Language of document : ECLI:EU:F:2013:56

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU TAL-UNJONI EWROPEA (L-Ewwel Awla)

7 ta’ Mejju 2013 (*)

“Servizz pubbliku — Uffiċjali — Pensjoni tal-invalidità — Il-ħames paragrafu tal-Artikolu 78 tar-Regolamenti tal-Persunal — Rifjut ta’ rikonoxximent li invalidità hija kkaġunata mix-xogħol”

Fil-Kawża F‑86/11,

li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA skont l-Artikolu 106a tiegħu,

Robert McCoy, ex uffiċjal tal-Kumitat tar-Reġjuni tal-Unjoni Ewropea, residenti fi Brussell (il-Belġju), irrappreżentat minn L. Levi, avukat,

rikorrent,

vs

Il-Kumitat tar-Reġjuni tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn J. C. Cañoto Argüelles, bħala aġent, assistit minn B. Wägenbaur, avukat,

konvenut,

IT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU (L-Ewwel Awla),

kompost minn H. Kreppel, President, E. Perillo (Relatur) u R. Barents, Imħallfin,

Reġistratur: J. Tomac, Amministratur,

wara li ra l-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-16 ta’ Ottubru 2012,

jagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz ta’ talba li waslet fir-Reġistru tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fit-8 ta’ Settembru 2011, R. McCoy ippreżenta dan ir-rikors li permezz tiegħu qed jitlob l-annullament tad-deċiżjoni tal-Bureau tal-Kumitat tar-Reġjuni tal-Unjoni Ewropea tal-10 ta’ Settembru 2010, inkwantu l-Bureau tal-Kumitat tar-Reġjuni rrifjuta li jirrikonoxxi li l-marda li minnha tirriżulta l-invalidità tar-rikorrent hija kkaġunata mix-xogħol, skont il-ħames paragrafu tal-Artikolu 78 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunalˮ u li l-Kumitat tar-Reġjuni jiġi kkundannat iħallas is-somma ta’ EUR 10 000 bħala kumpens għad-dannu morali li r-rikorrent iqis li sofra u għar-rimbors tal-ispejjeż kollha marbuta mal-proċedura tal-invalidità.

 Il-kuntest ġuridiku

2        L-Artikolu 53 tar-Regolamenti tal-Persunal jipprovdi:

“Uffiċal li l-Kumitat ta’ Invalidità ssib li d-disposizzjonijiet ta’ l-Artikolu 78 japplikaw għalih għandu awtomatikament ikun irtirat fl-aħħar ġurnata tax-xahar li fih l-awtorità li taħtar tirrikonoxxi l-inkapaċità permanenti tiegħu biex jaqdi d-dmirijiet tiegħu.”

3        L-Artikolu 59(4) tar-Regolamenti tal-Persunal jipprovdi:

“L-Awtorità tal-Ħatra tista’ tirreferi lill-Kumitat ta’ l-Invalidità, il-każ ta’ kull uffiċjal li l-vakanzi tal-mard [l-leave tal-mard] tiegħu jammonta għal aktar minn 12-il xahar f’kull perjodu ta’ tlett snin.ˮ

4        L-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal jipprovdi:

“1. Uffiċjal huwa assigurat, mid-data ta’ meta jibda s-servizz, kontra r-riskju tal-mard minn fuq il-post tax-xogħol u ta’ aċċident suġġett għar-regoli mħejjija mill-ftehim komuni ta’ l-istituzzjonijiet tal-Unjoni [Ewropea] wara li jkun ikkonsultat il-Kumitat tar-Regolamenti tal-Persunal. [...]

2. Il-benefiċċji pagabbli jkunu kif ġej:

[…]

[f]il-każ ta’ invalidità permanenti totali:

[p]agament lill-uffiċjal ta’ somma f’daqqa daqs tmien darbiet is-salarju bażiku fis-sena tiegħu maħdum b’riferenza għall-ammonti fix-xahar tas-salarju riċevut matul it-tnax il-xahar qabel l-aċċident;

(ċ) fil-każ ta’ invalidità parzjali permanenti:

[p]agament lill-uffiċjal ta’ proporzjon tas-somma pprovduta fis-subparagrafu (b), maħdum b’riferenza għall-iskala mniżżla fir-regoli imsemmija fil-paragrafu 1.

Kif ipprovdut f’dawn r-regoli, annwalità tista’ tieħu post il-pagamenti pprovduti fuq.

Il-benefiċċji mniżżla hawn fuq jistgħu jitħallsu bl-addizzjoni tal-benefiċċji pprovduti fil-Kapitolu 3.

3. Dawn li ġejjin għandhom ikunu koperti wkoll fil-mod ipprovdut fir-regoli imsemmija fil-paragrafu 1: spejjeż mediċi, farmaċewtiċi, ta’ l-isptar, kirurġiċi, tal-protesi, tar-radjografija, tal-massaġġi, ortopediċi, kliniċi u tat-trasport u kull spiża simili oħra li tħallset bħala riżultat ta’ l-aċċident jew il-mard minn fuq il-post tax-xogħol.

Madankollu, ir-Rimborsar għandu jsir biss fejn l-ammont imħallas lill-uffiċjal taħt l-Artikolu 72 ma jkoprix kompletament l-ispejjeż li tħallsu.ˮ

5        L-Artikolu 78 tar-Regolamenti tal-Persunal jipprovdi:

“Uffiċjal għandu jkun intitolat, fil-mod ipprovdut fl-Artikoli 13 sa 16 ta’ l-Anness VIII, għal benefiċċju ta’ invalidità fil-każ ta’ invalidità permanenti totali, li ma tħallihx jaqdi d-dmirijiet tiegħu li jikkorrospondu għal posizzjoni fil-grupp tal-funzjoni tiegħu.

[…]

Il-benefiċċju ta’ l-invalidità għandu jkun daqs 70 % ta’ l-aħħar salarju bażiku ta’ l-uffiċjal. Iżda, ma jistax ikun anqas mill-ammont minimu tas-sussistenza.

Il-benefiċċju ta’ l-invalidità għandu jkun suġġett għall-kontribuzzjonijiet ta’ l-iskema tal-pensjoni, maħdum fuq il-bażi ta’ dak il-benefiċċju.

Meta l-invalidità tinħoloq minn aċċident matul jew f’konnessjoni mal-qadi tad-dmirijiet ta’ l-uffiċjal, minn mard ikkaġunat mix-xogħol, minn att ta’ spirtu pubbliku jew meta jipperikola ħajtu biex isalva bniedem ieħor, il-benefiċċju ta’ l-invalidità ma jistax ikun anqas minn 120 % ta’ l-ammont minimu tas-sussistenza. Fit-tali każijiet, barra minn hekk, il-kontribuzzjonijiet ta’ l-iskema tal-pensjoni għandhom jitħallsu kompletament mill-estimi ta’ l-istituzzjoni jew il-korp riferut fl-Artikolu 1b [tar-Regolamenti].ˮ

6        L-Artikolu 7 tal-Anness II tar-Regolamenti tal-Persunal jistabbilixxi:

“Il-Kumitat ta’ l-Invalidità għandu jkun magħmul minn tliet tobba:

–        wieħed maħtur mill-istituzzjoni li magħha jagħmel l-uffiċjal ikkonċernat;

–        wieħed maħtur mill-uffiċjal ikkonċernat; u

–        u wieħed maħtur bi ftehim bejn l-ewwel żewġ tobba.

Jekk l-uffiċjal ikkonċernat jonqos li jaħtar tabib, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għandu jaħtar wieħed.

Fil-każ ta’ nuqqas ta’ ftehim fuq il-ħatra tat-tielet tabib fi żmien xahrejn mill-ħatra tat-tieni tabib, it-tielet jinħatar mill-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-[Unjoni Ewropea] fuq it-talba ta’ wieħed mill-partijiet ikkonċernati.ˮ

7        L-Artikolu 8 tal-Anness II tar-Regolamenti tal-Persunal jistabbilixxi:

“L-ispejjeż imħallsa li għandhom x’jaqsmu mal-proċeduri tal-Kumitat ta’ l-Invalidità għandhom jitħallsu mill-istituzzjoni li qiegħed magħha l-uffiċjal ikkonċernat.

Meta t-tabib maħtur mill-uffiċjal ikkonċernat huwa residenti x’imkien ieħor minbarra l-post fejn impjegat l-uffiċjal, l-uffiċjal għandu jħallas l-ispiża tal-miżati addizzjonali li għandhom x’jaqsmu, bl-eċċezzjoni ta’ l-ispejjeż ta’ l-ivvjaġġar fl-ogħla klassi, li jitħallsu lura mill-istituzzjoni.ˮ

8        L-Artikolu 9 tal-Anness II tar-Regolamenti tal-Persunal jistabbilixxi:

“L-uffiċjal jista’ jibgħat lill-Kumitat ta’ l-Invalidità kull rapport jew ċertifikat mit-tabib regolari tiegħu jew minn kull tabib mediku li seta’ kkonsulta.

Il-konklużjonijiet tal-Kumitat ta’ l-Invalidità għandhom ikunu kkomunikati lill-awtorità tl-ħatra u lill-uffiċjal ikkonċernat.

Il-proċeduri tal-Kumitat għandhom ikunu sigrieti.ˮ

9        L-Artikolu 3, intitolat “Mard ikkaġunat mix-xogħolˮ, tar-Regolamenti komuni dwar il-kopertura tal-uffiċjali għal riskji ta’ inċidenti u mard relatat max-xogħol imsemmija fl-Artikolu 73(1) tar-Regolamenti tal-Persunal (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti ta’ koperturaˮ) jipprovdi:

“1. Huwa kkunsidrat bħala mard ikkaġunat mix-xogħol il-mard li jissemma fil-‘lista Ewropea ta’ mard ikkaġunat mix-xogħol’ annessa mar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea 2003/670/KE, tad-19 ta’ Settembru 2003, (ĠU L 238, p. 28), u l-eventwali żidiet magħha, sa fejn l-assigurat ikun ġie espost, waqt l-attività professjonali tiegħu fi ħdan l-Unjoni Ewropea, għar-riskji li jaqbdu dan il-mard.

2. Hija wkoll ikkunsidrata bħala marda kkaġunata mix-xogħol kull marda jew aggravazzjoni ta’ marda preeżistenti li ma tidhirx fil-lista msemmija fil-paragrafu 1, meta jkun stabbilit b’mod suffiċjenti li din toriġina mill-eżerċizzju jew waqt l-eżerċizzju ta’ funzjonijiet għas-servizz tal-Unjoni Ewropea.ˮ [traduzzjoni mhux uffiċjali]

10      L-Artikolu 16 tar-Regolamenti ta’ kopertura, intitolat “Dikjarazzjoni ta’ mard ikkaġunat mix-xogħolˮ jistipula:

“1. L-assigurat li jitlob l-applikazzjoni tar-Regolamenti ta’ kopertura minħabba marda kkaġunata mix-xogħol għandu jagħmel dikjarazzjoni lill-amministrazzjoni tal-istituzzjoni li jaqa’ taħtha f’terminu raġonevoli wara l-bidu tal-marda jew mid-data tal-ewwel konstatazzjoni medika. […]

Id-dikjarazzjoni għandha tispeċifika n-natura tal-marda u għandha tkun akkumpanjata minn ċertifikati mediċi u kwalunkwe dokument ieħor.

F’każ ta’ marda kkaġunata mix-xogħol rikonoxxuta, il-benefiċċji ggarantiti fl-Artikolu 73(2) tar-Regolamenti tal-Persunal huma kkalkolati abbażi tas-salarju fix-xahar riċevut matul it-tnax-il xahar qabel id-data tal-ewwel dijanjosi tal-marda jew, fin-nuqqas, mid-data tal-ewwel inkapaċità għax-xogħol marbuta mal-marda jew, fin-nuqqas, mid-data tad-dikjarazzjoni.

Għall-assigurati li ma għadhomx iktar jaħdmu mal-istituzzjonijiet, il-benefiċċji huma kkalkolati abbażi tas-salarju riċevut matul l-aħħar sena ta’ attività. L-imsemmi salarju jiġi stabbilit fid-data stipulata fit-tielet paragrafu.

2. L-amministrazzjoni tiftaħ inkjesta bil-għan li tiġbor l-elementi kollha sabiex tiġi stabbilita n-natura tal-marda, jekk kinitx ikkaġunata mix-xogħol kif ukoll iċ-ċirkustanzi kollha li fiha hija tnisslet.

[…]

Fid-dawl tar-rapport tal-inkjesta, it-tabib jew tobba nnominati mill-istituzzjonijiet joħorġu l-konklużjonijiet tagħhom kif stipulat fl-Artikolu 18.ˮ [traduzzjoni mhux uffiċjali]

11      L-Artikolu 18 tar-Regolamenti ta’ kopertura jipprovdi:

“Id-deċiżjonijiet dwar ir-rikonoxximent tal-oriġini aċċidentali ta’ avveniment, jekk huwiex attribwibbli għal riskji li jirriżultaw mix-xogħol jew mill-ħajja privata, u d-deċiżjonijiet marbuta magħha dwar ir-rikonoxximent li l-marda hija kkaġunata mix-xogħol kif ukoll dwar il-perċentwali tal-invalidità permanenti, huma meħuda mill-Awtorità tal-Ħatra wara li ssegwi l-proċedura prevista fl-Artikolu 20:

–        abbażi tal-konklużjonijiet li joħorġu t-tabib jew it-tobba nnominati mill-istituzzjonijiet

u

–        jekk l-assigurat jitlob dan, wara konsultazzjoni mal-Kumitat Mediku previst fl-Artikolu 22.ˮ [traduzzjoni mhux uffiċjali]

12      L-Artikolu 22 tar-Regolamenti ta’ kopertura, dwar il-Kumitat Mediku, fil-paragrafu 3 tiegħu jipprovdi:

“Il-Kumitat Mediku jeżamina b’mod kulleġjali d-dokumenti kollha disponsibbli u li jistgħu jkunu utili għalih fl-evalwazzjonijiet tiegħu u kull deċiżjoni hija adottata b’maġġoranza. […] It-tielet tabib huwa inkarigat mix-xogħol tas-segretarjat u mir-redazzjoni tar-rapport. Il-Kumitat Mediku jista’ jitlob eżamijiet kumplimentari u jikkonsulta esperti sabiex jikkompleta l-fajl jew jikseb pariri utili sabiex iwettaq b’mod tajjeb il-ħidma tiegħu.

Il-Kumitat Mediku ma jistax joħroġ pariri mediċi ħlief fuq il-fatti li ġew sottomessi għall-analiżi tiegħu jew li tpoġġew għall-konjizzjoni tiegħu.

Jekk il-Kumitat Mediku, li l-missjoni tiegħu hija limitata purament għall-aspett mediku tal-fajl, iqis li huwa għandu quddiemu kwistjoni ta’ natura legali, huwa għandu jiddikjara ruħu inkompetenti.

Fi tmiem il-ħidma tiegħu, il-Kumitat Mediku jgħaddi l-konklużjonijiet tiegħu f’rapport indirizzat lill-Awtorità tal-Ħatra.

