Language of document : ECLI:EU:C:2016:809

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SZPUNAR

ippreżentati fis-26 ta’ Ottubru 2016 (1)

Kawża C‑507/15

Agro Foreign Trade & Agency Ltd

vs

Petersime NV

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-Rechtbank van Koophandel te Gent (qorti kummerċjali, Gent, il-Belġju)]

“Direttiva 86/653/KEE – Aġent kummerċjali li jwettaq attività fit-Turkija – Ftehim ta’ Assoċjazzjoni UE-Turkija – Artikolu 14 – Protokoll Addizzjonali – Artikolu 41(1)”





1.        F’dan il-każ, fejn il-prinċipal jinsab fl-Unjoni Ewropea u l-aġent kummerċjali huwa bbażat fit-Turkija u jwettaq l-attivitajiet tiegħu fit-Turkija, il-qorti tar-rinviju tfittex kjarifika fir-rigward ta’ żewġ domandi: L-ewwel waħda, jistax Stat Membru jittrasponi d-Direttiva 86/653KEE (2) b’tali mod li jillimita l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ dik id-direttiva għal sitwazzjonijiet li fihom l-aġent kummerċjali jwettaq l-attivitajiet tiegħu fis-suq intern biss.

2.        Ir-risposta tiegħi hija: “iva”.

3.        It-tieni waħda, jekk tali limitazzjoni tkunx prekluża mid-dispożizzjonijiet tal-Ftehim dwar il-ħolqien ta’ Assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u t-Turkija, iffirmat f’Ankara fit-12 ta’ Settembru 1963 mir-Repubblika tat-Turkija, minn naħa, u mill-Istati Membri tal-KEE u l-Komunità, min-naħa l-oħra, u konkluż, approvat u kkonfermat f’isem il-Komunità bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 64/732/KEE, tat-23 ta’ Diċembru 1963, (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 11, p. 10) (iktar ’il quddiem il-“Ftehim ta’ Assoċjazzjoni’’) u l-Protokoll Addizzjonali, iffirmat fit-23 ta’ Novembru 1970 fi Brussell u konkluż, approvat u kkonfermat f’isem il-Komunità bir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2760/72, tad-19 ta’ Diċembru 1972, (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 11, p. 41) (iktar ’il quddiem il-“Protokoll Addizzjonali”).

4.        Ir-risposta tiegħi hija: “le”.

I –    Il-kuntest ġuridiku

A –    Id-dritt tal-UE

1.      Id-Direttiva 86/653

5.        It-tieni premessa tal-preambolu tad-Direttiva 86/653 tiddikjara:

“[…] d-differenzi fil-liġijiet nazzjonali li jikkonċernaw ir-rappreżentanza kummerċjali sostanzjalment jaffettwaw il-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni u t-twettiq ta’ dik l-attività fil-Komunità u huma ta’ ħsara kemm għal protezzjoni disponibbli għal aġenti kummerċjali vis-à-vis il-prinċipali tagħhom u kemm għas-sigurtà ta’ operazzjonijiet kummerċjali; […] barraminnhekk dawk id-differenzi huma tali li jipprevienu sostanzjalment il-konklużjoni u l-operazzjoni ta’ kuntratti ta’ rappreżentanza kummerċjali meta l-prinċipal u l-aġenti kummerċjali jkunu stabbiliti fi Stati Membri differenti”.

6.        Skont l-Artikolu 17(1) tad-Direttiva 86/653:

“L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jassiguraw li l-aġent kummerċjali jkun, wara t-terminu tal-kuntratt ta’ l-aġenzija, indennizzat skond il-paragrafu 2 jew ikkumpensat għad-danni skond il-paragrafu 3”.

2.      Il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni

7.        L-Artikolu 9 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni jiddisponi dan li ġej:

“Il-Partijiet Kontraenti jirrikonoxxu li fil-qasam ta’ applikazzjoni tal-Ftehim, u mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet partikolari li jistgħu jiġu stabbiliti skont l-Artikolu 8, kull tip ta’ diskriminazzjoni fuq bażi ta’ ċittadinanza hija pprojbita skont il-prinċipju stipulat fl-Artikolu 7 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità.” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

8.        Skont l-Artikolu 14 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni:

“Il-Partijiet Kontraenti jaqblu li jiġu ggwidati mill-Artikoli 55, 56 u 58 sa 65 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea sabiex jitneħħew ir-restrizzjonijiet fuq il-libertà li jiġu pprovduti servizzi bejniethom” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

3.      Il-Protokoll Addizzjonali

9.        L-Artikolu 41 tal-Protokoll Addizzjonali jiddisponi dan li ġej:

“1.   Il-Partijiet Kontraenti għandhom jibqgħu lura milli jintroduċu bejniethom xi restrizzjonijiet ġodda rigward il-libertà ta’ l-istabbeliment u l-libertà tal-provvediment ta’ servizzi.

2.     Il-Kunsill ta’ l-Assoċjazzjoni għandu, b’konformità mal-prinċipji stabbiliti fl-Artikoli 13 u 14 tal-[Ftehim ta’ Assoċjazzjoni], jiddetermina t-tabella taż-żmien u r-regoli għall-abbolizzjoni progressiva mill-Partijiet Kontraenti, bejniethom, tar-restrizzjonijiet rigward il-libertà ta’ l-istabbeliment u l-libertà li jkunu pprovvduti servizzi.

[…]”

B –    Id-dritt Belġjan

10.      L-Artikolu 27 tal-wet van betreffende de handelsagentuurovereenkomst (Liġi dwar il-ftehim ta’ aġenzija kummerċjali) tat-13 ta’ April 1995 (iktar ’il quddiem il-“Handelsagentuurwet”), li tittrasponi d-Direttiva 86/653 fid-dritt Belġjan tiddisponi dan li ġej:

“Bla ħsara għall-applikazzjoni tat-trattati internazzjonali li kkonkluda l-Belġju, kwalunkwe attività ta’ aġent kummerċjali li għandu l-istabbiliment prinċipali tiegħu fil-Belġju hija suġġetta għad-dritt Belġjan u taqa’ taħt il-ġurisdizzjoni tal-qrati Belġjani”.

II – Il-fatti, il-proċedura u d-domanda magħmula

11.      Agro, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, hija kumpannija stabbilita f’Ankara (it-Turkija) u hija involuta fl-importazzjoni u d-distribuzzjoni ta’ prodotti agrikoli. Petersime, il-konvenuta fil-kawża prinċipali, hija kumpannija stabbilita f’Olsene (il-Belġju) u hija involuta fl-iżvilupp, il-produzzjoni u l-provvista ta’ mfaqas u aċċessorji għas-suq tat-tjur.

