Language of document : ECLI:EU:C:2017:247

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

KOKOTT

ippreżentati fit-30 ta’ Marzu 2017 (1)

Kawża C46/16

Valsts ieņēmumu dienests

Parti fil-kawża:

“LS Customs Services”, SIA

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Augstākā tiesa (il-Latvja)]

“Talba għal deċiżjoni preliminari – Unjoni doganali – Merkanzija li, matul is-sistema ta’ tranżitu estern fit-territorju doganali tal-Unjoni, tneħħiet mis-sorveljanza doganali – Determinazzjoni tal-valur għal skopijiet doganali – Kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-metodu tal-valur ta’ tranżazzjoni – Bejgħ għall-esportazzjoni lejn Stat terz – Determinazzjoni tal-valur għal skopijiet doganali fuq il-bażi tad-data disponibbli fl-Unjoni – Obbligi ta’ investigazzjoni u ta’ motivazzjoni tal-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri”






I.      Introduzzjoni

1.        Fi żmien meta f’ħafna postijiet qed jerġgħu jiġu kkontemplati l-ħolqien ta’ miżuri protezzjonisti u ostakoli ġodda, l-applikazzjoni tad-dazju doganali lil hinn min-natura teknika tiegħu toffri l-possibbiltà li jitfakkru l-valuri u l-għanijiet tad-dritt tal-kummerċ liberu tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ u tal-Unjoni Ewropea. Dawn il-valuri u għanijiet għandhom joħolqu sistema doganali ġusta, uniformi u newtrali, li tissodisfa wkoll il-ħtiġijiet tal-kummerċ dinji, tal-operaturi ekonomiċi u tal-ekonomija lokali b’mod ugwali.

2.        Fi ħdan din is-sistema, il-kalkolu tal-valur għal skopijiet doganali u l-garanziji proċedurali relatati miegħu huma ta’ importanza deċiżiva. Dan għaliex sistema ta’ tariffi tad-dwana ġusta hija ineffettiva meta l-kalkolu tal-valur għal skopijiet doganali li tkun ibbażata fuqu ma jkunx korrett u ekwu.

3.        Il-proċedura preżenti tqajjem diversi kwistjonijiet f’dan ir-rigward. Hija tikkonċerna sitwazzjoni fejn merkanzija tneħħiet mis-sorveljanza doganali matul is-sistema ta’ tranżitu estern mit-territorju doganali tal-Unjoni. Is-sistema ta’ tranżitu estern tippermetti li l-merkanzija li tinbiegħ minn Stat terz fi Stat terz ieħor, tiġi ttrasportata bejn żewġ postijiet fi ħdan it-territorju doganali tal-Unjoni, mingħajr ma tkun suġġetta għal dazji fuq l-importazzjoni. Madankollu jekk il-merkanzija ma tasalx fil-post ta’ destinazzjoni, jiġi preżunt li din tneħħiet (2) mis-sorveljanza doganali, jiġifieri mill-kontroll tal-awtoritajiet doganali, u b’hekk li ġiet importata fit-territorju doganali tal-Unjoni, fejn jirriżulta dejn doganali.

4.        F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tagħti risposta għad-domanda dwar kif, f’tali sitwazzjoni, għandu jiġi kkalkolat il-valur għal skopijiet doganali tal-merkanzija kkonċernata, li oriġinarjament ma ġietx mibjugħa għall-esportazzjoni fit-territorju doganali tal-Unjoni, iżda biex tiġi esportata fi Stat terz.

5.        Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tipprovdi informazzjoni dwar il-portata tal-obbligi ta’ investigazzjoni u ta’ motivazzjoni tal-amministrazzjoni doganali tal-Istati Membri fir-rigward tal-metodu applikabbli għad-determinazzjoni tal-valur għal skopijiet doganali.

II.    Ilkuntest ġuridiku

A.      Id-dritt tad-WTO

1.      Il-GATT tal-1994

6.        L-Artikolu VII(2)(a) u (b) tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ tal-1994 (iktar ’il quddiem il-“GATT”) (3), jiddisponi dan li ġej:

“2. a) Il-valur għal skopijiet doganali għall-merkanzija importata għandu jiġi stabbilit fuq il-valur reali tal-merkanzija importata, li tkun suġġetta għad-dazju, jew merkanzija tal-istess tip, iżda mhux skont il-valur ta’ prodotti ta’ oriġini domestika jew fuq il-bażi ta’ valuri arbitrarji jew fittizji.

b) Il-‘valur reali’ ta’ merkanzija għandu jkun il-prezz li bih din il-merkanzija jew merkanzija tal-istess tip tinbiegħ jew tiġi offerta fil-kummerċ normali taħt kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni libera fil-mument u fil-post iddeterminati mil-leġiżlazzjoni tal-pajjiż ta’ importazzjoni. […]” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

2.      Il-Ftehim dwar l-implementazzjoni tal-Artikolu VII tal-GATT

7.        Skont il-preambolu tal-Ftehim dwar l-implementazzjoni tal-Artikolu VII tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ tal-1994 (iktar ’il quddiem il-“ftehim dwar l-implementazzjoni tal-Artikolu VII tal-GATT” (4), il-bażi primarja għad-determinazzjoni tal-valur għal skopijiet doganali huwa l-valur ta’ tranżazzjoni kif iddefinit fl-Artikolu 1 ta’ dan il-ftehim. Addizzjonalment, il-preambolu jispjega li l-valur għal skopijiet doganali, jekk ma jkunx jista’ jiġi ddeterminat skont l-Artikolu 1, għandu jiġi stabbilit fuq il-bażi tal-valur ta’ tranżazzjoni ta’ merkanzija importata identika jew simili. Jekk dan lanqas ma jkun possibbli, għandhom jiġu previsti diversi metodi oħra għad-determinazzjoni tal-valur għal skopijiet doganali.

8.        L-Artikolu 1(1) tal-Ftehim dwar l-implementazzjoni tal-Artikolu VII tal-GATT jaqra kif ġej:

“1. Il-valur tad-dwana għall-oġġetti importati għandu jkun il-valur tat-transazzjoni, jiġifieri l-prezz attwalment imħallas jew li jrid jiġi mħallas għall-oġġetti meta jkunu mibjugħa għall-esportazzjoni lejn il-pajjiż ta’ l-importazzjoni […].”

9.        L-Artikolu 2(1)(a) tal-ftehim iċċitat iktar ’il fuq jipprevedi li:

“1. a) Jekk il-valur ta’ l-oġġetti importati ma jistax jiġi stabbilit skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 1, il-valur tad-dwana għandu jkun il-valur tat-transazzjoni ta’ oġġetti identiċi mibjugħa għall-esportazzjoni lejn l-istess pajjiż ta’ l-importazzjoni […]”.

10.      L-Artikolu 3(1)(a) tal-istess ftehim jistabbilixxi:

“1. a) Jekk il-valur tad-dwana [valur għal skopijiet doganali] ta’ l-oġġetti importati ma jistax jiġi stabbilit skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikoli 1 u 2, il-valur tad-dwana għandu jkun il-valur tat-transazzjoni ta’ oġġetti identiċi mibjugħa għall-esportazzjoni lejn l-istess pajjiż ta’ l-importazzjoni […]”.

11.      Skont l-Artikolu 6(1)(b) ta’ dan il-ftehim:

“[i]l-valur tad-dwana [valur għal skopijiet doganali] ta’ l-oġġetti importati skond id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu għandu jkun imsejjes fuq valur ikkomputat. Il-valur komputat għandu jikkonsisti fis-somma ta’:

[…]

b) ammont għall-qligħ u l-ispejjeż ġenerali daqs dak tas-soltu rifless fil-bejgħ ta’ oġġetti ta’ l-istess klassi jew kwalità bħall-oġġetti li jkunu qegħdin jiġu vvalutati u li jsiru mill-produtturi fil-pajjiż ta’ l-esportazzjoni għall-esportazzjoni lejn il-pajjiż ta’ l-importazzjoni”.

12.      L-Artikolu 7(1) u (2)(e) u (g) tal-Ftehim dwar il-valur għal skopijiet doganali tal-GATT jipprovdi dan li ġej:

“1. Jekk il-valur tad-dwana [valur għal skopijiet doganali] fuq l-oġġetti importati ma jistax jiġi stabbilit skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikoli minn 1 sa 6 inklussivi, il-valur tad-dwana għandu jiġi stabbilit bl-użu ta’ mezzi raġjonevoli konsistenti mal-prinċipji u d-dispożizzjonijiet ġenerali ta’ dan il-Ftehim u ta’ l-Artikolu VII tal-GATT 1994 u fuq il-bażi ta’ l-informazzjoni disponibbli fil-pajjiż ta’ l-importazzjoni.

2. L-ebda valur tad-dwana ma għandu jiġi stabbilit fuq id-diposizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu fuq il-bażi ta’:

[…]

e) il-prezz ta’ l-oġġetti għall-esportazzjoni lejn pajjiż ieħor għajr il-pajjiż ta’ l-importazzjoni;

[…]

g) valuri arbitrarji jew fittizji.”

B.      Id-dritt tal-Unjoni

1.      Kodiċi Doganali

13.      Skont l-Artikolu 4(13) tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Doganali”) (5), is-sorveljanza mill-awtoritajiet doganali fis-sens tal-Kodiċi Doganali tfisser “azzjoni meħuda b’mod ġenerali minn dawk l-awtoritajiet bil-għan li jiżguraw illi r-regoli doganali u, fejn xieraq, dispożizzjonijiet oħra applikabbli għal merkanzija soġġetta għal sorveljanza doganali jiġu osservati”.

14.      Skont l-Artikolu 37(1) u (2) tal-Kodiċi Doganali, “[m]erkanzija mdaħħla fit-territorju doganali tal-Komunità għandha, mill-ħin tad-dħul tagħha, tkun soġġetta għal sorveljanza doganali” u “Tista’ tkun soġġetta għal kontroll mill-awtorità doganali […]”. Merkanzija mhux Komunitarja “tibqa’ taħt dik is-sorveljanza […] sakemm […] tkun esportata mill-ġdid […]”.

15.      L-Artikolu 6(1) u (3) tal-Kodiċi Doganali jipprovdi:

“(1) Fejn persuna titlob li l-aworitajiet doganali jieħdu deċiżjoni dwar l-applikazzjoni ta’ regoli doganali dik il-persuna għandha tipprovdi l-informazzjoni kollha u d-dokumenti mitluba minn dawk l-awtoritajiet sabiex jieħdu deċiżjoni.

[…]

(3) Deċiżjonijiet adottati mill-awtoritajiet doganali bil-miktub li jew jiċħdu talbiet jew huma detrimentali għall-persuni li lilhom huma indirizzati għandhom jagħtu r-raġunijiet li fuqhom huma bbażati. Għandhom jagħmlu referenza għad-dritt ta’ appell li hemm provdut dwaru fl-Artikolu 243”.

16.      L-Artikolu 12 tal-Kodiċi Doganali jaqra kif ġej:

“(1) L-awtoritajiet doganali għandhom joħorġu nformazzjoni li torbot dwar tariffi jew informazzjoni li torbot dwar oriġini fuq talba bil-miktub […].

(2) Informazzjoni li torbot dwar tariffi jew informazzjoni li torbot dwar oriġini torbot l-awtoritajiet doganali fuq min ikollu informazzjoni biss dwar it-tariffa ta’ klassifikazzjoni jew deċiżjoni dwar l-oriġini tal-oġġetti.