Abbażi ta’ dan ir-rapport, l-Awtorità tal-Ħatra tinnotifika lill-assigurat jew lill-aventi kawża tiegħu bid-deċiżjoni tagħha akkumpanjata mill-konklużjonijiet tal-Kumitat Mediku. L-assigurat jew l-aventi kawża tiegħu jistgħu jitolbu li r-rapport mediku sħiħ jintbagħat lit-tabib tal-għażla tagħhom jew li jintbagħat lilhom.ˮ [traduzzjoni mhux uffiċjali]

13      L-Artikolu 25 tar-Regolamenti ta’ kopertura, intitolat “Indipendenza tal-Artikolu 73ˮ jipprovdi:

“Ir-rikonoxximent ta’ invalidità permanenti totali jew parzjali, bis-saħħa tal-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal u tar-Regolamenti ta’ kopertura, ma tippreġudika bl-ebda mod l-applikazzjoni tal-Artikolu 78 tar-Regolamenti tal-Persunal u vice versa.ˮ [traduzzjoni mhux uffiċjali]

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

14      Ir-rikorrent, eżerċita l-ewwel il-funzjonijiet ta’ kontrollur finanzjarju fi ħdan il-Kumitat tar-Reġjuni, mill-1 ta’ Jannar 2000 sal-31 ta’ Diċembru 2002, u sussegwentement, mill-1 ta’ Jannar 2003, il-funzjonijiet ta’ awditur intern.

15      Waqt il-qadi ta’ dmirijietu, ir-rikorrent irrileva xi irregolaritajiet fil-ġestjoni tal-baġit tal-Kumitat tar-Reġjuni. Fl-ewwel lok, huwa informa dwar dan lill-amministrazzjoni u lis-Segretarju Ġenerali tal-Kumitat tar-Reġjuni u sussegwentement lill-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit tal-Parlament Ewropew (iktar ’il quddiem il-“KKBˮ), li quddiemu huwa deher fid-19 ta’ Marzu 2003.

16      Informat minn membru tal-Parlament u minn membru tal-KKB, l-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) investiga dawn l-irregolaritajiet irrapportati mir-rikorrent u ħejja rapport ta’ inkjesta ddatat 8 ta’ Ottubru 2003 (iktar ’il quddiem ir-“rapport tal-OLAFˮ). Matul l-investigazzjoni tiegħu, l-OLAF sema’ lir-rikorrent.

17      Fir-rapport tal-OLAF, kien ikkonstatat illi ġew kommessi diversi irregolaritajiet fil-ġestjoni tal-baġit tal-Kumitat tar-Reġjuni u ġie rrakkomandat, b’mod partikolari, il-ftuħ ta’ inkjesta dixxiplinari kontra xi membri tal-persunal, b’mod partikolari kontra X u Y. L-OLAF irrileva wkoll li X kien wissa lir-rikorrent li, jekk ma jieqafx jaġixxi bħallikieku kien għadu l-kontrollur finanzjarju tal-Kumitat tar-Reġjuni, kien ser jitlob il-ftuħ ta’ inkjesta amministrattiva fil-konfront tiegħu u li r-rikorrent kien ħass ostilità dejjem tikber min-naħa tas-superjuri tiegħu.

18      Fil-konklużjonijiet tar-rapport tal-OLAF ġie enfasizzat illi, b’mod ġenerali, il-Kumitat tar-Reġjuni kien ipprova “jiskoraġixxi jew jiddistabilizzaˮ lir-rikorrent fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu ta’ kontrollur finanzjarju u sussegwentement ta’ awditur intern, u li l-Kumitat tar-Reġjuni kien jidher qed jinjora l-Artikolu 2(3) tad-Deċiżjoni Nru 294/99 tal-Bureau tal-Kumitat tar-Reġjuni, tas-17 ta’ Novembru 1999, dwar il-kundizzjonijiet għall-investigazzjonijiet interni biex tiġi evitata l-frodi, il-korruzzjoni jew kull attività illegali oħra li tmur kontra l-interessi tal-Komunitajiet, li jipprovdi li “uffiċjali jew impjegati tas-Segretarjat Ġenerali m’għandhom bl-ebda mod jsofru trattament diskriminatorju kawża ta’ l-isforz tagħhom biex jibgħatu l-informazzjoni skond l-ewwel u t-tieni paragrafiˮ.

19      Fis-6 ta’ Novembru 2003, ir-rikorrent bagħat lill-Bureau tal-Kumitat tar-Reġjuni, fil-kwalità tiegħu ta’ Awtorità tal-Ħatra, talba għall-assistenza skont l-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal filwaqt li spjega, b’mod partikolari, li minħabba l-eżerċizzju tal-funzjonijiet ta’ kontroll tiegħu, huwa kien issuġġettat għal fastidju psikoloġiku, pressjonijiet, tentattivi ta’ intimidazzjoni u theddid ta’ proċeduri dixxiplinari mis-superjuri tiegħu. B’din it-talba, huwa talab l-adozzjoni ta’ “miżuri adegwati sabiex [fl-iqsar żmien possibbli] jintemmu dawn l-attakkiˮ li tagħhom huwa kien iqis ruħu vittma, kif ukoll il-ftuħ ta’ inkjesta amministrattiva u kumpens tad-dannu li huwa kien sofra.

20      Fit-22 ta’ Diċembru 2003, il-KKB ippreżenta r-rapport tiegħu dwar il-kwittanza għall-implementazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2001 li t-taqsima VII tiegħu tikkonċerna proprjament lill-Kumitat tar-Reġjuni (iktar ’il quddiem ir-“rapport tal-KKBˮ). Filwaqt li bbaża ruħu b’mod partikolari fuq ir-rapport tal-OLAF, il-KKB mhux biss “irraporta l-ostakoli uffiċjali min-naħa tal-amministrazzjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni, li tagħhom il-kontrollur finanzjarju/awditur intern u l-persunal tiegħu kienu vittmaˮ, iżda speċifika wkoll li kien “jittama li l-miżuri ta’ riforma [maħsuba mill-Kumitat tar-Reġjuni] kienu jippermettu li frodi u irregolaritajiet jiġu rrapurtati mingħajr ir-riskju ta’ fastidju individwali jew istituzzjonali kif kien il-każ sa issaˮ.

21      Fid-dawl tar-rapport tal-OLAF u tar-rapport tal-KKB, il-Parlament, fil-qafas tal-kompetenzi mogħtija lilu bl-Artikoli 275 KE u 276 KE sabiex jagħti kwittanza għall-implementazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea, fid-29 ta’ Jannar 2005, adotta riżoluzzjoni “li kien fiha l-osservazzjonijiet li jakkumpanjaw id-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implementazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2001 — Taqsima VII — Kumitat tar-Reġjuni” (iktar ’il quddiem ir-“riżoluzzjoni tal-Parlament dwar il-kwittanzaˮ). B’mod partikolari, fil-paragrafi 14, 22 u 24 tal-imsemmija riżoluzzjoni, il-Parlament “irraporta, mingħajr preġudizzju tar-riżultat tal-proċedura mibdija mill-awditur intern bis-saħħa tal-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal, l-ostakoli uffiċjali li tagħhom huwa u l-persunal tiegħu kienu vittmiˮ, kif ukoll il-“fastidju individwali u istituzzjonaliˮ li għalih kien issuġġettat ir-rikorrent u “talab li l-awditur intern jirċievi skuża formali mill-Kumitat tar-Reġjuniˮ.

22      Permezz ta’ ittri tas-17 ta’ Frar u tad-9 ta’ Marzu 2004, il-Bureau tal-Kumitat tar-Reġjuni ċaħad it-talba tar-rikorrent għall-assistenza minħabba l-fatt li d-dokumenti ppreżentati minnu ma kinux juru r-realtà tal-allegati fastidju jew intimidazzjoni. Ir-rikorrent ma appellax minn din id-deċiżjoni li ċaħdet it-talba għall-assistenza.

23      Permezz ta’ ittra tas-26 ta’ April 2004, is-Segretarju Ġenerali tal-Kumitat tar-Reġjuni informa lir-rikorrent li l-Bureau tal-Kumitat tar-Reġjuni kien iddeċieda “illi ma jibdiex proċeduri dixxiplinari fil-konfront tiegħuˮ.

24      Ir-rikorrent, li kien qed isofri minn ansjetà u depressjoni u li kellu sintomi ta’ stress posttrawmatiku, ħareġ fuq leave tal-mard mit-28 ta’ April 2004. Il-leave tal-mard iġġedded sal-31 ta’ Diċembru 2006, imbagħad mit-22 ta’ Frar 2007 sat‑30 ta’ Ġunju 2007, id-data li fiha r-rikorrent irtira minħabba invalidità.

25      Ir-rikorrent isostni li meta kien bil-leave tal-mard, huwa mar fil-Kumitat tar-Reġjuni fil-31 ta’ Awwissu 2005 sabiex jiġbor minn hemm xi affarijiet personali, u li huwa kien ħassu ħażin minħabba l-mod ħażin li bih kien intlaqa’ u li kien ittieħed fl-infermerija.

26      Peress li ġie kkonstatat illi r-rikorrent kien akkumula, matul l-aħħar tliet snin, leave tal-mard li kien jeċċedi t-tnax-il xahar, is-Segretarju Ġenerali tal-Kumitat tar-Reġjuni, fit-22 ta’ Frar 2006, iddeċieda li jibda, bis-saħħa tal-Artikolu 59(4) tar-Regolamenti tal-Persunal, proċedura sabiex tiġi deċiża l-invalidità tar-rikorrent u talab lil dan tal-aħħar jinnomina tabib sabiex jiġi kkostitwit il-Kumitat tal-Invalidità.

27      Il-Kumitat tal-Invalidità kien inizjalment kompost mit-tabib T., innominat mill-Kumitat tar-Reġjuni, mit-tabib Ra., innominat mir-rikorrent, u mit-tabib Gr., innominat bi qbil mill-ewwel żewġ tobba. F’Jannar 2007, ir-rikorrent irtira l-mandat li kien ta lit-tabib Ra. Fid-dawl tan-nuqqas ta’ teħid ta’ azzjoni mir-rikorrent, it-tabib Go. inħatar ex officio mill-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea sabiex jirrappreżenta lir-rikorrent. Sussegwentement, it-tabib Gr. irriżenja mill-funzjonijiet tiegħu ta’ membru tal-Kumitat tal-Invalidità u ġie ssostitwit mit-tabib O., innominat bi qbil bejn it-tabib T. u t-tabib Go.

28      Ir-rikorrent reġa’ beda xogħol fl-1 ta’ Jannar 2007. Huwa jiddikjara li ngħata funzjonijiet ġodda, jiġifieri dawk li jagħti pariri lis-Segretarju Ġenerali tal-Kumitat tar-Reġjuni. L-uffiċċju tiegħu kien iżolat, id-dmirijiet tiegħu mhux iddefiniti u ngħata rapport ta’ evalwazzjoni b’kummenti negattivi, li jkopri l-perijodu meta kien bil-leave tal-mard. Ir-rikorrent ħadem sal-21 ta’ Frar 2007, jiġifieri madwar sitt ġimgħat, u mbagħad reġa’ ħareġ bil-leave tal-mard.

29      Fis-27 ta’ Frar 2007, ir-rikorrent talab lis-Segretarju Ġenerali tal-Kumitat tar-Reġjuni sabiex, skont l-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal u l-Artikolu 16 tar-Regolamenti ta’ kopertura, ikun hemm rikonoxximent li l-marda tiegħu hija kkaġunata mix-xogħol. Barra minn hekk, ir-rikorrent fakkar lis-Segretarju Ġenerali tal-Kumitat tar-Reġjuni, illi peress li l-Kumitat tal-Invalidità kien diġà ġie maħtur sabiex jiddeċiedi dwar l-inkapaċità tiegħu għax-xogħol skont l-Artikolu 78 Regolamenti tal-Persunal, huwa kien talab lill-Kumitat tal-Invalidità sabiex ma jeżaminax biss l-inkapaċità tiegħu iżda wkoll ir-relazzjoni eżistenti, jekk ikun il-każ, bejn l-invalidità u l-attività professjonali tiegħu.

30      Permezz ta’ ittra tal-10 ta’ April 2007, is-Segretarju Ġenerali tal-Kumitat tar-Reġjuni informa lir-rikorrent li t-talba tiegħu skont l-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal intbagħtet lill-Kummissjoni Ewropea fil-kwalità tagħha ta’ Awtorità tal-Ħatra ad hoc għall-applikazzjoni tal-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal u li t-talba tiegħu sabiex il-Kumitat tal-Invalidità diġà kkostitwit jiddeċiedi wkoll jekk l-eventwali invalidità tiegħu kinitx ikkaġunata mix-xogħol kienet ġiet mibgħuta kif suppost lil din tal-aħħar.

31      Fi tmiem is-seduta tiegħu tat-23 ta’ Mejju 2007, il-Kumitat tal-Invalidità kkonkluda, wara li eżamina lir-rikorrent f’żewġ okkażjonijiet, li dan tal-aħħar kien affetwat minn invalidità permanenti meqjusa li hija totali, li tagħmilha impossibbli li jeżerċita l-funzjonijiet tiegħu (iktar ’il quddiem il-“konklużjonijiet tat-23 ta’ Mejju 2007 dwar l-eżistenza ta’ invaliditàˮ). Min-naħa l-oħra, dwar il-kawża tal-invalidità, huwa ddikjara li ma kellux provi biżżejjed sabiex jiddeċiedi jekk l-invalidità kinitx ikkaġunata mix-xogħol u li kien ser jistenna li l-amministrazzjoni tfornih bi “provi awtentiċiˮ sabiex ikun f’pożizzjoni jiddeċiedi f’dan ir-rigward.

32      Mill-minuti tas-seduta tal-Kumitat tal-Invalidità tat-23 ta’ Mejju 2007, (iktar ’il quddiem il-“minuti tat-23 ta’ Mejju 2007ˮ), jirriżulta li, minkejja li l-konklużjonijiet tat-23 ta’ Mejju 2007 dwar l-eżistenza ta’ invalidità kienu adottati b’mod unanimu, it-tobba ma qablux, għall-kuntrarju, dwar id-dijanjosi, billi t-tabib innominat mill-Kumitat tar-Reġjuni, it-tabib T., u t-tielet tabib, it-tabib O., ikkunsidraw illi r-rikorrent kellu problemi ta’ paranoja, filwaqt li t-tabib innominat ex officio sabiex jirrappreżenta lir-rikorrent, it-tabib Go., filwaqt illi bbaża ruħu fuq ir-rapporti tat-tabib tal-isptar, it-tabib V.A., u dawk tat-tabib Ra. kif ukoll fuq it-test psikoloġiku li sar mill-professur D.M., kien kontra din id-dijanjosi.

33      Barra minn hekk, il-minuti tat-23 ta’ Mejju 2007 jispeċifikaw li l-Kumitat tal-Invalidità kellu l-intenzjoni li jiddeċiedi dwar il-kawża tal-invalidità “wara li jkun kiseb ir-risposti għad-domandi magħmula lil kull membru tal-amministrazzjoniˮ u li l-Kumitat “kellu bżonn ukoll li jirċievi l-inkjesta tad-Dipartiment tal-Kummissjoni Ewropea li ntalbet mis-Segretarju Ġenerali tal-Kumitat tar-Reġjuni fuq talba tar-rikorrentˮ. Fi kliem ieħor, hemm lok li jiġi kkunsidrat, kif ġie kkonfermat matul is-seduta, li l-Kumitat tal-Invalidità kien qed jistenna l-eżitu u r-riżultati tal-proċedura mibdija skont l-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal qabel ma jiddeċiedi, fil-kuntest tal-Artikolu 78 tar-Regolamenti tal-Persunal, dwar jekk l-invalidità tar-rikorrent kinitx ikkaġunata mix-xogħol.

34      Permezz ta’ deċiżjoni tal-11 ta’ Ġunju 2007, il-Bureau tal-Kumitat tar-Reġjuni ddikjara l-irtirar tar-rikorrent minħabba invalidità, bis-saħħa tal-Artikolu 53 tar-Regolamenti tal-Persunal, b’effett mit-30 ta’ Ġunju 2007.

