Language of document : ECLI:EU:C:2021:802

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

6 ta’ Ottubru 2021 (*)

“Appell – Rikors għal annullament – Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni C(2016) 3549 final – Awtorizzazzjoni għall-użi tal-bis (2‑etileksil) ftalat (DEHP) – Regolament (KE) Nru 1907/2006 – Artikoli 60 u 62 – Regolament (KE) Nru 1367/2006 – Talba għal eżami mill-ġdid intern – Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2016) 8454 final – Ċaħda tat-talba”

Fil-Kawża C‑458/19 P,

li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fl‑14 ta’ Ġunju 2019

ClientEarth, stabbilita f’Londra (ir-Renju Unit), irrappreżentata minn A. Jones, barrister, u J. Stratford, BL,

appellanti

il-partijiet l-oħra fil-proċedura li huma:

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn G. Gattinara, R. Lindenthal u K. Mifsud-Bonnici, bħala aġenti,

konvenuta fl-ewwel istanza,

L-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA), irrappreżentata minn M. Heikkilä, W. Broere u F. Becker, bħala aġenti,

intervenjenti fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn J.‑C. Bonichot (Relatur), President tal-Awla, L. Bay Larsen, C. Toader, M. Safjan u N. Jääskinen, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali ppreżentati fis-seduta tal‑25 ta’ Frar 2021,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tal-appell tagħha, ClientEarth titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal‑4 ta’ April 2019, ClientEarth vs Il‑Kummissjoni, (T‑108/17, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”, EU:T:2019:215), li permezz tagħha l-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors ippreżentat minn ClientEarth intiż għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2016) 8454 final tas‑7 ta’ Diċembru 2016 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”), li tiċħad talba għal eżami mill-ġdid intern imressqa minn ClientEarth (iktar ’il quddiem it-“talba għal eżami mill-ġdid tal‑2016”) kontra d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni C(2016) 3549 final tas‑16 ta’ Ġunju 2016, li tagħti awtorizzazzjoni għall-użi tal-bis(2‑etileksil) ftalat (DEHP) skont ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑18 ta’ Diċembru 2006 dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 793/93 tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1488/94 tal-Kummissjoni kif ukoll id-Direttiva 76/769/KEE tal-Kunsill u d-Direttivi 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE tal-Kummissjoni (ĠU 2006, L 396, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2007, L 136, p. 3, fil-ĠU 2008, L 141, p. 22 u fil-ĠU 2009, L 36, p. 84), kif ġie emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2016/217 tas‑16 ta’ Frar 2016 (ĠU 2016, L 40, p. 5) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament REACH”).

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-Konvenzjoni ta’ Aarhus

2        L-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni Pubblika fit-Teħid ta’ Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali, iffirmata f’Aarhus (id-Danimarka) fil‑25 ta’ Ġunju 1998 u approvata f’isem l-Komunità Ewropea bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/370/KE tas‑17 ta’ Frar 2005 (ĠU 2006, L 164M, p. 17) jistipula:

“Barra minn hekk, u mingħajr preġudizzju għall-proċeduri ta’ stħarriġ imsemmija fil-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-artikolu, kull Parti għandha tiżgura li l-membri tal-pubbliku li jissodisfaw il-kriterji stabbiliti fid-dritt nazzjonali tagħha, jekk ikun hemm, ikollhom aċċess għall-proċeduri amministrattivi u ġudizzjarji biex jikkontestaw atti u ommissjonijiet ta’ individwi privati jew ta’ awtoritajiet pubbliċi li jiksru xi dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali tagħha dwar l-ambjent.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

 Ir-Regolament REACH

3        L-Artikolu 55 tar-Regolament REACH, intitolat “L-iskop ta’ l-awtorizzazzjoni u kunsiderazzjonijiet dwar sostituzzjoni”, jippreċiża:

“L-iskop ta’ dan it-Titolu huwa li jiżgura l-funzjonament korrett tas-suq intern filwaqt li jiżgura li r-riskji mis-sustanzi ta’ tħassib serju ħafna jiġu kontrollati tajjeb u li dawn is-sustanzi eventwalment jiġu sostitwiti progressivament minn sustanzi jew teknoloġiji alternattivi adatti fejn dawn ikunu ekonomikament u teknikament vijabbli. Għal dan l-iskop il-manifatturi, l-importaturi u l-utenti ‘downstream’ kollha li japplikaw għal awtorizzazzjoni għandhom janalizzaw jekk hemmx alternattivi u jikkunsidraw ir-riskji tagħhom u kemm is-sostituzzjoni tista’ tkun ekonomikament vijabbli.”

4        L-Artikolu 56 tar-Regolament REACH, intitolat “Dispożizzjonijiet ġenerali”, jipprevedi:

“1.      Manifattur, importatur jew utent ‘downstream’ m’għandux iqiegħed fis-suq sustanza għall-użu jew jużaha huwa stess jekk dik is-sustanza tkun inkluża fl-Anness XIV, sakemm:

(a)      l-użu jew użi ta’ dik is-sustanza waħidha jew fi preparat jew l-inkorporazzjoni ta’ sustanza f’oġġett li għalih is-sustanza titqiegħed fis-suq jew li għalih huwa juża s-sustanza huwa stess ġew awtorizzati skond l-Artikoli 60 sa 64; […]

[…]”

5        Skont l-Artikolu 57, intitolat “Sustanzi li għandhom jiġu inklużi fl-Anness XIV” ta’ dan ir-regolament:

“Is-sustanzi li ġejjin jistgħu jiġu inklużi fl-Anness XIV skond il-proċedura prevista fl-Artikolu 58:

[…]

(ċ)      sustanzi li jissodisfaw il-kriterji għal klassifikazzjoni fil-klassi ta’ periklu tossiċità riproduttiva kategorija 1A jew 1B, effettiv negattivi fuq il-funzjonament sesswali u l-fertilità jew fuq l-iżvilupp skond it taqsima 3.7 ta’ l-Anness I għar-Regolament (KE) Nru 1272/2008 [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Diċembru 2008 dwar il-klassifikazzjoni, l-ittikkettar u l-imballaġġ tas-sustanzi u t-taħlitiet, li jemenda u jħassar id-Direttivi 67/548/KEE u 1999/45/KE, u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1907/2006 (ĠU 2008, L 353, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2011, L 16, p. 1, fil-ĠU 2016, L 349, p. 1 u fil-ĠU 2019, L 117, p. 8)];

[…]

(f)      sustanzi – bħal dawk li jkollhom proprjetajiet li jfixklu s-sistema endokrina jew dawk li jkollhom proprjetajiet persistenti, bijoakkumulattivi u tossiċi jew proprjetajiet persistenti ħafna u bijoakkumulattivi ħafna, li ma jissodisfawx il-kriterji fil-punti (d) jew (e) – li dwarhom ikun hemm provi xjentifiċi ta’ probabbiltà ta’ effetti serji fuq is-saħħa tal-bniedem jew fuq l-ambjent li jagħtu lok għal livell ta’ tħassib ekwivalenti għal dak relatat ma’ sustanzi oħrajn elenkati fil-punti (a) sa (e) u li jkunu identifikati fuq bażi każ b’każ skond il-proċedura prevista fl-Artikolu 59.”

6        L-Artikolu 58 tar-Regolament REACH, intitolat “L-inklużjoni ta’ sustanzi fl-Anness XIV”, jipprevedi fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Kull meta tittieħed deċiżjoni sabiex jiġu inklużi fl-Anness XIV sustanzi msemmija fl-Artikolu 57, din id-deċiżjoni għandha tittieħed skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 133(4). […]

[…]”

7        L-Artikolu 59 tar-Regolament REACH, intitolat “L-identifikazzjoni ta’ sustanzi msemmija fl-Artikolu 57”, jiddisponi fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Il-proċedura stabbilita fil-paragrafi 2 sa 10 ta’ dan l-Artikolu għandha tapplika għall-iskop ta’ identifikazzjoni ta’ sustanzi li jissodisfaw il-kriterji msemmija fl-Artikolu 57 u t-twaqqif ta’ lista ta’ kandidati għall-inklużjoni eventwali fl-Anness XIV. L-Aġenzija [Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi] għandha tindika f’din il-lista s-sustanzi li jkunu fil-pjan ta’ ħidma tagħha skond l-Artikolu 83(3)(e).”

8        L-Artikolu 60 tar-Regolament REACH, intitolat “L-għoti ta’ awtorizzazzjonijiet”, jistabbilixxi:

“1.      Il-Kummissjoni għandha tkun responsabbli għat-tehid ta’ deċiżjonijiet dwar l-applikazzjonijiet għal awtorizzazzjonijiet skond dan it-Titolu.

2.      Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 3, għandha tingħata awtorizzazzjoni jekk ir-riskju għas-saħħa tal-bniedem jew għall-ambjent mill-użu tas-sustanza li jkun ġej mill-proprjetajiet intrinsiċi speċifikati fl-Anness XIV ikun kontrollat adegwatament skond it-Taqsima 6.4 ta’ l-Anness I u kif dokumentat fir-rapport ta’ sigurtà kimika ta’ l-applikant, filwaqt li tiġi kkunsidrata l-opinjoni tal-Kumitat għall-Istima tar-Riskji imsemmi fl-Artikolu 64(4) (a). Meta tagħti l-awtorizazzjoni, u fi kwalunkwe kondizzjonijiet imposti fiha, il-Kummissjoni għandha tieħu kont ta’ kull tnixxija, emissjoni u telf, inklużi r-riskji minn użu b’diffużjoni jew dispersjoni, li jkun magħruf fiż-żmien tad-deċiżjoni.

