Language of document : ECLI:EU:T:2012:301

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla)

14 ta’ Ġunju 2012 (*)

“Ambjent — Regolament (KE) Nru 1367/2006 — Obbligu tal-Istati Membri li jħarsu u li jtejbu l-kwalità tal-arja fl-ambjent — Deroga temporanja mogħtija lil Stat Membru — Talba għal eżami mill-ġdid intern — Rifjut — Miżura ta’ portata individwali — Validità — Konvenzjoni ta’ Aarhus”

Fil-Kawża T‑396/09,

Vereniging Milieudefensie, stabbilita f’Amsterdam (il-Pajjiżi l-Baxxi),

Stichting Stop Luchtverontreiniging Utrecht, stabbilita f’Utrecht (il-Pajjiżi l-Baxxi),

irrappreżentati minn A. van den Biesen, avukat,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata inizjalment minn P. Oliver, W. Roels u A. Alcover San Pedro, sussegwentement minn P. Oliver, A. Alcover San Pedro u E. Manhaeve, u fl-aħħar nett minn P. Oliver, A. Alcover San Pedro u B. Burggraaf, bħala aġenti,

konvenuta,

sostnuta minn

Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, irrappreżentat minn C. Wissels, Y. de Vries, J. Langer u M. de Ree, bħala aġenti,

minn

Il-Parlament Ewropew, irrappreżentat inizjalment minn L. Visaggio u A. Baas, sussegwentement minn L. Visaggio u G. Corstens, bħala aġenti,

u minn

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn M. Moore u F. Naert, bħala aġenti,

intervenjenti,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2009) 6121, tat-28 ta’ Lulju 2009, li tiċħad bħala inammissibbli t-talba tar-rikorrenti intiża sabiex il-Kummissjoni teżamina mill-ġdid id-deċiżjoni tagħha C (2009) 2560 finali, tas-7 ta’ April 2009, li tagħti lir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi deroga temporanja mill-obbligi previsti mid-Direttiva 2008/50/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-21 ta’ Mejju 2008, dwar il-kwalità tal-arja fl-ambjent u arja iktar nadifa għall-Ewropa (ĠU L 152, p. 1),

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla),

komposta minn A. Dittrich, President, I. Wiszniewska-Białecka (Relatur) u M. Prek, Imħallfin,

Reġistratur: N. Rosner, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-13 ta’ Settembru 2011,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Ir-rikorrenti huma, minn naħa, Vereniging Milieudefensie, assoċjazzjoni rregolata mid-dritt tal-Pajjiżi l-Baxxi, stabbilita f’Amsterdam (il-Pajjiżi l-Baxxi) u li għandha bħala għan il-ħarsien tal-ambjent u t-titjib tal-kwalità tal-arja fil-Pajjiżi l-Baxxi, u, min-naħa l-oħra, Stichting Stop Luchtverontreiniging Utrecht, fondazzjoni rregolata mid-dritt tal-Pajjiżi l-Baxxi, stabbilita f’Utrecht (il-Pajjiżi l-Baxxi), li tiġġieled kontra t-tniġġis tal-arja fir-reġjun ta’ Utrecht.

2        Fil-15 ta’ Lulju 2008, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, b’mod konformi mal-Artikolu 22 tad-Direttiva 2008/50/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-21 ta’ Mejju 2008, dwar il-kwalità tal-arja fl-ambjent u arja iktar nadifa għall-Ewropa (ĠU L 152, p. 1), innotifika lill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej bil-posponiment tat-terminu stabbilit sabiex jintlaħaq il-valur limitu annwali stabbilit għad-dijossidu tan-nitroġenu f’disa’ żoni u l-eżenzjoni mill-obbligu li japplikaw il-valuri limitu ta’ kuljum u annwali stabbiliti għall-materja partikulata li tgħaddi minn daħla selettiva b’50 % efficiency cut-off f’dijametru aerodinamiku ta’ 10 µm (iktar ’il quddiem, il-“PM10”).

3        Fis-7 ta’ April 2009, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni C (2009) 2560 finali (iktar ’il quddiem, id-“Deċiżjoni tas-7 ta’ April 2009”).

4        L-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tas-7 ta’ April 2009 jipprovdi:

“1. Ma ssir l-ebda oġġezzjoni kontra l-posponiment tat-terminu stabbilit sabiex jintlaħaq il-valur limitu annwali għad-dijossidu tan-nitroġenu stabbilit fl-Anness XI tad-Direttiva 2008/50/KE fiż-żoni 1 sa 8 imsemmija fl-anness ta’ din id-deċiżjoni. Il-posponiment japplika sal-31 ta’ Diċembru 2014.

2. Ma ssir l-ebda oġġezzjoni kontra l-posponiment tat-terminu stabbilit sabiex jintlaħaq il-valur limitu annwali għad-dijossidu tan-nitroġenu fiż-żona 9 imsemmija fl-anness ta’ din id-deċiżjoni, sakemm il-pjan nazzjonali dwar il-kwalità tal-arja, in-[Nationale Samenwerkingsprogramma Luchtkwaliteit] (NSL), u l-pjan reġjonali kkonċernat jiġu adattati b’mod li jiggarantixxu li l-valur limitu annwali għad-dijossidu tan-nitroġenu jintlaħaq sal-31 ta’ Diċembru 2012 […]”

5        L-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni tas-7 ta’ April 2009 jindika:

“Ma ssir l-ebda oġġezzjoni kontra l-eżenzjonijiet […] mill-obbligu li jiġu applikati l-valuri limitu għall-PM10 stabbiliti fl-Anness XI tad-Direttiva 2008/50/KE […]

L-eżenzjoni tapplika sal-10 ta’ Ġunju 2011.”

6        L-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tas-7 ta’ April 2009 jipprovdi li r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi għandu jibgħat lill-Kummissjoni ċerta informazzjoni rigward il-valuri limitu stabbiliti fid-Direttiva 2008/50.

7        B’ittra tat-18 ta’ Mejju 2009, ir-rikorrenti ressqu quddiem il-Kummissjoni talba għal eżami mill-ġdid intern tad-Deċiżjoni tas-7 ta’ April 2009 abbażi tal-Artikolu 10(1) tar-Regolament (KE) Nru 1367/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-6 ta’ Settembru 2006, dwar l-applikazzjoni għall-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità tad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni tal-Pubbliku fit-Teħid ta’ Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali (ĠU L 264, p. 13).

8        Bid-Deċiżjoni C (2009) 6121, tat-28 ta’ Lulju 2009 (iktar ’il quddiem, id-“deċiżjoni kkontestata”), il-Kummissjoni ċaħdet it-talba għal eżami mill-ġdid intern ippreżentata mir-rikorrenti. Hija indikat:

“Intom titolbu l-eżami mill-ġdid intern tad-Deċiżjoni tas-7 ta’ April 2009 minħabba li l-Pajjiżi l-Baxxi ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 22 tad-Direttiva 2008/50/KE u li għaldaqstant il-Kummissjoni kellha tqajjem oġġezzjonijiet kontra t-talba għal posponiment tat-terminu stabbilit sabiex jintlaħqu l-valuri limitu stabbiliti għad-[dijossidu tan-nitroġenu] u għal eżenzjoni mill-obbligu li jiġu applikati l-valuri limitu stabbilit għall-PM10.

[…]

Mill-qari tal-Artikolu 10 flimkien mal-qari tad-definizzjoni ta’ ‛att amministrattiv’ imsemmija fl-Artikolu 2(1)(g) tar-Regolament Nru 1367/2006 jirriżulta li talba għal eżami mill-ġdid intern tista’ ssir biss kontra miżura ta’ portata individwali adottata minn istituzzjoni jew korp tal-Komunità taħt id-dritt dwar l-ambjent u li għandha effett estern u legalment vinkolanti.