35      F’Jannar 2008, fil-kuntest tal-proċedura mibdija bis-saħħa tal-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal, l-Uffiċċju ta’ Ġestjoni u Likwidazzjoni tad-drittijiet individwali tal-Kummissjoni (PMO) iddeċieda li ma kienx hemm lok li ssir inkjesta amministrattiva, “peress li d-dokumenti tal-fajl kien fihom biżżejjed dettalji amministrattivi sabiex jippermettu lit-tabib [tal-PMO] jagħmel l-analiżi tiegħuˮ.

36      Permezz ta’ deċiżjoni tad-9 ta’ Jannar 2009, il-PMO rrikonoxxa li l-marda tar-rikorrent kienet ikkaġunata mix-xogħol skont l-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal, u dan abbażi tar-rapporti mediċi mħejjija jew mitluba mit-tabib tal-PMO, it-tabib J., jiġifieri rapport tat-8 ta’ Mejju 2008, u ta’ konklużjonijiet tal-20 ta’ Novembru 2008 ta’ dan tal-aħħar, u ta’ rapport tat-tabib Ra. tat-18 ta’ Settembru 2008. Barra minn hekk, ir-rapport tat-tabib tal-PMO tat-8 ta’ Mejju 2008 kien isemmi sitt rapporti mediċi oħra mħejjija mit-tabib V.A. u minn tobba oħra tal-isptar prodotti mir-rikorrent, flimkien ma’ iktar dokumenti mhux mediċi, fosthom ir-riżoluzzjoni tal-Parlament dwar il-kwittanza. Ir-rapport tat-tabib Ra. tat-18 ta’ Settembru 2008 kien isemmi, fost l-oħrajn, eżami psikoloġiku li kien sar mill-professur D.M. fit-3 ta’ Settembru 2008.

37      Fir-rapport tiegħu tat-8 ta’ Mejju 2008, it-tabib tal-PMO jsostni, fid-dawl tad-dokumenti fil-fajl, li l-OLAF kien ikkonstata minn naħa waħda, l-eżistenza ta’ frodi fi ħdan il-Kumitat tar-Reġjuni u ta’ tentattivi sabiex jitwarrab ir-rikorrent, biex b’hekk jitwaqqaf milli jeżegwixxi b’mod adegwat xogħolu ta’ kontrollur finanzjarju u, min-naħa l-oħra, l-eżistenza ta’ kunflitti interpersonali kbar bejn ir-rikorrent u s-superjuri tiegħu. Finalment, skont it-tabib tal-PMO, mingħajr preġudizzju għall-parir psikjatriku mitlub mit-tabib Ra., kien hemm lok li tiġi stabbilita, b’mod partikolari, “il-preżenza progressiva ta’ sindromu [...] marbut mal-imġieba professjonali kundanabbli ta’ ċerti uffiċjali tal-Kumitat tar-Reġjuniˮ.

38      Fil-konklużjonijiet tal-20 ta’ Novembru 2008, it-tabib tal-PMO kkonkluda li r-rikorrent “ma għadux f’pożizzjoni li jeżerċita kwalunkwe attività professjonali fi ħdan il-Komunitajiet Ewropej, iktar u iktar peress li s-sitwazzjoni klinika psikika tiegħu hija marbuta mal-fastidju psikoloġiku li huwa sofra fuq ix-xogħol u mal-burn out li rriżulta minnuˮ u li “ l-problemi psikoaffettivi li huwa kellu għandhom rabta kawżali diretta u ċerta mal-attività professjonali tiegħuˮ.

39      Sa mit-8 ta’ Diċembru 2008, il-PMO informa lill-Kumitat tal-Invalidità bid-deċiżjoni tiegħu li jirrikonoxxi li l-marda tar-rikorrenti kienet ikkaġunata mix-xogħol skont l-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal. Mill-fajl jirriżulta li kemm ir-rapport kif ukoll il-konklużjonijiet tat-tabib tal-PMO, iddatati 8 ta’ Mejju u 20 ta’ Novembru 2008 rispettivament, kif ukoll ir-rapport tat-tabib Ra., tat-18 ta’ Settembru 2008, ukoll intbagħtu lill-Kumitat tal-Invalidità.

40      Permezz ta’ ittra tat-13 ta’ Frar 2009, it-tabib Go., il-membru tal-Kumitat tal-Invalidità nnominat ex officio għan-nom tar-rikorrent, talab lit-tabib T., it-tabib innominat mill-Kumitat tar-Reġjuni, sabiex titkompla l-ħidma tal-Kumitat tal-Invalidità.

41      Fl-20 ta’ April 2009, it-tielet tabib, it-tabib O., innominat bi qbil bejn it-tobba T. u Go., bagħat lit-tabib T serje ta’ mistoqsijiet li huwa xtaq li jsiru lill-Kumitat tar-Reġjuni fir-rigward, b’mod partikolari, tal-kontenut tar-rapport tal-OLAF u l-eżistenza ta’ riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew li kienet titlob lill-Kumitat tar-Reġjuni sabiex jiskuża ruħu mar-rikorrent. Dawn il-mistoqsijiet intbagħtu mit-tabib T. lis-Segretarju Ġenerali tal-Kumitat tar-Reġjuni.

42      Il-Kumitat tar-Reġjuni rrisponda għall-mistoqsijiet li saru mill-Kumitat tal-Invalidità billi rrefera għar-rapport tal-OLAF u għar-rapport tal-inkjesta amministrattiva magħmula mill-Kumitat tar-Reġjuni wara r-rapport tal-OLAF (iktar ’il quddiem ir-“rapport ta’ inkjesta amministrattivaˮ). Huwa kkonferma wkoll li l-Parlament effettivament kien talab, fir-riżoluzzjoni ta’ kwittanza tiegħu, li l-Kumitat tar-Reġjuni jiskuża ruħu b’mod formali mar-rikorrent.

43      Fit-2 ta’ Marzu 2010, il-PMO ddeċieda, bis-saħħa tal-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal, li jistabbilixxi bħala 10 % il-perċentwali tal-invalidità tar-rikorrent ikkawżata mill-marda, li ġiet irrikonoxxuta li hija kkaġunata mix-xogħol. Din id-deċiżjoni ġiet adottata abbażi ta’ diversi rapporti mediċi kumplimentari mitluba mill-PMO: rapport ta’ espert psikoloġiku li sar fit-12 ta’ Awwissu 2009 mit-tabib D., eżami newropsikoloġiku li sar fis-17 ta’ Ottubru 2009 mit-tabib Me., “rapport ta’ investigazzjoni psikjatrikaˮ li sar fit-3 ta’ Novembru 2009 mit-tabib Re. u konklużjonijiet tat-tabib tal-PMO tal-11 ta’ Frar 2010, li lkoll ikkonstataw l-eżistenza ta’ problemi reazzjonarji għal kunflitt fuq ix-xogħol. Wara r-rapport ippreżentat mit-tabib Re., fit-3 ta’ Novembru 2009, it-tabib tal-PMO ddeskriva l-mard ikkaġunat mix-xogħol tar-rikorrent bħala “problemi ansjo-depressivi li jaqgħu fil-kuntest ta’ kunflitt sinjifikattiv ta’ natura amministrattiva ekwivalenti għal fastidju psikoloġikuˮ u evalwa l-perċentwali ta’ invalidità li tirriżulta minn hekk bħala 10 %. Dawn il-konklużjonijiet kollha u r-rapporti mediċi intbagħtu lill-Kumitat tal-Invalidità.

44      Permezz ta’ ittra tal-1 ta’ Ġunju 2010 indirizzata lis-Segretarju Ġenerali tal-Kumitat tar-Reġjuni, it-tabib T., it-tabib innominat mill-Kumitat tar-Reġjuni, indika li l-Kumitat tal-Invalidità kien iltaqa’ dakinhar stess u kien talab li jirċievi r-rapport tal-OLAF u r-rapport tal-inkjesta amministrattiva, filwaqt li speċifika li l-Kumitat kien ser ikompli bil-ħidma tiegħu meta jieħu konjizzjoni ta’ dawn id-dokumenti.

45      It-tliet membri tal-Kumitat tal-Invalidità reġgħu ltaqgħu fit-2 ta’ Lulju 2010. Il-Kumitat tal-Invalidità kkonkluda — fil-maġġoranza tiegħu — kienu biss it-tobba T. u O. li ffirmaw il-konklużjonijiet tagħha — li l-invalidità tar-rikorrent ma kinitx tirriżulta minn mard ikkaġunat mix-xogħol (iktar ’il quddiem il-“konklużjonijiet tat-2 ta’ Lulju 2010 dwar il-kawża tal-invaliditàˮ). It-tabib Go., innominat ex officio għan-nom tar-rikorrent, iffirma konklużjonijiet separati, iddatati wkoll 2 ta’ Lulju 2010, li fihom ikkonkluda li l-invalidità tar-rikorrent kienet tirriżulta minn mard ikkaġunat mix-xogħol.

46      Matul is-seduta tal-10 ta’ Settembru 2010, il-Bureau tal-Kumitat tar-Reġjuni, fil-kwalità tiegħu ta’ Awtorità tal-Ħatra, “irratifika l-konklużjonijiet tat-2 ta’ Lulju 2010 dwar il-kawża tal-invalidità, li l-invalidità tar-rikorrent ma kinitx tirriżulta minn mard ikkaġunat mix-xogħol fis-sens tal-ħames paragrafu tal-Artikolu 78 tar-Regolamenti tal-Persunalˮ. Din id-deċiżjoni (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tal-10 ta’ Settembru 2010ˮ jew id-“deċiżjoni kkontestataˮ ġiet ikkomunikata lir-rikorrent permezz ta’ ittra tat-12 ta’ Ottubru 2010, li huwa rċieva fit-22 ta’ Ottubru 2010.

47      F’rapport mediku sommarju dwar il-kawża tal-mard li minnha kienet tirriżulta l-invalidità tar-rikorrent, mibgħut mit-tabib T. lit-tabib Go. permezz ta’ ittra tas-16 ta’ Settembru 2010 (iktar ’il quddiem ir-“rapport tal-Kumitat tal-Invaliditàˮ), it-tobba T. u O. spjegaw illi, waqt is-seduta tal-1 ta’ Ġunju 2010, il-Kumitat tal-Invalidità kien ħa konjizzjoni tar-risposti għall-mistoqsijiet magħmula lill-Kumitat tar-Reġjuni u l-konklużjonijiet maħruġa mit-tabib tal-PMO fl-20 ta’ Novembru 2008 u fil-11 ta’ Frar 2010, u li “l-eżami ta’ dawn id-dokumenti kien wera li l-aċċettazzjoni tal-PMO li l-kawża kienet ix-xogħol kienet ibbażata biss fuq x’qal il-pazjentˮ. Barra minn hekk, ir-rapport tal-Kumitat tal-Invalidità jindika li “fl-ittestjar psikoloġiku, permezz ta’ test minn perspettiva oġġettiva tas-sintomi, il-livelli kliniċi kienu jidhru li huma kollha superjuri ħafna għan-normalità; li kien każ b’suspett kbir ta’ nuqqas ta’ sinċeritàˮ, filwaqt li speċifika li “l-anteċedenti psikopatoloġiċi tar-rikorrent kienu dehru ferm qabel ma kien jokkupa l-funzjoni ta’ awditur internˮ. Ir-rapport tal-Kumitat tal-Invalidità jsemmi wkoll illi, matul is-seduta tat-2 ta’ Lulju 2010, hija eżaminat ir-rapport tal-OLAF u kkonkludiet li ma kien fih “l-ebda deskrizzjoni tat-theddied, ta’ atti ta’ intimidazzjoni jew ta’ fastidju fil-konfront tar-rikorrentˮ. Fl-aħħar nett, skont ir-rapport tal-Kumitat tal-Invalidità, “matul l-inkjesta amministrattiva interna li saret mill-Kumitat tar-Reġjuni, ir-rikorrent ma ta l-ebda eżempju tal-fatti li tagħhom huwa allegatament kien vittmaˮ.

48      L-aħħar paragrafu tar-rapport tal-Kumitat tal-Invalidità finalment jispeċifika li “filwaqt li t-tabib Go. huwa konvint li l-invalidità hija kkaġunata mix-xogħol, it-tobba T. u O., minkejja l-isforzi tagħhom sabiex isibu l-verità, ma jsibux provi, mingħajr preġudizzju għal dak li jista’ jirriżulta f’investigazzjonijiet ulterjuri, sabiex jaqblu ma’ din id-deċiżjoniˮ.

49      It-tabib Go., innominat ex officio sabiex jirrappreżenta lir-rikorrent fi ħdan il-Kumitat tal-Invalidità, min-naħa tiegħu kien diġà kkunsidra, f’rapport tat-13 ta’ Settembru 2010 (iktar ’il quddiem ir-“rapport tat-tabib Go.ˮ) mibgħut lit-tobba T. u O. fix-xahar ta’ Ottubru ta’ wara, li l-invalidità tar-rikorrent kienet ikkaġunata mix-xogħol. F’dan ir-rapport, it-tabib Go., b’mod partikolari fakkar li “l-Artikolu 78 tar-Regolamenti tal-Persunal huwa kopertura hekk imsejħa ta’ sigurtà soċjali tal-uffiċjal, li ma għandux jipprova r-responsabbiltà ta’ min iħaddmu sabiex jibbenefika minnhaˮ u ċċita b’mod partikolari estratti mir-rapport tal-OLAF u mir-riżoluzzjoni tal-Parlament dwar il-kwittanza kif ukoll numru ta’ rapport mediċi li kienu fil-fajl, filwaqt li qies li jekk dawn ir-rapporti mediċi “ma għandhomx valur vinkolantiˮ, huma għandhom “mingħajr dubju, valur indikattivˮ. Dawn il-pariri mediċi li kellhom jiġu kkunsidrati, kienu jispeċifikaw, skont it-tabib Go., li l-problemi tas-saħħa tar-rikorrent kienu kkawżati mill-fastidju psikoloġiku u l-pressjonijiet li huwa sofra fuq ix-xogħol.

50      Permezz ta’ ittra tal-21 ta’ Jannar 2011, ir-rikorrent, abbażi tal-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, ippreżenta lment kontra d-deċiżjoni tal-10 ta’ Settembru 2010. Permezz tal-ilment tiegħu, ir-rikorrent talab ukoll, abbażi tal-Artikolu 90(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, il-ħlas ta’ EUR 10 000 bħala kumpens għad-danni morali subiti minnu u l-ħlas tal-ispejjeż kollha marbuta mal-proċedura tal-invalidità.

51      Permezz ta’ deċiżjoni tal-20 ta’ Mejju 2011, li r-rikorrent rċieva fl-1 ta’ Ġunju 2011, l-Awtorità tal-Ħatra ċaħdet l-ilment (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni li tiċħad l-ilmentˮ).

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

52      Permezz ta’ ittra tas-26 ta’ Lulju 2012, ir-Reġistru tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku informa lir-rikorrent li t-Tribunal kellu l-ħsieb li jagħtih l-anonimat ex officio. Ir-rikorrent irrisponda, fis-16 ta’ Awwissu 20102, li huwa ma xtaqx jibbenefika mill-anonimat.

53      Ir-rikorrent jitlob li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jogħġbu:

–        jannulla d-deċiżjoni tal-10 ta’ Settembru 2010 inkwantu l-Awtorità tal-Ħatra rrifjutat li tirrikonoxxi, skont il-ħames paragrafu tal-Artikolu 78 tar-Regolamenti tal-Persunal, li l-mard li minnu tirriżulta l-invalidità tiegħu kien ikkaġunat mix-xogħol;

–        sa fejn ikun meħtieġ, jannulla d-deċiżjoni li tiċħad l-ilment;

–        jikkundanna lill-Kumitat tar-Reġjuni għall-ħlas ta’ EUR 10 000 bħala kumpens għad-danni morali subiti;

–        jikkundanna lill-Kumitat tar-Reġjuni għar-rimbors tal-ispejjeż kollha tar-rikorrent marbuta mal-proċedura ta’ invalidità minn meta nfetħet il-proċedura, inklużi dawk marbuta mal-ilment;

–        jikkundanna lill-Kumitat tar-Reġjuni għall-ispejjeż.

