Language of document : ECLI:EU:T:2019:752

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla)

17 ta’ Ottubru 2019 (*)

“Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Proċedimenti ta’ oppożizzjoni – Reġistrazzjoni internazzjonali li tirreferi għall-Unjoni Ewropea – Trade mark verbali AXICORP ALLIANCE – Trade marks verbali u figurattivi preċedenti tal-Unjoni Ewropea ALLIANCE – Raġunijiet relattivi għal rifjut – Artikolu 8(1)(b) u (5) tar-Regolament (UE) 2017/1001 – Prova tal-użu ġenwin tat-trade marks preċedenti – Artikolu 47(2) tar-Regolament 2017/1001 – Interpretazzjoni tad-deskrizzjoni tal-prodotti li jinsabu fil-lista alfabetika li takkumpanja l-klassifikazzjoni ta’ Nice”

Fil-Kawża T‑279/18,

Alliance Pharmaceuticals Ltd, stabbilita f’Chippenham (ir-Renju Unit), irrappreżentata minn M. Edenborough, QC,

rikorrenti,

vs

L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), irrappreżentat minn J. Crespo Carrillo u H. O’Neill, bħala aġenti,

konvenut,

il-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell tal-EUIPO kienet

AxiCorp GmbH, stabbilita fi Friedrichsdorf (il-Ġermanja),

li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni tal-Ħames Bord tal-Appell tal-EUIPO tas‑7 ta’ Frar 2018 (Każ R 1473/2017–5), dwar proċedimenti ta’ oppożizzjoni bejn Alliance Pharmaceuticals u AxiCorp,

IL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla),

komposta minn S. Gervasoni, President, K. Kowalik-Bańczyk u C. Mac Eochaidh (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: E. Hendrix, Amministratur,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑30 ta’ April 2018,

wara li rat ir-risposta ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis‑26 ta’ Lulju 2018,

wara li rat il-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura tal‑31 ta’ Jannar 2019,

wara s-seduta tat‑28 ta’ Marzu 2019,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Fis‑17 ta’ Jannar 2011, AxiCorp GmbH kisbet, mingħand il-Bureau Internazzjonali tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intellettwali (WIPO), ir-reġistrazzjoni internazzjonali li tirreferi għall-Unjoni Ewropea Nru 1072913 tat-trade mark verbali AXICORP ALLIANCE. Din ir-reġistrazzjoni ġiet innotifikata fit‑28 ta’ April 2011 lill-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO) skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009 tas‑26 ta’ Frar 2009 dwar it-trade mark tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2009, L 78, p. 1), kif emendat (issostitwit bir-Regolament (UE) 2017/1001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑14 ta’ Ġunju 2017 dwar it-trade mark tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2017, L 154, p. 1)).

2        Il-prodotti u s-servizzi li għalihom intalbet il-protezzjoni jaqgħu taħt il-klassijiet 3, 5, 10 u 35 skont il-Ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal‑15 ta’ Ġunju 1957, kif rivedut u emendat, u jikkorrispondu għad-deskrizzjoni li ġejja:

–        Klassi 3: “Preparazzjonijiet ta’ bliċ u sustanzi oħrajn għall-ħasil tal-ħwejjeġ; preparazzjonijiet għat-tindif, għall-illustrar, li jneħħu x-xaħam u għal brix bi frizzjoni; sapun; fwejjaħ, żjut essenzjali, kożmetiċi, lozjonijiet tax-xagħar; dentifriċi”;

–        Klassi 5: “Preparazzjonijiet [Prodotti] farmaċewtiċi u veterinarji; mediċini farmaċewtiċi; preparazzjonijiet sanitarji għal skopijiet mediċi; sustanzi djetetiċi addattati għall-użu mediku; ikel għat-trabi; impjastri; materjal għall-mili tas-snien u xama’ dentali; diżinfettanti; preparazzjonijiet għall-qirda tad-dud u l-parassiti; funġiċidi; sustanzi għall-qirda ta’ ħaxix ħażin; mediċini farmaċewtiċi”;

–        Klassi 10: “Apparat u strumenti kirurġiċi, mediċi, dentali u veterinarji, dirgħajn, għajnejn u snien artifiċjali; oġġetti ortopediċi; materjali għas-sutura; oġġetti għat-tqegħid ta’ preparazzjonijiet farmaċewtiċi; injettaturi għal skopijiet mediċi; inalaturi”;

–        Klassi 35: “Reklamar; ġestjoni ta’ negozju; amministrazzjoni ta’ negozju; servizzi klerikali; kummerċ bl-ingrossa u bl-imnut ta’ prodotti farmaċewtiċi, kożmetiċi u prodotti mediċi” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

3        L-applikazzjoni għal trade mark ġiet ippubblikata fil-Bulettin tat-trade marks Komunitarji Nru 2011/082 tad‑29 ta’ April 2011.

4        Fit‑30 ta’ Jannar 2012, ir-rikorrenti, Alliance Pharmaceuticals Ltd, ippreżentat oppożizzjoni, skont l-Artikolu 41 tar-Regolament Nru 207/2009 (li sar l-Artikolu 46 tar-Regolament 2017/1001), għar-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għall-prodotti u għas-servizzi msemmija fil-punt 2 iktar ’il fuq.

5        L-oppożizzjoni kienet ibbażata fuq id-drittijiet preċedenti li ġejjin:

–        it-trade mark verbali preċedenti tal-Unjoni Ewropea ALLIANCE, ippreżentata fid‑29 ta’ Lulju 2002 u rreġistrata fil‑11 ta’ Awwissu 2006 taħt in-numru 2816098, li tirreferi għall-prodotti li jaqgħu taħt il-Klassi 5 u li tikkorrispondi mad-deskrizzjoni li ġejja: “Preparazzjonijiet farmaċewtiċi iżda bl-eċċezzjoni tal-ikel għat-trabi u persuni b’diżabbiltà u preparazzjonijiet kimiċi għal użu farmaċewtiku”;

–        it-trade mark figurattiva preċedenti tal-Unjoni Ewropea, ippreżentata fid‑29 ta’ Lulju 2002 u rreġistrata fis‑17 ta’ Diċembru 2003 taħt in-numru 2816064, li tirreferi għall-prodotti li jaqgħu taħt il-Klassi 5 u li tikkorrispondi mad-deskrizzjoni li ġejja: “Preparazzjonijiet farmaċewtiċi iżda bl-eċċezzjoni tal-ikel għat-trabi u persuni b’diżabbiltà u preparazzjonijiet kimiċi għal użu farmaċewtiku”, irrappreżentata kif ġej:

Image not found

–        it-trade mark preċedenti mhux irreġistrata ALLIANCE, użata fil-kummerċ għal “sustanzi u preparazzjonijiet farmaċewtiċi” fir-Renju Unit.

6        Ir-raġunijiet invokati insostenn tal-oppożizzjoni kienu dawk imsemmija fl-Artikolu 8(1)(b), (4) u (5) tar-Regolament Nru 207/2009 (li sar l-Artikolu 8(1)(b), (4) u (5) tar-Regolament Nru 2017/1001).