Mingħajr ma tiddeċiedi fuq il-kwistjoni dwar jekk il-kundizzjonijiet l-oħra ta’ ammissibbiltà tat-talba msemmija fit-Titolu IV tar-Regolament Nru 1367/2006 humiex sodisfatti, il-Kummissjoni tqis li d-Deċiżjoni tas-7 ta’ April 2009 ma hijiex miżura ta’ portata individwali.

Il-Kummissjoni tifhem it-talba tagħkom fis-sens li intom tqisu li d-deċiżjoni tikkostitwixxi att amministrattiv li huwa ta’ portata individwali (deċiżjoni), b’mod partikolari inkwantu hija tindirizza Stat Membru wieħed imsemmi b’ismu […].

Deċiżjoni indirizzata lil Stat Membru speċifiku tista’ madankollu tikkostitwixxi miżura ta’ portata ġenerali jekk hija intiża sabiex tapprova miżuri li japplikaw għal kategorija jew diversi kategoriji ta’ persuni ddefiniti b’mod ġenerali u astratt.

Teżisti ġurisprudenza fis-sens li derogi minn sistema ġenerali speċifika li l-Kummissjoni tkun awtorizzat permezz ta’ deċiżjonijiet li jikkonfermawhom taħt direttiva speċifika huma tal-istess natura legali bħad-direttiva nfisha jekk dawn id-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni jindirizzaw f’termini astratti persuni li ma humiex iddefiniti b’mod iktar preċiż u jekk huma japplikaw għal sitwazzjonijiet iddefiniti b’mod oġġettiv. F’każijiet bħal dawn, id-deċiżjonijiet (minkejja li huma msejħa deċiżjonijiet) għandhom jitqiesu bħala miżuri ta’ portata ġenerali. Ara d-digriet tal-Qorti Ġenerali, tas-16 ta’ Frar 2005, Fost Plus VZW vs Il‑Kummissjoni (T‑142/03, Ġabra p. II‑589, punt 47, u l-ġurisprudenza ċċitata hemmhekk).

Fid-dawl tal-kamp ta’ applikazzjoni u tal-kundizzjonijiet għad-deroga prevista mill-Artikolu 22 tad-Direttiva 2008/50/KE, il-Kummissjoni tqis li hija tikkonċerna applikazzjoni għal sitwazzjoni ddefinita b’mod oġġettiv, li għandha effetti legali fuq kategoriji ta’ persuni ddefiniti b’mod ġenerali u astratt. Għaldaqstant, id-deċiżjonijiet li huma bbażati fuq l-Artikolu 22 tad-Direttiva 2008/50/KE għandhom jitqiesu bħala ‛derogi minn sistema ġenerali’ fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata iktar ’il fuq u dawn id-deċiżjonijiet għandhom għalhekk l-istess portata ġenerali bħall-imsemmija direttiva.

Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li l-applikazzjoni tal-Artikolu 22 tad-Direttiva 2008/50/KE tippreżumi li l-Istat Membru jkun stabbilixxa pjan rigward il-kwalità tal-arja għaż-żoni jew l-agglomerazzjonijiet li għalihom għandhom japplikaw il-posponiment tat-terminu u l-eżenzjoni. Dan il-pjan jipprevedi l-adozzjoni u l-implementazzjoni ta’ miżuri li japplikaw għal persuni li ma humiex iddefiniti b’mod iktar preċiż f’sitwazzjonijiet iddefiniti b’mod oġġettiv. Id-deċiżjoni bbażata fuq l-Artikolu 22 tad-Direttiva 2008/50/KE, li permezz tagħha l-Kummissjoni ma ressqitx oġġezzjoni kontra n-notifika tal-Pajjiżi l-Baxxi, hija bbażata fuq il-pjan dwar il-kwalità tal-arja mibgħut minn dan l-Istat Membru.

Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, il-Kummissjoni hija tal-fehma li t-talba tagħkom għal eżami mill-ġdid intern ma tirrigwardax miżura amministrattiva fis-sens tal-Artikolu 2(1)(g) tar-Regolament Nru 1367/2006. Għaldaqstant, il-Kummissjoni tiddikjara t-talba tagħkom bħala inammissibbli […]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

9        Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza (li saret il-Qorti Ġenerali) fis-6 ta’ Ottubru 2009, ir-rikorrenti ressqu din il-kawża.

10      Permezz ta’ att separat, ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid-19 ta’ Ottubru 2009, ir-rikorrenti ppreżentaw talba għal miżuri provviżorji, li fiha huma essenzjalment talbu lill-President tal-Qorti Ġenerali sabiex jissospendi l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, sakemm l-imsemmija qorti tkun iddeċidiet fuq ir-rikors fil-kawża prinċipali jew sakemm il-Kummissjoni tkun adottat deċiżjoni ġdida rigward it-talba għal eżami mill-ġdid intern.

11      B’digriet tas-17 ta’ Diċembru 2009, il-President tal-Qorti Ġenerali ċaħad it-talba għal miżuri provviżorji bħala manifestament inammissibbli. L-ispejjeż ġew irriżervati.

12      Permezz ta’ atti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali, rispettivament, fl-14, fil-15 u fis-26 ta’ Jannar 2010, il-Parlament Ewropew, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea talbu sabiex jintervjenu f’din il-kawża insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni. Dawn it-talbiet intlaqgħu b’digriet tal-President tal-Ewwel Awla tal-Qorti Ġenerali tal-11 ta’ Marzu 2010. Il-Parlament, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u l-Kunsill ippreżentaw in-noti ta’ intervent tagħhom fit-28 ta’ Mejju 2010. Il-Kummissjoni u r-rikorrenti ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fuq dawn in-noti, rispettivament, fil-15 u fid-19 ta’ Lulju 2010.

13      Billi kien hemm tibdil fil-kompożizzjoni tal-awli tal-Qorti Ġenerali, l-Imħallef Relatur ġie assenjat lis-Seba’ Awla, u għalhekk din il-kawża ġiet assenjata lill-imsemmija awla.

14      Fuq rapport tal‑Imħallef Relatur, il‑Qorti Ġenerali (Is‑Seba’ Awla) iddeċidiet li tiftaħ il‑proċedura orali.

15      It-trattazzjoni tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tat-13 ta’ Settembru 2011.

16      Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tordna lill-Kummissjoni tiddeċiedi fuq il-mertu tat-talba għal eżami mill-ġdid intern u tiffissalha terminu f’dan ir-rigward;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

17      Il-Kummissjoni, sostnuta mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, mill-Parlament u mill-Kunsill, titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala infondat;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

 Fuq it-talba għal ordni

18      Fir-rigward tat-talba għal ordni inkluża fit-tieni kap ta’ talbiet tar-rikorrenti, u intiża sabiex il-Qorti Ġenerali tordna lill-Kummissjoni tiddeċiedi fuq il-mertu tat-talba għal eżami mill-ġdid intern u tiffissalha terminu f’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest ta’ rikors għal annullament, il-kompetenza tal-Qorti tal-Unjoni Ewropea hija limitata għall-istħarriġ tal-legalità tal-att ikkontestat u li l-Qorti Ġenerali ma tistax, fl-eżerċizzju tal-kompetenzi tagħha, tagħmel ordni lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tat-8 ta’ Lulju 1999, DSM vs Il‑Kummissjoni, C‑5/93 P, Ġabra p. I‑4695, punt 36, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tal-24 ta’ Frar 2000, ADT Projekt vs Il‑Kummissjoni, T‑145/98, Ġabra p. II‑387, punt 83). Hija fil-fatt l-istituzzjoni kkonċernata li għandha tadotta, skont l-Artikolu 266 TFUE, il-miżuri li jimplika l-infurzar ta’ sentenza ta’ annullament (sentenzi tal-Qorti Ġenerali, tas-27 ta’ Jannar 1998, Ladbroke Racing vs Il‑Kummissjoni, T‑67/94, Ġabra p. II‑1, punt 200, u tad-29 ta’ Settembru 2009, Thomson Sales Europe vs Il‑Kummissjoni, T‑225/07 u T‑364/07, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 221).

