biss grazzi għall-imsemmija data.

80.      Fi kliem ieħor, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tista’ twassal biex l-awtoritajiet nazzjonali jiġu mċaħħda mill-uniku mezz ta’ identifikazzjoni tal-awturi ta’ ksur online li ma jaqgħux madankollu taħt il-kriminalità serja, bħalma huwa l-ksur tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali. Minn dan tirriżulta fil-fatt impunità sistemika għall-ksur imwettaq esklużivament online, lil hinn, barra minn hekk, mis-sempliċi ksur tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali. Jiena naħseb b’mod partikolari fl-atti ta’ malafama mwettqa online. Id-dritt tal-Unjoni jipprevedi ċertament projbizzjonijiet kontra l-intermedjarji li s-servizzi tagħhom jintużaw għat-twettiq ta’ tali ksur (41), iżda mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jista’ jirriżulta li l-awturi stess ta’ dawn l-atti jistgħu ma jiġu mfittxija qatt.

81.      Ħlief jekk mhux għax jiġi aċċettat li sensiela sħiħa ta’ reati kriminali jistgħu ma jkunu qatt suġġetti għall-prosekuzzjoni, jiena tal-fehma li l-bilanċ bejn id-diversi interessi involuti għandu jkun is-suġġett ta’ analiżi ġdida.

82.      Dawn il-kunsiderazzjonijiet differenti jwassluni biex nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja ċerta aġġustament tal-ġurisprudenza dwar il-miżuri nazzjonali li jirrigwardaw iż-żamma tal-indirizzi IP interpretati fid-dawl tal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58.

4.      Ilproposta ta’ aġġustament talġurisprudenza talQorti talĠustizzja dwar linterpretazzjoni talArtikolu 15(1) tadDirettiva 2002/58 firrigward ta’ miżuri li jirrigwardaw iżżamma talindirizzi IP assenjati lissors ta’ konnessjoni

83.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jiena tal-fehma li l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix miżuri li jipprevedu ż-żamma ġġeneralizzata u mingħajr distinzjoni tal-indirizzi IP assenjati lis-sors ta’ konnessjoni, għal perijodu limitat fiż-żmien għal dak li huwa strettament neċessarju, għall-finijiet li tiġi żgurata l-prevenzjoni, ir-riċerka, il-konstatazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali online li għalihom l-indirizz IP jikkostitwixxi l-unika mezz ta’ investigazzjoni li jippermetti l-identifikazzjoni tal-persuna li kien assenjat lilha dan l-indirizz fil-mument tat-twettiq tal-ksur.

84.      Jeħtieġ li nenfasizza, f’dan ir-rigward, li tali proposta ma tippreġudikax, fil-fehma tiegħi, ir-rekwiżit ta’ proporzjonalità imposta għaż-żamma tad-data, fid-dawl tan-natura serja tal-indħil fid-drittijiet fundamentali stabbiliti fl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta li jimplika dan l-indħil (42). Għall-kuntrarju, hija tissodisfa bis-sħiħ dan ir-rekwiżit.

85.      Minn naħa, il-limitazzjoni għad-drittijiet u għall-obbligi previsti fl-Artikoli 5, 6 u 9 tad-Direttiva 2002/58 li tikkostitwixxi ż-żamma tal-indirizzi IP għandha għan ta’ interess ġenerali meta mqabbla ma’ din in-natura serja, jiġifieri l-prevenzjoni, ir-riċerka, il-konstatazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali msemmija fit-testi li inkella jibqgħu mingħajr effett.

86.      Min-naħa l-oħra, din il-limitazzjoni taħdem fil-limiti ta’ dak li huwa strettament neċessarju. Fil-fatt, tali żammi hija limitata għal ipoteżijiet preċiżi, jiġifieri r-reati kriminali mwettqa online u li għalihom l-identifikazzjoni tal-awtur tagħhom hija possibbli biss grazzi għall-indirizz IP li jiġi assenjat lilu. Fi kliem ieħor, ma hijiex kwistjoni li tiġi awtorizzata żamma ġġeneralizzata u mingħajr distinzjoni tad-data mingħajr kundizzjonijiet oħra, iżda biss li tkun permessa l-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali mhux inġenerali, iżda dawk iddefiniti b’mod speċifiku.

