Language of document : ECLI:EU:T:2018:305

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla)

29 ta’ Mejju 2018 (*)

“Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità – Trade mark tal-Unjoni Ewropea verbali SHERPA – Trade mark nazzjonali verbali preċedenti SHERPA – Dikjarazzjoni ta’ invalidità parzjali – Suġġett tat-tilwima quddiem il-Bord tal-Appell – Użu ġenwin tat-trade mark – Artikolu 42(2) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009 (li sar l-Artikolu 47(2) tar-Regolament (UE) 2017/1001) – Artikolu 53(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009 (li sar l-Artikolu 60(2)(a) tar-Regolament 2017/1001) – Raġuni relattiva għal rifjut – Probabbiltà ta’ konfużjoni – Artikolu 8(1)(a) u (b) tar-Regolament Nru 207/2009 (li sar l-Artikolu 8(1)(a) u (b) tar-Regolament 2017/1001)”

Fil-Kawża T‑577/15,

Xabier Uribe-Etxebarría Jiménez, residenti f’Erandio (Spanja), irrappreżentat minn M. Esteve Sanz, avukat,

rikorrent,

vs

L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), irrappreżentat minn J. Crespo Carrillo, bħala aġent,

konvenut,

il-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell tal-EUIPO, intervenjent quddiem il-Qorti Ġenerali, hija

Núcleo de comunicaciones y control, SL, stabbilita f’Madrid (Spanja), irrappreżentata minn P. López Ronda, G. Macías Bonilla, G. Marín Raigal u E. Armero Lavie, avukati,

li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni tat-Tieni Bord tal-Appell tal-EUIPO tas-17 ta’ Lulju 2015 (Każ R 1135/2014‑2), dwar proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità bejn Núcleo de comunicaciones y control u X. Uribe-Etxebarría Jiménez,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla),

komposta minn I. Pelikánová, President, P. Nihoul (Relatur) u J. Svenningsen, Imħallfin,

Reġistratur: J. Palacio González, Amministratur Prinċipali,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-1 ta’ Ottubru 2015,

wara li rat ir-risposta tal-EUIPO ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-14 ta’ Jannar 2016,

wara li rat ir-risposta tal-intervenjenti ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-12 ta’ Frar 2016,

wara li rat l-assenjazzjoni mill-ġdid tal-kawża lill-Ewwel Awla u lil Imħallef Relatur ġdid,

wara li rat id-domandi bil-miktub tal-Qorti Ġenerali lir-rikorrent u lill-EUIPO u r-risposti tagħhom għal dawn id-domandi ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali, fis-16 u fil-15 ta’ Diċembru 2016 rispettivament,

wara s-seduta tat-28 ta’ Novembru 2017,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Fis-26 ta’ Mejju 2011, ir-rikorrent, Xabier Uribe-Etxebarría Jiménez, ippreżenta applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea lill-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009 tas-26 ta’ Frar 2009 dwar it-trademark tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2009, L 78, p. 1), kif emendat (issostitwit bir-Regolament (UE) 2017/1001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2017 dwar it-trademark tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2017, L 154, p. 1)).

2        It-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni huwa s-sinjal verbali SpagO.

3        Il-prodotti u s-servizzi li għalihom saret l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni jaqgħu, b’mod partikolari, fil-klassijiet 9 u 42 fis-sens tal-Ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif rivedut u emendat. Fl-applikazzjoni għat-trade mark, dawn il-prodotti u servizzi kienu jikkorrispondu, fir-rigward ta’ kull waħda minn dawn il-klassijiet, għad-deskrizzjoni li ġejja:

–        klassi 9: “Strumenti elettroniċi diġitali portabbli u mobbli sabiex isiru u jittieħdu telefonati, faks, posta elettronika, kontenut tal-vidjo, messaġġi istantanji, mużika, kontenut tal-awdjoviżiv u multimedja u data diġitali oħra; tagħmir li jħaddem l-MP3 u plejers tal-awdjo u vidjo diġitali oħra; kompjuters li jinġarru, assistenti personali diġitali, organizzaturi elettroniċi, apparat elettroniku għaż-żamma tan-noti; medja ta’ data manjetika; telefonijiet, mowbajls, tagħmir tal-logħob tal-kompjuter, telefonijiet bil-vidjo, kameras; riċevituri tar-radju; trasmettituri tar-radju; kamera tal-vidjos; ħardwer u softwer tal-kompjuter; softwer u fermwer, jiġifieri, programmi tas-sistema operattiva, programmi ta’ sinkronizzazzjoni ta’ data, u programmi ta’ għodda ta’ żvilupp ta’ applikazzjonijiet għal kompjuters personali u portabbli; softwer għall-għarfien tal-karattri, softwer għall-ġestjoni tat-telefon, softwer għall-mowbajls; ħardwer u softwer għall-irkupru ta’ informazzjoni ibbażati fuq it-telefonija; softwer li jbiddel messaġġi mill-ġdid; softwer tal-logħob; programmi tal-kompjuter irreġistrati minn qabel għall-ġestjoni ta’ informazzjoni personali; softwer tal-kompjuter għall-ġestjoni tad-database; softwer għall-bgħit ta’ messaġġi u ta’ posta elettronika; softwer għas-sinkronizzazzjoni ta’ databases; programmi tal-kompjuter biex wieħed jaċċedi, jara u jfittex fuq databases online; ħardwer u softwer tal-kompjuter sabiex tiġi stabbilita komunikazzjoni bit-telefon integrata man-netwerks tal-kompjuter ta’ informazzjoni mondjali; parts u aċċessorji għal strumenti elettroniċi diġitali portabbli u mobbli; parts u aċċessorji għal mowbajls; kaver għall-mowbajls; pokits għat-telefonijiet ċellulari; pokits għall-mowbajls magħmula mill-ġilda jew minn imitazzjoni tal-ġilda; kaver għall-mowbajls magħmula minn drappijiet jew materjali tat-tessuti; batteriji; batteriji li jistgħu jerġgħu jiġu ċċarġjati; ċarġers; ċarġers għall-batteriji tal-elettriku; kuffji; kuffji tal-isterjo; kuffji li jidħlu fil-widnejn; kaxxi sterjo; lawdspikers; spikers tal-awdjo għad-dar; spikers għal apparat sterjofoniku personali; mikrofoni; apparat tal-awdjo għall-karrozzi; apparati għall-konnessjoni u l-iċċarġjar ta’ strumenti elettroniċi diġitali portabbli; manwali tal-utent f’format li jinqara elettronikament, bil-magni jew fuq il-kompjuter iddisinjat biex jintuża ma’, u jinbiegħ flimkien mal-prodotti kollha ċċitati hawn fuq; parts u fittings għall-prodotti kollha ċċitati hawn fuq, bl-eċċezzjoni ta’ apparati u strumenti għall-għażla ta’ programmi tat-televiżjoni u programmi oħra, u bl-eċċezzjoni espressa ta’ kull tip ta’ prodott użat b’konnessjoni mal-vetturi militari u vetturi għal kull tip ta’ art (militari jew le) u kull tip ta’ prodott għall-finijiet militari”;

