Language of document :

Appell ippreżentat fit-8 ta’ April 2022 minn Scania AB, Scania CV AB, Scania Deutschland GmbH mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (L-Għaxar Awla, Awla Estiża) fit-2 ta’ Frar 2022 fil-Kawża T-799/17, Scania et vs Il-Kummissjoni

(Kawża C-251/22 P)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliz

Partijiet

Appellanti: Scania AB, Scania CV AB, Scania Deutschland GmbH (rappreżentanti: D. Arts, advocaat, F. Miotto, avocate, N. De Backer, advocate, C.E. Schillemans, advocaat, C. Langenius, S. Falkner, L. Ulrichs, P. Hammarskiöld, advokater)

Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

L-appellanti jitolbu li Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha

tannulla parzjalment jew kompletament, is-sentenza appellata;

tannulla, kompletament jew parzjalment, Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2017) 6467 final tas-27 ta’ Settembru 2017 dwar proċeduri taħt l-Artikolu 101 TFUE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) (Każ AT.39824 - Trakkijiet) u/jew tannulla jew tnaqqas il-multi rilevanti;

jew tirrinvija l-kwistjoni quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tiddeċidiha, u

tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż fl-ewwel istanza u f’dan l-appell.

Aggravji u argumenti prinċipali

Insostenn tal-appell, l-appellanti jinvokaw l-erba’ aggravji li ġejjin :

Fl-ewwel aggravju tagħhom, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi, billi naqset milli tirrikonoxxi li l-Kummissjoni, billi adottat id-Deċiżjoni ta’ riżolviment 1 u wara kompliet l-investigazzjoni tagħha kontra Scania billi bbażat ruħha fuq l-istess tim tal-kawża, kisret l-Artikolu 41(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, kif interpretat fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

Permezz tat-tieni aggravju tagħhom, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi kkaratterizzat l-portata ġeografika tal-aġir fil-livell Ġermaniż bħala li jestendi għaż-ŻEE kollha, filwaqt li kien limitat għall-Ġermanja.

Permezz tat-tielet aggravju, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi, billi kkaratterizzat is-serje ta’ atti fit-tliet livelli differenti bħala ksur wieħed.

Sussidjarjament, permezz tar-raba’ aggravju tagħhom, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi, billi kkonfermat multa fir-rigward ta’ aġir preskritt.

____________

1 Deċiżjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta’ Lulju 2016 li tirrigwarda proċediment skont l-Artikolu 101 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Il-Każ AT.39824 — Trakkijiet).