Language of document : ECLI:EU:T:2014:782

Kawża T‑317/12

Holcim (Romania) SA

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Responsabbiltà mhux kuntrattwali – Skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjoni ta’ gassijiet serra – Responsabbiltà minħabba nuqqas – Rifjut tal-Kummissjoni li tiżvela informazzjoni u li tipprojbixxi kwalunkwe tranżazzjoni relatata ma’ kwoti ta’ emissjoni allegatament misruqa – Ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali li tagħti drittijiet lill-individwi – Responsabbiltà mingħajr nuqqas”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) tat-18 ta’ Settembru 2014

1.      Proċedura ġudizzjarja – Rikors promotur – Rekwiżiti proċedurali – Identifikazzjoni tas-suġġett tat-tilwima – Espożizzjoni sommarja tal-motivi invokati – Rikors intiż għal kumpens għal danni allegatament ikkważati minn istituzzjoni tal-Unjoni – Elementi li jippermettu li jiġi identifikat l-aġir li l-istituzzjoni hija akkżata bih, ir-rabta ta’ kawżalità u n-natura reali u ċerta tad-dannu kkawżat

(Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 21 u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53) (Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 44(1)(ċ))

2.      Rikors għad-danni – Natura awtonoma – Użu tal-mezzi ta’ rikors interni kollha – Eċċezzjoni – Impossibbiltà li jinkiseb kumpens quddiem il-qorti nazzjonali – Nuqqas ta’ użu tal-mezzi kollha li jipprekludi lill-qorti tal-Unjoni milli teżamina l-eżistenza u l-portata tad-dannu invokat – Inammissibbiltà

(Artikolu 268 TFUE u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE) (Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 44(1)(ċ))

3.      Responsabbiltà mhux kuntrattwali – Kundizzjonijiet – Ksur suffiċjentement serju tad-dritt tal-Unjoni – Marġni ta’ diskrezzjoni tal-istituzzjoni fl-adozzjoni tal-att

(It-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE)

4.      Ambjent – Tniġġis atmosferiku – Direttiva 2003/87 – Skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjoni ta’gassijiet serra – Sistema integrata ta’ reġistri tal-Unjoni u tal-Istati Membri – Data dwar tranżazzjonijiet ta’ kwoti – Komunikazzjoni u kunfidenzjalità – Regoli applikabbli – Eċċezzjonijiet – Invokazzjoni minn kumpannija privata li allegatament kienet vittma ta’ serq ta’ kwoti – Esklużjoni

(Regolament tal-Kummissjoni Nru 2216/2004, Artikolu 10) (Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2003/87, Artikolu 20)

5.      Ambjent – Tniġġis atmosferiku – Direttiva 2003/87 – Skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjoni ta’gassijiet serra – Sistema integrata ta’ reġistri tal-Unjoni u tal-Istati Membri – Data dwar tranżazzjonijiet ta’ kwoti – Komunikazzjoni u kunfidenzjalità – Regoli applikabbli – Restrizzjonijiet għad-dritt għall-proprjetà – Assenza

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikoli 17(1) u 52(1)) (Regolament tal-Kummissjoni Nru 2216/2004, Artikolu 10)(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2003/87, Artikolu 19(3))

6.      Ambjent – Tniġġis atmosferiku – Direttiva 2003/87 – Skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjoni ta’ gassijiet serra – Sistema integrata ta’ reġistri tal-Unjoni u tal-Istati Membri – Possibbiltà għall-Kummissjoni li tibblokka ċerti kwoti ġewwa reġistru – Limiti

(Regolament tal-Kummissjoni Nru 2216/2004, Artikoli 27 u 69) (Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2003/87, Artikolu 20)

7.      Proċedura ġudizzjarja – Tressiq ta’ motivi ġodda fil-mori tal-kawża – Kundizzjonijiet – Estensjoni ta’ motiv eżistenti – Ammissibbiltà

(Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, l-ewwel paragrafu tal-Artikoli 44(1)(ċ) u 48(2))

8.      Responsabbiltà mhux kuntrattwali – Kundizzjonijiet – Att legali – Dannu li jirriżulta mir-rifjut tal-Kummissjoni li tiżvela informazzjoni kunfidenzjali dwar kwoti ta’ emissjoni ta’ gass serra u mit-trasferiment mhux awtorizzat tal-imsemmija kwoti mill-kont tal-kumpannija li jkollha l-kwoti – Assenza ta’ dannu anormali u speċjali – Responsabbiltà tal-Unjoni – Esklużjoni

(It-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE) (Regolament tal-Kummissjoni Nru 2216/2004, Artikolu 10)

1.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 55, 56, 181)

2.      L-ammissibbiltà tal-azzjoni għal danni prevista fl-Artikolu 268 u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE tista’ tkun suġġetta f’ċerti każijiet għall-użu tal-mezzi ta’ rikors interni kollha li huma possibbli għall-kisba ta’ kumpens min-naħa tal-awtoritajiet nazzjonali, sakemm dawn il-mezzi ta’ rikors interni jiżguraw b’mod effettiv il-protezzjoni tal-individwi kkonċernati billi jkunu jistgħu jwasslu għal kumpens għad-dannu allegat.