–        klassi 42: “Servizzi xjentifiċi; servizzi ta’ analiżi u riċerka industrijali; disinn u żvilupp ta’ ħardwer u softwer tal-kompjuter; servizzi ta’ konsulenza fil-qasam ta’ softwer awdjoviżiv u multimedja; provvista ta’ faċilitajiet ta’ tiftix għall-kisba ta’ informazzjoni permezz ta’ netwerk ta’ komunikazzjoni; servizzi ta’ fornitur ta’ servizz ta’ applikazzjonijiet (ASP) li jinkludi softwer sabiex jintuża b’konnessjoni ma’ servizz ta’ abbonament mużikali online, softwer li jippermetti lill-utenti jaqraw u jipprogrammaw kontenut mużikali u marbut mad-divertiment awdjo, vidjo, testwali u multimedja, u softwer li jinkludi reġistrazzjonijiet ta’ ħsejjes mużikali, tal-kontenut marbut mad-divertiment audio, vidjo, testwali u multimedja; provvista ta’ użu temporanju ta’ softwer online li ma jistax jitniżżel li jippermetti lill-utenti jipprogrammaw kontenut awdjo, vidjo, testwali u multimedja oħra, inklużi mużika, kunċerti, vidjos, radju, televiżjoni, aħbarijiet, sports, logħob, avvenimenti kulturali u programmi marbuta mad-divertiment; tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ infrastrutturi online, permezz ta’ netwerk globali tal-kompjuter, sabiex jippermetti lill-utenti jipprogrammaw l-ippjanar tal-kontenut awdjo, vidjo, testwali u multimedja oħra, inklużi mużika, kunċerti, vidjos, radju, televiżjoni, aħbarijiet, sports, logħob, avvenimenti kulturali u programmi marbuta mad-divertiment, meta jixxandru; provvista ta’ faċilitajiet ta’ tiftix sabiex tinkiseb informazzjoni dwar netwerk globali tal-kompjuter; servizzi ta’ faċilitajiet ta’tiftix; servizzi ta’ konsulenza u ta’ assistenza dwar il-kompjuter għall-iskennjar ta’ informazzjoni fuq diski tal-kompjuter, fejn dawn is-servizz kollha tal-klassi 42 bl-ebda mod ma huma relatati mal-provvist ta’ aċċess (softwer) għal pjattaformi ta’ negozjar għat-twettiq u l-eżekuzzjoni ta’ operazzjonijiet li jirrigwardaw titoli ta’ sigurtà u operazzjonijiet li jirrigwardaw strumenti finanzjarji oħra negozjabbli (bl-eċċezzjoni tal-provvista ta’ aċċess għall-internet)”.

4        L-applikazzjoni għat-trade mark ġiet ippubblikata fil-Bulettin tat-trade marks KomunitarjiNru 135/2011, tal-20 ta’ Lulju 2011, u s-sinjal verbali SHERPA ġie rreġistrat bħala trade mark tal-Unjoni Ewropea fis‑27 ta’ April 2012, bin-numru 10000339.

5        Fit-23 ta’ Novembru 2012, l-intervenjenti, Núcleo de comunicaciones y control, SL, ressqet talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità quddiem l-EUIPO bbażata fuq l-Artikolu 53(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009 (li sar l-Artikolu 60(1)(a) tar-Regolament Nru 2017/1001), moqri flimkien mal-Artikolu 8(1)(a) u (b) tal-imsemmi regolament (li sar l-Artikolu 8(1)(a) u (b) tar-Regolament 2017/1001).

6        Din it-talba kienet tikkonċerna l-prodotti u s-servizzi kollha koperti mit-trade mark ikkontestata u kienet ibbażata fuq l-eżistenza ta’ trade mark preċedenti, jiġifieri t-trade mark Spanjola verbali SHERPA, li kienet ġiet irreġistrata fit-22 ta’ Marzu 1999 bin-numru 2187342, għal prodotti li jaqgħu fil-klassi 9 u li jikkorrispondu għad-deskrizzjoni li ġejja: “Sistemi għall-ipproċessar tal-informazzjoni u b’mod partikolari sistemi ta’ superviżjoni u ta’ kontroll”.

7        Quddiem id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni, ir-rikorrent talab li l-intervenjenti tipprova l-użu ġenwin tat-trade mark preċedenti. Din it-talba kienet ibbażata fuq l-Artikolu 57(2) u (3) tar-Regolament Nru 207/2009 (li sar l-Artikolu 64(2) u (3) tar-Regolament Nru 2017/1001), li jipprovdi li l-proprjetarju ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea jista’ jirrikjedi prova li kien sar użu ġenwin mit-trade mark preċedenti fit-territorju fejn hija protetta, matul il-ħames snin ta’ qabel ma tressqet it-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità.

8        Wara din it-talba, l-intervenjenti pproduċiet dokumenti intiżi sabiex jistabbilixxu dan l-użu ġenwin.

9        Fil-31 ta’ Lulju 2013, ir-rikorrent emenda l-applikazzjoni tiegħu għat-trade mark billi introduċa l-limitazzjoni li ġejja fi tmiem il-lista ta’ prodotti li jaqgħu fil-klassi 9 (iktar ’il quddiem il-“limitazzjoni”): “bl-eċċezzjoni espressa tas-sistemi ta’ superviżjoni u ta’ kontroll u tas-sistemi għall-ipproċessar tal-informazzjoni intiżi għas-superviżjoni u l-kontroll”.

10      Fl-osservazzjonijiet tagħha tal-11 ta’ Ottubru 2013, l-intervenjenti indikat lill-EUIPO li, minkejja din il-limitazzjoni, hija kienet ser tippersisti bit-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tat-trade mark ikkontestata.

11      Fis-27 ta’ Frar 2014, id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni tal-EUIPO ħadet deċiżjoni li tilqa’ parzjalment it-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità mressqa mill-intervenjenti. F’din id-deċiżjoni, hija qieset li l-provi prodotti mill-intervenjenti kienu jistabbilixxu l-użu tat-trade mark preċedenti biss għal dak li jikkonċerna sistemi għall-ipproċessar tal-informazzjoni u sistemi ta’ superviżjoni u ta’ kontroll fil-proċessi industrijali.

12      Fil-25 ta’ April 2014, ir-rikorrent ippreżenta appell quddiem l-EUIPO, skont l-Artikoli 58 sa 64 tar-Regolament Nru 207/2009 (li saru l-Artikoli 66 sa 71 tar-Regolament Nru 2017/1001), mid-deċiżjoni mogħtija mid-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni.

13      Fil-kuntest ta’ dawn il-proċedimenti, ir-rikorrent ippreżenta, fis‑27 ta’ Ġunju 2014, nota li tesponi l-aggravji tiegħu. L-istess jum, huwa ppreżenta lill-EUIPO dokument ieħor intitolat “Nota komplementari li tesponi l-aggravji”. Għal dawn iż-żewġ dokumenti, il-preżentata saret qabel ma skada t-terminu previst għal dan il-għan.

14      Permezz ta’ deċiżjoni tas-17 ta’ Lulju 2015 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), it-Tieni Bord tal-Appell tal-EUIPO ċaħad l-appell. Fid-dawl tal-fatt li ebda parti ma mmanifestat in-nuqqas ta’ qbil tagħha fir-rigward tal-evalwazzjoni mwettqa mid-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni dwar il-provi tal-użu ġenwin tat-trade mark preċedenti, il-Bord illimita l-analiżi tiegħu għall-applikazzjoni tal-Artikolu 53(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009, moqri flimkien mal-Artikolu 8(1)(a) u (b) tal-istess regolament.

15      F’dan il-kuntest, il-Bord tal-Appell iddefinixxa l-pubbliku li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni għall-evalwazzjoni tat-trade marks. Fil-fehma tiegħu, din id-definizzjoni kienet tiddependi mill-prodotti u mis-servizzi kkonċernati. Għall-prodotti li jaqgħu fil-klassi 9 dan kien il-pubbliku ġenerali u pubbliku speċjalizzat iżda sempliċement pubbliku speċjalizzat għas-servizzi li jaqgħu fil-klassi 42 (punt 26 tad-deċiżjoni kkontestata).

