Language of document : ECLI:EU:C:2021:318

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

22 ta’ April 2021 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Trasport bl-ajru – Kumpens u assistenza lill‑passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u fil-każ ta’ kanċellazzjoni jew ta’ dewmien twil ta’ titjira – Regolament (KE) Nru 261/2004 – Artikolu 6 – Titjira li ġġarrab dewmien – Artikolu 8(3) – Devjazzjoni ta’ titjira lejn ajruport ieħor li jaqdi l-istess belt, agglomerazzjoni jew reġjun – Kunċett ta’ ‘kanċellazzjoni’ – Ċirkustanzi straordinarji – Kumpens lill-passiġġieri tal-ajru fil-każ ta’ kanċellazzjoni jew ta’ titjira li tasal b’dewmien twil – Obbligu li tittieħed responsabbiltà għall-ispejjeż tat-trasferiment bejn l-ajruport tal-wasla effettiv u l‑ajruport ta’ destinazzjoni inizjalment previst”

Fil-Kawża C‑826/19,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l‑Artikolu 267 TFUE, imressqa mil-Landesgericht Korneuburg (il-Qorti Reġjonali ta’ Korneuburg, l-Awstrija), permezz ta’ deċiżjoni tad-29 ta’ Ottubru 2019, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-13 ta’ Novembru 2019, fil-proċedura

WZ

vs

Austrian Airlines AG,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn M. Vilaras, President tal-Awla, N. Piçarra, D. Šváby (Relatur), S. Rodin u K. Jürimäe, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Pikamäe,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal WZ, minn F. Puschkarski, Rechtsanwältin,

–        għall-Gvern Awstrijak, minn A. Posch, G. Kunnert u J. Schmoll, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn G. Braun, R. Pethke u N. Yerrell, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-3 ta’ Diċembru 2020,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 5 sa 9 tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Frar 2004 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u li li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 8, p. 10).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn WZ u Austrian Airlines AG dwar talba għal kumpens tal-inkonvenjenzi li jirriżultaw mid-devjazzjoni ta’ titjira lejn ajruport ta’ destinazzjoni differenti minn dak inizjalment previst iżda li jinsab fl-istess żona ġeografika.

 Il-kuntest ġuridiku

3        Il-premessi 1 sa 4, 14 u 15 tar-Regolament Nru 261/2004 jindikaw:

“(1)      Azzjoni mil-Komunitá fil-qasam ta’ transport permezz ta’ l-ajru għandha jkollha l-iskop, fost affarijiet oħrajn, li tassigura livell ogħli ta’ protezzjoni għall-passiġġieri. ’Il fuq minn dan, konsiderazzjoni sħiħa għandha tiġi meħuda tal-ħtiġijiet ta’ protezzjoni tal-konsumatur b’mod ġenerali.

(2)      Il-fatt li ma jitħallewx jitilgħu u l-kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet jistgħu jikkawżaw problemi serji u inkonvenjenza għall-passiġġieri.

(3)      Filwaqt li r-Regolament tal-Konsill (KEE) Nru 295/91 ta’ l-4 ta’ Frar 1991 [li jistabbilixxi regoli komuni għal sistema ta’ kumpens għal imbark miċħud fit-trasport bl-ajru skedat (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 1, p. 306)] ħoloq protezzjoni bażika għal passiġġieri, in-numru ta’ passiġġieri li ma tħallewx jitilgħu kontra l-volontá tagħhom tibqa’ għolja wisq, bħalma tibqa’ dik affettwata minn kanċellazzjonijiet mingħajr notifika minn qabel u dik affettwata minn dewmien twal.

(4)      Il-Komunitá għandha għalhekk togħla l-istandards ta’ protezzjoni stabbiliti minn dak ir-Regolament kemm biex issaħħaħ id-drittijiet ta’ passiġġieri u biex tassigura li trasportaturi ta’ l-ajru jaħdmu taħt kondizzjonijiet armonizzati f’suq illiberalizzat.

[…]

(14)      Bħal taħt il-Konvenzjoni ta’ Montreal, obbligazzjonijiet dwar trasportaturi ta’ l-ajru li jaħdmu għandhom ikunu limitati jew esklużi fejn xi ħaġa ġiet ikkawżata minn ċirkostanzi straordinarji li ma setgħux jiġu evitati anki jekk il-miżuri kollha raġonevoli kienu ttieħdu. Ċirkostanzi bħal dawn jistgħu, partikolarment, iseħħu f’każijiet ta’ nuqqas ta’ stabbilitá politika, kondizzjonijiet meteoroloġiċi li ma jaqblux ma’ l-operazzjoni tat-titjira in kwistjoni, riskji tas-sigurtá, nuqqasijiet mhux mistennijin fir-rigward tas-sigurtá tat-titjira u strajkijiet li jaffettaw l-operazzjoni ta’ trasportatur ta’ l-ajru li jopera.

(15)      Ċirkostanzi straordinarji għandhom jiġu meqjusin li jeżistu fejn l-impatt ta’ deċiżjoni dwar il-ġestjoni tat-traffiku ta’ l-ajru fir-rigward ta’ inġenju ta’ l-ajru partikolari fuq ġurnata partikolari tikkawża dewmien twil, dewmien ta’ matul il-lejl, jew il-kanċellazzjoni ta’ titjira waħda jew aktar titjiriet ta’ dak l-inġenju ta’ l-ajru, anki jekk il-miżuri raġonevoli kollha ttieħdu mil-trasportatur ta’ l-ajru in kwistjoni biex jiġu evitati id-dewmien jew kanċellazzjonijiet.”

4        L-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprovdi:

“Għall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament:

[…]

(h)      ‘destinazzjoni finali’ ifisser id-destinazzjoni fuq il-biljett ippreżentat fil-post taċ-check-in jew, fil-każ ta’ titjiriet konnessi direttament, id-destinazzjoni ta’ l-aħħar titjira; titjiriet konnessi alternattivi li qegħdin għad-dispożizzjoni m’għandhomx jiġu meħudin in konsiderazzjoni jekk il-ħin oriġinali tal-wasla hu mħares;

[…]

(l)      ‘kanċellazzjoni’ tfisser in-nuqqas ta’ operazzjoni ta’ titjira li kienet qabel ippjanata u fuq liema mill-inqas post wieħed kien irreżervat.”

5        L-Artikolu 4 tal-imsemmi regolament, intitolat “Passiġġieri li ma tħallewx jitilgħu”, jipprevedi, fil-paragrafu 3 tiegħu:

“Jekk passiġġieri ma jitħallewx jitilgħu kontra l-volontá tagħhom, il-trasportatur ta’ l-ajru li jopera għandu jagħtihom kumpens minnufih skond l-Artikolu 7 u jassistihom skond l-Artikoli 8 u 9.”

6        L-Artikolu 5 tal-istess regolament, intitolat “Kanċellazzjoni”, jipprevedi, fil-paragrafi 1 u 3 tiegħu:

“1.      Fil-każ ta’ kanċellazzjoni ta’ titjira, il-passiġġieri in kwistjoni għandhom:

(a)      jiġu offruti assistenza mil-trasportatur ta’ l-ajru li jopera skond l-Artikolu 8; u

(b)      jiġu offruti assistenza mil-trasportatur ta’ l-ajru li jopera skond l-Artikolu 9(1)(a) u 9(2), kif ukoll, fil-każ ta’ għemil ta’ rotta differenti meta l-ħin tat-tluq raġonevolment mistenni tat-titjira ġdida hu mill-inqas il-ġurnata wara t-tluq kif kien ippjanat għat-titjira kkanċellata, l-assistenza speċifikata fl-Artikolu 9(1)(b) u 9(1)(ċ); u

(ċ)      jkollhom id-dritt għal kumpens mil-trasportatur ta’ l-ajru li jopera skond l-Artikolu 7, kemm-il darba [sakemm]:

[…]

(iii)      huma [ma jkunux] informati bil-kanċellazzjoni inqas minn sebat ijiem qabel il-ħin tat-tluq skedat u huma offruti rotta differenti, li tħallihom jitilqu mhux aktar minn siegħa qabel il-ħin tat-tluq skedat u jaslu fid-destinazzjoni finali tagħhom inqas minn sagħtejn wara l-ħin tal-wasla skedat.