54      Il-Kumitat tar-Reġjuni jitlob li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jogħġbu:

–        jiċħad ir-rikors bħala infondat;

–        jikkundanna lir-rikorrent għall-ispejjeż.

 Id-dritt

1.     Fuq is-suġġett tar-rikors

55      Skont ġurisprudenza stabbilita, talbiet għal annullament formalment diretti kontra d-deċiżjoni li tiċħad ilment għandhom, fil-każ fejn din id-deċiżjoni tkun nieqsa minn kontenut awtonomu, l-effett li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jiġi adit bl-att li kontra tiegħu jkun sar l-ilment (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Jannar 1989, Vainker vs Il-Parlament, 293/87, punt 8).

56      F’din il-kawża, id-deċiżjoni li tiċħad l-ilment tikkonferma d-deċiżjoni kkontestata filwaqt li tispeċifika r-raġunijiet li abbażi tagħhom ittieħdet id-deċiżjoni. F’ċirkustanzi simili, hija l-legalità tal-att oriġinali li jikkawża l-preġudizzju li għandha tiġi eżaminata, billi tiġi kkunsidrata l-motivazzjoni li tinsab fid-deċiżjoni li tiċħad l-ilment, liema motivazzjoni suppost tkun tikkoinċidi ma’ dak l-att (sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tat-18 ta’ April 2012, Buxton vs Il‑Parlament, F‑50/11, punt 21, u l-ġurisprudenza ċċitata).

57      Konsegwentement, it-talbiet għall-annullament tad-deċiżjoni li tiċħad l-ilment ma humiex awtonomi u r-rikors għandu jitqies li huwa intiż kontra d-deċiżjoni kkontestata li l-motivazzjoni tagħha hija speċifikata fid-deċiżjoni li tiċħad l-ilment (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-10 ta’ Ġunju 2004, Eveillard vs Il-Kummissjoni, T‑258/01, punti 31 u 32).

2.     Fuq it-talbiet għall-annullament

58      Insostenn tat-talbiet tiegħu għall-annullament, ir-rikorrent iqajjem tliet motivi:

–        l-ewwel wieħed, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ osservanza proċedurali u l-ksur tal-kulleġġjalità;

–        it-tieni wieħed, ibbażat fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, żball manifest ta’ evalwazzjoni, il-ksur tal-ħames paragrafu tal-Artikolu 78 tar-Regolamenti tal-Persunal u tal-mandat tal-Kumitat tal-Invalidità kif ukoll tal-kunċett ta’ mard ikkaġunat mix-xogħol;

–        it-tielet wieħed, ibbażat fuq il-ksur tad-dmir ta’ premura, użu ħażin ta’ poter u irregolarità proċedurali.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ osservanza proċedurali u l-ksur tal-kulleġġjalità

 L-argumenti tal-partijiet

59      Ir-rikorrent isostni li l-Awtorità tal-Ħatra, fl-10 ta’ Settembru 2010, kienet iddeċidiet abbażi tal-konklużjonijiet tat-2 ta’ Lulju 2010 dwar il-kawża tal-invalidità, liema konklużjonijiet kienu għadhom mhux finali u kienu irregolari, għaliex kienu saru qabel ir-rapport tal-Kumitat tal-Invalidità, minn naħa waħda, u qabel ir-rapport tat-tabib Go., min-naħa l-oħra. Ir-rapporti inkwistjoni kienu redatti, iffirmati u sussegwentement mibgħuta fis-16 ta’ Settembru 2010 u matul ix-xahar ta’ Ottubru 2010, jiġifieri wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, fl‑10 ta’ Settembru 2010. Minn dan jirriżulta nuqqas fil-kulleġġjalità tax-xogħol tal-Kumitat tal-Invalidità.

60      Il-Kumitat tar-Reġjuni jqis li l-Kumitat tal-Invalidità kien wettaq il-ħidma tiegħu b’mod kulleġġjali, peress li kull wieħed mill-membri tiegħu kellu l-okkażjoni li jagħti l-perspettiva tiegħu. L-ewwel nett, ir-rikorrent ma jikkontestax il-fatt li kien hemm skambju ta’ opinjonijiet bejn it-tliet tobba matul is-seduti tal-Kumitat tal-Invalidità tal-1 ta’ Ġunju u tat-2 ta’ Lulju 2010. Barra minn hekk, l-ebda regola tad-dritt ma tipprekludi li t-tobba jirrediġu r-rapport tagħhom, jekk ikun il-każ, wara li jkunu taw il-konklużjonijiet tagħhom lill-Awtorità tal-Ħatra.

 Il-kunsiderazzjonijiet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku

61      Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-Kumitat tal-Invalidità għandu jwettaq il-ħidma tiegħu b’mod kulleġġjali u kull wieħed mill-membri tiegħu għandu jingħata l-possibbiltà li jagħti l-opinjoni tiegħu b’mod effettiv (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tat-22 Novembru 1990, V. vs Il-Parlament, T‑54/89, punt 34, u tas-27 ta’ Frar 2003, Camacho-Fernandes vs Il-Kummissjoni, T‑20/00, punti 45 et seq).

62      Fil-każ inkwistjoni, mid-dokumenti tal-fajl jirriżulta li t-tliet membri tal-Kumitat tal-Invalidità, it-tobba T., Go. u O., iltaqgħu fl-1 ta’ Ġunju u fit-2 ta’ Lulju 2010 u ddiskutew u skambjaw l-opinjonijiet tagħhom dwar il-kawża tal-invalidità tar-rikorrent. It-tabib Go., li jirrappreżenta lir-rikorrent, barra minn hekk ikkonferma, fir-rapport tiegħu, illi huwa seta’ jesprimi l-opinjoni tiegħu fil-kuntest tal-laqgħat tal-Kumitat tal-Invalidità, filwaqt li speċifika li huwa “żamm b’mod sod l-opinjoni pożittiva tiegħuˮ.

63      Għalhekk, il-membri tal-Kumitat tal-Invalidità, wara li kellhom aċċess għad-dokumentazzjoni kollha medika u mhux medika tal-fajl tar-rikorrent u, b’mod partikolari, għar-rapport tal-OLAF u għar-riżoluzzjoni tal-kwittanza tal-Parlament, setgħu jagħtu l-opinjoni tagħhom b’mod effettiv dwar il-kawża tal-invalidità tar-rikorrent u, b’hekk, il-Kumitat tal-Invalidità wettaq il-ħidma tiegħu b’mod kulleġġjali.

64      Barra minn hekk, din il-konstatazzjoni ma hijiex ikkontestata minħabba s-sempliċi fatt li r-rapport tal-Kumitat tal-Invalidità u r-rapport tat-tabib Go. ġew redatti u skambjati wara li l-Kumitat tal-Invalidità adotta l-konklużjonijiet tiegħu dwar il-kawża tal-invalidità fit-2 ta’ Lulju 2010. Fil-fatt, it-tobba ta’ Kumitat tal-Invalidità faċilment jistgħu jaslu għal konklużjonijiet wara d-diskussjonijiet kulleġġjali orali tagħhom u jirrediġu r-rapport tagħhom, jekk ikun il-każ, sussegwentement, peress li dan ma huwiex kundizzjoni essenzjali għall-validità tad-deliberazzjonijiet ta’ tali kumitat (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta’ Diċembru 1987, Jänsch vs Il-Kummissjoni, 277/84, u tad‑19 ta’ Ġunju 1992, V. vs Il-Parlament, C‑18/91 P, punt 20).

65      Barra minn hekk, mill-Artikolu 9 tal-Anness II tar-Regolamenti tal-Persunal jirriżulta li huma l-konklużjonijiet tal-Kumitat tal-Invalidità li għandhom jintbagħtu lill-Awtorità tal-Ħatra u lill-uffiċjal ikkonċernat. Mill-banda l-oħra, ix-xogħol tal-Kumitat tal-Invalidità huwa sigriet, minħabba n-natura tiegħu, il-kontenut u l-implikazzjonijiet tal-kawża medika, u ma għandux jintbagħat la lill-Awtorità tal-Ħatra u lanqas lill-uffiċjal ikkonċernat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-3 ta’ Ġunju 1997, H vs Il-Kummissjoni, T‑196/95, punt 95, is-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, tas-6 ta’ Novembru 2012, Marcuccio vs Il-Kummissjoni, F‑41/06 RENV, punt 151, li hija s-suġġett ta’ appell pendenti quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, Kawża T‑20/13 P). Ir-rapport mediku sommarju li l-Kumitat tal-Invalidità pprepara insostenn tal-konklużjonijiet tiegħu jaqa’ taħt ix-“xogħolˮ tiegħu u għalhekk la jintbagħat lill-Awtorità tal-Ħatra u lanqas direttament lill-uffiċjal ikkonċernat. Dan ir-rapport mediku jinsab fil-fajl mediku tal-uffiċjal ikkonċernat, li għalih dan tal-aħħar għandu aċċess skont l-Artikolu 26a tar-Regolamenti tal-Persunal.

66      Għaldaqstant, hemm lok li ssir distinzjoni bejn il-konklużjonijiet tal-Kumitat tal-Invalidità, li għandhom neċessarjament jiġu kkomunikati lill-Awtorità tal-Ħatra qabel ma din tal-aħħar tadotta deċiżjoni, u analiżi u kunsiderazzjonijiet mediċi, li jinsabu, jekk ikun il-każ, fir-rapport jew rapporti mediċi sommarji tal-Kumitat tal-Invalidità jew ta’ xi membri tiegħu, li jinsabu fil-fajl mediku tal-uffiċjal ikkonċernat iżda li ma jintbagħtux lill-Awtorità tal-Ħatra.

67      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Kumitat tal-Invalidità, ikkostitwit fil-kuntest ta’ proċedura intiża, bis-saħħa tal-ħames paragrafu tal-Artikolu 78 tar-Regolamenti tal-Persunal, għar-rikonoxximent li l-invalidità li minnha ssofri l-persuna kkonċernata hija kkaġunata mix-xogħol, ma huwiex obbligat jirrediġi, għall-attenzjoni tal-Awtorità tal-Ħatra u qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni amministrattiva ta’ din tal-aħħar, rapport mediku sommarju li jirreferi għax-xogħol tiegħu, peress li l-Awtorità tal-Ħatra, fi kwalunkwe każ, ma jistax ikollha aċċess għall-imsemmi rapport li fil-fatt jaqa’ taħt is-sigriet tax-xogħol tal-Kumitat tal-Invalidità.

68      F’din il-kawża, wara t-tieni seduta, li saret fi Brussell (il-Belġju) fit-2 ta’ Lulju 2010 fil-preżenza tat-tliet membri tal-Kumitat tal-Invalidità, kienu biss it-tobba T. u O. li ffirmaw, dakinhar stess, il-konklużjonijiet dwar il-kawża tal-invalidità li fihom kien speċifikat illi l-invalidità tar-rikorrent ma kinitx tirriżulta minn mard ikkaġunat mix-xogħol. It-tabib Go., li kien jirrappreżenta lir-rikorrent, li ma kienx jaqbel ma’ dawn il-konklużjonijiet, konsegwentement, fl-istess 2 ta’ Lulju 2010, iffirma konklużjonijiet separati (ara l-punt 45 ta’ din is-sentenza). Huwa stabbilit illi l-konklużjonijiet tat-2 ta’ Lulju 2010 dwar il-kawża tal-invalidità ntbagħtu lill-Awtorità tal-Ħatra, li rratifikathom b’deċiżjoni tal-10 ta’ Settembru 2010. Il-fatt li sussegwentement, ir-rapport tal-Kumitat tal-Invalidità, minn naħa waħda, u dak tat-tabib Go., min-naħa l-oħra, ġew ippreżentati u kkomunikati, rispettivament, l-ewwel wieħed lit-tabib Go. u t-tieni wieħed liż-żewġ membri l-oħra tal-Kumitat tal-Invalidità wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni tal‑10 ta’ Settembru 2010 ma jivvizzjax id-deċiżjoni b’irregolarità minħabba n-nuqqas ta’ osservanza tal-prinċipju ta’ kolleġġjalità. Kif konkluż fil-punt 63 ta’ din is-sentenza, il-membri tal-Kumitat tal-Invalidità kellhom l-okkażjoni jressqu l-opinjoni tagħhom matul il-proċedura kollha fi ħdan il-Kumitat tal-Invalidità u fi kwalunkwe każ matul l-aħħar seduta tagħha, fit-2 ta’ Lulju 2010, li fi tmiemha, it-tobba T. u O., min-naħa tagħhom, adottaw permezz ta’ żewġ voti kontra tlieta, il-konklużjonijiet tat-2 ta’ Lulju 2010 dwar il-kawża tal-invalidità li, waħedhom, kellhom jiġu kkomunikati lill-Awtorità tal-Ħatra.

69      Għaldaqstant l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, żball manifest ta’ evalwazzjoni, il-ksur tal-ħames paragrafu tal-Artikolu 78 tar-Regolamenti tal-Persunal, il-ksur tal-mandat tal-Kumitat tal-Invalidità kif ukoll il-ksur tal-kunċett ta’ mard ikkaġunat mix-xogħol

70      It-tieni motiv jinkludi, essenzjalment, erba’ partijiet distinti. Fil-kuntest tal-ewwel parti tal-motiv, ir-rikorrent jinvoka ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni. Fit-tieni parti, huwa jikkritika lill-Kumitat Mediku li b’mod manifest interpreta b’mod żbaljat il-fajl amministrattiv u mediku. Fit-tielet parti, huwa jsostni interpretazzjoni żbaljata tal-mandat tal-Kumitat tal-Invalidità. Fir-raba’ parti, huwa jilmenta li l-Kumitat tal-Invalidità interpreta b’mod żbaljat il-kunċett ta’ mard ikkaġunat mix-xogħol.

 Fuq l-ewwel parti tat-tieni motiv, ibbażata fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni

–       L-argumenti tal-partijiet

71      Ir-rikorrent isostni li huwa l-Kumitat tal-Invalidità, fil-kuntest tas-setgħa diskrezzjonali li għandu fil-qasam mediku, li għandu jimmotiva l-opinjoni tiegħu b’tali mod illi jista’ jiġi vverifikat jekk hemmx rabta komprensibbli bejn il-konstatazzjonijiet mediċi u l-konklużjonijiet tiegħu. Dan l-obbligu ta’ motivazzjoni jkun partikolarment importanti meta jeżistu diverġenzi bejn il-parir tal-Kumitat tal-Invalidità u ċerti rapporti mediċi preċedenti.

72      F’din il-kawża, il-Kumitat tal-Invalidità kellu jispjega għal-liema raġunijiet huwa kien ser iwarrab il-kunsiderazzjonijiet mediċi tal-esperti mediċi li kienu ġew ikkonsultati, fuq talba tal-PMO, fil-kuntest tal-proċedura miftuħa minnu, skont l-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal u dan, iktar u iktar peress li huwa stenna t-tmiem ta’ din il-proċedura qabel ma ddeċieda speċifikament dwar il-kawża tal-invalidità tar-rikorrent.

73      Skont ir-rikorrent, ir-rapport tal-Kumitat tal-Invalidità ma kien fih l-ebda motivazzjoni u lanqas spjegazzjoni tar-raġunijiet li wasslu lill-imsemmija kumitat sabiex iwarrab, a fortiori mingħajr ma jagħmel ebda studju kliniku tal-każ tiegħu, id-deċiżjoni tal-PMO, tad-9 ta’ Jannar 2009, li rrikonoxxiet li l-marda tiegħu kienet ikkaġunata mix-xogħol skont l-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal u lanqas tar-rapporti mediċi l-oħra kollha li kienu juru l-eżistenza ta’ sitwazzjoni unanima medika li l-invalidità tar-rikorrenti kienet ikkaġunata mix-xogħol.