7        Insostenn tar-raġunijiet għal oppożizzjoni msemmija fl-Artikolu 8(4) u (5) tar-Regolament Nru 207/2009, ir-rikorrenti ppreżentat estratt mir-rapport annwali tal‑2009 tal-kumpannija omm tagħha, Alliance Pharma plc.

8        Fuq rikors ta’ AxiCorp, l-EUIPO stieden lir-rikorrenti tipproduċi l-prova tal-użu tat-trade marks preċedenti tagħha, konformement mal-Artikolu 42(2) tar-Regolament Nru 207/2009 (li sar l-Artikolu 47(2) tar-Regolament 2017/1001), għall-prodotti li l-oppożizzjoni kienet ibbażata fuqhom.

9        Fit‑22 ta’ Lulju 2016, ir-rikorrenti pproduċiet provi tal-użu tat-trade marks preċedenti tagħha fit-terminu mogħti mill-EUIPO.

10      Fil‑11 ta’ Mejju 2017, id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni ċaħdet l-oppożizzjoni fit-totalità tagħha, minħabba nuqqas ta’ provi tal-użu ġenwin tat-trade marks preċedenti tal-Unjoni Ewropea, u fin-nuqqas ta’ provi tal-użu fil-kummerċ tat-trade mark preċedenti mhux irreġistrata.

11      Fis‑7 ta’ Lulju 2017, ir-rikorrenti appellat quddiem l-EUIPO, skont l-Artikoli 58 sa 64 tar-Regolament Nru 207/2009 (li saru l-Artikoli 66 sa 71 tar-Regolament 2017/1001), mid-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni.

12      Permezz ta’ deċiżjoni tas‑7 ta’ Frar 2018 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), il-Ħames Bord tal-Appell tal-EUIPO annulla parzjalment id-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni u bagħat il-każ lura quddiem id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni.

13      Minn naħa, fir-rigward tat-trade marks preċedenti tal-Unjoni Ewropea, il-Bord tal-Appell qies li l-oppożizzjoni kienet ġiet miċħuda ġustament sa fejn din kienet ibbażata fuq l-Artikolu 8(1)(b) u (5) tar-Regolament 2017/1001. F’dan ir-rigward, huwa osserva, l-ewwel nett, li l-ispeċifikazzjoni tal-imsemmija trade marks, li jirreferu għall-“preparazzjonijiet farmaċewtiċi iżda bl-eċċezzjoni tal-ikel għat-trabi u persuni b’diżabbiltà u preparazzjonijiet kimiċi għal użu farmaċewtiku”, ma kinitx ċara. It-tieni nett, huwa qies li la kien raġonevoli u lanqas kuntrarju għar-regoli grammatikali li l-ispeċifikazzjoni tiġi interpretata fis-sens li tkopri prodotti farmaċewtiċi “bl-eċċezzjoni ta’ dawk intiżi li jservu bħala ikel għat-trabi u persuni b’diżabbiltà u li jużaw preparazzjonijiet farmaċewtiċi kimiċi”. It-tielet nett, huwa qies li, minkejja li l-possibbiltà ta’ interpretazzjonijiet oħrajn ma tistax tiġi eskluża, il-prodotti u s-servizzi kellhom jiġu deskritti fir-reġistru b’ċarezza u bi preċiżjoni biżżejjed sabiex tkun tista’ tiġi ddeterminata l-portata tal-protezzjoni mitluba abbażi tiegħu biss. Barra minn hekk, skont il-Bord tal-Appell, speċifikazzjoni ambigwa ma tistax tiġi interpretata b’mod favorevoli għall-proprjetarju tad-dritt. Konsegwentement, huwa qies li d-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni kienet ġustament interpretat l-ispeċifikazzjoni b’mod strett, fis-sens li teskludi l-preparazzjonijiet kimiċi għal użu farmaċewtiku. Barra minn hekk, huwa osserva li, anki jekk kellu jitqies li l-ispeċifikazzjoni kienet tinkludi ċerti prodotti farmaċewtiċi li joriġinaw mill-pjanti, ir-rikorrenti ma kinitx ippruvat li t-trade mark ALLIANCE kienet intużat għal dawn il-prodotti farmaċewtiċi, peress li l-provi tal-użu ppreżentati kienu jagħmlu riferiment biss għal komponenti sintetiċi.

14      Min-naħa l-oħra, fir-rigward tat-trade mark preċedenti mhux irreġistrata u r-raġuni għal oppożizzjoni msemmija fl-Artikolu 8(4) tar-Regolament 2017/1001, il-Bord tal-Appell qies li l-konklużjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni li tipprovdi li r-rikorrenti ma kienet ipproduċiet ebda prova tal-użu ta’ din it-trade mark fit-terminu mogħti sabiex issostni l-oppożizzjoni kienet manifestement żbaljata. Huwa qies li l-każ kellu jintbagħat lura quddiem id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni għal eżami mill-ġdid komplet tar-raġuni għal oppożizzjoni msemmija iktar ’il fuq, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-provi tal-użu kollha ppreżentati mir-rikorrenti matul il-proċedimenti, inklużi dawk prodotti fit‑22 ta’ Lulju 2016.

 It-talbiet tal-partijiet

15      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        sussidjarjament, tibdel id-deċiżjoni kkontestata billi tibgħat l-oppożizzjoni lura lid-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni sabiex din tqisha mill-ġdid skont l-Artikolu 8(1)(b) u (5) tar-Regolament 2017/1001, minbarra l-Artikolu 8(4) tal-imsemmi regolament;

–        tikkundanna lill-EUIPO għall-ispejjeż relatati mal-proċedura odjerna, kif ukoll għal dawk sostnuti fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell u, sussidjarjament, jekk il-parti l-oħra quddiem il-Bord tal-Appell tintervjeni, tikkundanna lill-EUIPO u lill-intervenjenti in solidum u konġuntament sabiex iħallsu l-ispejjeż tagħha.

16      L-EUIPO jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

 Fuq il-portata tat-talba għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata

17      Bi tweġiba għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali, magħmula bħala miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, il-partijiet ikkonfermaw, fis-seduta, bħalma ġie nnutat fil-proċess verbal tas-seduta, li r-rikors ippreżentat mir-rikorrenti kellu jinftiehem fis-sens li huwa intiż għall-annullament parzjali tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn il-Bord tal-Appell ċaħad l-appell ippreżentat quddiemu sa fejn dan jirrigwarda r-raġunijiet għal oppożizzjoni msemmija fl-Artikolu 8(1)(b) u (5) tar-Regolament 2017/1001. Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti ma titlobx lill-Qorti Ġenerali tannulla d-deċiżjoni kkontestata sa fejn il-Bord tal-Appell bagħat il-każ lura lid-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni għal eżami mill-ġdid komplet tar-raġuni għal oppożizzjoni msemmija fl-Artikolu 8(4) tal-imsemmi regolament.

 Fuq il-mertu

18      Insostenn tar-rikors, ir-rikorrenti tqajjem motiv wieħed, ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-Bord tal-Appell interpreta b’mod ħażin l-ispeċifikazzjoni tat-trade marks preċedenti tal-Unjoni Ewropea sabiex ikkonkluda li l-provi tal-użu prodotti ma kinux juru użu ġenwin ta’ dawn it-trade marks għall-prodotti inklużi fl-imsemmija speċifikazzjoni, li jikkostitwixxi ksur tar-rekwiżiti formali essenzjali, tar-Regolament 2017/1001 jew ta’ dispożizzjoni legali dwar l-applikazzjoni tiegħu, fis-sens tal-Artikolu 72 tar-Regolament 2017/1001.