[…] [Perijodu tal-validità, kundizzjonijiet, invalidità]”

17.      L-Artikolu 14 tal-Kodiċi Doganali jipprovdi kif ġej:

“Għall-iskopijiet ta’ l-applikazzjoni tal-leġislazzjoni doganali, kull persuna involuta direttament jew indirettament fil-ħidmiet imsemmija għall-iskop ta’ kummerċ f’merkanzija għandha tipprovdi lill-awtoritajiet doganali bid-dokumenti u l-informazzjoni kollha meħtieġa, jkun x’ikun il-mezz użat, u l-għajnuna kollha meħtieġa skond it-talba tagħhom u fit-terminu ta’ żmien preskritt”.

18.      L-Artikolu 29(1) tal-Kodiċi Doganali huwa fformulat kif ġej:

“(1) Il-valur doganali ta’ merkanzija importata għandu jkun il-valur tat-transazzjoni, jiġifieri, il-prezz effettivament imħallas jew li għandu jitħallas għall-merkanzija meta tinbiegħ għall-esportazzjoni lit-territorju doganali tal-Komunità, aġġustat, fejn ikun meħtieġ, skond l-Artikoli 32 u 33, sakemm:

a)      ma jkun hemm ebda restrizzjoni dwar kif ix-xerrej jeħles minn jew juża l-merkanzija, ħlief restrizzjonijiet li:

–        huma imposti jew meħtieġa b’liġi jew mill-awtoritajiet pubbliċi tal-Komunità,

–        jillimitaw iż-żona geografika li fiha l-merkanzija tista’ terġa tinbiegħ,

–        ma jolqtux sostanzjalment il-valur tal-merkanzija;

b)      il-bejgħ jew il-prezz m’huwiex suġġett għal xi kondizzjoni jew konsiderazzjoni li għaliha ma jistax jiġi stabbilit valur fir-rigward tal-merkanzija li qed tkun stmata;

ċ)      ebda parti tad-dħul minn xi bejgħ mill-ġdid sussegwenti, jew minn kif jiddisponi minnha jew juża l-merkanzija x-xerrej ma tmiss direttament jew indirettament lill-bejjiegħ, ħlief meta jista’ jsir aġġustament xieraq skond l-Artikolu 32;

d)      li x-xerrej u l-bejjiegħ ma jiġux minn xulxin, jew, fejn ix-xerrej u l-bejjiegħ jiġu minn xulxin, dak il-valur tat-transazzjoni huwa aċċettabbli għall-iskopijiet doganali taħt il-paragrafu 2”.

19.      L-Artikolu 30 tal-Kodiċi Doganali jipprovdi:

“(1) Fejn il-valur doganali ma jistax jiġi stabbilit taħt l-Artikolu 29, għandu jiġi stabbilit billi timxi sekwenzjalment minn subparagrafi (a), (b), (ċ) u (d) tal-paragrafu 2 għall-ewwel subparagrafu li taħtu jista’ jiġi stabbilit, bla ħsara għall-kondizzjoni li l-ordni ta’ l-applikazzjoni tas-subparagrafi (ċ) u (d) għandu jinqaleb jekk min ikun għamel id-dikjarazzjoni jitlob hekk; huwa biss meta tali valur ma jistax jiġi stabbilit taħt subparagrafu partikolari li jistgħu jiġu applikati d-dispożizzjonijiet tas-subparagrafu li jkun imiss f’sekwenza stabbilita bis-saħħa ta’ dan il-paragrafu.

(2) Il-valur doganali kif stabbilit taħt dan l-Artikolu għandu jkun:

a)      il-valur tat-transazzjoni ta’ merkanzija identika mibjugħa għall-esportazzjoni lejn il-Komunità u esportata fi jew kważi fl-istess żmien bħall-merkanzija li qed tkun valutata;

b)      il-valur tat-transazzjoni tal-merkanzija simili mibjugħa għall-esportazzjoni lejn il-Komunità u esportata fi jew kważi fl-istess żmien bħall-merkanzija li qed tkun valutata;

ċ)      il-valur ibbażat fuq il-prezz ta’ l-unità li bih il-merkanzija importata għal oġġetti identiċi jew simili jinbiegħu fil-Komunità fl-akbar kwantità totali lil persuni li ma jiġux mill-bejjiegħa;

d)      il-valur maħdum, magħmul mis-somma ta’:

–        il-prezz jew valur ta’ materjali u fabbrikazzjoni jew proċessar ieħor imħaddem fil-produzzjoni tal-merkanzija importata,

–        ammont għal profitt u spejjeż ġenerali li jkun daqs dak normalment rifless fil-bejgħ ta’ merkanzija ta’ l-istess klassi jew xorta bħal merkanzija li qed tkun stmata li tkun magħmula minn produtturi fil-pajjiż ta’ l-esportazzjoni għall-esportazzjoni lill-Komunità,

–        il-prezz jew valur ta’ l-oġġetti li ssir referenza għalihom fl-Artikolu 32(1)(e).

[…]”

20.      L-Artikolu 31 tal-Kodiċi Doganali jaqra kif ġej:

“(1) Fejn il-valur doganali ta’ merkanzija importata ma jistax jiġi stabbilit taħt l-Artikoli 29 jew 30, għandu jiġi stabbilit, skond il-bażi ta’ data disponibbli fil-Komunità, bl-użu ta’ mezzi raġonevoli konsistenti mal-prinċipji u dispożizzjonijiet ġenerali ta’:

–        il-ftehim dwar l-implimentazzjoni ta’ l-Artikolu VII tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ ta’ l-1994,

–        L-Artikolu VII tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ ta’ l-1994,

[kif ukoll:]

–        id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Kapitolu.

(2) Ebda valur doganali m’għandu jiġi stabbilit taħt il-paragrafu 1 skond il-bażi ta’:

a)      il-prezz tal-bejgħ fil-Komunità tal-merkanzija prodotta fil-Komunità;

b)      sistema li tipprovdi għall-aċċettazzjoni għall-iskopijiet ta’ dwana tal-ogħla minn żewġ valuri alternattivi;

(ċ)      il-prezz tal-merkanzija fis-suq domestiku tal-pajjiż ta’ esportazzjoni;

d)      il-prezz ta’ produzzjoni, minbarra valuri maħduma li ġew stabbiliti għal merkanzija identiċi jew simili skond l-Artikolu 30(2)(d);

e)      prezzijiet għall-esportazzjoni lejn pajjiż li ma jifformax parti mit-territorju doganali tal-Komunità;

f)      valuri doganali minimi; jew

g)      valuri arbitrarji jew fittizji”.

21.      Skont l-Artikolu 91(1)(a) tal-Kodiċi Doganali:

“(1) [i]l-proċess ta’ transitu estern għandu jippermetti l-moviment minn punt għall-ieħor fit-territorju doganali tal-Komunità ta’:

a)      merkanzija mhux tal-Komunità, mingħajr ma dik il-merkanzija tkun soġġetta għal dazji fuq l-importazzjoni u ħlasijiet oħra jew għal miżuri ta’ politika kummerċjali”.

22.      L-Artikolu 92(1) tal-Kodiċi Doganali jipprovdi:

“(1) Il-proċedura ta’ transitu estern għandha tintemm u l-obbligazzjonijiet tad-detentur għandhom ikunu mwettqa meta l-prodotti mqiegħda taħt il-proċedura u d-dokumenti meħtieġa jkunu ingħataw lill-uffiċju doganali tad-destinazzjoni skond id-dispożizzjonijiet tal-proċedura in kwistjoni”.

23.      L-Artikolu 94 tal-Kodiċi Doganali huwa fformulat kif ġej:

“(1) Il-prinċipal għandu jipprovdi garanzija sabiex jizgura l-ħlas ta’ kull dejn doganali jew tariffi ieħor li jistgħu jinħolqu fir-rigward tal-prodotti.

(2) Il-garanzija għandha tkun jew:

a)      garanzija individwali li tkopri operazzjoni waħda ta’ transitu; jew

b)      garanzija komprensiva li tkopri numru ta’ operazzjonijiet ta’ transitu fejn il-prinċipal kien awtorizzat li juża din il-garanzija mill-awtoritajiet doganali ta’ l-Istat Membru fejn huwa jkun stabbilit.

[…]

(4) Persuni li jissodisfaw lill-awtoritajiet doganali li jkunu laħqu standards ta’ affidabilità għola jistgħu jkunu awtorizzati li jużaw garanzija komprensiva għal ammont imnaqqas jew li ssir rinunzja għall-garanzija.

[…]”

24.      L-Artikolu 95(1) tal-Kodiċi Doganali jipprovdi:

“Hlief fil-kazijiet li għandhom jiġu stabbiliti fejn meħtieġ skond il-proċedura tal-kumitat, l-ebda garanzija m’għandha għalfejn tingħata għal [eċċezzjonijiet].”

25.      L-Artikolu 96(1) tal-Kodiċi Doganali jipprovdi:

“(1) Il-prinċipal għandu jkun id-detentur tal-proċedura taħt il-proċedura ta’ transitu estern tal-Komunità. Għandu jkun responsabbli għal:

a)      preżentazzjoni tal-merkanzija intatta fl-uffiċċju doganali tad-destinazzjoni fit-terminu taż-żmien preskritt u bl-osservanza dovuta tal-miżuri adottati mill-awtoritajiet doganali sabiex tiġi żgurata l-identifikazzjoni;

b)      l-osservanza tad-dispożizzjonijiet li għandhom x’jaqsmu mal-proċedura tat-transitu tal-Komunità”.

26.      L-Artikolu 192(1) tal-Kodiċi Doganali huwa fformulat kif ġej:

“(1) Fejn il-leġislazzjoni doganali tagħmilha mandatorja li tkun provduta sigurtà, u suġġett għad-dispożizzjonijiet speċifiċi preskritti għal transitu skond il-proċedura tal-kumitat, l-awtoritajiet doganali għandhom jiffisaw l-ammont ta’ dik is-sigurtà f’livell ugwali għal:

–        għall-ammont preċiż tad-dejn jew djun doganali konċernat fejn dak l-ammont jista’ jiġi stabbilit b’ċertezza fil-ħin meta l-garanzija tkun meħtieġa;

–        f’każijiet oħra għall-ammont massimu, kif kalkolat mill-awtoritajiet doganali, tad-dejn jew djun doganali li gew inkorsi jew li jistgħu jiġu inkorsi.

[…]”

27.      Skont l-Artikolu 203 tal-Kodiċi Doganali jirriżulta:

“(1) [d]ejn doganali fuq l-importazzjoni […] permezz,

–        tat-tneħħija kontra l-liġi mis-sorveljanza doganali ta’ merkanziji soġġetti għal dazji fuq l-importazzjoni.

[…]

(3) Id-debituri għandhom ikunu:

[…]

–        fejn ikun xieraq, il-persuna li tkun meħtieġa li tissodisfa l-obbligazzjonijiet li jinqalgħu mill-ħażna temporanja tal-merkanziji jew mill-użu tal-proċedura doganali li taħtha kienu tqiegħdu dawk il-merkanziji.”

