Language of document :

Rikors ippreżentat fl-24 ta' Novembru 2009 - JSK International Architekten und Ingenieure vs BĊE

(Kawża T-468/09)

Lingwa tal-kawża: Il-Ġermaniż

Partijiet

Rikorrenti: JSK International Architekten und Ingenieure (Frankfurt am Main, il-Ġermanja) (rappreżentanti: J. Steiff ud K. Heuvels, avukati)

Konvenut: Il-Bank Ċentrali Ewropew

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-deċiżjoni ta' għoti ta' kuntratt tal-BĊE tas-6 ta' Awwissu 2009 u d-deċiżjoni meħuda minn korp tal-BĊE fir-rigward ta' rikors mid-deċiżjoni ta' għoti tal-14 ta' Settembru 2009;

tikkonstata li, minflok id-deċiżjoni ta' għoti annullata, il-kuntratt għandu jingħata lir-rikorrenti; sussidjarjament, li l-proċedura ta' għoti ta' kuntratt titkompla mis-sejħa għall-offerti u billi din id-darba tinkludi lil JSK; iktar sussidjarjament, il-proċedura tinbeda mill-ġdid;

iktar sussidjarjament, - biss fil-każ improbabbli fejn it-talbiet 1 u 2 ikunu miċħuda - tordna li r-rikorrenti tiġi mħallsa għad-danni sal-ammont li fih jiġu evalwati l-interessi pożittivi tagħha (it-telf ta' profitt), li huwa provviżorjament stmat għal EUR 900 000, sussidjarjament, sal-ammont li fih jiġu evalwati l-interessi negattivi tagħha (spejjeż involuti sabiex tiġi ppreżentata l-offerta), li huwa provviżorjament stmat għal EUR 80 000;

tikkundanna lill-konvenut għall-ispejjeż u għall-ispejjeż extra-ġudizzjarji relatati mal-kawża (onorarji ta' avukat u spejjeż) tar-rikorrenti u

tiggarantixxi lir-rikorrenti aċċess sħiħ għall-fajl li sa din id-data hija kienet irrifjutata.

Motivi u argumenti prinċipali

Fuq il-bażi tat-talbiet tagħha, ir-rikorrenti tikkontesta, minn naħa, id-deċiżjoni ta' għoti ta' kuntratt tal-BĊE, tas-6 ta' Awwissu 2009, li tiċħad l-offerta mressqa mir-rikorrenti fil-kuntest tas-sejħa għall-offerti dwar il-koordinament tax-xogħlijiet ta' kostruzzjoni u ta' superviżjoni tas-sit għall-bini l-ġdid tal-Bank Ċentrali Ewropew fi Frankfurt am Main (T109 Bauleiter) u min-naħa l-oħra, id-deċiżjoni meħuda minn korp tal-BĊE tal-14 ta' Settembru 2009, li tiċħad ir-rikors mid-deċiżjoni ta' għoti. Sussidjarjament, ir-rikorrenti titlob il-ħlas ta' danni.

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti l-ewwel nett tqis li d-deċiżjoni ta' għoti hija vvizzjata minħabba kunflitt ta' interessi. F'dan ir-rigward, hija tallega ksur tal-prinċipju ta' amministrazzjoni tajba fis-sens tal-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

It-tieni nett, ir-rikorrenti tqis li n-nuqqas ta' eżami tal-offerta tagħha huwa vvizzjat minn żbalji ta' dritt u tikkontesta l-fatt li din l-offerta ġiet eskluża minħabba li ġiet ikkunsidrata bħala inadegwata u ta' kwalità baxxa.

Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti tallega ksur fil-proċeduri fir-rigward tat-trasparenza u tal-protezzjoni legali, kif ukoll fir-rigward tal-ksur tad-dritt ta' aċċess għall-fajl.

____________