Language of document :

Rikors ippreżentat fit-8 ta’ Jannar 2024 – Meta Platforms Ireland vs EDBP

(Kawża T-8/24)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrent: Meta Platforms Ireland (Dublin, l-Irlanda) (rappreżentanti: H. G. Kamann, F. Louis, M. Braun, A. Vallery, avukati, D. McGrath, E. Egan McGrath, SC, S. Horan, H. Godfrey, Barristers at Law, P. Nolan, B. Johnston, L. Joyce u D. Breatnach, Solicitors)

Konvenut: Il-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (EDPD)

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-“Deċiżjoni vinkolanti urġenti 01/2003 dwar it-talba abbażi tal-Artikolu 66(2) tal-GDPR 1 , magħmula mill-awtorità ta’ kontroll Norveġiża intiża sabiex jiġu ordnati miżuri definittivi li jikkonċernaw lil Meta Platforms Ireland Ltd”, adottata mill-EDPB fis-27 ta’ Ottubru 2023, fl-intier tagħha jew, sussidjarjament, fil-partijiet rilevanti tagħha; u

tikkundanna lill-konvenut għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka erba’ motivi.

L-ewwel motiv ibbażat fuq li l-Artikolu 66(2) tal-GDPR jikser l-Istat ta’ dritt, l-Artikoli 41 u 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) u l-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u, għalhekk, hija illegali u invalida.

It-tieni motiv ibbażat fuq li l-EDPB mar lil hinn mis-seta’ tiegħu abbażi tal-Artikolu 66 tal-GDPR.

It-tielet motiv ibbażat fuq li l-EDPB kiser id-dritt għal amministrazzjoni tajba sanċit fl-Artikolu 41 tal-Karta.

Ir-raba’ motiv ibbażat fuq li l-EDPB ikkunsidra kriterji żbaljati sabiex jiddetermina jekk setax jadotta deċiżjoni vinkolanti urġenti abbażi tal-Artikolu 66(2) tal-GDPR.

____________

1 Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU 2016, L 119, p. 1).