87.      Madankollu, għalkemm l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58 ma jiprekludix żamma ġġeneralizzata u mingħajr distinzjoni tal-indirizzi IP assenjati lis-sors ta’ konnessjoni għall-finijiet li tiġi żgurata l-prevenzjoni, ir-riċerka, il-konstatazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali online li għalihom l-indirizz IP jikkostitwixxi l-unika mezz ta’ investigazzjoni li jippermetti l-identifikazzjoni tal-persuna li kien assenjat lilha dan l-indirizz fil-mument tat-twettiq tal-ksur, jeħtieġ li jiġi ppreċiżat mill-ġdid li, skont il-ġurisprudenza, din il-possibbiltà għandha tkun suġġetta “għall-osservanza stretta tal-kundizzjonijiet sostantivi u proċedurali li għandhom jirregolaw l-użu ta’ din id-data” (43). Il-Qorti tal-Ġustizzja tippreċiża wkoll li tali miżura “għandha tipprevedi kundizzjonijiet u garanziji stretti dwar l-użu ta’ din id-data” (44).

88.      Fi kliem ieħor, kif diġà enfasizzajt, iż-żamma tad-data u l-aċċess għal din id-data ma jistgħux jiġu kkonċepiti b’mod iżolat. F’dawn iċ-ċirkustanzi, għalkemm il-possibbiltà għall-Hadopi li taċċedi għall-indirizzi IP ma hijiex immedjatament kontra l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58 sa fejn din id-data tkun inżammet b’mod konformi mar-rekwiżiti previsti f’din id-dispożizzjoni, xorta jibqa’ meħtieġ, sabiex tingħata risposta għad-domandi preliminari magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja, li jiġi eżaminat jekk il-kundizzjonijiet ta’ aċċess għall-indirizzi IP assenjati lis-sors ta’ konnessjoni mill-Hadopi humiex, minnhom infushom, konformi mal-imsemmija dispożizzjoni, b’mod partikolari għal dak li jirrigwarda l-ħtieġa jew le ta’ stħarriġ minn qabel ta’ tali aċċess minn qorti jew minn awtorità amministrattiva indipendenti.

89.      Wara li analizzajt il-kwistjoni preliminari taż-żamma tal-indirizzi IP assenjati lis-sors ta’ konnessjoni, ser nipproċedi għall-eżami tal-aċċess għal din id-data mill-Hadopi fid-dawl tal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58.

5.      Laċċess għaddata ta’ identità ċivili li tikkorrispondi għallindirizzi IP millHadopi

90.      Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, għal dak li jirrigwarda l-għanijiet li jistgħu jiġġustifikaw miżura nazzjonali li tidderoga mill-prinċipju ta’ kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet elettroniċi, jirriżulta li l-aċċess għad-data għandu jirrifletti strettament u oġġettivament wieħed minn dawn l-għanijiet, u li l-għan imfittex minn din il-miżura għandu jkun marbut mal-gravità tal-indħil fid-drittijiet fundamentali li jinvolvi dan l-aċċess (45).

91.      Barra minn hekk, kif esponejt (46), l-aċċess għad-data miżmuma minn fornituri bis-saħħa ta’ miżura meħuda skont l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58 jista’, bħala regola, ikun iġġustifikat biss minħabba l-għan ta’ interess ġenerali li għalih din iż-żamma ġiet imposta fuq dawn il-fornituri (47).

92.      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet għaldaqstant, skont il-prinċipju ta’ proporzjonalità, li ndħil serju jista’ jkun iġġustifikat biss, fil-qasam tal-prevenzjoni, tal-investigazzjoni, tal-iskoperta u tal-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali, minn għan ta’ ġlieda kontra l-kriminalità li għandha wkoll tkun ikklassifikata bħala serja (48).