19      Għaldaqstant it-tieni kap ta’ talbiet tar-rikorrenti huwa inammissibbli.

 Fuq it-talba għal annullament

20      Insostenn tal-kap tat-talbiet għal annullament tagħhom, ir-rikorrenti jqajmu żewġ motivi. B’mod prinċipali, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni żbaljat meta qieset bħala inammissibbli t-talba tagħhom għal eżami mill-ġdid intern tad-Deċiżjoni tas-7 ta’ April 2009, għar-raġuni li kienet miżura ta’ portata ġenerali. Dan il-motiv għandu jinftiehem bħala wieħed ibbażat, essenzjalment, fuq il-ksur tal-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 1367/2006, moqri flimkien mal-Artikolu 2(1)(g) tal-istess regolament.

21      B’mod sussidjarju, ir-rikorrenti jsostnu li, jekk l-ewwel motiv kellu jiġi miċħud, ikollu jitqies li l-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 1367/2006, billi jillimita l-kunċett ta’ “atti” tal-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni dwar l-aċċess għall-informazzjoni, il-parteċipazzjoni tal-pubbliku fit-teħid ta’ deċiżjonijiet u l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali, iffirmata f’Aarhus fil-25 ta’ Ġunju 1998 (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Aarhus”) biss għall-“att[i] amministrattiv[i]”, li huma barra minn hekk iddefiniti fl-Artikolu 2(1)(g) tal-istess regolament bħala “miżur[i] ta’ ambitu [portata] individwali”, jikser din id-dispożizzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 1367/2006, moqri flimkien mal-Artikolu 2(1)(g) tal-istess regolament

22      Permezz tal-ewwel motiv, imqajjem b’mod prinċipali, ir-rikorrenti jsostnu, essenzjalment, li billi ċaħdet bħala inammissibbli t-talba tagħhom għal eżami mill-ġdid intern tad-Deċiżjoni tas-7 ta’ April 2009, il-Kummissjoni kisret l-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 1367/2006.

23      Skont l-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 1367/2006, kwalunkwe organizzazzjoni mhux governattiva li tissodisfa l-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 11 ta’ dan ir-regolament għandha d-dritt li tagħmel talba għal eżami mill-ġdid intern lill-istituzzjoni tal-Unjoni Ewropea li adottat att amministrattiv taħt id-dritt dwar l-ambjent. Il-kunċett ta’ att amministrattiv li jinsab f’din id-dispożizzjoni huwa ddefinit fl-Artikolu 2(1)(g) tar-Regolament Nru 1367/2006 bħala miżura ta’ portata individwali adottata minn istituzzjoni tal-Unjoni Ewropea taħt id-dritt dwar l-ambjent u li għandha effett estern u legalment vinkolanti.

24      F’dan il-każ, il-Kummissjoni ċaħdet bħala inammissibbli t-talba għal eżami mill-ġdid intern tad-Deċiżjoni tas-7 ta’ April 2009 ippreżentata mir-rikorrenti, għar-raġuni li, peress li din id-deċiżjoni ma hijiex miżura ta’ portata individwali, it-talba għal eżami mill-ġdid intern ma kinitx tirrigwarda att amministrattiv fis-sens tal-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 1367/2006. Ir-rikorrenti jikkontestaw din l-evalwazzjoni u jsostnu li d-Deċiżjoni tas-7 ta’ April 2009 hija miżura ta’ portata individwali.

25      Sabiex jiġi stabbilit jekk il-Kummissjoni kellhiex raġun tqis li t-talba għal eżami mill-ġdid intern ippreżentata mir-rikorrenti ma kinitx tissodisfa l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 1367/2006, għandu għaldaqstant jiġi eżaminat jekk id-Deċiżjoni tas-7 ta’ April 2009 tikkostitwixxix miżura ta’ portata individwali fis-sens tal-Artikolu 2(1)(g) tar-Regolament Nru 1367/2006.

26      Skont il-ġurisprudenza, sabiex tiġi stabbilita l-portata ta’ att, il-Qorti tal-Unjoni Ewropea ma tistax tissodisfa ruħha biss bid-denominazzjoni uffiċjali tal-att, iżda għandha tieħu inkunsiderazzjoni, fl-ewwel lok, l-għan u l-kontenut tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-14 ta’ Diċembru 1962, Confédération nationale des producteurs de fruits et légumes et vs Il‑Kunsill, 16/62 u 17/62, Ġabra p. 901, p. 918). B’hekk deċiżjoni li għandha bħala destinatarju Stat Membru hija ta’ portata ġenerali jekk hija tapplika għal sitwazzjonijiet stabbiliti b’mod oġġettiv u timplika effetti legali fir-rigward ta’ kategoriji ta’ persuni previsti b’mod ġenerali u astratt (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ April 2008, Saint-Gobain Glass Deutschland vs Il‑Kummissjoni, C‑503/07 P, Ġabra p. I‑2217, punt 71).

27      Barra minn hekk, meta test jinkludi limitazzjonijiet jew derogi ta’ natura temporanja jew ta’ portata territorjali, huma jagħmlu parti integrali mid-dispożizzjonijiet meħudin flimkien li jinkluduhom u huma, ħlief fil-każ ta’ abbuż ta’ poter, tal-istess natura ġenerali bħalhom (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tad-29 ta’ Ġunju 1993, Gibraltar vs Il‑Kunsill, C‑298/89, Ġabra p. I‑3605, punt 18; digriet tal-Qorti Ġenerali, tat-12 ta’ Marzu 2007, Regione Autonoma Friuli-Venezia Giulia vs Il‑Kummissjoni, T‑417/04, Ġabra p. II‑641, punt 49, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tal-1 ta’ Lulju 2008, Região autónoma dos Açores vs Il‑Kunsill, T‑37/04, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 33).

28      Fl-aħħar nett, il-Qorti tal-Unjoni Ewropea qieset li d-derogi mis-sistema ġenerali kkostitwiti mid-deċiżjonijiet ta’ konferma adottati mill-Kummissjoni taħt dispożizzjoni ta’ direttiva huma tal-istess natura ġenerali bħal dik ta’ din id-direttiva, peress li huma indirizzati b’mod astratt għal kategoriji, mhux iddefiniti, ta’ persuni u japplikaw għal sitwazzjonijiet stabbiliti b’mod oġġettiv (ara d-digriet tal-Qorti Ġenerali, tas-16 ta’ Frar 2005, Fost Plus vs Il‑Kummissjoni, T‑142/03, Ġabra p. II‑589, iktar ’il quddiem, “id-digriet Fost Plus”, punt 47, u l-ġurisprudenza ċċitata).

29      F’dan il-każ, għandu jiġi osservat, fl-ewwel lok, li d-Direttiva 2008/50 hija att ta’ portata ġenerali sa fejn hija tistabbilixxi, f’termini astratti u oġġettivi, sistema ġenerali għall-evalwazzjoni u l-limitazzjoni tal-emissjonijiet ta’ sustanzi li jniġġsu.

