Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Administrativen sad - Varna (il-Bulgarija) fl-10 ta’ Ottubru 2023 – “SEM Remont” EOOD vs Direktor na Direktsia “Obzhalvane i danachno-osiguritelna praktika” Varna pri Tsentralno upravlenie na Natsionalnata agentsia za prihodite

(Kawża C-624/23, SEM Remont)

Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru

Qorti tar-rinviju

Administrativen sad - Varna

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: “SEM Remont” EOOD

Konvenut: Direktor na Direktsia “Obzhalvane i danachno-osiguritelna praktika” Varna pri Tsentralno upravlenie na Natsionalnata agentsia za prihodite

Domandi preliminari

L-Artikoli 63 u 167, l-Artikolu 168(a), l-Artikolu 178(a), l-Artikoli 218 sa 220 u l-Artikoli 226 u 228 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud 1 jippermettu prassi ta’ korp responsabbli għad-dħul pubbliku li, b’applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali u b’mod partikolari tal-Artikolu 71(1) taż-Zakon za danak dobavena stoynost (il-Liġi dwar it-Taxxa fuq il-Valur Miżjud, iktar ’il quddiem iż-“ZDDS”), ikkunsidrat flimkien mal-Artikolu 25(1) taż-ZDDS, ikkunsidrat flimkien mal-Artikolu 102(4) u mal-Artikoli 114, 116 u 117 taż-ZDDS, ikkunsidrati flimkien mal-Artikoli 125 u 126 taż-ZDDS, iċċaħħad lid-destinatarju ta’ provvista suġġetta għall-VAT mid-dritt li juża l-VAT, kemm fir-rigward tal-perijodu tat-twettiq tal-provvista kif ukoll fir-rigward tal-perijodu tad-dikjarazzjoni tagħha, għar-raġuni li l-fattura mogħtija lilu mill-fornitur ma tinkludix il-VAT u għar-raġuni li, fi stadju ulterjuri (fil-kuntest ta’ verifika tal-fornitur) ikun inħareġ dokument li ma jissodisfax ir-rekwiżiti dwar il-kontenut ta’ fattura (f’dan il-każ inħareġ protokoll fejn il-persuna li ħarġitu hija indikata bħala l-fornitur u d-destinatarju) sa fejn dan id-dokument isemmi l-fattura maħruġa lid-destinatarju u l-VAT imposta abbażi tal-ammont taxxabbli indikat fiha, liema VAT tħallset, f’sitwazzjoni fejn kien biss sussegwentement għal dan li d-destinatarju tal-provvista ddikjara li għandu dritt għat-tnaqqis tal-VAT (“dritt għall-użu tal-kreditu fiskali” fis-sens taż-ZDDS) abbażi tal-protokoll maħruġ mill-fornitur, u din il-prassi tagħmel l-eżerċizzju, mill-persuna taxxabbli, tad-dritt għat-tnaqqis tal-VAT prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli?

Fil-każ li tingħata risposta fin-negattiv għall-ewwel domanda, f’liema mument għandu jiġi eżerċitat id-dritt għall-kreditu fiskali: fil-mument tal-ħruġ tal-fattura li ma tinkludix il-VAT jew fil-mument tal-ħruġ tal-protokoll mill-fornitur?

L-Artikolu 203 tad-Direttiva 2006/112, ikkunsidrat flimkien mal-Artikolu 178(a) u mal-Artikolu 176 tagħha, u l-prinċipju ta’ newtralità, jippermettu dispożizzjoni bħal dik prevista fl-Artikolu 102(4) taż-ZDDS u prassi tal-korp nazzjonali responsabbli għad-dħul pubbliku, li permezz tagħhom il-fornitur ta’ provvista suġġetta għall-VAT li ma jkunx ippreżenta applikazzjoni għal reġistrazzjoni taħt iż-ZDDS fit-terminu previst fil-liġi, li jiddekorri mid-data li fiha jitnissel l-obbligu tiegħu ta’ reġistrazzjoni taħt iż-ZDDS, ikun l-unika persuna responsabbli għall-ħlas tal-VAT fuq il-kunsinni mwettqa minnu fil-perijodu bejn id-data li fiha jkun tnissel l-obbligu ta’ reġistrazzjoni tiegħu u d-data li fiha jiġi rreġistrat mill-korp responsabbli għad-dħul pubbliku, f’sitwazzjoni fejn ma tkunx prevista l-possibbiltà għall-fornitur, li jkun obbligat jirreġistra għall-finijiet tal-VAT taħt l-Artikolu 102(4) taż-ZDDS, li joħroġ fatturi ta’ rettifika (jew dokumenti oħra) lid-destinatarji tal-provvisti bil-għan li dawn tal-aħħar ikunu jistgħu jużaw id-dritt għat-tnaqqis tal-VAT?

____________

1     ĠU 2006, L 347, p. 1, rettifika fil-ĠU 2007, L 335, p. 60.