[…]

3.      Trasportatur ta’ l-ajru li jopera m’għandux ikun obbligat iħallas kumpens skont l-Artikolu 7, jekk jista’ juri li l-kanċellazzjoni hi kkawżata minn ċirkostanzi staordinarji li ma setgħux jiġu evitati anki jekk il-miżuri raġonevoli kollha ġew meħudin.”

7        L-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 261/2004, intitolat “Dewmien”, jipprevedi:

“1.      Meta trasportatur ta’ l-ajru li jopera jistenna b’mod raġonevoli li titjira tiġi mdewma lil hin mil-ħin tat-tluq tagħha skedat:

(a)      għal sagħtejn jew aktar, fil-każ ta’ titjiriet ta’ 1500 kilometru jew inqas; jew

(b)      għal tlett sigħat jew aktar, fil-każ tat-tijiriet intra-Komunitarji kollha ta’ aktar minn 1500 kilometru u għat-titjiriet oħrajn kollha bejn 1500 u 3500 kilometru; jew

(ċ)      għal erba’ sigħat jew aktar, fil-każ tat-titjiriet kollha li ma jaqawx taħt (a) jew (b),

passiġġieri għandhom jiġu offruti mil-trasportatur ta’ l-ajru li jopera:

(i)      l-assistenza speċifikata fl-Artikolu 9(1)(a) u 9(2); u

(ii)      meta l-ħin tat-tluq raġonevolment mistenni hu mill-inqas il-ġurnata wara l-ħin tat-tluq li kien imħabbar qabel, l-assistenza speċifikata fl-Artikolu 9(1)(b) u 9(1)(ċ); u

(iii)      meta d-dewmien hu ta’ mill-inqas ħames sigħat, l-assistenza speċifikata fl-Artikolu 8(1)(a).

2.      Fi kwalunkwe każ, l-assistenza għandha tiġi offruta fil-limiti tal-ħin stabbiliti hawn fuq fir-rigward ta’ kull parentesi ta’ distanza.”

8        L-Artikolu 7 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Dritt għall-kumpens”, jipprovdi, fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu:

“1. Fejn referenza hi magħmula għal dan l-Artikolu, passiġġieri għandhom jirċievu kumpens li jammonta għal:

(a)      EUR 250 għat-titjiriet kollha ta’ 1500 kilometru jew inqas;

(b)      EUR 400 għat-titjiriet intra-Komunitarji kollha ta’ aktar minn 1500 kilometru, u għat-titjiriet oħrajn kollha bejn 1500 u 3500 kilomentru:

(ċ)      EUR 600 għat-titjiriet kollha li ma jaqawx taħt (a) jew (b).

Fid-determinazzjoni tad-distanza, il-bażi għandha tkun l-aħħar destinazzjoni ġo liema l-fatt li l-persuna ma tħallietx titla’ jew il-kanċellazzjoni ser iddewwem il-wasla tal-passiġġier wara l-ħin skedat.

2.      Meta passiġġieri huma offruti possibiliá oħra biex jaslu fid-destinazzjoni finali tagħhom fuq titjira alternattiva skont l-Artikolu 8, il-ħin tal-wasla ta’ liema ma taqbiżx il-ħin tal-wasla skedat tat-titjira rreġistrata oriġinarjament

(a)      b’sagħtejn, fir-rigward tat-titjiriet kollha ta’ 1500 kilometru jew inqas; jew

(b)      b’tlett sigħat, fir-rigward tat-tijiriet intra-Komunitarji kollha ta’ aktar minn 1500 kilometru u għat-titjiriet oħrajn kollha bejn 1 500 u 3 500 kilometru; jew

(ċ)      b’erba’ sigħat, fir-rigward tat-titjiriet kollha li ma jaqawx taħt (a) jew (b),

il-trasportatur ta’ l-ajru li jopera jista’ jnaqqas il-kumpens previst fil-paragrafu 1 bi 50 %.”

9        L-Artikolu 8 tal-imsemmi regolament, intitolat “Dritt għar-rimbors jew rotta differenti”, jipprevedi:

“1.      Fejn referenza hi magħmula għal dan l-Artikolu, passiġġieri għandhom jiġu offruti l-għażla bejn:

(a)      –      rimbors fi żmien sebat ijiem, permezz tal-mezzi previsti fl-Artikolu 7(3), tal-prezz sħiħ tal-biljett bil-prezz b’liema ġie mixtri, għall-parti jew partijiet tal-vjaġġ li ma ġewx magħmulin, u għall-parti jew partijiet li diġà ġew magħmulin jekk it-titjira m’għadhiex qed taqdi kwalunkwe skop fir-rigward tal-pjan ta’ vjaġġ oriġinali tal-passiġġier, flimkien ma,’ meta rilevanti,

–      titjira lura għall-ewwel punt ta’ tluq, ma’ l-ewwel opportunitá;

(b)      rotta differenti, taħt kondizzjonijiet tat-trasport paragunabbli, għad-destinazzjoni finali tagħhom ma’ l-ewwel opportunitá; jew

(ċ)      rotta differenti, taħt kondizzjonijiet tat-trasport paragunabbli, għad-destinazzjoni finali tagħhom f’data aktar tard skond il-konvenjenza tal-passiġġier, soġġett għall-postijiet li qegħdin għad-dispożizzjoni.

[…]

3.      Meta, fil-każ fejn belt, ċittá [agglomerazzjoni] jew reġjuni hi moqdija minn bosta ajruporti, trasportatur ta’ l-ajru joffri passiġġier titjira għal ajruport alternattiv għal dak għal liema l-prenotazzjoni ġiet magħmula, il-trasportatur ta’ l-ajru li jopera għandu jħallas l-ispiża tat-trasferiment tal-passiġġier minn dak l-ajruport alternattiv jew għal dak għal liema l-prenotazzjoni ġiet magħmula, jew għal destinazzjoni oħra li qegħda fil-qrib miftehma mal-passiġġier.”

10      L-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 261/2004, intitolat “Id-dritt li ħsieb tal-passiġġieri jiġi meħud”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Fejn referenza hi magħmula għal dan l-Artikolu, passiġġieri għandhom jiġu offruti mingħajr ħlas:

[…]

(ċ)      trasport bejn l-ajruport u l-post ta’ l-akkomodazzjoni (il-lukanda jew post ieħor).”

 It-tilwima fil-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

11      WZ għamel prenotazzjoni waħda ma’ Austrian Airlines għal vjaġġ li kien jikkonsisti f’żewġ titjiriet li kellhom jitwettqu fil-21 ta’ Mejju 2018, bl-ewwel titjira bejn Klagenfurt (l-Awstrija) u Vjenna (l-Awstrija), bit-tluq previst fis-18.35 u l-wasla prevista fis-19.20, u t-tieni titjira bejn Vjenna u Berlin (il-Ġermanja), bit-tluq previst fid-21.00 u l-wasla prevista fl-22.20 fl-ajruport ta’ Berlin Tegel.

12      Peress li l-kundizzjonijiet meteoroloġiċi prevalenti matul ir-rotazzjoni ta’ qabel ta’ qabel tal-aħħar tal-inġenju tal-ajru li kellu jwettaq it-titjira bejn Vjenna u Berlin kienu kkawżaw dewmien li kellu konsegwenzi fuq it-titjiriet sussegwenti mwettqa minn dan l-inġenju tal-ajru, it-titjira rriżervata minn WZ telqet mill-ajruport ta’ Vjenna fl-22.07 u, peress li l-inġenju tal-ajru ma setax jinżel fl-ajruport ta’ Berlin Tegel minħabba l-projbizzjoni ta’ titjiriet matul il-lejl fis-seħħ, it-titjira kienet iddevjata lejn l-ajruport ta’ Berlin Schönefeld, li jinsab fil-Land ta’ Brandenburg (il-Ġermanja), qrib il-Land ta’ Berlin (il-Ġermanja), fejn l-inġenju tal-ajru niżel fil-23.18.