19      B’mod iktar partikolari, ir-rikorrenti tikkontesta l-interpretazzjoni stretta tal-ispeċifikazzjoni mogħtija mid-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni u kkonfermata mill-Bord tal-Appell, skont liema l-“preparazzjonijiet kimiċi għal użu farmaċewtiku” kienu esklużi mill-“preparazzjonijiet farmaċewtiċi”.

20      Minn naħa, ir-rikorrenti targumenta li l-interpretazzjoni stretta tal-ispeċifikazzjoni mogħtija hija żbaljata sa fejn din hija kuntrarja għal-Linji gwida dwar l-eżaminazzjoni tal-EUIPO u, b’mod iktar partikolari, għall-mod kif l-esklużjonijiet għandhom jiġu fformulati fl-ispeċifikazzjonijiet. Jekk l-għan huwa li jiġu esklużi tipi ta’ prodotti, il-konġunzjoni li għandha tintuża hija d-diżġunzjoni “jew” u mhux il-konġunzjoni ta’ koordinazzjoni “u”. Konsegwentement, f’dan il-każ, il-kliem “iżda bl-eċċezzjoni tal-ikel għat-trabi u persuni b’diżabbiltà u preparazzjonijiet kimiċi għal użu farmaċewtiku” għandu jiġi interpretat fis-sens li jeskludi biss l-ewwel kategorija ta’ prodotti, l-ikel għat-trabi u persuni b’diżabbiltà, u fis-sens li jinkludi t-tieni kategorija ta’ prodotti, il-preparazzjonijiet kimiċi għal użu farmaċewtiku. Li kieku din l-interpretazzjoni kienet applikata, il-provi ppreżentati mir-rikorrenti sabiex turi l-użu ġenwin tat-trade marks preċedenti tal-Unjoni Ewropea għal “preparazzjonijiet kimiċi għal użu farmaċewtiku” kienu jiġu aċċettati. Għaldaqstant, il-każ għandu jintbagħat lura lid-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni sabiex din teżamina wkoll l-oppożizzjoni mill-angolu tar-raġunijiet għal oppożizzjoni msemmija fl-Artikolu 8(1)(b) u (5) tar-Regolament 2017/1001. Barra minn hekk, ir-rikorrenti tirrileva li AxiCorp ma ppreżentat ebda argument fuq il-portata tal-ispeċifikazzjoni qabel id-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni.

21      Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti targumenta li l-interpretazzjoni stretta tal-ispeċifikazzjoni mogħtija hija żbaljata sa fejn din twassal għal speċifikazzjoni nieqsa minn sens kummerċjali, li huwa kuntrarju għar-regoli normali ta’ interpretazzjoni tat-testi legali. Sussidjarjament, hija targumenta li, jekk il-“preparazzjonijiet kimiċi għal użu farmaċewtiku” kienu esklużi, dawn kellhom jiġu interpretati b’mod strett, fis-sens li jirreferu biss għall-prekursuri kimiċi sintetiċi fl-istat pur tagħhom li jistgħu jiġu kkombinati għal finijiet farmaċewtiċi, jiġifieri sabiex jiffurmaw il-preparazzjonijiet farmaċewtiċi finali huma stess. B’dan il-mod, il-komponenti fl-istat pur tal-preparazzjoni farmaċewtika huma esklużi mill-kamp tar-reġistrazzjoni, filwaqt li l-kombinazzjoni miksuba, li tikkostitwixxi l-preparazzjoni farmaċewtika finali nfisha, hija inkluża. Għaldaqstant, il-provi tal-użu prodotti huma biżżejjed sabiex jippruvaw l-użu ġenwin tat-trade marks preċedenti tal-Unjoni Ewropea.

22      L-EUIPO jikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti. L-ewwel nett, skont l-EUIPO, eżempju ta’ tfassil ta’ esklużjoni estratta mil-Linji gwida dwar l-eżaminazzjoni tal-EUIPO ma jistax jikkostitwixxi l-bażi ta’ regola li tiddetermina l-konġunzjoni li għandha tintuża fit-tfassil ta’ esklużjoni fi speċifikazzjoni. Huwa l-applikant għal trade mark tal-Unjoni Ewropea li għandu jfassal b’mod ċar u preċiż l-ispeċifikazzjoni tal-prodotti u tas-servizzi li għalihom hija mitluba l-protezzjoni. It-tieni nett, skont l-EUIPO, l-ispeċifikazzjoni hija ambigwa. Issa, il-mod kif id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni u l-Bord tal-Appell interpretaw l-ispeċifikazzjoni la huwa mhux raġonevoli u lanqas kuntrarju għar-regoli grammatikali, anki jekk interpetazzjonijiet oħrajn ma jistgħux jiġu esklużi. It-tielet nett, l-EUIPO jfakkar li l-portata tal-protezzjoni li għaliha saret applikazzjoni għandha tkun tista’ tiġi ddeterminata abbażi biss tar-reġistru. Meta d-denominazzjoni tal-prodotti jew tas-servizzi tkun nieqsa minn ċarezza u minn preċiżjoni, il-kamp ta’ applikazzjoni tat-trade mark ikun irid jiġi interpretat fis-sens strett, għaliex il-proprjetarju tat-trade mark ma għandux jagħmel profitt mill-ksur tal-obbligu tiegħu li jfassal b’ċarezza u bi preċiżjoni l-lista ta’ prodotti u ta’ servizzi.

 Osservazzjonijiet preliminari

23      Bħalma r-rikorrenti kkonfermat fis-seduta, għandu jitqies li r-rikorrenti, essenzjalment, impliċitament tilmenta li l-Bord tal-Appell kiser l-Artikolu 47(2) tar-Regolament 2017/1001.

24      F’dan ir-rigward, la darba titqajjem mill-applikant għat-trade mark, il-kwistjoni tal-użu ġenwin tat-trade mark preċedenti għandha tiġi deċiża qabel ma tittieħed deċiżjoni fuq l-oppożizzjoni veru u proprja (ara s-sentenza tat‑22 ta’ Marzu 2007, Saint-Gobain Pam vs UASI – Propamsa (PAM PLUVIAL), T‑364/05, EU:T:2007:96, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

25      B’dan il-mod, kien il-kompitu tar-rikorrenti, qabel l-EUIPO ma jipproċedi għall-eżami tar-raġunijiet għal oppożizzjoni msemmija fl-Artikolu 8(1)(b) u (5) tar-Regolament 2017/1001, li ġġib il-prova tal-użu ġenwin tat-trade marks preċedenti tal-Unjoni Ewropea, b’tali mod li, jekk din il-prova kienet nieqsa, l-oppożizzjoni kellha tiġi miċħuda, konformement mal-Artikolu 47(2) ta’ dan ir-regolament. Barra minn hekk, dan l-użu kellu jirrigwarda l-prodotti li t-trade marks preċedenti tal-Unjoni Ewropea kienu rreġistrati għalihom u li l-oppożizzjoni kienet ibbażata fuqhom, jiġifieri l-prodotti li jaqgħu taħt il-Klassi 5, imsemmija fil-punt 5 iktar ’il fuq. Jekk it-trade marks preċedenti tal-Unjoni Ewropea kienet intużaw biss għal parti mill-prodotti li kienu rreġistrati għalihom, għall-finijiet tal-eżami tal-oppożizzjoni, huma jitqiesu bħala rreġistrati biss għal din il-parti tal-prodotti, konformement mal-Artikolu 47(2) tal-imsemmi regolament.