30      Fit-tieni lok, l-Artikolu 22 tad-Direttiva 2008/50 jipprovdi possibbiltà għall-Istati Membri li jidderogaw temporanjament mill-obbligu li josservaw il-valuri limitu stabbiliti minn din id-direttiva sakemm jiġu osservati ċerti kundizzjonijiet u suġġett għall-istħarriġ tal-Kummissjoni. Dan l-artikolu jipprovdi li ġej:

“1. Fejn, f’żona jew agglomerazzjoni partikolari, il-konformità mal-valuri ta’ limitu fir-rigward tad-dijossidu tan-nitroġenu […] ma jistgħux jinkisbu sat-termini perentorji speċifikati fl-Anness XI, Stat Membru jista’ jipposponi dawk it-termini perentorji sa massimu ta’ ħames snin għal dik iż-żona jew agglomerazzjoni partikolari, sakemm ikun ġie stabbilit pjan dwar il-kwalità ta’ l-arja skond l-Artikolu 23 għaż-żona jew agglomerazzjoni li għalihom japplika l-posponiment; tali pjan dwar il-kwalità ta’ l-arja għandu jiġi supplimentat mill-informazzjoni […] dwar is-sustanzi li jniġġsu kkonċernati u għandu juri kif il-konformità mal-valuri ta’ limitu għandha tintlaħaq qabel it-terminu perentorju l-ġdid.

2. Fejn, f’żona jew agglomerazzjoni partikolari, il-konformità mal-valuri ta’ limitu fir-rigward tal-PM10, kif speċifikat fl-Anness XI, ma tistax tinkiseb minħabba l-karatteristiċi tat-tixrid speċifiċi għas-sit, kondizzjonijiet tal-klima ħżiena jew il-kontributi transkonfinali, l-Istat Membru għandu jkun eżentat mill-obbligu li japplika dawk il-valuri ta’ limitu sal-11 ta’ Ġunju 2011, sakemm il-kondizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1 jiġu osservati, u sakemm dak l-Istai Membru juri li jkun ħa l-miżuri adegwati kollha fuq livell nazzjonali, reġjonali u lokali sabiex ilaħħaq ma l-iskadenzi.

3. Fejn Stat Membru japplika l-paragrafi 1 jew 2, hu għandu jiżgura li l-valur ta’ limitu għal kull sustanza li tniġġes ma jinqabiżx b’aktar mill-marġni massimu tat-tolleranza speċifikat fl-Anness XI għal kull sustanza li tniġġes konċernata.

4, L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni meta, fil-fehma tagħhom, il-paragrafi 1 jew 2 japplikaw, u għandhom jikkomunikaw il-pjan dwar il-kwalità ta’ l-arja msemmi fil-paragrafu 1 inkluż kull informazzjoni rilevanti meħtieġa għall-Kummissjoni sabiex ikun valutat jekk il-kondizzjonijiet rilevanti humiex sodisfatti. Fil-valutazzjoni tagħha, il-Kummissjoni għandha tieħu kont ta’ effetti stmati fuq il-kwalità ta’ l-arja ambjentali fl-Istati Membri, kemm fil-preżent u kemm fil-ġejjieni, ta’ miżuri li ttieħdu mill-Istati Membri kif ukoll effetti stmati Komunitarji fuq il-kwalità ta’ l-arja ambjentali ta’ miżuri Komunitarji kurrenti u ta’ miżuri Komunitarji pjanati li għandhom jiġu proposti mill-Kummissjoni.

Fejn il-Kummissjoni ma tqajjem l-ebda oġġezzjoni fi żmien disa’ xhur minn meta tiġi riċevuta dik in-notifika, għandhom jitqiesu sodisfatti l-kondizzjonijiet rilevanti għall-applikazzjoni tal-paragrafu 1 jew 2.

Jekk jitqajmu oġġezzjonijiet, il-Kummissjoni tista’ teħtieġ li l-Istati Membri jaġġustaw jew jipprovdu pjanijiet ġodda dwar il-kwalità ta’ l-arja.”

31      It-tielet nett, fid-Deċiżjoni tas-7 ta’ April 2009, adottata taħt l-Artikolu 22(4) tad-Direttiva 2008/50, wara n-notifika mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, il-Kummissjoni ma qajmet l-ebda oġġezzjoni fir-rigward tal-posponiment tat-terminu ffissat sabiex jintlaħqu l-valuri limitu stabbiliti għad-dijossidu tan-nitroġenu fiż-żoni 1 sa 8 u fir-rigward tal-eżenzjoni mill-obbligu li jiġu applikati l-valuri limitu stabbiliti għall-PM10. F’dak li jikkonċerna l-posponiment tat-terminu ffissat sabiex jintlaħqu l-valuri limiti stabbiliti għad-dijossidu tan-nitroġenu fiż-żona 9, l-ebda oġġezzjoni ma tqajmet bil-kundizzjoni li l-NSL u l-pjan reġjonali kkonċernat jiġu adattati. Din id-deċiżjoni għandha effetti fuq il-kwalità tal-arja f’ċerti żoni tal-Pajjiżi l-Baxxi kif ukoll fuq il-persuni kollha li huma preżenti fihom.

32      Id-Deċiżjoni tas-7 ta’ April 2009, adottata mill-Kummissjoni taħt l-Artikolu 2(4) tad-Direttiva 2008/50, tikkostitwixxi għalhekk deroga mis-sistema ġenerali stabbilita mid-Direttiva 2008/50 li għandha l-istess natura ġenerali tad-Direttiva, billi tindirizza f’termini astratti kategoriji, mhux iddefiniti, ta’ persuni u billi tapplika għal sitwazzjonijiet iddefiniti b’mod oġġettiv.

33      Is-soluzzjoni adottata fid-digriet Fost Plus, punt 28 iktar ’il fuq, tista’ għalhekk tiġi applikata għall-każ inkwistjoni. Fil-fatt, qabel kollox, kemm id-Direttiva 2008/50, kif ukoll id-Direttiva 94/62/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-20 ta’ Diċembru 1994, dwar l-imballaġġ u l-iskart mill-imballaġġ (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 13, p. 349), inkwistjoni fid-digriet Fost Plus, punt 28 iktar ’il fuq, jistabbilixxu f’termini astratti u oġġettivi sistema ġenerali dwar, rispettivament, il-ġlieda kontra t-tniġġis tal-arja fl-ambjent u l-irkupru tal-imballaġġ u l-iskart mill-imballaġġ. Imbagħad, bħall-Artikolu 6(6) tad-Direttiva 94/62, l-Artikolu 22 tad-Direttiva 2008/50 jawtorizza lill-Istati Membri sabiex jidderogaw mis-sistema ġenerali stabbilita minn din id-direttiva, taħt ċerti kundizzjonijiet u suġġett għall-istħarriġ tal-Kummissjoni. Fl-aħħar nett, id-deċiżjonijiet meħuda mill-Kummissjoni taħt l-Artikolu 22 tad-Direttiva 2008/50 huma, bħad-deċiżjonijiet ta’ konferma meħudin mill-Kummissjoni taħt l-Artikolu 6(6) tad-Direttiva 94/62, tal-istess natura ġenerali bħal tad-Direttiva, peress li jindirizzaw f’termini astratti kategoriji, mhux iddefiniti, ta’ persuni u billi japplikaw għal sitwazzjonijiet iddefiniti b’mod oġġettiv.

34      Għaldaqstant, għandu jiġi osservat li d-Deċiżjoni tas-7 ta’ April 2009, peress li tikkostitwixxi miżura ta’ portata ġenerali, ma tistax titqies bħala att amministrattiv fis-sens tal-Artikolu 2(1)(g) tar-Regolament Nru 1367/2006.