16      Għal dak li jirrigwarda l-paragun tal-prodotti u tas-servizzi, il-Bord tal-Appell approva l-evalwazzjoni mwettqa mid-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni li ċerti prodotti kkontestati, li jaqgħu fil-klassi 9, kienu identiċi għall-prodotti koperti mit-trade mark preċedenti, li jaqgħu fil-klassi 9 (punti 32, 33 u 34 tad-deċiżjoni kkontestata). Barra minn hekk, huwa qies, bħad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni, li ċerti prodotti oħrajn koperti mit-trade mark ikkontestata li jaqgħu fil-klassi 9 u li ċerti servizzi koperti mill-istess trade mark li jaqgħu fil-klassi 42 kienu simili għall-prodotti koperti mit-trade mark preċedenti (punti 31, 36 u 37 tad-deċiżjoni kkontestata).

17      Dwar il-paragun tas-sinjali, il-Bord tal-Appell qabel mal-evalwazzjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni, li ma kinitx ikkonstestata mill-partijiet, sabiex jikkonkludi li kienu identiċi (punt 39 tad-deċiżjoni kkontestata).

18      Fid-dawl ta’ dak li ntqal, il-Bord tal-Appell ikkonkluda li kienet teżisti identiċità doppja, jiġifieri identiċità tas-sinjali u identiċità ta’ parti mill-prodotti konfliġġenti. Huwa qies ukoll li kienet teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade marks konfliġġenti għal parti oħra mill-prodotti u għal servizzi koperti mit-trade mark ikkontestata u meqjusa bħala li huma simili (punti 40 sa 47 tad-deċiżjoni kkontestata).

 It-talbiet tal-partijiet

19      Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-EUIPO u, jekk ikun il-każ, lill-intervenjenti għall-ispejjeż, inkużi dawk imġarrba għall-finijiet tal-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell.

20      L-EUIPO jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrent għall-ispejjeż.

21      L-intervenjenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkonferma d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lir-rikorrent għall-ispejjeż.

 Id-dritt

22      Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li, permezz tat-tieni kap tat-talbiet tagħha, l-intervenjenti titlob lill-Qorti Ġenerali tagħti sentenza li tikkonferma d-deċiżjoni kkontestata.

23      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, peress li “tikkonferma d-deċiżjoni kkontestata” huwa ekwivalenti għal li tiċħad ir-rikors, dan il-kap ta’ talbiet huwa essenzjalment intiż għaċ-ċaħda tar-rikors u għalhekk jingħaqad mal-ewwel kap tat-talbiet tal-intervenjenti (ara s-sentenza tal‑11 ta’ Lulju 2017, Dogg Label vs EUIPO – Chemoul (JAPRAG), T‑406/16, mhux ippubblikata, EU:T:2017:482, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata).

24      Min-naħa tiegħu, ir-rikorrent jippreżenta, insostenn tar-rikors tiegħu għal annullament, tliet motivi bbażati, l-ewwel nett, fuq il-ksur tal-Artikolu 63(1), tal-Artikolu 64(1) u tal-Artikolu 76(1) tar-Regolament Nru 207/2009 (li saru l-Artikolu 70(1), l-Artikolu 71(1) u l-Artikolu 95(1) tar-Regolament 2017/1001, rispettivament), it-tieni nett fuq il-ksur tal-Artikolu 57(2) u (3) tar-Regolament Nru 207/2009, moqri flimkien mal-Artikolu 42(2) u (3) ta’ dan l-istess regolament (li sar l-Artikolu 47(2) u (3) tar-Regolament 2017/1001) kif ukoll flimkien mar-Regola 22 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2868/95 tat-13 ta’ Diċembru 1995 li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 dwar it-trade mark tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 189) (li sar l-Artikolu 10 tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/1430 tat-18 ta’ Mejju 2017 li jissupplimenta r-Regolament Nru 207/2009 u li jirrevoka r-Regolamenti Nru 2868/95 u (KE) Nru 216/96 (ĠU 2017, L 205, p. 1)), u, it-tielet nett, fuq il-ksur tal-Artikolu 8(1)(a) u (b) tar-Regolament Nru 207/2009.

 Fuq l-ewwel motiv li jikkonċerna r-rifjut li jiġi eżaminat l-użu ġenwin tat-trade mark preċedenti

25      Permezz tal-ewwel motiv tiegħu, ir-rikorrent jikkritika lill-Bord tal-Appell li ma analizzax l-użu ġenwin tat-trade mark preċedenti minkejja li kellu jagħmel dan skont l-Artikolu 63(1), l-Artikolu 64(1) u l-Artikolu 76(1) tar-Regolament Nru 207/2009.

26      Dan il-motiv huwa bbażat fuq żewġ ilmenti.

 Fuq l-ewwel ilment li jikkonċerna n-nuqqas ta’ eżami tal-użu ġenwin, minkejja talba magħmula f’dan is-sens

27      Permezz tal-ewwel ilment, ir-rikorrent isostni li l-użu ġenwin kellu jiġi eżaminat mill-Bord tal-Appell minħabba li huwa kien talbu jagħmel dan l-eżami espressament fin-nota li tesponi l-aggravji.

28      L-EUIPO u l-intervenjenti jikkontestaw il-fondatezza ta’ dan l-ilment.

29      Preliminarjament, għandu jitfakkar li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell ma stħarriġx il-fondatezza tal-evalwazzjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni dwar il-prova tal-użu ġenwin tat-trade mark preċedenti, billi qies li din l-evalwazzjoni ma kinitx ikkontestata quddiemu (ara l-punt 14 iktar ’il fuq).

30      Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li, insostenn tal-appell tiegħu, ir-rikorrent ppreżenta lill-Bord tal-Appell, żewġ noti.

31      Fl-ewwel nota, huwa wera l-qbil tiegħu dwar l-evalwazzjoni mwettqa mid-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni fir-rigward tal-użu ġenwin tat-trade mark preċedenti.

32      Fit-tieni nota, li huwa ppreżenta bħala “komplementari” fir-rigward tal-ewwel waħda, ir-rikorrent indika, b’mod partikolari, “li (kien) fl-interess (tiegħu) (…) li l-Bord tal-Appell jeżamina mill-ġdid, bħalma (kien) obbligat jagħmel, il-prova tal-użu prodotta mill-parti li talbet għad-dikjarazzjoni ta’ invalidità u kkontestata fir-rigward tat-trade mark preċedenti irreġistrata li tagħha kienet il-proprjetarja u li fuqha (kienet) qed tibbaża t-talba tagħha għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, peress li hekk (kien) ikun ikkonfermat li użu suffiċjenti tat-trade mark li jippermetti li jiġi ġġustifikat dan ir-rikors ma (kienx) ġie pprovat” u “sussidjarjament, hekk jiġi kkonfermat li t-trade mark ma (kinitx) intużat ħlief b’mod ferm limitat għal prodott konkret li ma (kellu) xejn x’jaqsam mal-prodott u s-servizzi koperti mit-trade mark tar-rikorrent” (paġni 2 u 3 tat-tieni nota).

33      Wara li ddikjara l-intenzjoni tiegħu li jikkritika l-evalwazzjoni mwettqa mid-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni dwar l-użu ġenwin tat-trade mark preċedenti, ir-rikorrent barra minn hekk żviluppa diversi argumenti, fit-tieni nota tiegħu, kontra din l-evalwazzjoni (paġni 3 sa 8 tat-tieni nota).