26      Skont il-ġurisprudenza żviluppata fil-kuntest tal-interpretazzjoni tal-kliem li jiffurmaw it-titolu tal-klassijiet ta’ prodotti u ta’ servizzi, il-portata tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni għandha tiġi evalwata fid-data tal-preżentata tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Diċembru 2018, Edison vs EUIPO (EDISON), T‑471/17, mhux ippubblikata, taħt appell, EU:T:2018:887, punt 34; ara wkoll, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal‑11 ta’ Ottubru 2017, EUIPO vs Cactus, C‑501/15 P, EU:C:2017:750, punti 44 sa 49).

27      F’dan il-każ, l-applikazzjonijiet għal reġistrazzjoni dwar it-trade marks preċedenti tal-Unjoni Ewropea ġew ippreżentati mir-rikorrenti u rreġistrati fi żmien meta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 tal‑20 ta’ Diċembru 1993 dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, L 1, p. 146) (issostitwit bir-Regolament Nru 207/2009, innifsu ssostitwit bir-Regolament 2017/1001), kien għadu fis-seħħ (ara l-punt 5 iktar ’il fuq). Ir-Regolament Nru 40/94 ma kien jinkludi ebda dispożizzjoni ddettaljata daqs dawk fl-Artikolu 33(2) u (5) tar-Regolament 2017/1001 fis-seħħ fid-data tad-deċiżjoni kkontestata.

28      Madankollu, l-Artikolu 26(1)(c) tar-Regolament Nru 40/94, kif applikabbli fid-data tal-preżentata tal-applikazzjonijiet għal trade marks dwar it-trade marks preċedenti tal-Unjoni Ewropea, u fid-data tar-reġistrazzjonijiet tagħhom, kien jipprovdi li l-applikazzjoni għal trade mark kellha tinkludi lista ta’ prodotti jew servizzi li fir-rigward tagħhom kienet saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni. Barra minn hekk, ir-Regola 2(2) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2868/95 tat‑13 ta’ Diċembru 1995 li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 189) (irrepetuta, essenzjalment, fl-Artikolu 33(2) tar-Regolament 2017/1001), imbagħad applikabbli, kienet tipprovdi li l-lista ta’ prodotti u servizzi kellha titfassal b’tali mod, b’mod partikolari, “li tindika b’mod ċar in-natura tal-prodotti u servizzi”.

29      Mid-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq jirriżulta li kienet il-persuna li ppreżentat l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ sinjal bħala trade mark li kellha tindika, fl-applikazzjoni tagħha, il-lista tal-prodotti jew tas-servizzi li għalihom intalbet ir-reġistrazzjoni u li għandha tipprovdi, għal kull wieħed mill-imsemmija prodotti jew servizzi, deskrizzjoni li tindika b’mod ċar in-natura tagħhom (sentenza tad‑9 ta’ Lulju 2008, Reber vs UASI – Chocoladefabriken Lindt & Sprüngli (Mozart), T‑304/06, EU:T:2008:268, punt 23).

30      Skont il-ġurisprudenza, dawn id-dispożizzjonijiet jeżiġu li l-prodotti li għalihom tintalab il-protezzjoni jiġu identifikati mill-applikant b’ċarezza u bi preċiżjoni biżżejjed sabiex l-EUIPO u l-operaturi ekonomiċi jkunu jistgħu, fuq din il-bażi biss, jiddeterminaw il-portata tal-protezzjoni mitluba (sentenza tat‑3 ta’ Ġunju 2015, Lithomex vs OHMI – Glaubrecht Stingel (LITHOFIX), T‑273/14, mhux ippubblikata, EU:T:2015:352, punt 27; ara wkoll, b’analoġija, is-sentenzi tat‑12 ta’ Diċembru 2002, Sieckmann, C‑273/00, EU:C:2002:748, punti 49 sa 51, u tad‑19 ta’ Ġunju 2012, Chartered Institute of Patent Attorneys, C‑307/10, EU:C:2012:361, punt 49).

31      Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li, sabiex tkun tista’ tiġi eżaminata l-identiċità jew ix-xebh tal-prodotti u tas-servizzi inkwistjoni, il-korpi tal-EUIPO għandhom dejjem jiddeterminaw il-prodotti u s-servizzi li huma koperti mit-trade marks f’kunflitt u, f’dan il-kuntest, għandhom jagħtu interpretazzjoni skont il-każ tal-lista tal-prodotti u tas-servizzi li għalihom hija rreġistrata trade mark (ara s-sentenza tas‑6 ta’ April 2017, Nanu-Nana Joachim Hoepp vs EUIPO – Fink (NANA FINK), T‑39/16, EU:T:2017:263, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

32      Huwa fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet iktar ’il fuq li għandu jiġi eżaminat jekk il-Bord tal-Appell kisirx l-Artikolu 47(2) tar-Regolament 2017/1001 meta qies li d-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni kienet ġustament interpretat il-lista ta’ prodotti koperti mit-trade marks preċedenti tal-Unjoni Ewropea b’mod strett fis-sens li teskludi l-preparazzjonijiet kimiċi għal użu farmaċewtiku, jiġifieri l-prodotti farmaċewtiċi li jużaw preparazzjonijiet farmaċewtiċi kimiċi (punti 19 u 22 tad-deċiżjoni kkontestata) u li l-oppożizzjoni kienet ġiet miċħuda ġustament sa fejn din kienet ibbażata fuq l-Artikolu 8(1)(b) u (5) tar-Regolament 2017/1001, fin-nuqqas ta’ provi tal-użu ġenwin tal-imsemmija trade marks (punti 23 u 24 tad-deċiżjoni kkontestata).

 Fuq ir-rilevanza tal-Linji gwida dwar l-eżaminazzjoni tal-EUIPO

33      Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li l-argumenti li permezz tagħhom ir-rikorrenti targumenta li l-interpretazzjoni stretta tal-ispeċifikazzjoni mogħtija mill-Bord tal-Appell hija żbaljata, sa fejn din hija kuntrarja għal-Linji gwida dwar l-eżaminazzjoni tal-EUIPO, sabiex turi l-ksur eventwali tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament 2017/1001, għandhom jiġu miċħuda bħala ineffettivi.