[…]

3.      Il-paragrafu 2 m’għandux japplika għal:

(a)      sustanzi li jissodisfaw il-kriterji fl-Artikolu 57(a), (b), (ċ) jew (f) li fir-rigward tagħhom ma jkunx possibbli li jiġi determinat limitu operattiv skond it-Taqsima 6.4 ta’ l-Anness I;

(b)      sustanzi li jissodisfaw il-kriterji fl-Artikolu 57(d) jew (e).

(ċ)      sustanzi identifikati fl-Artikolu 57(f) li jkollhom proprjetajiet bijoakkumulativi u tossiċi persistenti jew proprjetajiet persistenti ħafna u bijoakkumulativi ħafna.

4.      Jekk ma tistax tingħata awtorizzazzjoni skond il-paragrafu 2 jew għal sustanzi elenkati fil-paragrafu 3, tista’ tingħata awtorizzazzjoni biss jekk jintwera li l-benefiċċji soċjo-ekonomiċi jkunu akbar mir-riskju għas-saħħa tal-bniedem jew għall-ambjent mill-użu tas-sustanza, u jekk ma jkunx hemm sustanzi jew teknoloġiji alternattivi adatti. Din id-deċiżjoni għandha tittieħed wara konsiderazzjoni ta’ l-elementi kollha li ġejjin, filwaqt li tiġi kkunsidrata l-opinjoni tal-Kumitat għall-Istima tar-Riskji u tal-Kumitat għall-Analiżi Soċjo-ekonomika […]:

(a)      ir-riskju preżentat mill-użu tas-sustanza, inkluż kemm huma adatti u effettivi l-miżuri għall-immaniġġar tar-riskji proposti;

(b)      il-benefiċċji soċjo-ekonomiċi mill-użu tagħha u l-implikazzjonijiet soċjo-ekonomiċi ta’ rifjut ta’ awtorizzazzjoni, kif muri mill-applikant jew partijiet interessati oħra;

(ċ)      l-analiżi ta’ l-alternattivi preżentati mill-applikant skond l-Artikolu 62(4)(e) jew kwalunkwe pjan għal sostituzzjoni preżentat mill-applikant skond l-Artikolu 62(4)(ea) u kwalunkwe kontribut ta’ terzi mogħtija taħt l-Artikolu 64(2);

(d)      informazzjoni disponibbli dwar ir-riskji għas-saħħa tal-bniedem jew għall-ambjent ta’ kwalunkwe sustanza jew teknoloġija alternattiva.

5.      Fl-eżami jekk ikunux disponibbli sustanzi jew teknoloġiji alternattivi adegwati, l-aspetti kollha relevanti għandhom jiġu kkunsidrati mill-Kummissjoni, inklużi:

(a)      jekk it-trasferiment għal alternattivi jirriżultawx, kollox meqjus, f’riskji anqas għas-saħħa tal-bniedem u għall-ambjent, b’kont meħud ta’ l-adegwatezza u l-effikaċja tal-miżuri ta’ l-immaniġġar tar-riskji;

(b)      l-affidabbiltà teknika u ekonomika ta’ l-alternattivi għall-applikant.

[…]

7.      Għandha tingħata awtorizzazzjoni biss jekk l-applikazzjoni ssir skond ir-rekwiżiti ta’ l-Artikolu 62.

[…]

10.      Minkejja kull kondizzjoni ta’ awtorizzazzjoni, id-detentur għandu jiżgura li l-livell ta’ espożizzjoni jitnaqqas kemm jista’ jkun teknikament u prattikament possibbli.”

9        L-Artikolu 62 tar-Regolament REACH, intitolat “Applikazzjonijiet għal awtorizzazzjonijiet”, huwa hekk redatt:

“[…]

3.      Jistgħu jsiru applikazzjonijiet għal sustanza waħda jew aktar, li jissodisfaw id-definizzjoni ta’ grupp ta’ sustanzi fit-Taqsima 1.5 ta’ l-Anness XI, għal użu wieħed jew aktar. Jistgħu jsiru applikazzjonijiet għall-użu personali ta’ l-applikant(i) u/jew għall-użu li għalih huwa għandu ħsieb li jqiegħed is-sustanza fis-suq.

4.      Applikazzjoni għal awtorizzazzjoni għandha tinkludi l-informazzjoni li ġejja:

[…]

(ċ)      talba għal awtorizzazzjoni, li tispeċifika għal liema użu qed tintalab l-awtorizzazzjoni u li tkopri l-użu tas-sustanza fi preparati u/jew l-inkorporazzjoni tas-sustanza f’oġġetti, fejn dan ikun relevanti;

(d)      jekk mhux diġà preżentati bħala parti mir-reġistrazzjoni, rapport dwar is-sigurtà tas-sustanza kimika skond l-Anness I li jkopri r-riskji għas-saħħa tal-bniedem u/jew għall-ambjent mill-użu tas-sustanza jew sustanzi mill-proprjetajiet intrinsiċi speċifikati fl-Anness XIV;

(e)      analiżi ta’ l-alternattivi li tikkonsidra r-riskji tagħhom u l-fattibbiltà teknika u ekonomika tas-sostituzzjoni u li tinkludi, jekk applikabbli, informazzjoni dwar riċerka relevanti u dwar attività ta’ żvilupp mill-applikant;

(f)      fejn l-analiżi msemmija fil-punt (e) turi li hemm alternattivi xierqa, skond l-elementi msemmija fl-Artikolu 60(5), pjan ta’ sostituzzjoni li jinkludi skeda kronoloġika għall-azzjonijiet proposti mill-applikant.

5.      L-applikazzjoni tista’ tinkludi:

(a)      analiżi soċjo-ekonomika li tkun saret skond l-Anness XVI;

[…]”

 Ir-Regolament (CE) Nru 1367/2006

10      L-Artikolu 10, intitolat “Talba għal reviżjoni interna ta’ l-atti amministrattivi”, tar-Regolament (KE) Nru 1367/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑6 ta’ Settembru 2006 dwar l-applikazzjoni għall-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità tad-disposizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni tal-Pubbliku fit-Teħid ta’ Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali (ĠU 2006, L 264, p. 13), jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu, id-dispożizzjonijiet li ġejjin:

“Kwalunkwe organizzazzjoni mhux governattiva li tissodisfa l-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 11 għandha d-dritt li tagħmel talba għal reviżjoni interna lill-istituzzjoni jew korp tal-Komunità li adottaw att amministrattiv taħt xi liġi ambjentali jew, f’każ ta’ allegazzjoni ta’ ommissjoni amministrattiva, li kellhom jadottaw tali att.

[…]”

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

11      Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 143/2011 tas‑17 ta’ Frar 2011 li jemenda l-Anness XIV għar-Regolament Nru 1907/2006 (ĠU 2011, L 44, p. 2, rettifika fil-ĠU 2011, L 49, p. 52), inkluda f’dan l-anness id-DEHP, kompost organiku essenzjalment użat sabiex irattab il-plastik abbażi ta’ poliklorur tal-vinil (PVC), minħabba proprjetajiet tossiċi ta’ din is-sustanza għar-riproduzzjoni, fis-sens tal-Artikolu 57(ċ) tar-Regolament REACH.

12      Fit‑13 ta’ Awwissu 2013, tliet kumpanniji ta’ riċiklaġġ ta’ skart (iktar ’il quddiem l-“applikanti għall-awtorizzazzjoni”) ippreżentaw applikazzjoni konġunta għall-awtorizzazzjoni skont l-Artikolu 62 tar-Regolament REACH, ikkunsidrat flimkien mal-Artikolu 60(2), ta’ dan ir-regolament (iktar ’il quddiem l-“applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni”), bil-ħsieb li jitqiegħed fis-suq id-DEHP għall-“użi” li ġejjin:

–        “il-formulazzjoni ta’ poliklorur tal-vinil (PVC) artab irriċiklat li fih id-DEHP f’komposti u f’taħlitiet niexfa;

–        użu industrijali tal-PVC artab irriċiklat li fih id-DEHP fl-ipproċessar tal-polimeri bil-kalandratura, bl-estrużjoni, bil-kompressjoni u ffurmar bl-injezzjoni għall-produzzjoni ta’ oġġetti tal-PVC”.

13      Fl-analiżi tal-alternattivi annessa mal-applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni, l-applikanti għall-awtorizzazzjoni indikaw dan li ġej:

“Id-DEHP huwa plastifikant li ilu jintuża għal għexieren ta’ snin sabiex il-PVC jitrattab għall-manifattura tal-PVC plastifikat jew artab. […]

Id-DEHP għandu għalhekk jiżdied mal-PVC qabel ma l-plastik jiġi pproċessat f’oġġetti tal-plastik u qabel ma dawn l-oġġetti tal-plastik isiru skart, jiġifieri prodott potenzjalment ta’ valur għall-[applikanti għall-awtorizzazzjoni]. Fis-sens strett tal-kelma, id-DEHP għaldaqstant ma għandu l-ebda rwol funzjonali speċifiku għall-[applikanti għall-awtorizzazzjoni]; dan huwa biss preżenti bħala impurità (fil-biċċa l-kbira mhux mixtieqa) fl-iskart miġbur, magħżul u pproċessat u li sussegwentement jitqiegħed fis-suq fil-forma ta’ ‘materjal irriċiklat’. Madankollu, il-preżenza limitata ta’ DEHP (jew ta’ plastifikanti oħra) fil-prodott irriċiklat tista’ teoretikament toffri xi benefiċċji għall-utenti downstream (dawk li jipproċessaw il-PVC):

–        dan jista’ jiffaċilita l-ipproċessar tal-materja prima għar-riċiklaġġ f’oġġetti tal-PVC ġodda; u

–        dan jista’ jippermetti lil dawk li jipproċessaw il-PVC li jnaqqsu l-kwantità ta’ DEHP pur (jew ‘verġni’) (jew plastifikanti oħra) li għandu jiżdied mal-komposti tagħhom sabiex jiġu prodotti oġġetti ġodda tal-PVC artab”.