93.      F’dan ir-rigward, nirrileva, għall-kuntrarju ta’ dak li sostnew il-Gvern Franċiż u l-Kummissjoni, li l-aċċess mill-Hadopi għad-data dwar l-identità ċivili li tikkorrispondi għal indirizz IP jikkostitwixxi fil-fatt indħil serju fid-drittijiet fundamentali. Fil-fatt, din ma hijiex biss kwistjoni ta’ aċċess għad-data dwar l-identità ċivili, li hija, minnha nfisha, ta’ sensittività dgħajfa, iżda fil-fatt li din id-data tiġi marbuta ma’ grupp ta’ data iktar wiesgħa, jiġifieri l-indirizz IP, u wkoll, kif jenfasizzaw ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, estratt mill-fajl imniżżel bi ksur tad-drittijiet tal-awtur. Għaldaqstant, dan jinvolvi li l-identità ċivili ta’ persuna tiġi marbuta mal-kontenut tal-fajl ikkonsultat u mal-indirizz IP li bih seħħet din il-konsultazzjoni tal-fajl.

94.      Madankollu, bl-istess mod li jien tal-fehma li tiġi permessa wkoll iż-żamma ta’ data li tikkostitwixxi ndħil serju għad-drittijiet fundamentali għall-finijiet li tiġi żgurata l-prevenzjoni, l-investigazzjoni, il-konstatazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali online li għalihom l-indirizz IP jikkostitwixxi l-uniku mezz ta’ investigazzjoni li jippermetti l-identifikazzjoni tal-persuna li lilha kien assenjat dan l-indirizz fil-mument tat-twettiq tal-ksur (49), jiena nemmen li l-aċċess għal din id-data għandu jsir possibbli sabiex jiġi mfittex l-istess għan, inkella tkun qiegħda tiġi aċċettata l-impunità ġenerali tal-ksur imwettaq esklużivament online.

95.      L-aċċess mill-Hadopi għad-data dwar l-identità ċivili marbuta ma’ indirizz IP jidhirli, għaldaqstant, li huwa ġġustifikat mill-għan ta’ interess ġenerali li għalih din iż-żamma ġiet imposta fuq il-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi.

96.      Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tippreċiża madankollu li leġiżlazzjoni nazzjonali li tirregola l-aċċess tal-awtoritajiet kompetenti għad-data dwar it-traffiku u għad-data dwar il-lokalizzazzjoni miżmuma ma tistax teżiġi sempliċement li l-aċċess jissodisfa l-għan imfittex minn din il-leġiżlazzjoni, iżda għandha tipprevedi wkoll il-kundizzjonijiet sostantivi u proċedurali li jirregolaw l-aċċess mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għad-data miżmuma (50).

97.      B’mod partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, peress li aċċess ġenerali għad-data miżmuma kollha, indipendentement minn kwalunkwe rabta mal-għan imfittex, ma jistax jitqies li huwa limitat għal dak li jkun strettament neċessarju, il-leġiżlazzjoni nazzjonali għandha tibbaża ruħha fuq kriterji oġġettivi sabiex tiddefinixxi ċ-ċirkustanzi u l-kundizzjonijiet li fihom l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom jingħataw aċċess għad-data tal-utenti, b’mod li jiġi vverifikat li l-aċċess jingħata biss għad-data ta’ persuni ssuspettati li qegħdin jippjanaw, li qegħdin iwettqu jew li wettqu reat serju jew inkella li huma involuti b’xi mod jew ieħor f’tali reat (51).

98.      Għaldaqstant, skont il-ġurisprudenza, sabiex tiġi ggarantita, fil-prattika, l-osservanza sħiħa ta’ dawn il-kundizzjonijiet, huwa essenzjali li l-aċċess mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għad-data miżmuma jkun, bħala prinċipju, suġġett għal kontroll minn qabel imwettaq jew minn qorti jew minn entità amministrattiva indipendenti (52).

99.      Madankollu, nirrileva li l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet din il-ħtieġa ta’ stħarriġ minn qabel tal-aċċess għad-data personali f’ċirkustanzi partikolari li huma differenti minn dawk ta’ dan il-każ, li jimplikaw indħil partikolarment serju u fil-ħajja privata tal-utenti ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi.