34      Fuq il-bażi ta’ dawn l-argumenti, huwa indika li, fil-fehma tiegħu, “wieħed ma jistax (…) jikkonkludi li l-eżistenza ta’ użu ġenwin tat-trade mark (preċedenti) (kien) ġie pprovat” (paġna 8 tat-tieni nota).

35      Fl-ewwel lok, minn din il-preżentazzjoni jirriżulta li, bħalma indika l-EUIPO, fit-tieni nota tiegħu, fuq il-kwistjoni tal-użu ġenwin tat-trade mark preċedenti, ir-rikorrent adotta pożizzjoni kuntrarja għal dik li kien iddefenda, dwar l-istess kwistjoni, fl-ewwel nota tiegħu u dan minkejja li t-tieni dokument kien ippreżentat sempliċement bħala li huwa “komplementari” fir-rigwad tal-ewwel wieħed, aġġettiv li kien jindika lill-EUIPO li l-informazzjoni pprovduta fit-tieni nota kienet biss insostenn tal-pożizzjoni adottata fl-ewwel waħda.

36      Fit-tieni lok, jidher li n-“nota komplementari” sottomessa mir-rikorrent fiha żewġ siltiet li ma jaqblux bejniethom, waħda tikkontesta l-evalwazzjoni mwettqa mid-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni u l-oħra taċċetta din l-evalwazzjoni. Fil-fatt, minn naħa, ir-rikorrent ikkritika, fil-paġni 2 sa 8 ta’ din in-nota, il-pożizzjoni adottata mid-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni dwar il-kwistjoni tal-użu ġenwin, kif ġie enfasizzat fil-punti 32 sa 34 iktar ’il fuq. Min-naħa l-oħra, huwa ddikjara, fil-paġna 8 tal-imsemmi nota li, “bħalma (…) ġie indikat fin-nota preċedenti (tiegħu), (huwa kien) għaldaqstant jaqbel mad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni meta (kienet) iddikjarat li ‘l-provi tal-użu prodotti mill-konvenuta ma (kinux) juru li t-trade mark (kienet) intużat għal din il-kategorija kbira kollha ta’ prodotti, iżda (kienu) juru l-użu tat-trade mark preċedenti biss għal dak li (kien) jikkonċerna sistemi għall-ipproċessar tal-informazzjoni u sistemi ta’ superviżjoni u ta’ kontroll fi proċessi industrijali’”.

37      F’tali sitwazzjoni, il-Bord tal-Appell jissostitwixxi ruħu għar-rikorrent jekk huwa jagħmel għażla bejn il-pożizzjonijiet kontradittorji li r-rikorrent jiddefendi u jekk huwa jiddetermina, b’deduzzjoni, il-motivi li fuqhom, fil-fehma tiegħu, it-talba hija bbażata. Skont il-ġurisprudenza, huwa r-rikorrent li għandu jistabbilixxi l-qafas tat-tilwima billi jifformula b’mod preċiż u koerenti t-talbiet li jissottometti u l-argumenti li jressaq. Fihom infushom, id-dokumenti ppreżentati mir-rikorrent għandhom jippermettu lill-Bord tal-Appell jifhem għaliex ir-rikorrent qiegħed jitolbu jannulla jew ibiddel deċiżjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-28 ta’ April 2010, Claro vs UASI – Telefónica (Claro), T‑225/09, mhux ippubblikata, EU:T:2010:169, punt 28, u tas-16 ta’ Mejju 2011, Atlas Transport vs UASI – Atlas Air (ATLAS), T‑145/08, EU:T:2011:213, punt 41).

38      Matul is-seduta quddiem il-Qorti Ġenerali, ir-rikorrent indika li l-ewwel nota kienet tinkludi l-argument prinċipali tiegħu iżda li kellu jitqies bħala li sar sussidjarju wara li ġiet ippreżentata t-tieni nota inkwantu, minkejja li ppreżentata bħala komplementari, din it-tieni nota kienet tagħmel tibdiliet importanti fir-rigward tad-difiża tar-rikorrent, fejn punt li ma kienx diskuss qabel sar is-suġġett ċentrali tal-kritiki li issa huma fformulati minn din il-parti kontra d-deċiżjoni kkontestata.

39      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, bħalma indika fis-seduta l-EUIPO, sostnut fuq dan il-punt mill-intervenjenti, in-noti sottomessi mill-partijiet quddiem l-EUIPO għandhom jinftiehmu, fihom infushom b’applikazzjoni tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 37 iktar ’il fuq. Fil-każ ineżami, id-dokumenti sottomessi mir-rikorrent ma kinux jissodisfaw dan ir-rekwiżit fil-mument meta ġew sottomessi, bħalma ġie indikat fil-punti 35 à 38 iktar ’il fuq.

40      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bord tal-Appell kien ġust meta ċaħad in-nota sottomessa fit-tieni lok mir-rikorrent fid-dawl tal-kontradizzjoni li kien fih dan id-dokument u b’teħid inkunsiderazzjoni tal-fatt li din in-nota kienet ippreżentata bħala sempliċement komplementari u għaldaqstant ir-rikorrent indika li l-argument prinċipali kien jinsab fin-nota ppreżentata fl-ewwel lok.

41      Għal dawn ir-raġunijiet, l-ewwel ilment ippreżentat mir-rikorrent għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq it-tieni lment li jikkonċerna l-kontinwità funzjonali bejn l-istanzi tal-EUIPO u l-effett devoluttiv tal-appell

42      Permezz tal-ilment tiegħu, ir-rikorrent isostni li l-Bord tal-Appell kellu jeżamina l-użu ġenwin tat-trade mark preċedenti, mingħajr ma kellha ssir talba f’dan is-sens. Fil-fehma tiegħu, dan l-eżami kien neċessarju, indipendentement minn tali talba, abbażi tal-prinċipju ta’ kontinwità funzjonali li teżisti bejn l-istanzi tal-EUIPO u l-effett devoluttiv li huwa konness mal-preżentata ta’ appell f’dan il-kuntest. Minn dan il-prinċipju u minn dan l-effett, jirriżulta li l-Bordijiet tal-Appell għandhom jibbażaw id-deċiżjonijiet tagħhom fuq il-punti ta’ fatt u ta’ liġi kollha mqajma mill-partijiet fl-ewwel istanza.

43      L-EUIPO u l-intervenjenti jikkontestaw l-allegazzjonijiet tar-rikorrent.

44      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, skont il-ġurisprudenza, talba għall-prova tal-użu ġenwin ta’ trade mark preċedenti żżid mal-proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità il-kwistjoni speċifika u preliminari tal-użu ġenwin tat-trade mark preċedenti, li ladarba titqajjem mill-proprjetarju tat-trade mark, għandha tiġi riżolta qabel ma tingħata deċiżjoni dwar it-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità fiha nfisha (sentenza tat-13 ta’ Settembru 2010, Inditex vs UASI – Marín Díaz de Cerio (OFTEN), T‑292/08, EU:T:2010:399, punt 31).

45      Din in-natura speċifika u preliminari tirriżulta mill-fatt li l-analiżi tal-użu ġenwin twassal sabiex jiġi ddeterminat jekk, għall-finijiet tal-eżami tat-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, it-trade mark preċedenti tistax titqies li hija rreġistrata għall-prodotti u għas-servizzi inkwistjoni. Għaldaqstant, din l-analiżi ma taqax taħt il‑kuntest tal-eżami tat-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità fil-veru sens tal-kelma, ibbażat fuq l-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni ma’ din it-trade mark (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Settembru 2010, OFTEN, T‑292/08, EU:T:2010:399, punt 33).

