Language of document : ECLI:EU:C:2017:573

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla)

20 ta’ Lulju 2017 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Prattiki kummerċjali żleali – Direttiva 2005/29/KE – Kamp ta’ applikazzjoni – Kumpannija għall-irkupru ta’ dejn – Kreditu għall-konsum – Trasferiment ta’ dejn – Natura tar-relazzjoni ġuridika bejn il-kumpannija u d-debitur – Artikolu 2(c) – Kunċett ta’ ‘prodott’ – Miżuri ta’ rkupru implementati b’mod parallel għall-intervent tal-uffiċjal ġudizzjarju”

Fil-Kawża C‑357/16,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mil-Lietuvos vyriausiasis administracinis teismas (qorti amministrattiva suprema, il-Litwanja), permezz ta’ deċiżjoni tal-20 ta’ Ġunju 2016, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-28 ta’ Ġunju 2016, fil-proċedura

“Gelvora” UAB

vs

Valstybinė vartotojų teisių apsaugos tarnyba,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla),

komposta minn M. Berger, President tal-Awla, A. Borg Barthet (Relatur) u E. Levits, Imħallfin.

Avukat Ġenerali: E. Tanchev,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għall-Gvern Litwan, minn D. Kriaučiūnas u A. Mikočiūnienė u G. Taluntytė, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn B. Tidore, avvocato dello Stato,

–        għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn G. Goddin u A. Steiblytė, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Mejju 2005, dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE, id-Direttivi 97/7/KE, 98/27/KE u 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolament (KE) 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali) (ĠU 2005, L 149, p. 22).

2        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ tilwima bejn “Gelvora” UAB u l-Valstybinė vartotojų teisių apsaugos tarnyba (Uffiċċju nazzjonali għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-konsumaturi, iktar ’il quddiem l-“uffiċċju”) fir-rigward tad-deċiżjoni ta’ dan tal-aħħar li tissanzjona lill-imsemmija kumpannija talli adottat prattiki kummerċjali żleali.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        Il-premessa 13 tad-direttiva dwar il-prattiki kummerċjali żleali tiddikjara:

“Sabiex jintlaħqu l-għanijiet tal-Komunità permezz tat-tneħħija tal-ostakoli għas-suq intern, huwa meħtieġ li jiġu sostitwiti l-klawżoli ġenerali u l-prinċipji legali eżistenti u diverġenti ta’ l-Istati Membri. Il-projbizzjoni ġenerali waħda u komuni, stabbilita b’din id-Direttiva għalhekk tkopri prattiċi kummerċjali żleali li jgħawwġu l-imġieba ekonomika tal-konsumaturi. Sabiex jingħata sostenn lill-fiduċja tal-konsumatur, il-projbizzjoni ġenerali għandha tapplika ugwalment għal prattiċi kummerċjali żleali li jirriżultaw barra minn xi relazzjoni kontrattwali bejn kummerċjant u konsumatur jew li jirriżultaw wara l-konklużjoni ta’ kuntratt u waqt l-eżekuzzjoni tiegħu. Il-projbizzjoni ġenerali hija elaborata b’regoli dwar żewġ tipi ta’ prattiċi kummerċjali li b’marġni kbira huma l-iżjed komuni, jiġifieri l-prattiċi kummerċjali qarrieqa u l-prattiċi kummerċjali aggressivi.”

4        L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva:

[…]

c)      ‘prodott’: tfisser kwalunkwe merkanzija jew servizz inkluża proprjetà immobbli, drittijiet u obbligi;

d)      ‘prattiċi kummerċjali fin-negozju mal-konsumatur’ (minn hawn ’il quddiem imsejħa ‘prattiċi kummerċjali’): tfisser kwalunkwe att, ommissjoni, imġieba jew rappreżentazzjoni, komunikazzjoni kummerċjali inlużi reklamar u kummerċjalizzazzjoni, minn kummerċjant, konnessi direttament mal-promozzjoni jew bejgħ jew fornitura ta’ xi prodott lil konsumaturi;

[…]”

5        L-Artikolu 3(1) tal-imsemmija direttiva huwa redatt kif ġej:

“Din id-Direttiva għandha tapplika għal prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur, kif stabbilit fl-Artikolu 5, qabel, matul jew wara transazzjoni kummerċjali fir-rigward ta’ xi prodott.”