13      WZ ippreżenta, quddiem il-Bezirksgericht Schwechat (il-Qorti Distrettwali ta’ Schwechat, l-Awstrija), rikors intiż sabiex Austrian Airlines tiġi kkundannata tħallsu s-somma ta’ EUR 250 bħala kumpens skont l-Artikolu 5(1)(ċ) tar-Regolament Nru 261/2004, moqri flimkien mal-Artikolu 7(1) ta’ dan ir-regolament. Din it-talba kienet ibbażata, minn naħa, fuq id-dewmien tat-titjira mal-wasla (23.18 minflok 22.20) u, min-naħa l-oħra, fuq il-fatt li Austrian Airlines kienet naqset milli twettaq l-obbligu tagħha li toffrilu trasport komplementari mill-ajruport ta’ Berlin Schönefeld lejn l-ajruport ta’ Berlin Tegel. Skont WZ, l-Artikolu 8(3) tal-imsemmi regolament ma japplikax għas-sitwazzjoni tiegħu, peress li l-ajruport ta’ Berlin Schönefeld ma jinsabx fil-Land ta’ Berlin.

14      Fir-risposta tagħha, Austrian Airlines talbet li r-rikors jiġi miċħud, billi sostniet, l-ewwel, li WZ kien wasal fid-destinazzjoni finali tiegħu b’dewmien ta’ 58 minuta biss, it-tieni, li WZ seta’ faċilment jasal fir-residenza tiegħu, li kienet 24 km bogħod mill-ajruport ta’ Berlin Schönefeld, billi jaqbad mezz ta’ trasport addizzjonali, u, it-tielet, li d-dewmien kien dovut għal ċirkustanzi straordinarji, fis-sens tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004, jiġifieri problemi meteoroloġiċi kunsiderevoli li seħħew matul ir-rotazzjoni ta’ qabel ta’ qabel tal-aħħar tal-inġenju tal-ajru.

15      Permezz ta’ sentenza tal-24 ta’ Ġunju 2019, il-Bezirksgericht Schwechat (il-Qorti Distrettwali ta’ Schwechat) ċaħdet ir-rikors billi kkunsidrat, minn naħa, li d-devjazzjoni tat-titjira inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma kinitx tikkostitwixxi bidla sinjifikattiva fir-rotta tat-titjira, b’tali mod li din kellha titqies li kienet ġarrbet dewmien u mhux li kienet ġiet ikkanċellata, u, min-naħa l-oħra, li d-dewmien ma kienx jilħaq tul ta’ tliet sigħat jew iktar.

16      WZ appella minn dik is-sentenza quddiem il-Landesgericht Korneuburg (il-Qorti Reġjonali ta’ Korneuburg, l-Awstrija).

17      Din il-qorti tal-aħħar għandha dubji dwar, l-ewwel, jekk il-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandhomx jinftiehmu bħala kanċellazzjoni jew bħala dewmien tat-titjira jew bħala każ separat, it-tieni, jekk Austrian Airlines tistax tinvoka l-fatt li seħħew ċirkustanzi straordinarji fis-sens tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004, u, it-tielet, jekk dan it-trasportatur tal-ajru għandux iħallas kumpens minħabba eventwali ksur tal-obbligi tiegħu ta’ assistenza u ta’ teħid ta’ responsabbiltà.

18      F’dawn il-kundizzjonijiet, il-Landesgericht Korneuburg (il-Qorti Reġjonali ta’ Korneuburg) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

“(1)      L-Artikolu 8(3) tar-[Regolament Nru 261/2004] għandu jiġi interpretat fis-sens li għandu jiġi applikat għal żewġ ajruporti li t-tnejn li huma jinsabu fi prossimità immedjata ta’ ċentru ta’ belt, fejn madankollu wieħed minnhom biss jinsab fit-territorju tal-belt filwaqt li l-ieħor jinsab fil-Land Federali ġar?

2)      L-Artikolu 5(1)(ċ), l-Artikolu 7(1) u l-Artikolu 8(3) tar-[Regolament Nru 261/2004] għandhom jiġu interpretati fis-sens li jirriżulta dritt għal kumpens minħabba kanċellazzjoni ta’ titjira f’każ ta’ nżul f’ajruport ta’ destinazzjoni alternattiv tal-istess lokalità, tal-istess belt jew l-istess reġjun?

3)      L-Artikolu 6(1), l-Artikolu 7(1) u l-Artikolu 8(3) tar-[Regolament Nru 261/2004] għandhom jiġu interpretati fis-sens li jirriżulta dritt għal kumpens għal dewmien twil f’każ ta’ nżul f’ajruport alternattiv tal-istess lokalità, tal-istess belt jew tal-istess reġjun?

4)      L-Artikolu 5, l-Artikolu 7 u l-Artikolu 8(3) tar-[Regolament Nru 261/2004] għandhom jiġu interpretati fis-sens li, sabiex jiġi stabbilit jekk passiġġier bl-ajru ikunx issubixxa telf ta’ ħin ta’ tliet sigħat jew iktar fis-sens tas-sentenza [tad‑19 ta’ Novembru 2009, Sturgeon et (C 402/07 u C 432/07, EU:C:2009:716)], id-dewmien għandu jiġi kkalkolat b’riferiment għall-mument ta’ nżul fl-ajurport ta’ destinazzjoni alternattiv jew għall-mument tat-trasferiment fl-ajruport ta’ destinazzjoni previst fir-reżervazzjoni inizjali jew f’destinazzjoni oħra qrib li tkun miftiehma mal-passiġġier?

5)      L-Artikolu 5(3) tar-[Regolament Nru 261/2004] għandu jiġi interpretat fis-sens li trasportatur tal-ajru li jwettaq titjiriet fi proċedura ta’ rotazzjoni jista’ jinvoka incident, f’dan il-każ tnaqqis tar-rata tal-wasliet dovut għal kundizzjonijiet ta’ maltempata, li seħħ fir-rigward tar-rotazzjoni ta’ tliet titjiriet qabel it-titjira kkonċernata?

6)      L-Artikolu 8(3) tar-[Regolament Nru 261/2004] għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’każ ta’ nżul f’ajruport ta’ destinazzjoni alternattiv, it-trasportatur tal-ajru huwa obbligat jipproponi t-trasferiment lejn post ieħor fuq inizjattiva tiegħu stess jew il-passiġġier għandu jitlob dan?

7)      L-Artikolu 7(1), l-Artikolu 8(3) u l-Artikolu 9(1)(ċ) tar-[Regolament Nru 261/2004] għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-passiġġier għandu dritt għal kumpens minħabba l-ksur tal-obbligi ta’ assistenza u ta’ teħid ta’ responsabbiltà previsti fl-Artikoli 8 u 9?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda

19      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 261/2004 għandux jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ li titjira tiġi ddevjata lejn ajruport li jaqdi l-istess belt bħall-ajruport inizjalment previst, it-teħid ta’ responsabbiltà għall-ispejjeż tat-trasferiment tal-passiġġieri bejn iż-żewġ ajruporti, previst f’din id-dispożizzjoni, huwa suġġett għall-kundizzjoni li l-ewwel ajruport ikun jinsab fit-territorju tal-istess belt, tal-istess agglomerazzjoni jew tal-istess reġjun bħat-tieni ajruport.

20      F’dan ir-rigward, għalkemm l-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 261/2004 jipprevedi li t-teħid ta’ responsabbiltà għall-ispejjeż tat-trasferiment tal-passiġġieri bejn l-ajruport tal-wasla effettiv u l-ajruport tal-wasla inizjalment previst jew destinazzjoni oħra fil-qrib miftiehma bejn it-trasportatur tal-ajru li jopera u l-passiġġier japplika “fil-każ fejn belt, ċittá [agglomerazzjoni] jew reġjuni hi moqdija minn bosta ajruporti”, la din id-dispożizzjoni, la l-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament, li jiddefinixxi ċertu numru ta’ kunċetti għall-finijiet tiegħu, u lanqas xi dispożizzjoni oħra tal-imsemmi regolament ma jispeċifikaw xi jfissru “belt, agglomerazzjoni jew reġjun moqdija minn bosta ajruporti”.

21      Barra minn hekk, peress li, fir-rigward ta’ dawn il-kunċetti, l-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 261/2004 ma jagħmel ebda riferiment għad-dritt nazzjonali, dawn il-kunċetti għandhom jiġu interpretati b’mod awtonomu, b’tali mod li japplikaw b’mod uniformi fl-Unjoni Ewropea (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-4 ta’ Settembru 2014, Germanwings, C‑452/13, EU:C:2014:2141, punti 16 u 17).