46      Minn dan isegwi li, meta ma tkunx imqajma b’mod espress quddiemu, il-kwistjoni tal-użu ġenwin ma tikkostitwixxix punt ta’ liġi li għandu neċessarjament jiġi eżaminat mill-Bord tal-Appell sabiex jingħata eżitu għall-każ quddiemu. F’dawn iċ-ċirkustanzi, din il-kwistjoni għandha titqies bħala li ma tagħmilx parti mis-suġġett tat-tilwima quddiem il-Bord tal-Appell (ara s-sentenza tat-12 ta’ Marzu 2014, El Corte Inglés vs UASI – Technisynthese (BTS), T‑592/10, mhux ippubblikata, EU:T:2014:117, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata).

47      Minn dan jirriżulta li, bil-kontra ta’ dak li jsostni r-rikorrent, il-kontinwità funzjonali bejn l-istanzi tal-EUIPO u l-effett devoluttiv tal-appell quddiem il-Bord tal-Appell ma għandhomx bħala konsegwenza li dan ikun awtomatikament adit bi kwistjonijiet dwar l-użu ġenwin tat-trade mark preċedenti meta dawn il-kwistjonijiet ma jkunux ġew imqajma quddiemu, b’mod espress, mir-rikorrent.

48      It-tieni lment tal-ewwel motiv għandu għalhekk jiġi miċħud kif ukoll, fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel ilment, l-ewwel motiv meqjus fl-intier tiegħu.

 Fuq it-tieni motiv ibbażat fuq żball ta’ evalwazzjoni fl-analiżi tal-provi sabiex jintwera l-użu ġenwin tat-trade mark preċedenti

49      Permezz tat-tieni motiv tiegħu, ir-rikorrent isostni li d-deċiżjoni mogħtija mid-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni hija vvizzjata, għal dak li jikkonċerna l-użu tat-trade mark preċedenti, minn żball ta’ evalwazzjoni bi ksur tal-Artikolu 42(2) tar-Regolament Nru 207/2009 u tar-Regola 22 tar-Regolament Nru 2868/95. B’risposta għal domanda magħmula mill-Qorti Ġenerali waqt is-seduta, ir-rikorrent ippreċiża li dan il-motiv kien ukoll ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 57(2) u (3) tar-Regolament Nru 207/2009, li jikkonċerna l-produzzjoni tal-provi tal-użu ġenwin tat-trade mark preċedenti fil-kuntest ta’ proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità.

50      Fl-atti tiegħu, ir-rikorrent jippreċiża li dan il-motiv huwa mressaq b’mod sussidjarju u għandu jiġi analizzat mill-Qorti Ġenerali biss fl-ipoteżi li din tiċħad l-ewwel motiv eżaminat iktar ’il fuq. Peress li dan l-ewwel motiv ġie miċħud fil-punt 48 iktar ’il fuq, hemm lok li jiġi eżaminat it-tieni motiv. Fil-kuntest ta’ dan il-motiv sussidjarju, ir-rikorrent janalizza diversi dokumenti pprovduti mill-intervenjenti matul il-proċedimenti quddiem id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni, filwaqt li jitlob lill-Qorti Ġenerali tikkonstata li dawn id-dokumenti ma għandhomx is-saħħa probatorja meħtieġa sabiex jiġi stabbilit l-użu ġenwin tat-trade mark preċedenti.

51      L-EUIPO u l-intervenjenti jikkontestaw l-ammissibbiltà u l-fondatezza ta’ dan il-motiv.

52      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, ir-rikorsi ppreżentati quddiem il-Qorti Ġenerali fil-qasam tat-trade marks huma intiżi jistħarrġu l-legalità tad-deċiżjonijiet meħuda mill-Bordijiet tal-Appell tal-EUIPO. F’dan il-kuntest, il-Qorti Ġenerali ma tistax teżamina mill-ġdid il-fatti fid-dawl tal-provi prodotti għall-ewwel darba quddiemha (ara s-sentenza tas-16 ta’ April 2015, Matratzen Concord vs UASI – KBT (ARKTIS), T‑258/13, mhux ippubblikata, EU:T:2015:207, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).

53      Fil-każ ineżami, huwa paċifiku li l-Bord tal-Appell ma eżaminax b’mod awtonomu u komplet il-provi prodotti mill-intervenjenti sabiex tistabbilixxi l-użu ġenwin tat-trade mark preċedenti u li huwa ma kellux jagħmel dan, fl-assenza ta’ talba ċara f’dan is-sens ippreżentata quddiemu mir-rikorrent.

54      Minn dan isegwi li, bl-applikazzjoni tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 52 iktar ’il fuq, dawn il-provi ma jistgħux jiġu eżaminati mill-Qorti Ġenerali, u li t-tieni motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq żbalji mwettqa matul l-evalwazzjoni tal-identiċità jew tax-xebh tal-prodotti jew tas-servizzi

55      Permezz tat-tielet motiv tiegħu, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 8(1)(a) u (b) tar-Regolament Nru 207/2009, ir-rikorrent jikkritika lill-Bord tal-Appell li wettaq żbalji fl-evalwazzjoni tal-identiċità jew tax-xebh eżistenti bejn il-prodotti u s-servizzi koperti mit-trade marks konfliġġenti.

56      Fl-atti tiegħu, ir-rikorrent jippreċiża li dan il-motiv tressaq b’mod iktar sussidjarju u għandu jiġi eżaminat jekk id-deċiżjoni kkontestata ma tiġix annullata fuq il-bażi tal-ewwel u tat-tieni motivi. Peress li dawn iż-żewġ motivi ġew miċħuda, it-tielet motiv għandu jiġi analizzat billi jiġu eżaminati, preliminarjament, il-kunsiderazzjonijiet magħmula mill-Bord tal-Appell fir-rigward tal-pubbliku rilevanti u tal-paragun tas-sinjali.

 Fuq il-pubbliku rilevanti

57      Sabiex tiġi evalwata l-probabbiltà ta’ konfużjoni, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-konsumatur medju għall-kategorija ta’ prodotti kkonċernati, fejn l-ewwel nett għandu jinftiehem li dan il-konsumatur huwa normalment informat u raġonevolment attent u avvżat, imbagħad li l-livell ta’ attenzjoni tiegħu jista’ jvarja mal-kategorija ta’ prodotti jew ta’ servizz inkwistjoni (ara s-sentenza tat-13 ta’ Frar 2007, Mundipharma vs UASI – Altana Pharma (RESPICUR), T‑256/04, EU:T:2007:46, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).

58      Fil-punt 26 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell ikkonstata li l-pubbliku kkonċernat mill-prodotti tal-klassi 9 kien jinkludi, minn naħa, il-pubbliku ġenerali u min-naħa l-oħra, pubbliku speċjalizzat, kompost minn impriżi li għandhom għarfien jew esperjenza professjonali speċifiċi. Fl-istess punt huwa rrileva li s-servizz inklużi fil-klassi 42 kienu intiżi għal pubbliku li għandu għarfien xjentifiku u tekniku, li l-livell ta’ attenzjoni tiegħu kien ogħla. Peress li dawn l-evalwazzjonijiet ma ġewx ikkontestati mir-rikorrent u peress li huma fondati, huma jistgħu jiġu approvati mill-Qorti Ġenerali.

