Language of document :

Appell ippreżentat fit-2 ta’ April 2021 minn Ryanair DAC mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (L-Għaxar Awla Estiża) fis-17 ta’ Frar 2021 fil-Kawża T-259/20, Ryanair vs Il-Kummissjoni

(Kawża C-210/21 P)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Appellant: Ryanair DAC (rappreżentanti: E. Vahida u F. C. Laprévote, avocats, S. Rating, abogado, I.-G. Metaxas-Maranghidis, dikigoros, u V. Blanc, avocate)

Partijiet oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea, ir-Repubblika Franċiża

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza appellata;

tiddikjara nulla u bla effett skont l-Artikoli 263 u 264 TFUE id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2020) 2366 finali tal-31 ta’ Marzu 2020 dwar l-għajnuna mill-Istat SA.57652 (2020/N) – Franza – COVID-19 – Moratorju fuq il-ħlas ta’ taxxi ajrunawtiċi favur impriżi tat-trasport pubbliku bl-ajru; u

tikkundanna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż tagħha stess u dawk sostnuti minn Ryanair, u tikkundanna lill-intervenjenti fl-ewwel istanza u f’dan l-appell (jekk ikun il-każ) ibatu l-ispejjeż tagħhom;

sussidjarjament:

tannulla s-sentenza appellata;

tibgħat lura l-kawża lura lill-Qorti Ġenerali sabiex tagħti deċiżjoni; u

tirriżerva li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż tal-ewwel istanza u tal-appell.

Aggravji u argumenti prinċipali

Insostenn tal-appell tagħha, l-appellanti tqajjem ħames motivi.

L-ewwel, il-Qorti Ġenerali kisret id-dritt tal-Unjoni billi ċaħdet l-ilment tar-rikorrent dwar ksur mhux iġġustifikat tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni.

It-tieni, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi u żnaturat il-fatti fir-rigward tal-ilment dwar il-libertà li jiġu pprovduti servizzi.

It-tielet, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fid-determinazzjoni tal-proporzjonalità tal-għajnuna għall-ammont tad-dannu skont l-Artikolu 107(2)(b) TFUE.

Ir-raba’, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi u żnaturat il-fatti fir-rigward tan-nuqqas tal-Kummissjoni li tagħti raġunijiet għall-azzjonijiet tagħha.

Il-ħames, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi u żnaturat il-fatti fir-rigward tal-obbligu tal-Kummissjoni li tibda proċedura ta’ investigazzjoni formali.

____________