Language of document :

Rikors ippreżentat fit-22 ta' Ottubru 2010 - TI Media Broadcasting u TI Media vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-501/10)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Partijiet

Rikorrenti: Telecom Italia Media Broadcasting Srl (TI Media Broadcasting) (Roma, l-Italja), Telecom Italia Media SpA (TI Media) (Roma, l-Italja) (rappreżentanti: B. Caravita di Toritto, avukat, L. Sabelli, avukat, F. Pace, avukat, A.. d'Urbano, avukat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

tiddikjara l-illegalità tad-deċiżjoni kkontestata u tannullaha sa fejn hija awtorizzat lil SKY tipparteċipa fis-sejħa għall-offerti tad-digital dividend;

sussidjarjament, tordna lill-Kummissjoni: (i) tindika l-lott tas-sejħa għall-offerti li fih SKY tista' titħalla tikkompeti; (ii) testendi l-projbizzjoni ta' ħames snin tal-użu tal-frekwenzi għal finijiet ta' TV bi ħlas anki għal dawk miksuba permezz ta' ftehim ma' operaturi eżistenti jew operaturi ġodda għas-suq;

tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Il-kumpanniji rikorrenti fil-kawża preżenti jitolbu l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Nru C(2010) 4976 tal-20 ta' Lulju 2010 (id-Deċiżjoni) dwar l-emenda għall-klawżola 9.1 tal-Impennji annessi mad-Deċiżjoni tat-2 ta' April 2003 (Każ COMP/M.2876) li permezz tagħha, il-Kummissjoni ddikjarat il-konċentrazzjoni li seħħet permezz tat-twaqqif ta' "SKY Italia" (iktar 'il quddiem "SKY") kompatibbli mas-suq komuni u mal-Ftehim ŻEE.

Għandu jiġi nnotat li f'dan ir-rigward, il-klawżola kienet tipprevedi l-obbligu għal SKY li tibqa' lura milli takkwista frekwenzi analoġiċi u diġitali, u li tibqa' lura milli tieħu sehem fi kwalunkwe attività fis-sistema diġitali terrestri sal-31 ta' Diċembru 2011, kemm bħala operatur tan-netwerk kif ukoll bħala fornitur ta' kontenuti. Permezz tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni laqgħet it-talba ta' SKY billi ppermettitilha tipparteċipa fis-sejħa għall-offerti għall-allokazzjoni tad-digital dividend billi ppreżentat offerta għal attribuzzjoni ta' multiplex wieħed, destinat li jittrażmetti kontenuti free-to-air għal perijodu ta' ħames snin mill-adozzjoni tad-deċiżjoni stess.

Insostenn tat-talbiet tagħhom, ir-rikorrenti jressqu s-segwenti motivi: il-ksur tal-Artikoli 2, 6 u 8(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004, dwar il-kontroll ta' konċentrazzjonijiet bejn impriżi 1, tal-punt 74, tal-Avviż tal-Kummissjoni dwar ir-rimedji aċċettabli skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 u tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 802/2004 2, tal-klawżola Nru 14.1 li tinsab fl-impenji annessi mad-deċiżjoni tat-2 ta' April 2003 (Każ COMP/M.2876), u l-Artikolu 102 TFUE.

Id-deċiżjoni kkontestata hija, konkretement, ivvizzjata b'abbuż ta' poter u nuqqas ta' motivazzjoni sa fejn din tilqa' talba li l-kontenut tagħha jmur lil hinn mill-għan oġġettiv ta' applikazzjoni tal-kawżola 9.1 annessa mad-Deċiżjoni tal-2003 (Każ COMP/M.2876), li tippermetti lil SKY tipparteċipa fis-sejħa għall-offerti għall-assenjazzjoni tad-digital dividend.

Barra minn hekk, ir-rikorrenti jsostnu li billi kisret ir-rekwiżiti proċedurali essenzjali u billi għawġet il-fatti, il-konvenuta għamlet evalwazzjoni żbaljata taċ-ċirkustanzi eċċezzjonali li jistgħu jiġġustifikaw l-emenda għall-impennji imposti inizjalment fuq SKY. B'mod partikolari, billi argumentat fuq l-elementi ta' anomalija li jikkaratterizzaw il-kuntest kompetittiv tal-proċedura inkwistjoni, il-Kummissjoni poġġiet fuq l-istess livell lit-TI Media mal-incumbents RAI u Mediaset, għalkemm din ma ġietx innotifikata b'pożizzjoni dominanti. Sabiex issostni tali obiter dictum dwar l-allegata "strong position" ta' TI Media fis-suq, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq interpretazzjoni żbaljata tad-Deċiżjoni 544/07/CONS, fejn naqset kompletament milli tikkunsidra r-riżultati tal-market test.

Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti jilmentaw dwar l-illegalità tad-deċiżjoni minħabba nuqqas ta' investigazzjoni serja u nuqqas mill-obbligu ta' motivazzjoni, sa fejn, fir-rigward tad-definizzjoni tal-kriterji għall-għoti tal-kuntratt, kienet ibbażata fuq interpretazzjoni żbaljata tal-kontenut tad-Deċiżjoni 181/09/CONS u tad-Deċiżjoni 427/09/CONS. Għal kuntrarju ta' dak sostnut mill-Kummissjoni, dawk id-deċiżjonijiet iddefinixxew il-kriteriji tal-għoti tal-kuntratti fuq il-bażi tal-lottijiet skont il-frekwenzi (A, B u, possibbilment, C), mingħajr ma ssir distinzjoni bejn operaturi nazzjonali skont il-kategorija u l-iktar mingħajr ma' TI Media ma ġiet iddefinita bħala operatur integrat vertikalment.

____________

1 - GU L 24, p. 1

2 - GU C 267, 22.10.2008, p. 1