100. Fil-fatt, f’kull waħda mis-sentenzi li enfasizzaw dan ir-rekwiżit, kienu involuti miżuri nazzjonali li jawtorizzaw l-aċċess għad-data kollha dwar it-traffiku u dwar il-lokalizzazzjoni tal-utenti li jirrigwardaw il-mezzi kollha ta’ komunikazzjoni elettronika (53) jew, tal-inqas, it-telefonija fissa u mobbli (54). B’mod iktar preċiż, kien involut l-aċċess għal “grupp ta’ data […] li tista’ tipprovdi informazzjoni dwar il-komunikazzjonijiet magħmula minn utent ta’ mezz ta’ komunikazzjoni elettronika jew dwar il-lokalizzazzjoni tal-apparat terminali użat minnu u li tippermetti li jinsiltu konklużjonijiet preċiżi dwar il-ħajja privata tiegħu” (55), b’mod li r-rekwiżit ta’ stħarriġ minn qabel tal-aċċess għal din id-data minn qorti jew minn entità amministrattiva indipendenti jeżisti biss, fil-fehma tiegħi, f’dawn iċ-ċirkustanzi.

101. Madankollu, minn naħa, l-aċċess mill-Hadopi jibqa’ limitat biex jorbot id-data dwar l-identità ċivili mal-indirizz IP użat u mal-fajl ikkonsultat f’mument preċiż, mingħajr ma dan iwassal biex jippermetti lill-awtoritajiet kompetenti jibnu l-istorja tal-ibbrawżjar online tal-utent ikkonċernat, u lanqas, għaldaqstant, li jinstiltu l-konklużjonijiet preċiżi fuq il-ħajja privata tiegħu lil hinn mill-għarfien tal-fajl preċiż ikkonsultat fil-mument tar-reat. Għaldaqstant, ma hijiex kwistjoni li jkun permess l-intraċċjar tal-attività kollha online tal-utent inkwistjoni.

102. Min-naħa l-oħra, din id-data tikkonċerna biss id-data ta’ persuni li, kif ġie kkonstatat fil-proċessi verbali stabbiliti mill-organizzazzjonijiet tad-detenturi tad-drittijiet, wettqu fatti li jistgħu jikkostitwixxu nuqqas ta’ twettiq tal-obbligu previst fl-Artikolu L.336-3 tal-KPI. L-aċċess mill-Hadopi għad-data dwar l-identità ċivili kkombinata mal-indirizzi IP huwa għaldaqstant strettament limitat għal dak li huwa neċessarju biex jintlaħaq l-għan imfittex, jiġifieri li tkun permessa l-prevenzjoni, l-investigazzjoni, il-konstatazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali online li għalihom l-indirizz IP jikkostitwixxi l-uniku mezz ta’ investigazzjoni li jippermetti l-identifikazzjoni tal-persuna li kien assenjat lilha dan l-indirizz fil-mument tat-twettiq tar-reat, li fih jidħol il-mekkaniżmu ta’ risposta gradwata.

103. F’dawn iċ-ċirkustanzi, jiena tal-fehma li l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58 ma jimponix ir-rekwiżit ta’ stħarriġ minn qabel tal-aċċess mill-Hadopi għad-data dwar l-identità ċivili abbinata mal-indirizzi IP tal-utenti minn qorti jew minn entità amministrattiva indipendenti.

104. Mill-bqija, nirrileva, kif enfasizza l-Gvern Franċiż, li l-aċċess mill-Hadopi għal din id-data, għalkemm ma huwiex suġġett għal stħarriġ minn qabel minn qorti jew minn entità indipendenti, ma huwiex madankollu eżentat minn kull kontroll, peress li l-fajl mibgħut mill-Hadopi lill-operaturi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi huwa dejjem magħmul minn membru tal-persunal li jkun ħa ġurament wara t-talbiet irċevuti u kkonvalidati, b’mod każwali b’kampjun, qabel ma dawn jiżdiedu mal-fajl (56). Fuq kollox, għandu jiġi osservat li l-proċedura ta’ risposta gradwata tibqa’ suġġetta għad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva (UE) 2016/680 (57). F’dan ir-rigward, il-persuni fiżiċi kkunsidrati mill-Hadopi jibbenefikaw minn sensiela ta’ garanziji sostantivi u proċedurali previsti f’din id-direttiva. Dawn jinkludu d-dritt ta’ aċċess, ta’ rettifika u ta’ tħassir tad-data personali pproċessata mill-Hadopi, kif ukoll il-possibbiltà li titressaq talba quddiem awtorità ta’ stħarriġ indipendenti, segwita, jekk ikun il-każ, b’rikors ġudizzjarju ppreżentat fil-kundizzjonijiet tad-dritt komuni (58).

