Language of document :

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal-10 ta’ Lulju 2018 (talba għal deċiżjoni preliminari tal- Korkein hallinto-oikeus- il-Finlandja) – fil-proċedura mressqa minn Tietosuojavaltuutettu

(Kawża C-25/17) 1

(Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali – Direttiva 95/46/KE – Kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija direttiva – Artikolu 3 – Ġbir ta’ data personali mill-membri ta’ komunità reliġjuża fil-kuntest tal-attività ta’ ppridkar bieb bieb tagħhom – Artikolu 2(ċ) – Kunċett ta’ ‘sistema ta’ ħażna ta’ data personali’ – Artikolu 2(d) – Kunċett ta’ ‘kontrollur’ – Artikolu 10(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea)

Lingwa tal-kawża: il-Finlandiż

Qorti tar-rinviju

Korkein hallinto-oikeus

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Tietosuojavaltuutettu

fil-preżenza ta’: Jehovan todistajat – uskonnollinen yhdyskunta

Dispożittiv

L-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward ta’ l-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data, moqri fid-dawl tal-Artikolu 10(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-ġbir ta’ data personali mwettaq minn membri ta’ komunità reliġjuża fil-kuntest ta’ attività ta’ ppridkar bieb bieb u l-ipproċessar ulterjuri ta’ din id-data la jikkostitwixxu pproċessar ta’ data personali implimentat għall-eżerċizzju ta’ attivitajiet koperti mill-ewwel inċiż tal-Artikolu 3(2) ta’ din id-direttiva u lanqas ma jikkostitwixxu pproċessar ta’ data personali mwettaq minn persuni fiżiċi għall-eżeriċzzju ta’ attivitajiet esklużivament personali jew domestiċi, fis-sens tat-tieni inċiż tal-Artikolu 3(2) tal-imsemmija direttiva.

L-Artikolu 2(ċ) tad-Direttiva 95/46 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “sistema ta’ ħażna”, previst f’din id-dispożizzjoni, ikopri sett ta’ data personali miġbura fil-kuntest ta’ attività ta’ ppridkar bieb bieb, li tinkludi ismijiet u indirizzi kif ukoll informazzjoni oħra dwar il-persuni kkuntattjati, f’sitwazzjoni fejn din id-data tkun strutturata skont kriterji partikolari li jippermettu, fil-prattika, li din id-data tinstab faċilment għall-finijiet ta’ użu ulterjuri. Sabiex tali sett jaqa’ taħt dan il-kunċett, ma huwiex meħtieġ li jinkludi skedi, listi speċifiċi jew sistemi oħra ta’ riċerka.

L-Artikolu 2(d) tad-Direttiva 95/46, moqri fid-dawl tal-Artikolu 10(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, għandu jiġi interpretat fis-sens li jippermetti li komunità reliġjuża titqies li hija l-kontrollur responsabbli, flimkien mal-membri predikaturi tagħha, għall-ipproċessar ta’ data personali mwettaq minn dawn tal-aħħar fil-kuntest ta’ attività ta’ ppridkar bieb bieb organizzata, ikkoordinata u inkoraġġuta minn din il-komunità, mingħajr ma huwa meħtieġ li l-imsemmija komunità jkollha aċċess għal din id-data jew li jiġi stabbilit li tat lill-membri tagħha linji gwida bil-miktub jew istruzzjonijiet fir-rigward ta’ dan l-ipproċessar.

____________

1     ĠU C 86, 20.03.2017.