34      Fil-fatt, il-Linji gwida dwar l-eżaminazzjoni tal-EUIPO ma jikkostitwixxux atti legalment vinkolanti għall-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni (sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2012, Leno Merken, C‑149/11, EU:C:2012:816, punt 48). Il-previżjonijiet tal-Linji gwida dwar l-eżaminazzjoni tal-EUIPO, bħala tali, la jistgħu jipprevalu fuq id-dispożizzjonijiet tar-Regolament 2017/1001 u tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2018/625 tal‑5 ta’ Marzu 2018 li jissupplimenta r-Regolament 2017/1001 u li jħassar ir-Regolament Delegat (UE) 2017/1430 (ĠU 2018, L 104, p. 1), u lanqas jinfluwenzaw l-interpretazzjoni tagħhom mill-qorti tal-Unjoni. Għall-kuntrarju, huma jistgħu jinqraw konformement mad-dispożizzjonijiet ta’ dawn ir-regolamenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ Ġunju 2012, Interkobo vs UASI – XXXLutz Marken (my baby), T‑523/10, EU:T:2012:326, punt 29).

35      Fi kwalunkwe każ, il-Linji gwida dwar l-eżaminazzjoni tal-EUIPO invokati mir-rikorrenti ma kinux jippreġudikaw, sabiex il-“preparazzjonijiet kimiċi għal użu farmaċewtiku” ikunu jistgħu jitqiesu bħala inklużi fil-kamp ta’ protezzjoni, il-formula tal-ispeċifikazzjoni użata fil-każ, jiġifieri kategorija ta’ prodotti li għalihom hija mitluba l-protezzjoni, segwita b’kategorija ta’ prodotti eskluża ppreċeduta bl-espressjoni “iżda bl-eċċezzjoni [ta’]”, segwita – mingħajr punteġġatura – bil-konġunzjoni “u” u b’kategorija ta’ prodotti li suppost għandhom jiġu inklużi.

 Fuq l-interpretazzjoni tal-ispeċifikazzjoni tat-trade marks preċedenti tal-Unjoni Ewropea

36      F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li l-formulazzjoni tal-ispeċifikazzjoni bl-Ingliż, lingwa li fiha ġew ippreżentati l-applikazzjonijiet għar-reġistrazzjoni tat-trade marks preċedenti tal-Unjoni Ewropea, tista’ twassal għal żewġ interpretazzjonijiet litterali possibbli.

37      Għaldaqstant, fl-assenza ta’ punteġġatura, b’mod partikolari ta’ punt u virgola li tissepara l-“ikel għat-trabi u persuni b’diżabbiltà” mill-“preparazzjonijiet kimiċi għal użu farmaċewtiku” jew ta’ preċiżjonijiet addizzjonali, tifsira litterali possibbli tal-ispeċifikazzjoni tista’ twassal li jitqies li kemm l-“ikel għat-trabi u persuni b’diżabbiltà” kif ukoll il-“preparazzjonijiet kimiċi għal użu farmaċewtiku” huma koperti mir-restrizzjoni “iżda bl-eċċezzjoni [ta’]”. Hija din l-interpretazzjoni li ngħatat mid-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni u l-Bord tal-Appell.

38      Madankollu, interpretazzjoni litterali oħra possibbli, issuġġerita mir-rikorrenti, ma teskludix il-“preparazzjonijiet kimiċi għal użu farmaċewtiku” mill-ispeċifikazzjoni.

39      F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, għandu jiġi rrilevat li din il-possibbiltà ġiet aċċettata mill-EUIPO fis-seduta. Barra minn hekk, il-Bord tal-Appell irrikonoxxa, fil-punti 19 u 20 tad-deċiżjoni kkontestata, li xi interpretazzjonijiet oħrajn minbarra dik mogħtija minnu kienu possibbli.

40      It-tieni nett, il-Qorti Ġenerali tirrileva, bħar-rikorrenti, li mill-fajl tal-EUIPO, u b’mod partikolari mill-osservazzjonijiet ta’ AxiCorp tas‑16 ta’ Marzu u tal‑20 ta’ Ottubru 2016 kif ukoll tal‑10 ta’ Novembru 2017, jirriżulta li huwa biss fl-istadju tal-appell quddiem il-Bord tal-Appell li AxiCorp argumentat li l-ispeċifikazzjoni ma kinitx tkopri l-“preparazzjonijiet kimiċi għal użu farmaċewtiku” u li r-rikorrenti ma pproduċietx il-prova tal-użu ġenwin tat-trade marks tagħha għal preparazzjonijiet farmaċewtiċi jew kimiċi bħala tali.

41      Issa, bħalma tfakkar fil-punt 30 iktar ’il fuq, ir-reġistru għandu l-għan, b’mod partikolari, li jinforma lill-operaturi ekonomiċi, inklużi l-kompetituri attwali jew potenzjali ta’ proprjetarji jew ta’ applikanti għal trade mark fuq id-drittijiet tat-terzi.

42      Għaldaqstant huwa sinjifikattiv li AxiCorp ma interpretatx l-ispeċifikazzjoni b’mod restrittiv quddiem id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni. Sa fejn AxiCorp ma qajmitx dubji fuq l-interpretazzjoni li għandha tingħata għall-ispeċifikazzjoni, fuq il-portata tal-kategoriji ta’ prodotti koperti mit-trade marks preċedenti tal-Unjoni Ewropea jew fuq l-allegati nuqqasijiet fil-provi tal-użu f’dan ir-rigward quddiem din id-diviżjoni, jista’ jitqies, minn naħa, li ma kien hemm ebda evidenza li l-ispeċifikazzjoni kienet interpretata bil-mod finalment interpretata mid-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni u kkonfermata sussegwentement mill-Bord tal-Appell u, min-naħa l-oħra, li r-rekwiżit ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni mfakkar fil-punt 30 iktar ’il fuq kien osservat.

43      It-tielet nett, għandu jiġi rrilevat li, minkejja li l-interpretazzjoni tal-ispeċifikazzjoni mogħtija mill-Bord tal-Appell, skont liema l-“preparazzjonijiet kimiċi għal użu farmaċewtiku” huma esklużi hija possibbli fid-dawl tal-formulazzjoni tagħha, din l-interpretazzjoni ma ħaditx debitament inkunsiderazzjoni punti essenzjali oħrajn sabiex tinftiehem il-portata tal-imsemmija speċifikazzjoni, jiġifieri l-volontà effettiva tal-proprjetarju tat-trade marks ikkonċernati u r-rieda li tingħata portata utli għal din il-formulazzjoni, li teskludi qari li jwassal għal riżultat assurd għall-proprjetarju.

44      Għaldaqstant, qabelxejn, il-Qorti Ġenerali tosserva li l-volontà effettiva tal-applikant għal reġistrazzjoni ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea ma hijiex, skont il-ġurisprudenza, nieqsa minn rilevanza. Fil-fatt, u minkejja li din l-osservazzjoni saret fil-kuntest tal-analiżi tal-portata tal-protezzjoni ta’ trade mark nazzjonali li tirriżulta mill-użu tal-indikazzjonijiet ġenerali kollha tat-titolu ta’ klassi, il-Qorti tal-Ġustizzja osservat li s-sitwazzjoni fejn il-portata tal-protezzjoni mogħtija minn trade mark tiddependi mill-approċċ interpretattiv adottat mill-awtorità kompetenti u mhux mill-volontà effettiva tal-applikant tirriskja li timmina ċ-ċertezza legali kemm għall-imsemmi applikant kif ukoll għall-operaturi ekonomiċi terzi (sentenza tad‑19 ta’ Ġunju 2012, Chartered Institute of Patent Attorneys, C‑307/10, EU:C:2012:361, punt 60).