59      Barra minn hekk, il-Bord tal-Appell qies, fil-punt 25 tad-deċiżjoni kkontestata, mingħajr ma dan ġie kkontestat mir-rikorrent, li t-territorju rilevanti kien dak tal-Unjoni Ewropea. B’risposta għal domanda magħmula waqt is-seduta, l-EUIPO ammetta li wettaq żball meta ddefinixxa b’dan il-mod it-territorju rilevanti, iżda sostna li dan l-iżball ma kellux effett fuq il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata. Ir-rikorrent sostna li l-imsemmi żball seta’ jkollu effett fuq l-evalwazzjoni tax-xebh kunċettwali tat-trade marks konfliġġenti. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, għalkemm il-Bord tal-Appell wettaq żball peress li, minħabba l-fatt li t-trade mark preċedenti hija trade mark Spanjola, it-territorju rilevanti li kellu jittieħed inkunsiderazzjoni kien dan ta’ Spanja, dan l-iżball jibqa’ mingħajr effett fuq il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, dan ma jistax jinfluwenza l-evalwazzjoni tax-xebh viżiv, fonetiku jew anki kunċettwali tat-trade marks konfliġġenti, peress li dawn huma identiċi, jew l-evalwazzjoni tax-xebh ta’ prodott u ta’ servizzi inkwistjoni, li ma jidhirx li tista’ tiddependi fuq it-territorju rilevanti, ħaġa li barra minn hekk ma ġietx sostnuta fil-każ ineżami.

 Fuq il-paragun tas-sinjali

60      Fil-każ ineżami, il-Bord tal-Appell qies fil-punt 39 tad-deċiżjoni kkontestata li, peress li kienu komposti esklużivament mill-kelma “sherpa”, is-sinjali konfliġġenti kienu identiċi. Peress li din il-konstatazzjoni tirriżulta mill-provi u li ma ġietx ikkontestata mir-rikorrent, hija tista’ tiġi approvata.

 Fuq il-paragun tal-prodotti u tas-servizzi

–       Fuq l-ewwel ilment li jikkonċerna l-evalwazzjoni tax-xebh tal-prodotti li jaqgħu fil-klassi 9 koperti mit-trade mark preċedenti u tas-servizzi li jaqgħu fil-klassi 42 koperti mit-trade mark ikkontestata

61      Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell ikkunsidra li ċerti servizzi li jaqgħu fil-klassi 42 imsemmija fl-applikazzjoni għal reġistrazzjoni sottomessa mir-rikorrent kienu simili għall-prodotti li jaqgħu fil-klassi 9 koperti mit-trade mark preċedenti.

62      Din l-evalwazzjoni hija kkontestata mir-rikorrent għas-servizzi li ġejjin: “servizzi ta’ konsulenza fil-qasam ta’ softwer awdjoviżiv u multimedja; provvista ta’ faċilitajiet ta’ tiftix għall-kisba ta’ informazzjoni permezz ta’ netwerk ta’ komunikazzjoni; provvista ta’ faċilitajiet ta’ tiftix sabiex tinkiseb informazzjoni dwar netwerk globali tal-kompjuter”.

63      Il-konstatazzjoni ta’ xebh imwettqa mil-Bord tal-Appell hija wkoll ikkritikata mir-rikorrent għas-servizzi elenkati hawn taħt: “servizzi ta’ fornitur ta’ servizz ta’ applikazzjonijiet (ASP) li jinkludi softwer sabiex jintuża b’konnessjoni ma’ servizz ta’ abbonament mużikali online, softwer li jippermetti lill-utenti jaqraw u jipprogrammaw kontenut mużikali u marbut mad-divertiment bl-awdjo, vidjo, testwali u multimedja u softwer li jinkludi reġistrazzjonijiet ta’ ħsejjes mużikali, tal-kontenut marbut mad-divertiment audio, vidjo, testwali u multimedja; provvista ta’ użu temporanju ta’ softwer online li ma jistax jitniżżel li jippermetti lill-utenti jipprogrammaw kontenut awdjo, vidjo, testwali u multimedja oħra, inklużi mużika, kunċerti, vidjos, radju, televiżjoni, aħbarijiet, sports, logħob, avvenimenti kulturali u programmi marbuta mad-divertiment; tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ infrastrutturi online, permezz ta’ netwerk globali tal-kompjuter, sabiex jippermetti lill-utenti jipprogrammaw l-ippjanar tal-kontenut awdjo, vidjo, testwali u multimedja oħra, inklużi mużika, kunċerti, vidjos, radju, televiżjoni, aħbarijiet, sports, logħob, avvenimenti kulturali u programmi marbuta mad-divertiment, meta jixxandru”.

64      Skont ir-rikorrent, dawn is-servizzi ma humiex komplementari jew simili għall-softwer li għandhom funzjonijiet industrijali u mibjugħa taħt it-trade mark preċedenti, peress li dawk tal-ewwel ma jistgħux jintużaw, bid-differenza ta’ dawk tal-aħħar, ħlief minn utent finali wieħed f’kull ħin.

65      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, bħalma qies il-Bord tal-Appell, l-ewwel serje ta’ servizzi, imsemmija fil-punt 62 iktar ’il fuq, jinsabu f’konnessjoni komplementari mal-prodotti koperti mit-trade mark preċedenti, u li għalihom użu ġenwin ġie stabbilit.

66      Fil-fatt, il-komplementarjetà tirriżulta mill-fatt li l-prodotti koperti mit-trade mark preċedenti jirrikjedu, sabiex ikunu jistgħu jintużaw, l-użu ta’ “softwer” u “applikazzjonijiet” li jissemmew mill-Bord tal-Appell. Bl-istess mod, dawn is-“softwer” u dawn l-“applikazzjonijiet” ma jistgħux jiġu pprovduti lill-utenti fl-assenza tal-prodotti li jippermettu l-użu tagħhom, prodotti li fosthom jinsabu s-sistemi ta’ superviżjoni u ta’ kontroll ikkummerċjalizzati mill-intervenjenti taħt it-trade mark preċedenti li l-użu tagħhom ġie stabbilit.

67      Din l-evalwazzjoni ma hijiex mibdula mill-użu tal-prodotti msemmija mit-trade mark preċedenti fi proċessi industrijali peress li dan it-terminu tal-aħħar ifisser biss li, meta jintużaw f’kuntest industrijali, il-prodotti ta’ superviżjoni u ta’ kontroll koperti minn din it-trade mark jista’ jkollhom bħala destinatarji numru sinjifikattiv ta’ utenti u jaqa’ taħt dinamika analoga għal dik li tikkaratterizza lill-produzzjoni tal-massa.

68      Issa, l-eżistenza ta’ tali konnessjoni ta’ komplementarjetà bejn dawn il-prodotti mibjugħa taħt it-trade mark preċedenti u s-servizz koperti mit-trade mark ikkontestata ma tipprekludix il-possibbiltà ta’ xebh bejniethom peress li, skont il-ġurisprudenza, ix-xebh għandu jiġi evalwat b’teħid kont tal-fatturi rilevanti kollha li jikkaratterizzaw il-konnessjoni eżistenti bejn il-prodotti u s-servizzi kkonċernati, inklużi n-natura tagħhom, id-destinazzjoni tagħhom, l-użu tagħhom kif ukoll il-karattru kompetittiv jew komplementari tagħhom (ara s-sentenza tal-11 ta’ Lulju 2007, El Corte Inglés vs UASI – Bolaños Sabri (PiraÑAM diseño original Juan Bolaños), T‑443/05, EU:T:2007:219, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

69      Għaldaqstant, il-komplementarjetà li teżisti bejn prodotti u servizzi, b’mod partikolari l-fatt li xi wħud jistgħu jintużaw flimkien mal-oħrajn, jista’ joħloq, fi ħdan il-pubbliku rilevanti, il-perċezzjoni li dawn il-prodotti u dawn is-servizzi huma simili.