74      Id-dikjarazzjoni, li tinsab fir-rapport tal-Kumitat tal-Invalidità, li “l-aċċettazzjoni li l-kawża kienet ix-xogħol [fil-kuntest tar-rikonoxximent li l-marda kienet ikkaġunata mix-xogħol skont l-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal] kienet ibbażata biss fuq x’qal il-pazjentˮ, ma tistax tkun biżżejjed sabiex timmotiva l-konklużjonijiet tat-2 ta’ Lulju 2010 dwar il-kawża tal-invalidità, u teskludi li l-kawża tal-invalidità tar-rikorrent kien ix-xogħol. Finalment, l-opinjoni maħruġa mill-Kumitat tal-Invalidità li l-invalidità tar-rikorrent ma tirriżultax minn mard ikkaġunat mix-xogħol ma tinftiehemx.

75      Il-Kumitat tar-Reġjuni jsostni li ma huwiex rikjest illi r-rapport tal-Kumitat tal-Invalidità jkun, fuq livell formali, mudell ta’ redazzjoni. Huwa biżżejjed li jistabbilixxi rabta komprensibbli bejn il-konstatazzjonijiet mediċi u l-konklużjonijiet li għalihom jasal il-Kumitat tal-Invalidità.

76      Ir-rikonoxximent ta’ invalidità permanenti u totali skont l-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal ma tippreġudikax b’xi mod l-applikazzjoni tal-Artikolu 78 tar-Regolamenti tal-Persunal u, konsegwentement, ma hijiex kwistjoni ta’ xi kontradizzjoni bejn il-konklużjonijiet adottati fil-kuntest tal-proċedura tal-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal u dawk adottati fil-kuntest tal-Artikolu 78 tar-Regolamenti tal-Persunal.

77      Finalment, skont il-Kumitat tar-Reġjuni, il-Kumitat tal-Invalidità kien, fi kwalunkwe każ, spjega għal liema raġuni huwa kien warrab id-deċiżjoni tal-PMO, tat-2 ta’ Jannar 2009, li kienet tirrikonoxxi li l-marda kienet ikkaġunata mix-xogħol skont l-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal, billi ddikjara li l-kawżi tal-invalidità ma kinux dawk marbuta mal-kundizzjonijiet tax-xogħol tar-rikorrent. Il-Kumitat tar-Reġjuni jirreferi għal estratti minn diversi rapporti mediċi u għar-rapport tal-Kumitat tal-Invalidità, li kien jagħmel riferiment għall-personalità tar-rikorrent filwaqt li jispjega li “fl-ittestjar psikoloġiku, permezz ta’ test minn perspettiva oġġettiva tas-sintomi, il-livelli kliniċi kienu jidhru li huma kollha superjuri ħafna għan-normalità, li kien każ b’suspett kbir ta’ nuqqas ta’ sinċeritàˮ. L-evalwazzjonijiet li jinsabu f’dawn l-estratti differenti juru r-rabta komprensibbli bejn il-konstatazzjonijiet mediċi u l-konklużjonijiet tal-Kumitat tal-Invalidità.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku

78      Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-għan li għandu jintlaħaq mid-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal dwar il-Kumitat tal-Invalidità huwa dak li jagħti lil esperti mediċi l-evalwazzjoni finali ta’ kull kwistjoni medika, li l-ebda Awtorità tal-Ħatra, permezz tal-kompożizzjoni amministrattiva interna tagħha, ma tista’ tagħmel. F’dan il-kuntest, l-istħarriġ ġuridiku ma għandux jestendi għall-evalwazzjonijiet mediċi fihom infushom, li għandhom jitqiesu finali sakemm ikunu saru f’ċirkustanzi regolari. Min-naħa l-oħra, l-istħarriġ ġuridiku jista’ jiġi eżerċitat fuq ir-regolarità tal-kostituzzjoni u tal-funzjonament tal-Kumitat tal-Invalidità kif ukoll dwar il-parir li huwa jagħti. Fuq dan l-aspett, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku huwa kompetenti sabiex jeżamina jekk il-parir fihx motivazzjoni li tippermetti li jiġu evalwati l-kunsiderazzjonijiet li abbażi tagħhom ikunu saru l-konklużjonijiet li fih u jekk jistabbilixxix rabta komprensibbli bejn il-kontestazzjonijiet mediċi li fih u l-konklużjonijiet li għalihom ikun wasal il-Kumitat tal-Invalidità kkonċernat (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tas-27 ta’ Frar 1992, Plug vs Il-Kummissjoni, T‑165/89, punt 75, u tat-23 ta’ Novembru 2004, O vs Il-Kummissjoni, T‑376/02, punt 29, u l-ġurisprudenza ċċitata).

79      Abbażi ta’ din il-ġurisprudenza stabbilita, l-ewwel nett għandu jiġi kkonstatat, meta mqabbla mal-każ inkwistjoni, li l-konklużjonijiet tat-2 ta’ Lulju 2010 dwar il-kawża tal-invalidità, irratifikati mill-Awtorità tal-Ħatra fid-deċiżjoni tal-10 ta’ Settembru 2010, jiddikjaraw biss li l-invalidità tar-rikorrent “ma tirriżultax minn mard ikkaġunat mix-xogħolˮ mingħajr ma jagħtu xi spjegazzjoni sabiex jiġġustifikaw din id-dikjarazzjoni.

80      Madankollu, skont il-ġurisprudenza, meta l-amministrazzjoni tkun tat, fir-risposta tagħha għall-ilment, motivi spjegattivi sabiex tiġġustifika d-deċiżjoni tagħha, dwar il-każ individwali, tali motivi għandhom jikkoinċidu mad-deċiżjoni li tiċħad l-ilment u għandhom jitqiesu li huma elementi ta’ informazzjoni rilevanti sabiex tiġi evalwata l-legalità ta’ din id-deċiżjoni (sentenza tal-Qorti Ġenerali tad‑9 ta’ Diċembru 2009, Il-Kummissjoni vs Birkhoff, T‑377/08 P, punti 55 u 56, u l-ġurisprudenza ċċitata).

81      Fil-każ inkwistjoni, l-Awtorità tal-Ħatra fid-deċiżjoni li tiċħad l-ilment tispeċifika fl-ewwel lok li hija “obbligata tirrispetta l-konstatazzjonijet mediċi [...] sakemm ma ssibx nuqqasijiet proċedurali jew rabta mhux komprensibbli bejn il-konklużjonijiet tal-Kumitat u l-informazzjoni medika li wasslet għal dawn il-konklużjonijietˮ. Fit-tieni lok, l-Awtorità tal-Ħatra tqis li “jekk il-motivazzjoni hijiex biżżejjed jew le għandha tkun evalwata skont iċ-ċirkustanzi tal-kawża u għalhekk mhux biss skont il-kliem użat iżda wkoll skont il-kuntest fattwali u ġuridiku li fih jiġi adottat l-att, il-kontenut tal-att u n-natura tal-motivi invokatiˮ. Fit-tielet lok, l-Awtorità tal-Ħatra tikkunsidra li “il-kwistjoni dwar jekk il-kawża tal-marda [li minnha tirriżulta l-invalidità] tirriżultax minn tali fatt iktar milli minn fatt ieħor hija kwistjoni xjentifika u mhux amministrattiva jew ġuridikaˮ.

82      Wara li għamlet dawn il-premessi, fid-deċiżjoni li tiċħad l-ilment, l-Awtorità tal-Ħatra tindika li hija talbet lit-tabib T. sabiex “jikkonferma li l-konklużjonijiet tal-Kumitat tal-Invalidità kienu effettivament sostnuti minn informazzjoni medika u amministrattiva li kienet tifforma parti mill-fajl medikuˮ. Minn dan il-fatt, l-Awtorità tal-Ħatra kkunsidrat, dejjem skont it-termini tad-deċiżjoni li tiċħad l-ilment, “li kellha l-assigurazzjoni li l-Kumitat tal-Invalidità kien ħa ħsieb illi fir-rapport tiegħu jispjega r-raġunijiet li għalihom ħass, mill-perspettiva medika, li ma setax jiġi rrikonoxxut illi l-invalidità tar-rikorrent kienet ikkaġunata, anki parzjalment, mix-xogħol, skont il-ħames paragrafu tal-Artikolu 78 tar-Regolamenti tal-Persunalˮ. Id-deċiżjoni li tiċħad l-ilment speċifikat ukoll illi t-tabib T. irrisponda lill-Awtorità tal-Ħatra, f’data mhux speċifikata, li “l-konklużjonijiet tal-Kumitat tal-Invalidità li l-kawża tal-invalidità ma kinitx tirriżulta minn mard ikkaġunat mix-xogħol kienu sostnuti minn informazzjoni medika u amministrattiva li kienet tifforma parti mill-fajl mediku tal-persuna kkonċernata, jiġifieri: studju kliniku tal-każ u ta’ preċedenti mediċi tar-rikorrent; konklużjonijiet mediċi personali ta’ tobba; l-istudju ta’ rapporti mediċi, ta’ riżultati ta’ esperti u ta’ testijiet speċjalizzati; l-analiżi ta’ dokumenti uffiċjali amministrattiviˮ.

83      Madankollu, minkejja r-risposta mogħtija lill-Awtorità tal-Ħatra mit-tabib T., risposta li, kif għadu kemm tfakkar, hija msemmija fid-deċiżjoni li tiċħad l-ilment, għandu jiġi kkonstatat li l-informazzjoni kollha medika u, ħlief għal xi eċċezzjoni, id-dokumenti amministrattivi kollha msemmija mit-tabib T. isostnu, bil-kontenut tagħhom, il-konklużjoni inversa li l-mard li minnu tirriżulta l-invalidità tar-rikorrent kien ikkaġunat mix-xogħol.

84      F’dan ir-rigward, il-konstatazzjonijiet fattwali li abbażi tagħhom tista’ ssir tali konklużjoni huma tlieta.

85      Qabel xejn, għandu jitfakkar li, meta l-Kumitat tal-Invalidità huwa adit bi kwistjonijiet mediċi kumplessi li għandhom rabta ta’ każwalità bejn l-invalidità li għandha l-persuna kkonċernata u l-eżerċizzju tal-attività professjonali fi ħdan istituzzjoni, huwa għandu, b’mod partikolari, jindika d-dokumenti fil-fajl li fuqhom huwa jistrieħ u jispeċifika, f’każ ta’ diverġenza sinjifikattiva, ir-raġunijiet li għalihom huwa warrab ċerti rapporti mediċi, preċedenti u rilevanti, iktar favorevoli għall-persuna kkonċernata (sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Diċembru 1999, Latino vs Il-Kummissjoni, T‑300/97, punti 77 u 78; sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-11 ta’ Mejju 2011, J vs Il-Kummissjoni, F‑53/09, punt 92, u l-ġurisprudenza ċċitata).

86      Barra minn hekk, anki jekk Kumitat tal-Invalidità, adit bl-applikazzjoni tal-Artikolu 78 tar-Regolamenti tal-Persunal, jista’ jasal għal konklużjonijiet differenti minn dawk adottati mill-kumitat mediku adit bis-saħħa tal-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal (sentenza J vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 56 sa 61), xorta jibqa’ l-fatt li, meta, bħal f’dan il-każ, il-Kumitat tal-Invalidità adit bil-każ tal-persuna kkonċernata xtaq jilħaq ir-riżultat tal-proċedura li saret bis-saħħa tal-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal, għandu l-obbligu li jesponi r-raġunijiet li wassluh sabiex iwarrab l-evalwazzjonijiet li jinsabu fir-rapporti mediċi li kienu ppermettew ir-rikonoxximent li l-marda hija kkaġunata mix-xogħol skont l-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal u jindika l-imsemmija raġunijiet, b’mod ċar u komprensibbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-14 ta’ Settembru 2010, AE vs Il-Kummissjoni, F‑79/09, punti 66, 67 u 72), kemm fil-konklużjonijiet tiegħu mibgħuta lill-Awtorità tal-Ħatra, kif ukoll fir-rapport mediku sommarju eventwalment redatt minnu.

87      F’dan il-każ, u hija l-ewwel waħda mit-tliet konstatazzjonijiet fattwali li tippermetti li jiġi ddikjarat li l-informazzjoni medika u d-dokumenti amministrattivi msemmija mit-tabib T. huma l-bażi tal-konklużjoni li l-mard li minnu tirriżulta l-invalidità tar-rikorrent huwa kkaġunat mix-xogħol — mill-proċess sottomess lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jirriżulta li r-rapporti mediċi eżaminati fil-kuntest tal-proċedura mibdija skont l-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal u li l-Kumitat tal-Invalidità kellu meta adotta l-konklużjonijiet tagħha tat-2 ta’ Lulju 2010 dwar il-kawża tal-invalidità, jiġifieri mill-inqas għaxar rapporti mediċi (jiġifieri r-rapporti tal-isptar tas-16 ta’ Jannar 2006, ir-rapport tal-professur D.M tas-16 ta’ Ottubru 2006, ir-rapport tat-tabib Ra. tas-26 ta’ Ottubru 2006, ir-rapport tat-tabib tal-PMO tat-8 ta’ Mejju 2008, ir-rapport tat-tabib Ra. tat-18 ta’ Settembru 2008, il-konklużjonijiet tat-tabib tal-PMO tal-20 ta’ Novembru 2008, ir-rapport tat-tabib D. tat-12 ta’ Awwissu 2009, ir-rapport tat-tabib Me. tas-17 ta’ Ottubru 2009, ir-rapport tat-tabib Re. tat-3 ta’ Novembru 2009 u l-konklużjonijiet tat-tabib tal-PMO tal-11 ta’ Frar 2010) urew, sabiex insemmu biss xi estratti minnhom bħala eżempju, li r-rikorrent kien suġġett għal twarrib intenzjonali u organizzat, trattament ħażin, kunflitt professjonali li wassal għal burn out, kundizzjonijiet tax-xogħol psikoloġikament diffiċli, frustrazzjonijiet u kunflitt amministrattiv sinjifikattiv ekwivalenti għal fastidju psikoloġiku.

88      Meta mqabbla mal-konstatazzjonijiet li jinsabu fir-rapporti mediċi msemmija fil-punt preċedenti, hemm lok li jiġi rrilevat li l-Kumitat tal-Invalidità, fir-rapport tiegħu, jiddikjara, minn naħa waħda, li l-konklużjonijiet tat-tabib tal-PMO tal-20 ta’ Novembru 2008 u tal-11 ta’ Frar 2010 kienu juru li “l-aċċettazzjoni tal-kawża tal-invaliditàˮ skont l-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal “kienet ibbażata biss fuq x’qal il-pazjentˮ, u min-naħa l-oħra, li “fl-ittestjar psikoloġiku, permezz ta’ test minn perspettiva oġġettiva tas-sintomi, il-livelli kliniċi kienu jidhru li huma kollha superjuri ħafna għan-normalità, li kien każ b’suspett kbir ta’ nuqqas ta’ sinċeritàˮ.