45      Issa, minkejja li l-approċċ tal-Bord tal-Appell kien korrett, u li r-reġistrazzjonijiet tat-trade marks preċedenti tal-Unjoni Ewropea kienu jkopru prodotti farmaċewtiċi bl-eċċezzjoni ta’ dawk “li jużaw preparazzjonijiet farmaċewtiċi kimiċi”, jiġifieri li kienu jkopru biss preparazzjonijiet imsejħa “naturali” jew “li joriġinaw mill-pjanti” li ma jinkludux sustanzi kimiċi jew komponenti sintetiċi, l-imsemmija reġistrazzjonijiet ikopru biss prodotti li ma ġewx maħsuba mir-rikorrenti u li ma ssemmewx espressament fl-ispeċifikazzjoni tal-imsemmija trade marks. Bħalma jirriżulta mill-punt 44 iktar ’il fuq, tali ipoteżi hija inkompatibbli mar-rekwiżiti ta’ prevedibbiltà u ta’ ċertezza legali.

46      Sussegwentement, filwaqt li huwa minnu li l-interpretazzjoni litterali ta’ speċifikazzjoni ta’ trade mark hija dik li għandha tiġi ppreferuta, dan il-prinċipju ma tantx huwa utli fil-każ li żewġ interpretazzjonijiet litterali huma t-tnejn possibbli.

47      F’tali każ, għandha tiġi ppreferuta, fost diversi interpretazzjonijiet possibbli tat-testi tad-dritt tal-Unjoni, dik li ma twassalx għal riżultat assurd. Fil-fatt, l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni hija bbażata ċertament qabelxejn u fuq kollox fuq il-kelma tiegħu, u dan l-approċċ jirrifletti l-prinċipji essenzjali ta’ prevedibbiltà u ta’ ċertezza legali. Madankollu, meta t-test ikun mimli b’ambigwità jew l-interpretazzjoni litterali tiegħu twassal għal riżultat assurd, din it-tifsira tista’ tkun is-suġġett ta’ reviżjoni wara li tkun ġiet issostitwita fil-kuntest tagħha u interpretata fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni kollha, tal-għanijiet tagħha u tal-istat tal-evoluzzjoni tagħha meta d-dispożizzjoni inkwistjoni għandha tiġi applikata (konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bobek fil-kawża European Federation for Cosmetic Ingredients, C‑592/14, EU:C:2016:179, punti 36 u 37; ara, ukoll, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mayras fil-kawża Fellinger, 67/79, EU:C:1980:23, p. 550).

48      B’dan il-mod, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni teskludi interpretazzjonijiet ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li jwasslu għal riżultat assurd (ara, f’dan is-sens, fil-qasam tal-moviment ħieles tal-ħaddiema, is-sentenza tal‑10 ta’ Diċembru 2009, Peśla, C‑345/08, EU:C:2009:771, punti 46 u 48, u, fil-qasam ta’ disinni u mudelli, is-sentenza tal‑21 ta’ Settembru 2017, Easy Sanitary Solutions u EUIPO vs Group Nivelles, C‑361/15 P u C‑405/15 P, EU:C:2017:720, punt 96).

49      Il-Qorti Ġenerali tqis li, b’analoġija, il-kunsiderazzjonijiet tal-punti 46 sa 48 iktar ’il fuq għandhom jiġu trasposti għal każ bħal dak odjern, dwar l-interpretazzjoni tal-ispeċifikazzjoni ta’ trade mark preċedenti tal-Unjoni Ewropea.

50      Fil-fatt, id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni u, skont il-każ, il-Bord tal-Appell, għandhom jinterpretaw il-lista tal-prodotti u tas-servizzi li għalihom hija rreġistrata trade mark preċedenti tal-Unjoni Ewropea u li ġiet mitluba l-prova tal-użu ġenwin tagħha, sabiex tiġi ddeterminata l-portata tal-protezzjoni tal-imsemmija trade mark u tiġi deċiża l-kwistjoni dwar l-użu ġenwin tagħha, qabel tittieħed deċiżjoni fuq l-oppożizzjoni per se. Madankollu, meta jsir dan, huwa l-kompitu tagħhom li jinterpretaw il-formulazzjoni tal-lista tal-prodotti u tas-servizzi koperti bil-mod l-iktar koerenti, fid-dawl mhux biss tat-tifsira litterali tagħha u tal-kostruzzjoni grammatikali tagħha, iżda wkoll, fil-każ ta’ riskju ta’ riżultat assurd, tal-kuntest tagħha u tal-volontà effettiva tal-proprjetarju ta’ din it-trade mark fir-rigward tal-portata tagħha.

51      Il-Qorti Ġenerali tqis, għaldaqstant, li, fil-kuntest tal-Artikolu 47(2) tar-Regolament 2017/1001 u tad-determinazzjoni tal-portata tal-protezzjoni ta’ trade mark preċedenti tal-Unjoni Ewropea u tal-evalwazzjoni tal-provi tal-użu ġenwin tal-imsemmija trade mark, jekk jeżistu żewġ interpretazzjonijiet litterali possibbli tal-ispeċifikazzjoni ta’ din it-trade mark, iżda waħda minnhom twassal għal riżultat assurd fir-rigward tal-portata tal-protezzjoni tat-trade mark, il-Bord tal-Appell għandu jsolvi d-diffikultà billi jagħżel l-interpretazzjoni l-iktar plawżibbli u prevedibbli tal-imsemmija speċifikazzjoni. Il-Qorti Ġenerali tikkonstata li jkun assurd li tiġi adottata interpretazzjoni tal-imsemmija speċifikazzjoni li jkollha bħala effett li jiġu esklużi l-prodotti kollha tar-rikorrenti billi jitħallewlha biss, bħala prodotti protetti mit-trade marks preċedenti tal-Unjoni Ewropea, prodotti li għalihom hija ma talbitx il-protezzjoni tat-trade marks tagħha.

52      Issa, f’dan il-każ, il-Bord tal-Appell, essenzjalment, assimila l-“preparazzjonijiet kimiċi għal użu farmaċewtiku” ma’ preparazzjonijiet farmaċewtiċi kimiċi jew sintetiċi finali. Konsegwentement, il-provi kollha tal-użu tat-trade marks preċedenti tal-Unjoni Ewropea twarrbu, u dan minkejja ċ-ċirkustanzi skont liema l-attività prinċipali tar-rikorrenti kienet il-kummerċjalizzazzjoni tal-preparazzjonijiet farmaċewtiċi u skont liema l-imsemmija trade marks kienu għaldaqstant irreġistrati għall-“preparazzjonijiet farmaċewtiċi”. Bħalma targumenta r-rikorrenti, ikun assurd li jitqies li din tal-aħħar kellha l-intenzjoni li tagħmel applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea għal kategorija ta’ prodotti li hija rristrenġiet sussegwentement b’kategorija ta’ prodotti fil-biċċa l-kbira tagħhom ekwivalenti.