22      F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar li d-determinazzjoni tat-tifsira u tal-portata ta’ termini li ma jingħataw ebda definizzjoni fid-dritt tal-Unjoni għandha tiġi stabbilita konformement mat-tifsira abitwali tagħhom fil-lingwaġġ ta’ kuljum, filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-kuntest li fih jintużaw u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li minnha jifformaw parti (sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2008, Wallentin-Hermann, C‑549/07, EU:C:2008:771, punt 17).

23      Fir-rigward tat-tifsira abitwali fil-lingwaġġ ta’ kuljum tat-termini “belt, agglomerazzjoni jew reġjun”, għalkemm huwa minnu li, meħuda b’mod iżolat, dawn it-termini jirreferu għal territorji li l-portata tagħhom hija limitata minn fruntieri, iddefiniti minn regoli kostituzzjonali, leġiżlattivi jew regolamentari tal-Istat li jifformaw parti minnu dawn it-territorji, dawn l-istess termini, meħuda flimkien fil-forma ta’ lista u ppreċiżati permezz tal-espressjoni “moqdija minn bosta ajruporti”, li tinsab fl-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 261/2004, għandhom jinftiehmu bħala li jirreferu inqas għal entità territorjali jew infra-Statali partikolari ta’ natura amministrattiva jew anki politika, milli għal territorju kkaratterizzat mill-preżenza ta’ ajruporti li jinsabu fil-viċinanza ta’ dan it-territorju u li huma intiżi li jaqduh.

24      Minn dan jirriżulta li l-fatt li l-ajruport tal-wasla effettiv u l-ajruport tal-wasla inizjalment previst jinsabu fit-territorju ta’ entitajiet territorjali infra-Statali distinti huwa irrilevanti għall-applikazzjoni tal-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 261/2004.

25      Tali interpretazzjoni hija kkonfermata mill-għanijiet imfittxija mir-Regolament Nru 261/2004.

26      Fil-fatt, minn naħa, l-għan tar-Regolament Nru 261/2004 huwa, kif jirriżulta mill-premessi 1, 2 u 4 tiegħu, li jiġi ggarantit livell għoli ta’ protezzjoni tal-passiġġieri u tal-konsumaturi, billi jissaħħu d-drittijiet tagħhom f’ċertu numru ta’ sitwazzjonijiet li jinvolvu diffikultajiet u inkonvenjenzi serji, kif ukoll billi dawn tal-aħħar jiġu kkumpensati b’mod standardizzat u immedjat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta’ Ġunju 2016, Mennens, C‑255/15, EU:C:2016:472, punt 26).

27      Issa, l-adozzjoni ta’ interpretazzjoni restrittiva tat-termini “belt, agglomerazzjoni jew reġjun”, bħal dik irrakkomandata mir-rikorrent fil-kawża prinċipali, fis-sens li l-ajruport tal-wasla effettiv u l-ajruport tal-wasla inizjalment previst għandhom ikunu jinsabu fit-territorju tal-istess belt, tal-istess agglomerazzjoni jew tal-istess reġjun, fejn kull wieħed minn dawn it-termini għandu jinftiehem fis-sens tad-dritt nazzjonali, iċċaħħad lill-passiġġier li t-titjira tiegħu tiġi ddevjata lejn ajruport alternattiv li, filwaqt li jinsab fil-viċinanza tal-ajruport inizjalment previst, jinsab fit-territorju ta’ belt oħra, ta’ agglomerazzjoni oħra jew ta’ reġjun ieħor mid-dritt għat-teħid ta’ responsabbiltà għall-ispejjeż tat-trasferiment previst fl-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 261/2004 u tikkomprometti, għalhekk, l-għan, imfittex minn dan ir-regolament, li jiġi ggarantit livell għoli ta’ protezzjoni tal-passiġġieri tal-ajru.

28      Min-naħa l-oħra, ir-Regolament Nru 261/2004 għandu wkoll l-għan, skont il-premessa 4 tiegħu, li jiġi żgurat li t-trasportaturi tal-ajru jkunu jistgħu jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom f’kundizzjonijiet ekwivalenti f’suq illiberalizzat. Issa, l-għoti ta’ preferenza lill-interpretazzjoni restrittiva tat-termini “belt, agglomerazzjoni jew reġjun”, kif esposta fil-punt preċedenti, ikollu l-konsegwenza li jissuġġetta għar-regoli kostituzzjonali, leġiżlattivi jew regolamentari speċifiċi għal kull Stat Membru t-teħid ta’ responsabbiltà, mit-trasportatur tal-ajru li jopera, għall-ispejjeż tat-trasferiment, skont l-Artikolu 8(3) ta’ dan ir-regolament.

29      Fl-aħħar nett, din l-istess interpretazzjoni restrittiva tat-termini “belt, agglomerazzjoni jew reġjun moqdija minn bosta ajruporti” iċċaħħad lill-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 261/2004 mill-effett utli tiegħu. Fil-fatt, ikun partikolarment diffiċli, jekk mhux impossibbli, għat-trasportatur tal-ajru li jopera li joffri lill-passiġġier rotta differenti għat-titjira lejn ajruport alternattiv li jinsab barra mit-territorju tal-belt, tal-agglomerazzjoni jew tar-reġjun fejn jinsab l-ajruport tal-wasla inizjalment previst, minkejja li dan l-ajruport alternattiv jinsab fil-viċinanza tat-territorju tal-belt, tal-agglomerazzjoni jew tar-reġjun li fih jinsab l-ajruport inizjalment previst.

30      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 261/2004 għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ li titjira tiġi ddevjata lejn ajruport li jaqdi l-istess belt bħall-ajruport inizjalment previst, it-teħid ta’ responsabbiltà għall-ispejjeż tat-trasferiment tal-passiġġieri bejn iż-żewġ ajruporti, previst f’din id-dispożizzjoni, ma huwiex suġġett għall-kundizzjoni li l-ewwel ajruport ikun jinsab fit-territorju tal-istess belt, tal-istess agglomerazzjoni jew tal-istess reġjun bħat-tieni ajruport.

 Fuq it-tieni u t-tielet domanda

31      Permezz tat-tieni u tat-tielet domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 5(1)(ċ), l-Artikolu 7(1) u l-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 261/2004 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li titjira ddevjata li tinżel f’ajruport differenti mill-ajruport inizjalment previst iżda li jaqdi l-istess belt, agglomerazzjoni jew reġjun tista’ tagħti lill-passiġġier dritt għal kumpens minħabba kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ din it-titjira.

32      Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li, fid-deċiżjoni tar-rinviju, il-qorti tar-rinviju tirreferi wkoll għall-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 261/2004, dwar l-ipoteżi ta’ dewmien twil fit-tluq ta’ titjira. Madankollu, minn din id-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li dik il-qorti għandha fil-verità dubju dwar jekk titjira ddevjata li tinżel f’ajruport alternattiv li jinsab fil-viċinanza tat-territorju li fih jinsab l-ajruport tal-wasla inizjalment previst tistax tagħti lill-passiġġier ikkonċernat dritt għal kumpens ibbażat jew fuq kanċellazzjoni tat-titjira, fis-sens tal-Artikolu 5(1)(ċ) ta’ dan ir-regolament, jew fuq dewmien twil mal-wasla ta’ tliet sigħat jew iktar, fis-sens tas-sentenza tad-19 ta’ Novembru 2009, Sturgeon et (C‑402/07 u C‑432/07, EU:C:2009:716). Għaldaqstant, l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 261/2004 ma huwiex rilevanti sabiex tingħata risposta utli lill-qorti tar-rinviju sabiex tiddeċiedi t-tilwima fil-kawża prinċipali.

33      Wara li ġie speċifikat dan, għandu jitfakkar, fl-ewwel lok, li l-Artikolu 2(l) tal-imsemmi regolament jiddefinixxi “kanċellazzjoni” bħala “in-nuqqas ta’ operazzjoni ta’ titjira li kienet qabel ippjanata u fuq liema mill-inqas post wieħed kien irreżervat”.

34      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li titjira essenzjalment tikkonsisti f’operazzjoni ta’ trasport bl-ajru u għalhekk hija, b’ċertu mod, “unità” ta’ dan it-trasport, imwettqa minn trasportatur tal-ajru li jistabbilixxi r-rotta tiegħu (sentenza tal-10 ta’ Lulju 2008, Emirates Airlines, C‑173/07, EU:C:2008:400, punt 40). Barra minn hekk, hija speċifikat li r-rotta tikkostitwixxi element essenzjali tat-titjira, peress li din tal-aħħar titwettaq skont skeda stabbilita minn qabel mit-trasportatur (sentenza tad-19 ta’ Novembru 2009, Sturgeon et, C‑402/07 u C‑432/07, EU:C:2009:716, punt 30).