35      Din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata bl-argumenti tar-rikorrenti.

36      Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-argumenti tar-rikorrenti intiżi sabiex juru li d-Deċiżjoni tas-7 ta’ April 2009 hija miżura ta’ portata individwali, għandu jiġi osservat, qabel kollox, li l-fatt li din id-deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi ma huwiex deċiżiv sabiex tiġi ddefinita l-portata tiegħu fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 26 sa 28 iktar ’il fuq. Fil-fatt, ġie deċiż li deċiżjoni li hija indirizzata biss lil Stat Membru wieħed hija ta’ portata ġenerali (digriet Saint-Gobain Glass Deutschland vs Il‑Kummissjoni, punt 26 iktar ’il fuq, punt 71). Barra minn hekk, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-20 ta’ Marzu 2003, Id-Danimarka vs Il‑Kummissjoni (C‑3/00, Ġabra p. I‑2643, punti 39 u 40), invokata mir-rikorrenti ma hijiex rilevanti f’dan il-każ peress li l-kawża li tat lok għal din is-sentenza tirrigwarda domanda differenti minn dik magħmula f’din il-kawża. F’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l-proċedura li wasslet għal deċiżjoni tal-Kummissjoni, meħuda abbażi tal-Artikolu 95(4) u (6) KE, li tapprova ż-żamma ta’ dispożizzjoni nazzjonali li kienet tidderoga minn att ta’ portata ġenerali ma setgħetx titqies li tagħmel parti mill-proċess leġiżlattiv li jwassal għall-adozzjoni tal-att ta’ portata ġenerali. Il-kwistjoni, għaldaqstant, ma kinitx dwar jekk id-deċiżjoni inkwistjoni kinitx ta’ portata individwali jew ġenerali, iżda dwar jekk din id-deċiżjoni kinitx parti minn proċess leġiżlattiv. Għaldaqstant, l-argumenti tar-rikorrenti bbażati fuq il-fatt li d-Deċiżjoni tas-7 ta’ April 2009 hija indirizzata biss lir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi ma jistgħux jintlaqgħu.

37      Għandu jiġi osservat, imbagħad, li, bil-kontra ta’ dak li jsostnu r-rikorrenti, il-fatt li l-Kummissjoni għandha s-setgħa li tevalwa individwalment it-talba għal deroga ppreżentata minn Stat Membru u l-possibbiltà li tilqa’ jew tiċħad it-talba għal deroga jew taċċettaha taħt ċerti kundizzjonijiet ma huwiex deċiżiv sabiex tiġi ddefinita l-portata tad-Deċiżjoni tas-7 ta’ April 2009 fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 26 sa 28 iktar ’il fuq.

38      Fl-aħħar nett, l-argument tar-rikorrenti li jgħid li d-Deċiżjoni tas-7 ta’ April 2009 hija miżura ta’ portata individwali peress li hija tipproduċi effetti legali biss fil-konfront tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi ma jikkonvinċix. Fil-fatt, għandu jiġi osservat li din id-deċiżjoni tawtorizza lir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi sabiex jadotta atti ta’ portata ġenerali li japplikaw għall-persuni fiżiċi jew ġuridiċi kollha li huma residenti jew jeżerċitaw attività fiż-żoni u fl-agglomerazzjonijiet tal-Pajjiżi l-Baxxi li huma koperti minn din id-deċiżjoni. Għaldaqstant, din id-deċiżjoni timplika effetti legali mhux biss fil-konfront tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, iżda wkoll fil-konfront ta’ dawn il-persuni l-oħra kollha.

39      Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-argument tar-rikorrenti li jgħid li d-Direttiva 2008/50, peress li hija indirizzata lill-Istati Membri, li jżommu marġni ta’ diskrezzjoni fl-implementazzjoni tad-Direttiva, u mhux liċ-ċittadini jew lill-impriżi, hija ma tinkludix “miżuri li japplikaw għal kategorija jew diversi kategoriji ta’ persuni ddefiniti b’mod ġenerali u astratt”, għandu jitfakkar li direttiva hija att normattiv, ġenerali u astratt (digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja, tat-23 ta’ Novembru 1995, Asocarne vs Il‑Kunsill, C‑10/95 P, Ġabra p. I‑4149, punt 37). Għalhekk, il-fatt li r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jżomm marġni ta’ diskrezzjoni fl-għażla tal-forma u tal-mezzi xierqa sabiex jimplementa d-Direttiva 2008/50 ma jistax iqiegħed f’dubju l-portata ġenerali ta’ din id-direttiva. Għaldaqstant, l-argument tar-rikorrenti ma jistax jintlaqa’.

40      It-tielet nett, l-argument tar-rikorrenti li jgħid li l-Kummissjoni kellha teżamina mill-ġdid id-Deċiżjoni tas-7 ta’ April 2009 ladarba huma kienu sostnew li r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi ma kienx jissodisfa l-kundizzjonijiet previsti mid-Direttiva 2008/50 sabiex jikseb deroga ma huwiex rilevanti. Fil-fatt, l-eżami tal-fondatezza tat-talba għal eżami mill-ġdid intern ma għandu l-ebda effett fuq l-ammissibbiltà ta’ din it-talba.

41      Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li peress li d-Deċiżjoni tas-7 ta’ April 2009 ma tikkostitwixxix miżura ta’ portata individwali, hija ma tistax tiġi kklassifikata bħala att amministrattiv fis-sens tal-Artikolu 2(1)(g) tar-Regolament Nru 1367/2006. Għaldaqstant, din id-deċiżjoni ma setgħetx tkun is-suġġett ta’ talba għal eżami mill-ġdid intern taħt l-Artikolu 10(1) ta’ dan ir-regolament. Għalhekk, fid-dawl ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, il-Kummissjoni ma żbaljatx meta ddikjarat bħala inammissibbli t-talba għal eżami mill-ġdid intern tad-Deċiżjoni tas-7 ta’ April 2009, ippreżentata mir-rikorrenti.

42      Għaldaqstant, dan il-motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq l-invalidità tal-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 1367/2006, sa fejn huwa jillimita l-kunċett ta’ “atti” tal-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus biss għall-“att[i] amministrattiv[i]”, li huma ddefiniti fl-Artikolu 2(1)(g) tal-istess regolament bħala “miżur[i] ta’ ambitu individwali”

43      Ir-rikorrenti jsostnu, essenzjalment, b’mod sussidjarju, li, jekk id-deċiżjoni kkontestata ma kellhiex tiġi annullata abbażi tal-ewwel motiv, ikollu jitqies li l-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 1367/2006, billi jillimita l-kunċett ta’ “atti” tal-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus biss għall-“att[i] amministrattiv[i]”, li huma ddefiniti fl-Artikolu 2(1)(g) tal-istess regolament bħala “miżur[i] ta’ ambitu individwali” jikser din id-dispożizzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus. Fid-dawl tas-supremazija tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus fuq ir-Regolament Nru 1367/2006, din id-dispożizzjoni tar-Regolament Nru 1367/2006, peress li tikser il-Konvenzjoni ta’ Aarhus, ma għandhiex tiġi applikata.

44      Għandu jitqies li, permezz ta’ dan il-motiv, ir-rikorrenti jqajmu eċċezzjoni ta’ illegalità tal-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 1367/2006, moqri flimkien mal-Artikolu 2(1)(g) ta’ dan ir-regolament, fis-sens tal-Artikolu 241 KE.

45      Il-Kummissjoni u l-intervenjenti jitolbu li dan il-motiv jiġi miċħud.

46      Il-Parlament u l-Kunsill jikkontestaw l-ammissibbiltà ta’ dan il-motiv, b’mod partikolari għaliex ir-rikors ma jinkludix talbiet intiżi sabiex ir-Regolament Nru 1367/2006 jiġi ddikjarat illegali mill-Qorti Ġenerali.

