Language of document : ECLI:EU:T:2010:543

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Awla tal-Appell)

16 ta’ Diċembru 2010

Kawża T-52/10 P

Giorgio Lebedef

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Appell — Servizz pubbliku — Uffiċjali — Leave annwali — Kollokament part-time għal finijiet ta’ rappreżentanza sindakali — Assenza irregolari — Tnaqqis tal-jiem tad-dritt ta’ leave annwali — Artikolu 60 tar-Regolamenti tal-Persunal”

Suġġett: Appell mid-digriet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea (L-Ewwel Awla) tat-30 ta’ Novembru 2009, Lebedef vs Il-Kummissjoni (F-54/09, ĠabraSP p. I‑A‑1‑505 u II‑A‑1‑2735), intiż għall-annullament ta’ dan id-digriet.

Deċiżjoni: L-appell huwa miċħud. Giorgio Lebedef huwa kkundannat għall-ispejjeż tiegħu kif ukoll għal dawk tal-Kummissjoni Ewropea fil-kuntest ta’ din l-istanza.

Sommarju

1.      Appell — Aggravji — Aggravju mressaq kontra kunsiderazzjoni tas-sentenza li ma hijiex neċessarja sabiex ikun ġustifikat id-dispożittiv ta’ sentenza — Aggravju ineffettiv

(Artikolu 257 TFUE; Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, Anness I, Artikolu 9)

2.      Appell — Aggravji — Nuqqas ta’ identifikazzjoni tal-iżball ta’ liġi invokat — Inammissibbiltà

(Artikolu 257 TFUE; Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, Anness I, Artikolu 11; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 138(1), subparagrafu 1(ċ))

3.      Appell — Aggravji — Evalwazzjoni żbaljata tal-fatti — Inammissibbiltà — Stħarriġ mill-Qorti Ġenerali tal-evalwazzjoni tal-provi — Esklużjoni ħlief fil-każ ta’ żnaturament

(Artikolu 256 TFUE; Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, Anness I, Artikolu 11)

4.      Appell — Aggravji — Motivazzjoni insuffiċjenti — Rikors mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku għal motivazzjoni impliċita — Ammissibbiltà — Kundizzjonijiet

(Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikolu 36 u Anness I, Artikolu 7(1))

1.      Il-motiv, imqajjem fil-kuntest ta’ appell, li huwa dirett kontra motivi ta’ sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku li ma jikkostitwixxix il-bażi neċessarka tad-deċiżjoni appellata, huwa ineffettiva u għandu jiġi miċħud.

(ara l-punt 34)

Referenza: Il-Qorti Ġenerali 19 ta’ Jannar 2010, De Fays vs Il-Kummissjoni, T‑355/08 P, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 56, u l-ġurisprudenza ċċitata

2.      Mill-Artikolu 11 tal-Anness I tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja kif ukoll mill-Artikolu 138(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali jirriżulta li appell għandu jindika b’mod preċiż il-punti kkritikati tas-sentenza li tagħha jintalab l-annullament kif ukoll l-argumenti ġuridiċi li jissostanzjaw din it-talba b’mod speċifiku. L-appell li ma jinkludi ebda argument speċifikament intiż sabiex jidentifika l-iżball ta’ liġi li bih hija vvizzjata s-sentenza jew id-digriet inkwistjoni ma jissodisfax dan ir-rekwiżit.

Barra minn hekk, affermazzjonijiet li huma wisq ġenerali u impreċiżi sabiex jiġu suġġetti għal evalwazzjoni ġuridika għandhom jiġu kkunsidrati bħala manifestament inammissibbli.

(ara l-punt 35)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja 10 ta’ Frar 2009, Correia de Matos vs Il-Kummissjoni, C‑290/08 P, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 18, u l-ġurisprudenza ċċitata; Il-Qorti Ġenerali 6 ta’ Mejju 2010, Kerelov vs Il-Kummissjoni, T‑100/08 P, punt 39, u l-ġurisprudenza ċċitata

3.      Skont l-Artikolu 11 tal-Anness I tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, appell quddiem il-Qorti Ġenerali huwa limitat għal kwistjonijiet ta’ liġi. It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku biss huwa kompetenti sabiex jikkonstata l-fatti, ħlief fil-każ fejn l-ineżattezza materjali tal-konstatazzjonijiet tagħha tirriżulta minn dokumenti tal-proċess li ġew sottomessi lilu, kif ukoll sabiex jevalwa dawn il-fatti. Għalhekk, l-evalwazzjoni tal-fatti, ħlief fil-każ ta’ interpretazzjoni żbaljata tal-provi quddiem il-Qorti Ġenerali, ma tikkostitwixxiex kwistjoni ta’ liġi suġġetta, bħala tali, għall-istħarriġ tal-qorti tal-appell.

(ara l-punt 73)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja, 2 ta’ Ottubru 2001, BEI vs Hautem, C‑449/99 P, Ġabra p. I‑6733, punt 44; Il-Qorti tal-Ġustizzja, 5 ta’ Ġunju 2003, O’Hannrachain vs Il-Parlament, C‑121/01 P, Ġabra p. I‑5539, punt 35; Il-Qorti tal-Ġustizzja, 27 ta’ April 2006, L vs Il-Kummissjoni, C‑230/05 P, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 45

4.      L-obbligu ta’ motivazzjoni tas-sentenzi jirriżulta mill-Artikolu 36 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, applikabbli għat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku skont l-Artikolu 7(1) tal-Anness I tal-istess statut. Is-sentenzi tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku għandhom ikunu suffiċjentement motivati sabiex il-Qorti Ġenerali tkun tista’ teżerċita l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha. Madankollu, dan l-obbligu ma jistax jiġi interpretat b’mod li jimplika li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku għandu l-obbligu jwieġeb fid-dettall għal kull argument invokat mir-rikorrent, b’mod partikolari jekk dan ma għandux natura ċara u preċiża biżżejjed u ma jistrieħx fuq provi ssostanzjati. Il-motivazzjoni tista’ tkun impliċita, bil-kundizzjoni li tippermetti lill-parti kkonċernata ssir taf ir-raġunijiet li għalihom il-qorti tal-ewwel istanza ma laqgħetx l-argumenti tagħha u lill-qorti tal-appell ikollha elementi suffiċjenti sabiex teżerċita l-istħarriġ tagħha.

(ara l-punti 82 sa 84)

Referenza: Il-Qorti Ġenerali 2 ta’ Marzu 2010, Doktor vs Il-Kunsill, T‑248/08 P, punt 64, u l-ġurisprudenza ċċitata; Il-Qorti Ġenerali 1 ta’ Settembru 2010, Skareby vs Il-Kummissjoni, T‑91/09 P, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata