Language of document :

Rikors ippreżentat fid-9 ta' Settembru 2010 - Villeroy & Boch - Belgium vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-402/10)

Lingwa tal-kawża: l-Olandiż

Partijiet

Rikorrenti: Villeroy & Boch - Belgium (Brussell, il-Belġju) (rappreżentanti: O. Brouwer u J. Blockx, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-deċiżjoni kkontestata sa fejn tirrigwarda lil Villeroy & Boch Belgium N.V./S.A.

sussidjarjament, tnaqqas il-multa imposta fuq ir-rikorrenti.

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikorrenti titlob l-annullmanent parzjali tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea C (2010) 4185 finali, tat-23 ta' Ġunju 2010, fil-Każ COMP/39092 - Installazzjonijiet sanitarji, dwar ksur tal-Artikolu 101(1) TFUE, fis-suq tal-viti, tal-pumi tad-doċoċ u tal-prodotti taċ-ċeramika.

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka seba' motivi:

Ksur tal-Artikoli 101 TFUE u 53 ŻEE u ta' ġurisprudenza stabbilita peress li l-Kummissjoni sostniet b'mod żbaljat l-ipoteżi ta' ksur uniku u kontinwu.

Ksur tal-obbligu ta' motivazzjoni li jirriżulta mill-Artikollu 296(2) TFUE, minħabba motivazzjoni insuffiċjenti u inadegwata fir-rigward tat-teħid inkunsiderazzjoni tal-ksur bħala uniku u kontinwu.

Ksur tal-obbligu ta' motivazzjoni fir-rigward tal-allegata parteċipazzjoni tar-rikorrenti għall-ksur imputat lilha fis-suq Belġjan, u nuqqas ta' provi li r-rikorrenti pparteċipat għal dan il-ksur fis-suq Belġjan.

Responsabbiltà in solidum għall-multa imposta fuq ir-rikorrenti u l-kumpannija parent tagħha, li tmur kontra l-prinċipju nulla poena sine lege tal-Artikolu 49(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u kontra l-prinċipju li l-piena ma għandhiex tkun iktar mit-tort li jirriżulta mill-Artikolu 49(3) moqri flimkien mal-Artikolu 48(1) tal-imsemmija Karta, u ksur tal-Artikolu 23 tar-Regolament (KE) Nru 1/2003.

Determinazzjoni inkorretta tal-ammont tal-multa, peress li din tirrigwarda b'mod partikolari d-dħul mill-bejgħ li ma huwiex relatat mal-ksur imputat.

Nuqqas inġustifikat li jingħata tnaqqis tal-multa minħabba dewmien sproporzjonalment twil tal-proċedura, li jmur kontra l-Artikolu 41 tal-Karta.

Ksur tal-Artikolu 23(3) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003, minħabba l-ammont inkorrett tal-multa imposta fir-rigward tal-gravità tal-ksur, u stabbiliment inkorrett tal-"fattur ta' dissważjoni" u sproporzjoni tal-ammont tal-multa b'mod assolut.

____________