47      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, l-eċċezzjoni ta’ illegalità prevista fl-Artikolu 241 KE hija l-espressjoni ta’ prinċipju ġenerali li jiżgura lil kull parti d-dritt li tikkontesta b’mod inċidentali, sabiex jinkiseb l-annullament ta’ deċiżjoni li tikkawżalha preġudizzju, il-validità tal-atti preċedenti li jikkostitwixxu l-bażi legali tad-deċiżjoni kkontestata (sentenza tal-Qorti Ġenerali, tad-19 ta’ Lulju 1999, Q vs Il‑Kunsill, T‑20/98, ĠabraSP p. I‑A‑147 u II‑779, punt 47). Għalhekk, f’dan il-każ, l-eċċezzjoni ta’ illegalità tar-Regolament Nru 1367/2006 hija mqajma b’mod inċidentali mir-rikorrenti, sabiex jinkiseb l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata adottata taħt dan ir-regolament. L-ammissibbiltà tal-eċċezzjoni ta’ illegalità ma tiddependix għaldaqstant fuq l-eżistenza ta’ talba rigward l-illegalità tar-Regolament Nru 1367/2006.

48      Barra minn hekk, il-Kunsill isostni li ma huwiex ċar jekk ir-rikorrenti jikkontestawx il-legalità tar-Regolament Nru 1367/2006 fid-dawl tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus inkwantu huma ma jidhrux deċiżi dwar jekk ir-Regolament Nru 1367/2006 jiksirx il-Konvenzjoni ta’ Aarhus u jekk dan ir-regolament jistax jiġi interpretat bħala konformi ma’ din il-konvenzjoni. Għaldaqstant, il-Kunsill għandu dubji dwar jekk il-motiv invokat b’mod sussidjarju mir-rikorrenti huwiex ċar u preċiż biżżejjed sabiex jilħaq il-livell mitlub mill-Artikolu 44(1)(c) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali.

49      F’dan ir-rigward, biżżejjed jingħad li r-rikorrenti jindikaw biċ-ċar, fil-punt 39 tar-rikors, li peress li interpretazzjoni konformi mal-Artikolu 2(1)(g) tar-Regolament Nru 1367/2006 tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus ma hijiex possibbli, din id-dispożizzjoni ma għandhiex tiġi applikata sa fejn tmur kontra l-Konvenzjoni ta’ Aarhus.

50      Għaldaqstant l-eċċezzjoni ta’ illegalità tal-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 1367/2006, sa fejn huwa jillimita l-kunċett ta’ “atti” tal-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus biss għall-“att[i] amministrattiv[i]”, kif iddefiniti fl-Artikolu 2(1)(g) tal-istess regolament, hija ammissibbli.

51      Fir-rigward tal-fondatezza ta’ dan il-motiv, għandu jiġi osservat li mill-Artikolu 300(7) KE jirriżulta li l-istituzzjonijiet tal-Komunità huma marbuta bil-ftehim konkluż minn din tal-aħħar u, għaldaqstant, li dan il-ftehim igawdi s-supremazija fuq l-atti tad-dritt Komunitarju sekondarju (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-10 ta’ Settembru 1996, Il-Kummissjoni vs Il‑Ġermanja, C‑61/94, Ġabra p. I‑3989, punt 52, u tat-12 ta’ Jannar 2006, Algemene Scheeps Agentuur Dordrecht, C‑311/04, Ġabra p. I‑609, punt 25).

52      Il-Konvenzjoni ta’ Aarhus ġiet iffirmata mill-Komunità Ewropea u mbagħad ġiet approvata permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/370/KE, tas-17 ta’ Frar 2005 (ĠU L 124, p. 1). Għaldaqstant, l-istituzzjonijiet huma marbuta b’din il-konvenzjoni, li tgawdi mis-supremazija fuq l-atti Komunitarji sekondarji. Għalhekk, il-validità tar-Regolament Nru 1367/2006 tista’ tiġi affettwata mill-fatt li l-imsemmi att huwa inkompatibbli mal-Konvenzjoni ta’ Aarhus.

53      Skont il-ġurisprudenza, il-Qorti tal-Unjoni Ewropea ma tistax tistħarreġ il-validità ta’ dispożizzjoni ta’ regolament fid-dawl ta’ trattat internazzjonali ħlief meta n-natura u l-istruttura tiegħu ma jipprekluduhiex u ħlief, barra minn hekk, meta d-dispożizzjonijiet tiegħu jidhru, f’dak li jirrigwarda l-kontenut tagħhom, mingħajr kundizzjonijiet u preċiżi biżżejjed (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja, tat-3 ta’ Ġunju 2008, Intertanko et, C-308/06, Ġabra p. I-4057, punt 45. u tad-9 ta’ Settembru 2008, FIAMM et vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, C‑120/06 P u C‑121/06 P, Ġabra p. I‑6513, punt 110).

54      Madankollu, fil-każ li l-Komunità kellha l-intenzjoni teżegwixxi obbligu partikolari li ttieħed fil-kuntest ta’ ftehim internazzjonali jew fil-każ fejn l-att jirreferi b’mod espliċitu għal dispożizzjonijiet preċiżi ta’ dan il-ftehim, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tistħarreġ il-legalità tal-att inkwistjoni fid-dawl tar-regoli ta’ dan il-ftehim [ara, f’dan is-sens, f’dak li jirrigwarda l-ftehim li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja, tat-23 ta’ Novembru 1999, Il‑Portugall vs Il‑Kunsill, C‑149/96, Ġabra p. I‑8395, punt 49; tat-30 ta’ Settembru 2003, Biret International vs Il‑Kunsill, C‑93/02 P, Ġabra p. I‑10497, punt 53, u tal-1 ta’ Marzu 2005, Van Parys, C‑377/02, Ġabra p. I‑1465, punt 40; ara wkoll, f’dan is-sens, f’dak li jikkonċerna l-Ftehim Ġenerali dwar Tariffi u Kummerċ (iktar ’il quddiem il-“GATT”), is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja, tat-22 ta’ Ġunju 1989, Fediol vs Il‑Kummissjoni, 70/87, Ġabra p. 1781, punti 19 sa 22, u tas-7 ta’ Mejju 1991, Nakajima vs Il‑Kunsill, C‑69/89, Ġabra p. I‑2069, punt 31]. Għalhekk, il-Qorti tal-Unjoni Ewropea għandha tkun tista’ tistħarreġ il-legalità ta’ regolament fid-dawl ta’ trattat internazzjonali, mingħajr ma tivverifika minn qabel jekk il-kundizzjonijiet imsemmija fil-punt 53 iktar ’il fuq humiex sodisfatti, meta dan ir-regolament ikun intiż sabiex iqiegħed fis-seħħ obbligu impost fuq l-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea minn dan it-trattat internazzjonali.

55      Fil-fatt, fis-sentenza Nakajima vs Il‑Kunsill, punt 54 iktar ’il fuq (punt 28), il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li r-rikorrenti ma invokatx l-effett dirett tad-dispożizzjonijiet tal-kodiċi antidumping tal-GATT, iżda li hija kienet qed tikkontesta, b’mod inċidentali, skont l-Artikolu 241 KE, il-validità ta’ regolament billi invokat wieħed mill-motivi tal-istħarriġ tal-legalità msemmi fl-Artikolu 230 KE, jiġifieri l-ksur tat-trattat jew ta’ kwalunkwe regola oħra relatata mal-applikazzjoni tiegħu. Il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li r-regolament ikkontestat mir-rikorrenti f’din il-kawża kien ġie adottat sabiex jissodisfa l-obbligi internazzjonali tal-Komunità, li għandha, għaldaqstant, skont ġurisprudenza stabbilita, tiżgura l-osservanza tad-dispożizzjonijiet tal-GATT u tal-miżuri ta’ eżekuzzjoni tiegħu (ara s-sentenza Nakajima vs Il‑Kunsill, punt 54 iktar ’il fuq, punt 31, u l-ġurisprudenza ċċitata; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tat-12 ta’ Novembru 1998, L‑Italja vs Il‑Kunsill, C‑352/96, Ġabra p. I‑6937, punti 20 u 21).