 Id-dritt Litwan

6        Il-Lietuvos Respublikos nesąžiningos komercinės veiklos vartotojams draudimo įstatymas (liġi dwar il-projbizzjoni tal-prattiki kummerċjali żleali lejn il-konsumaturi), tal-21 ta’ Diċembru 2007, tittrasponi d-direttiva dwar il-prattiki kummerċjali żleali fid-dritt nazzjonali.

7        Il-punt 8 tal-Artikolu 2 ta’ din il-liġi jiddefinixxi l-kunċett ta’ “prodott” filwaqt li l-Artikolu 3(1) u l-punt 1 tal-Artikolu 3(2) jipprevedu, minn naħa, il-projbizzjoni ġenerali tal-prattiki kummerċjali żleali u, min-naħa l-oħra, il-kundizzjonijiet li fihom prattika kummerċjali titqies li hija żleali.

8        Skont il-punt 4 tal-Artikolu 5(1) tal-imsemmija liġi, azzjoni qarrieqa tikkonsisti fil-provvista ta’ informazzjoni falza jew li tista’ twassal lill-konsumatur medju jwettaq żball, fir-rigward tal-prezz, il-metodu ta’ kalkolu tal-prezz jew l-eżistenza ta’ vantaġġ speċifiku fir-rigward tal-prezz.

9        Il-punt 1 tal-Artikolu 6(1) tal-liġi dwar il-projbizzjoni tal-prattiki kummerċjali żleali lejn il-konsumaturi jipprovdi li azzjoni li twassal jew li tista’ twassal lill-konsumatur sabiex jieħu deċiżjoni kummerċjali li ma kienx jasal jieħu mod ieħor, tikkostitwixxi ommissjoni qarrieqa meta tħalli barra informazzjoni sostanzjali li l-konsumatur għandu bżonn sabiex jieħu deċiżjoni informata. Il-punt 3 tal-Artikolu 6(3) ta’ din il-liġi jipprevedi li l-informazzjoni dwar il-prezzijiet hija ta’ natura essenzjali meta jkun qed jiġi propost ix-xiri.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

10      Gelvora, kumpannija privata għall-irkupru ta’ dejn, ikkonkludiet mal-banek kuntratti ta’ trasferiment ta’ dejn, li permezz tagħhom hija kisbet drittijiet fuq dejn, li jkun irriżulta minn kuntratti ta’ kreditu fuq il-konsum konklużi mill-banek ċessjonarji mal-konsumaturi. Billi bbażat lilha nnifisha fuq il-kuntratti tagħha ta’ trasferiment, Gelvora ppreżentat azzjonijiet ta’ rkupru fir-rigward tad-debituri, f’ċerti każijiet flimkien ma’ proċeduri ta’ rkupru forzat immexxija minn uffiċjali ġudizzjarji, fuq il-bażi ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji definittivi.

11      F’dan il-kuntest, erba’ konsumaturi ppreżentaw rikors quddiem l-uffiċċju kontra Gelvora. Dan ikkundanna lil Gelvora talli kisret id-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar il-projbizzjoni tal-prattiki kummerċjali meqjusa bħala żleali.

12      L-uffiċċju kkonkluda li l-prattiki kummerċjali ta’ Gelvora kienu jiksru l-Artikolu 3(1) tal-liġi dwar il-projbizzjoni tal-prattiki kummerċjali żleali lejn il-konsumaturi u imponielha multa ta’ EUR 3 475.44.

13      Gelvora ppreżentat rikors għall-annullament tad-deċiżjoni tal-uffiċċju quddiem il-Vilniaus apygardos administracinis teismas (qorti amministrattiva reġjonali ta’ Vilnjus, il-Litwanja).

14      Permezz ta’ deċiżjoni tat-18 ta’ Mejju 2015, din il-qorti ċaħdet ir-rikors ta’ Gelvora bħala infondat.

15      Hija kkonstatat b’mod partikolari li r-relazzjonijiet bejn id-debituri u Gelvora kienu relazzjonijiet bejn kummerċjant u konsumaturi u ddeċidiet li din il-kumpannija kienet kummerċjant li jipprovdi prodott jew servizz lill-konsumaturi, jiġifieri l-ġestjoni ta’ dejn.