14      Fl‑10 ta’ Ottubru 2014, il-Kumitat għall-Istima tar-Riskji u l-Kumitat għall-Analiżi Soċjoekonomika (iktar ’il quddiem il-“KASE”) tal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA) taw l-opinjoni tagħhom dwar l-applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni.

15      Skont il-Kumitat għall-Istima tar-Riskji, l-applikanti għall-awtorizzazzjoni ma kinux urew li r-riskji għas-saħħa tal-ħaddiema li jirriżultaw miż-żewġ “użi” mitluba kienu kkontrollati adegwatament fis-sens tal-Artikolu 60(2) tar-Regolament REACH.

16      Il-KASE qies li, minkejja l-eżistenza ta’ ċerti nuqqasijiet fl-analiżi ppreżentata mill-applikanti għall-awtorizzazzjoni sabiex juru l-benefiċċji soċjoekonomiċi li jirriżultaw mill-użi li għalihom kienet ġiet ippreżentata l-applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni, l-awtorizzazzjoni setgħet tingħata abbażi ta’ “analiżi kwalitattiva” li tinkludi l-inċertezzi rilevanti.

17      Fit‑12 ta’ Diċembru 2014, l-ECHA aġġornat u kkompletat l-entrata eżistenti dwar id-DEHP fil-“lista ta’ kandidati għall-inklużjoni eventwali fl-Anness XIV” imsemmija fl-Artikolu 59(1) tar-Regolament REACH (iktar ’il quddiem il-“lista tas-sustanzi kandidati”) fejn identifikatu bħala sustanza bi proprjetajiet li jfixklu s-sistema endokrina, li fir-rigward tagħha kien xjentifikament ipprovat li seta’ jkollha effetti serji fuq l-ambjent li jagħtu lok għal livell ta’ tħassib ekwivalenti għal dak ikkawżat bl-użu ta’ sustanzi oħra elenkati fl-Artikolu 57(a) sa (e) tar-Regolament REACH, fis-sens tal-Artikolu 57(f) ta’ dan l-istess regolament.

18      Fis‑16 ta’ Ġunju 2016, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni C(2016) 3549 final li tagħti awtorizzazzjoni għall-użi tad-DEHP konformement mar-Regolament REACH (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni”).

19      Fl-Artikolu 1 ta’ dik id-deċiżjoni, il-Kummissjoni tat awtorizzazzjoni għall-“użi” li ġejjin:

“–      il-formulazzjoni ta’ poliklorur tal-vinil (PVC) artab irriċiklat li fih id-DEHP f’komposti u f’taħlitiet niexfa;

–      użu industrijali tal-PVC artab irriċiklat li fih id-DEHP fit-trattament ta’ polimeri bil-kalandvol, estrużjoni, kompressjoni u forom permezz ta’ injezzjoni għall-produzzjoni ta’ oġġetti tal-PVC […]”.

20      Skont l-istess dispożizzjoni, l-imsemmija awtorizzazzjoni ngħatat bis-saħħa tal-Artikolu 60(4) tar-Regolament REACH.

21      Permezz tat-talba tagħha għal eżami mill-ġdid tal‑2016, ClientEarth, organu mingħajr skop ta’ lukru li għandha bħala għan il-protezzjoni tal-ambjent, talbet lill-Kummissjoni l-eżami mill-ġdid intern tad-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni abbażi tal-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 1367/2006.

22      Permezz tad-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni ċaħdet din it-talba bħala infondata.

 Ir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

23      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis‑17 ta’ Frar 2017, ClientEarth talbet l-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża u tad-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni.

24      Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Ħames Awla tal-Qorti Ġenerali tad‑29 ta’ Ġunju 2017, intlaqgħet it-talba għal intervent tal-ECHA.

25      Fil-punt 31 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali qieset li r-rikors kien manifestament inammissibbli sa fejn l-appellanti talbet l-annullament tad-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni.

26      Fir-rigward tat-talba għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża, il-Qorti Ġenerali, fil-punt 92 tas-sentenza appellata, ċaħdet ukoll bħala inammissibbli u, fi kwalunkwe każ, bħala infondata, l-ewwel parti tal-ewwel motiv, ibbażat fuq żbalji ta’ liġi u ta’ evalwazzjoni fl-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “użu”, imsemmi fl-Artikolu 56(1)(a) u fl-Artikolu 62(4)(ċ) tar-Regolament REACH.

27      Fil-punt 151 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet bħala infondata t-tieni parti tal-ewwel motiv, ibbażat fuq l-eżistenza ta’ żbalji ta’ liġi u ta’ evalwazzjoni b’rabta ma’ nuqqasijiet fir-rapport dwar is-sigurtà kimika.

28      Hija qieset, fil-punt 167 tas-sentenza appellata, li l-argumenti msemmija insostenn tat-tielet parti tal-ewwel motiv, ibbażati fuq l-eżistenza ta’ żbalji ta’ liġi u ta’ żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni f’dak li jirrigwarda l-evalwazzjoni tal-alternattivi xierqa, kellhom jiġu eżaminati fil-kuntest tat-tielet motiv.

29      Fil-punt 178 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet bħala infondata r-raba’ parti tal-ewwel motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 60(7) u tal-Artikolu 64(3) tar-Regolament REACH u ċaħdet l-ewwel motiv kollu kemm huwa.

30      Fir-rigward tat-tieni motiv, ibbażat fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni li jivvizzjaw l-evalwazzjoni soċjoekonomika prevista fl-Artikolu 60(4) tar-Regolament REACH, il-Qorti Ġenerali, fil-punt 189 tas-sentenza appellata, ċaħdet bħala infondata l-ewwel parti ta’ dan il-motiv, ibbażata fuq żbalji ta’ liġi u żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni li jivvizzjaw il-kuntest ta’ riferiment ta’ din l-analiżi, u, fil-punt 204 tas-sentenza appellata, ċaħdet bħala inammissibbli u, fi kwalunkwe każ, bħala infondata, it-tieni parti ta’ dan il-motiv, ibbażata fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni li jivvizzjaw l-evalwazzjoni tal-bilanċ bejn ir-riskji u l-vantaġġi.

31      Fil-punt 224 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ukoll bħala infondata t-tielet parti ta’ dan l-istess motiv, ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni, minħabba l-assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni ta’ ċerta informazzjoni fil-kuntest ta’ din l-evalwazzjoni.

32      Sussegwentement, hija ċaħdet it-tieni motiv kollu kemm huwa.

33      Fil-punt 271 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet bħala infondat it-tielet motiv, ibbażat fuq żbalji ta’ liġi u żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni fl-analiżi tal-alternattivi.

34      Fil-punt 307 tas-sentenza appellata, hija ċaħdet ir-raba’ motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ prekawzjoni, kif previst fl-Artikolu 191(2) TFUE.

35      Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors kollu kemm huwa.

 It-talbiet tal-partijiet fl-appell

36      L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja:

–        tannulla s-sentenza appellata;

–        tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali jew,

–        sussidjarjament, tiddikjara r-rikors għal annullament ammissibbli u fondat u konsegwentement tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż, inklużi l-ispejjeż sostnuti mill-intervenjenti, fl-ewwel istanza u fil-kuntest tal-appell.

37      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tiċħad l-appell bħala infondat;

–        tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż.

38      L-ECHA titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tiċħad l-appell bħala infondat;

–        tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż.

 Fuq l-appell

39      Insostenn tal-appell tagħha, l-appellanti tinvoka seba’ aggravji.

 Fuq l-ewwel aggravju

 L-argumenti tal-partijiet

40      Permezz tal-ewwel aggravju tagħha, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali ċaħdet b’mod żbaljat, bħala inammissibbli, ċerti partijiet tar-rikors għal annullament tagħha.

41      Hija ssostni, fl-ewwel lok, li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta qieset, fil-punti 53 u 54 tas-sentenza appellata, li r-rikors seta’ jirrigwarda biss il-legalità tad-deċiżjoni kontenzjuża u mhux in-natura suffiċjenti tal-applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni. Fil-fehma tagħha, din l-analiżi ma tosservax l-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus u lanqas id-dritt għal rimedju effettiv.

42      Hija żżid li l-Qorti Ġenerali ssuġġettat b’mod żbaljat, fil-punt 54 tas-sentenza appellata, l-ammissibbiltà tal-argumenti tagħha dwar id-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni sabiex l-iżbalji allegati jinsabu espressament fid-deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar it-talba għal eżami mill-ġdid intern.