105. Għaldaqstant, nipproponi li tingħata risposta għall-ewwel u għat-tieni domanda preliminari fis-sens li l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58, moqri fid-dawl tal-Artikoli 7, 8 u 11 kif ukoll tal-Artikolu 52(1) tal-Karta, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti l-ħażna mill-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika u l-aċċess, minn awtorità amministrattiva responsabbli mill-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur u tad-drittijiet relatati kontra ksur ta’ dawn id-drittijiet imwettqa fuq l-internet, limitat għal data dwar l-identità ċivili li tikkorrispondi mal-indirizzi IP sabiex din l-awtorità tkun tista’ tidentifika l-proprjetarji ta’ dawn l-indirizzi ssuspettati li huma responsabbli għal dan il-ksur u tkun tista’ tieħu, jekk ikun il-każ, miżuri fil-konfront tagħhom, mingħajr ma dan l-aċċess ikun suġġett għal stħarriġ minn qabel minn xi qorti jew minn xi entità amministrattiva indipendenti, meta din id-data tikkostitwixxi l-uniku mezz ta’ investigazzjoni li jippermetti l-identifikazzjoni tal-persuna lil lilha dan l-indirizz kien assenjat fil-mument tat-twettiq tar-reat.

B.      Fuq ittielet domanda preliminari

106. Permezz tat-tielet domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk, f’każ li tingħata risposta fl-affermattiv għall-ewwel u għat-tieni domanda preliminari, u fid-dawl tas-sensittività dgħajfa tad-data dwar l-identità ċivili, tal-qafas strett tal-aċċess għad-data u tar-rekwiżit li ma tiġix kompromessa l-missjoni ta’ servizz pubbliku fdata lill-awtorità amministrattiva inkwistjoni, l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58, moqri fid-dawl tal-Artikoli 7, 8 u 11 kif ukoll tal-Artikolu 52(1) tal-Karta, għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li l-istħarriġ minn qabel tal-aċċess isir skont il-metodi adattati, bħalma huwa l-istħarriġ awtomatizzat, jekk ikun il-każ taħt is-superviżjoni ta’ servizz intern għall-organu li għandu garanziji ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità fir-rigward tal-aġenti inkarigati li jwettqu tali ġbir.

107. Mill-formulazzjoni tat-tielet domanda preliminari kif ukoll mir-risposta bil-miktub tal-Gvern Franċiż għad-domandi tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-modalitajiet ta’ stħarriġ adattati li jissemmew f’din id-domanda ma jirrigwardawx mekkaniżmu ta’ stħarriġ eżistenti fid-dritt nazzjonali, iżda r-rimedji li jistgħu jiġu esplorati u li huma intiżi li jagħmlu l-mekkaniżmu Franċiż konformi mad-dritt tal-Unjoni jekk ikun il-każ.

108. Madankollu, skont ġurisprudenza stabbilita, talba għad-deċiżjoni preliminari ma għandhiex bħala għan il-formulazzjoni ta’ opinjonijiet konsultattivi fuq domandi ġenerali u ipotetiċi, iżda hija intiża biex tissodisfa l-bżonn inerenti għas-soluzzjoni effettiva ta’ tilwima li tirrigwarda d-dritt tal-Unjoni (59).

109. Peress li t-tielet domanda preliminari hija, għaldaqstant, fil-fehma tiegħi, ta’ natura ipotetika, jeħtieġ li din titqies inammissibbli.

110. Fi kwalunkwe każ, meħud kont tar-risposta li nipproponi li tingħata lill-ewwel u lit-tieni domanda preliminari, ma hemmx bżonn li tingħata risposta għat-tielet domanda.