35      Peress li għalhekk it-terminu “rotta” jindika l-vjaġġ li għandu jitwettaq mill-ajruplan mill-ajruport tat-tluq sal-ajruport tal-wasla, skont ordni kronoloġiku stabbilit, jirriżulta li sabiex titjira tkun tista’ titqies li twettqet ma huwiex biżżejjed li l-ajruplan ikun telaq skont ir-rotta prevista iżda huwa meħtieġ ukoll li jasal fid-destinazzjoni tiegħu kif indikata fl-imsemmija rotta (sentenza tat-13 ta’ Ottubru 2011, Sousa Rodríguez et, C‑83/10, EU:C:2011:652, punt 28).

36      B’hekk, titjira ma tistax titqies li twettqet meta tkun ġiet iddevjata lejn ajruport differenti mill-ajruport ta’ destinazzjoni inizjalment previst, b’tali mod li din it-titjira għandha, bħala prinċipju, titqies li hija titjira kkanċellata, fis-sens tal-Artikolu 2(l) tar-Regolament Nru 261/2004, li tista’ tagħti dritt għal kumpens skont id-dispożizzjonijiet ikkunsidrati flimkien tal-Artikolu 5(1)(ċ) u tal-Artikolu 7 ta’ dan ir-regolament.

37      Madankollu, fil-każ partikolari li l-ajruport li lejh tkun ġiet iddevjata t-titjira jaqdi l-istess belt, agglomerazzjoni jew reġjun bħall-ajruport ta’ destinazzjoni inizjalment previst, la jkun konformi mal-għan tal-imsemmi regolament u lanqas mal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament li d-devjazzjoni tat-titjira tiġi assimilata ma’ kanċellazzjoni tat-titjira.

38      Fil-fatt, minn naħa, għandu jiġi rrilevat li, minbarra l-għan prinċipali mfittex mir-Regolament Nru 261/2004, li huwa, kif tfakkar fil-punt 26 ta’ din is-sentenza, li jiġi ggarantit livell għoli ta’ protezzjoni tal-passiġġieri u tal-konsumaturi, dan ir-regolament għandu wkoll għanijiet sekondarji impliċiti, fosthom dak li jitnaqqas, minn qabel, in-numru ta’ titjiriet ikkanċellati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Jannar 2006, IATA u ELFAA, C‑344/04, EU:C:2006:10, punt 83).

39      Barra minn hekk, għandu jingħad ukoll li, bl-adozzjoni tal-imsemmi regolament, il-leġiżlatur tal-Unjoni ried ukoll jibbilanċja l-interessi tal-passiġġieri tal-ajru u dawk tat-trasportaturi tal-ajru (sentenzi tad-19 ta’ Novembru 2009, Sturgeon et, C‑402/07 u C‑432/07, EU:C:2009:716, punt 67, kif ukoll tat-23 ta’ Ottubru 2012, Nelson et, C‑581/10 u C‑629/10, EU:C:2012:657, punt 39).

40      F’dan il-kuntest, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 261/2004, moqri fid-dawl tal-premessi 1 sa 4 tiegħu, għandu għan speċifiku sa fejn huwa intiż li jipprevjeni l-okkorrenza ta’ diffikultajiet u ta’ inkonvenjenzi serji li jista’ jġarrab il-passiġġier fil-każ ta’ kanċellazzjoni tat-titjira, u mhux li jikkumpensa l-konsegwenzi ta’ dawn l-inkonvenjenzi, billi jiddisswadi lit-trasportatur tal-ajru li jopera milli jwettaq din il-kanċellazzjoni u billi jagħtih ċertu marġni ta’ manuvra sabiex joffri lill-passiġġier rotta differenti lejn id-destinazzjoni finali tiegħu permezz ta’ devjazzjoni tat-titjira lejn ajruport alternattiv li jaqdi l-istess belt, agglomerazzjoni jew reġjun kif ukoll teħid ta’ responsabbiltà għall-ispejjeż tat-trasferiment bejn dan l-ajruport u l-ajruport ta’ destinazzjoni inizjalment previst jew kwalunkwe destinazzjoni oħra fil-qrib miftiehma mal-passiġġier.

41      Min-naħa l-oħra, skont ġurisprudenza stabbilita, kull att tad-dritt tal-Unjoni għandu jiġi interpretat konformement mad-dritt primarju kollu, inkluż konformement mal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, li jeżiġi li sitwazzjonijiet komparabbli ma għandhomx jiġu ttrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma għandhomx jiġu ttrattati bl-istess mod, sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat (ara s-sentenza tad-19 ta’ Novembru 2009, Sturgeon et, C‑402/07 u C‑432/07, EU:C:2009:716, punt 48).

42      Issa, ikun kuntrarju għall-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament li titjira ddevjata lejn ajruport li jkun differenti minn dak inizjalment previst iżda li jaqdi l-istess belt, agglomerazzjoni jew reġjun tiġi assimilata ma’ titjira kkanċellata. Fil-fatt, tali assimilazzjoni twassal, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 59 u 60 tal-konklużjonijiet tiegħu, sabiex lill-passiġġier ta’ din it-titjira jiġi rrikonoxxut dritt għal kumpens skont l-Artikolu 5(1)(ċ) u l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 261/2004, inkluż meta, wara t-trasferiment, il-passiġġier jasal fl-ajruport inizjalment previst jew fi kwalunkwe destinazzjoni oħra miftiehma b’dewmien ta’ inqas minn tliet sigħat, filwaqt li dan id-dritt għal kumpens jiġi rrifjutat lill-passiġġier ta’ titjira li tkun niżlet fl-ajruport inizjalment previst b’dewmien ta’ inqas minn tliet sigħat, minkejja li dan il-passiġġier tal-aħħar ikun ġarrab inkonvenjenza simili għal dik tal-ewwel passiġġier.

43      Għall-kuntrarju, fit-tieni lok, diffikultajiet u inkonvenjenzi serji jirriżultaw meta l-passiġġier ta’ titjira ddevjata lejn ajruport alternattiv li jaqdi l-istess belt, agglomerazzjoni jew reġjun iġarrab dewmien twil mal-wasla u jasal fid-destinazzjoni finali tiegħu b’dewmien ta’ tliet sigħat jew iktar meta mqabbel mal-ħin tal-wasla inizjalment previst. F’din is-sitwazzjoni, il-passiġġier għandu, bħala prinċipju, dritt għal kumpens skont ir-Regolament Nru 261/2004 meta jasal b’dewmien twil ta’ tliet sigħat jew iktar, fis-sens tas-sentenza tad-19 ta’ Novembru 2009, Sturgeon et (C‑402/07 u C‑432/07, EU:C:2009:716).

44      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għat-tieni u għat-tielet domanda hija li l-Artikolu 5(1)(ċ), l-Artikolu 7(1) u l-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 261/2004 għandhom jiġu interpretati fis-sens li titjira ddevjata li tinżel f’ajruport differenti mill-ajruport inizjalment previst iżda li jaqdi l-istess belt, agglomerazzjoni jew reġjun ma tistax tagħti lill-passiġġier dritt għal kumpens minħabba kanċellazzjoni tat-titjira. Madankollu, il-passiġġier ta’ titjira ddevjata lejn ajruport alternattiv li jaqdi l-istess belt, agglomerazzjoni jew reġjun bħall-ajruport inizjalment previst għandu bħala prinċipju dritt għal kumpens skont dan ir-regolament meta jasal fid-destinazzjoni finali tiegħu tliet sigħat jew iktar wara l-ħin tal-wasla inizjalment previst mit-trasportatur tal-ajru li jopera.

 Fuq ir-raba’ domanda

45      Permezz tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikoli 5 u 7 kif ukoll l-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 261/2004 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li, sabiex tiġi ddeterminata l-portata tad-dewmien mal-wasla mġarrab minn passiġġier ta’ titjira ddevjata li tkun niżlet f’ajruport differenti minn dak inizjalment previst iżda li jaqdi l-istess belt, agglomerazzjoni jew reġjun, għandu jittieħed bħala riferiment il-ħin tal-wasla fl-ajruport alternattiv jew il-ħin tal-wasla, wara t-trasferiment, fl-ajruport inizjalment previst jew, jekk ikun il-każ, f’destinazzjoni oħra fil-qrib miftiehma mat-trasportatur tal-ajru li jopera.