12.      Fl-1 ta’ Lulju 1992, Petersime kkonkludiet ftehim għall-bejgħ tal-imfaqas u l-aċċessorji tagħha fit-Turkija mal-predeċessur ta’ Agro, li sussegwentement, permezz ta’ ftehim tal-1 ta’ Awwissu 1996, kien issostitwit minn Agro li nħatret minfloku. Skont il-kuntratt, Petersime assenjat lil Agro d-drittijiet esklużivi tal-bejgħ tal-prodotti tagħha fit-Turkija. Il-kuntratt, li inizjalment kien konkluż għal perijodu ta’ sena, ippreveda estensjoni awtomatika, kull sena, għal tnax‑il xahar oħra, sakemm ma tiġix imħassra minn waħda mill-partijiet permezz ta’ ittra rreġistrata tal-inqas 3 xhur qabel it-tmiem tal-perijodu ta’ sena. Il-kuntratt barra minn hekk kien fih klawżola, li skontha dan kien suġġett għad-dritt Belġjan, u li l-qrati ta’ Gent biss kellhom ġurisdizzjoni f’każ ta’ tilwim.

13.      Permezz ta’ ittra tas-26 ta’ Marzu 2013, Petersime bagħtet preavviż tat-terminazzjoni tal-ftehim b’effett mit-30 ta’ Ġunju 2013. Permezz ta’ ittra tat-28 ta’ Ottubru 2013 Agro ddikjarat li Petersime kienet inadempjenti għan-nuqqas ta’ ħlas ta’ tariffa alternattiva tat-terminazzjoni, indennizz għat-tkeċċija, il-pussess mill-ġdid tal-ħażniet li kien fadal kif ukoll il-ħlas ta’ pretensjonijiet pendenti.

14.      Fil-15 ta’ Jannar 2015, Agro fetħet kawża legali kontra Petersime quddiem il-qorti tar-rinviju, fejn talbet kumpens għat-terminazzjoni tal-ftehim, indennizz għat-tkeċċija, il-pussess mill-ġdid tal-ħażniet li kien fadal u kif ukoll il-ħlas ta’ pretensjonijiet pendenti.

15.      B’appoġġ għar-rikors tagħha, Agro targumenta li d-dispożizzjonijiet tal-Handelsagentuurwet japplikaw, minħabba li l-partijiet għamlu għażla valida tad-dritt Belġjan. Petersime, min-naħa l-oħra, targumenta li japplika biss id-dritt ġenerali Belġjan, minħabba li l-Handelsagentuurwet tapplika biss sal-punt li l-aġent kummerċjali jopera fil-Belġju, li ma huwiex il-każ f’din is-sitwazzjoni.

16.      Għall-qorti tar-rinviju kien hemm għażla ċara tad-dritt Belġjan fil-kuntratt bejn Agro u Petersime. Madankollu, dan ma jimplikax neċessarjament li l-Handelsagentuurwet hija applikabbli għal dan il-każ. Il-qorti tar-rinviju tidher li tassumi li l-Artikolu 27 tal-Handelsagentuurwet jitlef in-natura mandatorja tiegħu f’sitwazzjoni bħal dik fil-każ inkwistjoni fejn aġent kummerċjali ikun stabbilit u jwettaq l-attivitajiet tiegħu barra mill-Belġju.

17.      Huwa fil-kuntest ta’ din il-kawża li, permezz ta’ digriet tat-3 ta’ Settembru 2015, li wasal fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-24 ta’ Settembru 2015, ir-Rechtbank van Koophandel te Gent (qorti kummerċjali, Gent) għamlet id-domanda li ġejja għal deċiżjoni preliminari:

“Sa fejn il-[Handelsagentuurwet], li tittrasponi fid-dritt nazzjonali Belġjan id-[Direttiva 86/653], tipprevedi li hija tapplika unikament għall-aġenti kummerċjali li jkollhom is-sede tagħhom fil-Belġju, filwaqt li hija ma tapplikax jekk prinċipal stabbilit fil-Belġju u aġent stabbilit fit-Turkija jkunu għażlu espressament id-dritt Belġjan bħala d-dritt applikabbli, din il-[Handelsagentuurwet] hija konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni li l-għan espress tiegħu huwa l-adeżjoni tat-Turkija mal-Unjoni Ewropea jew mal-obbligi bejn it-Turkija u l-Unjoni Ewropea li bejniethom jitneħħew ir-restrizzjonijiet għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi?”

III – Analiżi

18.      Permezz tal-ewwel parti tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment qiegħda tfittex li tiżgura jekk id-Direttiva 86/653 tipprekludix liġi ta’ Stat Membru li skontha protezzjoni taħt dik id-direttiva tingħata biss meta aġent kummerċjali jwettaq l-attività tiegħu f’dak l-Istat Membru u mhux meta prinċipal huwa stabbilit f’dak l-Istat Membru u aġent kummerċjali huwa stabbilit fit-Turkija u jwettaq l-attivitajiet tiegħu fit-Turkija.

19.      Permezz tat-tieni parti tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tfittex kjarifika dwar jekk il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni jew il-Protokoll Addizzjonali jipprekludux liġi ta’ Stat Membru li skontha protezzjoni taħt id-Direttiva 86/653 tingħata biss meta aġent kummerċjali jwettaq l-attività tiegħu f’dak l-Istat Membru u mhux meta prinċipal huwa stabbilit f’dak l-Istat Membru u aġent kummerċjali huwa stabbilit fit-Turkija u jwettaq l-attivitajiet tiegħu fit-Turkija.

20.      Wara kunsiderazzjonijiet preliminari fil-qosor, se nanalizza din id-domanda mill-perspettiva tad-Direttiva 86/653 u mbagħad tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni u tal-Protokoll Addizzjonali.

A –    Kunsiderazzjonijiet preliminari

1.      Interpretazzjoni tal-Artikolu 27 tal-Handelsagentuurwet fil-livell nazzjonali

21.      Huwa evidenti li hemm diverġenza fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 27 tal-Handelsagentuurwet bejn il-qorti tar-rinviju minn naħa u l-gvern Belġjan min-naħa l-oħra.

22.      Fis-seduta, il-gvern Belġjan sostna li l-liġi Belġjana inkwistjoni fil-kawża fil-livell nazzjonali, l-Artikolu 27 tal-Handelsagentuurwet, ma għandhiex in-natura awtorestrittiva li l-qorti tar-rinviju ssostni li għandha. Fil-fatt, dik id-dispożizzjoni, skont il-gvern Belġjan, tapplika wkoll f’sitwazzjoni bħal dik fil-każ inkwistjoni, jiġifieri li jekk il-partijiet jagħżlu d-dritt Belġjan bħala applikabbli, attivitajiet tal-aġent kummerċjali barra mill-Belġju, jew saħansitra mill-Unjoni Ewropea, ikunu koperti wkoll.

23.      Il-qorti tar-rinviju għandha tqis dawn l-argumenti, peress li, f’każ li dik id-dikjarazzjoni tirriżulta li tkun korretta, id-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju ma tkunx biss ipotetika, iżda tkun ukoll superfluwa.

24.      Madankollu, peress li r-rinviju għal deċiżjoni preliminari huwa proċedura bejn qrati, djalogu ta’ mħallfin, il-Qorti tal-Ġustizzja hija marbuta mill-qafas ġuridiku nazzjonali kif deskritt mill-imħallef nazzjonali fid-digriet tar-rinviju. B’rabta ma’ dan, hija biss il-qorti nazzjonali, li quddiemha tressqet il-kawża u li għandha tassumi r-responsabbiltà tad-deċiżjoni ġudizzjarja sussegwenti, li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm il-ħtieġa ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti d-deċiżjoni tagħha u kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja (3).