43      Hija ssostni, fit-tieni lok, li l-Qorti Ġenerali wettqet żball meta kkunsidrat, fil-punti 55 u 56 tas-sentenza appellata, li mhux biss il-motivi, iżda wkoll l-argumenti mqajma quddiemha fil-kuntest ta’ rikors intiż għall-annullament ta’ deċiżjoni li tiċħad it-talba għal eżami mill-ġdid tal‑2016, huma ammissibbli biss sa fejn dawn diġà ġew ippreżentati f’din it-talba għal eżami mill-ġdid.

44      Fir-replika tagħha, hija ssostni li l-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat, fis-sentenza tat‑12 ta’ Settembru 2019, TestBioTech et vs Il‑Kummissjoni (C‑82/17 P, EU:C:2019:719), li rikors għal annullament kontra deċiżjoni ta’ ċaħda ta’ talba għal eżami mill-ġdid intern ma jistax ċertament ikun ibbażat fuq motivi jew provi ġodda, li ma ġewx invokati fit-talba għal eżami mill-ġdid intern, iżda li l-persuna li titlob tali eżami mill-ġdid ma hijiex obbligata li tirriproduċi eżattament l-istess argumenti fil-kuntest tar-rikors tagħha quddiem il-qrati tal-Unjoni.

45      Fit-tielet lok, l-appellanti żżid li, fi kwalunkwe każ, uħud mill-argumenti li l-Qorti Ġenerali ċaħdet bħala inammissibbli, fil-punti 61, 62, 74, 75, 85 sa 87, 195 sa 200, u 234 sa 236 tas-sentenza appellata, kienu msemmija fit-talba tagħha għal eżami mill-ġdid tal‑2016 jew kienu jikkostitwixxu biss żviluppi.

46      Il-Kummissjoni tqis li l-ewwel aggravju ma jistax jintlaqa’.

47      L-ECHA ssostni l-argumenti tal-Kummissjoni.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

48      Fir-rigward tal-argument tal-appellanti dwar l-iżball ta’ liġi mwettaq mill-Qorti Ġenerali sa fejn din ikkonstatat l-inammissibbiltà tar-rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni, għandu jiġi rrilevat li, kif indikat il-Kummissjoni, l-appellanti ma kkontestatx il-punt 26 tas-sentenza appellata li fih il-Qorti Ġenerali kkonstatat li hija ma kinitx qiegħda titlob l-annullament tad-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni peress li hija kienet tqis li ma tissodisfax il-kundizzjonijiet meħtieġa mill-Artikolu 263 TFUE.

49      F’dak li jirrigwarda l-argument tal-appellanti dwar l-iżball ta’ liġi li allegatament twettaq mill-Qorti Ġenerali, sa fejn ikkonstatat l-inammissibbiltà tal-argumenti intiżi sabiex juru żbalji eventwali mwettqa mill-applikanti għall-awtorizzazzjoni, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li l-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta kkunsidrat, fil-punt 53 tas-sentenza appellata, li, fil-kuntest ta’ dan ir-rikors, li jirrigwardaw id-deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar it-talba għal eżami mill-ġdid intern, huma biss ammissibbli l-motivi intiżi sabiex juru żbalji ta’ liġi jew ta’ evalwazzjoni li jivvizzjaw b’illegalità din id-deċiżjoni u mhux dawk li jirrigwardaw l-applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni.

50      Għall-kuntrarju, bil-kontra ta’ dak li ssostni l-appellanti, mill-punt 54 tas-sentenza appellata jirriżulta mhux biss li huma l-elementi rriprodotti “espressament” fid-deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar it-talba għal eżami mill-ġdid intern li jistgħu jiġu kkontestati quddiem il-Qorti Ġenerali iżda li huma biss l-iżbalji li jivvizzjaw din id-deċiżjoni li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ tali rikors, kif jirriżulta wkoll mill-punti 234 u 235 tas-sentenza appellata.

51      F’dak li jirrigwarda l-argument ibbażat fuq żball ta’ liġi mwettaq mill-Qorti Ġenerali sa fejn din ikkunsidrat, fil-punti 55 u 56 tas-sentenza appellata, li l-motivi, iżda wkoll l-argumenti mqajma quddiemha fil-kuntest ta’ rikors intiż għall-annullament ta’ deċiżjoni bħad-deċiżjoni kontenzjuża, huma ammissibbli biss jekk ikunu diġà ġew ippreżentati fit-talba għal eżami mill-ġdid tal‑2016, għandu jiġi kkonstatat il-karattru ineffettiv tiegħu peress li l-Qorti Ġenerali, fi kwalunkwe każ, ikkonstatat ukoll, sussidjarjament, in-natura infondata tal-argumenti tal-appellanti msemmija fl-ewwel motiv tagħha, mingħajr din l-evalwazzjoni fuq il-mertu ma ġiet ikkontesta f’dan l-appell.

52      Fil-fatt, l-argument tal-appellanti li jgħid li hija biss l-introduzzjoni attiva jew l-użu attiv ta’ sustanza “fi proċess industrijali” li jikkostitwixxu “użu” fis-sens tal-Artikolu 56(1)(a) tar-Regolament REACH, li ġie miċħud bħala inammissibbli fil-punt 62 tas-sentenza appellata, ġie miċħud fil-mertu, sussidjarjament, fil-punti 63 sa 68 u 72 tas-sentenza appellata.

53      Dan huwa wkoll il-każ tal-argument tal-appellanti li jgħid li l-Kummissjoni fir-realtà awtorizzat “proċess fl-intier tiegħu”, jiġifieri r-“riċiklaġġ ta’ materjali li fihom sustanza ta’ tħassib serju ħafna”, u tat awtorizzazzjoni għal “trattament ta’ skart tal-plastik”, bi ksur tal-leġiżlazzjoni Ewropea dwar l-iskart, kif ukoll tal-argument dwar l-istatus ta’ “tmiem tal-kwalità ta’ skart”, miċħuda mill-Qorti Ġenerali bħala inammissibbli, rispettivament, fil-punti 75 u 87 tas-sentenza appellata, u, fi kwalunkwe każ, bħala infondati, rispettivament, fil-punti 76, 86, 88 u 89 tas-sentenza appellata.

54      Bl-istess mod, l-argument tal-appellanti dwar l-evalwazzjoni tal-ibbilanċjar bejn ir-riskji u l-vantaġġi, miċħud bħala inammissibbli fil-punt 200 tas-sentenza appellata, tqies bħala infondat, fi kwalunkwe każ, fil-punt 204 ta’ din is-sentenza u dak relatat mal-analiżi, imsejħa insuffiċjenti, tal-alternattivi proposti fl-applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni, minħabba li hija ma ppreċiżatx il-funzjoni tad-DEHP, miċħud bħala inammissibbli fil-punt 234 tas-sentenza appellata, peress li kien ikkunsidrat, fi kwalunkwe każ, bħala infondat, fil-punt 236 ta’ din is-sentenza.

55      Peress li l-argumenti kollha invokati insostenn tal-ewwel aggravju huma infondati jew ineffettivi, konsegwentement dawn għandhom jiġu miċħuda.

 Fuq it-tieni aggravju

 L-argumenti tal-partijiet

56      Permezz tat-tieni aggravju tagħha, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali imponiet oneru tal-prova għoli wisq għall-organizzazzjonijiet mhux governattivi. Huma jirreferu, f’dan ir-rigward, għall-punti 57, 112 sa 113, 148 sa 150 u 248 sa 251 tas-sentenza appellata.

57      Hija tirreferi, b’mod partikolari, għas-sentenza tal‑14 ta’ Novembru 2013, ICdA et vs Il‑Kummissjoni (T‑456/11, EU:T:2013:594, punt 61), li fiha l-Qorti Ġenerali imponiet livell ta’ prova inqas għoli fuq atturi ekonomiċi oħra.

58      Il-Kummissjoni ssostni li l-appellanti fir-realtà sempliċement tirrepeti l-argumenti invokati fl-ewwel istanza u li t-tieni aggravju huwa, fi kwalunkwe każ, infondat.

59      L-ECHA issostni l-argumenti tal-Kummissjoni.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

60      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, sabiex jiġu ppreċiżati r-raġunijiet ta’ eżami mill-ġdid bil-mod meħtieġ, persuna li titlob ir-reviżjoni interna ta’ att amministrattiv taħt id-dritt tal-ambjent hija obbligata tindika l-punti ta’ fatt jew l-argumenti ta’ liġi sostantivi li jistgħu jkunu l-bażi ta’ dubji plawżibbli, jiġifieri sostanzjali, fir-rigward tal-evalwazzjoni magħmula mill-istituzzjoni jew mill-korp tal-Unjoni fl-att inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Settembru 2019, TestBioTech et vs Il‑Kummissjoni, C‑82/17 P, EU:C:2019:719, punt 69).

61      Issa, fir-rigward tal-lakuni allegati mill-appellanti fl-evalwazzjoni tar-riskji pprovduta mill-applikanti għall-awtorizzazzjoni, il-Qorti Ġenerali ma ddeċidietx, fil-punti 112 u 113 tas-sentenza appellata, fuq il-livell ta’ prova rikjest mill-appellanti, iżda kkonstatat, fil-punt 114 tas-sentenza appellata, in-natura ineffettiva tal-argumenti invokati f’dan ir-rigward mill-appellanti.