F’dan ir-rigward, għalkemm in-nuqqas ta’ użu tal-mezzi ta’ rikors interni ma għandux sistematikament iwassal għal konstatazzjoni ta’ inammissibbiltà min-naħa tal-qorti tal-Unjoni, teżisti ipoteżi fejn il-fatt li ma jkunx ġie deċiż b’mod definittiv dwar l-azzjoni għal danni mressqa quddiem il-qorti nazzjonali jimplika neċessarjament l-inammissibbiltà tar-rikors għad-danni ppreżentat quddiem il-qorti tal-Unjoni. Din l-ipoteżi hija dik fejn dan il-fatt ifixkel lil din tal-aħħar milli tidentifika n-natura u l-kwantità tad-dannu invokat quddiemha, bir-riżultat li l-eżiġenzi tal-Artikolu 44(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura ma jkunux ġew osservati.

Bl-istess mod, meta persuna tkun ressqet żewġ azzjonijiet intiżi għal kumpens għall-uniku u l-istess dannu, waħda kontra awtorità nazzjonali, u l-oħra kontra istituzzjoni jew korp tal-Unjoni, u jkun hemm ir-riskju li, minħabba evalwazzjonijiet differenti ta’ dan id-dannu miż-żewġ qrati aditi, l-imsemmija persuna ma tiġix ikkumpensata biżżejjed jew tiġi kkumpensata b’mod żbaljat, il-qorti tal-Unjoni għandha tistenna li l-qorti nazzjonali tkun iddeċidiet qabel ma tiddeċiedi dwar l-eżistenza u l-kwantità tad-dannu. Waqt li tkun qed tistenna, lanqas ma tista’ tiddeċiedi dwar ir-rabta ta’ kawżalità bejn l-aġir li hija akkużata bih l-Unjoni u d-dannu invokat. Min-naħa l-oħra, huwa possibbli, għall-qorti tal-Unjoni, anki qabel ma l-qorti nazzjonali tkun iddeċidiet, li tiddetermina jekk l-aġir ikkritikat huwiex ta’ natura li twassal għar-responsabbiltà extrakuntrattwali tal-Unjoni.

(ara l-punti 73-75, 79, 80)

3.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 87)

4.      Kumpannija li allegatament kienet vittma ta’ serq ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ma tistax tuża l-eċċezzjonijiet għar-regoli ta’ kunfidenzjalità dwar informazzjoni dwar l-imsemmija kwoti previsti fl-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 2216/2004 għal sistema standardizzata u sikura ta’ reġistri skont id-Direttiva 2003/87 u d-Deċiżjoni Nru 280/2004/KE, sabiex teżiġi mingħand il-Kummissjoni l-iżvelar ta’ informazzjoni dwar il-kwoti.

Fil-fatt, fl-ewwel lok, għalkemm l-Artikolu 20 tad-Direttiva 2003/87, li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità u li temenda d-Direttiva 96/61, jipprovdi, minn naħa, li l-Amministratur Ċentrali maħtur mill-Kummissjoni jagħmel kontroll awtomatizzat ta’ kull tranżazzjoni rreġistrata, sabiex jiġi vverifikat li t-tranżazzjonijiet relatati mal-kwoti ma jkunu vvizzjati bl-ebda irregolarità u, min-naħa l-oħra, li, meta irregolarità tiġi misjuba, din l-awtorità tgħarraf lill-Istat jew Stati Membri kkonċernati, la dan l-artikolu u lanqas ebda dispożizzjoni oħra tad-Direttiva 2003/87 tar-Regolament Nru 2216/2004 ma jipprovdu espressament li l-Kummissjoni tista’ tiżvela informazzjoni dwar kwoti allegatament misruqa lill-allegata vittma tas-serq. F’dan ir-rigward, l-imsemmi Artikolu 20 ma jipprovdix l-iżvelar ta’ informazzjoni dwar tranżazzjoni vvizzjata minn irregolarità. Iktar u iktar, ma jobbligax lill-Kummissjoni tiżvela informazzjoni dwar kwoti msemmija minn tali tranżazzjoni.

