Language of document :

Sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta' Novembru 2011 - CTG Luxembourg PSF vs Il-Qorti tal-Ġustizzja

(Kawżi magħquda T-170/10 u T-340/10) 

("Kuntratti pubbliċi għal servizzi - Proċedura ta' sejħa għal offerti - Provvista ta' servizzi ta' għajnuna lill-utenti ta' sistemi informatiċi - Ċaħda tal-offerta ta' offerent minħabba preżentazzjoni tardiva - Għoti tal-kuntratt lil offerent ieħor - Rikors għal annullament - Responsabbiltà mhux kuntrattwali)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrenti: Computer Task Group Luxembourg PSF SA (CTG Luxembourg PSF) (Bertrange, il-Lussemburgu) (rappreżentanti: M. Thewes u B. Marthoz, avukati)

Konvenuta: Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (rappreżentant: A. Placco, aġent)

Suġġett

Minn naħa, talba għall-annullament, l-ewwel nett, tad-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, tad-9 ta' Frar 2010, li tiċħad l-offerta ppreżentata mill-konsorzju li minnu tifforma parti r-rikorrenti fil-kuntest tal-proċedura għall-għoti ta' kuntratt bir-referenza AO 008/2009 u intitolat "Għajnuna lill-utenti ta' sistemi IT u telefoniċi tal-1 u tat-2 livell, call center, amministrazzjoni hardware end user", it-tieni nett, tad-deċiżjoni tal-5 ta' Marzu 2010 li tikkonferma din iċ-ċaħda u, it-tielet nett, tad-deċiżjoni ta' għoti tal-kuntratt lil offerent ieħor kif ukoll, min-naħa l-oħra, talba għall-kumpens tad-dannu allegatament subit mir-rikorrenti minħabba dawn id-deċiżjonijiet.

Dispożittiv

Ir-rikorsi huma miċħuda.

Computer Task Group Luxembourg PSF SA (CTG Luxembourg PSF) hija kkundannata għall-ispejjeż.

____________

1 - ĠU C 161, 19.06.2010.