V.      Konklużjoni

111. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja biex tirrispondi kif ġej għad-domandi preliminari magħmula mill-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, Franza):

L-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika), moqri fid-dawl tal-Artikoli 7, 8 u 11 kif ukoll tal-Artikolu 52(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti l-ħażna mill-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika u l-aċċess, minn awtorità amministrattiva responsabbli mill-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur u tad-drittijiet relatati kontra ksur ta’ dawn id-drittijiet imwettqa fuq l-internet, limitat għal data dwar l-identità ċivili li tikkorrispondi mal-indirizzi IP sabiex din l-awtorità tkun tista’ tidentifika l-proprjetarji ta’ dawn l-indirizzi ssuspettati li huma responsabbli għal dan il-ksur u tkun tista’ tieħu, jekk ikun il-każ, miżuri fil-konfront tagħhom, mingħajr ma dan l-aċċess ikun suġġett għal stħarriġ minn qabel minn xi qorti jew entità amministrattiva indipendenti, meta din id-data tikkostitwixxi l-uniku mezz ta’ investigazzjoni li jippermetti l-identifikazzjoni tal-persuna lil lilha dan l-indirizz kien assenjat fil-mument tat-twettiq tar-reat.


1      Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2      Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 12, Vol 2, p. 121).


3      Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward ta’ l-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 15, p. 355).


4      JORF tas‑7 ta’ Marzu 2010, test Nru 19.


5      JORF tal‑31 ta’ Lulju 2021, test Nru 1. Din il-verżjoni tal-Artikolu L. 34-1 tal-KPKE, fis-seħħ b’effett mill‑31 ta’ Lulju 2021, ġiet adottata wara d-deċiżjoni tal-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, Franza) tal‑21 ta’ April 2021, Nru 393099 (JORF tal‑25 ta’ April 2021) li kienet skartat il-verżjoni preċedenti ta’ din id-dispożizzjoni li kienet tinkludi obbligu ta’ żamma ta’ data personali “għall-bżonnijiet tar-riċerka, tal-konstatazzjoni u tal-prosekuzzjoni tar-reati kriminali jew ta’ nuqqas ta’ twettiq tal-obbligu ddefinit fl-Artikolu L. 336-3 [tal-KPI]” bil-għan biss li tippermetti, jekk meħtieġ, li l-informazzjoni tkun disponibbli, b’mod partikolari, għall-Hadopi. Permezz ta’ Deċiżjoni Nru 2021-976-977 QPC, tal‑25 ta’ Frar 2022 (M. Habib A. et), il-Conseil constitutionnel (il-Kunsill Kostituzzjonali, Franza) iddikjara din il-verżjoni preċedenti tal-Artikolu L. 34-1 tal-KPKE bħala li tikser il-kostituzzjoni minħaba essenzjalment li, “billi jawtorizzaw iż-żamma ġenerali u mingħajr distinzjoni tad-data dwar il-konnessjoni, id-dispożizzjonijiet ikkontestati joħolqu preġudizzju sproporzjonat għad-dritt għar-rispett tal-ħajja privata” (punt 13). Din il-qorti qieset fil-fatt li d-data dwar il-konnessjoni li għandha tinżamm skont dawn id-dispożizzjonijiet tirrigwarda mhux biss l-identifikazzjoni tal-utenti tas-servizzi ta’ komunikazzjoni elettroniċi iżda wkoll data oħra li, “fid-dawl tad-diversità tagħha u tal-ipproċessar li għaliha hija tista’ tkun suġġetta, tipprovdi fuq dawn l-utenti kif ukoll, jekk ikun il-każ, fuq terzi, informazzjoni vasta u preċiża, partikolarment li tippreġudika l-ħajja privata tagħhom” (punt 11).


6      Ara s-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2020 (C‑511/18, C‑512/18 u C‑520/18, iktar ’il quddiem is-“sentenza La Quadrature du Net et”, EU:C:2020:791, id-dispożittiv).


7      Ara s-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2016 (C‑203/15 u C‑698/15, iktar ’il quddiem is-“sentenza Tele2”, EU:C:2016:970, id-dispożittiv).


8      Punt 120 ta’ din is-sentenza.


9      Punt 189 ta’ din is-sentenza.


10      Sentenza tat‑2 ta’ Marzu 2021 (C‑746/18, iktar ’il quddiem is-“sentenza Prokuratuur”, EU:C:2021:152).


11      Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU 2016, L 119, p. 1).