56      Il-ġurisprudenza żviluppata fil-kawżi relatati mal-ftehim GATT u mal-ftehim tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ ġiet applikata wkoll fis-sentenza tas-16 ta’ Ġunju 1998, Racke (C‑162/96, Ġabra p. I‑3655), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja stħarrġet il-validità ta’ regolament fid-dawl tad-dritt internazzjonali konswetudinarju sa fejn hija qieset li “l-individwu [kien] qed jinvoka r-regoli tad-dritt konswetudinarju internazzjonali ta’ natura fundamentali kontra r-Regolament ikkontestat, li [kien i]ttieħed skont dawn ir-regoli u [kien] jipprivah mid-drittijiet tiegħu għat-trattament preferenzjali li l-Ftehim ta’ Kooperazzjoni [kien] jagħtih” (sentenza Racke, iċċitata iktar ’il fuq, punt 48).

57      F’dan il-każ, għandu jiġi osservat, minn naħa, li, bħal ma huwa l-każ fil-kawża li tat lok għas-sentenza Nakajima vs Il‑Kunsill, punt 54 iktar ’il fuq (punt 28), ir-rikorrenti jikkontestaw, b’mod inċidentali, skont l-Artikolu 241 KE, il-validità ta’ dispożizzjoni tar-Regolament Nru 1367/2006 fid-dawl tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus.

58      Min-naħa l-oħra, għandu jiġi osservat li r-Regolament Nru 1367/2006 ġie adottat sabiex jissodisfa l-obbligi internazzjonali tal-Unjoni Ewropea li jirriżultaw mill-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus. Fil-fatt, mill-Artikolu 1(1)(d) tar-Regolament Nru 1367/2006 jirriżulta li dan ir-regolament għandu l-għan li jikkontribwixxi fl-eżekuzzjoni tal-obbligi li jirriżultaw mill-Konvenzjoni ta’ Aarhus billi jiggarantixxi b’mod partikolari “aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali fil-livell [tal-Unjoni] taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti b’dan ir-Regolament”. Barra minn hekk, il-premessa 18 tar-Regolament Nru 1367/2006 tirreferi b’mod espliċitu għall-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus. Apparti dan, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus jistabbilixxi ċerti obbligi u li r-Regolament Nru 1367/2006 għandu l-għan li jimplementa dak li hemm stabbilit fl-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus f’dak li jikkonċerna l-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Marzu 2011, Lesoochranárske zoskupenie, C‑240/09, Ġabra p. I‑1255, punti 39 u 41).

59      Isegwi li għandha tiġi eżaminata l-validità tad-dispożizzjoni li fir-rigward tagħha r-rikorrenti għamlu eċċezzjoni fid-dawl tal-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, u dan ifisser li għandu jiġi stabbilit jekk il-kunċett ta’ “atti” li jinsab fl-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus jistax jiġi interpretat fis-sens li huwa limitat għall-“miżur[i] ta’ ambitu individwali”.

60      L-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus jipprovdi:

“Barra minn hekk, u bla ħsara għall-proċeduri ta’ rikors imsemmija fil-paragrafi 1 u 2 iktar ’il fuq, kull Parti għandha tara li l-membri tal-pubbliku li jissodisfaw l-eventwali kriterji previsti mid-dritt nazzjonali tagħha jkunu jistgħu jibdew proċeduri amministrattivi jew ġudizzjarji sabiex jikkontestaw l-atti jew ommissjonijiet minn individwi jew minn awtoritajiet pubbliċi li jmorru kontra d-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali dwar l-ambjent.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

61      Il-kunċett ta’ “atti” li jinsab fl-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus ma huwiex iddefinit f’din il-konvenzjoni. Skont ġurisprudenza stabbilita, trattat internazzjonali għandu jiġi interpretat skont it-termini li fih jiġi redatt kif ukoll fid-dawl tal-għanijiet tiegħu. L-Artikoli 31 tal-Konvenzjonijiet ta’ Vjenna, tat-23 ta’ Mejju 1969, fuq id-dritt dwar it-trattati, u tal-21 ta’ Marzu 1986, fuq id-dritt dwar it-trattati jew bejn Stati u organizzazzjonijiet internazzjonali, jew bejn organizzazzjonijiet internazzjonali, li jesprimu f’dan is-sens id-dritt internazzjonali ġenerali konswetudinarju, jipprovdu, f’dan ir-rigward, li trattat għandu jiġi interpretat in bona fide, billi jiġi segwit is-sens ordinarju li għandu jingħata lit-termini tiegħu fil-kuntest tagħhom, u fid-dawl tal-għan u tal-iskop tiegħu (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-10 ta’ Jannar 2006, IATA u ELFAA, C‑344/04, Ġabra p. I‑403, punt 40, u l-ġurisprudenza ċċitata).

62      Qabel kollox, għandhom jitfakkru l-għanijiet tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus.

63      B’dan il-mod, mis-sitt u mit-tmien premessa tal-preambolu tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus jirriżulta li l-awturi ta’ din il-konvenzjoni, filwaqt li “jammettu li ħarsien xieraq tal-ambjent huwa essenzjali għall-benesseri tal-bniedem kif ukoll għat-tgawdija tad-drittijiet fundamentali, inkluż id-dritt għall-ħajja nnifsu”, iqisu li, “sabiex ikunu jistgħu jinvokaw dan id-dritt u jaqdu dan id-dmir, iċ-ċittadini għandu jkollhom aċċess għall-informazzjoni, ikunu jistgħu jieħdu sehem fit-teħid ta’ deċiżjonijiet u jkollhom aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali, u jammettu li l-imsemmija ċittadini jista’ jkollhom bżonn ta’ assistenza sabiex jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom”. Barra minn hekk, mid-disa’ premessa tal-preambolu tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus jirriżulta li “fil-qasam tal-ambjent, aċċess itjeb għall-informazzjoni u parteċipazzjoni ikbar tal-pubbliku fit-teħid ta’ deċiżjonijiet jippermettu li jittieħdu deċiżjonijiet aħjar u li dawn jiġu applikati b’mod iktar effettiv, jgħinu sabiex il-pubbliku jkun iktar konxju tal-problemi ambjentali, jagħtuh il-possibbiltà li jesprimi t-tħassib tiegħu u jgħinu lill-awtoritajiet pubbliċi sabiex jeħduhom debitament inkunsiderazzjoni”. [traduzzjoni mhux uffiċjali ]

64      Barra minn hekk, l-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, intitolat “Għan” jipprovdi li, “[s]abiex isir kontribut għall-ħarsien tad-dritt ta’ kull wieħed, fil-ġenerazzjonijiet preżenti u futuri, li jgħix f’ambjent xieraq sabiex jiżgura s-saħħa u l-benesseri tiegħu, kull Parti għandha tiggarantixxi d-drittijiet ta’ aċċess għall-informazzjoni dwar l-ambjent, il-parteċipazzjoni tal-pubbliku fit-teħid tad-deċiżjonijiet u l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali b’mod konformi mad-dispożizzjonijiet ta’ din il-konvenzjoni”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

65      Għandu jiġi kkunsidrat li proċedura għal eżami mill-ġdid intern li tikkonċerna biss il-miżuri ta’ portata individwali jkollha portata limitata ħafna inkwantu l-atti adottati fil-qasam tal-ambjent spiss ikunu atti ta’ portata ġenerali. Fid-dawl tal-għanijiet u tal-iskop tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, tali limitazzjoni ma hijiex iġġustifikata.