62      Barra minn hekk, fil-punti 148 u 149 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali sempliċement irrilevat in-natura insuffiċjenti tal-argumenti invokati mill-appellanti, billi kkunsidrat li din ma setgħetx tinvoka b’mod iżolat l-insuffiċjenzi tar-rapport dwar is-sigurtà, mingħajr ma kkontestat b’mod issostanzjat l-evalwazzjoni tal-KASE li tindika li l-awtorizzazzjoni setgħet tingħata f’dan il-każ.

63      Billi għamlet din l-evalwazzjoni, il-Qorti Ġenerali għalhekk limitat ruħha li tislet il-konsegwenzi tal-prinċipju mfakkar fil-punt 60 ta’ din is-sentenza.

64      Fir-rigward tal-analiżi tal-alternattivi, għandu jiġi rrilevat li, fil-punti 248 sa 250 tas-sentenza appellata msemmija fl-appell, il-Qorti Ġenerali qieset li l-appellanti ma kienet ipproduċiet ebda element li jikkontesta l-evalwazzjonijiet tal-fatti kkunsidrati mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kontenzjuża fir-rigward tan-nuqqas ta’ disponibbiltà tal-alternattivi. Din il-konklużjoni kienet ibbażata fuq il-konstatazzjoni li, minn naħa, l-appellanti ma kinitx spjegat fuq liema bażi l-Kummissjoni kien irnexxielha tasal għal riżultat differenti minn dak li jinsab fl-opinjoni tal-KASE dwar dan is-suġġett u li, min-naħa l-oħra, hija lanqas ma kienet ikkontestat, b’mod speċifiku, fit-talba tagħha għal eżami mill-ġdid tal‑2016, il-konklużjoni globali misluta mill-Kummissjoni dwar in-nuqqas ta’ disponibbiltà ta’ alternattivi.

65      Kuntrarjament għal dak li ssostni l-appellanti, mill-imsemmija punti għalhekk ma jirriżultax li l-Qorti Ġenerali kienet eżiġiet li hija tipprovdi analiżi kompleta tal-alternattivi minflok l-applikanti għall-awtorizzazzjoni iżda sempliċement ikkonstatat li din ma kinitx indikat punti ta’ fatt jew l-argumenti ta’ liġi sostanzjali li jistgħu jkunu l-bażi ta’ dubji plawżibbli fir-rigward tal-evalwazzjoni magħmula mill-Kummissjoni.

66      Minn dak li ntqal jirriżulta li mill-punti tas-sentenza appellata msemmija fit-tieni aggravju b’ebda mod ma jirriżulta li l-Qorti Ġenerali imponiet oneru tal-prova għoli wisq fuq l-appellanti u l-argument tagħha li jgħid li livell ta’ prova inqas għoli kien ġie impost fuq atturi ekonomiċi oħra, f’kawża separata minn din il-kawża ma jistax għaldaqstant, fi kwalunkwe każ, jintlaqa’.

67      Minn dan jirriżulta li t-tieni aggravju ma huwiex fondat u għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tielet aggravju

 L-argumenti tal-partijiet

68      Permezz tat-tielet aggravju tagħha, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali kisret ir-Regolament REACH, u b’mod partikolari l-Artikolu 55 tiegħu, billi qieset, fil-punti 71, 72, 79, 91, 162, 238 u 242 sa 244 tas-sentenza appellata, li t-tnaqqis tal-produzzjoni ta’ DEHP verġni, li jippermetti l-użu ta’ DEHP irriċiklat, seta’ jikkostitwixxi użu konformi mar-Regolament REACH u l-bażi ta’ analiżi rilevanti tal-alternattivi.

69      Fl-ewwel lok, hija tafferma li r-raġunament tal-Qorti Ġenerali huwa bbażat fuq premessa żbaljata, peress li l-iskema ta’ awtorizzazzjoni prevista mir-Regolament REACH ma tikkonċernax il-produzzjoni ta’ dawn is-sustanzi fl-Unjoni, iżda l-użu tagħhom jew it-tqegħid tagħhom fis-suq għall-finijiet ta’ użu, kif jirriżulta mill-Artikolu 56 ta’ dan ir-regolament. L-oġġetti li fihom id-DEHP huwa diġà inkorporat jistgħu, barra minn hekk, jiġu legalment importati fl-Unjoni.

70      Hija ssostni, fit-tieni lok, li, b’dan il-mod, il-Qorti Ġenerali wettqet żball meta qieset, fil-punt 91 tas-sentenza appellata, li taħlitiet oħra, mingħajr DEHP, setgħu jkunu alternattivi rilevanti, mingħajr ma ħadet inkunsiderazzjoni l-funzjoni reali tad-DEHP li hija li tippermetti l-flessibbiltà tal-materjal. Bl-istess mod, il-Qorti Ġenerali, b’mod żbaljat, ikkunsidrat bħala suffiċjenti, fil-punt 247 tas-sentenza appellata, l-unika referenza għal sorsi oħra tal-PVC (verġni) li fihom plastifikanti oħra, mingħajr ma dawn jissemmew jew li l-proprjetajiet ta’ flessibbiltà tal-materjal jissemmew.

71      Hija żżid li, għalkemm l-Artikolu 55 tar-Regolament REACH jipprevedi sostituzzjoni “gradwali” tas-sustanzi, dan għandu, madankollu, iseħħ malli l-alternattivi jkunu disponibbli, kuntrarjament għal dak li jirriżulta mill-punti 243 u 244 tas-sentenza appellata. Billi kkunsidrat li plastifikanti jew materjali flessibbli oħra ma humiex rilevanti għal din l-evalwazzjoni, il-Qorti Ġenerali tipprekludi tali sostituzzjoni. Hija żżid li kien magħruf pubblikament li plastifikanti oħra, iktar siguri, kienu disponibbli għall-manifattura ta’ prodott tal-plastik flessibbli.

72      Fir-replika tagħha, l-appellanti ssostni li hija ma fixklitx il-kunċetti ta’ “użu” u ta’ “funzjoni” tas-sustanza, iżda li, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, hija l-funzjoni tas-sustanza li tikkostitwixxi l-kriterju rilevanti fl-analiżi tal-alternattivi. Għalhekk, jekk sustanza tiżgura funzjoni f’taħlita, l-analiżi tal-alternattivi jkollha neċessarjament tkun ibbażata fuqha.

73      Barra minn hekk, il-Kummissjoni twettaq żball meta tindika li l-analiżi tal-alternattivi għandha ssir mill-perspettiva tal-applikanti għall-awtorizzazzjoni.

74      Il-Kummissjoni ssostni li dan l-aggravju ma jistax jintlaqa’.

75      L-ECHA ssostni l-argumenti tal-Kummissjoni.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

76      Għandu jiġi rrilevat li, fost il-punti differenti tas-sentenza appellata msemmija mill-appellanti fit-tielet aggravju tagħha, huma biss il-punti 238 u 242 sa 244 ta’ din is-sentenza li jagħmlu parti mill-motivazzjoni tagħha dwar il-ksur tal-Artikolu 55 tar-Regolament REACH u tal-Artikolu 60(4) u (5) ta’ dan ir-regolament, f’dak li jirrigwarda l-analiżi tal-alternattivi.

77      Għandu wkoll jiġi kkonstatat li, għalkemm l-analiżi mill-Qorti Ġenerali tal-konformità tal-alternattivi meħuda inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni taqa’ taħt l-evalwazzjoni tal-fatti, it-tielet aggravju jqajjem, madankollu, ukoll punt ta’ liġi sa fejn jirrigwarda l-kundizzjonijiet li fihom il-Kummissjoni għandha tevalwa l-alternattivi.

78      Għandu jitfakkar, f’dan ir-rigward, li, kif jirriżulta mill-kliem tal-Artikolu 60(2) u (4) tar-Regolament REACH, l-iskemi ta’ awtorizzazzjoni previsti minn dawn id-dispożizzjonijiet jirrigwardaw it-tqegħid fis-suq għal użu jew l-użu tas-sustanza li hija s-suġġett tal-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni.

79      Barra minn hekk, il-punt 24 tal-Artikolu 3 tar-Regolament REACH jiddefinixxi l-kunċett ta’ “użu” b’mod wiesa’ bħala “kwalunkwe proċessar, formulazzjoni, konsum, ħażna, żamma, trattament, […] taħlit, produzzjoni ta’ oġġett jew kwalunkwe utilizzazzjoni oħra” u l-Artikolu 56(1)(a) ta’ dan ir-regolament jimponi awtorizzazzjoni mhux biss għall-użu ta’ sustanza tali, iżda wkoll meta din tkun tinsab f’taħlita.

80      Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta qieset, fil-punt 238 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni kienet legalment ikkunsidrat li l-awtorizzazzjoni mogħtija f’dan il-każ kienet tikkonċerna l-użu tad-DEHP, kif jinsab “f’taħlita”.

81      Minn dan jirriżulta wkoll li l-Qorti Ġenerali qieset ġustament, fil-punt 239 tas-sentenza appellata, li l-evalwazzjoni tal-alternattivi setgħet, għalhekk, titwettaq fir-rigward ta’ din it-“taħlita” iktar milli fir-rigward tas-sustanza li tinsab fiha.