12      Ara s-sentenza Quadrature du Net et (punti 155 u 159).


13      Ara s-sentenza Tele2 (punt 79).


14      Ara s-sentenza tat‑2 ta’ Ottubru 2018, Ministerio Fiscal (C‑207/16, EU:C:2018:788, punt 49).


15      Sentenza tat‑2 ta’ Ottubru 2018 (C‑207/16, EU:C:2018:788).


16      Ara s-sentenza Prokuratuur (punt 29).


17      Ara s-sentenza tas‑17 ta’ Ġunju 2021, M.I.C.M. (C-597/19, EU:C:2021:492, punti 127 sa 130).


18      Ara s-sentenzi La Quadrature du Net et, punt 166); tal‑5 ta’ April 2022, Commissioner of An Garda Síochána et (C-140/20, iktar ’il quddiem is-“sentenza Commissioner of An Garda Síochána et”, EU:C:2022:258, punt 98), u tal‑20 ta’ Settembru 2022, SpaceNet, (C‑793/19 u C‑794/19, iktar ’il quddiem is-“sentenza SpaceNet”, EU:C:2022:702, punt 131).


19      Ara s-sentenzi La Quadrature du Net et (punt 107); Commissioner of An Garda Síochána et (punt 35), u SpaceNet (punt 52).


20      Ara s-sentenzi Tele2 (punt 86); La Quadrature du Net et (punt 108); Commissioner of An Garda Síochána et (punt 38), u SpaceNet (punt 55).


21      Ara s-sentenzi La Quadrature du Net et (punt 109); Commissioner of An Garda Síochána et (punt 37), u SpaceNet (punt 54).


22      Ara s-sentenzi La Quadrature du Net et (punti 110 u 111); Commissioner of An Garda Síochána et (punt 40), u SpaceNet (punt 57).


23      Ara s-sentenzi La Quadrature du Net et (punt 112); Commissioner of An Garda Síochána et (punt 41), u SpaceNet (punt 58).


24      Ara s-sentenzi La Quadrature du Net et (punti 113 u 114); Commissioner of An Garda Síochána et (punt 42), u SpaceNet (punt 60).


25      Ara s-sentenzi La Quadrature du Net et (punti 120 sa 122); Commissioner of An Garda Síochána et (punt 48), u SpaceNet (punt 63).


26      Ara s-sentenzi La Quadrature du Net et (punti 120 sa 122); Commissioner of An Garda Síochána et (punt 49), u SpaceNet (punt 64).


27      Ara s-sentenzi La Quadrature du Net et (punti 127 sa 129); Commissioner of An Garda Síochána et (punti 50 u 51), u SpaceNet (punti 65 u 66).


28      Ara s-sentenzi La Quadrature du Net et (punt 131); Commissioner of An Garda Síochána et (punt 53), u SpaceNet (punt 68).


29      Ara l-punti 41 et seq. ta’ dawn il-konklużjonijiet.


30      Ara s-sentenza La Quadrature du Net et (punt 152).


31      Ara s-sentenzi La Quadrature du Net et (punt 153); Commissioner of An Garda Síochána et (punt 73), u SpaceNet (punt 103) (enfasi miżjuda minni).


32      Ara s-sentenzi La Quadrature du Net et (punt 154); Commissioner of An Garda Síochána et (punt 73), u SpaceNet (punt 103).


33      Ara s-sentenzi La Quadrature du Net et (punti 155 u 156); Commissioner of An Garda Síochána et (punt 74), u SpaceNet (punti 104 u 105) (enfasi tiegħi).


34      Ara s-sentenzi La Quadrature du Net et (punt 156) u SpaceNet (punt 105).


35      C‑597/19, EU:C:2020:1063, punt 98.


36      Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża M.I.C.M. (C‑597/19, EU:C:2020:1063, punt 97).


37      Ara s-sentenzi tad‑19 ta’ April 2012, Bonnier Audio et (C‑461/10, EU:C:2012:219, punt 55); tal‑4 ta’ Mejju 2017, Rīgas satiksme (C‑13/16, EU:C:2017:336, punt 34), u tas‑17 ta’ Ġunju 2021, M.I.C.M. (C‑597/19, EU:C:2021:492, punti 47 sa 54).