89      Madankollu, id-dikjarazzjoni li r-rikonoxximent mill-PMO li l-marda tar-rikorrent kienet ikkaġunata mix-xogħol kien ibbażat fuq “x’qal il-pazjentˮ, anki jekk fondata, xorta ma twassalx sabiex ikun mifhum għaliex il-Kumitat tal-Invalidità warrab għaxar rapporti mediċi preċedenti, u fuq kollox lanqas fuq liema elementi huwa bbaża ruħu sabiex jiddikjara li, minkejja r-rapporti mediċi u amministrattivi għad-dispożizzjoni tiegħu, l-invalidità tar-rikorrent ma kinitx ikkaġunata mix-xogħol (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Diċembru 1999, Nardone vs Il-Kummissjoni, T‑27/98, punti 95 sa 98, u tas-27 Ġunju 2000, Plug vs Il-Kummissjoni, T‑47/97, punti 117 u 118).

90      Barra minn hekk, id-dikjarazzjoni li “fl-ittestjar psikoloġiku, permezz ta’ test minn perspettiva oġġettiva tas-sintomi, il-livelli kliniċi kienu jidhru li huma kollha superjuri ħafna għan-normalitàˮ, u li “kien każ b’suspett kbir ta’ nuqqas ta’ sinċeritàˮ tidher ambigwa u diffiċli tinftiehem.

91      Li kieku kien hemm bżonn li jiġi dedott, skont l-awturi tar-rapport tal-Kumitat tal-Invalidità, illi r-rikorrent gideb jew esaġera dwar is-sintomi tiegħu u għalhekk irnexxielu jqarraq bil-viġilanza ta’ numru ta’ esperti u ffalsifika r-riżultati ta’ diversi testijiet psikoloġiċi, kellu jiġi kkonstatat li tali dikjarazzjoni xorta ma tispjegax għaliex il-Kumitat tal-Invalidità wasal għall-konklużjoni li l-invalidità ma setgħetx kienet ikkaġunata mix-xogħol, anki parzjalment (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-27 ta’ Frar 1992, Plug vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 81, u O vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 70 u 73; is-sentenza J vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 93). Fi kwalunkwe każ, jekk dan kien is-sens ta’ din is-sentenza, din tikkontradixxi l-minuti tat-23 ta’ Mejju 2007, li jipprovdu li “l-aspetti ddettaljati tal-personalità tar-rikorrent joħorġu waqt l-ittestjar psikoloġiku permezz ta’ test minn perspettiva oġġettiva tas-sintomi; il-livelli ta’ validità juru l-kollaborazzjoni sinċiera tiegħu; il-livelli sintomatiċi, kollha għoljin, huma sinjifikattivi ħafna fil-qasam tal-psikożiˮ.

92      Jekk min-naħa l-oħra, minn din id-dikjarazzjoni kellu jiġi dedott li, skont il-Kumitat tal-Invalidità, ir-riżultati tat-test psikoloġiku li sar fuq ir-rikorrent ma kinux ta’ min joqgħod fuqhom, allura għandu jiġi rrilevat li, fil-preżenza ta’ għaxar rapporti mediċi preċedenti u ta’ diversi dokumenti uffiċjali konkordanti, illi barra minn hekk intalbu espressament mill-Kumitat tal-Invalidità qabel ma seta’ jiddeċiedi dwar jekk l-invalidità tar-rikorrent kinitx ġiet ikkaġunata mix-xogħol, kien il-Kumitat tal-Invalidità li kellu jiżgura li kellu għad-dispożizzjoni tiegħu l-informazzjoni kollha neċessarja sabiex iwettaq il-ħidma tiegħu u, b’mod partikolari, jitlob li jerġa’ jsir test psikoloġiku ġdid (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Latino vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 70). Madankollu, il-Kumitat tal-Invalidità ma talab l-ebda test psikoloġiku kumplimentari.

93      Id-dikjarazzjoni tal-Kumitat tal-Invalidità li “kien każ b’suspett kbir ta’ nuqqas ta’ sinċeritàˮ tibqa’ għalhekk ambigwa, diffiċilment tinftiehem u kontradittorja u, minħabba f’hekk, ma tippermettix lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jivverifika l-eżistenza ta’ rabta komprensibbli bejn il-konstatazzjonijiet mediċi tal-Kumitat tal-Invalidità u l-konklużjonijiet tiegħu, u lanqas li jiġu evalwati l-kunsiderazzjonijiet li abbażi tagħhom dawn il-konklużjonijiet huma fondati.

94      Barra minn hekk, fir-rigward tal-kunsiderazzjoni, li tinsab fir-rapport tal-Kumitat tal-Invalidità li “l-anteċedenti psikopatoloġiċi tar-rikorrent kienu dehru ferm qabel ma kien jokkupa l-funzjoni ta’ awditur internˮ, għandu jiġi kkonstatat — u din hija t-tieni mit-tliet konstatazzjonijiet fattwali li jippermettu li jiġi ddikjarat li l-informazzjoni medika u d-dokumenti amministrattiva msemmija mit-tabib T. fir-risposta tiegħu lill-Awtorità tal-Ħatra jsostnu l-konklużjoni li l-mard li minnu tirriżulta l-invalidità tar-rikorrent huwa kkaġunat mix-xogħol — li tali kunsiderazzjoni ttieħdet mingħajr ma saret xi analiżi jew konklużjoni u li, fi kwalunkwe każ, din ma hijiex biżżejjed sabiex tispjega għalfejn id-diversi analiżi mediċi u l-fatti li jinsabu fir-rapporti mediċi u amministrattivi ma setgħux isostnu l-konklużjoni li l-invalidità tar-rikorrent kienet ikkaġunata, totalment jew in parti, mix-xogħol.

95      Sussegwentement, li kieku din is-sentenza kellha tinftiehem bħala li r-rikorrent kien diġà kellu invalidità qabel ma beda l-funzjonijiet tiegħu ta’ awditur intern, din il-konstatazzjoni waħedha ma hijiex biżżejjed sabiex jiġi kkunsidrat, waqt l-eżami dwar il-kawża tal-invalidità tar-rikorrent, dwar jekk il-marda kinitx ikkaġunata mix-xogħol, skont l-Artikolu 78 tar-Regolamenti tal-Persunal, peress li l-mard ikkaġunat mix-xogħol seta’ jikkonsisti f’aggravazzjoni ta’ mard preeżistenti li kien ikkaġunat minn xi ħaġa oħra (sentenza O vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 67 u 68).

96      F’dak li jirrigwarda, finalment, it-tielet konstatazzjoni fattwali, il-Kumitat tal-Invalidità jiċċita estratt mir-riżoluzzjoni tal-Parlament dwar il-kwittanza li kienet tirrapporta speċifikament il-“fastidju individwali u istituzzjonaliˮ li għalih kien issuġġettat ir-rikorrent, iżda ma jagħti l-ebda analiżi u ma jiġbed l-ebda konklużjoni minnha. Issa, f’każ, bħal dak inkwistjoni f’din il-kawża, fejn hemm riferiment għal kunflitt professjonali bejn ir-rikorrent u s-superjuri tiegħu kif ukoll ambjent tax-xogħol ostili għalih, mhux biss f’għaxar rapport mediċi iżda wkoll fi tliet dokumenti uffiċjali maħruġin mill-istituzzjonijiet jew minn organi ta’ stħarriġ esterni, bħar-riżoluzzjoni tal-kwittanza tal-Parlament, ir-rapport tal-KKB u r-rapport tal-OLAF — minkejja li ġeneralment huwa diffiċli li tipproduċi provi bil-miktub sabiex turi l-eżistenza ta’ trattament ħażin mingħand is-superjuri — kien il-Kumitat tal-Invalidità li kellu jimmotiva b’mod ċar u preċiż id-deċiżjoni tiegħu li ma jikkunsidrax dawn il-provi hawn fuq imsemmija, li ma kienx il-każ fil-kawża inkwistjoni.

97      Finalment, mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, minn naħa waħda, il-Kumitat tal-Invalidità ma tax spjegazzjonijiet b’mod suffiċjenti fid-dritt, dwar ir-raġunijiet li wassluh sabiex iwarrab ir-rapporti mediċi preċedenti li kienu juru biċ-ċar li l-marda tar-rikorrent kienet ikkaġunata mix-xogħol tar-rikorrent u, min-naħa l-oħra, li huwa xorta waħda ma spjegax suffiċjentement għal-liema raġunijiet il-kawża tal-invalidità tar-rikorrent ma setgħetx tkun ix-xogħol, anki jekk parzjalment. F’dan ir-rigward, il-Kumitat tal-Invalidità ma ta l-ebda spjegazzjoni dwar il-fatt li huwa ma kkunsidrax ir-riżoluzzjoni tal-Parlament dwar il-kwittanza, anki jekk din kienet tirreferi għal kunflitt professjonali gravi u “fastidjuˮ fil-konfront tar-rikorrent.

98      Għalhekk, peress li ma ġietx stabbilita rabta komprensibbli bejn il-konstatazzjonijiet mediċi tal-Kumitat tal-Invalidità u l-konklużjonijiet tat-2 ta’ Lulju 2010 dwar il-kawża tal-invalidità, ir-rapport tal-Kumitat tal-Invalidità ma fihx motivazzjoni biżżejjed f’dan ir-rigward kemm fil-konklużjonijiet hawn fuq imsemmija mibgħuta lill-Awtorità tal-Ħatra kif ukoll fid-deċiżjoni kkontestata. Għalhekk, l-ewwel parti tat-tieni motiv għandha tiġi milqugħa.

 Fuq it-tieni parti tat-tieni motiv, ibbażata fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni

–       L-argumenti tal-partijiet

99      Ir-rikorrent iqis li l-evalwazzjoni li saret fir-rapport tal-Kumitat tal-Invalidità li “l-aċċettazzjoni li l-kawża kienet ix-xogħol [fil-kuntest tar-rikonoxximent li l-marda kienet ikkaġunata mix-xogħol skont l-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal] kienet ibbażata biss fuq x’qal il-pazjentˮ hija manifestament żbaljata. Min-naħa l-oħra, il-konklużjonijiet tat-tabib tal-PMO huma bbażati fuq rapporti mediċi u dokumenti uffiċjali.

100    Barra minn hekk, id-dikjarazzjonijiet tal-Kumitat tal-Invalidità li r-rikorrent ma kienx “f’pożizzjoni li jispjega b’mod ċar lill-OLAF x’tip ta’ pressjoni huwa ħass li kien suġġett għalihaˮ huma manifestament żbaljati. Bl-istess mod, id-dikjarazzjonijiet tal-Kumitat tal-Invalidità li “wara li qraw ir-rapport tal-OLAF, il-membri tal-Kumitat tal-Invalidità kkonstataw li dan ir-rapport ma kien fih l-ebda deskrizzjoni ta’ theddid, ta’ atti ta’ intimidazzjoni jew ta’ fastidju fil-konfront tar-rikorrentˮ u li “matul l-inkjesta amministrattiva interna, ir-rikorrent ma ta ebda eżempju tal-fatti li tagħhom huwa kien vittma, minkejja l-insistenzi verbali tal-investigaturiˮ kienu interpretazzjoni manifestament żbaljata ta’ partijiet mill-fajl amministrattiv u mediku. Ir-rapport tal-OLAF mhux sempliċement jikkwota d-dikjarazzjonijiet tar-rikorrent, iżda jikkonstata l-atti ta’ fastidju u ta’ intimidazzjoni fil-konfront tiegħu. Ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-kwittanza, li hija att li għandha effetti ġuridiċi vinkolanti, talbet lill-Kumitat tar-Reġjuni sabiex jiskuża ruħu mar-rikorrent u jipproteġih mill-atti ta’ fastidju. Fil-fatt, il-Parlament ipproċeda b’inkjesta tiegħu stess, bil-ħidma tal-KKB, u eżamina l-każ. Ir-rikorrent jenfasizza li tali riżoluzzjoni tikkostitwixxi tal-inqas wieħed mill-elementi li juru l-kundizzjonijiet tax-xogħol irregolari u kunflittwali ħafna li għalihom kien suġġett.

101    Il-Kumitat tar-Reġjuni jsostni li r-rapport tal-OLAF ma kienx intiż sabiex jikkonstata l-eżistenza tal-fatti dwar il-fastidju psikoloġiku kontra r-rikorrent, iżda li jinvestiga dwar l-allegati irregolaritajiet finanzjarji għad-detriment tal-baġit tal-Unjoni. Iċ-ċitazzjonijiet meħuda mir-rapport tal-OLAF u invokati mir-rikorrent ma jurux l-eżistenza ta’ atti ta’ intimidazzjoni jew ta’ fastidju fil-konfront tiegħu. Ir-rapport kien fih kritika ġenerali tal-attitudni tal-Kumitat tar-Reġjuni fil-konfront tal-eżerċizzju tal-ħidma tal-kontrollur finanzjarju u tan-nuqqas ta’ appoġġ mill-Kumitat tar-Reġjuni lir-rikorrent.

102    Il-Kumitat tar-Reġjuni jsostni li r-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-kwittanza ma hijiex vinkolanti u ma tistax tagħti spjegazzjonijiet konkreti, preċiżi u konkordanti dwar ir-rabta bejn il-mard ikkaġunat mix-xogħol u l-invalidità. Madankollu, il-Kumitat tar-Reġjuni jammetti li r-riżoluzzjoni tal-Parlament dwar il-kwittanza tinkludi kritika espliċita dwar in-nuqqas tar-rispett tar-rwol istituzzjonali tal-kontrollur finanzjarju.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku

103    L-ewwel nett għandu jitfakkar illi, fir-rigward tal-istħarriġ ġudizzjarju limitat li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku għandu jeżerċita meta jkun hemm evalwazzjonijiet mediċi fihom infushom, ma għandhiex tiġi aċċettata kritika bbażata fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni li jivvizzja l-parir tal-Kumitat tal-Invalidità (sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-14 ta’ Settembru 2011, Hecq vs Il-Kummissjoni, F‑47/10, punt 45, u l-ġurisprudenza ċċitata).

104    Wara li tfakkret din ir-regola, mir-rapport tal-Kumitat tal-Invalidità jirriżulta li, wara li “ħa konjizzjoni tal-konklużjonijiet tat-tabib J., tabib tal-PMO, tal-20 ta’ Novembru 2008 u [...] tal-11 ta’ Frar 2010 li fihom ġiet ikkonfermata, skont l-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal, il-preżenza ta’ mard ikkaġunat mix-xogħol b’invalidità permanenti ta’ 10 %”, il-Kumitat tal-Invalidità qies illi “l-eżami ta’ dawn id-dokumenti kien wera li l-aċċettazzjoni li l-kawża tal-invalidità kienet ix-xogħol kienet ibbażata biss fuq x’qal il-pazjentˮ, fejn “il-fatti huma ppreżentati b’mod suġġettiv u favur il-pożizzjoni tiegħuˮ.

105    Il-kunsiderazzjoni li l-aċċettazzjoni tal-PMO li l-marda kienet ikkaġunata mix-xogħol hija “ibbażata biss fuq x’qal il-pazjentˮ ma hijiex, skont il-ġurisprudenza, evalwazzjoni medika fiha nnifisha u tista’ għalhekk tiġi sottomessa għall-istħarriġ ġudizzjarju dwar il-portata tagħha fuq livell amministrattiv (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Hecq vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 96, 99 u 112).

106    F’dan ir-rigward, ma hemmx dubju li l-konklużjonijiet tat-tabib tal-PMO tal-20 ta’ Novembru 2008 u tal-11 ta’ Frar 2010 ma jibbażawx l-aċċettazzjoni li l-marda kienet ikkaġunata mix-xogħol fis-sens tal-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal sempliċement fuq kliem ir-rikorrent. Dawn il-konklużjonijiet huma bbażati, għall-kuntrarju, fuq ir-rikonoxximent li l-marda kienet ikkaġunata mix-xogħol minn naħa, fuq sensiela ta’ rapporti mediċi u, min-naħa l-oħra, fuq dokumenti uffiċjali li jinsabu fil-fajl tar-rikorrent.