66      Imbagħad, fir-rigward tal-kliem li fih huwa redatt l-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, għandu jiġi osservat li dan iħalli ċertu marġni ta’ manuvra lill-partijiet fil-Konvenzjoni ta’ Aarhus rigward id-definizzjoni tal-persuni li jistgħu jibdew proċeduri amministrattivi jew ġudizzjarji u rigward in-natura tal-proċedura (amministrattiva jew ġudizzjarja). Fil-fatt, skont din id-dispożizzjoni, huma biss “il-membri tal-pubbliku li jissodisfaw l-eventwali kriterji previsti mid-dritt nazzjonali tagħha [li] jkunu jistgħu jibdew proċeduri amministrattivi jew ġudizzjarji” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Madankollu, il-kliem tal-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus ma jħallix l-istess marġni ta’ manuvra fir-rigward tad-definizzjoni ta’ “atti” li jistgħu jiġu kkontestati. Għaldaqstant, ma hemm l-ebda raġuni sabiex il-kunċett ta’ “atti” fl-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus jiġi interpretat fis-sens li jkopri biss l-atti ta’ portata individwali.

67      Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-kliem tad-dispożizzjonijiet l-oħra tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, għandu jiġi osservat li bis-saħħa tal-Artikolu 2(2) ta’ din il-konvenzjoni, il-kunċett ta’ awtorità pubblika “ma jinkludix il-korpi jew istituzzjonijiet li jaġixxu fl-eżerċizzju ta’ setgħat ġudizzjarji jew leġiżlattivi” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. B’dan il-mod, l-atti adottati minn istituzzjoni jew korp tal-Unjoni Ewropea li taġixxi fl-eżerċizzju tas-setgħat ġudizzjarji jew leġiżlattivi tagħha jistgħu għaldaqstant jiġu esklużi mill-kunċett ta’ “atti” li jinsab fl-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus. Din l-esklużjoni ma tippermettix, madankollu, li l-kunċett ta’ “atti” li jinsab fl-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus jiġi limitat biss għall-miżuri ta’ portata individwali. Fil-fatt, ma teżisti l-ebda rabta bejn l-atti ta’ portata ġenerali u dawk meħudin minn awtorità pubblika fl-eżerċizzju tas-setgħat ġudizzjarji jew leġiżlattivi tagħha. L-atti ta’ portata ġenerali ma humiex neċessarjament atti adottati minn awtorità pubblika fl-eżerċizzju tas-setgħat ġudizzjarji jew leġiżlattivi tagħha.

68      Isegwi li l-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus ma jistax jiġi interpretat fis-sens li jirreferi biss għall-miżuri ta’ portata individwali.

69      Għaldaqstant, l-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 1367/2006, sa fejn jillimita l-kunċett ta’ “atti” fl-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus biss għall-“att[i] amministrattiv[i]”, li huma ddefiniti fl-Artikolu 2(1)(g) tal-istess regolament bħala “miżur[i] ta’ ambitu individwali”, ma huwiex kompatibbli mal-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus.

70      Din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata bl-argumenti tar-rikorrenti.

71      Fir-rigward tal-argument tal-Parlament u tal-Kunsill li jgħid li l-kunċett ta’ “atti” li jinsab fl-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus għandu jkun limitat, fid-dritt tal-Unjoni Ewropea, għall-miżuri ta’ portata individwali, għaliex il-proċedura ta’ eżami mill-ġdid intern, peress li ma hijiex awtonoma mill-proċedura ġudizzjarja prevista fl-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1367/2006, għandha tkun konformi mal-Artikolu 230 KE, u b’mod partikolari bil-kundizzjoni li l-att ikkontestat ikun jikkonċerna individwalment u direttament lir-rikorrent, biżżejjed jiġi mfakkar il-kontenut tal-Artikolu 12(1) tar-Regolament Nru 1367/2006.

72      Skont l-Artikolu 12(1) tar-Regolament Nru 1367/2006, organizzazzjoni mhux governattiva li tkun għamlet talba għal eżami mill-ġdid intern skont l-Artikolu 10 tal-imsemmi regolament tista’ tiftaħ kawża quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tat-Trattat u għalhekk skont l-Artikolu 230 KE. Indipendentement mill-portata tal-miżura li kienet is-suġġett tal-eżami mill-ġdid intern previst fl-Artikolu 10 ta’ dan ir-regolament, il-kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà tal-Artikolu 230 KE għandhom, f’kull każ, jiġu osservati fil-każ ta’ rikors quddiem il-qrati tal-Unjoni Ewropea.

73      Barra minn hekk, il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 230 KE, u b’mod partikolari dik li tipprovdi li r-rikorrent għandu jkun ikkonċernat direttament u individwalment mill-att ikkontestat, japplikaw ukoll għall-miżuri ta’ portata individwali li r-rikorrent ma huwiex destinatarju tagħhom. Għalhekk, organizzazzjoni mhux governattiva, li tissodisfa l-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 1367/2006, ma hijiex neċessarjament ikkonċernata direttament u individwalment minn miżura ta’ portata individwali. Bil-kontra ta’ dak li jsostnu l-Parlament u l-Kunsill, il-limitazzjoni tal-kunċett ta’ “atti” biss għall-atti ta’ portata individwali ma tippermettix li jiġi żgurat li l-kundizzjoni prevista fl-Artikolu 230 KE, li tgħid li r-rikorrent għandu jkun ikkonċernat direttament u individwalment mill-att ikkontestat, tiġi sodisfatta.

74      Il-Kunsill isostni wkoll li l-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus jimplika diskrezzjoni li tħalli marġni ta’ manuvra suffiċjenti sabiex jiġi traspost l-obbligu li jirriżulta minn dan l-artikolu permezz ta’ proċeduri nazzjonali flimkien ma’ domandi preliminari mressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

75      F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li, sabiex organizzazzjoni mhux governattiva, li tissodisfa l-kundizzjonijiet sabiex tagħmel talba għal eżami mill-ġdid intern imsemmijin fl-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 1367/2006, tkun tista’ tikkontesta indirettament miżura ta’ portata ġenerali adottata minn istituzzjoni tal-Unjoni Ewropea quddiem qorti nazzjonali, din il-miżura ta’ portata ġenerali għandha tkun ġiet trasposta fid-dritt nazzjonali. Mhux il-miżuri kollha ta’ portata ġenerali adottati mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea fil-qasam tal-ambjent huma s-suġġett ta’ traspożizzjoni nazzjonali li tista’ tiġi kkontestata quddiem qorti nazzjonali.

76      Barra minn hekk, l-argument tal-Kunsill ma huwiex sostnut minn provi li jistabbilixxu b’liema mod, f’dan il-każ, ir-rikorrenti jistgħu jikkontestaw il-miżura ta’ portata ġenerali, li huma talbu li tiġi eżaminata mill-ġdid, quddiem qorti nazzjonali.

77      Isegwi li l-eċċezzjoni ta’ illegalità diretta kontra l-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 1367/2006, moqri flimkien mal-Artikolu 2(1)(g) tal-istess regolament, għandha tintlaqa’ u, għalhekk, it-tieni motiv għandu jintlaqa’ wkoll. Għaldaqstant, id-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata.

 Fuq l-ispejjeż

78      Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li l-Kummissjoni tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż, inklużi dawk tal-proċeduri għal miżuri provviżorji, skont it-talbiet tar-rikorrenti f’dan is-sens.

79      Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 87(4) tar-Regoli tal-Proċedura, l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet li jintervjenu fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom. Għaldaqstant hemm lok li r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, il-Parlament u l‑Kunsill jiġu kkundannati jbatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-Deċiżjoni C (2009) 6121 tal-Kummissjoni, tat-28 ta’ Lulju 2009, hija annullata.

2)      Il-Kummissjoni Ewropea hija kkundannata tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha, dawk sostnuti minn Vereniging Milieudefensie u Stichting Stop Luchtverontreiniging Utrecht, inklużi dawk tal-proċeduri għal miżuri provviżorji.

3)      Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

Dittrich

Wiszniewska-Białecka

Prek

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl-14 ta’ Ġunju 2012.

Firem


*Lingwa tal-kawża: l-Olandiż