Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Corte di appello di Napoli (l-Italja) fis-6 ta’ Frar 2024 – Proċeduri kriminali kontra ATAU

(Kawża C-95/24, Khuzdar 1 )

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Qorti tar-rinviju

Corte di appello di Napoli

Parti fil-proċeduri prinċipali

ATAU

Domandi preliminari

Id-dispożizzjonijiet magħquda tal-artikoli li ġejjin:

–    il-punt 6 tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/584/ĠAI tat-13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri (2002/584/ĠAI) 1 ,

l-Artikolu 9(1)(i) u l-Artikolu 25 tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/909/ĠAI tas-27 ta’ Novembru 2008     dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku ta’ sentenzi f’materji kriminali li jimponu pieni ta’ kustodja jew miżuri li jinvolvu ċ-ċaħda tal-libertà bil-għan li jiġu infurzati fl-Unjoni Ewropea 1 ,

għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

il-qorti tal-Istat ta’ eżekuzzjoni, mitluba tirrikonoxxi sentenza kriminali barranija ta’ kundanna eżekuttiva, għandha l-fakultà, u mhux l-obbligu, li tirrifjuta li tirrikonoxxi din is-sentenza meta jidher li l-proċess li wassal għal din is-sentenza ma offra lill-persuna akkużata ebda waħda mill-garanziji proċedurali previsti fl-Artikolu 9(1)(i) tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/909/ĠAI tas-27 ta’ Novembru 2008;

il-qorti tal-Istat ta’ eżekuzzjoni, mitluba tordna l-konsenja abbażi ta’ mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ sentenza, meta l-kundizzjonijiet sabiex tiġi ordnata l-konsenja tal-persuna kkundannata lill-Istat ta’ kundanna u l-kundizzjonijiet għar-rifjut tal-istess konsenja fl-istess waqt li tordna l-eżekuzzjoni tal-piena fit-territorju tal-Istat ta’ eżekuzzjoni huma fl-istess ħin issodisfatti, għandha s-setgħa li tirrifjuta l-konsenja, li tirrikonoxxi s-sentenza u li tordna l-eżekuzzjoni tal-istess sentenza fit-territorju tagħha, anki jekk il-proċess li wassal għas-sentenza rrikonoxxuta ma offra lill-persuna akkużata ebda waħda mill-garanziji proċedurali previsti fl-Artikolu 9(1)(i) tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/909/ĠAI tas-27 ta’ Novembru 2008?

____________

1     L-isem ta’ din il-kawża huwa fittizju. Dan l-isem ma jikkorrispondi għall-isem reali ta’ ebda waħda mill-partijiet fil-proċedura.

1     ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 34, rettifika fil-ĠU 2009, L 17, p. 45.

1     ĠU 2008, L 327, p. 27.