107    B’hekk, l-ewwel nett, il-konklużjonijiet tat-tabib tal-PMO tal-20 ta’ Novembru 2008, li jirrikonoxxu l-eżistenza ta’ mard ikkaġunat mix-xogħol, ġew adottati abbażi ta’ rapport tal-istess tabib iddatat 8 ta’ Mejju 2008 u ta’ parir psikjatriku li sar, fuq talba tiegħu, mit-tabib Ra. fit-18 ta’ Settembru 2008, intiż speċifikament sabiex “tiġi rrappurtata b’mod oġġettiv is-sitwazzjoni psikoloġikaˮ tar-rikorrent u “tiġi kkonfermata jekk is-sitwazzjoni reali kinitx relatata mal-attivitajiet professjonaliˮ. Barra minn hekk, fir-rapport tiegħu tat-8 ta’ Mejju 2008, it-tabib tal-PMO jsemmi sitt rapporti mediċi oħra li jinsabu fil-fajl tar-rikorrent. Fir-rigward tal-konklużjonijiet tat-tabib tal-PMO tal-11 ta’ Frar 2010, dawn huma bbażati fuq rapport ta’ espert psikoloġiku li sar fit-12 ta’ Awwissu 2009 mit-tabib D., fuq eżami newropsikoloġiku li sar fis-17 ta’ Ottubru 2009 mit-tabib Me. u fuq rapport psikjatriku li sar fit-3 ta’ Novembru 2009 mit-tabib Re., li jikkonstataw l-eżistenza ta’ problemi reazzjonali ma’ kunflitt fuq ix-xogħol.

108    F’dan ir-rigward, fir-rapport tiegħu tat-8 ta’ Mejju 2008, it-tabib tal-PMO jirreferi wkoll għar-riżoluzzjoni tal-Parlament dwar il-kwittanza, li minnha huwa jiċċita numru ta’ estratti, li jirrigwardaw speċifikament il-kunflitt professjonali serju u l-imġiba tal-Kumitat tar-Reġjuni fil-konfront tar-rikorrent. Bl-istess mod, fir-rapport tal-espert psikoloġiku, tat-12 ta’ Awwissu 2009, it-tabib D. jispjega b’mod partikolari li sabiex iħejji r-rapport tiegħu, huwa kkunsidra estratti mir-riżoluzzjoni tal-Parlament dwar il-kwittanza u r-rapport tal-OLAF.

109    Issa, għalkemm il-proċedura miftuħa skont l-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal u li għandha l-għan li tiddetermina li l-marda tar-rikorrent kienet ikkaġunata mix-xogħol hija ġuridikament distinta mill-proċedura miftuħa skont l-Artikolu 78 tar-Regolamenti tal-Persunal sabiex tiddetermina li l-invalidità tar-rikorrent kienet ikkaġunata mix-xogħol, xorta jibqa’ l-fatt li l-fatti li minnhom joriġinaw iż-żewġ proċeduri huma l-istess jew, fi kwalunkwe każ, dawk li jikkonċernaw il-kawża tal-marda neċessarjament jagħmlu parti mill-fatti li jikkonċernaw il-kawża tal-eventwali invalidità.

110    Għaldaqstant, id-dikjarazzjoni li l-aċċettazzjoni li l-marda kienet ikkaġunata mix-xogħol skont l-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal hija bbażata, fil-fatt “biss fuq x’qal il-pazjentˮ, dikjarazzjoni li fuqha jistrieħ ir-rapport tal-Kumitat tal-Invalidità, hija vvizzjata minn żball manifest ta’ evalwazzjoni.

111    Barra minn hekk, meta mqabbla mad-dokumentazzjoni mhux ta’ natura medika li tinsab fil-fajl tar-rikorrent, jiġifieri r-rapport tal-OLAF, ir-riżoluzzjoni tal-Parlament dwar il-kwittanza kif ukoll ir-rapport tal-KKB, kien biss ir-rapport tal-inkjesta amministrattiva li ma jagħmilx riferiment għar-relazzjonijiet kunflittwali bejn ir-rikorrent u s-superjuri tiegħu u lanqas għall-fatti li wasslu sabiex jiġi ddikjarat illi r-rikorrent kien vittma ta’ trattament ħażin, jiġifieri fastidju morali. L-inkjesta amministrattiva, li tagħha l-Kumitat tal-Invalidità jiċċita r-rapport fir-rapport tiegħu stess, kellha l-għan li tivverifika, wara rakkomandazzjoni f’dan is-sens mill-OLAF, jekk kinux issodisfatti l-kundizzjonijiet sabiex tinfetaħ proċedura dixxiplinari kontra diversi membri tal-persunal tal-Kumitat tar-Reġjuni, inkluż fl-ewwel lok, l-ex Segretarju Ġenerali. L-għan ta’ tali inkjesta għalhekk ma kienx sabiex jiġi vverifikat jekk ir-rikorrent kienx vittma ta’ fastidju psikoloġiku, fis-sens tar-Regolamenti tal-Persunal.

112    Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat illi, sabiex iwarrab ir-rapport tal-OLAF, il-Kumitat tal-Invalidità jiddikjara li “minnu jirriżulta, wara qari tiegħu, li r-rikorrent ma kienx f’pożizzjoni li jispjega b’mod ċar lill-OLAF x’tip ta’ pressjoni huwa ħass li kien suġġett għalihaˮ. Din id-dikjarazzjoni tinsab, b’żieda waħda, fir-rapport tal-inkjesta amministrattiva, fejn jintqal li “ir-rikorrent ma kienx f’pożizzjoni jispjega b’mod ċar x’tip ta’ pressjoni kien suġġett għaliha” u mhux fir-rapport tal-OLAF. Fil-fatt, din id-dikjarazzjoni tirreferi għal-laqgħa li s-Segretarju Ġenerali tal-Kumitat tar-Reġjuni l-ġdid kellu mar-rikorrent fit-28 ta’ Jannar 2004, fil-kuntest tal-inkjesta amministrattiva. Barra minn hekk, ir-rikorrent kien irrifjuta li jiffirma l-minuti ta’ din il-laqgħa, filwaqt li kkunsidra din il-laqgħa bħala nulla u qisha qatt ma saret, u ġibed l-attenzjoni li, f’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet tar-rapport tal-inkjesta amministrattiva dwar il-fatti ma kinitx konformi ma’ dawk tar-rapport tal-OLAF.

113    Għaldaqstant, il-Kumitat tal-Invalidità ma setax, mingħajr ma tivvizzja r-rapport tagħha bi żball manifest ta’ evalwazzjoni, jiddikjara li “ir-rikorrent ma kienx f’pożizzjoni li jispjega b’mod ċar lill-OLAF x’tip ta’ pressjoni huwa ħass li kien suġġett għalihaˮ u li “matul l-inkjesta amministrattiva interna, ir-rikorrent ma ta ebda eżempju tal-fatti li tagħhom huwa kien vittma, minkejja l-insistenzi verbali tal-investigaturiˮ minkejja li huwa stabbilit illi, fir-rapport tiegħu, l-OLAF ikkonstata li l-Kumitat tar-Reġjuni kien ipprova jiskoraġġixxi jew jiddistabbilizza lir-rikorrent u li l-Parlament, fir-riżoluzzjoni tiegħu dwar il-kwittanza, kien saħansitra talab lill-Kumitat tar-Reġjuni sabiex jitlob skuża lir-rikorrent minħabba, speċifikament, l-imġiba tiegħu fil-konfront tar-rikorrent.

114    Għaldaqstant, ir-rapport tal-Kumitat tal-Invalidità, f’dak li jirrigwarda t-teħid inkunsiderazzjoni tar-riżoluzzjoni tal-Parlament dwar il-kwittanza u tar-rapport tal-OLAF, dokument li huwa stess kienet talab mingħand l-Awtorità tal-Ħatra qabel ma jieħu pożizzjoni finali dwar il-kawża tal-invalidità tar-rikorrent, huwa vvizzjat minn żball manifest ta’ evalwazzjoni.

115    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għalhekk hemm lok li t-tieni parti tat-tieni motiv tiġi milqugħa wkoll.

 Fuq it-tielet parti tat-tieni motiv, ibbażata fuq interpretazzjoni żbaljata tal-mandat tal-Kumitat tal-Invalidità

–       L-argumenti tal-partijiet

116    Ir-rikorrent isostni li l-Kumitat tal-Invalidità kellu jeżamina l-kundizzjonijiet kollha tax-xogħol tiegħu, inkluż dawk li setgħu jagħtu lok għal atti ta’ fastidju fis-sens mediku tal-kelma, mingħajr ma jkun neċessarjament mitlub jikkonstata, f’termini legali u skont il-kundizzjonijiet stipulati fit-tielet paragrafu tal-Artikolu 12(a) tar-Regolamenti tal-Persunal, l-eżistenza ta’ fastidju psikoloġiku.

117    Ir-rikorrent jispeċifika wkoll illi, peress li x-xogħol tal-Kumitat tal-Invalidità huwa ta’ natura medika, huwa dan il-Kumitat li għandu jiddeċiedi dwar l-eżistenza ta’ rapport dirett bejn l-eżerċizzju tal-funzjonijiet u l-istat ta’ saħħa ta’ uffiċjal. L-esperti mediċi għandhom setgħa diskrezzjonali esklużiva li ma tistax tiġi limitata minn riżultat ta’ inkjesta amministrattiva li taqa’ taħt l-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal. Rapport ta’ inkjesta amministrattiva huwa wieħed mill-elementi li t-tobba jistgħu jikkunsidraw fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħhom, mingħajr il-bżonn li l-kompetenza tagħhom tkun marbuta ma’ dan il-fatt.

118    Il-Kumitat tar-Reġjuni jfakkar illi, fin-nuqqas ta’ kontestazzjoni tad-deċiżjoni li tiċħad it-talba għall-assistenza li saret skont l-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal, l-imsemmija deċiżjoni saret finali. Il-Kumitat tar-Reġjuni għalhekk isostni illi r-rikorrent ma jistax jipprevali ruħu minn kwalifikazzjoni ta’ fastidju fil-kuntest tal-proċedura ta’ rikonoxximent li l-invalidità hija kkaġunata mix-xogħol, skont il-ħames paragrafu tal-Artikolu 78 tar-Regolamenti tal-Persunal, peress li fl-ebda mument ma ġiet rikonoxxuta sitwazzjoni ta’ fastidju fuq livell ġuridiku.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku

119    Peress illi t-tielet parti tat-tieni motiv tista’ titqies li hija bbażata fuq il-fatt illi l-Kumitat tal-Invalidità ma kinitx tirrispetta t-termini tal-mandat tiegħu fir-rigward tal-eżami tal-kawża tal-invalidità tar-rikorrent, fl-ewwel lok għandu jitfakkar illi huwa l-Kumitat tal-Invalidità, fil-kuntest tal-mandat tiegħu, li għandu jagħmel evalwazzjonijiet mediċi u mhux evalwazzjonijiet ta’ natura legali, dwar il-kwistjoni jekk ix-xogħol kienx il-kawża tal-invalidità. Għaldaqstant, huwa l-Kumitat tal-Invalidità li għandu jfittex jekk, mill-perspettiva medika, l-invalidità tar-rikorrent kinitx tirriżulta jew le minn mard ikkaġunat mix-xogħol li l-kawża tiegħu kienet tinsab fil-kundizzjonijiet tax-xogħol tar-rikorrent (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Jannar 1987, Rienzi vs Il-Kummissjoni, 76/84, punti 9 u 12). F’din il-perspettiva, hemm għalhekk lok li jiġi kkonstatat illi l-Kumitat tal-Invalidità kien, fis-sens strett tal-kelma, eżerċita l-missjoni li ngħatat lilu, għaliex, fil-konklużjonijiet tat-2 ta’ Lulju 2010 dwar il-kawża tal-invalidità, huwa ddikjara, b’mod ċert mingħajr kwalifika oħra li l-invalidità tar-rikorrent “ma kinitx tirriżulta minn mard ikkaġunat mix-xogħolˮ (ara l-punt 45 ta’ din is-sentenza).

120    Barra minn hekk, l-ebda parti mill-fajl ma tindika li l-Kumitat tal-Invalidità kien wettaq evalwazzjonijiet ta’ natura legali dwar fatti jew ċirkustanzi marbuta mal-kawża tal-invalidità tar-rikorrent.

121    Għalhekk, it-tielet parti tat-tieni aggravju għandha tiġi miċħuda.

 Fuq ir-raba’ parti tat-tieni motiv, ibbażata fuq interpretazzjoni żbaljata tal-kunċett ta’ mard ikkaġunat mix-xogħol, u fuq il-ksur tal-ħames paragrafu tal-Artikolu 78 tar-Regolamenti tal-Persunal

–       L-argumenti tal-partijiet

122    Ir-rikorrent isostni li għalkemm il-proċeduri u l-għanijiet tal-Artikoli 73 u 78 tar-Regolamenti tal-Persunal huma differenti u li l-esperti mediċi jistgħu jaslu għal konklużjonijiet differenti peress illi huma proċeduri indipendenti, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk il-mard huwiex ikkaġunat mix-xogħol, xorta jibqa’ l-fatt li l-“mard ikkaġunat mix-xogħolˮ huwa ddefinit bl-istess mod fil-kuntest taż-żewġ dispożizzjonijiet. Minn dan jirriżulta li l-Kumitat tal-Invalidità huwa marbut b’din id-definizzjoni.

123    Il-Kumitat tar-Reġjuni jispeċifika li huwa ma jikkontestax illi, skont il-ġurisprudenza, id-definizzjoni tal-kunċett ta’ “mard ikkaġunat mix-xogħolˮ hija l-istess għall-finijiet tal-proċedura tal-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal u għal dik tal-Artikolu 78 tar-Regolamenti tal-Persunal. Madankollu, ir-rikorrent ma jurix li l-konvenuta interpretat ħażin din id-definizzjoni. Barra minn hekk, skont il-Kumitat tar-Reġjuni, peress li ż-żewġ proċeduri kienu differenti, dawn setgħu jwasslu għal deċiżjonijiet distinti, waħda indipendenti mill-oħra.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku

124    Għandu jitfakkar, minn naħa waħda, li l-kunċett ta’ “mard ikkaġunat mix-xogħolˮ użat fl-Artikoli 73 u 78 tar-Regolamenti tal-Persunal, huwa dak użat fl-Artikolu 3 tar-Regolamenti ta’ kopertura u, min-naħa l-oħra, li dan il-kunċett ma għandux ikollu kontenut differenti skont jekk japplikax l-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal jew l-Artikolu 78 tar-Regolamenti tal-Persunal, anki jekk kull waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet tikkonċerna proċedura li għandha l-partikolaritajiet tagħha. Madankollu, dan ma jfissirx illi l-Kumitat Mediku previst mir-Regolamenti ta’ kopertura huwa marbut bl-evalwazzjonijiet tal-Kumitat tal-Invalidità kkostitwit skont l-Artikolu 78 tar-Regolamenti tal-Persunal u vice versa. Iż-żewġ proċeduri jistgħu leġittimament iwasslu għal riżultati mediċi differenti fir-rigward tal-istess sitwazzjoni fattwali, u b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk il-marda li għandu l-istess uffiċjal hijiex ikkaġunata mix-xogħol (sentenza J vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 54 sa 56).

125    Konsegwentement, is-sempliċi fatt li hemm diverġenza bejn il-konklużjonijiet adottati skont l-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal u dawk tal-Kumitat tal-Invalidità ma huwiex biżżejjed sabiex juri ksur tal-kunċett ta’ mard ikkaġunat mix-xogħol (sentenza J vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 61).