53      Din il-konklużjoni bl-ebda mod ma hija mminata mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 21 tad-deċiżjoni kkontestata kif ukoll mill-EUIPO fil-punt 27 tar-risposta u fis-seduta, insostenn, minn naħa, tar-rifjut ta’ interpretazzjoni tal-ispeċifikazzjoni favorevoli għar-rikorrenti u, min-naħa l-oħra, tan-neċessità li tiġi applikata interpretazzjoni stretta tal-imsemmija speċifikazzjoni, jiġifieri l-punt 67 tad-digriet tas‑6 ta’ Frar 2014, El Corte Inglés vs UASI (C‑301/13 P, mhux ippubblikat, EU:C:2014:235), il-punt 31 tas-sentenza tal‑11 ta’ Novembru 2009, Frag Comercio Internacional vs UASI – Tinkerbell Modas (GREEN by missako) (T‑162/08, mhux ippubblikata, EU:T:2009:432), il-punt 62 tas-sentenza tas‑6 ta’ April 2017, NANA FINK (T‑39/16, EU:T:2017:263), u l-punt 62 tas-sentenza tat‑18 ta’ Ottubru 2018, Next design+produktion vs EUIPO – Nanu-Nana Joachim Hoepp (nuuna) (T‑533/17, mhux ippubblikata, EU:T:2018:698).

54      F’dan ir-rigward, huwa minnu, minn naħa, f’dak li jirrigwarda l-ġurisprudenza msemmija fil-punt 21 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-qorti tal-Unjoni rrikonoxxiet, fil-kuntest ta’ proċedimenti ta’ oppożizzjoni u tal-paragun tal-prodotti u tas-servizzi, li kien possibbli li d-deskrizzjoni tal-prodotti u tas-servizzi koperti minn trade mark preċedenti ma tippermettix li jiġu pparagunati ma’ dawk indikati minn trade mark li għaliha saret applikazzjoni (ara, f’dan is-sens, id-digriet tas‑6 ta’ Frar 2014, El Corte Inglés vs UASI, C‑301/13 P, mhux ippubblikat, EU:C:2014:235, punt 67, u sentenza tal‑11 ta’ Novembru 2009, GREEN by missako, T‑162/08, mhux ippubblikata, EU:T:2009:432, punt 31). Huwa minnu, min-naħa l-oħra, f’dak li jirrigwarda l-ġurisprudenza msemmija mill-EUIPO fil-punt 27 tar-risposta u fis-seduta, li l-Qorti Ġenerali osservat li l-proprjetarju ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea ma jistax jibbenefika minn ksur tal-obbligu tiegħu li jindika l-prodotti jew is-servizzi b’mod ċar u preċiż (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑6 ta’ April 2017, NANA FINK, T‑39/16, EU:T:2017:263, punt 48, u tat‑18 ta’ Ottubru 2018, nuuna, T‑533/17, mhux ippubblikata, EU:T:2018:698, punt 62).

55      Madankollu, il-kuntest fattwali u l-istadju tal-proċeduri tal-kawżi msemmija iktar ’il fuq huma differenti minn dawk tal-kawża odjerna.

56      L-ewwel nett, fil-kawża li tat lok għad-digriet tas‑6 ta’ Frar 2014, El Corte Inglés vs UASI (C‑301/13 P, mhux ippubblikat, EU:C:2014:235), minn naħa, la l-formulazzjoni tad-deskrizzjoni tas-servizzi indikati mit-trade mark preċedenti inkwistjoni fl-imsemmija kawża, u lanqas il-punti li r-rikorrenti kienet qajmet fil-kuntest tal-proċedimenti quddiem l-EUIPO ma kienu juru li l-protezzjoni tal-imsemmija trade mark kienet testendi għal prodotti jew servizzi differenti minn dawn li jaqgħu taħt il-Klassi 35 fis-sens tal-ftehim ta’ Nice. Min-naħa l-oħra, l-argumenti u l-provi fuq l-ispeċifiċitajiet tad-dritt nazzjonali li allegatament kienu jippermettu li jiġi ppreċiżat is-sens tad-deskrizzjoni tas-servizzi indikati mit-trade mark preċedenti inkwistjoni fl-imsemmija kawża ma setgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni, għaliex dawn kienu ġew ippreżentati għall-ewwel darba quddiem il-Qorti Ġenerali. Huwa għaldaqstant f’dawn iċ-ċirkustanzi partikolari li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Qorti Ġenerali kienet ġustament iddeċidiet li d-deskrizzjoni tas-servizzi indikati mit-trade mark preċedenti inkwistjoni fl-imsemmija kawża ma kinitx tippermetti li jiġu pparagunati mal-prodotti indikati mit-trade mark li kienet saret applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tagħha.

57      It-tieni nett, fil-kawża li tat lok għas-sentenza tal‑11 ta’ Novembru 2009, GREEN by missako (T‑162/08, mhux ippubblikata, EU:T:2009:432), minkejja li s-servizzi indikati mit-trade mark preċedenti inkwistjoni fl-imsemmija kawża kienu vagi wisq sabiex ikun jista’ jsir paragun veru ma’ dawk tat-trade mark inkwistjoni li għaliha saret applikazzjoni, id-differenzi bejn is-sinjali inkwistjoni kienu jikkostitwixxu motiv suffiċjenti sabiex titneħħa l-probabbiltà ta’ konfużjoni minkejja l-identiċità u x-xebh ta’ ċerti prodotti indikati mit-trade marks inkwistjoni.

58      It-tielet nett, fil-kawża li tat lok għas-sentenza tas‑6 ta’ April 2017, NANA FINK (T-39/16, EU:T:2017:263), minkejja li d-deskrizzjoni ta’ ċerti prodotti koperti mit-trade mark preċedenti inkwistjoni fl-imsemmija kawża setgħet tinftiehem b’żewġ modi differenti (jew fis-sens li tinkludi biss il-prodotti lesti tal-ġilda u imitazzjonijiet tal-ġilda, jew fis-sens li tinkludi wkoll “imitazzjonijiet tal-ġilda”), iż-żewġ interpretazzjonijiet kienu ugwalment plawżibbli u ma kinux iwasslu għal speċifikazzjoni assurda.

59      Ir-raba’ nett, fil-kawża li tat lok għas-sentenza tat‑18 ta’ Ottubru 2018, nuuna (T‑533/17, mhux ippubblikata, EU:T:2018:698), il-Qorti Ġenerali rrilevat li l-prodotti koperti mit-trade marks preċedenti inkwistjoni kienu s-suġġett ta’ ċerta preċiżjoni, injorata mill-Bord tal-Appell, u l-Qorti Ġenerali setgħet tipparagunahom mal-prodotti koperti mit-trade mark li għaliha saret applikazzjoni f’din il-kawża. L-imsemmija kawża għaldaqstant la kienet tirrigwarda ksur tal-obbligu ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni, u lanqas eventwali assurdità tal-ispeċifikazzjoni tal-prodotti inkwistjoni.