70      Fil-każ ineżami, il-konstatazzjoni ta’ xebh ibbażata fuq il-komplementarjetà, li saret mill-Bord tal-Appell, għandha tiġi approvata fid-dawl tan-natura komplessa tal-prodotti u tas-servizzi kkonċernati u, b’mod partikolari, tad-diffikultà, anki għal pubbliku speċjalizzat, li jissepara dak li jaqa’ taħt it-tagħmir u dak li jaqa’ taħt is-softwer jew l-applikazzjoni, peress li xi wħud minnhom għandhom jiffunzjonaw flimkien.

71      Għal dak li jirrigwarda t-tieni serje ta’ servizzi, msemmija fil-punt 63 iktar ’il fuq, huma jistgħu jitqiesu li jixxiebhu anki jekk il-livell ta’ xebh mal-prodotti koperti mit-trade mark preċedenti huwa dgħajjef, bħalma ddeċieda l-Bord tal-Appell, sa fejn dawn is-servizzi jistgħu jiġi pprovduti mill-istess impriża jew huma ddestinati għall-istess pubbliku.

72      Għal dawn ir-raġunijiet, il-Bord tal-Appell kien ġust meta qies li kien hemm xebh bejn is-servizzi kkonċernati u l-prodotti koperti mit-trade mark preċedenti u li għalihom użu ġenwin kien ġie stabbilit.

–       Fuq it-tieni lment, li jikkonċerna l-evalwazzjoni tal-identiċità jew tax-xebh tal-prodotti li jaqgħu fil-klassi 9 koperti mit-trade mark preċedenti u ta’ prodotti li jaqgħu fil-klassi 9 koperti mit-trade mark ikkontestata

73      Għal dak li jikkonċerna l-paragun tal-prodotti li jaqgħu fil-klassi 9, il-Bord tal-Appell qies, fid-deċiżjoni kkontestata, li l-prodotti li ġejjin, li huma koperti mit-trade mark ikkontestata, kienu identiċi għall-prodotti koperti mit-trade mark preċedenti: “ħardwer u softwer tal-kompjuter; softwer u fermwer, jiġifieri, programmi tas-sistema operattiva, programmi ta’ sinkronizzazzjoni ta’ data, u programmi ta’ għodda ta’ żvilupp ta’ applikazzjonijiet għal kompjuters personali u portabbli; softwer għall-għarfien tal-karattri, softwer għall-ġestjoni tat-telefon, softwer għall-mowbajls; ħardwer u softwer għall-irkupru ta’ informazzjoni ibbażati fuq it-telefonija; softwer li jbiddel messaġġi mill-ġdid; programmi tal-kompjuter irreġistrati minn qabel għall-ġestjoni ta’ informazzjoni personali; softwer tal-kompjuter għall-ġestjoni tad-database; softwer għall-bgħit ta’ messaġġi u ta’ posta elettronika; softwer għas-sinkronizzazzjoni ta’ databases; programmi tal-kompjuter biex wieħed jaċċedi, jara u jfittex fuq databases online; ħardwer u softwer tal-kompjuter sabiex tiġi stabbilita komunikazzjoni bit-telefon integrata man-netwerks tal-kompjuter ta’ informazzjoni mondjali.”

74      Barra minn hekk, il-Bord tal-Appell ikkonstata li prodotti oħra, identifikati iktar ’l isfel u li jaqgħu ukoll fil-klassi 9, kienu jixxiebhu mal-prodotti li jaqgħu fil-klassi 9 koperti mit-trade mark preċedenti: “strumenti elettroniċi diġitali portabbli u mobbli sabiex isiru u jittieħdu telefonati, faks, posta elettronika, kontenut tal-vidjo, messaġġi istantanji, mużika, kontenut tal-awdjoviżiv et multimedja et data diġitali oħra; tagħmir li jħaddem l-MP3 u plejers tal-awdjo u vidjo diġitali oħra; kompjuters li jinġarru, assistenti personali diġitali, organizzaturi elettroniċi, apparat elettroniku għaż-żamma tan-noti; medja ta’ data manjetika; telefonijiet, mowbajls, telefonijiet bil-vidjo, kameras; riċevituri tar-radju; trasmettituri tar-radju; kamera tal-vidjos; parts u aċċessorji għal strumenti elettroniċi diġitali portabbli u mobbli; parts u aċċessorji għal mowbajls; manwali tal-utent f’format li jinqara elettronikament, bil-magni jew fuq il-kompjuter iddisinjat biex jintuża ma’, u jinbiegħ flimkien mal-prodotti kollha ċċitati hawn fuq; parts u fittings għall-prodotti kollha ċċitati hawn fuq, bl-eċċezzjoni ta’ apparati u strumenti għall-għażla ta’ programmi tat-televiżjoni u programmi oħra, u bl-eċċezzjoni espressa ta’ kull tip ta’ prodott użat b’konnessjoni mal-vetturi militari u vetturi għal kull tip ta’ art (militari jew le) u kull tip ta’ prodott għall-finijiet militari; bl-eċċezzjoni espressa tas-sistemi ta’ superviżjoni u ta’ kontroll u tas-sistemi għall-ipproċessar tal-informazzjoni intiżi għas-supervizjoni u għall-kontroll”.

75      Fir-rigward ta’ dawn id-diversi prodotti, ir-rikorrent prinċipalment isostni li meta pparaguna dawn il-prodotti fid-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell ma ħax inkunsiderazzjoni l-limitazzjoni. Issa din il-limitazzjoni teskludi kull identiċità u kull xebh tal-prodotti koperti mit-trade mark ikkontestata mal-prodotti koperti mit-trade mark preċedenti.

76      Sussidjarjament, ir-rikorrent jikkontesta l-analiżi mwettqa mill-Bord tal-Appell sabiex ikkonkluda li jeżistu identiċità u xebh bejn il-prodotti inkwistjoni.

77      L-EUIPO u l-intervenjenti jiċħdu l-argumentazzjoni tar-rikorrent.

78      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 26(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009 (li sar l-Artikolu 31(1)(c) tar-Regolament Nru 2017/1001), l-applikazzjonijiet intiżi għar-reġistrazzjoni ta’ trade marks tal-Unjoni Ewropea għandhom jinkludu lista ta’ prodotti jew ta’ servizzi li għalihom tkun saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni.

79      Barra minn hekk, skont l-Artikolu 43(1) tar-Regolament Nru 207/2009 (li sar l-Artikolu 49(1) tar-Regolament 2017/1001), l-applikant jista’ fi kwalunkwe ħin jirtira l-applikazzjoni tiegħu għal trade mark tal-Unjoni Ewropea jew jillimita l-lista ta’ prodotti jew ta’ servizzi li hija tinkludi.

80      Fil-każ ineżami, kif ġie indikat fil-punt 9 iktar ’il fuq, matul il-proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità quddiem id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni, ir-rikorrent introduċa l-limitazzjoni.

81      Wara l-limitazzjoni, il-lista ta’ prodotti li jaqgħu fil-klassi 9 koperti mit-trade mark ikkontestata tispiċċa b’parti minn sentenza li tindika li hija tfisser “bl-eċċezzjoni espressa tas-sistemi ta’ superviżjoni u ta’ kontroll u tas-sistemi għall-ipproċessar tal-informazzjoni intiżi għas-supervizjoni u għall-kontroll”.

82      Lil hinn mis-sempliċi riferiment għal-limitazzjoni fil-punti 30 u 35 tad-deċiżjoni kkontestata b’relazzjoni ma’ ċerti prodotti mingħajr ebda indikazzjoni, preċiżjoni jew ġustifikazzjoni oħra, minn din id-deċiżjoni ma jirriżultax li l-imsemmija limitazzjoni kienet ġiet espressament analizzata mill-Bord tal-Appell, fil-kuntest tal-evalwazzjonijiet tiegħu dwar l-identiċità jew ix-xebh tal-prodotti li jaqgħu fil-klassi 9 koperti mit-trade marks konfliġġenti.