82      Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk il-Qorti Ġenerali, madankollu, wettqitx żball ta’ liġi meta qieset, b’mod partikolari, fil-punt 238 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni kienet legalment ikkunsidrat li waħda mill-“funzjonijiet” tad-DEHP, meħuda inkunsiderazzjoni sabiex jiġu eżaminati l-alternattivi, kienet “li jitnaqqas l-ammont ta’ plastifikanti li għandu jiġi miżjud għall-produzzjoni ta’ oġġetti tal-PVC artab abbażi tal-materjal tal-PVC artab irriċiklat”, huwa importanti li jiġi kkonstatat li ma jirriżultax mill-punti tas-sentenza appellata msemmija mill-appellanti fit-tielet aggravju tagħha li l-Qorti Ġenerali kellha tinvalida l-analiżi tal-alternattivi previsti fl-Artikolu 60(4) tar-Regolament REACH, għar-raġuni li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-flessibbiltà tal-materjal u lanqas biss semmiet dan, peress li jidher, għall-kuntrarju, kemm mill-punt 238 tas-sentenza appellata kif ukoll mill-punt 242 ta’ dik is-sentenza, li l-Kummissjoni qieset ukoll il-funzjoni tal-plastifikant tad-DEHP.

83      Barra minn hekk, għandu jingħad ukoll li, sa fejn hija ssostni li kien “magħruf pubblikament” li plastifikanti oħra, iktar siguri, kienu disponibbli għall-manifattura ta’ prodott bi plastik flessibbli, l-appellanti tikkontesta l-evalwazzjoni tal-fatti magħmula mill-Qorti Ġenerali. Tali evalwazzjoni ma tistax tiġi eżaminata fil-kuntest ta’ dan l-appell, bla ħsara għal żnaturament tal-fatti, li ma ġiex allegat mill-appellanti.

84      Barra minn hekk, mill-punt 244 tas-sentenza appellata ma jirriżultax li l-Qorti Ġenerali qieset li l-Artikolu 55 tar-Regolament REACH ma kienx jimponi l-użu tal-alternattivi meta dawn ikunu disponibbli. Fil-fatt, fl-imsemmi punt 244, il-Qorti Ġenerali sempliċement fakkret li, kif jirriżulta mill-kliem stess ta’ dan l-Artikolu 55, l-għan imfittex huwa dak li “progressivament” is-sustanzi ta’ tħassib serju ħafna jiġu ssostitwiti b’sustanzi jew b’teknoloġiji alternattivi adatti “fejn dawn ikunu ekonomikament u teknikament vijabbli”.

85      Minn dan isegwi li peress li l-argumenti differenti invokati mill-appellanti insostenn tat-tielet aggravju tagħha huma infondati, dan għandu jiġi miċħud.

 Fuq ir-raba’ aggravju

 L-argumenti tal-partijiet

86      Permezz tar-raba’ aggravju tagħha, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta qieset, fil-punti 104 sa 111 tas-sentenza appellata, li l-evalwazzjoni tal-konformità tal-applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni, prevista fl-Artikolu 60(7) tar-Regolament REACH, hija purament formali u ma teżiġix li l-Kummissjoni tivverifika jekk l-informazzjoni pprovduta mill-applikant tissodisfax fil-mertu r-rekwiżiti tal-Artikolu 62 ta’ dan ir-regolament u tal-Anness I tiegħu.

87      L-appellanti ssostni li hija ma tikkontestax l-interpretazzjoni tal-Artikolu 60(7) tar-Regolament REACH adottata mill-Qorti Ġenerali, fil-punti 104 u 106 tas-sentenza appellata, sa fejn il-Qorti Ġenerali tqis li hija l-Kummissjoni li għandha tivverifika jekk applikazzjoni hijiex konformi mar-rekwiżiti tal-Artikolu 62 ta’ dan ir-regolament minn perspettiva “formali”, mingħajr ma għandha tiddetermina jekk ir-rapport dwar is-sigurtà kimika “jislitx il-konklużjonijiet it-tajba” f’dak li jirrigwarda b’mod partikolari l-proprjetajiet ta’ sustanza kimika.

88      L-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali, madankollu, wettqet żball fuq dak li għandu jinftiehem b’verifika “formali”, sa fejn speċifikat, fil-punt 109 tas-sentenza appellata, li, għalkemm l-Anness I tar-Regolament REACH jiddeskrivi l-elementi li għandhom neċessarjament jinkludu ċerti dokumenti ppreżentati mill-applikant għall-awtorizzazzjoni, bħar-rapport dwar is-sigurtà kimika, dan l-anness ma jimponix lill-Kummissjoni, fil-kuntest tal-eżami li hija għandha twettaq bis-saħħa tal-Artikolu 60(7) ta’ dan ir-regolament, ikkunsidrat flimkien mal-Artikolu 62 tiegħu, li teżamina dawn l-elementi fil-mertu.

89      Hija ssostni li s-sentenza appellata hija kontradittorja sa fejn il-Qorti Ġenerali ppreċiżat, fil-punt 109 ta’ din is-sentenza, li l-Kummissjoni ma għandhiex tipproċedi, f’dan l-istadju tal-proċedura, għal evalwazzjoni tal-mertu, filwaqt li eżiġiet, fil-punt 112 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni tevalwa jekk l-informazzjoni pprovduta hijiex “verifikabbli”, li jimplika ċertu eżami tas-sustanza tagħha.

90      Hija ssostni, minn naħa, li kontroll ta’ konformità, anki “formali”, jimplika li l-Kummissjoni tivverifika l-konformità tar-rapport dwar is-sigurtà kimika mar-rekwiżiti preċiżi msemmija fl-Anness I tar-Regolament REACH, li jipprevedi, b’mod partikolari, data dwar l-espożizzjoni “rappreżentattiva u mkejla b’mod adegwat”. Min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 62 tal-Anness I ta’ dan ir-regolament billi qieset għalhekk, fil-punt 112 tas-sentenza appellata, li l-applikanti għall-awtorizzazzjoni kienu kkonformaw ruħhom ma’ dawn ir-rekwiżiti mingħajr ma twettqet tali verifika.

91      Il-Kummissjoni tqis li r-raba’ aggravju ma jistax jintlaqa’.

92      L-ECHA ssostni l-argumenti tal-Kummissjoni.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

93      Skont l-Artikolu 60(7) tar-Regolament REACH, awtorizzazzjoni għandha tingħata biss jekk “l-applikazzjoni ssir skond ir-rekwiżiti ta’ l-Artikolu 62”.

94      Din id-dispożizzjoni teżiġi, għalhekk, li l-Kummissjoni tivverifika jekk l-applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni tinkludix l-informazzjoni kollha meħtieġa mill-Artikolu 62 tal-imsemmi regolament u, b’mod partikolari, bis-saħħa tal-paragrafu 4(d) ta’ din l-istess dispożizzjoni, rapport dwar is-sigurtà kimika, “skond l-Anness I li jkopri r-riskji għas-saħħa tal-bniedem u/jew għall-ambjent mill-użu tas-sustanza jew sustanzi mill-proprjetajiet intrinsiċi speċifikati fl-Anness XIV” tar-Regolament REACH.

95      Kif tirrikonoxxi l-appellanti fl-appell tagħha, minn dan jirriżulta li l-Qorti Ġenerali ġustament ikkunsidrat, fil-punti 104 u 106 tas-sentenza appellata, li l-Artikolu 60(7) tar-Regolament REACH jimplika li l-Kummissjoni tivverifika jekk applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni hijiex konformi mar-rekwiżiti tal-Artikolu 62 ta’ dan ir-regolament minn perspettiva formali mingħajr ma hija għandha, f’dan l-istadju, tevalwa l-fondatezza tal-elementi pprovduti u b’mod partikolari jekk ir-rapport dwar is-sigurtà kimika li jikkonċerna sustanza “jislitx il-konklużjonijiet it-tajba” f’dak li jikkonċerna l-proprjetajiet tagħha.

96      Barra minn hekk, l-eżami tan-natura verifikabbli tal-elementi hekk meħtieġa jikkostitwixxi stħarriġ separat tal-verifika tal-fondatezza tagħhom b’tali mod li l-appellanti ma tistax validament tallega kontradizzjoni bejn il-punt 109 tas-sentenza appellata, li fih il-Qorti Ġenerali indikat li l-Kummissjoni ma hijiex obbligata teżamina fil-mertu, f’dan l-istadju tal-proċedura, l-elementi li għandhom jiġu prodotti mill-applikant bis-saħħa tal-Anness I tar-Regolament REACH, u l-punt 112 ta’ din l-istess sentenza, li jippreċiża li d-dokumenti li għandhom jiġu pprovduti bis-saħħa tal-Artikolu 62(4) għandhom jiġu vverifikati.

97      Barra minn hekk, għandu jiġi ppreċiżat li, anki jekk l-istħarriġ li għandha twettaq il-Kummissjoni skont l-Artikolu 60(7) tar-Regolament REACH, ikkunsidrat flimkien mal-Artikolu 62 ta’ dan ir-regolament, ċertament ma għandux ikun superfiċjali u jeħtieġ minn din l-istituzzjoni li hija tivverifika minn tal-inqas il-preżenza tal-informazzjoni u tad-dokumenti meħtieġa minn dan ir-regolament, eżami bħal dak previst mill-appellanti fir-rigward tal-osservanza tar-rekwiżiti tal-Anness I tar-Regolament REACH iwassal lill-Kummissjoni sabiex tiddeċiedi wkoll dwar il-kwalità tad-data trażmessa, u li tantiċipa l-analiżi sostantiva li sussegwentement trid titwettaq mill-istituzzjoni sabiex tiddetermina jekk il-kundizzjonijiet li għalihom hija suġġetta awtorizzazzjoni humiex issodisfatti.