28.      L-Artikolu 220(2)(b) tal-Kodiċi Doganali jipprovdi:

“(2) Ħlief fil-każijiet […], daħliet sussegwenti fil-kontijiet m’għandhomx isiru fejn:

[…]

b) l-ammont ta’ dazju legalment dovut ma jkunx iddaħħal fil-kontijiet bħala riżultat ta’ żball min-naħa ta’ l-awtoritajiet doganali liema żball ma setgħetx raġonevolment tinduna bih il-persuna responsabbli għall-ħlas, waqt li din ta’ l-aħħar tkun aġixxiet bil-bona fidi u ħarset id-dispożizzjonijiet kollha stipulati mil-leġislazzjoni fis-seħħ fir-rigward tad-dikjarazzjoni doganali.

[…]”

2.      Ir-Regolament Nru 2454/93

29.      L-Artikolu 147(1) tar-Regolament Nru 2454/93 (6) huwa fformulat kif ġej:

“(1) Għall-iskopijiet ta’ l-Artikolu 29 tal-Kodiċi [Doganali], il-fatt li l-merkanzija li hija s-suġġett ta’ bejgħ hija dikjarati għal ċirkulazzjoni libera għandu jitqies bħala indikazzjoni adegwata li nbiegħet għal esportazzjoni lejn it-territorju doganali tal-Komunità. Fil-każ ta’ bejgħ suċċessiv qabel l-istima, l-aħħar bejgħ biss, li wassal għall-introduzzjoni tal-merkanzija fit-territorju doganali tal-Komunità, jew bejgħ li sar fit-territorju doganali tal-Komunità qabel id-dħul għal ċirkulazzjoni ħielsa tal-merkanzija għandu jikkostitwixxi dik l-indikazzjoni.

Meta prezz ikun dikjarat li jirrelata għall-bejgħ li jsir qabel l-aħħar bejgħ li abbażi tiegħu l-merkanzija kienet introdotta fit-territorju doganali tal-Komunità, għandu jintwera għas-sodisfazzjoni ta’ l-awtoritajiet doganali li dan il-bejgħ seħħ għall-esportazzjoni lit-territorju doganali in kwistjoni.

[…]”

30.      L-Artikolu 151 tar-Regolament Nru 2454/93 huwa d-dispożizzjoni ta’ implementazzjoni tal-Artikolu 30(2)(b) tal-Kodiċi Doganali, u l-Artikolu 3 tiegħu jipprovdi:

“(3) Jekk, fl-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu, jinsab aktar minn valur wieħed ta’ operazzjoni ta’ merkanzija simili, il-valur l-aktar baxx għandu jintuża biex jiddetermina l-valur doganali għall-merkanzija importata”.

III. Il-fatti u l-kawża prinċipali

31.      Fit-2 ta’ Ġunju 2011, SIA “LS Customs Services” (iktar ’il quddiem “LSCS”), ressqet quddiem l-awtorità doganali Latvjana “Rīgas brīvostas MKP” bħala prinċipal dikjarazzjoni ta’ tranżitu doganali ta’ merkanzija (roti għat-tfal u partijiet tagħhom) fis-sistema ta’ tranżitu estern mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina lejn il-Federazzjoni Russa mit-territorju tal-Unjoni Ewropea. Fid-dikjarazzjoni ta’ tranżitu, il-kontroll doganali “Terehovas MKP” ġie indikat bħala l-awtorità destinatarja.

32.      Madankollu, peress li l-merkanzija kkonċernata ma ġietx ippreżentata għand din l-awtorità, LSCS ma setgħet tipproduċi ebda prova dwar it-tmiem tal-proċedura ta’ tranżitu. Għaldaqstant, l-amministrazzjoni fiskali Latvjana assumiet li l-proċedura ta’ tranżitu ma ntemmitx u li l-obbligi tad-detentur ta’ din il-proċedura ma kinux ġew issodisfatti. Minn dan iddeduċiet li l-merkanzija kienet tneħħiet mis-sorveljanza doganali u rriżulta dejn doganali li kellu jitħallas minn LSCS. Konsegwentement, permezz tad-deċiżjoni inizjali tat-12 ta’ Settembru 2011 u bid-deċiżjoni finali tat-8 ta’ Novembru 2011 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”), l-amministrazzjoni fiskali Latvjana obbligat lil-LSCS tħallas dazji doganali, dazji antidumping u t-taxxa fuq il-valur miżjud għall-merkanzija kkonċernata.

33.      Sa fejn huwa kkonċernat il-valur għal skopijiet doganali ta’ din il-merkanzija, l-amministrazzjoni fiskali Latvjana kienet tal-fehma li l-Artikolu 29 tal-Kodiċi Doganali ma kienx applikabbli, peress li l-merkanzija kkonċernata ma kinitx inbiegħet biex tiġi esportata lejn it-territorju doganali tal-Komunità, iżda biex tiġi esportata lejn il-Federazzjoni Russa. Għaldaqstant, l-amministrazzjoni fiskali Latvjana, biex iddeterminat il-valur għal skopijiet doganali tal-merkanzija kkonċernata, ma bbażatx fuq il-valur ta’ tranżazzjoni tagħha. Barra minn hekk, l-amministrazzjoni fiskali kienet tal-fehma li ma kellhiex l-informazzjoni neċessarja sabiex tiddetermina l-valur għal skopijiet doganali b’applikazzjoni tal-metodi previsti fl-Artikolu 30 tal-Kodiċi Doganali. Għaldaqstant, iffissat il-valur għal skopijiet doganali skont l-Artikolu 31 tal-Kodiċi Doganali, billi bbażat fuq id-data disponibbli fl-Unjoni.

34.      B’rikors ippreżentat minn LSCS, l-Administratīvā rajona tiesa (qorti amministrattiva distrettwali, il-Latvja), fis-sentenza tagħha tat-23 ta’ Awwissu 2012, annullat id-deċiżjoni kontenzjuża minħabba insuffiċjenza ta’ motivazzjoni. L-Administratīvā apgabaltiesa (qorti amministrattiva reġjonali, il-Latvja), ikkonfermat din is-sentenza fl-10 ta’ Ġunju 2014, peress li la d-deċiżjoni inizjali tal-amministrazzjoni fiskali Latvjana u lanqas id-deċiżjoni kontenzjuża ma indikaw l-informazzjoni li abbażi tagħha kien ġie kkalkolat il-valur għal skopijiet doganali tal-merkanzija kkonċernata. Barra minn hekk, lanqas ma tat raġuni għalfejn ma kienx possibbli li tiġi identifikata data li abbażi tagħha seta’ jiġi applikat metodu ieħor għad-determinazzjoni tal-valur għal skopijiet doganali, differenti minn dak previst fl-Artikolu 31 tal-Kodiċi Doganali. Għaldaqstant, l-amministrazzjoni fiskali Latvjana ma ppermettietx lil LSCS issostni d-drittijiet tagħha fil-proċedura amministrattiva u dik ġudizzjarja.

35.      L-amministrazzjoni fiskali Latvjana appellat kontra din is-sentenza quddiem l-Augstākā tiesa (qorti suprema, il‑Latvja).

IV.    It-talba għal deċiżjoni preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

36.      L‑Augstākā tiesa (qorti suprema) hija tal-fehma li s-soluzzjoni għat-tilwima fil-kawża prinċipali tiddependi mill-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni u għaldaqstant, b’deċiżjoni tal-21 ta’ Jannar 2016, għamlet lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1. L-Artikolu 29(1) Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat-12 ta’ Ottubru 1992, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-metodu stabbilit fl-imsemmi artikolu huwa applikabbli wkoll meta l-importazzjoni ta’ merkanzija u r-rilaxx tagħha f’ċirkulazzjoni libera fit-territorju doganali tal-Komunità huma r-riżultat tal-fatt li matul il-proċedura ta’ tranżitu, din il-merkanzija, li hija suġġetta għal dazji fuq l-importazzjoni, tneħħiet illegalment mis-sorveljenza doganali, u għalhekk ma nbiegħetx għall-esportazzjoni lejn it-territorju doganali tal-Komunità, iżda għall-esportazzjoni ’l barra] mill-Komunità?

2. L-espressjoni ‘sekwenzjalment’ li tinsab fl-Artikolu 30(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92, tat-12 ta’ Ottubru 1992, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità, moqrija fid-dawl tad-dritt għal amministrazzjoni tajba stabbilit fl-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari fid-dawl tal-prinċipju ta’ motivazzjoni tal-atti amministrattivi, għandha tiġi interpretata fis-sens li fl-att amministrattiv tagħha l-awtorità doganali għandha tindika r-raġunijiet li għalihom hija tqis li l-metodi għad-determinazzjoni tal-valur għal skopijiet doganali tal-merkanzija previsti fl-Artikoli 29 jew 30 tar-regolament ma kinux applikabbli fil-każ inkwistjoni u għaliex iddeċidiet, konsegwentement, li kellu jiġi applikat il-metodu previst fl-Artikolu 31 tiegħu?

3. Meta tirrifjuta l-applikazzjoni tal-metodu previst fl-Artikolu 30(2)(a) tal-Kodiċi Doganali, l-awtorità doganali hija obbligata li titlob l-informazzjoni neċessarja mingħand il-produttur jew huwa suffiċjenti li jiġi indikat li l-awtorità ma għandiex tali informazzjoni?

4. L-awtorità doganali hija obbligata li timmotiva n-nuqqas ta’ applikazzjoni tal-metodi previsti fl-Artikolu 30(2)(ċ) u (d) tal-Kodiċi Doganali, jekk hija tiddetermina l-prezz ta’ merkanzija simili skont ir-rekwiżiti msemmija fl-Artikolu 151(3) tar-Regolament Nru 2454/93?

5. Fid-deċiżjoni tagħha, l-awtorità doganali hija obbligata li timmotiva b’mod eżawrjenti liema informazzjoni hija disponibbli fil-Komunità, fis-sens tal-Artikolu 31 tal-Kodiċi Doganali, jew inkella din il-motivazzjoni tista’ tiġi pprovduta iktar tard, billi jiġu prodotti provi iktar iddettaljati matul il-proċeduri?”

37.      Fil-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, LSCS, il-Gvern Latvjan u l-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw l-osservazzjonijiet bil-miktub.

V.      Analiżi

38.      Il-ħames domandi preliminari tal-Augstākā tiesa (qorti suprema Latvjana) jikkonċernaw żewġ aspetti tal-obbligi tal-amministrazzjoni doganali tal-Istati Membri: minn naħa hija kkonċernata d-determinazzjoni tal-valur għal skopijiet doganali ta’ merkanzija, b’mod partikolari l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-metodu tal-valur ta’ tranżazzjoni (ara, f’dan ir-rigward, it-taqsima A hawn taħt). Min-naħa l-oħra tqum il-kwistjoni tal-obbligi ta’ investigazzjoni u ta’ motivazzjoni tal-amministrazzjoni doganali meta tiddetermina l-valur għal skopijiet doganali (ara, f’dan ir-rigward, it-taqsima B iktar ’l isfel).

A.      Fuq il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-metodu tal-valur ta’ tranżazzjoni skont l-Artikolu 29 tal-Kodiċi Doganali

39.      Bl-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk il-metodu tal-valur ta’ tranżazzjoni tal-Artikolu 29 tal-Kodiċi Doganali għandux jintuża wkoll biex jiġi ddeterminat il-valur għal skopijiet doganali fl-ipoteżi fejn il-merkanzija oriġinarjament ma nbigħetx għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni, iżda għall-esportazzjoni lejn Stat terz, iżda mbagħad matul is-sistema ta’ tranżitu estern fit-territorju doganali tal-Unjoni tneħħiet mis-sorveljanza doganali.