16      Gelvora ippreżentat appell kontra din id-deċiżjoni quddiem il-qorti tar-rinviju, il-Lietuvos vyriausiasis administracinis teismas (qorti amministrattiva suprema tal-Litwanja), li qieset li s-soluzzjoni tat-tilwima li għandha quddiemha tiddependi mill-interpretazzjoni tad-direttiva dwar il-prattiki kummerċjali żleali.

17      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Lietuvos vyriausiasis administracinis teismas (qorti amministrattiva suprema tal-Litwanja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Ir-relazzjoni ġuridika bejn kumpannija li xtrat kreditu permezz ta’ kuntratt ta’ trasferiment ta’ kreditu u d-debitur, persuna fiżika, li d-dejn tiegħu joriġina minn kuntratt ta’ kreditu għall-konsum, meta l-imsemmija kumpannija timplementa miżuri ta’ rkupru, taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva [dwar il-prattiki kummerċjali żleali]?

2)      Fil-każ ta’ risposta affermattiva għall-ewwel domanda, il-kunċett ta’ ‘prodott’, previst fl-Artikolu 2(c) tad-Direttiva [dwar il-prattiki kummerċjali żleali], jinkludi l-miżuri ta’ rkupru tal-kreditu, mixtri permezz ta’ kuntratt ta’ trasferiment ta’ kreditu, mingħand id-debitur, persuna fiżika, li d-dejn tiegħu joriġina minn kuntratt ta’ kreditu għall-konsum konkluż mal-kreditur inizjali?

3)      Ir-relazzjoni ġuridika bejn kumpannija li xtrat kreditu permezz ta’ kuntratt ta’ trasferiment ta’ kreditu u d-debitur, persuna fiżika, li d-dejn tiegħu joriġina minn kuntratt ta’ kreditu għall-konsum u li diġà ġie kkundannat iħallas dan id-dejn permezz ta’ deċiżjoni ġudizzjarja li kisbet l-awtorità ta’ res judicata u li ngħaddiet lill-marixxall għall-eżekuzzjoni, meta l-imsemmija kumpannija timplementa miżuri ta’ rkupru paralleli, taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva [dwar il-prattiki kummerċjali żleali]?

4)      Fil-każ ta’ risposta affermattiva għat-tielet domanda, il-kunċett ta’ “prodott”, previst fl-Artikolu 2(ċ) tad-Direttiva [dwar il-prattiki kummerċjali żleali], jinkludi l-miżuri ta’ rkupru tal-kreditu, mixtri permezz ta’ kuntratt ta’ trasferiment ta’ kreditu, mingħand id-debitur, persuna fiżika, li d-dejn tiegħu joriġina minn kuntratt ta’ kreditu għall-konsum konkluż mal-kreditur inizjali u li għall-ħlas tiegħu dan id-debitur kien diġà ġie kkundannat permezz ta’ deċiżjoni ġudizzjarja li kisbet l-awtorità ta’ res judicata u li ngħaddiet lill-marixxall għall-eżekuzzjoni?”

 Fuq id-domandi preliminari

18      Permezz tal-erba’ domandi tagħha, li jeħtieġ li jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk ir-relazzjoni legali bejn kumpannija privata għall-irkupru ta’ dejn u d-debitur inadempjenti fir-rigward ta’ kuntratt ta’ kreditu fuq il-konsum li d-dejn tiegħu ġie ttrasferit lil din il-kumpannija taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-direttiva dwar il-prattiki kummerċjali żleali u, fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv, jekk il-prattiki mwettqa minn din il-kumpannija bil-għan li tipproċedi għall-irkupru tad-dejn tagħha jaqgħux taħt il-kunċett ta’ “prodott”, fis-sens tal-Artikolu 2(c) ta’ din id-direttiva. Il-qorti tar-rinviju tistaqsi, sussegwentement, jekk din ir-risposta tibqax identika jekk l-eżistenza tad-dejn tkun ġiet ikkonfermata minn deċiżjoni ġudizzjarja u li din id-deċiżjoni tkun ġiet ikkomunikata lil uffiċjal ġudizzjarju sabiex tkun tista’ tiġi eżegwita.