126    Peress li r-rikorrent, essenzjalment, invoka biss id-diverġenza bejn il-konklużjonijiet adottati skont l-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal u dawk tal-Kumitat tal-Invalidità insostenn tal-motiv ibbażat fuq interpretazzjoni żbaljata tal-kunċett ta’ mard ikkaġunat mix-xogħol, hemm lok li r-raba’ parti tat-tieni motiv tiġi miċħuda.

 Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq il-ksur tad-dmir tal-premura, l-eżistenza ta’ użu ħażin ta’ poter u l-irregolarità proċedurali

 L-argumenti tal-partijiet

127    Ir-rikorrent isostni li l-proċedura li wasslet għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata hija irregolari minħabba, fl-ewwel lok, in-nuqqas ta’ osservanza ta’ terminu raġonevoli bejn l-adozzjoni mill-Kumitat tal-Invalidità tal-konklużjonijiet tat-23 ta’ Mejju 2007 dwar l-eżistenza ta’ invalidità u l-adozzjoni mill-Awtorità tal-Ħatra, fl-10 ta’ Settembru 2010, tad-deċiżjoni kkontestata. Il-Kumitat tal-Invalidità ma kellu l-ebda raġuni għalfejn jistenna d-deċiżjoni dwar il-perċentwali ta’ invalidità fis-sens tal-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal, adottata mill-PMO fit-2 ta’ Marzu 2010, peress li d-deċiżjoni li l-marda hija kkaġunata mix-xogħol fis-sens tal-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal kienet ġiet adottata mill-PMO fid-9 ta’ Jannar 2009.

128    Fit-tieni lok, il-proċedura segwita mill-Kummissjoni tal-Invalidità hija irregolari minħabba l-interventi tat-tabib T. fil-kuntest tal-proċedura tar-rikonoxximent li l-marda hija kkaġunata mix-xogħol fis-sens tal-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal, interventi intiżi sabiex il-fatt li l-marda hija kkaġunata mix-xogħol ma jiġix irrikonoxxut. Tali mġiba turi li t-tabib T. żamm ma’ parti minnhom u li kien hemm nuqqas ta’ imparzjalità fil-kuntest tal-ħidma tal-Kumitat tal-Invalidità.

129    Fit-tielet lok, it-tielet tabib, it-tabib O., bagħat xi mistoqsijiet lit-tabib T., għall-attenzjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni, li kienu jirrigwardaw xi aspetti tal-fajl li r-rikorrent xtaq isostni permezz ta’ dokumenti sa mill-ewwel laqgħa tagħhom u li t-tabib O. kien irrifjuta li jieħu konjizzjoni tagħhom. Il-mistoqsijiet magħmula, barra minn hekk, kienu ġew indirizzati.

130    Finalment, ir-rikorrent isostni li huwa ma bbenefika mill-ebda premura min-naħa tal-Awtorità tal-Ħatra. Minkejja li l-Awtorità tal-Ħatra kienet ġiet informata dwar l-irregolaritajiet tal-proċedura quddiem il-Kumitat tal-Invalidità, kif deskritti fil-punti 127 sa 129 ta’ din is-sentenza, l-Awtorità tal-Ħatra ma intervjenietx u hija stess ikkontribwixxiet għal dawn l-irregolaritajiet.

131    Għal dawn ir-raġunijiet, l-Awtorità tal-Ħatra kkommettiet użu ħażin ta’ poter.

132    Il-Kumitat tar-Reġjuni jqis, min-naħa tiegħu, li r-rikorrent ikkontribwixxa sostanzjalment għat-tul tal-proċedura li, fi kwalunkwe każ, ma kienx irraġonevoli. Il-Kumitat tal-Invalidità seta’ faċilment jistenna t-tmiem tal-proċedura mibdija bis-saħħa tal-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal, intiża sabiex tistabbilixxi l-perċentwali ta’ invalidità, li kien iffissat f’Marzu 2010. Barra minn hekk, eventwali dewmien eċċessiv ma għandux jinfluwenza l-kontenut tal-parir tal-Kumitat tal-Invalidità.

133    Il-Kumitat tar-Reġjuni jikkunsidra, barra minn hekk, li l-proċedura ta’ rikonoxximent li l-marda hija kkaġunata mix-xogħol fis-sens tal-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal ma taqax taħt din il-kawża u li xejn ma juri li t-tabib T. ikkommetta irregolaritajiet fil-kuntest tal-ħidma tal-Kumitat tal-Invalidità.

134    Finalment, it-tabib O. ma għamel xejn ħlief utilizza d-dritt ta’ kull membru tal-Kumitat tal-Invalidità li jitlob iktar informazzjoni.

 Il-kunsiderazzjonijiet tat-Tribunal għas-Servizzi Pubbliku

135    Fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li l-obbligu li jiġi osservat terminu raġonevoli fit-tmexxija tal-proċeduri amministrattivi jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni li tiegħu l-qrati jiżguraw l-osservanza u li huwa meqjus bħala komponenti tad-dritt għal amministrazzjoni tajba taħt l-Artikolu 41(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-11 ta’ April 2006, Angeletti vs Il-Kummissjoni, T‑394/03, punt 162, u tal-Qorti Ġenerali tas-6 ta’ Diċembru 2012, Füller-Tomlinson vs Il-Parlament, T‑390/10 P, punt 115).

136    Madankollu, il-ksur tal-prinċipju ta’ osservanza ta’ terminu raġonevoli, jekk jitqies li huwa stabbilit, ma jiġġustifikax l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata għal nuqqas proċedurali. Fil-fatt, eventwali dewmien eċċessiv sabiex tiġi ttrattata t-talba ppreżentata mir-rikorrent sabiex jiġi rrikonoxxut illi l-marda hija kkaġunata mix-xogħol fis-sens tal-Artikolu 78 tar-Regolamenti tal-Persunal ma għandux, fil-prinċipju, ikollu effett fuq il-kontenut stess tal-opinjoni tal-Kumitat tal-Invalidità u lanqas fuq id-deċiżjoni finali adottata mill-Awtorità tal-Ħatra. Fil-fatt, tali dewmien ma għandux, ħlief f’sitwazzjoni eċċezzjonali, jimmodifika l-evalwazzjoni, mill-Kumitat tal-Invalidità, dwar il-fatt li l-invalidità hija kkaġunata mix-xogħol fis-sens tal-Artikolu 78 tar-Regolamenti tal-Persunal (sentenza J vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 113 sa 116, u l-ġurisprudenza ċċitata). Jekk huwa veru li t-tul ta’ proċedura medika jista’ jkollu effett fuq l-evalwazzjoni tal-gravità u tal-konsegwenzi ta’ patoloġija u li jagħmel iktar diffiċli l-eżami tal-etjoloġija tagħha (sentenza AE vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 102), f’dan il-każ ma huwiex stabbilit u lanqas allegat li t-tul eċċessiv tal-proċedura affettwa l-mertu fid-dawl ta’ liema l-Kumitat tal-Invalidità ta l-konklużjonijiet tiegħu. Id-dewmien eċċessiv taż-żmien, anki jekk ikun ikkonstatat, ma jistax jaffettwa l-legalità tal-konklużjonijiet tal-Kumitat tal-Invalidità, u lanqas, konsegwentement, dik tad-deċiżjoni kkontestata.

137    Konsegwentement, l-ilment ibbażat fuq nuqqas ta’ osservanza ta’ terminu raġonevoli, li ġie ssollevat biss insostenn tat-talbiet għall-annullament, għandu jiġi miċħud.

138    Fit-tieni lok, l-ebda parti mill-fajl ma turi li l-interventi tat-tabib T. kienu intiżi sabiex ma jiġix rikonoxxut illi l-marda tar-rikorrent kienet ikkaġunata mix-xogħol fis-sens tal-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal.

139    Fit-tielet lok, għalkemm huwa veru li mid-dokumenti tal-fajl jirriżulta li, matul l-ewwel laqgħa mar-rikorrent, it-tabib O. ma riedx jieħu konjizzjoni ta’ ċerti dokumenti uffiċjali li r-rikorrent kellu l-ħsieb jissottometti lill-Kumitat tal-Invalidità, b’mod partikolari, ir-rapport tal-OLAF u r-riżoluzzjoni tal-Parlament dwar il-kwittanza, dan il-fatt biss ma huwiex tali li jivvizzja l-proċedura b’irregolarità. Huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li mir-rapport tal-Kumitat tal-Invalidità jirriżulta li din finalment ħadet konjizzjoni tar-rapport tal-OLAF u tar-riżoluzzjoni tal-Parlament dwar il-kwittanza. Dwar il-mistoqsijiet magħmula mit-tabib O. lill-Kumitat tar-Reġjuni, xejn ma juri li dawn ġew indirizzati.

140    Fl-aħħar lok, għandu jiġi kkonstatat illi l-ilmenti bbażati, minn naħa waħda, fuq ksur tad-dmir ta’ premura u, min-naħa l-oħra, fuq l-eżistenza ta’ użu ħażin ta’ poter, jistrieħu fuq l-istess argumenti bħal dawk li ġew miċħuda fil-kuntest tal-eżami tal-ewwel ilment ta’ dan il-motiv kif ukoll fil-kuntest tal-eżami tal-ewwel motiv u għandhom, għalhekk, jiġu miċħuda bħala infondati.

141    Konsegwentement, it-tielet motiv, ibbażat fuq il-ksur tad-dmir ta’ premura, l-eżistenza ta’ użu ħażin tal-poter u ta’ irregolarità proċedurali, għandu jiġi miċħud bħala infondat.

142    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-ewwel u t-tieni parti tat-tieni motiv ġew milqugħa. Għaldaqstant, id-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata.

3.     Dwar it-talbiet għall-kumpens tad-danni morali

 L-argumenti tal-partijiet

143    Ir-rikorrent isostni li l-illegalitajiet allegati jikkostitwixxu nuqqasijiet fi ħdan il-Kumitat tar-Reġjuni u li, fid-dawl taċ-ċirkustanzi eċċezzjonali ta’ dan il-każ, id-dannu li jirriżulta minnhom ma jistax jiġi rrimedjat bl-annullament tad-deċiżjoni kkontestata. Il-karriera tar-rikorrent, fil-fatt, twaqqfet b’mod mhux mistenni minħabba l-kundizzjonijiet tax-xogħol imposti mill-Kumitat tar-Reġjuni u dan tal-aħħar xorta baqa’ jirrifjuta li jirrikonoxxi li l-invalidità kienet ikkaġunata mix-xogħol. Ir-rapport tal-Kumitat tal-Invalidità ma huwiex imparzjali u t-tabib T., membru nnominat mill-Kumitat tar-Reġjuni fi ħdan il-Kumitat tal-Invalidità, ġab ruħu ħażin.

144    Il-Kumitat tar-Reġjuni jfakkar li d-deċiżjoni li tiċħad it-talba għall-assistenza bis-saħħa tal-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal ma ġietx ikkontestata fit-termini previsti u għalhekk saret definittiva. Barra minn hekk, il-Kumitat tal-Invalidità ma weriex xi parzjalità u l-ħidma tiegħu saret b’mod regolari.

 Il-kunsiderazzjonijiet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku

145    Skont ġurisprudenza stabbilita, l-annullament ta’ att ivvizzjat minn illegalità jista’ jikkostitwixxi fih innifsu r-rimedju adegwat u, fil-prinċipju, suffiċjenti għal kull dannu morali li dan l-att seta’ kkawża, sakemm ir-rikorrent ma jurix li sofra dannu morali li jista’ jiġi sseparat mill-illegalità li fuqha huwa bbażat l-annullament u li ma jistax jiġi rrimedjat b’mod sħiħ permezz ta’ dan l-annullament (sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-14 ta’ Lulju 2011, Petrilli vs Il-Kummissjoni, F‑98/07, punt 28, u l-ġurisprudenza ċċitata).

146    F’din il-kawża, peress li r-rikorrent ma weriex li sofra dannu morali separabbli mill-illegalitajiet li fuqhom huwa bbażat l-annullament u li ma jistax jiġi rrimedjat b’mod sħiħ permezz ta’ dan l-annullament, hemm lok li tiġi miċħuda t-talba tiegħu għal kumpens.

4.     Dwar it-talbiet għall-ħlas tal-ispejjeż marbuta mal-proċedura tal-invalidità u tal-ilment

 L-argumenti tal-partijiet

147    Ir-rikorrent jitlob ir-rimbors tal-ispejjeż marbuta mal-proċedura tal-invalidità, inklużi dawk marbuta mal-ilment, li ma jaqgħux taħt ir-Regolamenti tal-Persunal. Dawn jinvolvi spejjeż ta’ karti u kopji, spejjeż ta’ telefon, posta u faks, kif ukoll spejjeż ta’ vjaġġar minħabba ospitalizzazzjoni fl-Ingilterra. Ir-rikorrent jikkalkola dawn l-ispejjeż fl-ammont ta’ EUR 5 000.

148    Il-Kumitat tar-Reġjuni jqis li tali spejjeż ma humiex rimborsabbli.

 Il-kunsiderazzjonijiet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku

149    Għandu jiġi rrilevat illi r-realtà tal-ispejjeż allegati ma ġietx stabbilita u li ma ġiex sostnut u lanqas muri a fortiori li tali spejjeż kienu jirriżultaw mill-illegalità li tivvizzja d-deċiżjoni kkontestata.

150    Jekk jitqies, sabiex isir raġunament, li b’din it-talba r-rikorrent għandu l-ħsieb jikkontesta d-deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ħatra li tinsab fid-deċiżjoni li tiċħad it-talba li jiġu rimborsati l-ispejjeż relatati mal-proċedura tal-invalidità u tal-ilment, għandu jiġi rrilevat illi tali deċiżjoni ta’ rifjut ma kinitx is-suġġett ta’ ilment fis-sens tal-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal.

151    Minn dan isegwi li din it-talba għandha tiġi miċħuda.

 Fuq l-ispejjeż

152    Skont l-Artikolu 87(1) tar-Regoli tal-Proċedura, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet l-oħra tat-Tmien Kapitolu tat-Tieni Titolu ta’ dawn ir-regoli, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Skont l-Artikolu 87(2), it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jista’ jiddeċiedi, jekk ikun meħtieġ għal raġunijiet ta’ ekwità, li parti telliefa għandha tiġi kkundannata tbati biss parti mill-ispejjeż, jew saħansitra li hija ma għandhiex tiġi kkundannata f’dan ir-rigward.

153    Mir-raġunijiet hawn fuq indikati, jirriżulta li l-Kumitat tar-Reġjuni huwa, essenzjalment, il-parti li tilfet. Barra minn hekk, fit-talbiet tiegħu, ir-rikorrent talab espressament li l-Kumitat tar-Reġjuni jiġi kkundannat għall-ispejjeż. Peress li ċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża ma jiġġustifikawx l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Kumitat tar-Reġjuni għandu jbati l-ispejjeż tiegħu u huwa kkundannat għall-ispejjeż sostnuti mir-rikorrent.

Għal dawn il-motivi,

IT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU

(L-Ewwel Awla)

jaqta’ u jiddeċiedi:

1)      Id-deċiżjoni tal-Bureau tal-Kumitat tar-Reġjuni tal-Unjoni Ewropea, tal-10 ta’ Settembru 2010, li tirrifjuta li tirrikonoxxi li l-marda li minnha tirriżulta l-invalidità ta’ R. McCoy fis-sens tal-ħames paragrafu tal-Artikolu 78 tar-Regolamenti tal-Persunal kienet ikkaġunata mix-xogħol, hija annullata.

2)      Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

3)      Il-Kumitat tar-Reġjuni tal-Unjoni Ewropea għandu jbati l-ispejjeż tiegħu u huwa kkundannat għall-ispejjeż imġarrba minn R. McCoy.

Kreppel

Perillo

Barents

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-7 ta’ Mejju 2013.

W. Hakenberg

 

       H. Kreppel

Reġistratur

 

       President


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.