40.      Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, l-ewwel għandu jiġi ċċarat sa liema punt l-applikazzjoni tal-metodu tal-valur ta’ tranżazzjoni tirrikjedi li l-prezz ta’ tranżazzjoni jkun jikkorrispondi ma’ prezz għall-esportazzjoni lejn it-territorju doganali tal-Unjoni (ara, f’dan ir-rigward, it-taqsima 1 hawn taħt). Finalment għandu jiġi eżaminat jekk huwiex rilevanti l-fatt li d-dejn doganali jirriżulta minħabba t-tneħħija tal-merkanzija kkonċernata mis-sorveljanza doganali matul is-sistema ta’ tranżitu estern. F’dan il-kuntest, għandu jiġi indirizzat l-argument ta’ LSCS li skontu l-istabbiliment tal-garanzija li għandha tingħata għas-sistema ta’ tranżitu estern jiddetermina minn qabel l-istabbiliment sussegwenti tal-valur għal skopijiet doganali (ara, f’dan ir-rigward, it-taqsima 2 iktar ’l isfel).

1.      Fuq il-kriterju tal-“bejgħ għall-esportazzjoni fit-territorju doganali tal-Unjoni”

41.      Il-metodu tal-valur ta’ tranżazzjoni previst fl-Artikolu 29 tal-Kodiċi Doganali jista’ jintuża biex jiġi ddeterminat il-valur għal skopijiet doganali anki jekk il-prezz tat-tranżazzjoni ma jkunx jikkorrispondi ma’ prezz għall-esportazzjoni lejn it-territorju doganali tal-Unjoni, iżda ma’ prezz għall-esportazzjoni lejn Stat terz?

42.      Minn naħa, il-formulazzjoni tal-Artikolu 29 tal-Kodiċi Doganali, li skontha “il-valur tat-transazzjoni” huwa “il-valur tat-transazzjoni, jiġifieri, il-prezz effettivament imħallas jew li għandu jitħallas għall-merkanzija meta tinbiegħ għall-esportazzjoni lit-territorju doganali tal-[Unjoni] (7)” hija kontra din il-possibbiltà (8). Għalhekk, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-mument tal-bejgħ, għandu jiġi stabbilit li l-merkanzija ser tiġi ttrasportata fit-territorju doganali tal-Unjoni minn Stat terz (9). Dan il-prinċipju huwa mħaddan ukoll fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 147(1) tar-Regolament Nru 2454/93, li matul id-dikjarazzjoni, f’każ ta’ bejgħ sussegwenti, ta’ prezz relatat ma’ bejgħ qabel l-aħħar bejgħ, għandu jintwera li t-tranżazzjoni inkwistjoni ġiet konkluża bl-għan tal-esportazzjoni lejn it-territorju doganali tal-Unjoni.

43.      Min-naħa l-oħra, mill-istruttura, mis-sens u mill-għan tad-dispożizzjonijiet dwar id-determinazzjoni tal-valur għal skopijiet doganali fl-Artikoli 29 sa 31 tal-Kodiċi Doganali jirriżulta li jista’ jintuża prezz wieħed biss għall-esportazzjoni fit-territorju doganali tal-Unjoni sabiex jiġi kkalkolat il-valur għal skopijiet doganali.

44.      Għalhekk minn dawn id-dispożizzjonijiet u mid-dispożizzjonijiet tal-ftehim dwar l-implementazzjoni tal-Artikolu VII tal-GATT li huma bbażati fuqhom tabilħaqq jirriżulta li l-valur ta’ tranżazzjoni għandu jintuża, kemm jista’ jkun, biex jiġi kkalkolat il-valur għal skopijiet doganali (10). Dan ma huwiex ikkonfermat biss mill-preambolu tal-ftehim dwar l-implementazzjoni tal-Artikolu VII tal-GATT, iżda wkoll mill-fatt li l-metodi alternattivi ta’ kalkolu tal-valur għal skopijiet doganali għandhom jintużaw biss meta l-valur għal skopijiet doganali ma jkunx jista’ jiġi kkalkolat abbażi tal-valur ta’ tranżazzjoni (11). Konsegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja ċċarat li minħabba l-prijorità li tingħata lill-metodu bbażat fuq il-valur ta’ tranżazzjoni, il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ dan il-metodu ma jistgħux jiġu interpretati b’mod restrittiv wisq (12).

45.      Minkejja dan, mid-dispożizzjonijiet imsemmija u mill-Artikolu VII tal-GATT, li huma bbażati fuqu, jirriżulta wkoll li l-valur għal skopijiet doganali għandu jikkorrispondi mal-“valur reali” tal-merkanzija importata. Għaldaqstant, il-valur ta’ tranżazzjoni jista’ jintuża għall-kalkolu tal-valur għal skopijiet doganali biss sa fejn ikun jista’ jiġi preżunt li dan ikun jirrifletti l-valur ekonomiku reali ta’ merkanzija importata u jieħu inkunsiderazzjoni l-elementi kollha ta’ din il-merkanzija li għandhom valur ekonomiku (13).

46.      Dan ma huwiex il-każ meta prezz ma jiġix iffissat jew innegozjat għall-esportazzjoni ta’ merkanzija lejn it-territorju doganali tal-Unjoni, iżda għall-esportazzjoni ta’ merkanzija lejn Stat terz. Dan għaliex il-prezz ta’ merkanzija f’żona doganali partikolari jikkorrispondi mas-sitwazzjoni tas-suq f’din iż-żona (14) u għaldaqstant huwa element inkorporat fil-valur ekonomiku tal-merkanzija: meta, bħal fil-każ preżenti, rota tat-tfal tkun tiswa, EUR 3.90 fl-esportazzjoni miċ-Ċina lejn ir-Russja, dan ma jfissirx madankollu li din tinbiegħ għall-istess prezz meta tiġi esportata fl-Unjoni.

47.      Għalhekk, il-“prezz normali” teoretiku tal-Konvenzjoni ta’ Brussell dwar il-valur għal skopijiet doganali, li sal-introduzzjoni tal-metodu tal-valur ta’ tranżazzjoni kien iservi ta’ bażi għall-kalkolu tal-“valur reali” skont l-Artikolu VII tal-GATT (15), kien ukoll prezz għall-merkanzija importata fil-punt ta’ dħul fit-territorju doganali inkwistjoni. Għall-kuntrarju, bl-ebda mod dan ma kien prezz għal merkanzija barranija esportata lejn pajjiżi oħra minbarra l-pajjiż ta’ destinazzjoni (16). Is-sistema attwali tkompli tkun suġġetta għal dan il-prinċipju tal-valur “normali” jew “korrett” sa fejn bħala prinċipju jintuża l-valur ta’ tranżazzjoni ta’ merkanzija importata għall-kalkolu tal-valur għal skopijiet doganali, iżda biss taħt ċerti kundizzjonijiet.

48.      Meta dawn il-kundizzjonijiet ma jkunux issodisfatti, il-valur għal skopijiet doganali għandu jiġi kkalkolat fuq il-bażi tal-valur ta’ tranżazzjoni ta’ merkanzija importata identika jew simili jew skont diversi metodi oħra. Id-dispożizzjonijiet rilevanti f’dan ir-rigward jikkonfermaw kemm huwa ċentrali l-kriterju tal-bejgħ għall-esportazzjoni lejn it-territorju doganali kkonċernat meta jiġi kkalkolat il-valur għal skopijiet doganali: b’hekk trid tkun ikkonċernata merkanzija identika jew simili, mibjugħa għall-esportazzjoni lejn l-istess pajjiż ta’ importazzjoni (ftehim dwar l-implementazzjoni tal-Artikolu VII tal-GATT) (17) jew għall-esportazzjoni fl-Unjoni (Kodiċi Doganali tal-Unjoni) (18). Bl-istess mod, valur għal skopijiet doganali li jiġi kkalkolat skont il-metodi l-oħra possibbli fl-assenza ta’ tali valuri ta’ referenza, bl-ebda mod ma jista’ jkun ibbażat fuq il-prezz ta’ merkanzija għall-esportazzjoni lejn pajjiż ieħor għajr il-pajjiż ta’ importazzjoni (ftehim dwar l-implementazzjoni tal-Artikolu VII tal-GATT) (19) jew lejn pajjiż li ma jifformax parti mit-territorju doganali tal-Unjoni (Kodiċi Doganali tal-Unjoni) (20).

49.      B’hekk ikun ukoll kuntrarju għall-għan tar-regoli tal-Unjoni dwar il-valur għal skopijiet doganali jekk prezz tal-bejgħ għall-esportazzjoni fi Stat terz jiġi aċċettat bħala valur ta’ tranżazzjoni fis-sens tal-Artikolu 29 tal-Kodiċi Doganali. Dan għaliex permezz ta’ dawn ir-regoli, għandha tinħoloq sistema ġusta, uniformi u newtrali, li teskludi l-użu ta’ valuri għal skopijiet doganali arbitrarji jew fittizji (21). Issa, dan ma jistax jiġi ggarantit jekk prezz għall-esportazzjoni fi Stat terz jintuża sabiex jiġi kkalkolat il-valur għal skopijiet doganali ta’ merkanzija fit-territorju doganali tal-Unjoni. Fil-fatt, peress li l-prezzijiet ivarjaw skont iż-żona doganali, il-kalkolu tal-valur għal skopijiet doganali jista’ tkun biss ġust, uniformi u newtrali jekk għall-importazzjoni fiż-żona rispettiva wieħed jibbaża fuq prezz għall-esportazzjoni lejn din l-istess żona.

50.      Jekk dan ma kienx il-każ, ikun hemm inugwaljanza fit-trattament u tiġi ppreġudikata n-newtralità tal-kompetizzjoni b’mod partikolari bejn dawk li jimportaw fl-Unjoni merkanzija fuq il-bażi ta’ bejgħ għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni u dawk li jimportaw fl-Unjoni merkanzija fuq il-bażi ta’ bejgħ għall-esportazzjoni lejn Stat terz, pereżempju permezz tat-tneħħija tal-merkanzija mis-sorveljanza doganali (kemm jekk b’mod intenzjonat, kif ukoll, kif inhu argumentat hawnhekk, minħabba terz. Barra minn hekk, dan ikun iġib miegħu possibbiltajiet ta’ abbuż jekk – bħal fil-każ preżenti – il-valur ta’ tranżazzjoni għall-esportazzjoni lejn Stat terz ikun sostanzjalment iktar baxx minn valur korrispondenti għall-esportazzjoni lejn it-territorju doganali tal-Unjoni.

2.      Fuq it-tip ta’ dejn doganali maħluq u l-importanza tal-għoti tal-garanzija fis-sistemi ta’ tranżitu estern

51.      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jsegwi li biex japplika l-metodu tal-valur ta’ tranżazzjoni, ma hijiex kwistjoni ta’ liema tip u b’liema mod irriżulta d-dejn doganali fuq l-importazzjoni (permezz ta’ dikjarazzjoni ta’ rilaxx għall-moviment liberu jew minħabba li l-merkanzija tneħħiet mis-sorveljanza doganali matul il-proċedura ta’ tranżitu). Għall-kuntrarju, huwa rilevanti biss jekk il-merkanzija importata tkunx inbiegħet għall-esportazzjoni fit-territorju doganali tal-Unjoni.