25.      F’dan il-każ, hija l-qorti nazzjonali, li tkun iddeterminat l-intenzjoni tal-partijiet u tkun sabet il-liġi Belġjana li hija applikabbli għall-kuntratt bejn il-partijiet, li għandha tiddeċiedi preċiżament liema dispożizzjonijiet tad-dritt Belġjan jirregolaw ir-relazzjoni kuntrattwali.

26.      Konsegwentement, l-analiżi tiegħi hija bbażata fuq il-preżunzjoni li l-Artikolu 27 tal-Handelsagentuurwet, kif applikat fil-Belġju, ma japplikax għal każ bħal dan inkwistjoni.

2.      Fuq id-dritt internazzjonali privat

27.      Id-Direttiva 86/653 ma fihiex regola dwar il-kunflitt ta’ liġijiet (4).

28.      Fl-ewwel lok, għandu jiġi enfasizzat li l-qorti tar-rinviju ma tkunx kompetenti tagħmel domanda dwar l-interpretazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Ruma (5), li tidher li hija applikabbli, fil-prinċipju, ratione temporis (6), peress li dan id-dritt huwa ristrett għall-qrati nazzjonali tal-aħħar istanza (7).

29.      Fi kwalunkwe każ, kemm il-Konvenzjoni ta’ Ruma kif ukoll ir-“Regolament Ruma I” jipprevedu li l-partijiet jagħmlu għażla valida ta’ liġi li tirregola r-relazzjoni kuntrattwali tagħhom.

30.      Ladarba ma hemm ebda dubju, għall-qorti tar-rinviju, li l-partijiet għamlu għażla li l-liġi Belġjana tkun applikabbli, ma hemmx lok għal kunsiderazzjonijiet ta’ kunflitt ta’ liġijiet. Kif għidt iktar ’il fuq, il-problema essenzjali għall-qorti nazzjonali hija dik li tiddeċiedi liema dispożizzjonijiet tal-liġi Belġjana huma applikabbli. Għal dan l-iskop, il-qorti nazzjonali tipprova tiddetermina żewġ kwistjonijiet. L-ewwel waħda, jekk il-leġiżlatur Belġjan implementax korrettament id-Direttiva 86/853. It-tieni waħda, jekk il-leġiżlazzjoni Belġjana hijiex kompatibbli mal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni mat-Turkija.

31.      Fl-analiżi tad-domanda, se nittratta l-ewwel id-Direttiva 86/653 u mbagħad il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni.

B –    L-ewwel parti tad-domanda: fuq id-Direttiva 86/653

1.      Għan u struttura

32.      Id-Direttiva 86/653 għandha l-għan li tarmonizza l-liġijiet tal-Istati Membri fir-rigward tar-relazzjoni legali bejn il-partijiet għal kuntratt tal-aġenzija kummerċjali (8). Il-Qorti tal-Ġustizzja kkjarifikat, f’diversi okkażjonijiet, li d-direttiva trid, b’mod partikolari, tipproteġi l-aġenti kummerċjali fir-relazzjonijiet tagħhom mal-prinċipali tagħhom u, għal dak l-iskop, tistabbilixxi, inter alia, regoli dwar il-konklużjoni u t-terminazzjoni ta’ kuntratti tal-aġenzija (l-Artikoli 13 sa 20 tad-direttiva) (9). Id-direttiva tistabbilixxi r-regoli mandatorji (10) li jipprevedu rekwiżiti ta’ protezzjoni minima għall-aġent kummerċjali (11). Għaldaqstant, ir-regoli għall-għoti ta’ kumpens lill-aġenti kummerċjali mat-terminazzjoni tar-relazzjoni kuntrattwali mal-prinċipal, minquxa fl-Artikolu 17 tad-direttiva, iridu jinftiehmu li jservu l-għan li jipproteġu lill-aġenti kummerċjali (12).

33.      Id-Direttiva tibqa’ siekta dwar il-kamp ta’ applikazzjoni territorjali tagħha. Din la tistabbilixxi jekk il-prinċipal jeħtieġx li jkun ibbażat xi mkien b’mod partikolari, u lanqas ma tiddikjara fejn l-aġent kummerċjali għandu jwettaq l-attivitajiet tiegħu biex japplikaw id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva. Għaldaqstant, il-kwistjoni li tqum hija jekk id-Direttiva hijiex intiża sabiex ikollha effetti intra-Unjoni biss, fi ħdan is-suq intern, jew jekk l-effetti tagħha jestendux lil hinn mill-fruntieri tas-suq intern (13).

34.      Il-liġi applikabbli għal kuntratt tal-aġenzija għandha tiġi ddeterminata mir-regoli tal-kunflitt ta’ liġijiet applikabbli fl-Istat tal-qorti kompetenti. Il-liġi applikabbli tista’ tiġi indikata kemm – bħal fil-każ inkwistjoni – mill-klawżola tal-għażla ta’ liġi tal-partijiet jew mir-regoli tal-għażla ta’ liġi applikabbli fin-nuqqas tal-għażla magħmula mill-partijiet.

35.      Konsegwentement, bħala prinċipju, jekk il-liġi applikabbli għall-kuntratt ta’ aġenzija hija l-liġi ta’ Stat Membru, id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jimplementaw id-Direttiva japplikaw. Dan ma jfissirx, madankollu, li leġiżlatur nazzjonali huwa kompletament prekluż milli jirrestrinġi l-ambitu territorjali tal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet li jimplementaw lil din id-direttiva. Madankollu, meta jagħmel dan, il-leġiżlatur nazzjonali għandu jżomm f’moħħu f’liema tip ta’ sitwazzjonijiet l-applikazzjoni tad-direttiva hija mandatorja.

36.      Xi jfisser li wieħed jgħid li l-applikazzjoni tad-Direttiva hija mandatorja? Hawnhekk, wieħed għandu jiddistingwi bejn żewġ sitwazzjonijiet. Fl-ewwel lok, in-“natura mandatorja” tista’ tirreferi għad-dispożizzjonijiet li jiddefinixxu d-drittijiet u l-obbligi sostantivi tal-partijiet għall-kuntratt tal-aġenzija. Għal dan, id-Direttiva tuża diversi metodi sabiex tiddeskrivi n-“natura mandatorja” tad-dispożizzjonijiet tagħha. F’ċerti ċirkustanzi, hija tipprovdi li “l-partijiet ma jistgħux jidderogaw” minn xi dispożizzjonijiet. (14) F’ċirkustanzi oħra, hija tistipula li “[m]’għandux ikun permess ftehim għal deroga” minn xi dispożizzjonijiet “għad-detriment ta’ l-aġent kummerċjali” (15) jew li xi dispożizzjonijiet japplikaw “[f]l-assenza ta’ kull ftehim dwar din il-materja bejn il-partijiet”. (16) Finalment, xi kultant, id-Direttiva tirrestrinġi l-awtonomija kuntrattwali tal-partijiet b’metodi oħra – iktar speċifiċi. (17)

37.      Fit-tieni lok, in-“natura mandatorja” tista’ tirreferi wkoll għall-ambitu territorjali tal-protezzjoni li joħroġ mid-Direttiva. Għalhekk, tqum il-kwistjoni dwar jekk kinitx l-intenzjoni tal-leġiżlatur tal-Komunità li jiżgura li l-protezzjoni tad-Direttiva tkun mandatorja fil-kuntratti ta’ aġenzija kollha konklużi madwar id-dinja, kull darba li l-liġi ta’ Stat Membru tkun applikabbli skont ir-regoli tal-għażla ta’ liġijiet (inkluża ċertament l-għażla ta’ liġi mill-partijiet). Kif ser nuri fl-analiżi sussegwenti, ir-risposta tiegħi hija “le”.