60      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali tqis li huwa biss meta ż-żewġ interpretazzjonijiet litterali possibbli tal-lista tal-prodotti u tas-servizzi indikati minn trade mark preċedenti tal-Unjoni Ewropea huma ugwalment plawżibbli u prevedibbli t-tnejn li huma li, fid-determinazzjoni tal-portata tal-protezzjoni tal-imsemmija trade mark u tal-evalwazzjoni tal-provi tal-użu ġenwin prodotti, għandu jiġi applikat il-prinċipju bbażat fuq il-punt 48 tas-sentenza tas‑6 ta’ April 2017, NANA FINK (T-39/16, EU:T:2017:263), skont liema l-proprjetarju ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea ma jistax japprofitta minn ksur tal-obbligu tiegħu li jindika l-prodotti u s-servizzi b’mod ċar u preċiż.

61      Din il-konklużjoni barra minn hekk ma hijiex imminata mill-argument tal-EUIPO li jipprovdi li fl-ispeċifikazzjoni jibqa’ firxa sħiħa ta’ prodotti la darba jiġu esklużi l-prodotti kimiċi sintetiċi, bħal rimedji erbali. Fil-fatt, tali approċċ għandu l-istess diffikultajiet bħal dawk invokati fil-punt 45 iktar ’il fuq, jiġifieri li r-reġistrazzjonijiet tat-trade marks preċedenti tal-Unjoni Ewropea jkopru biss, għaldaqstant, prodotti li ma ġewx maħsuba mir-rikorrenti u li ma ssemmewx espressament fl-ispeċifikazzjoni, li jkun inkompatibbli mar-rekwiżiti ta’ prevedibbiltà u ta’ ċertezza legali.

62      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi konkluż li l-Bord tal-Appell, meta qies li l-ispeċifikazzjoni kellha tiġi interpretata fis-sens li l-“preparazzjonijiet kimiċi għal użu farmaċewtiku” kienu esklużi u li t-trade marks preċedenti tal-Unjoni Ewropea kienu għaldaqstant ikopru preparazzjonijiet farmaċewtiċi bl-eċċezzjoni ta’ dawk li “jużaw preparazzjonijiet farmaċewtiċi kimiċi”, ta interpretazzjoni żbaljata tal-imsemmija speċifikazzjoni. Din tal-aħħar setgħet fil-fatt tiġi interpretata fis-sens li tinkludi, minn naħa, il-“preparazzjonijiet farmaċewtiċi” u, min-naħa l-oħra, il-“preparazzjonijiet kimiċi għal użu farmaċewtiku”, jiġifieri l-prekursuri kimiċi sintetiċi fl-istat pur tagħhom li jistgħu jiġu kkombinati għal għanijiet farmaċewtiċi, jiġifieri sabiex isiru l-preparazzjonijiet farmaċewtiċi finali nfishom.

63      Minn dan isegwi li l-motiv uniku, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 47(2) tar-Regolament 2017/1001, għandu jintlaqa’, u d-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata sa fejn il-Bord tal-Appell ċaħad l-appell ippreżentat quddiemu fir-rigward tar-raġunijiet għal oppożizzjoni msemmija fl-Artikolu 8(1)(b) u (5) tar-Regolament 2017/1001.

64      Fir-rigward tat-tieni kap ta’ talbiet tar-rikorrenti, ippreżentati sussidjarjament, li permezz tiegħu r-rikorrenti titlob, essenzjalment, lill-Qorti Ġenerali teżerċita s-setgħa ta’ bidla mogħtija lilha skont l-Artikolu 72(3) tar-Regolament 2017/1001, għandu jitfakkar li l-imsemmija setgħa ma għandhiex bħala effett li tagħti lill-Qorti Ġenerali s-setgħa li twettaq evalwazzjoni li fuqha l-Bord tal-Appell ikun għadu ma ħax deċiżjoni. L-eżerċizzju tas-setgħa ta’ bidla għandu konsegwentement, bħala prinċipju, ikun limitat għas-sitwazzjonijiet li fihom il-Qorti Ġenerali, wara li tkun stħarrġet l-evalwazzjoni magħmula mill-Bord tal-Appell, tkun f’pożizzjoni li tiddetermina, abbażi tal-punti ta’ fatt u ta’ liġi kif stabbiliti, id-deċiżjoni li l-Bord tal-Appell kellu jadotta (sentenza tal‑5 ta’ Lulju 2011, Edwin vs UASI, C‑263/09 P, EU:C:2011:452, punt 72).

65      Issa, għandu jiġi kkonstatat li l-Bord tal-Appell, b’mod żbaljat, ma eżaminax il-provi prodotti kollha sabiex jiġi stabbilit l-użu ġenwin tat-trade marks preċedenti.

66      Ma huwiex il-kompitu tal-Qorti Ġenerali li twettaq l-eżami tal-provi msemmija iktar ’il fuq, għall-ewwel darba, fil-kuntest tal-eżami tat-talba għal bidla tad-deċiżjoni kkontestata ppreżentata, essenzjalment, mir-rikorrenti fil-kuntest tat-tieni kap ta’ talbiet tagħha.

67      Huwa għaldaqstant il-kompitu tal-Bord tal-Appell li jagħti deċiżjoni f’dan ir-rigward, għall-finijiet tad-deċiżjoni li huwa għandu jagħti fuq l-appell li huwa adit bih (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Diċembru 2014, CEDC International vs UASI – Underberg (Forma ta’ werqa ħaxixa ġewwa flixkun), T‑235/12, EU:T:2014:1058, punti 101 u 102 u l-ġurisprudenza ċċitata).

68      Peress li l-Qorti Ġenerali ma tistax teżerċita s-setgħa ta’ bidla tagħha tad-deċiżjoni kkontestata, dan it-tieni kap ta’ talbiet għandu jiġi miċħud.

 Fuq l-ispejjeż

69      Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-EUIPO tilef il-parti l-kbira tat-talbiet tiegħu, hemm lok li jiġi ordnat ibati l-ispejjeż f’konformità mat-talbiet tar-rikorrenti.

70      Barra minn hekk, ir-rikorrenti talbet il-kundanna tal-EUIPO għall-ispejjeż sostnuti minnha fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell tal-EUIPO. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 190(2) tar-Regoli tal-Proċedura, l-ispejjeż indispensabbli sostnuti mill-partijiet għall-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell huma kkunsidrati bħala spejjeż li jistgħu jinġabru. Għaldaqstant, l-EUIPO għandu jiġi kkundannat ukoll għall-ispejjeż indispensabbli sostnuti mir-rikorrenti għall-finijiet tal-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-Deċiżjoni tal-Ħames Bord tal-Appell tal-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO) tas7 ta’ Frar 2018 (Każ R 1473/2017–5), dwar proċedimenti ta’ oppożizzjoni bejn Alliance Pharmaceuticals Ltd u AxiCorp GmbH, hija annullata sa fejn il-Bord tal-Appell ċaħad l-appell ippreżentat quddiemu fir-rigward tar-raġunijiet għal oppożizzjoni msemmija fl-Artikolu 8(1)(b) u (5) tar-Regolament 2017/1001.

2)      Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

3)      L-EUIPO huwa kkundannat għall-ispejjeż, inklużi l-ispejjeż indispensabbli sostnuti minn Alliance Pharmaceuticals għall-finijiet tal-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell tal-EUIPO.

Gervasoni

Kowalik-Bańczyk

Mac Eochaidh

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-17 ta’ Ottubru 2019.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.