52.      Sabiex insiru nafu jekk dan huwiex il-każ, kif targumenta korrettament il-Kummissjoni, il-preżunzjoni tal-Artikolu 147(1) tar-Regolament Nru 2454/93 ma tistax tiġi aċċettata f’dan il-każ: skont din, il-fatt li l-merkanzija li tkun is-suġġett ta’ bejgħ tkun ġiet iddikjarata għar-rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni libera fil-Komunità għandu jitqies bħala indikazzjoni suffiċjenti li din inbiegħet għall-iskop li tiġi esportata fit-territorju doganali tal-Unjoni. Issa, fil-każ preżenti, il-merkanzija madankollu ma ġietx iddikjarata għar-rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni libera, iżda bl-għan li titqiegħed taħt il-proċedura doganali ta’ tranżitu.

53.      Kif issostni wkoll il-Kummissjoni, madankollu dan ma jfissirx li l-assenza ta’ dikjarazzjoni għar-rilaxx għal ċirkulazzjoni libera tfisser awtomatikament li l-merkanzija ma ġietx mibjugħa għall-esportazzjoni fit-territorju doganali tal-Unjoni. Għall-kuntrarju huwa kompitu tal-amministrazzjoni doganali jew tal-qorti tar-rinviju li tevalwa, skont iċ-ċirkustanzi u tad-dokumenti disponibbli dwar il-każ individwali, jekk il-merkanzija ġietx mibjugħa għall-esportazzjoni lejn it-territorju doganali tal-Unjoni. Hawnhekk huwa determinanti jekk il-bejgħ, li għandu jintuża bħala bażi għall-kalkolu tal-valur ta’ tranżazzjoni, kienx konkluż biex il-merkanzija tintbagħat lejn it-territorju doganali tal-Unjoni. Skont l-informazzjoni pprovduta minn LSCS u mill-qorti tar-rinviju, fil-każ preżenti ma jidhirx li dan huwa l-każ.

54.      B’mod partikolari, fir-realtà LSCS ma tikkontestax li l-merkanzija kkonċernata ma nbigħetx għall-esportazzjoni lejn it-territorju doganali tal-Unjoni. Barra minn hekk hija lanqas ma tikkontesta l-fatt li rriżulta dejn doganali u li, hija stess, bħala l-prinċipal saret id-debitur. Minkejja dan, hija tal-fehma li d-dejn doganali ma għandux jaqbeż l-ammont tal-garanzija li hija pprovdiet meta l-merkanzija tqiegħdet fis-sistema ta’ tranżitu estern. Peress li din il-garanzija ġiet ikkalkolata fuq il-bażi tal-valur ta’ tranżazzjoni tal-bejgħ tal-merkanzija miċ-Ċina lejn ir-Russja, għaldaqstant il-valur għal skopijiet doganali finali wkoll għandu jiġi kkalkolat skont il-metodu tal-valur ta’ tranżazzjoni.

55.      Dan l-argument ma jistax jintlaqa’.

56.      Huwa minnu li l-garanzija li għandu jipprovdi l-prinċipal meta l-merkanzija titqiegħed taħt is-sistema ta’ tranżitu estern għandha tkopri dejn doganali li jista’ jirriżulta. Għalhekk din il-garanzija għandha tikkorrispondi mal-ammont eżatt jew mal-ammont massimu stmat tad-dejn doganali inkwistjoni (22). Skont it-tagħrif mogħti minn LSCS, dan manifestament ma huwiex il-każ hawnhekk: billi ddeterminaw il-valur għal skopijiet doganali għall-kalkolu tal-garanzija li għandha tiġi pprovduta skont il-metodu tal-valur ta’ tranżazzjoni, l-awtoritajiet doganali Latvjani ma qisux l-ispeċifikazzjoni li skontha l-garanzija li għandha tiġi pprovduta għandha tikkorrispondi mal-ammont massimu tad-dejn doganali. Dan għaliex anki fin-nuqqas ta’ kjarifika tal-applikabbiltà tal-Artikolu 29 tal-Kodiċi Doganali f’każ bħal dak preżenti, dawn l-awtoritajiet ma setgħux jassumu b’ċertezza li d-dejn doganali possibbli ma huwiex se jaqbeż il-valur ikkalkolat fuq din il-bażi.

57.      Minkejja dan, prinċipal f’sitwazzjoni bħal dik preżenti ma jista’ jinvoka ebda aspettattiva leġittima li l-ammont tad-dejn doganali għandu jkun jikkorrispondi mal-ammont tal-garanzija li ġiet ipprovduta meta l-merkanzija tqiegħdet taħt is-sistema ta’ tranżitu estern.

58.      Huwa minnu, kif enfasizzat diversi drabi l-Qorti tal-Ġustizzja, li l-prinċipju ta’ aspettattivi leġittimi huwa wieħed mill-prinċipji fundamentali tal-Unjoni (23). Iżda l-prinċipju jista’ jiġi invokat b’suċċess biss minn dik il-persuna li tkun ingħatat assigurazzjonijiet preċiżi, inkundizzjonati u konsistenti, li joriġinaw minn sorsi awtorizzati u affidabbli (24) u li jkunu tnisslu fiha aspettattivi fondati minn awtorità nazzjonali (25).

59.      Dan ma huwiex il-każ hawnhekk.

60.      Mid-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Kodiċi Doganali jirriżulta b’mod partikolari li l-kalkolu tal-garanzija li għandu jipprovdi l-prinċipal għat-tqegħid tal-merkanzija taħt il-proċedura ta’ tranżitu fl-ebda każ ma għandu jitqies bħala ugwali għall-kalkolu tad-dejn doganali attwali.

61.      Għalhekk, fir-rigward tal-kalkolu tal-imsemmija garanzija mkien ma huwa previst li hawnhekk hija kkonċernata informazzjoni li torbot tal-awtoritajiet doganali. Skont l-Artikolu 12 tal-Kodiċi Doganali għall-kuntrarju dan huwa stabbilit b’mod espliċitu fir-rigward ta’ informazzjoni oħra. Fid-dawl tal-intensità leġiżlattiva tal-Kodiċi Doganali għalhekk jista’ jiġi preżunt li l-leġiżlatur, li kieku kellu l-intenzjoni jipprevedi l-istabbiliment tal-garanzija għall-proċedura ta’ tranżitu bħala wieħed li jorbot għall-kalkolu sussegwenti tad-dejn doganali, dan kien ukoll jistipula dan espliċitament.

62.      L-istess kunsiderazzjoni tapplika għad-dispożizzjonijiet espliċiti tal-Kodiċi Doganali, li skonthom l-awtoritajiet doganali b’mod ġenerali (suġġett għal kwalunkwe kunsiderazzjoni marbuta mal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi) jistgħu jwettqu eżami a posteriori ta’ dikjarazzjoni doganali u jistabbilixxu dejn doganali ġdid (26). Anki hawnhekk għandu jiġi preżunt illi li kieku l-leġiżlatur ried ifassal il-garanzija fil-proċedura ta’ tranżitu bħala vinkolanti għall-istabbiliment tad-dejn doganali, il-kundizzjonijiet ta’ emenda a posteriori fil-Kodiċi Doganali kienu jkunu previsti, iżda dan ma seħħx.

63.      Argument supplimentari kontra n-natura vinkolanti tal-iffissar tal-garanzija għall-kalkolu sussegwenti tad-dejn doganali huwa l-fatt li taħt ċerti kundizzjonijiet, tista’ tkun hemm rinunzja għall-garanzija jew tnaqqis (27), mingħajr ma mbagħad ikun irregolat kif dan ser jaffettwa l-kalkolu sussegwenti tad-dejn doganali. Dan japplika wkoll għall-possibbiltà li waqt il-kalkolu tal-garanzija wieħed jaħdem b’ammonti b’rata fissa, jekk ma tkunx disponibbli d-data neċessarja għall-kalkolu ta’ dejn doganali potenzjali (28). Fl-aħħar nett, jekk l-istabbiliment tal-garanzija jkun jiddetermina minn qabel l-ammont tad-dejn doganali futur, tkun nieqsa differenzjazzjoni f’dan ir-rigward tas-sitwazzjonijiet ikkonċernati minn dan minn dawk il-każijiet fejn ma għandha tiġi pprovduta ebda garanzija (29).

64.      Għaldaqstant LSCS ma tistax tassumi li d-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Kodiċi Doganali kienu jippermettu lill-awtoritajiet doganali Latvjani jagħtuha garanziji ċari u inkundizzjonati fir-rigward tad-dejn doganali possibbli billi jirrikonoxxu l-ammont tal-garanzija. Dan japplika iktar u iktar ladarba LSCS bħala dik li nediet is-sistema ta’ tranżitu estern, fl-assenza ta’ informazzjoni kuntrarja, għandha titqies bħala li għandha esperjenza fit-tranżazzjonijiet doganali u bħala familjari mad-dispożizzjonijiet tad-dritt doganali. Għalhekk, ma tistax issostni li l-awtoritajiet imsemmija kienu qajmu fiha aspettattivi ġġustifikati li d-dejn doganali ma kienx ser jaqbeż l-ammont tal-garanzija li kellha tiġi pprovduta għall-proċedura ta’ tranżitu.

3.      Konklużjoni

65.      Skont il-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li tingħata risposta għall-ewwel domanda preliminari b’dan il-mod: L-Artikolu 29(1) tal-Kodiċi Doganali għandu jiġi interpretat fis-sens li l-metodu għad-determinazzjoni tal-valur għal skopijiet doganali previst hemmhekk għandu jintuża biss meta l-valur ta’ tranżazzjoni tal-merkanzija kkonċernata jikkorrispondi ma’ prezz għall-esportazzjoni lejn it-territorju doganali tal-Unjoni. F’dan ir-rigward huwa irrilevanti jekk id-dejn doganali jirriżultax minħabba li l-merkanzija tkun tneħħiet mis-sorveljanza doganali matul is-sistema ta’ tranżitu estern.

B.      Fuq l-obbligi ta’ investigazzjoni u ta’ motivazzjoni tal-awtorità doganali waqt id-determinazzjoni tal-valur għal skopijiet doganali

1.      Fuq l-obbligi ta’ investigazzjoni tal-amministrazzjoni doganali

66.      Fil-kuntest tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju titlob biex il-Qorti tal-Ġustizzja tipprovdilha informazzjoni dwar l-obbligi tal-amministrazzjoni doganali b’rabta mal-applikazzjoni tal-metodi rregolati fl-Artikolu 30(2)(a) tal-Kodiċi Doganali għad-determinazzjoni tal-valur għal skopijiet doganali. Dan jipprevedi li l-valur għal skopijiet doganali jiġi ddeterminat fuq il-bażi tal-valur ta’ tranżazzjoni ta’ merkanzija identika, li tkun inbiegħet għall-esportazzjoni fl-Unjoni u tkun ġiet esportata fl-istess jew madwar l-istess żmien bħall-merkanzija li qed tiġi evalwata. F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk l-awtorità doganali tista’ ma tapplikax dawn il-metodi, meta ma jkollhiex id-data xierqa, jew jekk hijiex obbligata titlob id-data mingħand il-produttur ta’ merkanzija.