38.      Il-problema f’dan il-każ hija dan li ġej: Il-protezzjoni tal-Artikoli 17 u 18 tad-Direttiva hija mandatorja, jekk prinċipal ikun stabbilit fi Stat Membru u l-aġent ikun stabbilit u jwettaq l-attivitajiet tiegħu f’pajjiż terz?

2.      Ġurisprudenza

39.      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet f’Centrosteel li ‘‘d-Direttiva għandha l-għan li tarmonizza l-liġijiet tal-Istati Membri li jirregolaw ir-relazzjoni legali bejn il-partijiet għal kuntratt ta’ aġenzija kummerċjali, irrispettivament minn kwalunkwe element transkonfinali” (18). Jien nifhem din id-dikjarazzjoni li sempliċement tirreferi għal sitwazzjoni intra-UE, u dan għal żewġ raġunijiet. L-ewwel waħda, il-kuntest ta’ din id-dikjarazzjoni kien il-koordinazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri. It-tieni waħda, il-Qorti tal-Ġustizzja kompliet tgħid li l-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva kien “għaldaqstant usa’ mil-libertajiet fundamentali stabbiliti mit-[Trattat FUE]” (19). Fil-fehma tiegħi, kulma riedet il-Qorti tal-Ġustizzja kien li tenfasizza affermazzjoni pjuttost komuni li miżura ta’ armonizzazzjoni, bħad-Direttiva 86/653, tista’ tmur lil hinn mill-erba’ libertajiet fis-sens li din ma hijiex ristretta għal sitwazzjonijiet transnazzjonali u li l-element transkonfinali ma huwiex neċessarju.

40.      Għall-każ inkwistjoni, għaldaqstant, Centrosteel ma tipprovdix risposta adegwata.

41.      F’Ingmar, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li dispożizzjoni bħall-Artikolu 17 tad-Direttiva 86/653 tkun applikabbli minkejja li kuntratt ikun irregolat mil-liġi ta’ stat terz (20). Il-Qorti tal-Ġustizzja għamlet dan, peress li l-aġent kummerċjali kien qiegħed iwettaq l-attivitajiet tiegħu fi ħdan is-suq intern. B’mod partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “[l]-iskop li jissodisfa l-[Artikoli 17 u 18 tad-Direttiva] jeħtieġ li dawn jiġu applikati meta s-sitwazzjoni tkun marbuta mill-qrib mal-Komunità, b’mod partikolari meta l-aġent kummerċjali jwettaq l-attività tiegħu fit-territorju ta’ Stat Membru, irrispettivament mid-dritt li l-partijiet ikunu għażlu biex jirregola l-kuntratt” (21).

42.      Madankollu, Ingmar ikkonċernat sitwazzjoni kompletament opposta għall-każ inkwistjoni. Kien il-prinċipal li kien jinsab barra mill-Unjoni u l-aġent kummerċjali li wettaq l-attivitajiet tiegħu fi ħdan l-Unjoni, filwaqt li f’dan il-każ il-prinċipal jinsab fl-Unjoni u l-aġent kummerċjali jwettaq l-attivitajiet tiegħu barra mill-Unjoni.

43.      F’Unamar (22) il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, obiter dicta, li “l-Artikoli 17 u 18 ta’ din id-direttiva huma ta’ importanza determinanti peress li dawn jiddefinixxu l-livell ta’ protezzjoni li l-leġiżlatur tal-Unjoni qies raġonevoli li jingħata lill-aġenti kummerċjali fil-kuntest tat-ħolqien tas-suq waħdieni” (23).

44.      Għaldaqstant, nifhem li Ingmar timplika li l-Artikoli 17 u 18 tad-Direttiva 86/653 għandhom jitqiesu mandatorji fis-sens li kull meta aġent kummerċjali jwettaq l-attivitajiet tiegħu fi ħdan is-suq intern, tingħata l-protezzjoni tal-Artikoli 17 u 18 tad-Direttiva 86/653, irrispettivament mil-liġi applikabbli għall-kuntratt bejn il-partijiet. A contrario, l-Artikoli 17 u 18 ma humiex mandatorji jekk aġent kummerċjali jwettaq l-attivitajiet tiegħu barra mis-suq intern. Għalhekk, dan jissuġġerixxi li Stat Membru jista’ jirrestrinġi l-ambitu territorjali tal-protezzjoni tal-Artikoli 17 u 18 għal aġenti kummerċjali li jwettqu l-attivitajiet tagħhom fi ħdan is-suq intern.

3.      Formulazzjoni

45.      Skont it-tieni premessa tad-Direttiva, “[i]d-differenzi fil-liġijiet nazzjonali li jikkonċernaw ir-rappreżentanza kummerċjali sostanzjalment jaffettwaw il-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni u t-twettiq ta’ dik l-attività fil-Komunità u huma ta’ ħsara kemm għal protezzjoni disponibbli għal aġenti kummerċjali vis-à-vis il-prinċipali tagħhom u kemm għas-sigurtà ta’ operazzjonijiet kummerċjali”.(24) Din l-istess premessa tkompli tiddikjara li “dawk id-differenzi huma tali li jipprevienu sostanzjalment il-konklużjoni u l-operazzjoni ta’ kuntratti ta’ rappreżentanza kummerċjali meta l-prinċipal u l-aġenti kummerċjali jkunu stabbiliti fi Stati Membri differenti” (25).

46.      Bl-istess mod, it-tielet premessa tad-Direttiva tiddikjara li “l-kummerċ fil-merkanzija bejn Stati Membri għandu jitwettaq taħt il-kundizzjonijiet li huma simili għal dawk ta’ suq wieħed, u dan jeħtieġ l-approssimazzjoni tas-sistemi legali ta’ l-Istati Membri sal-limitu meħtieġ għal funzjonament kif suppost tas-suq komuni” (26).

47.      Tali formulazzjoni, fil-fehma tiegħi, hija indikazzjoni li d-Direttiva 86/653 hija ristretta għal sitwazzjonijiet fi ħdan is-suq intern, fil-konfront ta’ sitwazzjonijiet ’il barra minnu (27).

4.      Storja leġiżlattiva

48.      Il-proposta inizjali tal-Kummissjoni kien fiha riferiment għal aġenti kummerċjali li jwettqu l-attività tagħhom barra mill-Unjoni. L-abbozz tal-Artikolu 35(1) iddikjara li meta l-partijiet jidderogaw, għad-detriment tal-aġent, minn firxa sħiħa ta’ dispożizzjonijiet tad-Direttiva li mbagħad jiġu speċifikati, tali stipulazzjonijiet ikunu bla effett. L-Artikolu 35(2) imbagħad jiddisponi li “[m]inbarra għall-każijiet ta’ deroga permessi skont l-Artikolu 21(4) u l-Artikolu 33, il-partijiet jistgħu jidderogaw mid-dispożizzjonijiet mandatorji speċifikati fil-paragrafu preċedenti b’rabta ma’ dawk l-attivitajiet li l-aġent kummerċjali jwettaq barra mill-Komunità” (28) [traduzzjoni mhux uffiċjali].