98      Minn dan isegwi li r-raba’ aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq il-ħames aggravju

 L-argumenti tal-partijiet

99      Permezz tal-ħames aggravju tagħha, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkunsidrat, fil-punti 131 sa 138 tas-sentenza appellata, li l-Artikolu 60(4) tar-Regolament REACH jippermetti lill-Kummissjoni tiddeċiedi dwar l-ibbilanċjar tar-riskji u tal-vantaġġi mingħajr ma l-informazzjoni dwar ir-riskji tissodisfa r-rekwiżiti tal-Anness I ta’ dan ir-regolament.

100    Hija ssostni wkoll li, kuntrarjament għal dak li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punti 135 u 136 tas-sentenza appellata, ir-Regolament REACH jimponi li l-evalwazzjoni tal-espożizzjoni għar-riskju tikkonċerna speċifikament l-użu tas-sustanza li għaliha tintalab awtorizzazzjoni u tkun rappreżentattiva ta’ dan l-użu.

101    Hija żżid li l-Artikolu 62(4)(d) tar-Regolament REACH jeżiġi rapport dwar is- sigurtà kimika konformi mal-Anness I ta’ dan ir-regolament tkun xi tkun il-bażi legali invokata għall-għoti tal-awtorizzazzjoni.

102    Hija tirreferi wkoll għall-Artikolu 60(10) tar-Regolament REACH, li jeżiġi li d-detentur tal-awtorizzazzjoni jiżgura li l-espożizzjoni titnaqqas għal livell daqshekk baxx milli huwa teknikament u prattikament possibbli, li l-awtorizzazzjoni tingħata skont il-paragrafu 2 jew il-paragrafu 4 tal-Artikolu 60 ta’ dan ir-regolament.

103    Fil-kuntest tar-replika tagħha, l-appellanti żżid li, fi kwalunkwe każ, il-punti 130 u 131 tas-sentenza appellata ma jikkonfermawx b’mod espliċitu li r-rapport dwar is-sigurtà kimika għandu jkun tal-inqas daqstant komplet u preċiż, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 60(4) tar-Regolament REACH, kif ukoll għall-applikazzjoni tal-Artikolu 60(2) tiegħu, u titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tippreċiża li dan għandu jkun il-każ.

104    Hija ssostni wkoll li, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, hija ma ħaltitx l-analiżi kwalitattiva mwettqa mil-KASE u l-evalwazzjoni tar-riskji msemmija fl-Anness I tar-Regolament REACH, iżda hija tqis, madankollu, li teżisti rabta bejn l-analiżi soċjoekonomika tar-riskju, inkluża data kwalitattiva, u l-evalwazzjoni sottostanti tar-riskju mwettqa mill-applikant bis-saħħa ta’ dan l-Anness I, li tista’ tinkludi data kwalitattiva biss f’numru limitat ta’ ċirkustanzi. Hija ssostni li l-provi prodotti mill-applikanti għall-awtorizzazzjoni kellhom lakuni serji b’tali mod li kien impossibbli li jiġi evalwat b’mod korrett ir-riskju fih innifsu u li dan jiġi bbilanċjat b’mod korrett ma’ fatturi oħra fil-kuntest tal-analiżi soċjoekonomika.

105    Il-Kummissjoni tqis li l-ħames aggravju ma jistax jintlaqa’.

106    L-ECHA ssostni l-argumenti tal-Kummissjoni.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

107    Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 60(7) tar-Regolament REACH, awtorizzazzjoni tingħata biss jekk l-applikazzjoni titressaq konformement mal-preskrizzjonijiet tal-Artikolu 62 ta’ dan ir-regolament, artikolu li jirreferi, fil-paragrafu 4(d) tiegħu għal rapport dwar is-sigurtà kimika, stabbilit konformement mal-Anness I tal-imsemmi regolament li jkopri r-riskji għas-saħħa tal-bniedem u għall-ambjent mill-użu tas-sustanza jew tas-sustanzi minħabba proprjetajiet intrinsiċi msemmija fl-Anness XIV tar-Regolament REACH.

108    Barra minn hekk, l-Artikolu 60(4) tar-Regolament REACH japplika b’mod sussidjarju fir-rigward tal-Artikolu 60(2) ta’ dan ir-regolament, meta awtorizzazzjoni ma tkunx tista’ tingħata b’applikazzjoni ta’ din l-aħħar dispożizzjoni.

109    Mill-kliem u mill-istruttura ta’ dawn id-diversi dispożizzjonijiet jirriżulta li awtorizzazzjoni tista’ tingħata skont l-Artikolu 60(4) tar-Regolament REACH biss jekk l-applikant ikun ipproduċa rapport dwar is-sigurtà kimika stabbilit konformement mal-Anness I ta’ dan ir-regolament.

110    Issa, mill-punti tas-sentenza appellata msemmija mill-appellanti fil-ħames aggravju tagħha ma jirriżultax li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet b’mod differenti.

111    Barra minn hekk, lanqas ma jirriżulta mis-sentenza appellata li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet li r-rapport dwar is-sigurtà kimika pprovdut mill-applikanti għall-awtorizzazzjoni ma kienx konformi mar-rekwiżiti tal-Anness I tar-Regolament REACH.

112    F’dan ir-rigward, fil-punt 112 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali barra minn hekk irrilevat, minn naħa, li kien stabbilit bejn il-partijiet li, fir-rigward ta’ dan ir-rapport, l-applikanti għall-awtorizzazzjoni kienu kkonformaw mar-rekwiżiti tal-Anness I tar-Regolament REACH u, min-naħa l-oħra, li l-appellanti lanqas ma kienet ipproduċiet provi fit-talba tagħha għal eżami mill-ġdid tal‑2016 li jiġġustifikaw analiżi differenti.

113    Għandu jiġi ppreċiżat ukoll li, għalkemm il-Qorti Ġenerali indikat, fil-punt 131 tas-sentenza appellata, li l-eżistenza ta’ inċertezzi jew ta’ nuqqasijiet f’dan ir-rapport setgħet tqajjem il-kwistjoni dwar jekk, abbażi tal-elementi fattwali u tal-provi li għandha l-Kummissjoni, l-awtorizzazzjoni setgħetx tingħata skont l-Artikolu 60(4) tar-Regolament REACH, din hija kwistjoni distinta minn dik li hija s-suġġett ta’ dan l-aggravju.

114    Minn dan jirriżulta li l-ħames aggravju huwa infondat u għandu jiġi miċħud.

 Fuq is-sitt aggravju

 L-argumenti tal-partijiet

115    Permezz tas-sitt aggravju tagħha, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet, fil-punti 216 sa 224 tas-sentenza appellata, li hija biss l-informazzjoni relatata mal-proprjetajiet intrinsiċi ta’ sustanza li ġiet inkluża fl-Anness XIV tar-Regolament REACH li hija rilevanti għall-evalwazzjoni tar-riskji prevista fl-Artikolu 60(4) tiegħu, u mhux informazzjoni dwar il-proprjetajiet intrinsiċi li kienu s-suġġett ta’ inklużjoni fil-lista tas-sustanzi kandidati prevista fl-Artikolu 59(1) tar-Regolament REACH, iżda ma hijiex imsemmija f’dan l-anness.

116    Hija tqis għalhekk li l-Kummissjoni kellha tieħu inkunsiderazzjoni l-informazzjoni dwar il-proprjetajiet tad-DEHP bħala sustanza bi proprjetajiet li jfixklu s-sistema endokrina li wasslet lill-ECHA sabiex tidentifika, fix-xahar ta’ Diċembru 2014, id-DEHP bħala sustanza ta’ tħassib serju ħafna, fis-sens tal-Artikolu 57(f) tar-Regolament REACH.

117    Hija ssostni li l-Qorti Ġenerali, b’mod żbaljat, ibbażat ruħha biss fuq interpretazzjoni letterali tal-Artikolu 60(2) u tal-Artikolu 62(4) tar-Regolament REACH, mingħajr ma ħadet inkunsiderazzjoni l-kuntest jew l-għan imfittex mil-leġiżlatur tal-Unjoni.

118    Barra minn hekk, hija tenfasizza li l-Qorti Ġenerali indikat, minn naħa, fil-punt 216 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni hija obbligata teżamina ex officio l-informazzjoni rilevanti kollha li hija għandha fid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni tagħha, mingħajr ma l-evalwazzjoni tar-riskji tkun limitata għall-eżami tal-informazzjoni pprovduta fl-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni, u, min-naħa l-oħra, fil-punt 217 ta’ din is-sentenza, li ma jirriżultax direttament mill-kliem tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 60(4) tar-Regolament REACH, li l-evalwazzjoni għandha tkun biss ibbażata fuq informazzjoni dwar il-proprjetajiet intrinsiċi tas-sustanza eżaminata, kif imsemmi fl-Anness XIV ta’ dan ir-regolament.

119    Hija ssostni wkoll li l-Anness XVI ta’ dan ir-regolament ma jillimitax il-portata tal-“benefiċċji għas-saħħa tal-bniedem u għall-ambjent” rilevanti għat-twettiq ta’ analiżi soċjoekonomika.

120    Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali ma tispjegax ir-raġunijiet li għalihom l-Artikolu 60(4) tar-Regolament REACH ma jirreferix biss għall-proprjetajiet imsemmija fl-Anness XIV ta’ dan ir-regolament, b’differenza mill-kliem tal-Artikolu 60(2) ta’ dan ir-regolament u tal-Artikolu 62(4)(d) tiegħu.