67.      L-ewwel nett għandu jiġi stabbilit li la l-Kodiċi Doganali u lanqas ir-Regolament Nru 2454/93 ma jipprevedu obbligu tal-amministrazzjoni doganali li tikseb mingħand il-produttur tal-merkanzija d-data neċessarja għall-applikazzjoni tal-metodi previsti fl-Artikolu 30(2)(a) tal-Kodiċi Doganali (jew anki xi oħrajn). Fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 30(2)(d) tal-Kodiċi Doganali (metodi tal-“valur maħdum” fuq il-bażi tal-ispejjeż għall-materjal, profitt, eċċ.) jingħad biss li l-amministrazzjoni doganali tista’ teżamina f’dan il-pajjiż informazzjoni tal-produttur tal-merkanzija kkonċernata bil-ftehim ta’ dan il-produttur u tal-awtoritajiet ta’ Stat terz ikkonċernat (30).

68.      Minkejja dan, l-amministrazzjoni doganali ċertament għandha ċerti obbligi ta’ kontroll meta tiddetermina l-valur għal skopijiet doganali. Dan għaliex mill-istruttura tal-Artikoli 29 sa 31 tal-Kodiċi Doganali jirriżulta li d-diversi metodi possibbli għad-determinazzjoni tal-valur għal skopijiet doganali jinsabu f’rabta sussidjarja bejniethom (31). Dan ifisser li l-amministrazzjoni doganali, f’kull każ individwali għandha teżamina bl-attenzjoni meħtieġa jekk humiex issodisfatti l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ metodu, qabel ma tgħaddi għall-metodu li jmiss. Għal dan il-għan il-Kodiċi Doganali jagħti dritt lill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri (b’ċerti restrizzjonijiet) (32), li jiksbu informazzjoni mingħand persuni li huma involuti direttament jew indirettament fil-proċeduri kkonċernati fil-kuntest tal-kummerċ tal-merkanzija (33).

69.      L-obbligu tal-awtoritajiet doganali li jeżaminaw b’diliġenza l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-metodi rispettivi għad-determinazzjoni tal-valur għal skopijiet doganali jikkorrispondi wkoll mas-sussidjarjetà ta’ dawn il-metodi intiża mil-leġiżlatur tal-Unjoni. Dan għaliex il-leġiżlatur ma ħalliex l-għażla tal-metodu f’idejn l-awtoritajiet, iżda dawn l-ewwel nett iridu jippruvaw jużaw il-metodi li għandhom prijorità qabel ma jirrikorru għal metodi oħra.

70.      Minkejja dan, min-naħa l-oħra hemm ukoll ċerti obbligi ta’ kooperazzjoni u ta’ informazzjoni tal-persuni involuti fil-moviment tal-merkanzija li jikkorrispondu mal-obbligi ta’ eżami u ta’ diliġenza tal-awtorità doganali. Għalhekk l-Artikolu 6(1) tal-Kodiċi Doganali jipprevedi b’mod partikolari li min jitlob deċiżjoni mingħand l-awtoritajiet doganali għandu jipprovdi l-informazzjoni u d-dokumenti kollha neċessarji biex tittieħed id-deċiżjoni minn dawn l-awtoritajiet. Anki jekk operatur ekonomiku, bħal fil-każ preżenti, ikun jixtieq jibbenefika mill-iktar metodu ta’ determinazzjoni tal-valur għal skopijiet doganali li jkun favorevoli għalih, ma jidhirx li jkun sproporzjonat li dan jintalab, fil-limiti tal-kapaċitajiet tiegħu, biex jipprovdi d-data meħtieġa għall-applikazzjoni ta’ dan il-metodu.

71.      Xi dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Doganali u d-dispożizzjonijiet ta’ applikazzjoni korrispondenti jikkonfermaw ukoll li l-obbligi ta’ eżami tal-amministrazzjoni doganali fil-prinċipju għandhom jitwettqu b’kooperazzjoni mal-operaturi ekonomiċi kkonċernati. Għalhekk pereżempju huwa previst li l-awtoritajiet doganali jagħtu lix-xerrej l-opportunità li jikseb informazzjoni ddettaljata ulterjuri, jekk ma jkunux jistgħu jaċċettaw il-valur ta’ tranżazzjoni mingħajr iktar investigazzjoni (34).

72.      Fid-dawl ta’ din ir-relazzjoni ta’ kooperazzjoni, huwa konvinċenti l-argument tal-Kummissjoni. Skont dan, qabel tkun tista’ twarrab l-applikazzjoni tal-Artikolu 30(2)(a) tal-Kodiċi Doganali, l-amministrazzjoni doganali għandha tikkonsulta l-informazzjoni u d-databases kollha disponibbli għaliha u tagħti lill-operaturi ekonomiċi kkonċernati l-possibbiltà li jiksbu d-data neċessarja (35). Għall-kuntrarju, l-obbligu li jiġi investigat il-produttur tal-merkanzija kkonċernata għandu jiġi miċħud peress li huwa marbut ma’ piż sinjifikattiv u normalment ikun jikkonċerna s-sigrieti tan-negozju ta’ impriżi involuti biss indirettament.

73.      Minkejja dan, ma huwiex apparenti kif din is-soluzzjoni – kif issuġġerita mill-Kummissjoni– għandha tiġi limitata għal sitwazzjoni bħal dik preżenti, fejn il-merkanzija tneħħiet mis-sorveljanza doganali matul il-proċedura ta’ tranżitu. Fil-fatt xejn ma jindika għalfejn ir-relazzjoni ta’ sussidjarjetà tad-diversi metodi għad-determinazzjoni tal-valur għal skopijiet doganali u l-ħtieġa li tiġi suċċessivament eżaminata b’attenzjoni l-applikabbiltà ta’ wieħed minn dawn il-metodi jiddgħajfu f’din is-sitwazzjoni.

74.      Skont il-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għalhekk nipproponi li tingħata risposta għat-tielet domanda preliminari b’dan il-mod: L-awtorità doganali ma hijiex obbligata titlob id-data meħtieġa għall-applikazzjoni tal-Artikolu 30(2)(a) tal-Kodiċi Doganali mingħand il-produttur tal-merkanzija kkonċernata. Minkejja dan, qabel tkun tista’ twarrab l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, l-awtorità għandha tikkonsulta s-sorsi ta’ informazzjoni u d-databases kollha disponibbli għaliha, u tagħti l-possibbiltà lill-operaturi ekonomiċi biex jipprovdu d-data meħtieġa għall-applikazzjoni tad-dispożizzjoni msemmija.

2.      Fuq l-obbligi ta’ motivazzjoni tal-amministrazzjoni doganali

75.      It-tieni, ir-raba’ u l-ħames domandi preliminari, li għandhom jiġu ttrattati flimkien, kollha kemm huma jikkonċernaw l-obbligi ta’ motivazzjoni tal-amministrazzjoni doganali b’rabta mal-metodu magħżul għad-determinazzjoni tal-valur għal skopijiet doganali. B’hekk il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk l-amministrazzjoni doganali hijiex obbligata tiġġustifika:

–        għalfejn biex tiddetermina l-valur għal skopijiet doganali ma għamlitx użu mill-metodi previsti fl-Artikoli 29 u 30 tal-Kodiċi Doganali, iżda minn dawk previsti fl-Artikolu 31 tal-Kodiċi Doganali (it-tieni domanda preliminari);

–        għal liema raġuni ma għandhomx jintużaw il-metodi stabbiliti fl-Artikolu 30(2)(ċ) u (d) tal-Kodiċi Doganali, jekk hija tiddetermina l-prezz ta’ merkanzija simili fuq il-bażi tal-Artikolu 151(3) tar-Regolament Nru 2454/93 (ir-raba’ domanda preliminari),

–        u jekk id-deċiżjoni jridx ikollha motivazzjoni eżawrjenti, li minnha jirriżulta liema data hija disponibbli fis-sens tal-Artikolu 31 tal-Kodiċi Doganali, jew jekk tali motivazzjoni tistax tiġi pprovduta iktar tard billi jiġu prodotti provi ddettaljati quddiem il-Qorti Ġenerali (il-ħames domanda).

76.      Ir-risposta għal dawn id-domandi tirriżulta diġà mill-Artikolu 6(3) tal-Kodiċi Doganali. Għaldaqstant għandhom jiġu ġġustifikati d-deċiżjonijiet bil-miktub li għandhom konsegwenzi dannużi għall-persuni li huma indirizzati lilhom.

77.      Barra minn hekk, l-awtoritajiet nazzjonali huma suġġetti għal obbligu ta’ motivazzjoni ġenerali fil-qasam tal-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni. Fil-fatt l-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ma huwiex direttament applikabbli fil-każ tal-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mill-Istati Membri (36). Id-dritt għal amministrazzjoni tajba ggarantit fih minkejja dan jirrifletti prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, biex b’hekk ir-rekwiżiti li jirriżultaw minn dan id-dritt għandhom jiġu osservati, ladarba Stat Membru jimplementa d-dritt tal-Unjoni (37).

78.      Addizzjonalment, motivazzjoni xierqa hija essenzjali wkoll għall-ħarsien tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, li jirriżulta mill-prinċipju ta’ effettività. Dan għaliex hija biss tpoġġi lill-individwu f’pożizzjoni sabiex jiddeċiedi b’għarfien sħiħ taċ-ċirkustanzi kollha, jekk huwiex utli għalih li jirrikorri għal miżuri ġudizzjarji. Bl-istess mod motivazzjoni suffiċjenti hija neċessarja biex il-qrati jkunu jistgħu jeżerċitaw kontroll fuq id-deċiżjoni li permezz tagħha awtorità tirrifjuta l-benefiċċju ta’ dritt mogħti mid-dritt tal-Unjoni (38).

79.      B’konformità ma’ dawn ir-rekwiżiti kif ukoll minħabba s-sistema ta’ sussidjarjetà tal-metodi previsti fil-Kodiċi Doganali, li diġà ġiet enfasizzata, l-ewwel nett huwa ċar li d-deċiżjoni tal-awtorità doganali għandha tipprovdi motivazzjoni suffiċjenti dwar għalfejn huwa applikabbli l-metodu doganali magħżul għad-determinazzjoni tal-valur għal skopijiet doganali, filwaqt li ma japplika ebda wieħed mill-metodi li għandhom prijorità ogħla. B’hekk jekk l-amministrazzjoni doganali tapplika l-metodu previst fl-Artikolu 31 tal-Kodiċi Doganali, din trid tiġġustifika għalfejn il-kundizzjonijiet għall-applikabbiltà tal-metodi previsti fl-Artikoli 29 u 30 tal-Kodiċi Doganali ma kinux issodisfatti.

80.      It-tieni nett, mir-rabta ta’ sussidjarjetà tal-metodi elenkati b’mod suċċessiv għad-determinazzjoni tal-valur għal skopijiet doganali jirriżulta wkoll li ma huwiex neċessarju jiġi ġġustifikat għalfejn ma ġewx applikati l-metodi suċċessivi inkwistjoni wara l-metodu magħżul. Peress li l-Artikolu 151(3) tar-Regolament Nru 2454/93 huwa d-dispożizzjoni ta’ implementazzjoni tal-Artikolu 30(2)(b) tal-Kodiċi Doganali, għaldaqstant l-amministrazzjoni doganali, meta tiddetermina l-valur għal skopijiet doganali fuq il-bażi tal-Artikolu 151(3) tar-Regolament Nru 2454/93, ma għandhiex tiġġustifika għalfejn ma għandhomx jiġu applikati l-metodi previsti fl-Artikolu 30(2)(ċ) u (d) tal-Kodiċi Doganali.

