Language of document :

Rikors ippreżentat fit-13 ta' Settembru 2010 - ArcelorMittal Wire France et vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-385/10)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrenti: ArcelorMittal Wire France (Bourg-en-Bresse, Franza), ArcelorMittal Fontaine (Fontaine-L'Evêque, il-Belġju), ArcelorMittal Verderio Srl (Verderio Inferiore, l-Italja) (rappreżentanti: H. Calvet, O. Billard u M. Pittie, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

B'mod prinċipali, tannulla d-deċiżjoni mogħtija mill-Kummissjoni fit-30 ta' Ġunju 2010 fil-Każ COMP/38.344 - Azzar użat għall-prestressing, inkwantu (i) fl-Artikolu 1 tagħha, tikkundanna lil AMWF, AM Fontaine u AM Verderio talli pparteċipaw fi ksur uniku u kontinwu u/jew prattika miftiehma fis-settur tal-azzar użat għall-prestressing bi ksur tal-Artikoli 101 TFUE u 53 tal-Ftehim ŻEE, rispettivament tal-1 ta' Jannar 1984 sad-19 ta' Settembru 2002, mill-20 ta' Diċembru 1984 sad-19 ta' Settembru 2002, u mit-3 ta' April 1995 sad-19 ta' Settembru 2002; (ii) konsegwentement, timponilhom, fl-Artikolu 2 tagħha, il-ħlas ta' multi li jitilgħu għal EUR 276.48 miljun għal AMWF, li minnhom EUR 268.8 in solidum ma' AM Fontaine; u li minnhom EUR 72 miljun in solidum ma' AM Verderio; (iii) tordnalhom, fl-Artikolu 3 tagħha, li jtemmu immedjatament dan il-ksur, jekk ma jkunux diġà għamlu dan, u li jonqsu minn issa 'il quddiem milli jwettqu kwalunkwe att jew aġir deskritt fil-punt (i) kif ukoll kull att jew aġir li għandu għan jew effett identiku jew li jixxiebah; u (iv) fl-Artikolu 4 tagħha, tqishom bħala destinatarji;

sussidjarjament, fil-kuntest tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, tibdel id-deċiżjoni billi tnaqqas b'mod sostanzjali ħafna l-ammonti tal-multi imposti fuq kull waħda mir-rikorrenti, hekk kif dawn l-ammonti huma stabbiliti fl-Artikolu 2; u

fi kwalunkwe każ, tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż kollha tal-istanza.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikorrenti, b'mod prinċipali, jitolbu l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2010) 4387 finali, tat-30 ta' Ġunju 2010, dwar proċedura skont l-Artikolu 101 TFUE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (iktar 'il quddiem iż-"ŻEE") (Każ COMP/38344 - Azzar użat għall-prestressing), dwar akkordju fuq is-suq Ewropew tal-Azzar użat għall-prestressing, fir-rigward tal-iffissar tal-prezzijiet, it-tqassim tas-suq u l-iskambju ta' informazzjoni kummerċjali sensittiva.

Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jsostnu ċertu numru ta' motivi ibbażati fuq:

ksur tad-dritt fundamentali tar-rikorrenti għal qorti imparzjali u ksur tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, peress li l-Kummissjoni teżerċita l-funzjoni kemm ta' prosekutur kif ukoll ta' imħallef;

ksur tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 1, kif ukoll tal-prinċipji tan-natura personali tal-pieni, ta' proporzjonalità kif ukoll ta' trattament ugwali, peress li l-Kummissjoni imponiet multi fuq ir-rikorrenti għal ammont li jaqbeż manifestament il-limitu legali ta' 10 % tad-dħul mill-bejgħ totali li dawn ikunu għamlu matul is-sena finanzjarja preċedenti;

insuffiċjenza ta' provi li juru l-eżistenza ta' ksur tal-Artikoli 101 TFUE u 53 ŻEE għall-perijodu bejn l-1 ta' Jannar 1984 u Novembru 1992 jew, fi kwalunkwe każ, nuqqas ta' motivazzjoni;

nuqqas ta' motivazzjoni u ksur tal-Linji Gwida 2 dwar il-kalkolu tal-multi kif ukoll tal-prinċipji ta' aspettattivi leġittimi u ta' amministrazzjoni tajba, peress li d-deċiżjoni kkontestata fiha lakuni li jrendu l-metodu tal-kalkolu tal-multi użat mill-Kummissjoni inkomprensibbli;

nuqqas ta' motivazzjoni u żbalji manifesti ta' liġi u ta' fatt billi żżid b'60 % l-multi imposti fuq AMWF u AM Fontaine minħabba reċidiva; u

nuqqas ta' motivazzjoni u ksur tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 kif ukoll tal-prinċipji ta' ugwaljanza u ta' proporzjonalità peress li abbażi tal-effett dissważiv żiedet b'20 % l-ammonti tal-multi tar-rikorrenti biss, minkejja li parteċipanti oħra fl-akkordju kienu jinsabu f'sitwazzjoni identika.

____________

1 - Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli [101 TFUE] u [102 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205)

2 - Linji Gwida għall-kalkolu tal-multi imposti skont l-artikolu 23(2)(a) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 (ĠU 2006, C 210 p. 2)