49.      Id-Direttiva 86/653 ma fihiex dispożizzjoni bħall-Artikolu 35(2) tal-abbozz inizjali tagħha. Dan għandu jimplika li l-Kunsill, f’dak iż-żmien, ma riedx jirrestrinġi d-Direttiva għas-suq intern.

50.      Madankollu, dan ma huwiex il-qari tad-Direttiva li jien nissuġġerixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja. Sa fejn nista’ naċċerta, il-formulazzjoni kompleta tal-abbozz tal-Artikolu 35 ġiet ċeduta matul il-proċess leġiżlattiv, minħabba li l-Parlament kien qies li l-lista ta’ dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1 tal-Artikolu 35 kienet riġida wisq (29). Il-Parlament ma lmentax dwar ir-riferiment għall-“attivitajiet li l-aġent kummerċjali jwettaq barra mill-Komunità” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Minn dan niddeduċi li l-Parlament approva din id-definizzjoni territorjali.

51.      Fuq l-istess linja, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew kellu ċerti rimarki li jikkonċernaw l-Artikolu 35 tal-abbozz li kienu wkoll, kif nifhimha jien, limitati għad-definizzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet mandatorji (30).

52.      Konsegwentement, l-abbozz revedut tal-Kummissjoni biddel sostanzjalment l-ewwel paragrafu tal-abbozz tal-Artikolu 35, iżda ma biddilx it-tieni paragrafu (31).

53.      Meta d-Direttiva 86/653 kienet ġiet adottata mill-Kunsill, diversi snin wara, l-abbozz kien inbidel b’mod sostanzjali. Għall-kuntrarju tal-proposta, id-Direttiva ma baqgħetx tfittex li tirregola l-kwistjonijiet legali kollha li jikkonċernaw il-kuntratti ta’ aġenti kummerċjali. Madwar nofs id-dispożizzjonijiet proposti kienu tneħħew (32). B’rabta ma’ dan, ma għadx hemm dispożizzjoni bħall-Artikolu 35 tal-abbozz. L-eqreb waħda għad-dispożizzjoni pproposta oriġinarjament hija l-Artikolu 19 tad-Direttiva 86/653, li skontu l-partijiet ma jistgħux jidderogaw mill-Artikoli 17 (33) u 18 (34) għad-detriment tal-aġent kummerċjali qabel ma l-kuntratt tal-aġenzija jiskadi.

54.      Għalhekk, minkejja li wieħed jista’ jkun inklinat li, bħala konsegwenza ta’ dak iktar ’il fuq, jara li l-kamp ta’ applikazzjoni territorjali tad-Direttiva jkun limitat għall-attività tal-aġenti kummerċjali fi ħdan is-suq intern, l-istorja leġiżlattiva hija pjuttost inkonklużiva fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni territorjali tad-Direttiva. Wieħed la jista’ jiddeduċi b’mod ċar li d-Direttiva hija ristretta għas-suq intern, u lanqas li ma hijiex.

5.      L-għan tas-suq intern

55.      Ir-regoli tad-dritt privat tal-UE bħal dawk tad-Direttiva 86/653 għandhom jiġu evalwati fil-kuntest u s-sistema tas-suq intern (35).

56.      Adottata fl-1986 fuq il-bażi ta’ dawk li llum huma l-Artikoli 53(1) TFUE (36) u 115 TFEU (37), il-loġika inizjali tad-Direttiva kienet li jinħolqu kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni għall-prinċipali fit-twettiq tal-attivitajiet tagħhom fis-suq intern billi jirrikorru għal aġenti kummerċjali: sabiex jinvestu u jwettqu negozju, il-prinċipali jeħtieġ li jkunu jafu x’regoli jridu jaffaċċjaw fir-rigward tal-kumpens u r-remunerazzjoni tal-aġenti kummerċjali li jirrikorru għalihom.

57.      Din il-loġika tas-suq intern, fil-fehma tiegħi, ma titqegħidx f’dubju minn ġurisprudenza sussegwenti u stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, li skontha d-Direttiva tistabbilixxi regoli mandatorji (38) li jipprevedu rekwiżiti ta’ protezzjoni minima għall-aġent kummerċjali (39), li d-d-Direttiva trid, b’mod partikolari, tipproteġi l-aġenti kummerċjali fir-relazzjonijiet tagħhom mal-prinċipali tagħhom (40).

58.      Minn dan ta’ hawn fuq niddeduċi li d-Direttiva hija sempliċement immirata lejn sitwazzjonijiet li fihom l-aġent kummerċjali jwettaq l-attivitajiet tiegħu fis-suq intern. Il-fattur deċiżiv huwa, għaldaqstant, l-attività tal-aġent u mhux l-istabbiliment tal-prinċipal (41).

59.      Fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 27 tal-Handelsagentuurwet, il-qorti nazzjonali għandha għaldaqstant tqis dan li ġej: id-Direttiva 86/653 teħtieġ li tali dispożizzjoni tkopri sitwazzjonijiet fejn aġent iwettaq l-attivitajiet tiegħu fil-Belġju jew xi mkien ieħor fis-suq intern. Għalhekk, jekk l-awtoritajiet Belġjani jqisux jew le li l-Artikolu 27 tal-Handelsagentuurwet ikopri sitwazzjonijiet lil hinn mis-suq intern, ma hijiex kwistjoni li d-Direttiva kienet intiża li tindirizza.

6.      Risposta proposta

60.      Għalhekk, ir-risposta tiegħi għall-ewwel parti tad-domanda hija li l-Artikolu 17 tad-Direttiva 86/653 jeħtieġ protezzjoni mandatorja ta’ aġent kummerċjali li jwettaq l-attività tiegħu fis-suq intern. Dan ma jipprekludix liġi ta’ Stat Membru li skontha tali protezzjoni ma tingħatax lil aġent kummerċjali li jwettaq l-attività tiegħu barra mis-suq intern.

C –    It-tieni parti tad-domanda – fuq il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni u l-Protokoll Addizzjonali

61.      Jien nifhem id-“dispożizzjonijiet tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni” li l-qorti tar-rinviju ssemmi fid-domanda tagħha bħala li jfissru l-Artikolu 14 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni u l-Artikolu 41 tal-Protokoll Addizzjonali.

62.      Agro, barra minn hekk, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha tirreferi għall-Artikolu 9 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni.

1.      L-Artikoli 14 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni u 41(1) tal-Protokoll Addizzjonali

63.      L-Artikolu 14 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni jistipula li l-Partijiet Kontraenti “jaqblu li jiġu ggwidati mill-Artikoli 55, 56 u 58 sa 65 tat-[Trattat FUE] sabiex jitneħħew ir-restrizzjonijiet fuq il-libertà li jiġu pprovduti servizzi bejniethom”. L-Artikolu 41(1) tal-Protokoll Addizzjonali fih dik magħrufa bħala “klawżola ta’ standstill” meta dan jiddikjara li l-Partijiet Kontraenti “għandhom jibqgħu lura milli jintroduċu bejniethom xi restrizzjonijiet ġodda rigward il-libertà tal-istabbeliment u l-libertà tal-provvediment ta’ servizzi”.

