Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Curtea de Apel Iaşi (ir-Rumanija) fis-17 ta’ Novembru 2023 – Şcoala gimnazială “Mihai Eminescu” Vaslui vs Uniunea Sindicală “Didactica” Vaslui f’isem u għan-nom tal-membri li ġejjin: KM et

(Kawża C-706/23, Şcoala gimnazială “Mihai Eminescu”)

Lingwa tal-kawża: ir-Rumen

Qorti tar-rinviju

Curtea de Apel Iaşi

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Şcoala gimnazială “Mihai Eminescu” Vaslui

Konvenut: Uniunea Sindicală “Didactica” Vaslui f’isem u għan-nom tal-membri li ġejjin: KM et

Domandi preliminari

L-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Novembru 2003 li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol 1 , kif ukoll l-Artikolu 31(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, [l-ewwel punt] tal-klawżola 4 tal-Ftehim qafas dwar xogħol part-time li jidher fl-anness tad-Direttiva tal-Kunsill 97/81/KE tal-15 ta’ Diċembru 1997 li tikkonċerna il-Ftehim Qafas dwar ix-xogħol part-time konkluż mill-UNICE, miċ-CEEP u mill-ETUC 2 , u [l-ewwel punt] tal-klawżola 4 tal-Ftehim qafas dwar xogħol għal terminu fiss [li jidher] fl-anness tad-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999 dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u mis-CEEP 3 , għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi li, fil-każ ta’ kumulu ta’ kuntratti ta’ xogħol mill-istess ħaddiem fil-qasam tal-edukazzjoni preuniversitarja, [jiġifieri] kuntratt għal żmien indeterminat full-time [bħala] l-kariga ewlenija u kuntratt għal żmien determinat part-time [jiġifieri] kuntratt ta’ ħlas fis-siegħa, il-ħaddiem huwa intitolat għal remunerazzjoni fir-rigward tal-leave annwali mħallas ikkalkolat biss għall-kariga ewlenija?

[L-ewwel punt] tal-klawżola 4 tal-Ftehim qafas dwar xogħol part-time li jidher fl-anness tad-Direttiva 97/81, [l-ewwel punt] tal-klawżola 4 tal-Ftehim qafas dwar xogħol għal terminu fiss [li jidher] fl-anness tad-Direttiva 1999/70, u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni u prassi nazzjonali li jimpedixxu li, fil-każ ta’ kumulu ta’ kuntratti ta’ xogħol mill-persunal li jgħallem fil-qasam tal-edukazzjoni preuniversitarja, [jiġifieri] kuntratt għal żmien indeterminat full-time [bħala] l-kariga ewlenija u kuntratt għal żmien determinat part-time [jiġifieri] kuntratt ta’ ħlas fis-siegħa, tingħata allowance tal-ikel pro rata mal-ħin attwalment maħdum taħt il-kuntratt għal żmien determinat part-time u li din l-allowance tiġi inkluża fid-determinazzjoni tal-ammont ta’ allowance għal-leave annwali?

____________

1     ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 381.

1     ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 267.

1     ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 368.