Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-High Court (L-Irlanda) fl-4 ta’ Jannar 2021 – FS vs Chief Appeals Officer, Social Welfare Appeals Office, Minister for Employment Affairs, Minister for Social Protection

(Kawża C-3/21)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Qorti tar-rinviju

High Court (L-Irlanda)

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: FS

Konvenuti: Chief Appeals Officer, Social Welfare Appeals Office, Minister for Employment Affairs, Minister for Social Protection

Domandi preliminari

Il-kunċett ta’ “talba” fl-Artikolu 81 tar-Regolament 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali 1 , jinkludi r-riċezzjoni b’mod kontinwu ta’ benefiċċju perjodiku mill-ewwel Stat Membru (fejn il-benefiċċju għandu fil-fatt jitħallas mit-tieni Stat Membru) kull darba li jitħallas tali benefiċċju, anki wara l-applikazzjoni oriġinali u d-deċiżjoni oriġinali tal-ewwel Stat Membru li jagħti l-benefiċċju?

Fil-każ li tingħata risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda, fejn talba għal sigurtà soċjali ssir b’mod żbaljat lil Stat Membru ta’ oriġini, meta din kellha fil-fatt issir lit-tieni Stat Membru, l-obbligu tat-tieni Stat Membru skont l-Artikolu 81 tar-Regolament 883/2004 (b’mod partikolari, l-obbligu li talba lill-Istat Membru ta’ oriġini titqies bħala ammissibbli fit-tieni Stat Membru) għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa kompletament indipendenti mill-obbligu tal-applikanti li tagħti informazzjoni korretta dwar il-post tar-residenza tagħha skont l-Artikolu 76(4) tar-Regolament 883/2004, b’tali mod li talba li tkun saret b’mod żbaljat lill-Istat Membru ta’ oriġini għandha tiġi aċċettata bħala ammissibbli mit-tieni Stat Membru għall-finijiet tal-Artikolu 81, minkejja li l-applikanti ma tkunx ipproduċiet informazzjoni korretta dwar il-post tar-residenza tagħha konformement mal-Artikolu 76(4), fit-terminu preskritt mil-liġi tat-tieni Stat Membru għall-preżentazzjoni ta’ talba?

Il-prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni Ewropea ta’ effettività jwassal għall-konsegwenza li l-aċċess għal drittijiet taħt id-dritt tal-Unjoni jsir ineffettiv f’ċirkustanzi bħal dawk f’din il-proċedura (b’mod partikolari, f’ċirkustanzi fejn iċ-ċittadina tal-Unjoni li teżerċita d-drittijiet ta’ moviment liberu tagħha tkun kisret l-obbligu tagħha taħt l-Artikolu 76(4) li tikkomunika lill-awtoritajiet ta’ sigurtà soċjali tal-Istat Membru ta’ oriġini l-bdil fil-pajjiż ta’ residenza tagħha) minħabba rekwiżit tad-dritt nazzjonali tal-Istat Membru li fih jiġi eżerċitat id-dritt ta’ moviment liberu li, sabiex jinkiseb il-benefiċċju tal-effett retroattiv għal talbiet għal allowance tal-familja, ċittadin tal-Unjoni għandu japplika għal tali benefiċċju fit-tieni Stat Membru f’terminu ta’ tnax-il xahar kif preskritt mid-dritt nazzjonali tal-aħħar Stat Membru?

____________

1 ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 72.