64.      Agro tiddikjara restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi għal aġent kummerċjali Tork impenjat minn ditta Belġjana, peress li l-aġent kummerċjali ma jirċevix l-istess protezzjoni skont id-Direttiva 86/653 bħal aġent kummerċjali li jopera fi ħdan is-suq intern.

65.      F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jsiru r-rimarki li ġejjin.

66.      Aġent kummerċjali bħal Agro ma jistax jibbaża ruħu fuq dritt suġġettiv għal libertà li jiġu pprovduti servizzi skont il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni jew il-Protokoll Addizzjonali b’mod komparabbli għall-Artikolu 56 TFUE.

67.      L-Artikolu 14 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni u l-Artikolu 41 tal-Protokoll Addizzjonali mhux lakemm jittrasponu l-Artikolu 56 f’sitwazzjoni UE-Turkija. L-Artikolu 56 TFUE jipprevedi livell ta’ integrazzjoni iktar żviluppat u iktar profond fi ħdan is-suq intern bejn l-Istati Membri tal-UE li jmur lil hinn mil-livell stabbilit bid-dispożizzjonijiet tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni u l-Protokoll Addizzjonali tiegħu.

68.      Fir-rigward tal-Artikoli 12 (42) u 13 (43) tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-ebda waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet ma tagħti effett dirett, minħabba li dawn ma humiex suffiċjentement preċiżi u inkundizzjonati (44). Ma hemm xejn iżjed, fil-fehma tiegħi, li jista’ japplika għall-Artikolu 14 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, li huwa fformulat kważi b’mod identiku għall-Artikoli 12 u 13. Barra minn hekk, bħalma l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet f’Demirkan, l-użu tal-verb “jiġu ggwidati” fl-Artikolu 14 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni ma jobbligax lill-Partijiet Kontraenti japplikaw id-dispożizzjonijiet tat-Trattat fil-qasam tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi bħala tali u lanqas dawk adottati għall-implementazzjoni tagħhom, iżda sempliċement sabiex iqisuhom bħala sors ta’ gwida għall-miżuri li jridu jiġu adottati sabiex jiġu implementati l-għanijiet stabbiliti minn dan il-ftehim (45).

69.      Fir-rigward tal-Artikolu 41(1) tal-Protokoll Addizzjonali, hawnhekk, filwaqt li l-Qorti tal-Ġustizzja tqis li din id-dispożizzjoni, fil-prinċipju, hija applikabbli direttament (46), din għamlet dan biss f’sitwazzjonijiet li fihom ċittadini Torok fittxu li jistabbilixxu ruħhom jew li jipprovdu servizz fl-Unjoni Ewropea. Dan ma huwiex il-każ hawnhekk, kif rajna iktar ’il fuq. Barra minn hekk, fir-rigward tal-klawżola ta’ “standstill” fl-Artikolu 41(1) tal-Protokoll Addizzjonali, il-Qorti tal-Ġustizzja – billi rrikorriet għal ġurisprudenza stabbilita – sabet f’Demirkan li l-interpretazzjoni mogħtija lid-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-UE, inklużi dawk tat-Trattat ma tistax tiġi awtomatikament applikata b’anoloġija għall-interpretazzjoni ta’ ftehim konkluż mill-UE ma’ Stat Membru terz, sakemm ma jkunx hemm dispożizzjonijiet espliċiti f’dan is-sens previsti fil-Ftehim innifsu (47).

70.      Il-Qorti tal-Ġustizzja nnotat li “hemm differenzi fundamentali bejn l-għan tal-Artikolu 41(1) tal-Protokoll Addizzjonali kif ukoll il-kuntest li jinsab fih u dawk tal-Artikolu 56 TFUE” (48). Huwa veru li Demirkan ikkonċernat is-sitwazzjoni kemxejn estrema ta’ ċittadin Tork li ried jibbaża fuq il-libertà passiva li jiġu pprovduti servizzi sabiex jevita r-rekwiżit ta’ viża. Ma hijiex sorpriża li l-Qorti tal-Ġustizzja sabet li l-libertà li jiġu pprovduti servizzi fil-kuntest tal-Artikolu 41(1) tal-Protokoll Addizzjonali ma inkludietx il-libertà passiva li jiġu pprovduti servizzi skont Luisi u Carbone (49) ġurisprudenza (50). Madankollu, naturalment, il-konstatazzjonijiet ġenerali minn Demirkan imsemmija hawn fuq, japplikaw ukoll għall-każ inkwistjoni.

2.      Artikolu 9 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni

71.      Skont l-Artikolu 9 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, il-“Partijiet Kontraenti jirrikonoxxu li fil-qasam ta’ applikazzjoni tal-Ftehim, u mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet partikolari li jistgħu jiġu stabbiliti skont l-Artikolu 8, kull tip ta’ diskriminazzjoni fuq bażi ta’ nazzjonalità hija pprojbita skont il-prinċipju stipulat [fl-Artikolu 18 TFUE]” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

72.      Il-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni hija ċara ħafna. Wieħed għandu jkun “fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Madankollu, dan preċiżament ma huwiex il-każ fil-każ inkwistjoni. Ma hemm l-ebda kwistjoni ta’ libertà ta’ moviment ta’ servizzi u, barra minn hekk, id-Direttiva 86/653 ma tapplikax.

73.      Konsegwentement, bħal fil-każ tal-Artikolu 18 TFUE, wieħed ma jistax jibbaża ruħu biss fuq l-Artikolu 9 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni.

3.      Risposta pproposta

74.      Jien għaldaqstant nissuġġerixxi li għat-tieni parti tad-domanda tingħata r-risposta li la l-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni u lanqas il-Protokoll Addizzjonali ma jipprekludu liġi ta’ Stat Membru, li skontha protezzjoni skont id-Direttiva 86/653 tingħata biss meta aġent kummerċjali jwettaq l-attività tiegħu f’dak l-Istat Membru u mhux fejn prinċipal huwa stabbilit f’dak l-Istat Membru u aġent kummerċjali huwa stabbilit fit-Turkija u jwettaq l-attività tiegħu fit-Turkija.

IV – Konklużjoni

75.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domanda preliminari magħmula mir-Rechtbank van Koophandel (qorti kummerċjali, Gent) kif ġej:

L-Artikolu 17 tad-Direttiva 86/653/KEE tat-18 ta’ Diċembru 1986 jeħtieġ protezzjoni mandatorja ta’ aġent kummerċjali li jwettaq l-attività tiegħu fis-suq intern. Dan ma jipprekludix liġi ta’ Stat Membru li skontha tali protezzjoni ma tingħatax lil aġent kummerċjali li jwettaq l-attività tiegħu barra mis-suq intern.