19      Qabel kollox, fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk attività ta’ rkupru ta’ dejn tistax tidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-direttiva dwar il-prattiki kummerċjali żleali, jeħtieġ li jitfakkar, minn naħa, li l-Artikolu 2(d) ta’ din id-direttiva jiddefinixxi, billi juża formulazzjoni partikolarment wiesgħa, il-kunċett ta’ “prattiċi kummerċjali” bħala “kwalunkwe att, ommissjoni, imġieba jew rappreżentazzjoni, komunikazzjoni kummerċjali inlużi reklamar u kummerċjalizzazzjoni, minn kummerċjant, konnessi direttament mal-promozzjoni jew bejgħ jew fornitura ta’ xi prodott lil konsumaturi” (sentenza tad-19 ta’ Settembru 2013, CHS Tour Services, C‑435/11,EU:C:2013:574, punt 27).

20      Min-naħa l-oħra, skont l-Artikolu 3(1) tad-direttiva dwar il-prattiki kummerċjali żleali, moqri fid-dawl tal-premessa 13 tagħha, din id-direttiva għandha tapplika għall-prattiki kummerċjali żleali adottati mill-impriża, anki barra minn kull relazzjoni kuntrattwali, jew qabel jew wara l-konklużjoni ta’ kuntratt, jew konsekuttivament mal-konklużjoni ta’ kuntratt jew ulterjorment matul l-eżekuzzjoni tiegħu.

21      Għalhekk, il-kliem “konnessi direttament mal-[…] bejgħ […] ta’ xi prodott” ikopri kull miżura adottata mhux biss b’rabta mal-konklużjoni ta’ kuntratt, iżda wkoll mal-eżekuzzjoni tiegħu, u b’mod partikolari l-miżuri adottati bil-għan li jinkiseb il-ħlas tal-prodott.

22      F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li d-dejn ittrasferit lil Gelvora joriġina fil-provvista ta’ servizz, jiġifieri t-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ kreditu, fejn il-korrispettiv jikkonsisti fir-rimbors tal-kreditu permezz ta’ skadenzi miżjuda b’rata ta’ interessi stabbilita minn qabel.

23      Għalhekk, l-attivitajiet ta’ rkupru ta’ dejn, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jistgħu jitqiesu bħala “prodott” fis-sens tal-Artikolu 2(c) tad-direttiva dwar il-prattiki kummerċjali żleali.

24      Konstatazzjoni bħal din ma hijiex, sussegwentement, imqiegħda inkwistjoni biċ-ċirkustanza, imsemmija fl-ewwel u fit-tielet domandi preliminari, li l-miżuri ta’ rkupru jiġu adottati minn persuna ġuridika li tkun kisbet dritt ta’ dejn fir-rigward ta’ konsumatur wara t-trasferiment ta’ dan id-dritt mis-sellief inizzjali u li jkun qed jaġixxi fil-konfront ta’ dan il-konsumatur fil-kapaċità tiegħu bħala kummerċjant.

25      Fil-fatt, għalkemm kumpannija ta’ rkupru ta’ dejn, bħal Gelvora, ma tipprovdix lill-konsumatur servizz ta’ kreditu fuq il-konsum bħala tali, xorta jibqa’ l-fatt li l-attività li twettaq, jiġifieri l-irkupru ta’ dejn li jkun ġie ttrasferit lilha, taqa’ taħt il-kunċett ta’ “prattika kummerċjali” eventwalment żleali, fis-sens tad-direttiva dwar il-prattiki kummerċjali żleali, peress li l-miżuri li hija tadotta jistgħu jinfluwenzaw id-deċiżjoni tal-konsumatur fir-rigward tal-ħlas tal-prodott.

26      F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni, fid-dokument intitolat “Linji gwida li jirrigwardaw l-implementazzjoni/l-applikazzjoni tad-Direttiva 2005/29/KE dwar il-prattiki kummerċjali żleali”, tal-25 ta’ Mejju 2016 [SWD(2016) 163 finali], tindika li l-attivitajiet ta’ rkupru ta’ dejn għandhom jitqiesu bħala prattiki kummerċjali ta’ wara l-bejgħ. Barra minn hekk, mill-eżempji ċċitati mill-Kummissjoni f’dan id-dokument jirriżulta li ċertu numru ta’ qrati nazzjonali jqisu li l-attivitajiet tal-kumpanniji ta’ rkupru jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva.