83      Issa, skont il-ġurisprudenza, it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ tali limitazzjoni matul il-proċedura amministrattiva jista’ jwassal, skont iċ-ċirkustanzi tal-każ, sabiex xi prodotti li qabel kienu meqjusa bħala identiċi jsiru meqjusa biss bħala li jixxiebhu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-30 ta’ Settembru 2015, Gat Microencapsulation vs UASI – BASF (KARIS), T‑720/13, mhux ippubblikata, EU:T:2015:735, punt 40), bil-konsegwenza, fil-każ ta’ identiċità tat-trade marks konfliġġenti, li, skont il-każ, id-dispożizzjoni applikabbli ma tkunx iktar l-Artikolu 8(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009, iżda l-Artikolu 8(1)(b) ta’ dan l-istess regolament.

84      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li l-Bord tal-Appell wettaq żball li seta’ jivvizzja l-evalwazzjonijiet li huwa għamel dwar l-identiċità jew ix-xebh tal-prodotti li jaqgħu fil-klassi 9 koperti mit-trade marks konfliġġenti.

85      Peress li l-iżball imwettaq mill-Bord tal-Appell seta’ jinfluwenza b’mod determinanti l-kontenut tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn hija kienet tikkonċerna l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tat-trade mark ikkontestata għall-prodotti li jaqgħu fil-klassi 9, dan għandu jwassal għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, għal dak li jikkonċerna l-evalwazzjoni mwettqa fir-rigward tal-prodotti li jaqgħu f’din il-klassi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Marzu 2012, Colas vs UASI – García-Teresa Gárate u Bouffard Vicente (BASE-SEAL), T‑172/10, mhux ippubblikata, EU:T:2012:119, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata).

86      Fl-atti tagħhom, l-EUIPO u l-intervenjenti essenzjalment talbu lill-Qorti Ġenerali tbiddel id-deċiżjoni kkontestata fil-każ li hija tqis li din hija vvizzjata bi żball f’dak li jikkonċerna l-eżami tal-limitazzjoni.

87      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, skont il-ġurisprudenza, il-Qorti Ġenerali għandha setgħa li tbiddel, iżda li l-eżerċizzju ta’ din is-setgħa huwa limitat għal sitwazzjonijiet li fihom, wara li tkun stħarrġet l-evalwazzjoni magħmula mill-Bord tal-Appell, hija tkun f’pożizzjoni li tiddetermina, abbażi ta’ punti ta’ fatt u ta’ liġi kif stabbiliti, id-deċiżjoni li l-Bord tal-Appell kellu jieħu. Il-Qorti Ġenerali ma tistax tissostitwixxi l-evalwazzjoni tal-Bord tal-Appell ma tagħha u lanqas ma tipproċedi għal evalwazzjoni li dwarha l-Bord tal-Appell ikun għadu ma ħax pożizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Lulju 2011, Edwin vs UASI, C‑263/09 P, EU:C:2011:452, punt 72).

88      Fiċ-ċirkustanzi tal-każ ineżami, il-Qorti Ġenerali ma tkunx tista’ teżerċita din is-setgħa li tbiddel mingħajr ma teċċedi l-limiti imposti fuqha mill-ġurisprudenza, peress li l-Bord tal-Appell ma ħax pożizzjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, dwar il-portata u l-konsegwenzi li għandhom jinsiltu mil-limitazzjoni għal dak li jikkonċerna l-evalwazzjoni tal-identiċità jew tax-xebh tal-prodotti li jaqgħu fil-klassi 9 koperti mit-trade marks konfliġġenti, b’tali mod li l-Qorti Ġenerali ma għandhiex, f’dan ir-rigward, evalwazzjoni li skont il-ġurisprudenza hija tista’ tistħarreġ kif ukoll, jekk ikun il-każ, tbiddel.

89      F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tieni lment tat-tielet motiv għandu jiġi milqugħ sabiex id-deċiżjoni kkontestata tiġi annulata sa fejn tikkonċerna l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tat-trade mark ikkontestata għall-prodotti li jaqgħu fil-klassi 9, u, bħalma finalment issuġġerixxa l-EUIPO matul is-seduta, il-kawża tiġi rrinvijata quddiem il-Bord tal-Appell sabiex huwa jiddeċiedi mill-ġdid fuq din il-parti tat-talba.

90      Min-naħa l-oħra, sa fejn minn naħa, il-Bord tal-Appell kien ġust meta qies li s-servizzi li jaqgħu fil-klassi 42 koperti mit-trade mark ikkontestata kienu simili għall-prodotti li jaqgħu fil-klassi 9 koperti mit-trade mark preċedenti li għalihom użu ġenwin kien ġie stabbilit (ara l-punt 72 iktar ’il fuq) u fejn, min-naħa l-oħra, l-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni mwettqa mill-Bord tal-Appell, li ma kinitx ikkontesta b’mod speċifiku mir-rikorrent, tista’ tiġi approvata mill-Qorti Ġenerali bħala li hija fondata, hemm lok li dan ir-rikors jiġi miċħud, sa fejn jikkonċerna l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tat-trade mark ikkontestata għas-servizzi li jaqgħu fil-klassi 42.

 Fuq l-ispejjeż

91      Fir-rikors, ir-rikorrent talab sabiex l-EUIPO kif ukoll, jekk ikun il-każ, l-intervenjenti jiġu kkundannati għall-ispejjeż.

92      Skont l-Artikolu 134(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, jekk il-partijiet jitilfu rispettivament fuq waħda jew iktar mit-talbiet tagħhom, kull parti għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha. Madankollu, jekk fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-kawża jkun jidher iġġustifikat, il-Qorti Ġenerali tista’ tiddeċiedi li waħda mill-partijiet għandha, minbarra l-ispejjeż tagħha, tbati parti mill-ispejjeż tal-parti l-oħra. Fil-każ ineżami, l-EUIPO għandu jiġi kkundannat sabiex, minbarra l-ispejjeż tiegħu, ibati terz mill-ispejjeż tar-rikorrent.

93      Skont l-Artikolu 138(3) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiddeċiedi li l-parti intervenjenti għandha tbati l-ispejjeż tagħha. Fil-każ ineżami, l-intervenjenti li intervjeniet insostenn tal-EUIPO għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

94      Għal dak li jirrigwarda t-talba tar-rikorrent dwar l-ispejjeż tal-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell, huwa l-obbligu tal-Bord tal-Appell li jiddeċiedi, fid-dawl tas-sentenza preżenti, dwar l-ispejjeż relatati ma’ dawn il-proċedimenti (sentenza tal-4 ta’ Ottubru 2017, Gappol Marzena Porczyńska vs EUIPO – Gap (ITM) (GAPPOL), T‑411/15, mhux ippubblikata, EU:T:2017:689, punt 209).

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-deċiżjoni tat-Tieni Bord tal-Appell tal-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO) tas‑17 ta’ Lulju 2015 (Każ R 1135/2014‑2) hija annullata, f’dak li jikkonċerna l-prodotti koperti mit-trade mark ikkontestata li jaqgħu fil-klassi 9.

2)      Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

3)      L-EUIPO għandu jbati l-ispejjeż tiegħu kif ukoll terz ta’ dawk imġarrba minn Xabier Uribe-Etxebarría Jiménez.

4)      X. Uribe-Etxebarría Jiménez għandu jbati żewġ terzi tal-ispejjeż tiegħu.

5)      Núcleo de comunicaciones y control, SL, għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

PelikánováNihoulSvenningsen

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fid-29 ta’ Mejju 2018.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.