Language of document :

Sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-21 ta’ Frar 2024 – PAN Europe vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-536/22) 1

(“Prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti – Sustanza attiva cypermethrin – Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/2049 – Talba għal reviżjoni interna – Artikolu 10(1) tar-Regolament (KE) Nru 1367/2006 – Ċaħda tat-talba – Identifikazzjoni ta’ oqsma kritiċi ta’ tħassib mill-EFSA – Evalwazzjoni u mmaniġġjar tar-riskju – Prinċipju ta’ prekawzjoni – Setgħa ta’ evalwazzjoni tal-Kummissjoni”)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrent: Pesticide Action Network Europe (Brussell, il-Belġju) (rappreżentant: A. Bailleux, avukat)

Konvenut: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: A. C. Becker, G. Gattinara u M. ter Haar, aġenti)

Suġġett

Permezz tar-rikors tagħha bbażat fuq l-Artikolu 263 TFUE, ir-rikorrenti titlob l-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea tat-23 ta’ Ġunju 2022 li permezz tagħha din ċaħdet it-talba għal eżami mill-ġdid intern li hija kienet ressqet konformement mal-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 1367/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Settembru 2006 dwar l-applikazzjoni għall-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Unjoni tad-disposizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni tal-Pubbliku fit-Teħid ta’ Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali (ĠU 2006, L 264, p. 13), għar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/2049 tal-24 ta’ Novembru 2021 li jġedded l-approvazzjoni tas-sustanza attiva ċipermetrina bħala kandidat għas-sostituzzjoni, f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, u li jemenda l-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 (ĠU 2021, L 420, p. 6).

Dispożittiv

Ir-rikors huwa miċħud.

Pesticide Action Network Europe (PAN Europe) hija kkundannata għall-ispejjeż.

____________

1     ĠU C 408, 24.10.2022.