27      Issa, minn naħa, il-kundizzjonijiet għall-irkupru ta’ dejn dovut minn konsumatur jistgħu jkollhom importanza tali li huma jistgħu jinfluwenzaw b’mod determinanti d-deċiżjoni tal-konsumatur li jidħol fi kreditu, b’mod partikolari, meta l-miżuri adottati bil-għan tal-irkupru jkunu bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

28      Min-naħa l-oħra, esklużjoni tal-applikazzjoni tad-direttiva dwar il-prattiki kummerċjali żleali fir-rigward tat-tranżazzjonijiet ta’ rimbors ta’ kreditu fil-każ ta’ trasferiment tad-dejn tista’ tqiegħed inkwistjoni l-effettività tal-protezzjoni mogħtija lill-konsumaturi minn din id-direttiva, fejn il-kummerċjanti jistgħu jkollhom it-tentazzjoni li jisseparaw il-fażi ta’ rkupru sabiex ma jkunux suġġetti għad-dispożizzjonijiet protetturi tal-imsemmija direttiva.

29      Fl-aħħar nett, għal din l-istess raġuni, iċ-ċirkustanza li l-eżiġibbiltà tad-dejn tkun ġiet ikkonfermata minn deċiżjoni ġudizzjarja u li l-kumpannija ta’ rkupru ta’ dejn tadotta, b’mod parallel ma’ din il-proċedura ta’ eżekuzzjoni, miżuri awtonomi oħra ta’ rkupru, ma għandha ebda konsegwenza fuq ir-risposta mogħtija.

30      Fil-fatt, minbarra l-fatt li l-adozzjoni ta’ tali miżuri b’mod parallel għal proċedura uffiċjali ta’ eżekuzzjoni permezz ta’ uffiċjal ġudizzjarju tista’ twassal lid-debitur għal żball fir-rigward tan-natura tal-proċedura quddiemu, l-effettività tal-protezzjoni ggarantita lill-konsumatur permezz tad-direttiva dwar il-prattiki kummerċjali żleali tirrikjedi li l-kummerċjant, li jkun iddeċieda li jaġixxi b’mod awtonomu bil-għan li jirkupra d-dejn tiegħu, ikun suġġett għad-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva fir-rigward tal-miżuri li jadotta b’inizjattiva tiegħu, b’mod parallel għal proċedura ta’ eżekuzzjoni forzata.

31      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, id-direttiva dwar il-prattiki kummerċjali żleali għandha tiġi interpretata fis-sens li r-relazzjoni ġuridika bejn kumpannija ta’ rkupru ta’ dejn u d-debitur inadempjenti ta’ kuntratt ta’ kreditu fuq il-konsum li d-dejn tiegħu għandu jiġi ttrasferit lil din il-kumpannija taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tagħha. Il-prattiki adottati minn din il-kumpannija bil-għan li tipproċedi għall-irkupru tad-dejn tagħha jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “prodott” fis-sens tal-Artikolu 2(c) ta’ din id-direttiva. F’dan ir-rigward, hija mingħajr effett iċ-ċirkustanza li d-dejn ġie kkonfermat permezz ta’ deċiżjoni ġudizzjarja u li din id-deċiżjoni ġiet ikkomunikata lil uffiċjal ġudizzjarju sabiex tkun tista’ tiġi eżegwita.

 Fuq l-ispejjeż

32      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

Id-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Mejju 2005, dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE, id-Direttivi 97/7/KE, 98/27/KE u 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolament (KE) 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali), għandha tiġi interpretata fis-sens li r-relazzjoni ġuridika bejn kumpannija ta’ rkupru ta’ dejn u d-debitur inadempjenti ta’ kuntratt ta’ kreditu fuq il-konsum li d-dejn tiegħu għandu jiġi ttrasferit lil din il-kumpannija taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tagħha. Il-prattiki adottati minn din il-kumpannija bil-għan li tipproċedi għall-irkupru tad-dejn tagħha jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “prodott” fis-sens tal-Artikolu 2(c) ta’ din id-direttiva. F’dan ir-rigward, hija mingħajr effett iċ-ċirkustanza li d-dejn ġie kkonfermat permezz ta’ deċiżjoni ġudizzjarja u li din id-deċiżjoni ġiet ikkomunikata lil uffiċjal ġudizzjarju sabiex tkun tista’ tiġi eżegwita.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Litwan.