Barra minn hekk, sa fejn tali tneħħija tal-kunfidenzjalità ma hijiex indispensabbli għall-applikazzjoni korretta ta’ dispożizzjoni tad-Direttiva 2003/87 jew tar-Regolament Nru 2216/2004 jew inkella ta’ dispożizzjoni normativa applikabbli fi Stat Membru, il-kumpannija ma tistax tuża l-eċċezzjoni ratione materiae għar-regola ta’ kunfidenzjalità prevista fl-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 2216/2004.

Fit-tieni lok, peress li l-eċċezzjoni stabbilita fl-Artikolu 10(2) tar-Regolament Nru 2216/2004 tapplika biss għall-benefiċċju tal-awtoritajiet responsabbli għall-infurzar tal-liġi tal-Istati Membri, tal-awtoritajiet tat-taxxa tal-Istati Membri, tal-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF), tal-Europol u tal-amministraturi tar-reġistru tal-Istati Membri, l-eċċezzjoni ratione personae ma tistax tiġi utilment invokata minn kumpannija b’responsabbiltà limitata tad-dritt nazzjonali. Barra minn hekk, l-imsemmija eċċezzjoni ma tawtorizzax lill-Kummissjoni tiżvela lil president ta’ qorti nazzjonali li jaġixxi bħala Mħallef għal miżuri provvżorji informazzjoni kunfidenzjali li tinsab fir-reġistri. Fil-fatt, bħala Mħallef għal miżuri provviżorji, dan tal-aħħar ma għandux il-kwalità li japplika l-liġi fis-sens tal-Artikolu 10(2a).

(ara l-punti 109, 116-119, 122, 158)

5.      Anki fl-ipoteżi li r-regoli ta’ kunfidenzjalità tal-kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gass serra stabbiliti fl-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 2216/2004 għal sistema standardizzata u sikura ta’ reġistri skont id-Direttiva 2003/87 u d-Deċiżjoni Nru 280/2004, jistgħu jiġi kkunsidrati bħala restrizzjoni għall-eżerċizzju tad-dritt għall-proprjetà ggarantit mill-Artikolu 17(1) tal-Karta dwar id-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea tal-Unjoni Ewropea, din ir-restrizzjoni għandha tiġi kkunsidrata skont l-eżiġenzi stabbiliti mill-Artikolu 52(1) tal-imsemmija Karta.

Fil-fatt, l-ewwel nett, dawn ir-regoli ta’ kunfidenzjalità huma previsti mill-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 2216/2004, li huwa konformi mad-dispożizzjonijiet li jawtorizzaw tal-Artikolu 19(3) tad-Direttiva 2003/87 li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità u li temenda d-Direttiva 96/61. Għaldaqstant, dawn għandhom jiġu kkunsidrati bħala previsti mil-liġi, fis-sens tal-Artikolu 52(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. It-tieni nett, dawn ir-regoli għandhom l-għan li jippreżervaw is-sigriet kummerċjali, jiġifieri għan ta’ interess ġenerali rikonoxxut mill-Unjoni. It-tielet nett, l-imsemmija regoli ma jipprovdux għal eżiġenzi sproporzjonati meta mqabbla mal-għan intiż. Minn naħa, huma ma jimminawx il-kontenut essenzjali tad-dritt għall-proprjetà. Fil-fatt, minnhom infushom, huma ma jiksrux direttament dan id-dritt. Min-naħa l-oħra, huma ma jaqbżux il-limiti ta’ dak li huwa xieraq u neċessarju għat-twettiq tal-imsemmi għan. Fil-fatt, fir-rigward ta’ allegat serq ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gass serra, l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 2216/2004 ma jwaqqafx awtorità penali milli tiżvela din l-informazzjoni kunfidenzjali neċessarja għall-identifikazzjoni tal-awturi ta’ reat jew delitt, lil persuna fiżika jew ġuridika li jkollha l-kwalità ta’ vittma tal-ksur kriminali allegat. Fil-fatt, fis-sens tal-Artikolu 10(2b) tal-imsemmi regolament, tali persuna tista’ tiġi kkunsidrata biss li hija kkonċernata mill-kunsiderazzjonijiet invokati sabiex titneħħa l-kunfidenzjalità. Barra minn hekk, l-imsemmi Artikolu 10 ma jfixkilx lil tali persuna milli tibda, abbażi tal-informazzjoni hekk żvelata, proċeduri intiżi għall-irkupru tal-kwoti tagħha, u lanqas ma jrendilha dan il-proċess inutilment kumpless.