121    Fir-replika tagħha, l-appellanti ssostni li, fis-sentenza tat‑23 ta’ Jannar 2019, Deza vs ECHA (C‑419/17 P, EU:C:2019:52), iċċitata mill-Kummissjoni fir-risposta tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja ma ddeċidietx dwar l-obbligi tal-Kummissjoni fl-evalwazzjoni tagħha ta’ applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni.

122    Il-Kummissjoni ssostni li s-sitt aggravju ma jistax jintlaqa’.

123    L-ECHA ssostni l-argumenti tal-Kummissjoni.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

124    Għandu jiġi kkonstatat li, għalkemm il-punti 216 sa 223 tas-sentenza appellata msemmija mill-appellanti fis-sitt aggravju tagħha huma ppreżentati mill-Qorti Ġenerali, fil-punt 216 tas-sentenza appellata, bħala li ġew eżaminati “sussidjarjament”, is-sitt aggravju ma għandux, madankollu, natura ineffettiva peress li dawn il-punti jinkludu, fir-realtà, analiżi komplementari u mhux sussidjarja għal dik indikata fil-punti 211 sa 215 ta’ din is-sentenza.

125    Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, ma jidhirx li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet dwar il-kwistjoni mqajma fil-kuntest tas-sitt aggravju fis-sentenza tat‑23 ta’ Jannar 2019, Deza vs ECHA (C‑419/17 P, EU:C:2019:52).

126    Madankollu, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta qieset, fil-punti 217 sa 220 tas-sentenza appellata, li, anki jekk ma jirriżultax direttament mill-kliem tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 60(4) tar-Regolament REACH, li l-evalwazzjoni tar-riskji li l-Kummissjoni għandha twettaq fuq din il-bażi għandha tkun ibbażata biss fuq informazzjoni li tikkonċerna l-proprjetajiet intrinsiċi tas-sustanza eżaminata, kif imsemmija fl-Anness XIV ta’ dan ir-regolament, it-termini tal-Artikolu 60(2) u tal-Artikolu 62(4)(d) tal-imsemmi regolament, li jirreferu espliċitament għall-proprjetajiet intrinsiċi msemmija fl-Anness XIV tal-istess regolament, jippermettu li jiġi konkluż li dan għandu jkun il-każ.

127    Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali qieset ġustament, fil-punti 221 sa 223 tas-sentenza appellata, li l-informazzjoni eventwali dwar il-proprjetajiet intrinsiċi ta’ sustanza li kienet is-suġġett ta’ inklużjoni fil-lista tas-sustanzi kandidati previsti fl-Artikolu 59(1) tar-Regolament REACH, iżda ma ġietx inkluża fl-Anness XIV ta’ dan ir-regolament, ma għandhiex tittieħed inkunsiderazzjoni matul din l-evalwazzjoni, fid-dawl, minn naħa, li dawn ma humiex biss żewġ fażijiet differenti tal-proċedura ta’ awtorizzazzjoni prevista minn dak ir-regolament u, min-naħa l-oħra, li s-sempliċi inklużjoni ta’ ċerti proprjetajiet intrinsiċi ta’ sustanza fil-lista tas-sustanzi kandidati ma twassalx neċessarjament jew awtomatikament għall-inklużjoni tagħhom fl-Anness XIV ta’ dan ir-regolament.

128    Barra minn hekk, la mill-kliem u lanqas mill-istruttura tal-Anness XVI tar-Regolament REACH, dwar l-elementi li jistgħu jinvolvu analiżi soċjoekonomika, ma jirriżulta li għandha tingħata interpretazzjoni differenti.

129    Minn dan jirriżulta li s-sitt aggravju huwa infondat u għandu jiġi miċħud.

 Fuq is-seba’ aggravju

 L-argumenti tal-partijiet

130    Permezz tas-seba’ aggravju tagħha, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali kisret il-prinċipju ta’ prekawzjoni fil-punti 284 sa 295 tas-sentenza appellata.

131    Hija ssostni li l-Qorti Ġenerali interpretat ħażin il-motiv tagħha u li hija ma kinitx qiegħda ssostni li dan il-prinċipju jobbliga lill-Kummissjoni tirrifjuta l-awtorizzazzjoni fil-każ fejn il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 60(4) tar-Regolament REACH kienu ssodisfatti, iżda li kellha tiggwida l-evalwazzjoni tal-istituzzjoni waqt l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni.

132    Fil-fehma tagħha, fil-każ fejn, bħal f’dan il-każ, inċertezzi kienu jipprekludu evalwazzjoni suffiċjenti tar-riskju, il-Kummissjoni kienet obbligata tikkunsidra li l-applikant għall-awtorizzazzjoni, skont l-Artikolu 60(4) tar-Regolament REACH, ma ssodisfax l-oneru tal-prova li l-kundizzjonijiet neċessarji sabiex tinkiseb din l-awtorizzazzjoni kienu ssodisfatti.

133    L-appellanti ssostni wkoll li, kuntrarjament għal dak li ddeċidiet il-Qorti Ġenerali, il-prinċipju ta’ prekawzjoni ma jagħtix biss lill-awtoritajiet pubbliċi s-setgħa li jadottaw miżura partikolari, iżda huwa meħtieġ fl-azzjoni tagħhom, kif jirriżulta, b’mod partikolari, mis-sentenzi tad‑9 ta’ Settembru 2011, Dow AgroSciences et vs Il‑Kummissjoni (T‑475/07, EU:T:2011:445, punt 144), kif ukoll tal‑25 ta’ Lulju 2018, Confédération paysanne et (C‑528/16, EU:C:2018:583, punt 50).

134    Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkunsidrat li l-evalwazzjoni soċjoekonomika prevista fl-Artikolu 60(4) tar-Regolament REACH kienet “ħelset” lill-Kummissjoni mill-obbligu tagħha li tapplika l-prinċipju ta’ prekawzjoni waqt l-implementazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni.

135    Il-Kummissjoni ssostni li dan is-seba’ aggravju huwa infondat.

136    L-ECHA ssostni l-argumenti tal-Kummissjoni.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

137    Kuntrarjament għal dak li tallega l-appellanti, mill-punti tas-sentenza appellata msemmija fil-kuntest tas-seba’ aggravju tagħha ma jirriżultax li l-Kummissjoni ma hijiex obbligata tapplika l-prinċipju ta’ prekawzjoni meta hija jkollha teżamina applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni skont l-Artikolu 60(4) tar-Regolament REACH.

138    Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali fakkret, essenzjalment, fil-punt 292 ta’ din is-sentenza, li l-Artikolu 60(4) tar-Regolament REACH jikkostitwixxi l-espressjoni tan-neċessità li jittieħed inkunsiderazzjoni dan il-prinċipju u l-prinċipju ta’ proporzjonalità fil-każ fejn waħda mill-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 60(2) ta’ dan ir-regolament ma tkunx issodisfatta, f’dan il-każ, dik dwar il-prova tal-kontroll tar-riskji għas-saħħa tal-bniedem jew għall-ambjent mill-użu tas-sustanza inkwistjoni.

139    Barra minn hekk, ma jistax jiġi sostnut b’mod validu li l-prinċipju ta’ prekawzjoni jipprekludi li awtorizzazzjoni tingħata bis-saħħa tal-Artikolu 60(4) tar-Regolament REACH, fuq is-sempliċi raġuni tal-assenza ta’ prova tal-kontroll tar-riskji, mingħajr ma tiġi kkontestata l-validità ta’ din id-dispożizzjoni li tippermetti l-għoti ta’ awtorizzazzjoni f’tali ipoteżi.

140    Issa, l-appellanti ma tikkontestax il-validità ta’ din id-dispożizzjoni iżda l-mod kif għandha tiġi applikata.

141    Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, is-seba’ aggravju ma jistax, għaldaqstant, jintlaqa’.

142    Konsegwentement, peress li l-aggravji kollha ġew miċħuda, l-appell għandu jiġi miċħud kollu kemm huwa.

 Fuq l-ispejjeż

143    Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta appell ma jkunx fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi dwar l-ispejjeż.

144    Skont l-Artikolu 138(1) ta’ dawn ir-regoli, li huma applikabbli għall-proċedura ta’ appell bis-saħħa tal-Artikolu 184(1) tal-imsemmija regoli, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż jekk dawn ikunu ġew mitluba.

145    Peress li l-appellanti tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż kif mitlub mill-Kummissjoni.

146    L-Artikolu 184(4) tar-Regoli tal-Proċedura jipprevedi li meta intervenjent fl-ewwel istanza ma jkunx ippreżenta l-appell huwa stess, dan l-intervenjent jista’ jiġi kkundannat għall-ispejjeż tal-proċedura fl-appell biss jekk ikun ipparteċipa fil-fażi bil-miktub jew orali tal-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Meta tali intervenjent jipparteċipa fil-proċedura, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiddeċiedi li l-intervenjent għandu jbati l-ispejjeż tiegħu.

147    Konformement ma’ dawn id-dispożizzjonijiet, l-ECHA, intervenjenti fl-ewwel istanza, għandha tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-appell huwa miċħud.

2)      ClientEarth hija kkundannata tbati, minbarra l-ispejjeż rispettivi tagħha, dawk sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea.

3)      L-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA) għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.