81.      It-tielet nett, l-obbligu ta’ motivazzjoni tal-amministrazzjoni doganali jirrikjedi li d-deċiżjoni turi kif ġie kkalkolat il-valur għal skopijiet doganali finali. B’hekk, meta dan il-valur jiġi ddeterminat bl-applikazzjoni tal-Artikolu 31 tal-Kodiċi Doganali, irid jintwera liema data kienet disponibbli fl-Unjoni u ntużat għall-kalkolu tal-valur għal skopijiet doganali.

82.      Fl-aħħar nett, motivazzjoni suffiċjenti trid neċessarjament tirriżulta diġà fid-deċiżjoni li tistabbilixxi l-valur għal skopijiet doganali. Dan peress li l-obbligu ta’ motivazzjoni jrid jiddokumenta wkoll l-approċċ tal-amministrazzjoni fl-eżami tal-applikabbiltà tad-diversi metodi għad-determinazzjoni tal-valur għal skopijiet doganali. Għaldaqstant, b’mod partikolari jiġi żgurat li ġie eżaminat b’attenzjoni jekk kinux issodisfatti l-kundizzjonijiet għall-applikabbiltà ta’ kull metodu. Mingħajr informazzjoni korrispondenti, fir-realtà jkun diffiċli ħafna biex jiġi aċċertat a posteriori jekk sarx tali eżami, jew jekk ġietx ikkonfermata deċiżjoni meħuda għal raġunijiet oħra (39). Għaldaqstant, għal amministrazzjoni doganali li tosserva l-Artikoli 29 sa 31 tal-Kodiċi Doganali u li tkun eżaminat b’attenzjoni l-kundizzjonijiet għall-applikabbiltà tad-diversi metodi suċċessivi, għandu jkun faċli li tispjega, fid-deċiżjoni finali, għalfejn ġie applikat il-metodu magħżul għad-determinazzjoni tal-valur għal skopijiet doganali u mhux dawk il-metodi li jiġu qablu.

83.      Tali awtokontroll tal-amministrazzjoni doganali jiddgħajjef biss jekk tingħata motivazzjoni suffiċjenti biss fuq talba tal-persuna kkonċernata (40). Dan japplika iktar u iktar meta l-motivazzjoni tingħata iktar tard matul il-proċedura ġudizzjarja. Fl-aħħar nett, dan barra minn hekk ma jippermettix li l-individwu jiddeċiedi b’għarfien sħiħ għalih jekk huwiex utli għalih jirrikorri quddiem il-qrati fl-għarfien taċ-ċirkustanzi kollha.

84.      Madankollu għandha ssir distinzjoni bejn il-kwistjoni tal-obbligu ta’ motivazzjoni tal-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri u l-kwistjoni tal-konsegwenzi legali ta’ motivazzjoni insuffiċjenti fid-dritt nazzjonali u b’hekk il-kwistjoni dwar jekk huwiex possibbli li jiġi rrimedjat nuqqas ta’ motivazzjoni matul proċedura ġudizzjarja. Din il-kwistjoni ma hijiex irregolata fil-Kodiċi Doganali u barra minn hekk id-dritt tal-Unjoni ma jinkludi ebda regola dwar il-konsegwenzi fil-każ ta’ nuqqas ta’ motivazzjoni.

85.      Għaldaqstant l-Istati Membri, fl-eżerċizzju tal-awtonomija proċedurali tagħhom, huma obbligati jirregolaw il-konsegwenzi ta’ ksur mill-awtoritajiet doganali tal-obbligu ta’ motivazzjoni tagħhom, u jistabbilixxu jekk huwiex possibbli li jiġi rrimedjat tali ksur matul il-proċedura ġudizzjarja, u sa liema punt. F’dan ir-rigward madankollu l-Istati Membri jridu josservaw il-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività (41).

86.      B’mod konsistenti mal-kunsiderazzjonijiet preċedenti nipproponi li tingħata risposta kif ġej għat-tieni, għar-raba’ u għall-ħames domandi preliminari: Mill-Artikolu 6(3) tal-Kodiċi Doganali kif ukoll mill-obbligu ta’ motivazzjoni ġenerali tal-amministrazzjoni doganali u mir-rabta ta’ sussidjarjetà bejn il-metodi differenti ta’ kalkolu tal-valur għal skopijiet doganali jirriżulta li l-amministrazzjoni doganali għandha l-obbligu tipprovdi motivazzjonijiet suffiċjenti fid-deċiżjoni tagħha fir-rigward tar-raġunijiet għalfejn hija applikat metodu speċifiku għad-determinazzjoni tal-valur għal skopijiet doganali u mhux metodu ta’ prijorità ogħla. Bl-istess mod l-awtorità doganali hija obbligata li tesponi b’mod suffiċjenti fid-deċiżjoni tagħha kif u abbażi ta’ liema data ġie kkalkolat il-valur għal skopijiet doganali finali. Il-kwistjoni dwar jekk u sa fejn jista’ jiġi rrimedjat nuqqas ta’ motivazzjoni permezz ta’ komunikazzjoni sussegwenti tal-motivi matul il-proċedura ġudizzjarja hija kwistjoni ta’ dritt nazzjonali li għandha tiġi rregolata mill-Istati Membri fl-osservanza tal-prinċipji ta’ effettività u ta’ ekwivalenza.

VI.    Konklużjoni

87.      Abbażi tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi d-domandi preliminari mressqa mill-Augstākā tiesa (qorti suprema, il-Latvja), bil-mod li ġej:

1)      L-Artikolu 29(1) tal-Kodiċi Doganali għandu jiġi interpretat fis-sens li l-metodu għad-determinazzjoni tal-valur għal skopijiet doganali previst hemmhekk għandu jintuża biss meta l-valur ta’ tranżazzjoni tal-merkanzija kkonċernata jikkorrispondi ma’ prezz għall-esportazzjoni lejn it-territorju doganali tal-Unjoni. F’dan ir-rigward huwa irrilevanti jekk id-dejn doganali jirriżultax minħabba li l-merkanzija tkun tneħħiet mis-sorveljanza doganali matul is-sistema ta’ tranżitu estern.

2)      L-awtorità doganali ma hijiex obbligata titlob id-data meħtieġa għall-applikazzjoni tal-Artikolu 30(2)(a) tal-Kodiċi Doganali mingħand il-produttur tal-merkanzija kkonċernata. Minkejja dan, qabel tkun tista’ twarrab l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, l-awtorità għandha tikkonsulta s-sorsi ta’ informazzjoni u d-databases kollha disponibbli għaliha, u tagħti l-possibbiltà lill-operaturi ekonomiċi biex jipprovdu d-data meħtieġa għall-applikazzjoni tad-dispożizzjoni msemmija.

3)      Mill-Artikolu 6(3) tal-Kodiċi Doganali kif ukoll mill-obbligu ta’ motivazzjoni ġenerali tal-amministrazzjoni doganali u mir-rabta ta’ sussidjarjetà bejn il-metodi differenti ta’ kalkolu tal-valur għal skopijiet doganali jirriżulta li l-amministrazzjoni doganali għandha l-obbligu tipprovdi motivazzjonijiet suffiċjenti fid-deċiżjoni tagħha fir-rigward tar-raġunijiet għalfejn hija applikat metodu speċifiku għad-determinazzjoni tal-valur għal skopijiet doganali u mhux metodu ta’ prijorità ogħla. Bl-istess mod l-awtorità doganali hija obbligata li tesponi b’mod suffiċjenti fid-deċiżjoni tagħha kif u abbażi ta’ liema data ġie kkalkolat il-valur għal skopijiet doganali finali. Il-kwistjoni dwar jekk u sa fejn jista’ jiġi rrimedjat nuqqas ta’ motivazzjoni permezz ta’ komunikazzjoni sussegwenti tal-motivi matul il-proċedura ġudizzjarja hija kwistjoni ta’ dritt nazzjonali li għandha tiġi rregolata mill-Istati Membri fl-osservanza tal-prinċipji ta’ effettività u ta’ ekwivalenza.


1      Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.


2      Fuq il-kunċett ta’ tneħħija mis-sorveljanza doganali fis-sens tal-Kodiċi Doganali, ara s-sentenza tat-12 ta’ Ġunju 2014, SEK Zollagentur (C‑75/13, EU:C:2014:1759, punt 28, u l-ġurisprudenza ċċitata).


3      Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ tal-1994 (GATT), fl-Anness 1A tal-Ftehim li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) iffirmat f’Marrakexx fil-15 ta’ April 1994 u approvat mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 94/800/KE, tat-22 ta’ Diċembru 1994, dwar il-konklużjoni f’isem il-Komunità Ewropea, fejn għandhom x’jaqsmu affarijiet fil-kompetenza tagħha, fuq il-ftehim milħuq fil-Laqgħa ta’ negozjati multilaterali fl-Urugwaj (1986-1994) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 21, p. 80). Id-dispożizzjoni ċċitata hawnhekk toriġina mill-Ftehim Prinċipali tal-GATT tal-1947, li ġiet adottata fil-GATT tal-1994.


4      ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 21, p. 205.


5      Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92, tat-12 ta’ Ottubru 1992, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 4, p. 307) fil-verżjoni kif emendata bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1186/2009, tas-16 ta’ Novembru 2009 (ĠU 2009, L 324, p. 23). Ir-Regolament Nru 2913/92 kellu, oriġinarjament, jiġi ssostitwit bir-Regolament (KE) Nru 450/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ April 2008, li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali Komunitarju (Kodiċi Doganali Modernizzat) (ĠU 2008, L 145, p. 1), iżda li fl-assenza ta’ regoli għall-implementazzjoni qatt ma sar effettiv b’mod sħiħ. Ir-Regolament Nru 450/2008 ġie annullat bir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-9 ta’ Ottubru 2013, li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU 2013, L 269, p. 1). Dan ir-regolament tal-aħħar madankollu beda japplika biss mill-2013 jew mill-2016, u b’hekk f’dan il-każ fi kwalunkwe każ għadu japplika r-Regolament Nru 2913/92.


6      Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93, tat-2 ta’ Lulju 1993, li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali Komunitarju (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 6, p. 3), fil-verżjoni kif emendata bir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1063/2010 tat-18 ta’ Novembru 2010 (ĠU 2010, L 307, p. 1).


7      Enfasi miżjuda minni.


8      Ara wkoll, f’dan is-sens, l-Artikolu 1(1) tal-Ftehim dwar l-implementazzjoni tal-Artikolu VII tal-GATT, li skontu l-valur ta’ tranżazzjoni huwa “l-prezz attwalment imħallas jew li jrid jiġi mħallas għall-oġġetti meta jkunu mibjugħa għall-esportazzjoni lejn il-pajjiż ta’ l-importazzjoni” (Enfasi miżjuda minni).


9      Sentenzi tas-6 ta’ Ġunju 1990, Unifert (C‑11/89, EU:C:1990:237, punt 11), u tat-28 ta’ Frar 2008, Carboni e derivati (C‑263/06, EU:C:2008:128, punt 28).


10      F’dan is-sens, ukoll, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta’ Ottubru 2000, Sommer (C‑15/99, EU:C:2000:574, punt 22), il-Qorti tal-Ġustizzja wkoll tipproċedi f’din id-direzzjoni, hekk kif skontha, fis-“sistema stabbilita” skont il-Kodiċi Doganali (li dak iż-żmien kien ir-Regolament Nru 1224/80), “il-valur ta’ tranżazzjoni […] jifforma l-bażi għall-kalkolu tal-valur għal skopijiet doganali”. Dwar in-neċessità li jiġi interpretat id-dritt doganali tal-Unjoni skont il-GATT, ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża The International Association of Independant Tanker Owners et (C‑308/06, EU:C:2007:689, punt 107 u l-ġurisprudenza ċċitata).


