Language of document :

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tal-5 ta’ Mejju 2022 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Bundesgerichtshof - il-Ġermanja) – absoluts-bikes and more- GmbH & Co. KG vs the-trading-company GmbH

(Kawża C-179/21) 1

(Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tal-konsumaturi – Direttiva 2011/83/UE – Artikolu 6(1)(m) – Kuntratt mill-bogħod bejn konsumatur u kummerċjant – Obbligu tal-kummerċjant li jinforma lill-konsumatur bl-eżistenza ta’ garanzija kummerċjali tal-produttur u bil-kundizzjonijiet relatati magħha – Kundizzjonijiet li fihom jinħoloq tali obbligu – Kontenut tal-informazzjoni li għandha tiġi kkomunikata lill-konsumatur dwar il-garanzija kummerċjali tal-produttur – Effett tal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 1999/44/KE)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Bundesgerichtshof

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: absoluts-bikes and more- GmbH & Co. KG

Konvenut: the-trading-company GmbH

Dispożittiv

L-Artikolu 6(1)(m) tad-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2011 dwar drittijiet tal-konsumatur, li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE u d-Direttiva 1999/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 85/577/KEE u d-Direttiva 97/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, għandu jiġi interpretat fis-sens li, fir-rigward tal-garanzija kummerċjali offruta mill-produttur, l-obbligu ta’ informazzjoni impost fuq il-kummerċjant minn din id-dispożizzjoni ma jitnissilx mis-sempliċi fatt tal-eżistenza ta’ din il-garanzija iżda biss meta l-konsumatur ikollu interess leġittimu li jikseb informazzjoni dwar l-imsemmija garanzija sabiex ikun jista’ jieħu d-deċiżjoni tiegħu li jintrabat kuntrattwalment mal-kummerċjant. Tali interess leġittimu huwa b’mod partikolari stabbilit meta l-kummerċjant jagħmel mill-garanzija kummerċjali tal-produttur element ċentrali jew deċiżiv tal-offerta tiegħu. Sabiex jiġi ddeterminat jekk il-garanzija tikkostitwixxix element ċentrali jew deċiżiv, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-kontenut u l-konfigurazzjoni ġenerali tal-offerta fir-rigward tal-oġġett ikkonċernat, tal-importanza, f’termini ta’ argument ta’ bejgħ jew ta’ argument ta’ reklamar, tal-indikazzjoni tal-garanzija kummerċjali tal-produttur, tal-pożizzjoni okkupata minn din l-indikazzjoni fl-offerta, tal-probabbiltà ta’ żball jew ta’ konfużjoni li l-imsemmija indikazzjoni tista’ twassal f’moħħ il-konsumatur medju, normalment informat u raġonevolment attent u avżat fir-rigward tad-diversi drittijiet għall-garanzija li dan jista’ jeżerċita jew tal-identità reali tal-garanti, tal-preżenza jew le, fl-offerta, ta’ spjegazzjonijiet relatati mal-garanziji l-oħra konnessi mal-oġġett kif ukoll ta’ kull element ieħor li jista’ jistabbilixxi ħtieġa oġġettiva ta’ protezzjoni tal-konsumatur.

L-Artikolu 6(1)(m) tad-Direttiva 2011/83, moqri flimkien mat-tieni inċiż tal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 1999/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Mejju 1999 dwar ċerti aspetti tal-bejgħ ta’ oġġetti tal-konsum u garanziji assoċjati magħhom, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta lill-konsumatur dwar il-kundizzjonijiet dwar il-garanzija kummerċjali tal-produttur tinkludi kull element ta’ informazzjoni li jikkonċerna l-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni u ta’ implimentazzjoni ta’ tali garanzija, li jippermetti lill-konsumatur jieħu d-deċiżjoni tiegħu jekk jintrabatx kuntrattwalment jew le mal-kummerċjant.

____________

1     ĠU C 242, 21.6.2021