Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Audiencia Nacional (Spanja) fit-28 ta’ Diċembru 2023 – Proċeduri kriminali kontra MSIG

(Kawża C-802/23, MSIG)

Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

Qorti tar-rinviju

Audiencia Nacional

Parti fil-proċeduri prinċipali

MSIG

Domandi preliminari

F’dan il-każ, b’teħid inkunsiderazzjoni taċ-ċirkustanzi fattwali deskritti u tal-motivi ta’ liġi meħuda inkunsiderazzjoni fil-proċeduri kriminali mressqa kontra MSIG fi Spanja, u fid-dawl tad-diversi kundanni mogħtija preċedentement fi Franza fil-konfront tagħha, teżisti sitwazzjoni ta’ “ne bis in idem” fis-sens tal-Artikolu 50 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) u tal-Artikolu 54 tal-Konvenzjoni li Timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen (iktar ’il quddiem il-“KTFS”), fir-rigward tal-azzjoni legali mressqa kontra MSIG fi Spanja, għar-raġuni li din tirrigwarda “l-istess fatti”, skont il-portata li l-ġurisprudenza Ewropea tagħti lil dan il-kunċett?

Fi kwalunkwe każ, l-assenza ta’ dispożizzjoni normattiva fid-dritt Spanjol li tippermetti r-rikonoxximent tal-effetti tal-kundanni definittivi mogħtija preċedentement mill-qrati ta’ Stati Membri oħra għall-finijiet tal-konstatazzjoni potenzjali, fil-kawża ineżami, tal-eżistenza ta’ ne bis in idem minħabba l-identiċità tal-fatti, hija kompatibbli mal-Artikolu 50 tal-Karta u mal-Artikolu 54 tal-KTFS, kif ukoll mal-Artikolu 1(3), mal-Artikolu 3(2) u mal-Artikolu 4(3) u (5) tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/584/ĠAI tat-13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri 1 ?

F’dan il-każ, jew b’mod ġenerali, l-assenza ta’ dispożizzjoni normattiva, ta’ prassi jew, b’mod definittiv, ta’ mekkaniżmu jew ta’ proċedura legali fid-dritt Spanjol li jippermettu r-rikonoxximent tal-effetti tal-kundanni definittivi mogħtija preċedentement mill-qrati tal-Istati Membri, fid-dawl tad-determinazzjoni tal-piena, tal-kumulu tagħha, tal-adattament tagħha jew tal-limitazzjoni tat-tul massimu ta’ eżekuzzjoni tagħha, jew fl-istadju tal-proċeduri u tas-sentenza jew fl-istadju tal-eżekuzzjoni sussegwenti tagħha, sabiex, sussidjarjament, jekk sitwazzjoni ta’ ne bis in idem minħabba l-identiċità tal-fatti ma tiġix ikkonstatata, tiġi żgurata l-proporzjonalità tas-sanzjoni kriminali, f’każ bħal dak li fih, fil-proċeduri eżaminati, tkun teżisti kundanna preċedenti, mogħtija mill-qrati ta’ Stat Membru ieħor, ta’ pieni serji, li diġà ġew skontati, għal fatti konkomitanti (li twettqu fl-istess żmien, u li huma marbuta jew assoċjati mill-qrib jew li għandhom konnessjoni mal-ksur jew simili) għal dawk li ngħatat deċiżjoni dwarhom fi Spanja, hija kuntrarja għall-Artikolu 45 u għall-Artikolu 49(3) tal-Karta jew għall-premessi 7, 8, 9, 13 u 14 kif ukoll għall-Artikolu 3(1), (2), (4) u (5) tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/675/ĠAI tal-24 ta’ Lulju 2008 dwar it-teħid in konsiderazzjoni ta’ kundanni fl-Istati Membri ta’ l-Unjoni Ewropea waqt proċedimenti kriminali ġodda 1 u għall-premessa 12 kif ukoll għall-Artikolu 1(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584/ĠAI?

Fid-dawl taċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, u b’mod ġenerali, l-esklużjoni assoluta tal-effetti tas-sentenzi definittivi preċedenti mogħtija fi Stati Membri oħra tal-Unjoni, hekk kif prevista espressament fl-Artikolu 14(2)(b) dwar id-deċiżjonijiet ta’ kundanna mogħtija fi Spanja, u fl-Artikolu 14(2)(c) dwar id-digrieti adottati għall-finijiet tal-eżekuzzjoni tas-sentenzi, kif ukoll fid-dispożizzjoni addizzjonali unika (preċedenti fiż-żewġ każijiet għall-15 ta’ Awwissu 2010), kollha tal-Ley orgánica 7/2014 de 12 de noviembre, sobre intercambio de información de antecedentes penales y consideración de resoluciones judiciales penales en la Unión Europea (il-Liġi Organika 7/2014 dwar l-iskambju ta’ informazzjoni fuq ir-rekords kriminali u dwar it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji fil-qasam kriminali fl-Unjoni Ewropea) tat-12 ta’ Novembru 2014, li tittrasponi l-leġiżlazzjoni Ewropea, hija kompatibbli:

mal-Artikolu 50 tal-Karta u mal-Artikolu 54 tal-KTFS, it-tnejn li huma dwar in-ne bis in idem, u

mal-premessi 7, 8, 9, 13 u 14 kif ukoll mal-Artikolu 3(1), (2), (4) u (5) tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/675, u mal-Artikolu 45 u mal-Artikolu 49(3) tal-Karta, kif ukoll mal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji fi ħdan l-Unjoni?

____________

1     ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 34, rettifika fil-ĠU 2009, L 17, p. 45.

1     ĠU 2008, L 220, p. 32.