Language of document :

Appell ippreżentat fit-23 ta’ Mejju 2022 mill-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO) mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla) fis-16 ta’ Marzu 2022 fil-Kawża T-281/21 – Nowhere vs EUIPO

(Kawża C-337/22 P)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Appellant: L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO) (rappreżentanti: D. Hanf, D. Gája, V. Ruzek, E. Markakis, aġenti)

Parti oħra fil-proċedura: Nowhere Co. Ltd

Talbiet

L-appellant jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla kompletament is-sentenza appellata fil-Kawża T-281/21;

tiċħad kompletament ir-rikors tar-rikorrenti fl-ewwel istanza ppreżentat kontra d-deċiżjoni tat-Tieni Bord tal-Appell fil-Każ R 2474/2017-2;

tikkundanna lir-rikorrenti fl-ewwel istanza għall-ispejjeż sostnuti mill-EUIPO inkonnessjoni ma’ dan l-appell u mal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali.

Aggravji u argumenti prinċipali

Insostenn tal-appell tiegħu, l-EUIPO jressaq aggravju wieħed ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 207/2009 1 sa fejn is-sentenza appellata tikkonstata li l-Bord tal-Appell kien imissu ħa inkunsiderazzjoni d-drittijiet preċedenti mhux irreġistrati fir-Renju Unit li kienu ġew invokati bħala bażi għall-oppożizzjoni minkejja l-fatt li d-deċiżjoni kkontestata ttieħdet f’mument li fih ir-Renju Unit ma kienx għadu Stat Membru tal-Unjoni Ewropea u li fih il-perijodu tranżitorju previst fil-Ftehim ta’ Ħruġ 2 kien diġà ntemm. Dan iqajjem kwistjoni li hija sinjifikattiva għall-unità, għall-konsistenza u għall-iżvilupp tad-dritt tal-Unjoni.

L-EUIPO jsostni li l-Qorti Ġenerali żbaljat meta qieset li l-uniku mument rilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-oppożizzjoni huwa dak tad-data li fiha ġiet ippreżentata l-applikazzjoni għat-trade mark ikkontestata tal-Unjoni Ewropea billi:

naqset milli tagħmel distinzjoni bejn, minn naħa, il-kwistjoni tad-determinazzjoni tal-liġi applikabbli ratione temporis għall-kawża ineżami u, min-naħa l-oħra, il-kwistjoni fuq il-mertu dwar il-ħtieġa tal-validità tad-dritt preċedenti fid-data li fiha l-EUIPO jieħu d-deċiżjoni finali dwar l-oppożizzjoni,

ibbażat ruħha fuq il-ġurisprudenza tagħha stess li hija żbaljata u fi kwalunkwe każ mhux applikabbli għall-kawża ineżami,

siltet konklużjoni legali żbaljata mill-assenza ta’ dispożizzjonijiet fil-Ftehim dwar il-ħruġ dwar l-oppożizzjonijiet imressqa qabel it-tmiem tal-perijodu tranżitorju kontra applikazzjonijiet għal trade marks tal-Unjoni Ewropea,

injorat il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar id-differenzi bejn il-proċeduri ta’ ksur u l-proċeduri amministrattivi/ta’ reġistrazzjonijiet u għalhekk billi kkonstatat b’mod żbaljat li:

kien hemm kunflitt bejn l-applikazzjoni kkontestata għat-trade mark tal-Unjoni Ewropea u d-drittijiet preċedenti fir-Renju Unit fil-perijodu bejn id-data tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni kkontestata għat-trade mark tal-Unjoni Ewropea u t-tmiem tal-perijodu tranżitorju u li

ir-rikorrenti fl-ewwel istanza kellha, wara t-tmiem tal-perijodu tranżitorju, interess leġittimu fis-suċċess tal-oppożizzjoni tagħha.

naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni r-rieda tal-leġiżlatur u l-prinċipju ta’ territorjalità tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali meta kkonstatat li l-possibbiltà li l-applikazzjoni kkontestata għat-trade mark tal-Unjoni Ewropea tiġi kkonvertita fi trade marks nazzjonali li jkollhom portata ta’ protezzjoni identika għal dik tal-applikazzjoni kkontestata għat-trade mark tal-Unjoni Ewropea fl-eventwalità ta’ reġistrazzjoni, ma kellha ebda impatt:

fuq l-interess tar-rikorrenti fl-ewwel istanza fis-suċċess tal-oppożizzjoni, u

fuq l-eżistenza ta’ kunflitt bejn id-drittijiet preċedenti fir-Renju Unit u l-applikazzjoni kkontestata għat-trade mark tal-Unjoni Ewropea,

naqset milli tagħti importanza adegwata lill-formulazzjoni, jiġifieri lill-grammatika u lis-sintassi, tad-dispożizzjoni prevista fl-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 207/2009, lill-kuntest tad-dispożizzjonijiet previsti fir-Regoli 19(2)(d) u 20(1) tar-Regolament Nru 2868/95 1 dwar il-ġustifikazzjoni tad-drittijiet preċedenti, lill-kuntest tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 42 tar-Regolament Nru 207/2009 dwar id-difiża bbażata fuq evidenza tal-użu, u b’mod partikolari lill-għanijiet tal-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 207/2009 u lill-għan essenzjali tal-proċedimenti ta’ oppożizzjoni, jiġifieri li jiġu protetti l-interessi tal-proprjetarji ta’ drittijiet preċedenti bil-ħarsien tal-funzjoni essenzjali ta’ dawn id-drittijiet fil-konfront ta’ trade marks sussegwenti tal-Unjoni Ewropea, fil-każ li dawn tal-aħħar jiġu rreġistrati.

____________

1     Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009 tas-26 ta’ Frar 2009 dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU 2009, L 78, p. 1).

1     Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika 2019/C 384 I/01 (ĠU 2019, C 384I, p. 1).

1     Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2868/95 tat-13 ta’ Diċembru 1995 li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 dwar it-trade mark tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 189).