46      Fl-ewwel lok, mill-formulazzjoni tal-Artikolu 5(1)(ċ) kif ukoll mill-Artikoli 7 u 8 tar-Regolament Nru 261/2004 jirriżulta li dawn id-dispożizzjonijiet jirreferu għall-kunċett ta’ “destinazzjoni finali”, li huwa ddefinit, fl-Artikolu 2(h) ta’ dan ir-regolament, bħala li jirreferi għad-destinazzjoni indikata fuq il-biljett ippreżentat mal-bank taċ-check-in, jew, fil-każ ta’ titjiriet b’konnessjoni, id-destinazzjoni tal-aħħar titjira.

47      Fit-tieni lok, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li, peress l-inkonvenjenza kkostitwita mit-telf ta’ ħin isseħħ mal-wasla fid-destinazzjoni finali, il-portata tad-dewmien għandha tiġi evalwata, għall-finijiet tal-kumpens previst fl-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 261/2004, fid-dawl tal-ħin tal-wasla previst f’din id-destinazzjoni (sentenza tas-26 ta’ Frar 2013, Folkerts, C‑11/11, EU:C:2013:106, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata), filwaqt li għandu jiġi ppreċiżat li dan il-ħin jikkorrispondi għal dak stabbilit fil-pjan tat-titjira u indikat fuq il-biljett li l-passiġġier ikkonċernat ikollu fil-pussess tiegħu (digriet tal-1 ta’ Ottubru 2020, FP Passenger Service, C‑654/19, EU:C:2020:770, punt 25).

48      Għalhekk, sabiex tiġi ddeterminata l-portata tad-dewmien imġarrab mal-wasla minn passiġġier ta’ titjira ddevjata li niżlet f’ajruport differenti minn dak inizjalment previst iżda li jaqdi l-istess belt, agglomerazzjoni jew reġjun, għandu jsir riferiment għall-ħin li fih il-passiġġier jasal, wara t-trasferiment tiegħu, fl-ajruport inizjalment previst jew, jekk ikun il-każ, f’destinazzjoni oħra fil-qrib miftiehma mat-trasportatur tal-ajru li jopera.

49      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-Artikoli 5 u 7 kif ukoll l-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 261/2004 għandhom jiġu interpretati fis-sens li, sabiex tiġi ddeterminata l-portata tad-dewmien imġarrab mal-wasla minn passiġġier ta’ titjira ddevjata li niżlet f’ajruport differenti minn dak inizjalment previst iżda li jaqdi l-istess belt, agglomerazzjoni jew reġjun, għandu jittieħed bħala riferiment il-ħin li fih il-passiġġier effettivament jasal, wara t-trasferiment tiegħu, fl-ajruport inizjalment previst jew, jekk ikun il-każ, f’destinazzjoni oħra fil-qrib miftiehma mat-trasportatur tal-ajru li jopera.

 Fuq il-ħames domanda

50      Permezz tal-ħames domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004 għandux jiġi interpretat fis-sens li, sabiex jeżenta ruħu mill-obbligu tiegħu li jikkumpensa lill-passiġġieri fil-każ li titjira tasal b’dewmien twil, trasportatur tal-ajru li jopera jista’ jinvoka ċirkustanza straordinarja li ma affettwatx l-imsemmija titjira li ġarrbet dewmien iżda titjira preċedenti operata minnu permezz tal-istess inġenju tal-ajru fil-kuntest tar-rotazzjoni ta’ qabel ta’ qabel tal-aħħar ta’ dan l-inġenju tal-ajru.

51      Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li l-portata tad-dewmien mal-wasla inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tirriżultax b’ċertezza mill-proċess li għandha quddiemha l-Qorti tal-Ġustizzja. F’dawn iċ-ċirkustanzi, u bla ħsara għad-determinazzjoni, mill-qorti tar-rinviju, ta’ din il-portata fid-dawl tar-risposta mogħtija għar-raba’ domanda, ir-risposta għall-ħames domanda għandha tingħata fuq il-bażi tal-premessa li t-titjira ġarrbet dewmien twil.

52      Għandu jitfakkar li, konformement mal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004, trasportatur tal-ajru li jopera jkun f’pożizzjoni li jeżenta ruħu mill-obbligu tiegħu li jikkumpensa lill-passiġġieri skont l-Artikolu 5(1) u l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 261/2004 jekk ikun f’pożizzjoni li jipprova, b’mod partikolari, li l-kanċellazzjoni jew id-dewmien twil tat-titjira kkonċernata kienu dovuti għal “ċirkustanzi straordinarji”.

53      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li la l-premessi 14 u 15 tar-Regolament Nru 261/2004 u lanqas l-Artikolu 5(3) tiegħu ma jillimitaw il-possibbiltà mogħtija lit-trasportaturi tal-ajru li joperaw li jinvokaw “ċirkustanza straordinarja” għall-każ biss li l-imsemmija ċirkustanza tkun affettwat it-titjira li ġarrbet dewmien jew li ġiet ikkanċellata, bl-esklużjoni tal-każ fejn l-imsemmija ċirkustanza tkun affettwat titjira preċedenti operata permezz tal-istess inġenju tal-ajru (sentenza tal-11 ta’ Ġunju 2020, Transportes Aéreos Portugueses, C‑74/19, EU:C:2020:460, punt 51).

54      Min-naħa l-oħra, l-ibbilanċjar tal-interessi tal-passiġġieri tal-ajru u ta’ dawk tat-trasportaturi tal-ajru li, kif tfakkar fil-punt 39 ta’ din is-sentenza, serva ta’ qafas għall-adozzjoni tar-Regolament Nru 261/2004, jeħtieġ li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-modalitajiet ta’ operat tal-inġenji tal-ajru mit-trasportaturi tal-ajru u, b’mod partikolari, il-fatt li l-istess inġenju tal-ajru jista’ jwettaq diversi titjiriet suċċessivi matul l-istess ġurnata, li jimplika li kull ċirkustanza straordinarja li taffettwa dan l-inġenju tal-ajru fuq titjira preċedenti ser ikollha konsegwenzi fuq it-titjira jew it-titjiriet sussegwenti tiegħu (sentenza tal-11 ta’ Ġunju 2020, Transportes Aéreos Portugueses, C‑74/19, EU:C:2020:460, punt 52).

55      Għaldaqstant, trasportatur tal-ajru li jopera għandu jkun jista’, sabiex jeżenta ruħu mill-obbligu tiegħu li jikkumpensa lill-passiġġieri fil-każ ta’ dewmien twil jew ta’ kanċellazzjoni ta’ titjira, jinvoka “ċirkustanza straordinarja” li tkun affettwat titjira preċedenti operata minnu stess permezz tal-istess inġenju tal-ajru fil-kuntest tar-rotazzjoni ta’ qabel ta’ qabel tal-aħħar ta’ dan l-inġenju tal-ajru (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-11 ta’ Ġunju 2020, Transportes Aéreos Portugueses, C‑74/19, EU:C:2020:460, punt 53).

56      Għaldaqstant, u filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss l-għan, imsemmi fil-premessa 1 tar-Regolament Nru 261/2004, li jiġi ggarantit livell għoli ta’ protezzjoni tal-passiġġieri, iżda wkoll il-formulazzjoni tal-Artikolu 5(3) ta’ dan ir-regolament, l-invokazzjoni ta’ tali ċirkustanza straordinarja teħtieġ li jkun hemm rabta kawżali diretta bejn l-okkorrenza ta’ din iċ-ċirkustanza li affettwat titjira preċedenti u d-dewmien jew il-kanċellazzjoni ta’ titjira sussegwenti, punt dan li għandu jiġi evalwat mill-qorti tar-rinviju fid-dawl tal-punti ta’ fatt għad-dispożizzjoni tagħha u billi tieħu inkunsiderazzjoni l-modalitajiet ta’ operat tal-inġenju tal-ajru kkonċernat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Ġunju 2020, Transportes Aéreos Portugueses, C‑74/19, EU:C:2020:460, punt 54).