11      Sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2013, Christodoulou et (C‑116/12, EU:C:2013:825, punti 41 sa43).


12      Ara, fuq il-kunċett ta’ “bejgħ” fl-Artikolu 29(1) tal-Kodiċi Doganali, is-sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2013, Christodoulou et (C‑116/12, EU:C:2013:825, punt 45).


13      Sentenzi tas-16 ta’ Novembru 2006, Compaq Computer International Corporation (C‑306/04, EU:C:2006:716, punt 30); tal-15 ta’ Lulju 2010, Gaston Schul (C‑354/09, EU:C:2010:439, punt 29), u tat-12 ta’ Diċembru 2013, Christodoulou et (C‑116/12, EU:C:2013:825, punt 40).


14      Ara, f’dan ir-rigward, Krockauer, L., Zollwert, it-tielet edizzjoni tal-Verlag für Wirtschaft und Verwaltung, Frankfurt am Main 1974, p. 24.


15      Il-Konvenzjoni ta’ Brussell dwar il-valur għal skopijiet doganali tal-merkanzija ġie ffirmat fil-15 ta’ Diċembru 1950 u l-prinċipji tiegħu ġew trasposti fid-dritt Komunitarju bir-Regolament tal-Kunsill Nru 803/68, tas-27 ta’ Ġunju 1968, dwar il-valur għal skopijiet doganali tal-merkanzija (ĠU 1968, L 148, p. 6). Il‑Ftehim ta’ Brussell tal-1979 dwar il-valur għal skopijiet doganali ġie ssostitwit mill-Ftehim dwar l-implementazzjoni tal-Artikolu VII tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ (ĠU 1980, L 71, p. 1, 107), innegozjat fil-kuntest tat-Tokyo Round tal-GATT, li introduċa l-metodu tal-valur ta’ tranżazzjoni bħala bażi għad-determinazzjoni tal-valur għal skopijiet doganali, u ġie inkorporat fid-dritt Komunitarju permezz tar-Regolament tal-Kunsill Nru 1224/80, tat-28 ta’ Mejju 1980, dwar il-valur għal skopijiet doganali tal-merkanzija (ĠU 1980, L 134, p. 1).


16      Ara, fuq dan il-punt, Krockauer, L., Zollwert, it-3 edizzjoni, Verlag für Wirtschaft und Verwaltung, Frankfurt am Main, 1974, p. 24 u 41.


17      L-Artikolu 2(1)(a) u Artikolu 3(1)(a) tal-Ftehim dwar l-implementazzjoni tal-Artikolu VII tal-GATT


18      L-Artikolu 30(2)(a) u (b) tal-Kodiċi Doganali.


19      L-Artikolu 7(2)e) tal-Ftehim dwar l-implementazzjoni tal-Artikolu VII tal-GATT. Ara wkoll l-Artikolu 6(1)(b) tal-istess ftehim, li skontu, jekk il-valur għal skopijiet doganali jkun maħdum mis-somma kkalkolata, ugwali għas-somma ta’ diversi elementi, l-ammont għal profitt u spejjeż ġenerali għandu jkun daqs dak ġeneralment applikat fil-bejgħ mill-produtturi fil-pajjiż tal-esportazzjoni għall-esportazzjoni lejn il-pajjiż tal-importazzjoni.


20      L-Artikolu 31(2)(e) tal-Kodiċi Doganali. Ara wkoll it-tieni inċiż tal-Artikolu 30(2)(d) tal-Kodiċi Doganali, li skontu, jekk il-valur għal skopijiet doganali jkun jibbaża fuq valur ikkalkolat, ugwali għas-somma ta’ diversi elementi, l-ammont li jirrappreżenta l-profitt u spejjeż ġenerali għandu jkun daqs dak normalment applikat fil-bejgħ li jsir minn produtturi tal-pajjiż ta’ esportazzjoni għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni.


21      Sentenzi tas-6 ta’ Ġunju 1990, Unifert (C‑11/89, EU:C:1990:237, punt 35), tad-19 ta’ Ottubru 2000, Sommer (C‑15/99, EU:C:2000:574, punt 25), tas-16 ta’ Novembru 2006, Compaq Computer International Corporation (C‑306/04, EU:C:2006:716, punt 30) u tad-19 ta’ Marzu 2009, Mitsui & Co. Deutschland (C‑256/07, EU:C:2009:167, punt 20).


22      Ara l-Artikolu 192(1) tal-Kodiċi Doganali, kif ukoll id-dispożizzjonijiet dwar l-għoti ta’ garanzija globali fl-Artikolu 379 tar-Regolament Nru 2454/93: skont dan l-artikolu, il-prinċipal jekk ikun hemm bżonn għandu jagħmel bħala garanzija ammont ta’ referenza u joqgħod attent sabiex id-dejn doganali potenzjali ta’ dawn il-każijiet li jkunu għaddejjin ma jaqbiżx dan l-ammont ta’ referenza. Bl-istess mod l-ammonti ta’ referenza jistgħu jiġu kkontrollati mill-awtoritajiet doganali għal kull każ individwali.


23      Sentenzi tal-5 ta’ Mejju 1981, Dürbeck (112/80, EU:C:1981:94, punt 48), u tal-24 ta’ Marzu 2011, ISD Polska et (C‑369/09 P, EU:C:2011:175, punt 122).


24      Sentenzi tal-14 ta’ Ġunju 2016, Marchiani vs Il‑Parlament (C‑566/14 P, EU:C:2016:437, punt 77), u tad-19 ta’ Lulju 2016, Kotnik et (C‑526/14, EU:C:2016:570, punt 62); ara wkoll is-sentenzi tat-22 ta’ Ġunju 2006, Il‑Belġju u Forum 187 vs Il‑Kummissjoni (C‑182/03 u C‑217/03, EU:C:2006:416, punt 147), u tas-16 ta’ Diċembru 2008, Masdar (UK) vs Il‑Kummissjoni (C‑47/07 P, EU:C:2008:726, punti 81 u 86).


25      Sentenza tal-10 ta’ Diċembru 2015, Veloserviss (C‑427/14, EU:C:2015:803, punt 39).


26      Ara l-Artikolu 78 u l-Artikolu 220(2)(b) tal-Kodiċi Doganali, kif ukoll is-sentenza tal-10 ta’ Diċembru 2015, Veloserviss (C‑427/14, EU:C:2015:803, punt 17 et seq, speċjalment il-punti 28, 43 u 44).


27      Ara l-Artikolu 94(4) tal-Kodiċi Doganali kif ukoll l-Artikolu 372(1)(a) u l-Artikolu 380(2) u (3) tar-Regolament Nru 2454/93.


28      Ara t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 379(2) tar-Regolament Nru 2454/93.


29      Ara l-Artikolu 95 tal-Kodiċi Doganali.


30      Ara l-Artikolu 153(1) tar-Regolament Nru 2454/93. Il-punt 1 tan-noti dwar l-Artikolu 30(2)(d) tal-Kodiċi Doganali fl-Anness 23 (“Noti interpretattivi dwar valur għal skopijiet doganali”) tar-Regolament Nru 2454/93 iżid jgħid: “1. Bħala regola ġenerali, il-valur għal skopijiet doganali huwa determinat taħt dawn id-disposizzjonijiet fuq il-bażi ta’ informazzjoni lesta disposta fil-Komunità. Sabiex jiġi determinat valur komputat, madankollu jista’ jkun neċessarju li tiġi eżaminata l-ispiża tal-produzzjoni tal-merkanzija li tkun qed tiġi valutata u informazzjoni oħra li għandha tinkiseb min barra l-Komunità. Barra min hekk, f’bosta każi il-produttur tal-merkanzija jkun barra mill-ġurisdizzjoni ta’ l-awtoritajiet ta’ l-Istati Membri. L-użu tal-metodu tal-valur komputat jista’ ġeneralment ikun limitat għal dawk il-każijiet fejn il-bejjiegħ u x-xerrej ikunu relatati, u l-produttur huwa ppreparat li jforni lill-awtoritajiet tal-pajjiż ta’ l-importazzjoni l-kosti meħtieġa u biex jipprovdi faċilitajiet għal Kull l verifika sussegwenti li tista’ tkun neċessarja” (Enfasi miżjuda minni).


31      Sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2013, Christodoulou et (C‑116/12, EU:C:2013:825, punti 41 sa 43); tas-16 ta’ Ġunju 2016, Euro 2004. Hungary (C‑291/15, EU:C:2016:455, punti 27 sa 29),u tad-9 ta’ Marzu 2017, GE Healthcare (C‑173/15, EU:C:2017:195, punti 75 sa 77).


32      Ara l-Artikolu 153(1) tar-Regolament Nru 2454/93.


33      Ara l-Artikolu 14 tal-Kodiċi Doganali.


34      Ara, pereżempju, l-Artikolu 29(2) tal-Kodiċi Doganali kif ukoll il-punt 3 tal-ispjegazzjonijiet dwar din id-dispożizzjoni fl-Anness 23 (“Noti interpretattivi dwar valur għal skopijiet doganali”) tar-Regolament Nru 2454/93.


35      Ara, dwar il-ħtieġa li l-operatur ekonomiku jingħata l-possibbiltà li jissottometti l-pożizzjoni tiegħu b’mod utli u fil-ħin, is-sentenzi tat-18 ta’ Diċembru 2008, Sopropé (C‑349/07, EU:C:2008:746, punt 36 et seq), u tat-3 ta’ Lulju 2014, Kamino International Logistics (C‑129/13 u C‑130/13, EU:C:2014:2041, punt 38).


36      Ara, f’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Mellor (C‑75/08, EU:C:2009:32, punt 25).


37      Sentenza tat-8 ta’ Mejju 2014, N. (C‑604/12, EU:C:2014:302, punti 49 u 50); ara wkoll il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Mellor (C‑75/08, EU:C:2009:32, punt 33, u l-ġurisprudenza ċċitata).


38      Ara, f’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Mellor (C‑75/08, EU:C:2009:32, punti 28 u 31, u l-ġurisprudenza ċċitata). Ara wkoll is-sentenza tat-23 ta’ Frar 2006, Molenbergnatie (C‑201/04, EU:C:2006:136, punt 54).


39      Ara, f’dan ir-rigward ukoll, il-kunsiderazzjonijiet fil-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Mellor (C‑75/08, EU:C:2009:32, punti 29 u 30).


40      Din il-possibbiltà prevista fil-punti 59 sa 61 kif ukoll fil-punt 1 tad-dispożittiv tas-sentenza tat-30 ta’ April 2009, Mellor (C‑75/08, EU:C:2009:279) fil-każ preżenti għandha tiġi miċħuda b’mod partikolari minħabba li fil-Kodiċi Doganali - b’differenza mid-direttiva li hija bbażata fuqha din is-sentenza, hemm previst espressament obbligu ta’ motivazzjoni għad-deċiżjonijiet li jimponu oneru.


41      Ara, fuq dawn il-limiti tal-possibbiltajiet ta’ rimedju tal-ksur tad-dritt tal-Unjoni, is-sentenza tat-3 ta’ Lulju 2008, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda (C‑215/06, EU:C:2008:380, punt 57 et seq).