La l-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni u lanqas il-Protokoll Addizzjonali ma jipprekludu liġi ta’ Stat Membru, li skontha protezzjoni skont id-Direttiva 86/653 tingħata biss meta aġent kummerċjali jwettaq l-attività tiegħu f’dak l-Istat Membru u mhux fejn prinċipal huwa stabbilit f’dak l-Istat Membru u aġent kummerċjali huwa stabbilit fit-Turkija u jwettaq l-attività tiegħu fit-Turkija.


1 – Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2–      Direttiva tal-Kunsill, tat-18 ta’ Diċembru 1986, dwar il-koordinazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membru li jirrigwardaw aġenti kummerċjali li jaħdmu għal rashom (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 177).


3 – Ara, pereżempju, is-sentenza tas-17 ta’ Ottubru 2013, Unamar (C‑184/12, EU:C:2013:663, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).


4 – Ara wkoll, b’rabta ma’ dan, Basedow, J., “Europäisches Internationales Privatrecht”, f’Neue Juristische Wochenschrift, 1996, pp. 1921-1929, f’p. 1925, li jindika d-diffikultajiet li jirriżultaw minn dan fir-rigward tat-trattament ta’ sitwazzjonijiet li jinvolvu pajjiżi terzi.


5 – Konvenzjoni dwar il-liġi applikabbli għall-obbligi kuntrattwali miftuħa għall-firma f’Ruma fid-19 ta’ Ġunju 1980 (ĠU 2005 C 169, p. 10).


6 – Fir-rigward tal-kuntratti konklużi wara s-17 ta’ Diċembru 2009, il-Konvenzjoni ta’ Ruma ġiet issostitwita mir-Regolament (KE) Nru 593/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-17 ta’ Ġunju 2008, dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet kuntrattwali (Ruma I) (ĠU 2008 L 177, p. 6), ara l-Artikolu 28 ta’ dak ir-regolament.


7 – Skont l-Artikolu 1 tal-Ewwel Protokoll tad-19 ta’ Diċembru 1988 dwar l-interpretazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Ruma mill-Qorti tal-Ġustizzja (ĠU 1998 C 27, p. 47), li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Awwissu 2004, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni tiddeċiedi dwar rinviji għal deċiżjoni preliminari dwar l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ dik il-konvenzjoni. Il-qorti tar-rinviju ma tidhirx fil-lista li tinsab fl-Artikolu 2(a) ta’ dak il-protokoll bħala qorti kompetenti biex titlob lil Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi b’mod preliminari (fil-Belġju l-Cour de cassation u l-Conseil d’État biss għandhom tali kompetenza).


8–      Ara s-sentenzi tat-30 ta’ April 1998, Bellone (C‑215/97, EU:C:1998:189, punt 10); tat-13 ta’ Lulju 2000, Centrosteel (C‑456/98, EU:C:2000:402, punt 13); tat-23 ta’ Marzu 2006, Honyvem Informazioni Commerciali (C‑465/04, EU:C:2006:199, punt 18); tas-26 ta’ Marzu 2009, Semen (C‑348/07, EU:C:2009:195, punt 14); u tas-17 ta’ Ottubru 2013, Unamar (C‑184/12, EU:C:2013:663, punt 36). Ara wkoll, pereżempju, Fock, T., Die europäische Handelsvertreter-Richtlinie, Nomos Verlagsgesellschaft, Baden-Baden, 2001, p. 25.


9–      Ara s-sentenzi tat-30 ta’ April 1998, Bellone (C‑215/97, EU:C:1998:189, punt 13); tad-9 ta’ Novembru 2000, Ingmar (C‑381/98, EU:C:2000:605, punti 20 u 21); tat-23 ta’ Marzu 2006, Honyvem Informazioni Commerciali (C‑465/04, EU:C:2006:199, punti 19 u 22); tas-17 ta’ Jannar 2008, Chevassus-Marche (C‑19/07, EU:C:2008:23, punt 22); u tas-26 ta’ Marzu 2009, Semen (C‑348/07, EU:C:2009:195, punt 14). Ara wkoll Macgregor, L., “Case Comment Compensation for commercial agents: an end to plucking figures from the air?”, f’Edinburgh Law Review 2008, pp. 86-93, f’p. 87.


10–      Ara s-sentenzi tad-9 ta’ Novembru 2000, Ingmar (C‑381/98, EU:C:2000:605, punti 21 u 22); tat-23 ta’ Marzu 2006, Honyvem Informazioni Commerciali (C‑465/04, EU:C:2006:199, punti 22 u 34); u tas-17 ta’ Ottubru 2013, Unamar (C‑184/12, EU:C:2013:663, punt 40).


11–      Ara s-sentenza tas-17 ta’ Ottubru 2013, Unamar (C‑184/12, EU:C:2013:663, punt 52). Ara wkoll Rott-Pietrzyk, E., Agent Handlowy — Regulacje Polskie i Europejskie, C.H. Beck, Varsavja, 2006, p. 68.


12–      Ara s-sentenza tad-9 ta’ Novembru 2000, Ingmar (C‑381/98, EU:C:2000:605, punt 24).


13 – Sa mill-Att Uniku Ewropew, it-Trattat, illum fl-Artikolu 26(2) TFUE jiddefinixxi s-suq intern bħala “arja bla fruntieri interni, li fiha l-moviment liberu ta’ merkanzija, persuni, servizzi u kapital huwa żgurat skond id-dispożizzjonijiet tat-Trattati”. F’dawn il-konklużjonijiet, b’mod partikolari meta jiġu ċċitati l-leġiżlazzjoni u l-ġurisprudenza tal-UE, it-termini “suq intern”, “suq komuni” u “suq wieħed” jintużaw b’mod interkambjabbli.


14 – Ara l-Artikolu 5 tad-Direttiva 86/653.


15 – Ara l-Artikoli 10(4), 11(3), 12(3) jew 19 tad-Direttiva 86/653.


16 – Ara l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 86/653.


17 – Ara l-Artikoli 13(1) u 15(3) tad-Direttiva 86/653.


18–      Ara s-sentenza tat-13 ta’ Lulju 2000, Centrosteel (C‑456/98, EU:C:2000:402, punt 13).


19 – Ara s-sentenza tat-13 ta’ Lulju 2000, Centrosteel (C‑456/98, EU:C:2000:402, punt 13).


20 – Ara s-sentenza tad-9 ta’ Novembru 2000, Ingmar (C‑381/98, EU:C:2000:605, punt 26).


21 – Ara s-sentenza tad-9 ta’ Novembru 2000, Ingmar (C‑381/98, EU:C:2000:605, punt 25).


22 – Unamar ittrattat sitwazzjoni intra-UE li kienet dwar l-applikazzjoni tal-liġi (ċivili) korretta ta’ wieħed minn żewġ Stati Membri, li t-tnejn li huma kienu ttrasponew korrettament id-Direttiva 86/653, ara s-sentenza tas-17 ta’ Ottubru 2013 (C‑184/12, EU:C:2013:663, punt 51).


23 – Ara s-sentenza tas-17 ta’ Ottubru 2013, Unamar (C‑184/12, EU:C:2013:663, punt 39). Enfasi miżjuda minni.


24 –      Enfasi miżjuda minni.


25 – Enfasi miżjuda minni.


26 – Enfasi miżjuda minni.