38      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑29 ta’ Jannar 2008, Promusicae (C‑275/06, EU:C:2008:54, punti 50 sa 52).


39      Ara l-punt 65 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


40      Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża M.I.C.M. (C‑597/19, EU:C:2020:1063, punt 103).


41      Ara l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑8 ta’ Ġunju 2000 dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà tal-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern (Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol 25, p. 399).


42      Ara l-punti 60 u 61 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


43      Ara s-sentenza La Quadrature du Net et (punt 155) (enfasi miżjuda minni).


44      Ara s-sentenza La Quadrature du Net et (punt 156) (enfasi miżjuda minni).


45      Ara s-sentenzi tat‑2 ta’ Ottubru 2018, Ministerio Fiscal (C‑207/16, EU:C:2018:788, punt 55), u Prokuratuur (punt 32).


46      Punt 47 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


47      Ara s-sentenzi SpaceNet, (punt 131); La Quadrature du Net et (punt 166), u Commissioner of An Garda Síochána et (punt 98).


48      Ara s-sentenzi Tele2 (punt 115); tat‑2 ta’ Ottubru 2018, Ministerio Fiscal (C‑207/16, EU:C:2018:788, punt 56), u Prokuratuur (punt 33).


49      Ara l-punti 65 et seq. ta’ dawn il-konklużjonijiet.


50      Ara s-sentenzi Tele2 (punt 118); Prokuratuur (punt 49), u Commissioner of An Garda Síochána et (punt 104).


51      Ara s-sentenzi Tele2 (punt 119); Prokuratuur (punt 50), u Commissioner of An Garda Síochána et (punt 105).


52      Ara s-sentenzi Tele2 (punt 120); Prokuratuur (punt 51), u Commissioner of An Garda Síochána et (punt 106).


53      Ara s-sentenzi Tele2 u Commissioner of An Garda Síochána et.


54      Ara s-sentenza Prokuratuur.


55      Ara s-sentenza Prokuratuur (punt 45).


56      B’mod anċillari, nirrileva li argumenti ta' l-fattibbiltà jimmilitaw ukoll kontra l-obbligu ta’ stħarrig sistematiku minn qabel. L-eżistenza ta’ sistema organizzata ta’ ġlieda kontra l-ksur tad-drittijiet tal-awtur imwettaq online, bħal ma huwa dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tippreżupponi n-neċċesità li jiġu pproċessati kwantitajiet kbar ta’ data personali, bi proporzjon man-numru ta’ ksur, jiġifieri, bħala eżempju, għas-sena 2019, skont l-osservazzjonijiet tal-Gvern Franċiż, kien hemm 33 465 talba għall-identifikazzjoni tal-indirizz IP magħmula mill-Hadopi kuljum. F’dan il-kuntest, l-obbligu ta’ stħarriġ minn qabel għall-aċċess għal din id-data jirriskja li jikkomprometti, fil-prattika, il-funzjonament tal-mekkaniżmi tal-ġlieda kontra l-vjolazzjoni online, li jippreġudika l-bilanċ bejn id-drittijiet tal-utenti u dawk tal-awturi.


57      Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni ta' persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta' reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta' pieni kriminali, u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li tħassar id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI (ĠU 2016, L 119, p. 89).


58      Dawn il-garanziji kollha huma previsti mid-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu III, Titolu III tal-loi no 78-17 relative à l'informatique, aux fichiers et aux libertés, tas‑6 ta’ Jannar 1978 (il-Liġi Nru 78-17 dwar l-Informatika, il-Fajls u l-Libertajiet, (JORF tas‑7 ta’ Jannar 1978)).


59      Ara s-sentenzi tas‑26 ta’ Ottubru 2017, Balgarska energiyna borsa (C‑347/16, EU:C:2017:816, punt 31); tal‑31 ta’ Mejju 2018, Confetra et (C‑259/16 u C‑260/16, EU:C:2018:370, punt 63), u tas‑17 ta’ Ottubru 2019, Elektrorazpredelenie Yug (C‑31/18, EU:C:2019:868, punt 32).