57      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għall-ħames domanda hija li l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004 għandu jiġi interpretat fis-sens li, sabiex jeżenta ruħu mill-obbligu tiegħu li jikkumpensa lill-passiġġieri fil-każ li titjira tasal b’dewmien twil, trasportatur tal-ajru li jopera jista’ jinvoka ċirkustanza straordinarja li ma tkunx affettwat l-imsemmija titjira li ġarrbet dewmien iżda titjira preċedenti operata minnu permezz tal-istess inġenju tal-ajru fil-kuntest tar-rotazzjoni ta’ qabel ta’ qabel tal-aħħar ta’ dan l-inġenju tal-ajru, bil-kundizzjoni li jkun hemm rabta kawżali diretta bejn l-okkorrenza ta’ din iċ-ċirkustanza u d-dewmien twil tat-titjira sussegwenti mal-wasla, punt dan li għandu jiġi evalwat mill-qorti tar-rinviju billi tieħu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, il-mod tal-operat tal-inġenju tal-ajru inkwistjoni mit-trasportatur tal-ajru li jopera kkonċernat.

 Fuq is-sitt domanda

58      Permezz tas-sitt domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 261/2004 għandux jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ li titjira ddevjata tinżel f’ajruport differenti mill-ajruport inizjalment previst iżda li jaqdi l-istess belt, agglomerazzjoni jew reġjun, it-trasportatur tal-ajru li jopera huwa meħtieġ joffri lill-passiġġier, fuq inizjattiva tiegħu stess, li jieħu r-responsabbiltà għall-ispejjeż tat-trasferiment lejn l-ajruport ta’ destinazzjoni inizjalment previst jew, jekk ikun il-każ, lejn destinazzjoni oħra fil-qrib miftiehma ma’ dan il-passiġġier.

59      Għandu jitfakkar li, skont il-formulazzjoni stess tal-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 261/2004, meta t-trasportatur tal-ajru li jopera joffri lill-passiġġier titjira li jkollha bħala destinazzjoni ajruport differenti minn dak inizjalment previst iżda li jaqdi l-istess belt, agglomerazzjoni jew reġjun, dan it-trasportatur “għandu jħallas l-ispiża tat-trasferiment tal-passiġġier minn dak l-ajruport alternattiv jew għal dak għal liema l-prenotazzjoni ġiet magħmula, jew għal destinazzjoni oħra li qegħda fil-qrib miftehma mal-passiġġier”.

60      Għalkemm mill-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta espressament li din tagħti lill-passiġġieri dritt għal teħid ta’ responsabbiltà għall-ispejjeż tat-trasferiment mit-trasportatur tal-ajru li jopera, din il-formulazzjoni ma tipprovdi, għall-kuntrarju, kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 63 tal-konklużjonijiet tiegħu, ebda indikazzjoni dwar il-kwistjoni jekk l-imsemmi trasportatur għandux joffri lill-passiġġieri, fuq inizjattiva tiegħu stess, li jieħu responsabbiltà għall-imsemmija spejjeż tat-trasferiment.

61      Madankollu, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li d-dispożizzjonijiet li jagħtu drittijiet lill-passiġġieri tal-ajru għandhom jiġu interpretati b’mod wiesa’ (sentenza tad-19 ta’ Novembru 2009, Sturgeon et, C‑402/07 u C‑432/07, EU:C:2009:716, punt 45).

62      Barra minn hekk, għall-finijiet ta’ din l-interpretazzjoni, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-għan tar-Regolament Nru 261/2004, kif imfakkar fil-punt 26 ta’ din is-sentenza, li huwa li jiġi ggarantit livell għoli ta’ protezzjoni għall-passiġġieri.

63      Għalhekk, l-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 261/2004, moqri fid-dawl tal-premessi 1 u 2 ta’ dan ir-regolament, għandu jiġi interpretat fis-sens li t-trasportatur tal-ajru li jopera li jkun offra lill-passiġġier titjira li jkollha bħala destinazzjoni ajruport differenti minn dak inizjalment previst, iżda li jaqdi l-istess belt, agglomerazzjoni jew reġjun, għandu jieħu responsabbiltà, fuq inizjattiva tiegħu stess, għall-ispejjeż tat-trasferiment ta’ dan il-passiġġier bejn l-ajruport tal-wasla u l-ajruport inizjalment previst jew destinazzjoni oħra fil-qrib miftiehma mal-imsemmi passiġġier.

64      Fil-fatt, id-devjazzjoni ta’ titjira lejn ajruport differenti mill-ajruport inizjalment previst iżda li jaqdi l-istess belt, agglomerazzjoni jew reġjun tista’ toħloq inkonvenjenzi għall-passiġġieri kkonċernati meta, b’mod partikolari, it-trasferiment lejn l-ajruport inizjalment previst jista’ jirriżulta oneruż u kumpless sabiex jiġi organizzat, jew għaliex l-ajruport alternattiv ikun, bħala tali, moqdi inqas tajjeb meta mqabbel mal-ajruport ta’ destinazzjoni inizjalment previst, jew għaliex il-ħin tard tal-inżul tat-titjira ddevjata jkollu l-effett li jillimita l-possibbiltajiet ta’ trasport li jippermetti li jitwettaq it-trasferiment.

65      Barra minn hekk, din l-interpretazzjoni tibqa’ tosserva l-ibbilanċjar tal-interessi tal-passiġġieri tal-ajru u ta’ dawk tat-trasportaturi tal-ajru li joperaw li, kif tfakkar fil-punt 39 ta’ din is-sentenza, serva ta’ qafas għall-adozzjoni tar-Regolament Nru 261/2004. Fil-fatt, filwaqt li tiggarantixxi lill-passiġġieri tal-ajru li, wara l-inżul fl-ajruport alternattiv, huma ser jiġu ttrasportati sal-ajruport inizjalment previst jew lejn destinazzjoni oħra fil-qrib miftiehma mat-trasportatur tal-ajru li jopera, din l-interpretazzjoni tippermetti lit-trasportaturi tal-ajru jevitaw l-obbligu li jħallsu l-kumpens imsemmi fl-Artikolu 7 ta’ dan ir-regolament billi jiżguraw li l-passiġġieri jkunu jistgħu, mingħajr ma jġarrbu dewmien ta’ tliet sigħat u iktar meta mqabbel mal-ħin tal-wasla inizjalment previst, jaslu fl-ajruport inizjalment previst jew f’destinazzjoni oħra fil-qrib miftiehma mat-trasportatur tal-ajru li jopera.

66      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għas-sitt domanda hija li l-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 261/2004 għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta titjira ddevjata tinżel f’ajruport differenti mill-ajruport inizjalment previst iżda li jaqdi l-istess belt, agglomerazzjoni jew reġjun, it-trasportatur tal-ajru li jopera huwa meħtieġ joffri lill-passiġġier, fuq inizjattiva tiegħu stess, li jieħu r-responsabbiltà għall-ispejjeż tat-trasferiment lejn l-ajruport ta’ destinazzjoni inizjalment previst jew, jekk ikun il-każ, lejn destinazzjoni oħra fil-qrib miftiehma mal-imsemmi passiġġier.

 Fuq is-seba’ domanda

67      Permezz tas-seba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 261/2004 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-ksur tal-obbligi ta’ assistenza u ta’ teħid ta’ responsabbiltà li għandu t-trasportatur tal-ajru li jopera, previsti f’din id-dispożizzjoni, jista’ jagħti dritt għal kumpens fil-forma ta’ somma f’daqqa taħt l-Artikolu 7(1) ta’ dan ir-regolament.

68      Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li, fid-deċiżjoni tar-rinviju, il-qorti tar-rinviju tirreferi wkoll għall-Artikolu 9(1)(ċ) tar-Regolament Nru 261/2004, li jipprevedi li l-passiġġieri għandhom jiġu offruti t-trasport bla ħlas mill-ajruport sal-post ta’ akkomodazzjoni meta jsir riferiment, f’dan ir-regolament, għal din id-dispożizzjoni, jiġifieri meta jkunu ssodisfatti l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 4(3) jew fl-Artikolu 5(1)(b) jew inkella fl-Artikolu 6(1)(ii) tal-imsemmi regolament. Madankollu, minn din l-istess deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-qorti tar-rinviju fil-verità għandha dubju dwar jekk il-ksur mit-trasportatur tal-ajru li jopera tal-obbligu tiegħu li jieħu responsabbiltà għall-ispejjeż tat-trasferiment ta’ passiġġier bejn l-ajruport tal-wasla u l-ajruport inizjalment previst jew destinazzjoni oħra fil-qrib miftiehma mal-passiġġier, previst fl-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 261/2004, jistax jagħti dritt għal kumpens fil-forma ta’ somma f’daqqa taħt l-Artikolu 7(1) ta’ dan ir-regolament.