(ara l-punti 113, 154, 165-169, 224)

6.      L-Artikolu 69 tar-Regolament Nru 2216/2004, għal sistema standardizzata u sikura ta’ reġistri skont id-Direttiva 2003/87 u d-Deċiżjoni Nru 280/2004, ma jippermettix li jiġi bblokkat l-aċċess għal ċerti kontijiet ta’ depożitu ġewwa reġistru ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gass serra. Huwa jippermetti biss, f’każ ta’ riskju sistematiku, li jiġi interrott kwalunkwe aċċess għal reġistru, fl-intier tiegħu, jew għar-reġistru Komunitarju indipendenti tat-tranżazzjonijiet, fl-intier tiegħu. Issa, ir-Regolament Nru 2216/2004 jipprovdi li jiġu bblokkati ċerti kwoti ġewwa reġistru f’każ wieħed biss, stabbilit fl-Artikolu 27 tiegħu. Dan huwa l-każ fejn, fir-rigward ta’ waħda mill-installazzjonijiet tiegħu, operatur ma jkunx issodisfa, fit-terminu meħtieġ, regoli tekniċi relatati mad-dikjarazzjoni tal-kwantità ta’ gass serra emess minn din l-installazzjoni, kif approvat mill-awtorità kompetenti.

Barra minn hekk, l-Artikolu 20 tad-Direttiva 2003/87 li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità u li temenda d-Direttiva 96/61, la jobbliga u lanqas jawtorizza, espressament jew impliċitament, lill-Kummissjoni tibblokka hi stess il-kwoti li kienu relatati mal-imsemmija tranżazzjonijiet affettwati minn irregolaritajiet fis-sens tal-imsemmi Artikolu 20. Fil-fatt, dan l-artikolu jimponi, l-ewwel nett, lill-Kummissjoni li taġixxi fil-kwalità ta’ Amministratur Ċentrali, li tinforma lill-Istati Membri kkonċernati meta tranżazzjonijiet ikunu affettwati minn irregolaritajiet u, it-tieni nett, li dawn l-Istati Membri ma jirreġistrawx dawn it-tranżazzjonijiet.

(ara l-punti 201, 205, 215)

7.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 218)

8.      Adita b’rikors għal danni intiż sabiex l-Unjoni tinstab responsabbli għal dannu kkawżat minn att legali, il-qorti tal-Unjoni ma twettaqx żball ta’ liġi jekk ma tiddeċidix dwar il-kwistjoni tal-eżistenza ta’ responsabbiltà mingħajr nuqqas fid-dritt tal-Unjoni u twarrab fi kwalunkwe każ l-argument imressaq quddiemha fin-nuqqas ta’ prova tan-natura anormali u speċjali tad-dannu invokat. F’dan ir-rigward, dannu għandu jiġi kkunsidrat anormali jekk jaqbeż il-limiti tar-riskji ekonomiċi inerenti għall-attivitajiet fis-settur ikkonċernat u speċjali jekk ikun jaffettwa kategorija partikolari ta’ operaturi ekonomiċi b’mod sproporzjonat meta mqabbel mal-operaturi ekonomiċi l-oħra. L-applikazzjoni mill-Kummissjoni tar-regoli ta’ kunfidenzjalità dwar il-kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gass serra previsti fl-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 2216/2004, għal sistema standardizzata u sikura ta’ reġistri skont id-Direttiva 2003/87 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Deċiżjoni Nru 280/2004 ma japplikawx għal kumpannija li jkollha l-imsemmija kwoti. Fil-fatt, il-fatt li tali regoli previsti fl-imsemmi Artikolu 10 jistgħu jiġu applikati għall-kumpannija li jkollha l-kwoti ma jikkostitwixxix riskju anormali fis-settur jiġifieri dak tal-aġenti ekonomiċi suġġetti għas-sistema Komunitarja ta’ skambju ta’ kwoti. Fin-nuqqas ta’ tali regoli, is-sigriet kummerċjali ma jistax jiġi ggarantit, li jipperikola l-eżistenza stess ta’ suq tal-kwoti.

Barra minn hekk, peress li huwa magħruf li sistema informatika miftuħa fuq l-internet li permezz tagħha jsir l-iskambju tal-kwoti tinvolvi riskji tekniċi, xi drabi notevoli, id-dannu jikkorrispondi għall-valur tal-kwoti ttrasferiti, b’mod elettroniku, mingħajr awtorizzazzjoni tal-kumpannija li jkollha l-kwoti fuq kontijiet differenti minn tagħha, ma jistax, b’hekk, fi kwalunkwe każ, jiġi kkunsidrat bħala li jeċċedi r-riskji ekonomiċi jew tekniċi inerenti għall-attivitajiet fis-settur ikkonċernat.

(ara l-punti 235-238)