27 – Meta wieħed jaraha minn tali perspettiva, Centrosteel, imsemmija iktar ’il fuq, ma tikkontradixxi bl-ebda mod il-konstatazzjoni tiegħi.


28 – Ara l-proposta tal-Kummissjoni għal Direttiva tal-Kunsill dwar il-koordinazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri li jirrigwardaw aġenti kummerċjali (li jaħdmu għal rashom), ippreżentata mill-Kummissjoni lill-Kunsill fis-17 ta’ Diċembru 1976, (ĠU 1977 C 13, p. 2).


29 – Ara r-riżoluzzjoni li tifforma l-opinjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-proposta mill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej lill-Kunsill għal Direttiva biex tikkoordina l-liġijiet tal-Istati Membri li jirrigwardaw aġenti kummerċjali (li jaħdmu għal rashom), (ĠU 1978 C 239, p. 20), il-punt 17: “[…] iħoss li l-lista twila ta’ dispożizzjonijiet li tinsab fl-Artikolu 35 tagħmel id-Direttiva wisq inflessibbli u għaldaqstant jitlob lill-Kummissjoni tippreżenta verżjoni reveduta ta’ dan l-artikolu” [traduzzjoni mhux uffiċjali].


30 – Ara l-Opinjoni dwar il-proposta għal Direttiva tal-Kunsill biex tikkoordina l-liġijiet tal-Istati Membri li jirrigwardaw aġenti kummerċjali (li jaħdmu għal rashom), (ĠU 1978 C 59, p. 31), il-punt 2.9.10: “Il-Kumitat jissuġġerixxi li r-riferiment għall-Artikolu 21(4) fl-Artikolu 35(2) jitħassar u l-Artikolu 35(2) jiġi jfisser li huma l-partijiet għall-kuntratt li għandhom id-dritt li jidderogaw mid-dispożizzjonijiet mandatorji speċifikati fl-Artikolu 35(1)” [traduzzjoni mhux uffiċjali].


31 – Ara l-Emenda tal-Kummissjoni għall-proposta għal Direttiva tal-Kunsill biex tikkoordina l-liġijiet tal-Istati Membri li jirrigwardaw aġenti kummerċjali (li jaħdmu għal rashom) (Ippreżentata mill-Kummissjoni lill-Kunsill skont l-Artikolu 149(2) KEE fid-29 ta’ Jannar 1979) (ĠU 1979 C 56, p. 21).


32 – Ara Fock, T., Die europäische Handelsvertreter-Richtlinie, Nomos Verlagsgesellschaft, Baden-Baden, 2001, p. 19.


33 – Fuq l-indennizz jew il-kumpens jew il-kumpens tal-aġent kummerċjali wara t-terminazzjoni tal-kuntratt tal-aġenzija.


34 – Fuq eċċezzjonijiet għall-indennizz jew il-kumpens imsemmija fl-Artikolu 17 tad-Direttiva 86/653.


35 – Ara, b’rabta ma’ dan ukoll Müller-Graff, P.-Chr, “Allgemeines Gemeinschaftsprivatrecht”, f’Gebauer, M./Teichmann, Chr. (ed.), Europäisches Privat- und Unternehmensrecht (Enzyklopädie Europarecht, Band 6), Nomos, Baden-Baden, 2014, pp. 69-151, fil-punti 43 et seq.


36 – Li kien l-Artikolu 57(2) KEE.


37 – Li kien l-Artikolu 100 KEE. Din id-dispożizzjoni teħtieġ vot b’unanimità fil-Kunsill. L-adozzjoni tad-Direttiva ppreċediet l-Att Uniku Ewropew, li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 1987 u li daħħal dispożizzjoni ġdida, l-Artikolu 100a KEE (illum l-Artikolu 114 TFUE).


38–      Ara s-sentenzi tad-9 ta’ Novembru 2000, Ingmar (C‑381/98, EU:C:2000:605, punti 21 u 22); tat-23 ta’ Marzu 2006, Honyvem Informazioni Commerciali (C‑465/04, EU:C:2006:199, punti 22 u 34); u tas-17 ta’ Ottubru 2013, Unamar (C‑184/12, EU:C:2013:663, punt 40).


39–      Ara s-sentenza tas-17 ta’ Ottubru 2013, Unamar (C‑184/12, EU:C:2013:663, punt 52). Ara wkoll Rott-Pietrzyk, E., Agent Handlowy — Regulacje Polskie i Europejskie, C.H. Beck, Varsavja, 2006, p. 68.


40 – U, għal dak l-iskop, tistabbilixxi, inter alia, regoli li jirregolaw il-konklużjoni u t-terminazzjoni ta’ kuntratti tal-aġenzija (l-Artikoli 13 sa 20 tad-Direttiva). Ara s-sentenzi tat-30 ta’ April 1998, Bellone (C‑215/97, EU:C:1998:189, punt 13); tad-9 ta’ Novembru 2000, Ingmar (C‑381/98, EU:C:2000:605, punti 20 u 21); tat-23 ta’ Marzu 2006, Honyvem Informazioni Commerciali (C‑465/04, EU:C:2006:199, punti 19 u 22); tas-17 ta’ Jannar 2008, Chevassus-Marche (C‑19/07, EU:C:2008:23, punt 22); u tas-26 ta’ Marzu 2009, Semen (C‑348/07, EU:C:2009:195, punt 14).


41 – Konsegwentement, f’każ li l-aġent kummerċjali jeżerċita l-attivitajiet tiegħu mhux biss fit-Turkija, iżda wkoll, pereżempju, fil-Greċja, imbagħad inkunu f’sitwazzjoni ta’ suq intern.


42 – Fuq il-moviment liberu tal-ħaddiema.


43 – Fuq il-libertà ta’ stabbiliment.


44 – Ara, fir-rigward tal-Artikolu 12 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, is-sentenza tat-30 ta’ Settembru 1987, Demirel (12/86, EU:C:1987:400, punt 23) u, fir-rigward tal-Artikolu 13 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, is-sentenza tal-11 ta’ Mejju 2000, Savas (C‑37/98, EU:C:2000:224, punti 42 u 45).


45 – Ara s-sentenza tal-24 ta’ Settembru 2013, Demirkan (C‑221/11, EU:C:2013:583, punt 45).


46 – Ara s-sentenzi tal-11 ta’ Mejju 2000, Savas (C‑37/98, EU:C:2000:224, punt 54), u tal-21 ta’ Ottubru 2003, Abatay et (C‑317/01 u C‑369/01, EU:C:2003:572, punt 58).


47 – Din hija ġurisprudenza stabbilita mis-sentenza tad-9 ta’ Frar 1982, Polydor u RSO Records (270/80, EU:C:1982:43, punt 16). Ara wkoll is-sentenza tal-24 ta’ Settembru 2013, Demirkan (C‑221/11, EU:C:2013:583, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).


48 – Ara s-sentenza tal-24 ta’ Settembru 2013, Demirkan (C‑221/11, EU:C:2013:583, punt 49).


49 – Ara s-sentenza tal-31 ta’ Jannar 1984, Luisi u Carbone (286/82 u 26/83, EU:C:1984:35, punt 10).


50 – Ara s-sentenza tal-24 ta’ Settembru 2013, Demirkan (C‑221/11, EU:C:2013:583, punt 62).