69      Fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li, meta trasportatur jonqos milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 261/2004, il-passiġġieri tal-ajru huma intitolati jinvokaw dritt għal kumpens (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Ottubru 2011, Sousa Rodríguez et, C‑83/10, EU:C:2011:652, punt 44).

70      Fit-tieni lok, passiġġier tal-ajru jista’ jikseb biss, bħala kumpens minħabba li t-trasportatur tal-ajru ma jkunx osserva l-obbligu ta’ teħid ta’ responsabbiltà tiegħu previst fl-Artikolu 5(1)(b) u fl-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 261/2004, ir-rimbors tal-ispejjeż li, fid-dawl taċ-ċirkustanzi speċifiċi għal kull każ, ikunu rriżultaw neċessarji, xierqa u raġonevoli sabiex jagħmlu tajjeb għan-nuqqas tat-trasportatur tal-ajru li jieħu responsabiltà għall-imsemmi passiġġier (sentenza tal-31 ta’ Jannar 2013, McDonagh, C‑12/11, EU:C:2013:43, punt 51).

71      B’hekk, kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 77 tal-konklużjonijiet tiegħu, għandu jkun hemm korrispondenza bejn l-ammont tal-kumpens dovut mit-trasportatur tal-ajru li jopera u l-ammont tal-ispejjeż sostnuti mill-passiġġier ikkonċernat, u dan jeskludi neċessarjament il-kumpens fil-forma ta’ somma f’daqqa previst fl-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 261/2004.

72      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-ksur tal-obbligu ta’ teħid ta’ responsabbiltà għall-ispejjeż tat-trasferiment bejn l-ajruport tal-wasla effettiv u dak inizjalment previst jew kull destinazzjoni oħra fil-qrib miftiehma mal-passiġġier, previst fl-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 261/2004, jagħti dritt, lill-passiġġier, għar-rimbors tal-ammont tal-ispejjeż li, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ, ikunu rriżultaw neċessarji, xierqa u raġonevoli sabiex jagħmlu tajjeb għan-nuqqas tat-trasportatur tal-ajru li jopera li jieħu responsabbiltà għall-imsemmi passiġġier.

73      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għas-seba’ domanda hija li l-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 261/2004 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-ksur mit-trasportatur tal-ajru li jopera tal-obbligu tiegħu li jieħu responsabbiltà għall-ispejjeż tat-trasferiment ta’ passiġġier bejn l-ajruport tal-wasla u l-ajruport inizjalment previst jew destinazzjoni oħra miftiehma mal-passiġġier ma jagħtix lil dan tal-aħħar dritt għal kumpens fil-forma ta’ somma f’daqqa taħt l-Artikolu 7(1) ta’ dan ir-regolament. Għall-kuntrarju, dan il-ksur joħloq, għall-benefiċċju tal-imsemmi passiġġier, dritt għar-rimbors tal-ammont tal-ispejjeż sostnuti minnu u li, fid-dawl taċ-ċirkustanzi speċifiċi ta’ kull każ, jirriżultaw meħtieġa, xierqa u raġonevoli sabiex jagħmlu tajjeb għal dan in-nuqqas tat-trasportatur.

 Fuq l-ispejjeż

74      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 8(3) tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Frar 2004 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u li li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91, għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ li titjira tiġi ddevjata lejn ajruport li jaqdi l-istess belt bħall-ajruport inizjalment previst, it-teħid ta’ responsabbiltà għall-ispejjeż tat-trasferiment tal-passiġġieri bejn iż-żewġ ajruporti, previst f’din id-dispożizzjoni, ma huwiex suġġett għall-kundizzjoni li l-ewwel ajruport ikun jinsab fit-territorju tal-istess belt, tal-istess agglomerazzjoni jew tal-istess reġjun bħat-tieni ajruport.

2)      L-Artikolu 5(1)(ċ), l-Artikolu 7(1) u l-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 261/2004 għandhom jiġu interpretati fis-sens li titjira ddevjata li tinżel f’ajruport differenti mill-ajruport inizjalment previst iżda li jaqdi l-istess belt, agglomerazzjoni jew reġjun ma tistax tagħti lill-passiġġier dritt għal kumpens minħabba kanċellazzjoni tat-titjira. Madankollu, il-passiġġier ta’ titjira ddevjata lejn ajruport alternattiv li jaqdi l-istess belt, agglomerazzjoni jew reġjun bħall-ajruport inizjalment previst għandu bħala prinċipju dritt għal kumpens skont dan ir-regolament meta jasal fid-destinazzjoni finali tiegħu tliet sigħat jew iktar wara l-ħin tal-wasla inizjalment previst mit-trasportatur tal-ajru li jopera.

3)      L-Artikoli 5 u 7 kif ukoll l-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 261/2004 għandhom jiġu interpretati fis-sens li, sabiex tiġi ddeterminata l-portata tad-dewmien imġarrab mal-wasla minn passiġġier ta’ titjira ddevjata li niżlet f’ajruport differenti minn dak inizjalment previst iżda li jaqdi l-istess belt, agglomerazzjoni jew reġjun, għandu jittieħed bħala riferiment il-ħin li fih il-passiġġier effettivament jasal, wara t-trasferiment tiegħu, fl-ajruport inizjalment previst jew, jekk ikun il-każ, f’destinazzjoni oħra fil-qrib miftiehma mat-trasportatur tal-ajru li jopera.

4)      L-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004 għandu jiġi interpretat fis-sens li, sabiex jeżenta ruħu mill-obbligu tiegħu li jikkumpensa lill-passiġġieri fil-każ li titjira tasal b’dewmien twil, trasportatur tal-ajru li jopera jista’ jinvoka ċirkustanza straordinarja li ma tkunx affettwat l-imsemmija titjira li ġarrbet dewmien iżda titjira preċedenti operata minnu permezz tal-istess inġenju tal-ajru fil-kuntest tar-rotazzjoni ta’ qabel ta’ qabel tal-aħħar ta’ dan l-inġenju tal-ajru, bil-kundizzjoni li jkun hemm rabta kawżali diretta bejn l-okkorrenza ta’ din iċ-ċirkustanza u d-dewmien twil tat-titjira sussegwenti mal-wasla, punt dan li għandu jiġi evalwat mill-qorti tar-rinviju billi tieħu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, il-mod tal-operat tal-inġenju tal-ajru inkwistjoni mit-trasportatur tal-ajru li jopera kkonċernat.

5)      L-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 261/2004 għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta titjira ddevjata tinżel f’ajruport differenti mill-ajruport inizjalment previst iżda li jaqdi l-istess belt, agglomerazzjoni jew reġjun, it-trasportatur tal-ajru li jopera huwa meħtieġ joffri lill-passiġġier, fuq inizjattiva tiegħu stess, li jieħu r-responsabbiltà għall-ispejjeż tat-trasferiment lejn l-ajruport ta’ destinazzjoni inizjalment previst jew, jekk ikun il-każ, lejn destinazzjoni oħra fil-qrib miftiehma mal-imsemmi passiġġier.

6)      L-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 261/2004 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-ksur mit-trasportatur tal-ajru li jopera tal-obbligu tiegħu li jieħu responsabbiltà għall-ispejjeż tat-trasferiment ta’ passiġġier bejn l-ajruport tal-wasla u l-ajruport inizjalment previst jew destinazzjoni oħra miftiehma mal-passiġġier ma jagħtix lil dan tal-aħħar dritt għal kumpens fil-forma ta’ somma f’daqqa taħt l-Artikolu 7(1) ta’ dan ir-regolament. Għall-kuntrarju, dan il-ksur joħloq, għall-benefiċċju tal-imsemmi passiġġier, dritt għar-rimbors tal-ammont tal-ispejjeż sostnuti minnu u li, fid-dawl taċ-ċirkustanzi speċifiċi ta’ kull każ, jirriżultaw meħtieġa, xierqa u raġonevoli sabiex jagħmlu tajjeb għal dan in-nuqqas tat-trasportatur.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.